Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1671

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-protezzjoni ċivili”

    ĠU C 277, 13.9.2012, p. 164–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/164


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-protezzjoni ċivili”

    2012/C 277/16

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jilqa’ t-trasformazzjoni minn approċċ reattiv u ad hoc għal mekkaniżmu iktar integrat, effettiv u mtejjeb;

    jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali s-soltu jkunu parteċipanti ewlenin fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u għalhekk ikun adegwat li jiġu involuti fit-tħejjija tal-valutazzjoni tar-riskju u l-pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju;

    jemmen li l-UE għandha taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex iżżid in-numru ta’ korsijiet ta’ taħriġ tal-persunal fil-livell lokali u reġjonali sabiex tiżgura reazzjoni effettiva għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

    jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tistabbilixxi pjattaforma li tista’ tintuża għall-iskambju tal-informazzjoni u l-esperjenzi dwar l-indirizzar ta’ diżastri bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom;

    jenfassiza l-bżonn ta’ iktar preċiżjoni fid-definizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni u fir-rigward tat-talbiet għal għajnuna fir-reazzjoni lejn diżastri kbar attwali jew imminenti;

    iħoss li għandu jintuża mudell standard bħala bażi għall-pjanijiet tal-ġestjoni sabiex jiġi assigurat li l-kontenut tagħhom ikun jista’ jitqabbel;

    jinsab konvint li għandha tiġi stabbilita skeda għall-Istati Membri sabiex b’mod regolari jaġġornaw u jipprovdu l-pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju.

    Relatur

    is-Sur BANASZAK (PL/AE), Membru tal-Assemblea Reġjonali tal-Kujawsko-Pomorskie

    Dokument ta’ referenza

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni

    COM(2011) 934 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    jinnota bi pjaċir li l-proposta hija marbuta mal-politika tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa soluzzjonijiet aħjar u politika iktar koerenti ta’ rispons għad-diżastri li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Ewropa 2020 u għal żieda fis-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE bħala parti mill-Programm ta’ Stokkolma u tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE;

    2.

    jinnota li l-proposti l-ġodda ġew ifformulati abbażi ta’ reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ċivili u l-esperjenza ta’ diżastri preċedenti;

    3.

    jinnota bi pjaċir li din il-proposta tirrappreżenta pass ieħor tal-Kummissjoni lejn semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni permezz ta’ proposta leġislattiva unika għall-2014-2020 li tgħaqqad il-proposti eżistenti dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fil-livell tal-UE li hija regolata minn żewġ strumenti legali: id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili;

    4.

    jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali s-soltu jkunu parteċipanti ewlenin fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u li d-disseminazzjoni tal-informazzjoni lil dawk li huma responsabbli mill-miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell lokali u reġjonali għandha tkun waħda mill-għanijiet tal-leġislazzjoni tal-protezzjoni ċivili;

    5.

    jenfasizza li mekkaniżmu ta’ protezzjoni ċivili msaħħaħ ser jikkontribwixxi fl-implimentazzjoni tal-Klawżola ta’ Solidarjetà; japprezza li ngħatat attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja, kif ukoll għall-konsistenza ma’ azzjonijiet imwettqa taħt politiki u strumenti oħra tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politiki tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Il-konsistenza ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE għandha teskludi d-duplikazzjoni tal-finanzjament;

    6.

    jidentifika mal-prinċipji tas-solidarjetà, il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-appoġġ reċiproku bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili; jaqbel mal-Kummissjoni li sabiex tinforza l-kapaċità integrata tar-rispons lejn id-diżastri, hemm bżonn ta’ bidla minn approċċ ad hoc għal miżuri ppjanati minn qabel biżżejjed, flimkien ma’ politika integrata dwar l-eżerċizzji u l-korsijiet ta’ taħriġ, kunsiderazzjoni tan-natura transkonfinali tal-miżuri tal-prevenzjoni tad-diżastri (pereżempju fl-oqsma tal-protezzjoni tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-għargħar, ir-riskji ta’ nirien, is-sigurtà, il-protezzjoni tas-saħħa u l-politika reġjonali) u l-iffaċilitar ta’ iktar kooperazzjoni bejn l-istati parteċipanti;

