Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1672

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Żona Ewropea tar-Riċerka”

    ĠU C 62, 2.3.2013, p. 14–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 62/14


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Żona Ewropea tar-Riċerka”

    2013/C 62/04

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tirreaġixxi fuq talba tal-Kunsill u tipprovdi qafas biex jissaħħu l-isforzi sabiex sal-2014 titlesta, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER)) titlesta;

    jaqbel mal-fehma li l-għarfien huwa l-munita tal-ekonomija l-ġdida. Għalhekk jaqbel li kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ klassi dinjija, imsejsa fuq bażi soda ta’ xjenza pubblika, hija kruċjali biex jinkiseb irkupru ekonomiku dejjiemi u biex tiġi żgurata l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur fil-livell dinji;

    jenfasizza li t-tlestija taż-ŻER hija meħtieġa biex jingħelbu l-frammentazzjoni tar-riċerka fl-Ewropa u l-ostakli nazzjonali u istituzzjonali. Mingħajr l-ebda dubju, din il-frammentazzjoni żżomm lill-Ewropa milli tilħaq il-potenzjal tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni - prezz għoli għall-Ewropej bħala kontributuri tat-taxxa, bħala konsumaturi u bħala ċittadini. F’dan ir-rigward, issa hemm bżonn ta’ iktar għanijiet u għanijiet immirati;

    jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi l-kooperazzjoni interreġjonali fi ħdan l-Orizzont 2020 billi tiżviluppa għodod u inċentivi effettivi. F’dan il-kuntest, il-gvernijiet lokali u l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ta’ appoġġ u koordinazzjoni (iwaqqfu netwerks ta’ riċerka u innovazzjoni, jipprovdu appoġġ tekniku u amministrattiv kif ukoll inċentivi għall-finanzjament mis-settur privat), bil-għan li jippromovu r-riċerka u jagħmlu użu mir-riżultati tal-għarfien u l-innovazzjoni;

    Relatur

    Is-Sur ZAFEIROPOULOS (EL/PPE), Kunsillier tar-Reġjun ta’ Attica

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir

    COM(2012) 392 final

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Żona Ewropea tar-Riċerka

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    A.    Messaġġi ewlenin

    1.

    jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tirreaġixxi fuq talba tal-Kunsill u tipprovdi qafas biex jissaħħu l-isforzi sabiex sal-2014 titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER);

    2.

    jaqbel mal-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2011 u Marzu 2012 li hemm bżonn urġenti li ż-ŻER titwettaq sal-2014;

    3.

    japprezza li l-leġislazzjoni għat-tlestija taż-ŻER tista’ tkun meqjusa utli għall-oqsma parzjali (pereżempju l-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u tal-UE skont l-Artikolu 181 tat-TFUE, il-promozzjoni ta’ azzjonijiet biex jinfirxu r-riżultati tar-riċerka skont l-Artikolu 180, flimkien mal-Artikolu 182(5) tat-TFUE);

    4.

    iqis li fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali, it-tlestija ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka li tiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni bbażata fuq ir-riċerka hija kruċjali biex jiġu appoġġjati t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-eċċellenza xjentifika u l-koeżjoni fost ir-reġjuni u l-pajjiżi;

    5.

    jaqbel mal-fehma li l-għarfien huwa l-munita tal-ekonomija l-ġdida. Għalhekk jaqbel li kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ klassi dinjija, imsejsa fuq bażi soda ta’ xjenza pubblika, hija kruċjali biex jinkiseb irkupru ekonomiku dejjiemi u biex tiġi żgurata l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur fil-livell dinji;

    6.

    jenfasizza li kemm l-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 kif ukoll taż-ŻER iridu jiffokaw iktar fuq prattiki (1) bbażati fuq ir-realtà, b’impatt ikbar fuqhom, jiġifieri l-livelli lokali u reġjonali jieħdu impenn u jkunu involuti kompletament biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    7.

    jenfasizza li ż-ŻER ser ittejbilna ħajjitna billi l-Ewropa ssir post li fih ir-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku jiffjorixxu u jindirizzaw l-isfidi ewlenin ta’ żminijietna. Sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ valur ibbażat fuq l-għarfien, il-kooperazzjoni bejn id-dinja akkademika, il-kumpaniji u l-gvern trid tissaħħaħ;

    8.

    jaqbel li l-potenzjal tar-reġjuni kollha għall-eċċellenza għandu jiġi sfruttat u li hemm bżonn approċċi ġodda li jgħinu lir-reġjuni u l-Istati Membri bi prestazzjoni dgħajfa jiksbu l-eċċellenza u l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti reġjonali;

    9.

    jenfasizza li t-tlestija taż-ŻER hija meħtieġa biex jingħelbu l-frammentazzjoni tar-riċerka fl-Ewropa u l-ostakli nazzjonali u istituzzjonali. Mingħajr l-ebda dubju, din il-frammentazzjoni żżomm lill-Ewropa milli tilħaq il-potenzjal tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni – prezz għoli għall-Ewropej bħala kontributuri tat-taxxa, bħala konsumaturi u bħala ċittadini. F’dan ir-rigward, issa hemm bżonn ta’ iktar għanijiet u għanijiet immirati;

