Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0838

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo”

    ĠU C 181, 21.6.2012, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 181/21


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo”

    2012/C 181/05

    Relatur: is-Sur SIBIAN

    F'ittra tat-22 ta’ Settembru 2011, il-Kummissarju Maroš Šefčovič u l-Kummissarju Štefan Füle talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

    Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Marzu 2012.

    Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'145 vot favur, 5 voti kontra u 13-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    L-opinjoni esploratorja tal-KESE dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo tqis ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Din l-opinjoni tinkludi sett ta’ rakkomandazzjonijiet li huma indirizzati kemm lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Kosovo. Il-KESE jinsab lest jappoġġja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jsaħħu r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Kosovo kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-soċjetà ċivili tal-Kosovo.

    1.1   Il-KESE jappella lill-gvern tal-Kosovo jieħu miżuri adatti għall-moviment sigur u liberu tal-minoritajiet etniċi fit-territorju kollu bħala prekondizzjoni għar-rikonċiljazzjoni u l-fiduċja reċiproka.

    1.2   Il-Kummissjoni Ewropea għandha taħdem flimkien mal-gvern tal-Kosovo u l-organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir fil-pajjiż sabiex tappoġġja l-libertà tal-mezzi tax-xandir u l-professjonalizzazzjoni tal-ġurnaliżmu.

    1.3   Il-KESE jħeġġeġ lill-gvern tal-Kosovo jikkonsulta lis-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fit-tfassil ta’ strateġija nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku. Il-gvern tal-Kosovo u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jagħtu l-ogħla prijorità lill-inklużjoni taż-żgħażagħ u n-nisa fis-suq tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-appoġġ għall-iżvilupp rurali, l-agrikoltura sostenibbli u l-għaqdiet tal-bdiewa.

    1.4   Il-KESE għandu jgħin fit-tisħiħ tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kosovo billi jinvolvi lilu nnifsu mal-atturi soċjali ewlenin u billi jaqsam l-għarfien u l-kompetenza tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi wkoll appoġġ qawwi lill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kosovo. Il-gvern tal-Kosovo għandu jiżgura linja baġitarja speċifika għall-funzjonament tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kosovo.

    1.5   Il-KESE jirrakkomanda lill-Ministeru tax-Xogħol tal-Kosovo jwaqqaf mekkaniżmu trasparenti u ġust għall-finanzjament tal-inizjattivi tal-imsieħba soċjali.

    1.6   Għad li l-istatus tal-Kosovo jżommu milli jkun firmatarju tal-Konvenzjonijiet tal-ILO, il-gvern tal-Kosovo għandu jallinja l-leġislazzjoni u l-prattiki tiegħu magħhom.

    1.7   Fil-fehma tal-KESE, huwa obbligatorju li r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali jieħdu sehem fit-twaqqif ta’ Kunsill Nazzjonali inklużiv għall-Integrazzjoni Ewropea.

    1.8   Il-gvern tal-Kosovo għandu jsaħħaħ l-infurzar tal-liġi dwar l-aċċess liberu u sigur għall-informazzjoni pubblika.

    1.9   Fil-kuntest tat-tnedija tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kosovo Kontra l-Korruzzjoni fi Frar 2012, il-KESE jesprimi t-tama tiegħu li s-soċjetà ċivili tiġi provduta b'mezzi ġenwini biex tkun tista' tagħti kontribut effettiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    1.10   Il-gvern tal-Kosovo għandu jikkunsidra l-Qafas Strateġiku mħejji mis-soċjetà ċivili u joħloq il-qafas legali u istituzzjonali għal djalogu strutturat u l-involviment tagħha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-Assemblea tal-Kosovo għandha tiżviluppa pjattaforma istituzzjonali li tkun tista' tippermetti djalogu regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    1.11   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti iktar appoġġ għall-ħolqien ta’ netwerks tas-soċjetà ċivili fil-Kosovo bil-għan li jitħaffef id-djalogu mal-awtoritajiet u jkun hemm konnessjoni mal-pjattaformi eżistenti tas-soċjetà ċivili Ewropea.

    1.12   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-gvern tal-Kosovo fl-iżvilupp ta’ qafas legali u fiskali li jwassal għal sostenibbiltà fit-tul għas-soċjetà ċivili fil-Kosovo. Il-gvern tal-Kosovo għandu joħloq mekkaniżmi trasparenti ta’ finanzjament pubbliku għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-gvern tal-Kosovo jistabbilixxi Fond tal-Istat għas-Soċjetà Ċivili.

    1.13   Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament disponibbli tal-KE għas-soċjetà ċivili skont l-IPA jkun ibbilanċjat bejn dawk li jippromovu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u dawk li jippromovu l-iżvilupp soċjoekonomiku. Is-sejħat għal proposta taħt l-IPA għandhom jiġu ppjanati b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu evitati l-lakuni fil-finanzjament.

    1.14   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis il-possibbiltà li tidentifika modi biex tiffaċilita l-aċċess tal-organizzazzjonijiet iżgħar tas-soċjetà ċivili għall-programmi tagħha u li tappoġġja l-inizjattivi iktar fit-tul.