    7.

    jinnota wkoll li l-UE għandha taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex iżżid in-numru ta’ korsijiet ta’ taħriġ tal-persunal fil-livell lokali u reġjonali sabiex tiżgura reazzjoni inizjali suffiċjenti u fuq kollox rispons effettiv għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

    8.

    jaqbel li l-miżuri ta’ protezzjoni ċivili huma kompetenza fundamentali tal-Istati Membri u li l-mekkaniżmu m’għandux jolqot ir-responsabbiltà prinċipali tal-Istati Membri li jħarsu lill-persuni, lill-ambjent u lill-proprjetà tat-territorju tagħhom mid-diżastri. L-għan prinċipali tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili għandu jkun li jappoġġja, jikkoordina u jikkumplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri;

    9.

    jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-miżuri ta’ protezzjoni ċivili fil-każ ta’ emerġenzi kbar;

    10.

    iħoss li l-UE għandha tidentifika nuqqasijiet speċifiċi ta’ riżorsi u tiddefinixxi eżattament kif tista’ tgħin l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-prontezza tagħhom b’mod partikolari f’relazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-Istati Membri u l-UE għandhom jimmiraw li jużaw ir-riżorsi eżistenti sabiex ma joħolqux piżijiet finanzjarji u amministrattivi addizzjonali mhux l-inqas għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    11.

    jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tistabbilixxi pjattaforma li tista’ tintuża għall-iskambju tal-informazzjoni u l-esperjenzi dwar l-indirizzar ta’ diżastri bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom;

    12.

    jenfasizza li l-Istati Membri bl-appoġġ tal-UE għandhom jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rispons għad-diżastri fi stadju bikri sabiex jużaw is-sistema tal-gvernanza f’diversi livelli użata fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni;

    13.

    jappoġġja l-proposta li jkun hemm għanijiet speċifiċi għall-prevenzjoni, l-iżgurar tal-prontezza għar-rispons lejn id-diżastru u li jiġu ffaċilitati l-interventi rapidi u effiċjenti ta’ reazzjoni għall-emerġenza meta jseħħu diżastri kbar jew fl-imminenza tagħhom;

    L-evalwazzjoni tal-problemi attwali u l-oqsma li fihom ġew indirizzati

    14.

    jinnota l-importanza ta’ semplifikazzjoni kontinwa tal-leġislazzjoni applikabbli (il-proposta hija pass kbir f’din id-direzzjoni) u l-proċeduri rilevanti filwaqt li jiġi żgurat li dawn mhumiex ambigwi u li huma trasparenti; dan għandu jillimita l-piżijiet amministrattivi u jservi ta’ punt ta’ tluq għal iktar miżuri ta’ semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-mekkaniżmu. Jindika li mudell standard jista’ jkun ta’ għajnuna sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet individwali tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju. In-nuqqas ta’ mudell bħal dan iżid ikoll ir-riskju ta’ kunflitti ma’ pjanijiet oħra tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju. In-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar l-ambitu u l-kontenut bażiku tal-pjanijiet iżid l-ispiża tat-tħejjija tagħhom, jagħmel il-paragun aktar diffiċli u fuq kollox, idgħajjef il-loġika wara l-obbligu għall-Istati Membri sabiex iressqu l-pjanijiet;

    15.

    jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiżguraw rispons immedjat għad-diżastri billi għandhom għarfien dettaljat tal-kundizzjonijiet ġeografiċi u soċjali lokali; iħoss li jkun adegwat li l-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-valutazzjoni tar-riskju u l-pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju billi f’bosta każijiet dawn tal-aħħar għandhom iktar għarfien mil-livell nazzjonali pereżempju f’termini ta’ evalwazzjoni tal-perikli;

    16.

    jinnota li d-dispożizzjonijiet finanzjarji fil-proposta dwar it-trasport jimxu fid-direzzjoni t-tajba u għandhom jippermettu li jittieħdu iktar passi fi żmien iktar qasir filwaqt li jżidu n-numru ta’ pajjiżi li jużaw ir-riżorsi billi t-trasport huwa wieħed mill-ispiżi prinċipali fil-każ tal-missjonijiet internazzjonali;

