This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1054
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Energy education’ (exploratory opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni dwar l-enerġija” (opinjoni esploratorja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni dwar l-enerġija” (opinjoni esploratorja)
ĠU C 191, 29.6.2012, p. 11–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 191/11 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni dwar l-enerġija” (opinjoni esploratorja)
2012/C 191/03
Relatur: is-Sur IOZIA
Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-UE ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
L-edukazzjoni dwar l-enerġija
(opinjoni esploratorja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ April 2012.
Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni unanimament.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima Connie Hedegaard qalet: “Ma nistgħux negħlbu l-isfidi tal-iżvilupp globali jekk is-setgħat ekonomiċi dinjija ma jikkunsidrawx mill-ġdid il-mudell ta’ żvilupp tagħhom”.
1.2 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa konxju tar-rwol strateġiku tal-edukazzjoni dwar l-enerġija. Tinħtieġ bidla sostanzjali fl-imġiba biex issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, prevista wkoll fil-Pjan direzzjonali għall-2050 tal-Kummissjoni Ewropea. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija indispensabbli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE, b’mod partikolari dak fuq perjodu medju ta’ żmien dwar it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija b’mill-inqas 20 % sal-2020.
1.3 L-għanijiet prinċipali tal-edukazzjoni dwar l-enerġija jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li tintradd lura l-armonija bejn il-bniedem u n-natura. Jinħtieġ nerfgħu r-responsabbiltà li nħarsu ’l quddiem, nifhmu u nantiċipaw il-bżonnijiet tas-soċjetà tal-ġejjieni. Għaddejjin minn żmien estremament importanti u deċiżiv, li fih l-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, l-iskejjel, l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka, l-intrapriżi, l-industriji, il-banek, it-trejdjunjins, l-NGOs u l-mezzi tax-xandir huma involuti f’approċċ integrat f’diversi livelli.
1.4 L-esperjenza miksuba mill-NGOs huma u japprofondixxu l-mudelli u l-istrumenti fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija huma ta’ importanza kbira ħafna. L-iskambji bejn il-korpi professjonali mill-qasam varjat ħafna tal-assoċjazzjonijiet fil-livell lokali u l-għalliema f’livelli differenti tas-sistema edukattiva ser jagħmlu l-edukazzjoni dwar l-enerġija partikolarment effettiva. L-aħjar mod kif nistgħu niksbu riżultati ta’ kwalità għolja huwa li jkun hemm taħlita ta’ prattiki tajbin u esperjenza fit-tagħlim.
1.5 Fil-fehma tal-KESE, jinħtieġ li jiġu żviluppati metodi innovattivi ta’ edukazzjoni, tagħlim u taħriġ li għandhom jiġu kkombinati ma’ metodi eżistenti li taw prova tal-effiċjenza tagħhom. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ser jaqdu rwol fundamentali f’dan il-qasam.
1.6 Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva l-ġdida tas-SET-Plan “Energy Education and Training Initiative”, li tlaqqa’ flimkien korpi mill-qasam akkademiku, mill-istituti tar-riċerka u mill-industrija. Il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, b’mod partikolari fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, wasslet għal riżultati eċċellenti u għandha tkompli tiġi appoġġjata fil-ġejjieni. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni ma tonqosx li tappoġġja dawn l-inizjattivi.
1.7 L-edukazzjoni dwar l-enerġija tista’ tgħin biex jissolvew kwistjonijiet marbutin mal-faqar u l-faqar enerġetiku. Iċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt għal enerġija bi prezzijiet raġonevoli.
1.8 Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni adegwata lill-prijorità tal-edukazzjoni dwar l-enerġija, u għandha tiddedika riżorsi adatti fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.
1.9 F’din l-opinjoni, il-KESE jemmen li hemm bżonn dejjem ikbar li l-EDEN jiġi appoġġjat, in-netwerk Ewropew ta’ forums nazzjonali għall-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent, fuq il-bażi ta’ inizjattivi eżistenti fil-livell lokali, nazzjonali, internazzjonali u Ewropew.
2. Introduzzjoni
2.1 L-edukazzjoni hija waħda mill-fatturi prinċipali fil-bidla fl-imġiba. Din l-opinjoni tenfasizza r-rwol vitali f’dan il-proċess u ssaħħaħ il-kunċett “l-aħjar enerġija hija dik li ma tintużax” (1).
2.2 Fl-2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien ġa fassal opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissarju għall-Enerġija dwar “Il-ħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà tal-enerġija mingħajr karbonju” (2). Illum il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet li għamel f’dik l-opinjoni u jipproponi argumenti oħra fid-dawl tal-iżviluppi li saru minn dak iż-żmien ’l hawn.