    10.

    jaqbel li l-miżuri għandu jkollhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni fost ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u jisfruttaw is-sinerġiji transkonfinali bejn is-sistemi ta’ riċerka nazzjonali u reġjonali, billi jiffaċilitaw il-karrieri fir-riċerka, il-mobbiltà u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien;

    11.

    jemmen ħafna li waħda mill-miri ewlenin taż-ŻER għandha tkun li jitnaqqas l-eżodu ta’ mħuħ, b’mod partikolari mir-reġjuni li għadhom lura fir-riċerka, u anke d-disparitajiet reġjonali mifruxa fil-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni mmirati, bil-għan tal-eċċellenza fl-Ewropa kollha fejn jitqies il-potenzjal għall-innovazzjoni. Għalhekk huwa importanti li l-aġenda Ewropea tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-istrateġiji tal-innovazzjoni nazzjonali u reġjonali jkunu jorbtu ma’ xulxin;

    12.

    jilqa’ l-mira tal-Kunsill Ewropew li jittejbu l-kundizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp u li l-investiment pubbliku u privat konġunt fir-Riċerka u l-Iżvilupp jiżdied għal 3 % tal-PDG tal-UE. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li l-Ewropa għadha lura fil-kummerċjalizzazzjoni tal-eċċellenza meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja. Ir-rwol tal-SMEs bħala l-mutur tal-innovazzjoni għalhekk ma jistax jiġi enfasizzat iż-żejjed;

    13.

    jemmen li l-istrumenti ta’ koeżjoni jistgħu jsaħħu l-iżvilupp tal-eċċellenza u l-bini tal-kapaċità biex jagħtu spinta lill-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell reġjonali. Dan jippermetti li tiġi żviluppata “triq għall-eċċellenza”, biex b’hekk dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ fiż-ŻER u jgawdu mis-sorsi finanzjarji tal-Qafas Strateġiku Komuni;

    14.

    jappella lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Kunsill u l-Parlament, tiżgura implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Orizzont 2020, billi tipprovdi regoli u proċeduri li jkunu sempliċi kemm jista’ jkun għall-benefiċjarji;

    15.

    jirrikonoxxi li l-prijoritajiet taż-ŻER stabbiliti fil-Komunikazzjoni huma definiti sew u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom ittejjeb il-prestazzjoni u l-effikaċja tar-riċerka tal-Ewropa sal-2014. Madankollu, għandu jkun hemm l-involviment sħiħ u enerġetiku fis-sħubija rinfurzata min-naħa tal-Istati Membri, il-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet Ewropej, u anki l-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li t-tlestija taż-ŻER toħroġ fid-dieher l-eċċellenza li għandha l-Ewropa billi jitrawmu l-effiċjenza, il-kwalità u l-opportunitajiet ġodda bbażati fuq il-bżonnijiet tal-Unjoni;

    16.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li tiżgura s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn l-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u biex tibni “toroq għall-eċċellenza” għall-Istati Membri u r-reġjuni bi prestazzjoni iktar dgħajfa li huma iktar vulnerabbli mil-lat ekonomiku u soċjali, abbażi tal-vantaġġi tagħhom bil-għan li tiżdied b’mod sostanzjali l-kapaċità tagħhom għar-riċerka u l-innovazzjoni u jingħalaq id-distakk fil-qasam tal-innovazzjoni tal-Ewropa;

    17.

    jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi l-kooperazzjoni interreġjonali fi ħdan l-Orizzont 2020 billi tiżviluppa għodod u inċentivi effettivi. F’dan il-kuntest, il-gvernijiet lokali u l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ta’ appoġġ u koordinazzjoni (iwaqqfu netwerks ta’ riċerka u innovazzjoni, jipprovdu appoġġ tekniku u amministrattiv kif ukoll inċentivi għall-finanzjament mis-settur privat), bil-għan li jippromovu r-riċerka u jagħmlu użu mir-riżultati tal-għarfien u l-innovazzjoni;

    18.

    jenfasizza li r-reġjuni għandhom bżonn iżidu l-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw mir-riċerka. Imbagħad il-kompetenzi, il-prattiki u l-għodod żviluppati għandhom jintużaw bħala lieva għar-riżultati tar-riċerka għall-użu madwar l-Ewropa. Dan jista’ jintlaħaq biss billi jissaħħu s-sinerġiji fl-użu tal-istrumenti kollha tal-iffinanzjar Ewropej, bħall-Orizzont 2020, il-politika ta’ koeżjoni kif ukoll ir-riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali (2). Madankollu, l-użu konġunt tar-riżorsi mhuwiex biżżejjed u barra minn hekk jeħtieġ bidliet fil-kultura operattiva u fil-prattiki amministrattivi;

    19.

    iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej u/jew reġjonali u nazzjonali għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, jintroduċu titjib li jiffaċilita l-allinjament tal-politiki, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ġestjoni, l-armonizzazzjoni tal-proċeduri li jsaħħu s-sistemi komuni tal-ġestjoni li jiffavorixxu l-aċċess taċ-ċittadini għall-politiki u jżidu l-impatt soċjoekonomiku tagħhom;

    20.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu u għandhom jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi, billi jippromovu s-sħubijiet pubbliċi-privati. L-għan ser ikun li jinħolqu iktar impjiegi u tkabbir fil-livell lokali u/jew reġjonali u fl-istess ħin ser jittejbu l-kapaċità u l-effiċjenza tas-settur pubbliku u privat;

    21.

    jilqa’ l-inizjattivi tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni u d-DĠ REGIO li jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ netwerks reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni li jistgħu jiġu appoġġjati mill-universitajiet, l-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat;

    22.

    jinnota li mill-2000 ’l hawn, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu progress flimkien lejn ŻER, imma jenfasizza li dan il-progress ma kienx konsistenti fid-diversi dimensjonijiet taż-ŻER u l-Istati Membri;

    23.

    iħeġġeġ l-involviment tal-organizzazzjonijiet reġjonali u tal-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka fi ħdan iż-ŻER, fejn dan ikun adatt;

    24.

    jenfasizza r-rwol importanti tas-settur pubbliku b’mod ġenerali, u b’mod aktar partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iqarrbu lejn xulxin lill-kumpaniji, l-universitajiet/l-istituti tar-riċerka u l-istituzzjonijiet pubbliċi (b’konformità mal-approċċ tal-ispiral triplu) bil-għan li jiżviluppaw u jimplimetaw b’mod konkret iż-ŻER, u jinnota li r-rwol tas-settur pubbliku għadu ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

    25.

    jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka biex jistabbilixxu u jimplimentaw il-kundizzjonijiet adatti biex tittejjeb l-effikaċja tas-sistemi tar-riċerka tal-Ewropa, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin bħall-kooperazzjoni u bħall-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni transnazzjonali, is-suq tax-xogħol għar-riċerkaturi, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku. Il-“kundizzjonijiet” stabbiliti mill-Kummissjoni jidhru li huma suffiċjenti biex il-miri jintlaħqu;

    B.    Sistemi nazzjonali tar-riċerka iktar effettivi

    26.

    jagħraf li l-kompetizzjoni insuffiċjenti fis-sistemi nazzjonali tar-riċerka ma toħloqx il-kundizzjonijiet adatti biex tittejjeb il-kwalità xjentifika. F’dan ir-rigward, il-kompetizzjoni limitata fost l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet qed twassal għal speċjalizzazzjoni insuffiċjenti;

    27.

    jemmen li t-titjib tal-prestazzjoni tar-riċerka fundamentali, xprunata mill-kurżità hija kruċjali għall-innovazzjonijiet u l-iskoperti meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar. L-Ewropa għandha tagħmel investimenti ffokati sew u strateġiċi fir-riċerka bażika, billi tuża l-eċċellenza xjentifika bħala l-kriterju prinċipali biex jittieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod li jkunu jistgħu jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment u l-iżivilupp sostenibbli tal-kompetenzi u l-potenzjal ta’ għarfien lokali u reġjonali;

    28.

    jaqbel li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jappoġġjaw il-finanzjament kompetittiv billi jagħmlu sejħat għall-proposti u evalwazzjoni istituzzjonali bejn il-pari bħala wieħed mill-metodi ewlenin għall-allokazzjoni tal-fondi nazzjonali u reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni; f’ċerti każijiet, m’hemmx bżonn issir evalwazzjoni bejn il-pari għall-allokazzjoni tal-fondi lill-atturi reġjonali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

    29.

    jilqa’ l-mira li tressqet fil-Green Paper (pubblikata mill-Kummissjoni fl-2011) li jinsab bilanċ adatt bejn il-finanzjament istituzzjonali u kompetittiv. B’konformità mal-fehmiet li esprima qabel, il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ li d-dibattitu dwar il-bilanċ adatt bejn il-finanzjament istituzzjonali u kompetittiv ikompli għaddej. Il-mod kif jinkiseb dan il-bilanċ huwa ferm importanti għad-dinamika tas-sistema u l-vijabbiltà tad-diversi istituzzjonijiet ta’ riċerka;

    30.

    jemmen li t-tisħiħ tal-kwota tal-finanzjament prinċipali u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jippermettu li l-finanzjament jasal ukoll għand il-komunitajiet ta’ riċerka li huma żgħar iżda vitali. Flimkien ma’ unitajiet kbar u programmi teknoloġiċi prinċipali mmexxija minn fuq għal isfel li kapaċi jipprovdu massa kritika, komunitajiet żgħar ta’ taħriġ u riċerka ffukati fuq dixxiplina unika wkoll jistgħu jiġġeneraw kompetittività u innovazzjoni konsiderevoli meta jikkooperaw u joħolqu netwerk b’mod effettiv bħala parti minn katina multidixxiplinari ta’ universitajiet, ċentri ta’ riċerka u kampusijiet, kemm fil-lokal proprju kif ukoll internazzjonalment;