    17.

    jappoġġja l-miżuri tal-Kummissjoni li ttejjeb l-aċċess għal riżorsi adegwati tat-trasport sabiex tappoġġja l-proċess ta’ bini ta’ kapaċità rapida ta’ rispons fil-livell tal-UE sakemm l-iskop, l-ambitu u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni potenzjali ta’ dawn il-miżuri huma speċifikati b’mod ċar; jilqa’ l-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkomplementa t-trasport provdut mill-Istati Membri permezz ta’ riżorsi addizzjonali tat-trasport li jiżguraw rispons rapidu għal diżastri kbar;

    18.

    jenfasizza l-importanza ta’ trasformazzjoni minn approċċ reattiv u ad hoc għal mekkaniżmu iktar integrat, effettiv u mtejjeb. Neħtieġu tranżizzjoni ġenwina mill-approċċ ad hoc attwali għal pjanar u rispons rapidu;

    19.

    jifhem li l-għanijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni wiesa’ tagħha tal-kunċetti assoċjati mal-istrument sabiex tiżgura tħaddim iktar flessibbli u effettiv tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili; iħoss madanakollu li tkun utli kjarifika tad-definizzjonijiet stabbiliti f’Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “diżastru” u “diżastru kbir”; fil-futur dan jista’ jservi ta’ prevenzjoni kontra l-irregolaritajiet fl-użu tar-riżorsi tal-Istati Membri permezz tal-mekkaniżmu;

    20.

    jaqbel mal-Kummissjoni li l-aċċess għall-kapaċità ta’ reazzjoni kritika u soluzzjonijiet tat-trasport għandhom jittejbu filwaqt li jiġu faċilitati l-proċeduri li jiżguraw l-aħjar rispons u l-integrazzjoni mill-qrib ta’ politiki ta’ prevenzjoni;

    21.

    jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-kapaċità ta’ reazzjoni għall-emerġenzi billi żżid il-korsijiet u l-eżerċizzji ta’ taħriġ u tfassal pjanijiet adegwati ta’ emerġenza;

    L-erba’ blokki ewlenin tal-linja politika ta’ protezzjoni ċivili: il-prevenzjoni, l-istat ta’ tħejjija, ir-reazzjoni u d-dimensjoni esterna

    22.

    huwa favur li l-mekkaniżmu jkun ibbażat fuq l-erba’ blokki ewlenin tal-linja politika ta’ protezzjoni ċivili: il-prevenzjoni, l-istat ta’ tħejjija, ir-reazzjoni u d-dimensjoni esterna filwaqt li fl-istess ħin jiżdiedu wkoll id-dispożizzjonijiet finanzjarji;

    23.

    huwa favur miżuri li jħeġġu lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi li jadottaw approċċ integrat fil-qasam tal-ġestjoni tad-diżastru;

    24.

    jenfasizza li għall-prevenzjoni kontra l-ħsara kkawżata mid-diżastri lin-nies, lill-proprjetà u lill-ambjent, importanti li jittieħdu miżuri li b’mod kostanti jibnu u jaġġornaw il-bażi tal-għarfien dwar ir-riskju filwaqt li jsiru skambji ta’ għarfien, prattiki u informazzjoni. Huwa vitali wkoll li tiżied is-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni u li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jingħataw appoġġ f’li jieħdu passi b’enfasi partikolari fuq it-tfassil ta’ pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju;

    25.

    jaqbel mal-miżuri li qed tippjana l-Kummissjoni sabiex tiżgura t-tħejjija pereżempju billi tistabbilixxi Ċentru ta’ Reazzjoni għall-Emerġenza (ERC), il-ġestjoni ta’ Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni dwar l-Emerġenzi (CECIS), il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ individwazzjoni u ta’ avviż bikri għal diżastri, it-twaqqif u ż-żamma tal-kapaċità ta’ gruppi ta’ esperti, moduli u elementi kif ukoll it-teħid ta’ azzjoni ta’ appoġġ u komplementari (taħriġ, disseminazzjoni tal-esperjenza u l-għarfien). Fl-istess waqt il-Kumitat jixtieq jara iktar dettalji dwar it-talbiet tal-Istati Membri għal għajnuna permezz tal-ERC. Ir-referenza fit-test għal “talba speċifika” hija vaga wisq. Barra dan l-ERC jrid ikun konformi wkoll mal-korpi nazzjonali u reġjonali eżistenti;