    1.15   Il-Kummissjoni Ewropea għandha ssib soluzzjonijiet sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-imsieħba soċjali għall-fondi allokati għas-soċjetà ċivili taħt l-IPA. Jistgħu jinħolqu programmi speċifiċi għall-imsieħba soċjali taħt il-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili (Civil Society Facility – CSF). It-trade unions jistgħu jeħtieġu li jkollhom programmi mmirati taħt l-IPA li jippermettulhom isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom.

    1.16   Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fid-definizzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali għall-assistenza tal-IPA.

    1.17   Il-KESE jikkonferma l-interess u r-rieda tiegħu li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea jippresedi s-sessjonijiet plenarji tas-soċjetà ċivili li jsiru darba fis-sena fi ħdan id-Djalogu tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    2.   Kuntest tal-opinjoni

    2.1   Atturi esterni fil-Kosovo

    2.1.1   Fis-17 ta’ Frar 2008, l-Assemblea tal-Kosovo ddikjarat l-indipendenza. L-awtoritajiet tal-Kosovo wegħdu li jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Proposta ta’ Status Komprensiv (PSK) ta’ Ahtisaari u adottaw Kostituzzjoni ġdida li tirrifletti dan l-impenn. L-Assemblea stiednet lill-Unjoni Ewropea tapplika l-missjoni għall-istat tad-dritt tagħha (EULEX). Hija stiednet ukoll grupp ta’ Stati (1) biex iwaqqfu l-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ Ahtisaari. Ir-Rappreżentant Ċivili Internazzjonali għandu s-setgħa li jwarrab il-leġislazzjoni u d-deċiżjonijiet ikkunsidrati kuntrarji għall-PSK ta’ Ahtisaari.

    2.1.2   Bi preżenza li tnaqqset b'mod gradwali, il-KFOR, il-preżenza militari mmexxija min-NATO, qed tkompli tipprovdi s-sigurtà madwar il-Kosovo, filwaqt li l-Pulizija tal-Kosovo ħadet ir-responsabbiltà għall-ħarsien tal-maġġoranza tas-siti kulturali u reliġjużi u l-biċċa l-kbira tal-fruntieri.

    2.1.3   F'Lulju 2020, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja adottat l-opinjoni konsultattiva tagħha dwar l-indipendenza tal-Kosovo u sabet li d-dikjarazzjoni tal-indipendenza ta’ dan l-Istat ma kinitx tikser il-liġi internazzjonali.

    2.2   L-approċċ tal-UE fil-Kosovo

    2.2.1   22 mis-27 Stat Membru tal-UE rrikonoxxew l-indipendenza tal-Kosovo, iżda n-nuqqas ta’ kunsens Ewropew dwar l-istatus tal-Kosovo ma jimpedix lill-UE milli tieħu impenn fil-Kosovo. Il-livell ta’ impenn mal-awtoritajiet tal-Kosovo tal-ħames Stati li ma jirrikonoxxux l-indipendenza tiegħu – Ċipru, il-Greċja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja – ivarja.

    2.2.2   Il-Kosovo jagħmel parti mill-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazjoni (PSA), iżda għadu l-uniku pajjiż fir-reġjun li ma għandu l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-UE, status li jipprekludih milli jiffirma Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA). Fl-2010-2011, fi ħdan id-Djalogu dwar il-PSA, saru tmien laqgħat (seba' laqgħat settorjali segwiti minn waħda plenarja), inklużi konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dwar il-kapitoli ewlenin tal-acquis tal-UE.

    2.2.3   B'konformità mar-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kosovo li għaddiet f'Settembru 2010, f'Marzu 2011 ingħata bidu għal djalogu ffaċilitat mill-UE bejn Belgrad u Pristina. Dan id-djalogu għandu l-għan li jsib soluzzjonijiet prattiċi dwar il-kooperazzjoni, il-kummerċ reġjonali, il-libertà ta’ moviment u l-istat tad-dritt (ara 3.3).

    2.2.4   F'Lulju 2010, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-Kosovo sabiex iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-approċċ komuni tagħhom lejn il-Kosovo. Il-Parlament Ewropew saħaq li l-prospett tal-adeżjoni mal-UE huwa inċentiv qawwi għar-riformi meħtieġa fil-Kosovo u appella għal passi prattiċi sabiex din il-possibbiltà ssir iżjed tanġibbli kemm għall-gvern kif ukoll għaċ-ċittadini. F'Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għad-djalogu tal-liberalizzazzjoni tad-djalogu mal-Kosovo.