    31.

    itenni li hemm bżonn jiżdied il-finanzjament prinċipali għall-istituti ta’ riċerka. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu nota ta’ dan u jiżviluppaw mudell ta’ finanzjament tal-infrastruttura tar-riċerka li jqis ukoll il-possibbiltajiet offruti mill-Fondi Strutturali. Għall-komunitajiet ta’ riċerka, finanzjament bażiku msaħħaħ jirrappreżenta l-possibbiltà li jitniedu proġetti ta’ riċerka mill-aktar livell baxx ’il fuq (bottom-up) ibbażati fuq il-bżonnijiet strateġiċi tagħhom filwaqt li jipparteċipaw fi djalogu dinamiku mar-reġjuni u l-bliet fejn ikunu bbażati;

    32.

    jenfasizza li l-eċċellenza xjentifika bħala l-kriterju ta’ għażla ewlieni u l-prinċipji ċentrali tal-evalwazzjoni internazzjonali bejn il-pari għandhom jiġu applikati meta jiġu allokati l-fondi għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

    33.

    jagħraf li l-mudelli tar-riċerka u l-innovazzjoni li kellhom suċċess f’reġjun partikulari ma jistgħux jiġu sempliċement “ikkupjati” u trasferiti lejn reġjuni oħra. Madankollu, jekk il-kundizzjonijiet strutturali, soċjali u kulturali rispettivi jiġu kkunsidrati sew jistgħu jservu ta’ eżempju għall-iżvilupp ta’ mudelli adatti f’reġjuni oħra, inklużi dawk bi prestazzjoni iktar dgħajfa;

    34.

    mill-ġdid jafferma l-appoġġ tiegħu għall-koordinazzjoni tal-programmi u l-prijoritajiet tar-riċerka reġjonali, nazzjonali u tal-UE, jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għar-riċerka u l-innovazzjoni u jkompli jirrifjuta l-aġendi u l-prijoritajiet ta’ riċerka ċentralizzati fil-livell Ewropew;

    35.

    jistieden lill-Kummissjoni tippromovi t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-prattiki tajbin u l-esperjenzi bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati dwar it-tneħħija ta’ ostakli nazzjonali legali u/jew oħrajn għaż-ŻER għall-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni. Jemmen li għandhom jitħeġġu linji gwida komuni dwar il-politika xjentifika għall-UE kollha, sabiex jiġu inkoraġġuti u ffaċilitati l-azzjonijiet komuni;

    36.

    jappella lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri u lir-reġjuni huma u jużaw il-Fondi Strutturali biex jiżviluppaw il-kapaċità għar-riċerka kif ukoll strateġiji adatti għall-innovazzjoni bbażati fuq il-kompetenzi u strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, inkluż l-appoġġ għall-programmi ta’ riċerka konġunti, b’konformità mal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni;

    37.

    f’dan ir-rigward jirrikonoxxi li huwa importanti li jiġu identifikati l-aktar oqsma promettenti mil-lat tal-vantaġġ komparattiv li jipprovdu, ħalli jservu ta’ bażi biex jiġu definiti strateġiji intelliġenti ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali (3). L-UE għandha tinkoraġġixxi lir-reġjuni sabiex isiru pijunieri innovattivi fl-oqsma ta’ riċerka magħżula tagħhom u sabiex fl-istess ħin jaħdmu f’netwerk u jikkooperaw iktar ma’ reġjuni oħra. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għal kull tentattiv intiż li jagħti prijorità, permezz ta’ “speċjalizzazzjoni intelliġenti”, lir-reġjuni jew l-awtoritajiet lokali li diġà huma minn ta’ quddiem jingħataw aktar prijorità filwaqt li oqsma oħra ma jiġux appoġġjati jew ma jingħatawx l-appoġġ li jistħoqqilhom. Għalhekk għandha titfassal mappa Ewropea li turi l-livell ta’ innovazzjoni u l-qasam ta’ speċjalizzazzjoni li jilħqu r-reġjuni: din il-klassifikazzjoni għandha sservi biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u biex jiġu pprovduti strumenti ta’ appoġġ speċifiċi għar-reġjuni li jkunu għadhom lura permezz ta’ fondi ad hoc li jikkontribwixxu għall-konverġenza ta’ dawn ir-reġjuni ma’ dawk aktar innovattivi;

    38.

    jaqbel li hemm bżonn ta’ sistema ta’ indikaturi u għanijiet aktar preċiżi li, minbarra l-persentaġġ tal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp min-naħa tal-intrapriżi, tkun tista’ tkejjel ukoll aspetti relatati mat-titjib tal-kompetittività u l-produttività. Fi kliem ieħor sistema komprensiva li tkejjel l-effikaċja tas-sistemi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-produttività tal-innovazzjoni (4);

    C.    L-aqwa kooperazzjoni u kompetizzjoni transnazzjonali

    39.

    jenfasizza li l-UE trid taġixxi b’mod urġenti u koerenti sabiex tikseb l-iskala ta’ sforz u impatt meħtieġa biex tindirizza l-isfidi l-kbar bil-fondi pubbliċi limitati disponibbli għar-riċerka;