    26.

    jaqbel mal-miżuri li qed tippjana l-Kummissjoni fil-każ ta’ talba minn Stat Membru għal għajnuna f’diżastru kbir attwali jew imminenti b’mod partikolari b’relazzjoni mal-miżuri li jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni tal-gruppi, l-esperti, l-moduli u l-appoġġ apparti dak li jingħata mill-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi;

    27.

    jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi fil-forma ta’ konsorzjament volontarju ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni impenjati minn qabel tal-Istati Membri. Ir-rekwiżiti ta’ kwalità għall-kapaċità ta’ reazzjoni għall-emerġenzi għandhom jiġu definiti f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Fl-istess waqt jixtieq iktar dettalji dwar il-proċeduri tal-Istati Membri sabiex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe raġunijiet li jżommuhom lura milli jagħmlu dawn il-kapaċitajiet disponibbli f’emerġenza speċifika. Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-kapaċità ta’ reazzjoni m’għandhiex għalfejn tkun disponibbli f’emerġenza speċifika jekk tkun meħtieġa għal finijiet nazzjonali;

    28.

    iħoss li huwa essenzjali li tiġi provduta informazzjoni min-naħa tal-Istati Membri għall-Kummissjoni dwar raġunijiet li jżommuhom lura milli jpoġġu l-kapaċitajiet għad-dispożizzjoni tal-aġġornamenti ta’ pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju;

    29.

    jappoġġja l-valutazzjoni ta’ nofs it-term tal-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi li qed tippjana l-Kummissjoni; jekk din topera b’mod effiċjenti għandha tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet speċifiċi li ġew identifikati;

    Kummenti ta’ konklużjoni

    30.

    jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiftaħ l-allokazzjoni ta’ għotjiet abbażi tad-deċiżjoni li qed tiġi riveduta u li jieħdu bosta forom ipprovduti mir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari għotjiet, rimborż ta’ spejjeż, akkwist pubbliku, jew kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji;

    31.

    jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni biex tikseb sinerġiji u komplementarjetà ma’ strumenti oħra tal-Unjoni filwaqt li teskludi għajnuna simultanja mill-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni;

    32.

    iħoss li huwa adegwat li l-Kummissjoni tieħu miżuri adegwati li jiżguraw li meta jiġu implimentati l-azzjonijiet finanzjarji, l-interessi tal-Unjoni jiġu mħarsa mill-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra;

    33.

    fl-istess waqt jenfassiza l-bżonn ta’ iktar preċiżjoni fid-definizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni u fir-rigward tat-talbiet għal għajnuna fir-reazzjoni lejn diżastri kbar attwali jew imminenti sabiex jiġu esklużi l-irregolaritajiet potenzjali li jistgħu jqumu minn kunċetti li mhumiex definiti tajjeb.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

    Emenda 1

    Artikolu 4(2) – Id-definizzjonijiet

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, se japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    2.

    “diżastru ewlieni” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni li għandha jew jista’ jkollha impatt avvers fuq il-persuni, l-ambjent jew il-proprjetà u li tista’ tirriżulta f’sejħa għall-għajnuna taħt dan il-Mekkaniżmu;

    Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, se japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    2.

    “diżastru ewlieni” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni li għandha jew jista’ jkollha impatt avvers fuq il-persuni, l-ambjent jew il-proprjetà u li ;

    Emenda 2

    Artikolu 6 – Il-pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    1.   Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva fi ħdan il-Mekkaniżmu, l-Istati Membri se jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet tagħhom tal-ġesjtoni f’każ ta’ riskju.

    1.   Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva fi ħdan il-Mekkaniżmu, l-Istati Membri se jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet tagħhom tal-ġesjtoni f’każ ta’ riskju .