    2.2.5   Il-Kosovo jibbenefika mill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), u sorsi oħra ta’ finanzjament. Barra dan, il-Kosovo qed jipparteċipa fil-programmi multibenefiċjarji tal-IPA. Id-dokument ta’ ppjanar indikattiv multiannwali għall-2011-2013 ġie adottat fis-27 ta’ Ġunju 2011. Fl-2011, ammont totali ta’ EUR 68,7 miljun mogħti fil-programm annwali tal-IPA għall-2011 ġie allokat b'koordinazzjoni mill-qrib mal-Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-gvern. L-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni mal-UE qiegħda tiffoka fuq appoġġ għall-istat tad-dritt, l-ekonomija, il-kummerċ u l-industrija, u għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

    2.3   Attivitajiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rigward is-soċjetà ċivili fil-Kosovo

    2.3.1   It-tkabbir tal-UE u l-progress li sar mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jersqu eqreb lejn is-sħubija mal-Unjoni Ewropea huma waħda mill-prijoritajiet ta’ relazzjonijiet esterni tal-KESE. Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni żviluppat għodod effiċjenti sabiex tilħaq l-għanijiet ewlenin tagħha biex tappoġġja s-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent u ttejjeb il-kapaċità tagħha li tkun imsieħba tal-gvernijiet fi triqthom lejn l-adeżjoni mal-UE.

    2.3.2   Il-Grupp ta’ Kuntatt tal-Balkani tal-Punent – korp intern permanenti mwaqqaf mill-KESE fl-2004 – huwa l-istrument ewlieni għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-KESE f'dan ir-rigward. Ir-rwol tal-Grupp ta’ Kuntatt huwa wkoll li jissorvelja l-bidliet fis-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, il-Grupp ta’ Kuntatt jippromovi l-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent.

    3.   Żviluppi politiċi fil-Kosovo

    3.1   Fatti u ċifri ewlenin dwar il-Kosovo

    3.1.1   Sa tmiem l-2011, il-Kosovo ġie rikonoxxut minn 86 Stat Membru tan-NU, inklużi 22 Stat Membru tal-UE.

    3.1.2   Il-Kosovo, b'popolazzjoni ta’ madwar 2 miljuni, huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fl-Ewropa. Il-Bank Dinji jistima li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita huwa ta’ EUR 1 760. Skont l-aħħar data disponibbli tal-2006 huwa stmat li 45 % tal-popolazzjoni qed jgħixu taħt il-livell nazzjonali tal-faqar, filwaqt li 17 % huma estremament foqra. Għandu dijaspora kbira u waħda mill-aktar popolazzjonijiet żagħżugħa fl-Ewropa.

    3.1.3   L-Albaniżi jikkostitwixxu 90 % tal-popolazzjoni, is-Serbi 6 % u l-Bożnijaċi, it-Torok, ir-Roma, l-Ashkali u l-Eġizzjani flimkien jikkostitwixxu l-4 % li jifdal mill-popolazzjoni. Il-maġġoranza Albaniża u l-minorità mhux Serba jaċċettaw lill-Istat tal-Kosovo bħala wieħed leġittimu. Il-parti l-kbira tal-komunità Serba topponi l-istatus ta’ Stat tal-Kosovo. Id-distakk soċjali bejn l-Albaniżi tal-Kosovo u s-Serbi tal-Kosovo għadu sinifikanti. Is-Serbi tal-Kosovo għadhom iżommu awtonomija de facto b'saħħitha fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż. Fil-partijiet l-oħra tal-Kosovo, jinsabu kkonċentrati fit-territorji rurali. Minbarra l-motivazzjoni politika, il-lingwa għadha kawża serja tal-iżolament tal-komunità Serba. Is-Serbi tal-Kosovo li jgħixu fit-territorji rurali jsofru minn diskriminazzjonijiet, li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom, u m'għandhomx opportunitajiet ta’ xogħol. L-aċċess tagħhom fuq livell indaqs mal-Albaniżi tal-Kosovo għall-amministrazzjoni u s-servizzi soċjali diversi tal-Kosovo, bħal sptar, huwa prekarju. Il-libertà tal-moviment tagħhom fit-territorju tal-Kosovo huwa limitat fil-prattika. Il-popolazzjoni Serba qed tkompli titlaq mill-Kosovo.

    3.1.4   Fit-Tramuntana tal-Kosovo u fil-parti l-kbira taż-żoni b'popolazzjoni Serba, l-istituzzjonijiet paralleli fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja u s-servizzi soċjali ilhom jiffunzjonaw sa mill-1999. Huma jirċievu għajnuna mis-Serbja u fil-parti l-kbira tagħhom huma taħt il-kontroll tagħha. Parti kbira mis-Serbi tal-Kosovo għadhom jibbojkottjaw l-elezzjonijiet nazzjonali u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Kosovo, b'mod partikolari fit-Tramuntana. Fil-bqija tal-pajjiż, is-Serbi tal-Kosovo pparteċipaw iżjed fl-elezzjonijiet u huma rrappreżentati fl-istituzzjonijiet lokali u nazzjonali (inklużi l-gvern u l-Assemblea). Proċess ta’ deċentralizzazzjoni li jipprevedi l-ħolqien ta’ muniċipalitajiet ġodda li fihom il-minoritajiet etniċi jkunu jistgħu jikkostitwixxu maġġoranza b'iktar setgħat muniċipali ġie bbojkottjat fil-muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba.

    3.2   Ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien

    3.2.1   Mill-pajjiżi ġirien kollha, il-Kosovo għandu l-aħjar relazzjonijiet mal-Albanija. L-Albanija kienet u għadha attiva ħafna fil-ksib tar-rikonoxximenti għall-Kosovo u tipprova tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-gvern (lobbying) sabiex il-Kosovo jiġi inkluż fl-inizjattivi reġjonali.