2.3 Il-bidla radikali li qed nesperjenzaw bħalissa u li se jesperjenzaw il-ġenerazzjonijiet futuri fil-livell globali tpoġġi t-tema tal-enerġija sostenibbli f’kuntest dejjem iktar rilevanti għall-għażliet politiċi, industrijali, kollettivi u individwali. Dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kważi rivoluzzjonarju, se jwassal għall-ħolqien ta’ sistema li fiha l-użanzi tagħna u l-mod kif naħsbuha ser jinbidlu għalkollox. Iż-żmien li għandna biex niksbu din it-tranżizzjoni huwa limitat u għaldaqstant hija meħtieġa t-tnedija ta’ programmi u inizjattivi fuq perjodu twil ta’ żmien mill-aktar fis possibbli.
2.4 L-enerġija u l-ambjent
2.4.1 L-enerġija dejjem kienet element fundamentali fil-ħajja tal-bniedem. B’mod partikolari, il-bidla radikali fl-istil tal-ħajja u l-konsum taċ-ċittadini kkontribwixxiet għal żieda fid-domanda għall-enerġija. Fid-deċenji li ġejjien, l-Ewropa trid tiffaċċja bosta sfidi relatati mal-enerġija, pereżempju:
— |
il-konvivenza mal-effetti tat-tibdil fil-klima, |
— |
iż-żieda u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, |
— |
il-migrazzjoni; |
— |
is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, |
— |
it-tnaqqis fid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, |
— |
l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, |
— |
il-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku, |
— |
il-garanzija ta’ aċċess għall-enerġija għall-konsumaturi kollha (privati u industriji), |
— |
il-mobbiltà sostenibbli, |
— |
id-diżastri naturali (għargħar, terremoti, maremoti, eċċ.), |
— |
l-iskarsezza tar-riżorsi (enerġija, ilma, materja prima), |
— |
iż-żieda fid-domanda globali għall-enerġija, |
— |
il-promozzjoni tas-sorsi rinnovabbli, |
— |
l-ICT (netwerks intelliġenti, eċċ.), |
— |
il-fattur uman (edukazzjoni, imġiba/drawwiet), |
— |
il-globalizzazzjoni, |
— |
is-sikurezza, |
— |
il-kompetittività. |
2.5 Il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u l-edukazzjoni dwar l-enerġija
2.5.1 Sabiex tilħaq l-għanijiet prinċipali tal-politika Ewropea fil-qasam tal-enerġija, bħas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-kompetittività u s-sostenibbiltà, l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra bl-akbar reqqa dawn il-fatturi li jirrappreżentaw sfidi futuri u tagħmel it-tibdil meħtieġ.
2.5.2 Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata spinta ġdida lil dan il-proċess. Iċ-ċittadini kollha jridu jkunu konxji mill-kwistjonijiet dwar l-enerġija u r-riskji relatati jekk ma jintlaħqux l-għanijiet stabbiliti. L-edukazzjoni intelliġenti dwar l-enerġija hi ċentrali għall-bidla fl-imġiba, pereżempju fil-qasam tar-radjazzjoni jonizzanti li ġejja mill-iskart radjuattiv u li tista’ tagħmel ħsara lill-bniedem u lill-ambjent (3). Huwa indispensabbli li jitfasslu azzjonijiet speċifiċi għall-azzjonijiet dwar l-enerġija.
3. L-edukazzjoni dwar l-enerġija – xi konsiderazzjonijiet
3.1 L-edukazzjoni dwar l-enerġija hija waħda mill-istrumenti importanti għall-ħolqien ta’ mudell ġdid ta’ żvilupp sostenibbli u għall-promozzjoni ta’ kultura ġdida. Barra minn hekk, it-trasversalità tas-suġġett titlob approċċ integrat li jinkludi l-aspetti differenti tal-ħajja moderna u tas-soċjetà ċivili li jinvolvi s-setturi kollha (l-agrikoltura, is-servizzi, l-industrija, il-bini) u ċ-ċittadini kollha.
3.2 Illum il-ġurnata, il-ħtieġa ta’ edukazzjoni permanenti, bħala proċess ta’ edukazzjoni tal-individwu li jiżviluppa tul ħajtu kollha, kemm fiż-żmien tal-iskola u anke wara, hija ikbar minn qatt qabel. Il-KESE jenfasizza l-importanza li titfassal triq għall-edukazzjoni intelliġenti dwar l-enerġija li tlaqqa’ flimkien l-aspetti differenti tal-ħajja soċjali, bħall-familja, l-iskola, il-post tax-xogħol u l-istituzzjonijiet kulturali u ta’ rikreazzjoni.
3.3 Imġiba razzjonali u responsabbli teħtieġ interventi sabiex jiġi ffaċilitat, inkoraġġut u msaħħaħ użu iktar effiċjenti tal-enerġija. Hija meħtieġa informazzjoni ċara, kredibbli u li tinftiehem sewwa u, b’mod partikolari, aċċessibbli dwar teknoloġiji li jeħtieġu l-użu tal-enerġija. L-edukazzjoni taqdi rwol vitali bħala prerekwiżit indispensabbli sabiex ikun hemm kunsens ġenerali fost il-pubbliku dwar il-leġislazzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri individwali.