    40.

    mill-ġdid jafferma l-fehma tiegħu li koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u anke bejniethom jistgħu jwasslu biex jinħolqu sinerġiji u b’hekk valur miżjud għaż-ŻER. Ir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) huma strument prezzjuż fl-implimentazzjoni b’suċċess tal-kooperazzjoni territorjali, inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan ser isaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa fis-suq dinji tal-għarfien;

    41.

    jenfasizza li l-attenzjoni għall-produzzjoni, it-tixrid u l-użu tal-għarfien għandha tiġi applikata b’mod effettiv billi jiġu kkunsidrati l-interessi strateġiċi tal-partijiet interessati pubbliċi u privati u billi jiġu involuti fit-tfassil tal-aġendi strateġiċi. Dan jeħtieġ l-appoġġ tan-netwerks internazzjonali biex l-aħjar riċerkaturi jkunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar;

    42.

    jenfasizza l-bżonn ta’ koordinazzjoni u sinerġija aħjar bejn l-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni transkonfinali lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, li jirrispettaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntesti differenti u jżidu l-possibbiltajiet għall-komplementarjetajiet u l-kooperazzjoni bejniethom;

    43.

    mill-ġdid jafferma l-fehma li hemm bżonn koordinazzjoni ikbar bejn ir-riċerka u l-industrija sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu javvanzaw fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-qasam tat-teknoloġiji abilitanti ewlenin (bħan-nanoteknoloġija, il-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-bijoteknoloġija industrijali, il-fotonika, il-materjali avvanzati u t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura) u sabiex jiġu promossi n-netwerks transnazzjonali u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew (5). Barra minn hekk, b’dan il-mod jiġi ffaċilitat ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi stabbli u b’livell għoli ta’ kwalifiki;

    44.

    jaqbel li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jippromovu u jimplimentaw aġendi ta’ riċerka konġunta billi jindirzzaw l-isfidi l-kbar, jiskambjaw l-informazzjoni u l-prattiki tajbin f’oqsma ta’ prijorità miftiehma u għandhom jiżguraw li jiġu allokati fondi nazzjonali u reġjonali biżżejjed u li jkunu allinjati strateġikament f’dawn l-oqsma;

    45.

    jemmen li hemm bżonn li jitneħħew l-ostakli legali u burokratiċi għall-interoperabbiltà transkonfinali tal-programmi nazzjonali u internazzjonali, sabiex ikun jista’ jsir finanzjament konġunt tal-proġetti tar-riċerka u l-infrastruttura tar-riċerka fil-livell nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali;

    46.

    jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-organizzazzjonijiet li jiffinanjzaw ir-riċerka b’appoġġ effiċjenti u effettiv fl-implimentazzjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali konġunti u fit-twaqqif ta’ standards ta’ finanzjament komuni;

    47.

    jenfasizza li r-riċerka eċċellenti hija bbażata fuq faċilitajiet u infrastrutturi tar-riċerka ta’ klassi dinjija, inklużi l-infrastrutturi elettroniċi. Infrastrutturi tar-riċerka bħal dawn huma importanti għall-Ewropa għax jistgħu jiġbdu l-ħiliet u jistimolaw l-innovazzjoni u l-opportunitajiet għall-kummerċ filwaqt li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi;

    48.

    japprezza r-rwol prinċipali tal-infrastrutturi tar-riċerka fis-sistemi tal-innovazzjoni bbażati fuq l-għarfien; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-kunċett il-ġdid ta’ strutturi ta’ sħubijiet reġjonali u s-sħubijiet bejn l-infrastrutturi tar-riċerka; u jirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal żvilupp aktar ibbilanċjat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi pajjiżi u reġjuni iżgħar jew bi ftit esperjenza jiġu mistiedna jkunu involuti fir-riċerka kompetittiva u l-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni (6);

    49.

    jemmen li għandhom jittieħdu miżuri effettivi sabiex il-programm Orizzont 2020 jiġi orjentat lejn ir-riformi li l-Ewropa teħtieġ. Għal dan il-għan huwa importanti l-pilastru “Sfidi tas-soċjetà”, fejn l-enfasi għandha tkun li l-aqwa għarfien espert Ewropew jiġi assoċjat mal-proġetti fuq skala kbira ta’ ħolqien konġunt, u b’hekk l-Ewropa tkun tista’ timplimenta bidliet ġenerali strutturali fil-livell tas-sistema lil hinn mil-limitazzjonijiet tradizzjonali. Ir-riċerka ċċentrata fuq id-dixxiplina ma toħloqx għarfien biżżejjed biex jiġu riżolti l-isfidi l-kbar tas-soċjetà. L-attenzjoni għandha tingħata direttament lill-attivajiet multidixxiplinari ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni li jwasslu għal kunċetti u komponenti meħtieġa f’dawk il-bidliet li jirrinnovaw l-istruttura fil-livell tas-sistema. Fil-qalba tar-riċerka hemm l-esperimentazzjoni u l-azzjonijiet pilota. Eżempju tajjeb huwa l-qasam wiesa’ ta’ operat tas-Smart City. Parti essenzjali minn dan kollu hija l-adattabbiltà tar-riżultati f’kundizzjonijiet differenti madwar l-Ewropa (7);