    3.2.2   Il-Kosovo għandu relazzjonijiet tajba wkoll ma’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Id-demarkazzjoni tal-fruntiera tlestiet u ġew stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi tajba.

    3.2.3   Il-Kosovo u l-Montenegro qablu li jkomplu l-proċess ta’ demarkazzjoni tal-fruntieri mal-Montenegro. Il-Montenegro kien talab li l-minorità Montenegrina tiġi rikonoxxuta b'mod kostituzzjonali fil-Kosovo qabel ma ż-żewġ pajjiżi jiskambjaw l-ambaxxaturi u titkompla d-demarkazzjoni. Il-komunità Montenegrina hija rikonoxxuta mil-Liġi dwar il-Komunitajiet u ż-żewġ pajjiżi huma mistennija li jistabbilixxu relazzjonijiet diplomatiċi fil-futur qarib.

    3.2.4   Is-Serbja u l-Bosnja-Ħerzegovina huma l-uniċi pajjiżi ġirien li miegħu il-Kosovo ma għandu l-ebda relazzjonijiet politiċi formali. Ir-relazzjonijiet ekonomiċi għadhom asimetriċi għax filwaqt li s-Serbja hija l-ikbar esportatur lejn il-Kosovo, sa dan l-aħħar, il-Kosovo ma setax jesporta lejn dan il-pajjiż. L-UE qiegħda taġixxi bħala medjatur għan-negozjati tekniċi bejn Pristina u Belgrad. L-aġenda tan-negozjati mas-Serbja tinkludi l-iżblukkar tal-kummerċ mal-Kosovo, l-użu tal-ispazju tal-ajru fuq is-Serbja, it-tranżitu tal-passiġġieri b'passaporti tal-Kosovo jew vetturi b'reġistrazzjoni tal-Kosovo u l-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'fora reġjonali. Fl-aħħar ta’ Frar 2012, il-Kosovo u s-Serbja waslu għal ftehim dwar il-kooperazzjoni reġjonali u l-ġestjoni tal-qsim tal-fruntiera.

    3.3   Kwistjonijiet attwali

    3.3.1   Għad hemm tensjonijiet fir-relazzjonijiet interetniċi minħabba l-instabbiltà tal-Kosovo tat-Tramuntana u minħabba li l-minorità Serba tal-Kosovo u s-Serbja jirrifjutaw li jaċċettaw l-indipendenza tal-Kosovo u l-istituzzjonijiet ġodda tagħha. Hemm ukoll gruppi ta’ Albaniżi tal-Kosovo li ma jaċċettawx is-sorveljanza internazzjonali tal-indipendenza tal-Kosovo.

    3.3.2   Fl-aħħar ta’ Lulju 2011, is-sitwazzjoni marret għall-agħar fil-Kosovo tat-Tramuntana meta l-Kosovo ddeċieda li jimponi embargo fuq il-prodotti Serbi bħala ritaljazzjoni għall-ibblukkar min-naħa tas-Serbja tal-prodotti mill-2008 għal raġunijiet tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tat-timbru tad-“Dwana tal-Kosovo”. L-iskjerament unilaterali tal-pulizija tal-Kosovo f'żewġ punti ta’ kontroll fuq il-konfini tat-Tramuntana mas-Serbja wasslu għall-vjolenza, li rriżultat fil-mewt ta’ uffiċjal tal-pulizija tal-Kosovo. Il-kalma reġgħet lura bl-għajnuna tal-KFOR, il-preżenza militari mmexxija min-NATO.

    3.3.3   F'Settembru 2011, il-kwistjoni tat-timbri tad-dwana ssolviet fil-kuntest tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina bil-medjazzjoni tal-UE. L-implimentazzjoni tal-ftehim wasslet għal imblokki mifruxa sew fit-Tramuntana u seħħew ukoll xi inċidenti vjolenti. Fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Kosovo, fl-aħħar ta’ Settembru s-Serbja waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fid-djalogu bil-medjazzjoni tal-UE msemmi hawn fuq, u reġgħet ingħaqdet mal-mejda tan-negozjati biss f'Novembru 2011.

    4.   Is-sitwazzjoni ekonomika fil-Kosovo

    4.1   Il-qagħda attwali wara l-konflitt

    4.1.1   B'rata uffiċjali ta’ iżjed minn 40 %, il-Kosovo għandu l-ogħla rata ta’ qgħad fir-reġjun li hija ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, din id-data għandha tiġi kkunsidrata b'kawtela bħala iktar baxxa mir-realtà, fil-kuntest tas-settur informali kbir tal-ekonomija tal-Kosovo. Ir-rata ta’ qgħad hija ogħla fost in-nisa u qiegħda taffettwa b'mod partikolari l-popolazzjoni żagħżugħa. Madwar 30 000 żgħażugħ u żgħażugħa jidħlu fis-suq tax-xogħol kull sena, rata li mhix possibbli li tiġi sostnuta bit-tkabbir ekonomiku attwali. Il-faqar huwa wkoll kwistjoni kritika, b'madwar 20 % tal-popolazzjoni li qed jgħixu b'inqas minn euro kuljum.