3.4 L-edukazzjoni dwar l-enerġija trid tibda min-nursery school u l-primarja. It-tfal huma konxji mit-temi marbuta mal-enerġija u jħaddnu malajr ideat u drawwiet ġodda. Dawn jistgħu jinfluwenzaw il-viżjoni u l-azzjonijiet tal-ġenituri u tan-nies madwarhom. L-istudenti tal-lum se jkunu l-ħaddiema, l-impjegati, l-għalliema, l-inġiniera, il-periti, il-politiċi u l-intraprendituri ta’ għada. Id-deċiżjonijiet li ser jieħdu tul ħajjithom jinfluwenzaw b’mod drastiku l-użu tar-riżorsi tas-soċjetà tagħna.
3.5 It-temi dwar l-aspetti kollha relatati mal-enerġija u t-tibdil fil-klima għandhom jiġu inklużi fil-kurrikuli tal-Istati Membri kollha, mill-iskola primarja u sekondarja, kif ukoll l-università u mbagħad l-ispeċjalizzazzjoni. Hija ta’ importanza fundamentali li ż-żgħażagħ tal-lum jitħarrġu fil-professjonijiet il-ġodda. L-edukazzjoni dwar l-enerġija tista’ tipprovdi kompetenzi prattiċi li jistgħu jiġu applikati għar-rekwiżiti futuri tas-settur tal-enerġija u għaldaqstant jiġi megħjun il-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu qasir u twil ta’ żmien.
3.6 Il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija u t-teknoloġiji l-ġodda ta’ dan is-settur jippreżentaw sfidi ġodda għall-konsumaturi li s’issa akkwista l-enerġija mingħand intrapriżi monopolistiċi. L-edukazzjoni u t-taħriġ dwar l-enerġija għandhom jinkludu kunċetti oħra, pereżempju: “Kif jistgħu jintużaw miters intelliġenti b’tali mod li tiġi ffrankata l-enerġija?”, “X’inhuma d-drittijiet tal-konsumatur u l-obbligi meta jiġi ffirmat kuntratt ma’ fornitur tal-enerġija?”, “Kif tiġi kkalkulata l-marka tal-karbonju tagħna?” u “l-ekotikketta”. Is-sejbiet tal-proġett Dolceta (www.dolceta.eu) kienu estremament importanti u l-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li ma jinħlewx, iżda li jibqgħu viżibbli għall-pubbliku inġenerali.
3.7 L-edukazzjoni dwar l-enerġija tkompli anke barra l-iskola. It-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jinfluwenzaw il-komunità soċjali kollha permezz tal-familja u l-ħbieb u b’dan il-mod l-adulti jiġu sensibilizzati dwar l-adozzjoni ta’ drawwiet tajbin. Sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti għaldaqstant huwa importanti ħafna li jkun hemm kontinwità fl-azzjoni edukattiva u li tkun garantita liċ-ċittadini kollha. Tajjeb li wieħed jestendi u jsaħħaħ ħafna t-taħriġ sabiex tintlaħaq firxa wiesgħa ta’ persuni, adulti u professjonisti (pereżempju inġiniera, periti u dawk li jfasslu l-opinjoni pubblika). Hija meħtieġa wkoll politika mmirata fil-qasam tat-taħriġ tal-persunal li jħarreġ.
3.8 Il-proċess ta’ tagħlim huwa kumpless ħafna. Hemm bosta partijiet interessati involuti fil-proċess, kull parti bi rwoli prinċipali differenti. Il-KESE jenfasizza l-importanza li, għal kull grupp ta’ riferiment, jiġi eżaminat l-aħjar metodu ta’ edukazzjoni u għaldaqstant it-tfassil ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ adatti filwaqt li jitqiesu l-età, is-sess, id-differenzi kulturali u l-livell ta’ taħriġ. Għandhom jiġu eżaminati u żviluppati, bi prudenza, mezzi ġodda bħan-netwerks soċjali.
4. Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea
4.1 L-Unjoni Ewropea tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tat-tagħlim u tat-taħriġ, filwaqt li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk meħtieġ, tappoġġja u tintegra l-attivitajiet tagħhom (Artikoli 149 u 150 tat-Trattat). Flimkien mal-bżonn kroniku li jogħlew l-istandards edukattivi fl-oqsma kollha, l-Unjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtieġa ta’ għarfien u ħiliet fis-settur tal-enerġija. Is-sit tal-internet www.energy.eu diġà jipprovdi kontribut importanti. L-Ewropa teħtieġ xjenzati tal-kimika li jaħdmu fil-qasam tal-ġbir tal-enerġija solari u ta’ inġiniera li jfasslu u jibnu netwerks intelliġenti, u mhux hekk biss. Barra minn hekk, fil-livell Ewropew għandu jiġi evitat li nagħmlu bħan-nagħaġ ta’ Bendu,bħalma ġara fil-każ tas-sussidji fuq il-produzzjoni tal-bijokarburanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li wasslu għal effetti mhux mixtieqa, l-istess bħall-każ tal-kultivazzjoni tal-jatropha, pjanta oleaġinuża spontanja li tikber fid-deżert, f’ċerti pajjiżi Afrikani.