    50.

    jappoġġja l-impenn tal-Unjoni ta’ Innovazzjoni li l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni Ewropea sal-2015 għandhom ikunu lestew jew nedew il-kostruzzjoni ta’ 60 % tal-infrastrutturi ta’ prijorità Ewropej identifikati attwalment fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI);

    51.

    jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw impenji finanzjarji għall-ħolqien u t-tħaddim tal-Infrastrutturi tar-Riċerka tal-ESFRI u jippromovu l-iżvilupp ta’ FIR, b’mod partikolari fl-iżvilupp tal-pjani direzzjonali nazzjonali u l-Programmi Operattivi tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

    52.

    jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz tal-Orizzont 2020, tipprovdi appoġġ effettiv għall-aċċess għall-Infrastrutturi ta’ Riċerka u anke għall-integrazzjoni kontinwa globali tal-Infrastrutturi tar-Riċerka ta’ interess pan-Ewropew, u mhux biss dawk li ngħataw l-istatus ta’ Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ERIC);

    53.

    jissuġġerixxi li l-Kummissjoni jekk jista’ jkun tappoġġja l-ispejjeż operattivi tal-Infrastutturi tar-Riċerka, permezz ta’ sorsi ta’ finanzjament, bħall-fondi strutturali;

    54.

    jappella biex l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali joħolqu konnessjoni bejn il-pjani ta’ direzzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka u l-pjan ta’ azzjoni tal-ESFRI mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni kofinanzjati mill-fondi strutturali, billi tissaħħaħ il-kapaċità tar-reġjuni inqas vantaġġati li jospitaw u jieħdu sehem fl-Infrastrutturi tar-Riċerka ta’ interess pan-Ewropew u internazzjonali;

    55.

    iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha taħdem id f’id mal-ESFRI biex flimkien jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Direzzjoni u biex jipprovdu parir u gwida lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jegħlbu l-ostakli legali, finanzjarji jew tekniċi għall-implimentazzjoni;

    D.    Suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi

    56.

    jagħraf li l-ostakli fost id-diversi swieq nazzjonali tax-xogħol għar-riċerkaturi jinħolqu l-iktar minħabba l-approċċi differenti għar-reklutaġġ, l-awtonomija istituzzjonali, id-differenzi fl-approċċi għat-tfassil tal-istrateġiji tar-riżorsi umani u fil-promozzjoni tal-mobbiltà tar-riċerka, u b’kundizzjonijiet xejn attraenti għar-riċerkaturi żgħażagħ u li jiġu minn barra l-UE;

    57.

    jistqarr li matul il-kriżi ekonomika attwali eluf ta’ impjegati fl-Istati Membri tal-UE tilfu xogħolhom (8), anki riċerkaturi kwalifikati ħafna, l-iktar mid-dipartimenti tar-riċerka u l-iżvilupp u dan il-qgħad ser ikompli jiżdied b’riżultat tas-swieq il-ġodda u r-rilokazzjoni tal-kumpaniji f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi. Huwa importanti ħafna li l-ħiliet tal-impjegati jiżdiedu u jikkonformaw aktar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol (9);

    58.

    jemmen li huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli legali u oħrajn għall-applikazzjoni ta’ reklutaġġ ta’ riċerkaturi li jkun miftuħ, trasparenti u bbażat fuq il-mertu u għall-aċċess transkonfinali tal-għotjiet nazzjonali u l-portabbiltà tagħhom;

    59.

    jaqbel li l-organizzazzjonijiet tar-riċerka għandhom jirreklamaw kull post battal permezz ta’ profili komuni stabbiliti fil-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka u mbagħad jimlew il-postijiet tar-riċerka skont proċeduri miftuħa u trasparenti, li jinkludu ċittadini minn barra l-UE. Huma għandhom jirreklamaw il-postijiet battala anke fil-portal EurAxess (http://ec.europa.eu/euraxess/index.cfm/lobs/index);

    60.

    jenfasizza li għandu jkun hemm fokus speċifiku fuq il-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-Ewropa u jappella għall-applikazzjoni ta’ miżuri konkreti bil-għan li jitneħħew l-ostakli għall-mobbiltà (bħall-portabbiltà tad-drittijiet tal-pensjonijiet, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u fuq il-miżuri biex jinstab bilanċ bejn il-ħajja privata u tax-xogħol) li jiffaċilitaw il-mobbiltà tar-riċerkaturi Ewropej u jagħmlu l-offerta ta’ karriera fir-riċerka fl-UE iżjed attraenti;

    61.

    jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni fejn tindirizza l-ostakli għas-sigurtà soċjali għar-riċerkaturi fl-UE u tiffaċilita iktar id-dħul ta’ riċerkaturi minn pajjiżi terzi;

    62.