    4.1.2   L-ekonomija fil-parti l-kbira għadha tiddependi fuq ir-rimessi u l-għajnuna fil-forma ta’ donazzjonijiet. L-ekonomija tal-Kosovo hija affettwata mill-inċertezzi ta’ wara l-gwerra, konnessjonijiet kummerċjali li ġew interrotti u investiment insuffiċjenti fl-infrastruttura. Appoġġjat minn sforz enormi ta’ emerġenza u rikostruzzjoni mmexxi minn għajnuna fil-forma ta’ donazzjonijiet internazzjonali, it-tkabbir ekonomiku laħaq iż-żewġ ċifri fl-ewwel snin tas-seklu 21. Iżda dan it-tkabbir wera li mhuwiex sostenibbli minħabba defiċit kummerċjali kbir ħafna u nuqqas ta’ investiment barrani dirett (IBD). L-ammont ta’ investiment barrani nett fil-Kosovo sa mill-2007 naqas kontinwament minn 19 % għal 7,1 % tal-PDG. Is-settur informali huwa kbir, u l-ġbir tat-taxxi huwa fqir.

    4.1.3   Minkejja li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali kellha impatt relattivament żgħir fuq l-ekonomija, minħabba l-integrazzjoni internazzjonali limitata tal-Kosovo, l-effetti negattivi tagħha ġew trażmessi l-iżjed permezz ta’ tnaqqis fir-rimessi, l-esportazzjoni u l-IBD.

    4.1.4   Fil-parti l-kbira tagħha l-ekonomija tal-Kosovo hija bbażata fuq is-settur tas-servizzi (68 %), filwaqt li oqsma oħra għandhom sehem relattivament baxx: l-industrija (20 %, u l-agrikoltura (12 %). Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-Kosovo jgħixu f'żoni rurali. L-attivitajiet agrikoli huma frammentati fi plottijiet żgħar li b'hekk iwasslu għal biedja ta’ sussistenza fil-biċċa l-kbira ineffiċjenti. Din is-sitwazzjoni qed iżżomm lura wkoll l-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili f'saħħitha u rappreżentattiva li taħdem fuq kwistjonijiet ta’ agrikoltura u żvilupp rurali.

    4.1.5   Il-korruzzjoni għadha mifruxa ħafna u qed ikollha influwenza qawwija fuq il-prospetti ta’ tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Fl-Indiċi Trasparenti tal-Perċezzjonijiet dwar il-Korruzzjoni Internazzjonali, il-Kosovo huwa kklassifikat fil-post numru 110, u huwa evalwat bħala wieħed mill-iżjed pajjiżi korrotti fl-Ewropa.

    4.1.6   Il-gvern m'għandux strateġija nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku, li għandha titfassal b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u atturi oħra tas-soċjetà ċivili.

    5.   L-istat u r-rwol attwali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

    5.1   Id-djalogu soċjali

    5.1.1   Huwa stmat li n-numru totali ta’ membri tat-trade unions huwa madwar 60 000. Is-sħubija fil-unions tas-settur pubbliku hija għolja ħafna, fejn huwa stmat li 90 % tal-uffiċjali pubbliċi jagħmlu parti minn trade union (2). Issa li l-liġi tippermetti t-twaqqif ta’ trade unions fis-settur privat, it-twaqqif tagħhom f'livell ta’ intrapriża hija l-isfida ewlenija għat-trade unions fil-perjodu li ġej. L-istħarriġ jindika li 5,09 % tal-popolazzjoni jiddikjaraw l-affiljazzjoni tagħhom ma’ trade union (3).

    5.1.2   Fil-Kosovo, il-Liġi tax-Xogħol, li daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2010, ġiet ikkunsidrata bħala waħda mil-liġijiet l-iżjed importanti li qatt għaddew (4). Saru ħafna konsultazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ din il-liġi, prinċipalment bejn l-għaqdiet ta’ dawk li jħaddmu u t-trade unions, iżda wkoll bl-involviment tal-kumitat tal-assemblea speċjalizzat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-liġi ġiet approvata b'mod unanimu fl-aħħar sessjoni plenarja tat-tielet perjodu leġislattiv, fl-istess jum tax-xoljiment tal-assemblea minkejja oppożizzjoni ripetuta mill-gvern ikkonċernat bil-piż baġitarju għoli tagħha. It-trade unions heddew li jibbojkottjaw il-proċess ta’ elezzjoni jekk il-liġi ma tiġix approvata.

    5.1.3   Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kosovo (KES) twaqqaf fl-2009. Sa mit-twaqqif tiegħu l-attività tiegħu ġiet imfixkla mill-oppożizzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Kosovo u l-Union tat-Trade Unions Indipendenti tal-Kosovo (BSPK) għall-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet oħra ta’ min iħaddem (Alleanza tan-Negozju tal-Kosovo) u t-trade unions (Konfederazzjoni tad-Trade Unions Ħielsa tal-Kosovo – KSLK). Minkejja n-nuqqas ta’ ftehim intern, il-KES xorta waħda kellu l-laqgħat regolari tiegħu.