4.1.1 Għall-KESE huwa fundamentali li, fl-ambitu tat-tfassil tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni tqis l-edukazzjoni dwar l-enerġija bħala parti integrali mill-istrateġija Ewropea sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-enerġija u tal-klima li l-Unjoni stabbilixxiet għall-2020 u għall-2050.
4.2 Ir-rwol tal-amministrazzjonijiet pubbliċi
4.2.1 Abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-edukazzjoni hija settur fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, li jerfgħu r-responsabbiltà sħiħa tal-kontenut u l-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ. Il-Gvernijiet tal-Istati Membri għandhom iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-atturi soċjali kollha tas-soċjetà fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u fil-ħolqien ta’ programmi ddedikati għall-enerġija. Barra minn hekk, għandhom jissorveljaw l-informazzjoni u jagħmlu disponibbli għadd ta’ strumenti lill-konsumatur, pereżempju siti tal-internet sabiex jitqabblu l-prezzijiet u/jew fejn tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar diversi aspetti dwar l-enerġija.
4.2.2 L-amministrazzjoni pubblika trid tagħti eżempju tajjeb. Ir-reġjuni, flimkien mal-provinċji u l-entitajiet lokali, għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni effikaċi tal-attivitajiet sabiex jagħtu kontribut għall-bini ta’ kultura mifruxa dwar l-iffrankar tal-enerġija. L-għarfien dwar il-bidla meħtieġa, it-tekniki għal enerġija effiċjenti u l-użu tas-sorsi rinnovabbli jrid isir patrimonju taċ-ċittadini kollha. Għal din ir-raġuni, flimkien mal-interventi leġislattivi u tekniċi, l-istituzzjonijiet iridu jfasslu azzjonijiet mifruxa ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni maħsuba għaċ-ċittadini kollha, l-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet f’din il-kategorija. F’dan il-qasam, il-KESE jagħti eżempju permezz tal-programm intern tiegħu EMAS (Eco-Management and Audit Scheme), li bis-saħħa tiegħu kiseb l-ogħla livell taċ-ċertifikazzjoni li tagħti l-Aġenzija għall-Ambjent tar-Reġjun ta’ Brussell (IBGE “Ecodynamic Enterprise label”).
4.3 Ir-rwol tal-iskejjel
4.3.1 Ħafna mill-ideat u l-għarfien tagħna jiġu mill-iskola. Illum l-iskola hi mibnija fuq sistema tradizzjonali ta’ tagħlim li għandha xi nuqqasijiet fil-livell nazzjonali. Ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, ma jeżistux programmi ddedikati għall-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent u ta’ sikwit ma hemmx għalliema b’taħriġ formali adegwat dwar dawn is-suġġetti. Għal din ir-raġuni u oħrajn, l-iskejjel tal-futur għandhom joffru l-opportunità li jiġi intensifikat l-għarfien dwar l-iffrankar tal-enerġija, l-enerġija, ix-xjenza, l-ambjent u l-klima, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni dwar is-suġġett tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-istudenti jingħataw kompetenzi soċjali u analitiċi bil-għan li jkunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni razzjonali li twassal għal bidla fl-imġiba fil-futur. L-għarfien dwar l-enerġija u l-ambjent jista’ jiġi inkluż fost il-ħiliet prinċipali tal-qafas ta’ referenza Ewropew għat-tagħlim tul il-ħajja. L-għalliema jaqdu rwol deċiżament importanti u jeħtieġu materjal edukattiv adattat għal-livell ta’ tagħlim u s-suġġett mgħallem. L-użu ta’ riżorsi aġġornati u d-definizzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ adegwati u ta’ appoġġ għall-għalliema għandhom jiġu inklużi f’kull programm edukattiv. L-universitajiet jaqdu rwol fundamentali, kif previst fil-proċess ta’ Bolonja li, fost l-għanijiet tiegħu, jistabbilixxi t-twaqqif ta’ organizzazzjoni edukattiva li dejjem tirrifletti iżjed mill-qrib ir-ritmu mgħaġġel dinji u l-interessi tal-Komunità, bil-għan li tiżgura, min-naħa tagħha, li l-kwalifiki jiġu riflessi aħjar fis-suq tax-xogħol fi ħdan iż-żona Ewropea kollha.
4.4 Ir-rwol tal-intrapriżi
4.4.1 Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u l-intrapriżi, li kienet appoġġjata mill-KESE fl-2009 (4), għandha rwol fundamentali importanti. Bis-saħħa tal-flessibbiltà tipika tas-setturi professjonali, u b’mod partikolari tal-SMEs, is-sħubija tista’ tkun waħda mir-riżorsi prinċipali għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol fi żmien ta’ kriżi u tagħti spinta qawwija lill-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali u l-kreattività. Ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom ikunu parti integrali f’din is-sħubija b’tali mod li jiffavorixxu t-trasferiment rapidu tat-teknoloġiji l-ġodda. Il-professjonisti (inġiniera, periti, eċċ.) għandhom jiġu edukati b’mod permanenti dwar l-iżviluppi l-ġodda tas-settur rilevanti. Għandhom isiru wkoll seminars speċjalizzati fil-post tax-xogħol dwar kif tiġi ffrankata l-enerġija.