    mill-ġdid jafferma l-bżonn li jinġibdu akkademiċi eċċellenti minn pajjiżi barra l-Ewropa u għalhekk jenfasizza s-sinifikat tal-programmi għall-mobbiltà tal-UE bħall-programm Marie Curie u l-miżuri ta’ appoġġ li ttieħdu jew li ser jitnedew f’ċerti reġjuni biex jiġu appoġġjati r-riċerkaturi u x-xjentisti li jiġu lura l-Ewropa;

    63.

    iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jieħdu l-miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-mobbiltà fis-setturi kollha, b’mod speċjali bejn id-dinja akkademika u l-industrija. Il-kooperazzjoni pan-Ewropea bejn id-dinja akkademika, l-intrapriża u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka li tinvolvi l-atturi politiċi u l-amministrazzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fil-forma tal-mudell tal-ispiral triplu hija ferm importanti;

    64.

    jenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jfittxu karriera professjonali f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, li l-intraprendituri żgħażagħ li jikkontribwixxu għall-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jagħmlu użu mir-riżultati tagħhom fil-komunitajiet lokali u reġjonali tagħhom;

    65.

    jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiġi żgurat li jkun hemm persuni mħarrġa sew u li jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu fl-industrija tal-għarfien, u li l-industrija ssir post tax-xogħol attraenti, peress li jeżistu l-problemi biex jinsabu n-nies għal impjiegi f’oqsma strateġiċi għall-futur, bħar-riċerka u x-xjenza, l-inġinerija, is-saħħa u l-matematika (10). Il-kompetenzi u l-għarfien tal-ħaddiema għandhom jiġu aġġornati fuq bażi kontinwa u t-taħriġ għandu jiffoka fuq id-domandi tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, mhux biss fl-interess tal-industrija imma anke bħala għajnuna għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom biex jadattaw malajr għal setturi u teknoloġiji ġodda;

    66.

    jenfasizza wkoll il-bżonn, li minbarra l-promozzjoni ta’ l-eċċellenza u l-prestazzjoni ta’ livell għoli, jiġu żgurati wkoll edukazzjoni u taħriġ tajbin għall-persuni f’kull reġjun, bħala l-bażi tal-benesseri individwali u soċjali u tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tar-reġjuni (11);

    67.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tniedi portal onlajn għall-iskambju tal-eżempji tal-aħjar prattika fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (12), inkluż fis-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni;

    E.    L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi fir-riċerka

    68.

    jirrikonoxxi l-progress limitat li sar s’issa fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u jinnota li hemm biss ftit Stati Membri u organizzazzjonijiet tar-riċerka li qed jimplimentaw politiki biex jinkiseb benefiċċju mill-ħiliet tax-xjentisti nisa u mill-inklużjoni ta’ dimensjoni tal-ġeneru fil-kontenut tar-riċerka. L-integrazzjoni ta’ dimensjoni tal-ġeneru fit-tfassil, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riċerka tidher li għadha limitata;

    69.

    jenfasizza l-bżonn li jitneħħew l-ostakli għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karriera tar-riċerkaturi nisa, li jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa u li tiġi promossa d-dimensjoni tal-ġeneru fil-programmi tar-riċerka;

    70.

    jaqbel li fi ħdan l-Orizzont 2020, id-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fil-programmi u l-proġetti kollha sa mill-bidu tagħhom;

    71.

    jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni fejn ipproponiet li fl-2013 issir “Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri” b’linji gwida komuni dwar il-bidliet istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka;

    72.

    jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twaqqaf kumitat orizzontali għall-monitoraġġ u l-konsultazzjoni dwar ir-rappreżentanza tar-riċerkaturi nisa fl-attivitajiet taż-ŻER u l-attivitajiet tal-Orizzont 2020;

    F.    L-aħjar ċirkulazzjoni possibbli, aċċess u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku

    73.

    jinnota li l-Istati Membri qed juru livelli differenti ta’ avvanz fl-appoġġ għall-politiki tal-aċċess miftuħ li jistgħu jgħinu biex ikun hemm iktar simmetrija fl-informazzjoni. Barra minn hekk, it-trasferiment tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka u s-settur privat għadhom insuffiċjenti u dan għandu impatt fuq il-kwalità xjentifika tar-riżultati ekonomiċi mir-riċerka u l-iżvilupp;

    74.

    jenfasizza li l-aċċess għall-għarfien u t-trasferiment tiegħu fi ħdan u bejn l-istituti tar-riċerka, l-universitajiet u l-industrija jaqdu rwol ċentrali fir-riċerka u l-innovazzjoni fundamentali, u għandhom jiġu mħeġġa sew;

    75.

    jenfasizza li l-approċċ tal-aċċess miftuħ għar-riżultati u d-data tar-riċerka finanzjata mill-fondi pubbliċi huwa pilastru essenzjali fil-kostruzzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka bil-għan li jiġi żgurat li r-riċerkaturi jistgħu jibnu fuq l-għarfien eżistenti, jevalwaw riżultati ġodda u li jiġu evitati sforzi doppji fir-riċerka;

    76.

    jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-preservazzjoni tagħha, filwaqt li jiġi żgurat li r-riċerka pubblika trawwem it-trasferiment tal-għarfien bejn is-settur pubbliku u dak privat permezz ta’ strateġiji nazzjonali;

    77.

    jenfasizza l-bżonn tal-aħjar interazzjoni possibbli, rabtiet u sħubijiet strateġiċi possibbli bejn id-dinja akkademika u l-industrija u li jitfasslu aġendi ta’ riċerka kollaborattiva konġunta biex isir l-ikbar użu tar-riżultati tar-riċerka u l-impatt tagħhom mil-lat tal-innovazzjoni u li jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar;

    78.

    jaqbel li l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi għandu jiġi stabbilit bħala prinċipju ġenerali għall-fondi kollha finanzjati mill-UE fil-qafas tal-Orizzont 2020 u li l-Kummissjoni għandha tkompli tiffinanzja l-proġetti relatati mal-aċċess miftuħ; f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitqiesu b’mod sħiħ l-interessi tax-xjentisti u l-intrapriżi fir-rigward tal-proprjetà intellettwali u tad-drittijiet tal-użu;

    79.

    jipproponi t-tnedija ta’ attivitajiet li jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati dwar l-aċċess miftuħ u x-xjenza elettronika. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati, għandha taħdem biex tiżviluppa mudell ta’ ftehimiet konsorzji biex ittejjeb it-trasferiment tal-għarfien;

    G.    Passi lejn is-suċċess u t-tlestija taż-ŻER

    80.

    jenfasizza li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom iwettqu r-riformi nazzjonali u reġjonali neċessarji u joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tlestija taż-ŻER. Huma għandhom jappoġġjaw ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi billi jiffaċilitaw l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka;

    81.

    jipproponi li jiġu żviluppati netwerks ta’ sħubijiet ibbażati fuq l-ispiral triplu fir-reġjuni li jistgħu jaħdmu flimkien biex jikkoordinaw l-azzjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki, inklużi dawk fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, permezz tal-introduzzjoni ta’ Katedri taż-ŻER fis-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni reġjonali u tal-appoġġ għan-netwerks internazzjonali relatati mal-kompetenzi reġjonali identifikati;

    82.

    jisħaq fuq il-bżonn li jiġi monitorjat u evalwat il-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taż-ŻER identifikati fil-Komunikazzjoni, mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka. F’dan ir-rigward jilqa’ l-iżvilupp mill-Kummissjoni tal-mekkaniżmi mħabbra ta’ monitoraġġ taż-ŻER; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, bl-involviment tal-Istati Membri, li l-proċess għall-iżvilupp tal-mekkaniżmu mħabbar ta’ monitoraġġ taż-ŻER u l-għażla tal-kriterji jkun trasparenti. Il-kriterji magħżula u n-numru ta’ indikaturi miżmuma għandhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ biex titwettaq evalwazzjoni adegwata tal-progress miksub fit-triq lejn it-tlestija taż-ŻER. Il-proċeduri stabbiliti għall-kooperazzjoni mal-Eurostat, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet lokali (pereżempju l-ministeri) għandhom jintużaw għall-għażla tad-data mill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u d-dinja akkademika;

    83.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri, kif ukoll il-pubblikazzjoni tal-Gwida Prattika dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE (13); b’mod partikolari japprezza l-isforzi kontinwi li jippermettu li programmi differenti jiffinanzjaw fażijiet differenti ta’ proġetti b’perspettiva ta’ kontinwità; ikun grat jekk din il-Gwida Prattika ssir portal diġitali komplet iżda aċċessibbli għall-informazzjoni u r-riżorsi dwar programmi rilevanti ta’ riċerka u innovazzjoni (14);

    84.

    jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-inizjattiva Orizzont 2020 tgħin tikkonsolida t-tlestija u t-tħaddim taż-ŻER, billi tappoġġja l-azzjonijiet relatati mal-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerka, l-infrastrutturi tar-riċerka, il-ġeneru, il-kooperazzjoni transkonfinali, l-aċċess miftuħ u t-trasferiment tal-għarfien;

    85.

    jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li mill-2014 ’l hemm l-evalwazzjoni sħiħa tal-progress tibda tintbagħat lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew darba fis-sena;

    86.

    jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tibgħat ir-Rapport ta’ Progress taż-ŻER lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  CdR 402/2011 fin.

    (2)  CdR 402/2011 fin.

    (3)  CdR 373/2010 fin.

    (4)  CdR 374/2010 fin.

    (5)  CdR 374/2010 fin.

    (6)  CdR 373/2010 fin.

    (7)  CdR 402/2011 fin.

    (8)  CdR 85/2009 fin u CdR 373/2010 fin

    (9)  CdR 85/2009 fin u CdR 373/2010 fin.

    (10)  CdR 374/2010 fin.

    (11)  CdR 83/2007 fin.

    (12)  CdR 292/2010 fin.

    (13)  CdR 67/2011 fin; CdR 373/2010; CdR 230/2010 fin.

    (14)  CdR 373/2010 fin.


    Top