    2.   Il-pjanijiet ta’ ġestjoni f’każ ta’ riskju se jikkunsidraw il-valutazzjonijiet nazzjonali ta’ riskju u valutazzjoni oħra rilevanti ta’ riskju u se jkunu koerenti ma’ pjanijiet rilevanti oħrajn fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

    2.   Il-pjanijiet ta’ ġestjoni f’każ ta’ riskju se jikkunsidraw il-valutazzjonijiet nazzjonali ta’ riskju u valutazzjoni oħra rilevanti ta’ riskju u se jkunu koerenti ma’ pjanijiet rilevanti oħrajn fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

    3.   L-Istati Membri se jassiguraw li sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016 li l-pjanijiet tagħhom tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju jkunu lesti u kkomunikati lill-Kummissjoni fil-forma l-aktar aġġornata.

       

       L-Istati Membri se jassiguraw li sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-201 li l-pjanijiet tagħhom tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju jkunu lesti u kkomunikati lill-Kummissjoni .

    Raġuni

    In-nuqqas ta’ mudell standard li jintuża bħala bażi għall-pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju jista’ jwassal għal differenzi sinifikanti fil-kontenut tal-pjanijiet individwali. Barra minn hekk huwa essenzjali li jiġi definit u enfasizzat ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali billi huma jinsabu fl-aħjar post li jiżguraw rispons immedjat għad-diżastri fid-dawl tal-għarfien dettaljat tagħhom tal-kundizzjonijiet ġeografiċi u soċjali lokali. Jeħtieġ li tiġi stabbilita skeda għall-Istati Membri sabiex jaġġornaw b’mod regolari u jissottomettu pjanijiet tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju filwaqt li jsir aġġronament eċċezzjonali wkoll fil-każ ta’ bidliet għal għarrieda u mhux mistennija fil-pjan attwali.

    Emenda 3

    Artikolu 7(a) – L-azzjonijiet ta’ tħejjija ġenerali tal-Kummissjoni

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet ta’ tħejjija li ġejjin:

    (a)

    twaqqaf u timmaniġġa ċ-Ċentru Ewropew ta’ Rispons għall-Emerġenza (ERC), li jiżgura kapaċità operattiva 24/7, u jservi lill-Istati Membri u l-Kummissjoni għar-raġunijiet tal-Mekkaniżmu;

    Il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet ta’ tħejjija li ġejjin:

    (a)

    twaqqaf u timmaniġġa ċ-Ċentru Ewropew ta’ Rispons għall-Emerġenza (ERC), li jiżgura kapaċità operattiva 24/7, u jservi lill-Istati Membri u l-Kummissjoni għar-raġunijiet tal-Mekkaniżmu;

    Raġuni

    Huwa essenzjali li jiġi assigurat li l-istabbiliment u l-ġestjoni tal-ERC ma joħolqux strutturi paralleli jew proċeduri mhux ċari ta’ skjerament fil-livell Ewropew. L-Artikolu 7 tal-proposta għal Deċiżjoni, li jikkonċerna l-ERC, għalhekk għandu jipprovdi li jitqiesu l-korpi nazzjonali u reġjonali u li għandu jkun hemm koordinazzjoni bejnhom u bejn l-ERC.

    Emenda 4

    Artikolu 11(3) u (7) – Il-kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    1.   Tiġi mwaqqfa Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi fil-forma ta’ konsorzjonament volontarju ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Istati Membri.

    1.   Tiġi mwaqqfa Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi fil-forma ta’ konsorzjonament volontarju ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Istati Membri.

    2.   Fuq il-bażi ta’ xenarji ta’ referenza, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiddefinixxi t-tipi u n-numru ta’ kapaċitajiet meħtieġa għall-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi (minn hawn ’il quddiem “miri ta’ kapaċità”).

    2.   Fuq il-bażi ta’ xenarji ta’ referenza, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiddefinixxi t-tipi u n-numru ta’ kapaċitajiet meħtieġa għall-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi (minn hawn ’il quddiem “miri ta’ kapaċità”).

    3.   Il-Kummissjoni tiddefinixxi ħtiġijiet ta’ kwalità għall-kapaċitajiet li jkunu se jiġu impenjati lill-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi. L-Istati Membri jkunu responsabbli biex jiżguraw il-kwalità tagħhom.