4.5 Ir-rwol tal-banek
4.5.1 Ir-rwol tas-settur bankarju huwa importanti ħafna għall-ekonomija u s-soċjetà. Il-banek huma preżenti f’ħafna mill-fażijiet tal-ħajja ta’ kuljum tal-persuni u, minbarra li huma intermedjarji finanzjarji, għandhom ikunu wkoll intermedjarji ta’ fiduċja. Permezz tal-għoti ta’ self b’imgħax baxx, flimkien ma’ informazzjoni adegwata, jistgħu jappoġġjaw l-attivitajiet marbuta mal-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent, billi jiffaċilitaw l-investiment ekoloġiku f’għadd ta’ setturi tal-ekonomija (bini, trasport, eċċ.).
4.6 Ir-rwol tat-trejdjunjins
4.6.1 L-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins jistgħu jagħtu kontribut kbir għat-twettiq ta’ proċess li fih l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali huma strumenti ta’ pjan uniku ta’ ċiviltà u żvilupp sostenibbli. L-ekonomija ekoloġika, pereżempju, teħtieġ persunal kwalifikat li hu kapaċi jadatta ruħu skont il-bidliet li jġibu magħhom l-iżvilupp teknoloġiku, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Anke fil-livell tal-imġiba individwali, ir-rwol tat-trejdjunjins jista’ jkun wieħed strateġiku permezz ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-membri nnifishom, possibbilment ta’ natura kuntrattwali, li jippremjaw l-imġiba tajba u l-iffrankar tal-enerġija miksub. Il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins f’dan il-qasam tista’ tagħti riżultati sostanzjali.
4.7 Ir-rwol tas-soċjetà ċivili (NGOs)
4.7.1 L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-organizzazzjonijiet ambjentalisti għandhom rwol importanti ħafna meta titqies il-funzjoni straordinarja li jwettqu fit-trasferiment tal-kompetenzi u l-għarfien. Dawn għandhom jiġu involuti fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-konsum u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livelli kollha: programmazzjoni, tfassil, deċiżjoni dwar il-kontenut, tqassim tal-informazzjoni, suġġerimenti, tixrid, valutazzjoni tar-riżultati.
4.7.2 L-NGOs għandhom ikunu l-interlokuturi naturali tal-awtoritajiet nazzjonali u għandhom jiġu appoġġjati fl-azzjonijiet ta’ edukazzjoni tagħhom, li l-benefiċċji tagħhom jinħassu mis-soċjetà kollha. Programmi ta’ edukazzjoni informali, komunikazzjoni mal-għalliema, l-organizzazzjoni ta’ żjajjar edukattivi fil-post, mini campuses speċjalizzati, pubblikazzjonijiet adegwati għal kull età huma lkoll attivitajiet li għandhom jingħataw lill-organizzazzjonijiet attivi u esperti fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija.
4.8 Ir-rwol tal-mezzi tax-xandir u tan-netwerks soċjali
4.8.1 Il-mezzi tax-xandir jaqdu rwol strateġiku u siewi fit-tixrid ta’ informazzjoni korretta u fil-forniment ta’ edukazzjoni tal-massa għall-etajiet kollha. Il-messaġġi fil-programmi li jindirizzaw suġġetti marbutin mal-enerġija u l-ambjent għandhom dejjem ikunu ta’ ċertu kalibru xjentifiku u newtrali mill-perspettiva kulturali. Il-kontenut tal-informazzjoni pprovduta għandu jkun suġġett għal analiżi rigoruża qabel ma jiġu użati l-għodod tal-mezzi tax-xandir, b’mod partikolari t-televiżjoni. L-interessi preżenti fl-oqsma tal-ambjent u tal-enerġija huma enormi u jistgħu jinfluwenzaw, f’naħa jew oħra, il-persuni li ma għandhomx l-għarfien jew l-għodod konoxxittivi u kritiċi biex jagħmlu valutazzjoni ġusta tal-informazzjoni li jirċievu.
4.8.2 In-netwerks soċjali jaqdu rwol daqstant importanti u delikat, fid-dawl tal-fatt li huma maħsuba l-iżjed għaż żgħażagħ, li jemozzjonaw ruħhom faċilment u għandhom it-tendenza li jiddedikaw ruħhom bis-sħiħ għal kwistjonijiet tant importanti. Kull min juża dawn il-mezzi għandu jirrispetta kodiċi ta’ mġiba u jaqbel li jiġi “ssorveljat” u, f’każ ta’ bżonn, jibdel l-informazzjoni li tkun ambigwa jew preġudikata.