    5.1.4   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-Kosovo m'għandux il-kapaċità u r-riżorsi biex jopera b'mod effettiv.

    5.1.5   L-Imsieħba Soċjali m'għandhomx rwol importanti fil-Proċess ta’ Integrazzjoni Ewropea u l-Proċess ta’ Żvilupp Ekonomiku. Il-gvern tal-Kosovo għandu joħloq bażi legali adegwata sabiex iżid ir-rwol u r-rappreżentanza tal-imsieħba soċjali fil-proċessi msemmija hawn fuq.

    5.1.6   Il-Ministeru tax-Xogħol bħalissa qed jiffinanzja l-proġetti tal-imsieħba soċjali iżda ma nħoloq l-ebda kriterju u regola ta’ proċedura.

    5.2   Id-djalogu ċivili

    5.2.1   L-oriġini tas-soċjetà ċivili fil-Kosovo jmorru lura għall-aħħar tas-snin tmenin u l-bidu tas-snin disgħin, wara l-waqgħa tal-Komuniżmu fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Minħabba s-sitwazzjoni speċifika ħafna fil-Kosovo f'dak iż-żmien, is-soċjetà ċivili żviluppat lilha nnifisha bħala parti importanti minn sistema parallela sħiħa u reżistenza ċivili għar-reġim Serb. L-għajnuna umanitarja u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-movimenti ċiviċi b'appoġġ wiesa' mis-soċjetà kienu l-oqsma ewlenin tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Wara l-bojkott tal-istituzzjonijiet Serbi min-naħa tal-popolazzjoni Albaniża kollha fil-Kosovo u n-nuqqas ta’ servizzi soċjali u tas-saħħa, is-soċjetà ċivili stabbiliet lilha nnifisha bħala l-fornitur ewlieni tas-servizzi (5).

    5.2.2   Wara l-gwerra, is-soċjetà ċivili malajr adattat lilha nnifisha sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet il-ġodda, bħall-għajnuna ta’ emerġenza u r-rikostruzzjoni, jew ir-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi etniċi. Fil-kuntest ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku fuq skala kbira mid-donaturi internazzjonali, in-numru ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (Civil Society Organisations – CSO) żdied b'mod sostanzjali. Bħalissa, madankollu, minn iżjed minn 6 000 NGO irreġistrata fl-2010, huwa stmat li inqas minn 10 % għadhom attivi jew parzjalment attivi (6).

    5.2.3   Bħalissa, s-CSO fil-Kosovo qed jiffaċċjaw sfidi simili għal pajjiżi oħra fir-reġjun (7) billi l-biċċa kbira tas-settur għadha tiddependi fuq il-finanzjament internazzjonali (huwa stmat li iktar minn 70 % tar-riżorsi tas-CSO jiġu minn donaturi barranin). Għadaqstant, is-CSO saru mmexxija iktar mid-donaturi u jirreaġixxu inqas għall-bżonnijiet tal-komunità filwaqt li s-sostenibbiltà tagħhom hija dubjuża f'kuntest ta’ nuqqas ta’ fondi internazzjonali għas-soċjetà ċivili fil-futur. Minflok, is-CSO qed jiffaċċjaw problema ta’ leġittimità billi r-rabta tagħhom mal-kostitwenzi tagħhom iddgħajfet.

    5.2.4   Ħafna donaturi bdew jirtiraw mill-Kosovo u l-ammont globali ta’ fondi disponibbli għas-soċjetà ċivili qed jonqos. Id-dominanza ta’ appoġġ ibbażat fuq proġetti fuq perjodu qasir meta mqabbla mal-appoġġ istituzzjonali fuq perjodu twil ifisser li huwa diffiċli ħafna li jintlaħaq il-kompitu ta’ sostenibbiltà tar-riżorsi finanzjarji u umani tas-CSO (8).

    5.2.5   F'Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn li jintlaħaq ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-UE, mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-istatus tiegħu. F'dan ir-rigward, kemm il-KE kif ukoll il-Gvern tal-Kosovo għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti speċifiċi.

    5.2.6   Il-problemi minħabba r-rikonoxximent internazzjonali tal-Kosovo għandhom impatt dirett fuq ir-rabtiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili tal-Kosovo. Numru ta’ netwerks internazzjonali u bbażati fl-UE ma jaċcettawx membri mill-Kosovo. Minkejja dawn l-ostakli, is-soċjetà ċivili tal-Kosovo hija rrappreżentata fi pjattaformi u forums reġjonali u Ewropej differenti u tgawdi minn esponiment internazzjonali ogħla minn dik ta’ kwalunkwe settur ieħor tal-pajjiż. Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Kosovo fi programmi reġjonali għandha tiġi faċilitata.

