EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012BP0486

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 – it-Taqsimiet Kollha (17195/2012 – C7-0399/2012 – 2012/2307(BUD))

ĠU C 434, 23.12.2015, p. 192–196 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/192


P7_TA(2012)0486

Baġit ġenerali ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 – it-taqsimiet kollha

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 – it-Taqsimiet Kollha (17195/2012 – C7-0399/2012 – 2012/2307(BUD))

(2015/C 434/34)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew EUCO 76/12 tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012 dwar il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, miftiehem mill-Istati Membri,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2012 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2013 – Taqsima III – Il-Kummissjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-29 ta' Marzu 2012 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2013 (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2013 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill għall-Abbozz ta' Baġit 2013 (7),

wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma laħaqx qbil dwar test konġunt fi żmien il-wieħed u għoxrin ġurnata msemmija fl-Artikolu 314(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ Baġit Ġenerali l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Novembru 2012 (COM(2012)0716),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tas-29 ta' Novembru 2012,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ Baġit Ġenerali l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottata mill-Kunsill fis-6 ta’ Diċembru 2012 u mgħoddija lill-Parlament dakinhar stess (17195/2012 – C7-0399/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 75b tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0410/2012),

1.

Ifakkar li “l-abbozz ta’ pakkett” miftiehem, wara negozjati diffiċli, mill-Parlament u l-Kunsill matul it-Trilogu tad-29 ta’ Novembru 2012 jikkonsisti fi tliet elementi: il-Baġit Emendatorju Nru 6/2012 ta’ EUR 6 biljun, li parzjalment ikopri n-nuqqas ta’ pagamenti sal-31 ta' Ottubru 2012, il-baġit tal-Unjoni għas-sena 2013 stabbilit għal livell ta’ EUR 1 50  898,391 miljun u EUR 1 32  836,988 miljun, f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u f’approprjazzjonijiet ta’ pagament rispettivament, kif ukoll tliet dikjarazzjonijet konġunti li jiżguraw li l-ħtiġijiet attwali ta’ pagament fl-2012 u l-2013 se jkunu koperti b'mod adegwat;

2.

Jilqa’ l-livell kumplessiv miftiehem ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, li jirrappreżenta żieda ta’ EUR 1,1 biljun meta mqabbel mal-qari oriġinali tal-Kunsill; huwa kuntent li l-ikbar parti tal-prijoritajiet politiċi tiegħu huma żgurati fil-baġit tas-sena d-dieħla, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni xierqa tal-impenn tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi, kif identifikat mill-Istrateġija Ewropa 2020;

3.

Jieħu nota li l-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2013 jonqos bi 2,15 % meta mqabbel mal-Baġit 2012 wara l-adozzjoni ta’ EUR 6 biljun fil-Baġit emendatorju Nru 6/2012;

4.

Jieħu nota li, minħabba l-pożizzjoni intransiġenti tal-Kunsill fin-negozjati, il-livell kumplessiv ta’ pagamenti stabbilit huwa EUR 5 biljun inqas mill-estimi tal-Kummissjoni rigward il-ħtiġijiet ta' pagamenti fl-Abbozz ta' Baġit tagħha għall-2013; huwa mħasseb li dan il-livell ta’ approprjazzjonijiet mhux se jkun biżżejjed biex ikorpi l-pagamenti li realment huma meħtieġa għas-sena d-dieħla u biex jiġi implimentat bil-ħeffa “l-patt għat-tkabbir u l-impjiegi” miftiehem mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2012; huwa konvint, madankollu, li nuqqas ta' fehim jkollu konsegwenzi wisq aktar serji u impatt ħafna aktar negattiv għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-programmi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi rapporti ta' kull xahar lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tat-talbiet għal pagament mill-Istati Membri (imqassma skont l-Istat Membru u skont il-fond) fir-rigward tal-fondi strutturali, il-fond ta' koeżjoni, il-fondi għall-iżvilupp rurali u għas-sajd mill-31 ta' Ottubru 2012 'il quddiem; jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-pagamenti, fejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jippreżentaw konklużjonijiet konġunti dwar kif wieħed għandu jipproċedi;

5.

Jagħti, għaldaqstant, l-ogħla importanza politika għad-dikjarazzjonijiet konġunti annessi ma' din ir-riżoluzzjoni u miftiehema bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; se jissorvelja fil-livelli kollha u bil-mezzi kollha possibbli li dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu rrispettati u li r-riżorsi addizzjonali meħtieġa jiġu pprovduti mill-Istati Membri s-sena d-dieħla sabiex l-Unjoni tkun tista’ tħallas il-kontijiet u tippreserva l-kredibilità u s-solvenza istituzzjonali tagħha;

6.

Jagħmel l-vot favorevoli tiegħu dwar il-Baġit 2013 kondizjonali fuq il-ksib ta' garanziji speċifiċi fl-ogħla livell politiku tat-tliet istituzzjonijiet dwar il-finanzjament ta’ EUR 2,9 biljun f’pagamenti li kienu nieqsa għall-2012, u li bl-ebda mod ma twassal għat-tnaqqis ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2013;

7.

Jerġa’ jsostni li l-uniku mod kif tinstab soluzzjoni għal dan l-impass, li jwassal biex kull sena n-negozjati baġitarji jsiru aktar diffiċli, hu li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-Unjoni tissolva b’urġenza u b’mod responsabbli, permezz ta’ sistema ġenwina ta' riżorsi proprji li għandha tidħol fis-seħħ mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, u li tneħħi darba għal dejjem id-diviżjoni tal-Unjoni bejn kontributuri netti u benefiċjarji netti;

8.

Japprova mingħajr emenda l-Abbozz ta' Baġit il-ġdid għall-2013 kif modifikat mill-Kunsill;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0077.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0109.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2012)0289.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0359.