4.8.3 Ma hemm l-ebda dubju li, fil-ġejjieni, dawn l-istrumenti ser isiru dejjem iżjed importanti. (Illum il-ġurnata, hemm iżjed persuni msieħba f’netwerks soċjali minn kemm kien hemm nies jgħixu fid-dinja fil-bidu tas-Seklu 20). L-ammont kbir ta’ informazzjoni disponibbli ser jibdel il-lingwaġġ u t-tipi tal-informazzjoni. L-edukazzjoni ser tintlaqat minn dan it-tibdil, u jeħtieġ li nitgħallmu nsarrfu l-messaġġi multidimensjonali u kumplessi f’messaġġi konċiżi u sempliċi li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. http://en.wikipedia.org/wiki/List_of_social_networking_websites.
5. Il-prijoritajiet tal-Kumitat
Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prijoritajiet li ġejjin:
5.1 |
Konvivenza mal-effetti tat-tibdil fil-klima, l-adattament u l-bżonn ta’ profili professjonali adegwati. Teżisti evidenza tat-tibdil fil-klima fid-dawl ta’ provi xjentifiċi u hija rikonoxxuta fil-livell globali. Xi avvenimenti, bħall-għargħar, se jkollhom influwenza dejjem ikbar. L-adattament għal dawn il-fenomenti se jkun aspett kruċjali għas-sopravivenza tagħna. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ professjonisti adatti jista’ jipperikola serjament li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea fuq perjodu qasir, medju u twil ta’ żmien. |
5.2 |
Effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija qiegħda fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-effetti kollha flimkien tal-implimentazzoni bis-sħiħ tal-miżuri eżistenti u dawk ġodda se jittrasformaw il-ħajja ta’ kuljum tagħna u, skont il-Kummissjoni, jistgħu jiġġeneraw iffrankar ta’ EUR 1 000 fis-sena għal kull unità domestika; itejbu l-kompettività industrijali tal-Ewropa; joħolqu sa 2 miljun impjieg; u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’740 miljun tunnellata fis-sena (5). Ix-xerrejja kollha tal-enerġija jaqdu rwol importanti biex isostnu dan il-proċess, Jeħtieġ li llkoll kemm aħna, inklużi l-adulti, nibdlu l-imġiba tagħna, u għalhekk hemm bżonn li tingħata informazzjoni adegwata u affidabbli dwar l-enerġija. |
5.3 |
Ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku huma prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati fil-livelli kollha. Il-prezzijiet tal-karburanti fossili prinċipali għadhom qed jogħlew u jidher li din it-tendenza ser tissokta fis-snin li ġejjin. Sakemm ma tittiħidx azzjoni effettiva minnufih, l-għadd ta’ konsumaturi vulnerabbli wkoll ser jibqa’ jiżdied b’mod konsiderevoli (6). |
5.4 |
Garanzija ta’ aċċess għall-enerġija għall-konsumaturi kollha (privati u industriji). L-enerġija hija risors komuni li għandu rwol ċentrali sabiex jiġi garantit il-benesseri ekonomiku ta’ Stat partikolari. Huwa ta’ importanza fundamentali li tiġi garantita d-disponibbiltà tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli li ma jvarjawx ħafna u b’mod mhux prevedibbli fis-snin li ġejjin u b’hekk jiġi garantit aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha. |
5.5 |
Mobbiltà sostenibbli. Il-bżonn dejjem jikber li jiġu ttrasportati persuni u oġġetti jaggrava l-periklu tat-tniġġis u l-konġestjoni, speċjalment fiż-żoni urbani. Jeħtieġ li tiġi żviluppata forma ta’ mobbiltà li tkun sostenibbli, li tirrispetta l-ambjent u tkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-aspett tal-komodalità huwa importanti ħafna f’dan is-settur. |
5.6 |
Skarsezza tar-riżorsi (enerġija, ilma, materja prima). Iż-żieda fil-popolazzjoni tad-dinja minn 6 biljuni għal 9 biljuni ser tintensifika l-kompetizzjoni globali għar-riżorsi naturali, u tagħmel pressjoni fuq l-ambjent (7). Għaldaqstant, is-salvagwardja tar-riżorsi fundamentali, bħall-arja, l-ilma, l-art, il-foresti u l-ikel, hija fattur essenzjali għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ ekonomija moderna. |
5.7 |
L-ICT. Illum il-ġurnata, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huma parti integrali mis-soċjetà tal-informazzjoni u tal-għarfien. Pereżempju, it-tqassim intelliġenti tal-enerġija bi prezzijiet ekonomikament sostenibbli ser jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tibdil fl-imġiba tal-ġenerazzjonijiet futuri. |
6. Xi esperjenzi…
6.1 Hemm bosta inizjattivi u prattiki tajbin fl-Ewropa u fid-dinja dwar l-attività edukattiva sabiex titħeġġeġ l-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-protezzjoni tal-ambjent, spiss marbuta mat-tnaqqis tal-gassijiet li jniġġsu.