    5.2.7   Il-Kostituzzjoni tal-2008 tħares il-libertà tal-espressjoni u tal-istampa, b'eċċezzjonijiet għad-diskorsi li jipprovokaw ostilità etnika. Is-soċjetà ċivili ġeneralment tikkunsidra lilha nnifisha bħala ħielsa li tikkritika l-gvern, u ftit CSO jirrappurtaw restrizzjonijiet illeġittimi jew attakki min-naħa tal-gvern lokali jew ċentrali. Minkejja dan, jeżistu rapporti ta’ mezzi tax-xandir qrib il-gvern li jintużaw kontra l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili u individwi li jikkritikaw il-gvern. Minkejja li fil-Kosovo hemm varjetà wiesgħa ta’ mezzi tal-istampa u elettroniċi, il-ġurnaliżmu investigattiv huwa rari minħabba l-biża' ta’ kastig bi tpattija. Id-dipendenza finanzjarja tal-mezzi tax-xandir fuq ir-reklami tal-gvern tqajjem dubji dwar l-indipendenza editorjali tagħhom.

    5.2.8   Il-liġi fundamentali dwar l-NGOs tippermetti proċedura ta’ reġistrazzjoni malajr u faċli u tiżgura l-prinċipji ewlenin għat-twaqqif, l-operat u x-xoljiment tal-NGOs. Il-qafas legali komplementari għas-soċjetà ċivili huwa kkunsidrat bħala wieħed li mhuwiex sodisfaċenti: l-organizzazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku għandhom benefiċċji limitati ħafna, jeżistu ftit eżenzjonijiet minn taxxi għad-donaturi potenzjali u l-proċessi ta’ djalogu ċivili għadhom ma ġewx ifformalizzati. Hemm bżonn liġijiet dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), id-dwana, it-taxxa fuq id-dħul korporattiv u t-taxxa fuq id-dħul personali sabiex jiġu speċifikati l-benefiċċji fiskali għall-NGOs bi Status ta’ Benefiċċju Pubbliku. Il-filantropija lokali għadha fil-fażi tal-bidu tagħha. Hemm bżonn tibdil fil-kultura korporattiva sabiex l-għotjiet filantropiċi jkollhom impatt ġenwin. Hemm ħtieġa kbira għal ambjent li joħloq possibbiltajiet għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-NGOs – li jippermetti lill-NGOs jaċċedu għal fondi pubbliċi permezz ta’ leġislazzjoni dwar l-isponsorship, it-taxxa fuq id-dħul korporattiv, u t-taxxa fuq id-dħul personali.

    5.2.9   Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għandha t-tendenza li tkun limitata għal parir dwar l-inizjattivi leġislattivi, filwaqt li t-tentattivi tas-CSO sabiex isolvu l-problemi relatati mat-trasparenza u l-korruzzjoni jirnexxu inqas. L-aċċess għal informazzjoni għadu jikkostitwixxi ostaklu għall-kooperazzjoni bejn l-NGOs u l-gvern, prinċipalment minħabba infurzar dgħajjef tal-Liġi dwar l-Aċċess għad-Dokumenti Pubbliċi.

    5.2.10   Mhuwiex qed iseħħ djalogu formali bejn is-soċjetà ċivili u l-gvern. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-gvern tal-Kosovo sabiex toħloq strutturi formali għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi u korpi regolari għal konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u għandhom jinħatru u jitħarrġu uffiċjali pubbliċi sabiex iservu bħala kuntatti ta’ kollegament mas-CSO.

    5.2.11   Wara sforzi min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gvern beda jfassal l-Istrateġija għal kooperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili. Dan il-proċess jinsab fl-istadju bikri tiegħu u huwa kkoordinat mill-Pjattaforma CiviKos, netwerk tas-soċjetà ċivili.

    5.2.12   Ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu speċifiku sabiex il-gvern jagħmel kuntratti mas-soċjetà ċivili u l-ebda qafas legali li jirregola l-għażla għall-ftit għotjiet tal-gvern li jingħataw lill-NGOs, li qed jingħataw fuq preferenzi pjuttost personali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi assistenza teknika lill-gvern tal-Kosovo għall-ħolqien ta’ mekkaniżmi bħal dawn.

    5.2.13   Mingħajr dispożizzjonijiet regolatorji ċari li jipprovdu inċentivi għall-voluntiera, huwa estremament diffiċli għall-NGOs li jattiraw individwi jew gruppi għall-volontarjat. Il-mudelli Ewropej ta’ leġislazzjoni fil-qasam tal-volontarjat jistgħu jiġu rrakkomandati lill-gvern tal-Kosovo.

    5.2.14   Fil-qasam tal-ħarsien ambjentali, il-kooperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili għandha tissaħħaħ u s-CSO għandhom jiġu kkonsultati u involuti b'mod strutturat fit-tfassil tal-politika u d-dibattiti pubbliċi.

    6.   L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Kosovo u l-IPA

    6.1   Aċċess għall-fondi tal-IPA

    6.1.1   Bejn l-1998 u l-2009, l-għajnuna tal-KE lill-Kosovo laħqet total ta’ iżjed minn EUR 2,3 biljun, inkluż il-finanzjament tal-missjoni EULEX, l-RSUE u l-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali. L-imsieħba ewlenin tal-kooperazzjoni bilaterali tal-Kummissjoni Ewropea kienu l-Ġermanja, l-Isvizzera, in-Norveġja, l-Isvezja (Sida), il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit (DFID) u l-USAID.