ANNESS

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI TAT-TLIET ISTITUZZJONIJIET MIFTIEHEMA FIL-KUNTEST TAN-NEGOZJATI DWAR IL-BAĠIT 2013

l-10 ta’ Diċembru 2012

Il-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-President tal-Kummissjoni Ewropea jiddikjaraw li t-tliet dikjarazzjonijiet konġunti hawn isfel inqablu mit-tliet istituzzjonijiet fil-qafas tal-adozzjoni tal-Baġit 2013:

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2013

B’kunsiderazzjoni tal-isforzi li qed isiru fl-Istati Membri għall-konsolidament fiskali, il-l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jieħdu nota tal-livell ta’ pagamenti propost mill-Kummissjoni għall-2013, jaqblu fuq tnaqqis tal-livell ta’ approprjazzjonijiet ta' pagament għall-2013 meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit tal-Kummissjoni. Jitolbu li l-Kummissjoni tagħti bidu għal kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont it-Trattat, u b’mod partikolari, titlob approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali f’baġit emendatorju jekk jirriżulta li l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit 2013 ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-infq taħt is-subintestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi), is-subintestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi), l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali), l-intestatura 3 (Ċittadinanza, libertà, sigurtà u ġustizzja) u l-intestatura 4 (L-UE bħala attur globali).

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iħeġġu lill-Kummissjoni biex, sa mhux aktar tard minn nofs Ottubru 2013, tippreżenta l-aħħar ċifri aġġornati rigward is-sitwazzjoni attwali u l-estimi rigward l-approprjazzjonijiet ta’ pagament taħt is-subintestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi) u l-iżvilupp rurali taħt l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali) u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma konxji li abbozz ta' baġit emendatorju jista' possibbilment ikun meħtieġ sa minn nofs l-2013. Bil-għan li jiffaċilitaw id-deċiżjoni dwar il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jesploraw kif jistgħu, b’ġestjoni konġunta, itejbu l-kongruwenza bejn l-estimi tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament u l-ħtiġijiet korrispondenti.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jieħdu pożizzjoni dwar kwalunkwe abbozz ta' baġit emendatorju malajr kemm jista’ jkun bil-għan li jiġi evitat kull nuqqas fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jimpenjaw ruħhom li jipproċessaw malajr kull trasferiment possibbli ta' approprjazzjonijiet ta’ pagament, inkluż bejn intestaturi tal-qafas finanzjarju, sabiex isir l-aħjar użu possibbli ta' approprjazzjonijiet ta’ pagament imdaħħla fil-baġit u jallinjawhom mal-implimentazzjoni u l-ħtiġijiet attwali.

F' konformita' mal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru fil-ħtieġa li tkun żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha f’relazzjoni mal-approprjazzjonijiet ta' impenn, biex nevitaw kwalunkwe evoluzzjoni mhux normali ta’ impenji pendenti(“RAL”).

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jissorveljaw attivament l-istat tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-2013 matul is-sena, b’attenzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-pagamenti, it-talbiet għar-rifużjonijiet riċevuti u l-previżjonijiet riveduti, abbażi tal-informazzjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni.

F’kull każ, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jfakkru fir-responsabbiltà konġunta tagħhom, kif stabbilita mill-Artikolu 232 tat-TFUE, li “l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jkun hemm disponibbli l-mezzi finanzjarji sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi”.

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-ħtiġijiet ta’ pagament għall-2012

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw li l-livell ta’ pagamenti propost mill-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit tagħha għall-2013 kien imsejjes fuq il-preżunzjoni li l-ħtiġijiet ta’ pagament fl-2012 jkunu ġew indirizzati b’approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit tal-2012. Madankollu, l-approporjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali awtorizzati fil-Baġit Emendatorju 6/2012 tbaxxew b’EUR 2,9 biljun fil-konfront tal-ammont propost mill-Kummissjoni, u mhumiex fil-livell tat-talbiet ta’ pagament kollha riċevuti.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta, fi stadju bikri tal-2013, abbozz ta’ baġit emendatorju ddedikat għall-fini uniku li jkopri t-talbiet sospiżi tal-2012 malli jitneħħew is-sospensjonijiet, kif ukoll l-obligazzjonijiet legali pendenti l-oħra bla preġudizzju għall-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-2013.

Bil-għan li jiżguraw baġitjar tajjeb u akkurat, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jieħdu pożizzjoni fuq dan il-baġit emendatorju mill-aktar fis possibbli biex ikopru kwalunkwe lakuna pendenti.

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Intestatura 5 u l-aġġustament tas-salarji u l-pensjonijiet

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li, f’dan l-istadju, ma jinkludux fil-Baġit 2013 l-impatt baġitarju tal-aġġustament tas-salarji tal-2011. Bla preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kunsill fil-kawżi c-66/12, c-63/12, c-196/12 u c-453/12, jagħmlu talba konġunta lill-Kummisjsoni li din, jekk u malli l-Qorti tiddeċiedi favur il-Kummissjoni, tressaq abbozz ta’ baġit emendatorju ddedikat għall-finanzjament, skont ma jkun meħtieġ, tal-impatt tal-aġġustament tal-2011 għall-istituzzjonijiet, inkluż dak tal-effett retroattiv fuq snin preċedenti u l-interessi ritardati possibbli.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew b’hekk jikkommettu ruħhom li japprovaw tali baġit emendatorju mill-aktar fis possibbli u li jipprovdu l-approporjazzjonijiet addizzjonali meħtieġa bla ma jipperikolaw il-prijoritajiet politiċi.

I-dikjarazzjonijiet ta’ hawn fuq huma miftiehema soġġetti għall-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 314(4)(a), tal-pożizzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-Baġit tal-2013.


Top