6.2 Il-proġett Défi Énergie, ikkoordinat minn Bruxelles Environnement bħala parti mill-kampanja Sustainable Energy Europe, jinvolvi madwar 4 000 persuna f’1 400 familja, bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 ekwivalenti għal tunnellata fis-sena, jew EUR 380 inqas fil-kont tal-enerġija (www.ibgebim.be).
6.3 Il-Fondazzjoni Taljana Carlo Collodi nediet il-proġett “Pinocchio ripensa il mondo” maħsub għat-tfal tal-primarja u mqassam fi tliet fażijiet: ġbir divrenzjat tal-iskart, iffrankar tal-enerġija u għażliet etiċi marbutin mas-sostenibbiltà. (http://www.pinocchio.it/fondazionecollodi/).
6.4 Il-Fondazzjoni Internazzjonali Yehudi Menuhin, permezz tal-programm tagħha MUS-E® Arts at School, li jiffoka fuq l-użu tal-arti – mużika, żfin, kant, teatru u arti viżivi – tiżviluppa proċessi ġodda ta’ tagħlim. Il-proġett huwa attiv fi 11-il pajjiż b’1 026 artist li jaħdmu ma’ 59 189 tifel u tifla f’623 skola primarja. (www.menuhin-foundation.com/).
6.5 Il-Forum Spanjol għad-djalogu soċjali dwar it-taħlita enerġetika (Spanish Energy Mix Forum, SEMF) hu miftuħ għall-atturi fil-qasam tal-enerġija u jorganizza dibattiti dwar is-sorsi diversi tal-enerġija fi Spanja. (http://www.semforum.org/).
6.6 L-Università Mediterranja tas-Sajf (UMET) dwar l-enerġija sostenibbli fil-Mediterran tinvolvi l-universitajiet ta’ Franza, l-Italja, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, u anke l-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Eġittu, it-Turkija, eċċ. Fis-snin li ġejjin, din l-università beħsiebha testendi l-attivitajiet tagħha għal bliet oħra. (http://www.ome.org/index.php).
6.7 “La Belle Verte” huwa film tal-1996 dirett minn Coline Serreau li jittratta l-problemi tad-dinja tal-Punent, pereżempju l-pass frenetiku tal-ħajja, l-abbuż tal-poter, it-tniġġis jew l-isfruttament bla rażan tar-riżorsi naturali u l-art. (http://www.youtube.com/watch?v=TTvoZkHugr0).
6.8 Il-programm Enerġija Intelliġenti għall-Ewropa tal-Kummissjoni ilu jappoġġja proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija sa mill-2004. Fost proġetti oħrajn, insibu KidsCorner, U4energy, Flick the Switch, Kids4future, Rainmakers, Young Energy People u My Friend Boo. Rigward it-taħriġ professjonali għas-settur tal-bini, ta’ min insemmu l-proġett BUILD UP Skills. (http://ec.europa.eu/energy/intelligent/).
6.9 My Friend Boo, serje animata simpatika appoġġjata mill-programm IEE li hu l-ewwel fit-tip tiegħu fl-Ewropa, għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ jifhmu suġġetti bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, il-konservazzjoni u s-saħħa: http://www.myfriendboo.com/.
6.10 Inizjattivi oħra f’livell Ewropew jinkludu l-Patt tas-Sindki, b’iktar minn tlett elef belt firmatarja. Sa mill-bidu nett, il-KESE appoġġja t-tixrid ta’ dan l-istrument fl-ikbar numru ta’ komuni Ewropej possibbli (8). Concerto, Civitas u l-inizjattiva ġdida “Bliet intelliġenti u komunitajiet intelliġenti” huma strumenti għall-iskambju ta’ prattiki tajbin fil-qasam tat-trasport sostenibbli u għall-użu adatt u intelliġenti tal-enerġija. L-inizjattiva SET-Plan Energy Education and Training Initiative tipprovdi valur miżjud importanti lill-proġett kollu tas-SET-Plan.
6.11 Fil-livell internazzjonali, ġa tnedew bosta inizjattivi bħan-NEED (National Energy Education Development Project), netwerk ta’ studenti, għalliema, impriżi, gvernijiet u komunitajiet, li bdiet xi 30 sena ilu fl-Istati Uniti (http://www.need.org/); il-programm “Energy Education and Workforce Development” tad-dipartiment tal-enerġija fl-Istati Uniti (http://www1.eere.energy.gov/education/); is-sit EnergyQuest dedikat għall-edukazzjoni dwar l-enerġija (http://www.energyquest.ca.gov/).
7. Seduta pubblika rigward l-edukazzjoni dwar l-enerġija
7.1 Matul is-seduta pubblika organizzata mill-KESE, ġew preżentati bosta esperjenzi interessati ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent.
7.2 Rappreżentanti tal-EACI, l-EU-ASE (European Alliance to Save Energy), il-Fondazzjoni Carlo Collodi, il-Fondazzjoni Yehudi Menuhin, Solvay, is-CIRCE, il-Business Solutions Europa u n-netwerk ELISAN, u r-rappreżentant tad-DĠ tal-Enerġija tal-Patt tas-Sindki, kull wieħed minnhom bil-fehmiet speċifiċi tagħhom, enfasizzaw bil-qawwa n-natura fundamentali ta’ din il-kwistjoni.