    6.1.2   Skont id-Dokument Multiannwali tal-Ippjanar Indikattiv għall-2009-2011, li ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2009, ġew identifikati erba' kwistjonijiet trasversali ewlenin li għandhom jiġu indirizzati fil-Kosovo: is-soċjetà ċivili, l-ambjent, l-opportunitajiet indaqs u l-governanza tajba. Il-finanzjament tal-IPA qed isegwi 3 linji prinċipjali: l-appoġġ għall-kisba ta’ kriterji politiċi, kriterji ekonomiċi u standards Ewropej.

    6.1.3   Bħala l-aktar donatur li għandu influwenza f'termini tal-ammont ta’ għajnuna u l-kategoriji ta’ finanzjament tagħha, l-UE għandha l-potenzjal li tiddetermina l-enfasi tal-aġendi u l-assistenza li jippromovu d-demokrazija. Dan ifisser ukoll li l-effettività tal-intervent tal-Kummissjoni hija xprun kruċjali ta’ kif l-għajnuna internazzjonali fil-Kosovo hija meqjusa u leġittimizzata.

    6.1.4   Skont il-kriterji politiċi, il-finanzjament tal-IPA jappoġġja t-titjib tal-kapaċità amministrattiva u l-bini ta’ istituzzjonijiet fil-Kosovo, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-minoritajiet Serbi u minoritajiet oħra, u jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir pubbliċi permezz tas-semplifikazzjoni tal-kwistjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-programmi kollha. Għall-perjodu 2009-2011, 2 sa 5 % tal-għajnuna totali lill-Kosovo ġiet allokata għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili.

    6.1.5   Minkejja li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea lis-soċjetà ċivili baqa' dejjem jiżdied, proċeduri ta’ applikazzjoni burokratiċi u kumplessi u ammonti minimi ta’ għotjiet relattivament għoljin jeskludu l-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet milli jibbenefikaw minn dawn il-fondi. L-istess kundizzjonijiet wessgħu d-differenza bejn is-CSO l-kbar u dawk żgħar. Il-lingwa u t-teknikalità tal-applikazzjonijiet għadhom ostakoli għall-aċċess tas-CSO komunitarji u dawk ta’ livell lokali għall-finanzjament tal-UE.

    6.1.6   Il-finanzjament tal-KE disponibbli għas-soċjetà ċivili huwa mmirat iktar lejn l-attivitajiet li jippromovu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u inqas lejn dawk li jippromovu l-iżvilupp soċjoekonomiku.

    6.1.7   Taħt l-assistenza tal-IPA, m'hemm l-ebda inizjattivi min-naħa tal-imsieħba soċjali appoġġjati u lanqas programmi mmirati li jippermettulhom isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom.

    6.1.8   Għad hemm tħassib dwar il-kapaċità limitata tal-awtoritajiet tal-Kosovo li jassorbu l-fondi tal-IPA. Il-gvern għandu jinvolvi lis-CSO fid-definizzjoni tal-prijoritajiet għall-assistenza tal-IPA.

    6.1.9   Meta jitqies li djalogu strutturat bejn is-CSOu l-gvern huwa nieqes fil-Kosovo, il-KESE jilqa' l-pjani tal-Kummissjoni Ewropea għall-finanzjament ta’ proġetti fl-2012 li ser iwaqqfu netwerks ta’ CSO bil-għan li jiffaċilitaw id-djalogu mal-awtoritajiet.

    6.1.10   Il-KESE jirrakkomanda li s-sejħiet għal proposti taħt l-IPA jiġu ppjanati b'mod li jkunu jistgħu jiġu evitati l-lakuni fil-finanzjament.

    Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvizzera, l-Isvezja, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika.

    (2)  Kushtrim, Shaipi (2011), Annual Review 2010 on Labour Relations and Social Dialogue in South East Europe: Kosovo, Regional Project for Labour Relations and Social Dialogue in South East Europe, Friedrich Ebert Stiftung, Jannar 2011.

    (3)  Better Governance for a Better Impact. A Call for Citizens, The CIVICUS Civil Society Index Analytical Country Report for Kosovo, Kosovar Civil Society Foundation (KCSF), Marzu 2011.

    (4)  Il-Liġi tax-Xogħol: l-implimentazzjoni tagħha fl-ewwel sitt xhur, is-Sommarju ta’ Politika tal-GAP, l-Istitut għall-Istudji Avvanzati GAP, Settembru 2011.

    (5)  Governanza Aħjar għal Impatt Aħjar. A Call for Citizens, The CIVICUS Civil Society Index Analytical Country Report for Kosovo, Kosovar Civil Society Foundation (KCSF), Marzu 2011.

    (6)  Governanza Aħjar għal Impatt Aħjar. A Call for Citizens, The CIVICUS Civil Society Index Analytical Country Report for Kosovo, Kosovar Civil Society Foundation (KCSF), Marzu 2011.

    (7)  The 2010 NGO Sustainability Index for Central and Eastern Europe and Eurasia, United States Agency for International Development (USAID).

    (8)  Better Governance for a Better Impact. A Call for Citizens, The CIVICUS Civil Society Index Analytical Country Report for Kosovo, Kosovar Civil Society Foundation (KCSF), Marzu 2011.


    Top