    3.   Il-Kummissjoni tiddefinixxi ħtiġijiet ta’ kwalità għall-kapaċitajiet li jkunu se jiġu impenjati lill-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi. L-Istati Membri jkunu responsabbli biex jiżguraw il-kwalità tagħhom.

    4.   Il-Kummissjoni tistabilixxi u timmaniġġa proċess għaċ-ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ kapaċitajiet li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli għall-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi.

    4.   Il-Kummissjoni tistabilixxi u timmaniġġa proċess għaċ-ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ kapaċitajiet li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli għall-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi.

    5.   L-Istati Membri jidentifikaw u jirreġistraw kapaċitajiet fuq bażi volontarja, li jimpenjaw lill-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi. Ir-reġistrazzjoni ta’ moduli multinazzjonali pprovduti minn żewġ Stati Membri jew aktar tintuża b’mod konġunt mill-Istati Membri kollha kkonċernati.

    5.   L-Istati Membri jidentifikaw u jirreġistraw kapaċitajiet fuq bażi volontarja, li jimpenjaw lill-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi. Ir-reġistrazzjoni ta’ moduli multinazzjonali pprovduti minn żewġ Stati Membri jew aktar tintuża b’mod konġunt mill-Istati Membri kollha kkonċernati.

    6.   Il-kapaċitajiet reġistrati fil-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi jkunu disponibbli għal operazzjonijiet ta’ reazzjoni għall-emerġenzi taħt il-Mekkaniżmu fuq it-talba tal-Kummissjoni permezz tal-ERC. L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr dwar raġunijiet serji li jistgħu jwaqqfuhom milli dawn il-kapaċitajiet ikunu disponibbli f’emerġenza speċifika.

    6.   Il-kapaċitajiet reġistrati fil-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi jkunu disponibbli għal operazzjonijiet ta’ reazzjoni għall-emerġenzi taħt il-Mekkaniżmu fuq it-talba tal-Kummissjoni permezz tal-ERC. L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr dwar raġunijiet serji li jistgħu jwaqqfuhom milli dawn il-kapaċitajiet ikunu disponibbli f’emerġenza speċifika.

    7.   Fil-każ ta’ skjerament, il-kapaċitajiet jibqgħu taħt il-kmand u d-direzzjoni tal-Istati Membri. Il-koordinazzjoni fost il-kapaċitajiet differenti tkun żgurata mill-Kummissjoni permezz tal-ERC. Il-kapaċitajiet jibqgħu disponibbli għar-raġunijiet nazzjonali tal-Istati Membri meta ma jintużawx f’operazzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu.

    7.   Fil-każ ta’ skjerament, il-kapaċitajiet jibqgħu taħt il-kmand u d-direzzjoni tal-Istati Membri. Il-koordinazzjoni fost il-kapaċitajiet differenti tkun żgurata mill-Kummissjoni permezz tal-ERC.

    8.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw viżibilità xierqa tal-interventi tal-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi.

    8.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw viżibilità xierqa tal-interventi tal-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi.

    Emenda 5

    Artikolu 15 – Ir-reazzjoni għal diżastri kbar fi ħdan l-Unjoni

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    1.   Fejn iseħħ diżastru kbir fi ħdan l-Unjoni, jew l-imminenza tiegħu, Stat Membru jista’ jitlob għall-għajnuna permezz tal-ERC. It-talba tkun speċifika kemm jista’ jkun.

    1.   Fejn iseħħ diżastru kbir fi ħdan l-Unjoni, jew l-imminenza tiegħu, Stat Membru jista’ jitlob għall-għajnuna permezz tal-ERC. It-talba tkun speċifika

    Raġuni

    Hemm bżonn ta’ iktar informazzjoni preċiża mill-Istati Membri fil-każ ta’ diżastru kbir li tippermetti azzjoni effettiva, immirata u kosteffiċjenti taħt il-Mekkaniżmu, apparti li tippermetti li l-għanijiet mixtieqa jinkisbu iktar malajr, fattur importanti ħafna fir-rispons għad-diżastri.

    Brussell, 19 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    Top