7.3 Fost is-suġġetti indirizzati fid-dibattitu nsibu r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tħejjija ta’ persunal tekniku u gradwati fid-dixxiplini tax-xjenza, il-bżonn li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-universitajiet, ir-riċerka u l-industrija, il-prijorità li għandhom jagħtu l-awtoritajiet pubbliċi lill-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku, il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali biex jiżviluppaw inizjattivi u jissensibilizzaw il-pubbliku dwar l-użu intelliġenti u sostenibbli tal-enerġija u l-istrumenti innovattivi użati fit-taħriġ ekstrakurrikulari, kemm dak informali kif ukoll dak formali.
7.4 Wieħed mis-suġġerimenti li tqajmu jikkonċerna l-bżonn li tiġi adottata sistema unika u li tinftiehem sewwa għall-valutazzjoni tal-enerġija, pereżempju permezz tal-użu tal-EUR/MWh bħala unità ta’ kejl għall-prodotti kollha li jikkunsmaw l-enerġija, sabiex titkejjel immedjatament il-kosteffiċjenza tagħhom.
7.5 Il-kwalità tal-informazzjoni u tal-kontenut tal-edukazzjoni hija estremament importanti. Jeżisti l-periklu reali li din tista’ tiġi manipulata b’mod li tħares l-interessi pjuttost milli tagħti lok għal għażliet infurmati. Għalhekk, jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-korrettezza tal-proċessi informattivi u edukattivi.
7.6 Wieħed mill-iżjed punti importanti jikkonċerna d-diffikultà li l-materjal edukattiv dwar l-enerġija jiġi integrat b’mod sistematiku fil-kurrikuli tal-iskejjel minħabba nuqqas ta’ ħin, programmi intensivi wisq u prijoritajiet diversi.
8. EDEN: in-netwerk Ewropew tal-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent. Il-Protokoll KESE-Fondazzjoni Nazzjonali Carlo Collodi
8.1 L-EDEN, in-netwerk Ewropew ta’ forums nazzjonali għall-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent, kif ġa kien propost fl-opinjoni esploratorja “Il-ħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà tal-enerġija mingħajr karbonju”, jista’ jgħin sabiex jitneħħew in-nuqqasijiet eżistenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-iffrankar tal-enerġija b’mill-inqas 20 %, sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-viżjoni Ewropea għall-2050 ta’ ekonomija bbażata fuq użu effiċjenti tar-riżorsi u emissjonijiet baxxi tal-karbonju u għat-tisħiħ tal-indipendenza mill-enerġija u s-sigurtà tal-provvista.
8.2 Sabiex il-proposti fl-opinjoni jiġu implimentati b’mod konkret u sabiex jiġi appoġġjat it-twaqqif ta’ netwerk Ewropew, il-KESE u l-Fondazzjoni Collodi ffirmaw protokoll ta’ kooperazzjoni fis-26 ta’ Marzu 2010 li fih impenjaw ruħhom b’mod reċiproku li jwettqu ħidma komuni. Pinokkju, il-personaġġ magħruf universalment fil-ktieb ta’ Carlo Collodi, intgħażel bħala maskot u testimonjal tal-inizjattiva.
8.3 Dan in-netwerk Ewropew, ibbażat fuq l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-ambjent, jaħdem bħala mezz għat-tixrid, fil-livell nazzjonali, ta’ programmi u materjal adatti, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-enerġija nadifa, l-użu iżjed effiċjenti tar-riżorsi naturali kollha, u jiġu żgurati standards għoljin dwar il-protezzjoni ambjentali fil-kurrikuli tal-iskejjel nazzjonali.
8.4 Sal-lum il-ġurnata, għadd ta’ organizzazzjonijiet issieħbu f’dan in-netwerk. Minbarra l-KESE u l-Fondazzjoni Nazzjonali Carlo Collodi (IT), li huma membri fundaturi, dawn li ġejjin huma attwalment imsieħba fin-netwerk: il-Fondazzjoni Terra Mileniul III (RO), l-Arene île-de-France (FR), Les Péniches du Val de Rhône (FR), il-Muniċipalità tal-Groenlandja (il-Groenlandja), il-Climate Action Network (RO), il-Mosaic Art and Sound (UK), l-Art for Green Life (UK/BE), is-CECE (ES), l-Intercollege (CY), il-Business Solutions Europa (BE), l-EU-ASE (BE), is-CIRCE (ES) u l-Fondazzjoni Menuhin (BE).
Brussell, 25 ta’ April 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54-59.
(2) GU C 277, 17.11.2009, p. 15.
(3) GU C 218, 23.7.2011, p. 136.
(4) ĠU C 228, 22.9.2009, p. 9-13.
(5) COM(2011) 109 final.
(6) ĠU C 44, 11.2.2011, p. 53.
(7) COM(2010) 2020 final.