Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0828

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva” COM(2011) 785 finali — 2011/0370 (COD)

ĠU C 181, 21.6.2012, p. 35–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva”

COM(2011) 785 finali — 2011/0370 (COD)

2012/C 181/07

Relatur ġenerali: is-Sur FORNEA

Nhar it-30 ta’ Novembru 2011 u nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 173(3) u 166(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva

COM(2011) 785 finali – 2011/0370 (COD).

Nhar is-6 ta’ Diċembru 2011, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew inkariga lill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu tat-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu 2012) li jaħtar lis-Sur Fornea bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b'168 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-industriji kreattivi għandhom jiġu indirizzati billi jintrabtu maċ-ċiklu ġdid ta’ żvilupp industrijali u għandhom jiġu kkunsidrati mhux separatament, iżda f'relazzjoni stretta u interdixxiplinari ma’ servizzi u proċessi oħra ta’ produzzjoni. F'dan il-kuntest, ta’ min iħares lejhom bħala xprun għall-iżviluppi innovattivi fl-industrija u s-settur tas-servizzi.

1.2   Is-setturi kulturali u kreattivi għandhom ikunu fost il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, peress li jikkontribwixxu għal tip ġdid ta’ tkabbir fl-UE u ta’ min jenfasizza li l-iżviluppi attwali tal-industriji kreattivi qed jintlaqgħu tajjeb fl-Ewropa kollha u m'għandhomx jiġu limitati għal pajjiżi jew reġjuni partikolari.

1.3   Il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza li għandhom l-aspetti ekonomiċi fil-Programm Ewropa Kreattiva u jaqbel mal-idea li dan il-Programm għandu jħeġġeġ lill-atturi kollha tas-setturi kulturali u kreattivi sabiex jimmiraw lejn l-indipendenza ekonomika. Madankollu, jidher li l-Programm huwa ffukat wisq fuq l-objettiv ġenerali tal-kompetittività, filwaqt li ma jagħtix biżżejjed viżibbiltà lill-objettiv tal-promozzjoni tad-diversità lingwistika u kulturali fl-Ewropa.

1.4   Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-proposta biex jiżdied il-baġit ikkonċernat u jqis li l-pakkett totali ta’ EUR 1,8 biljun allokat lill-Programm Ewropa Kreattiva għandu jinżamm. Dan il-pakkett jirrappreżenta żieda sinifikanti iżda huwa ammont relattivament baxx meta mqabbel mal-baġit tal-UE jew ir-riżorsi li ċerti Stati Membri jimmobilizzaw biex jappoġġjaw l-attivitajiet kulturali.

1.5   L-amalgamazzjoni tal-programmi Kultura u MEDIA tista' tiġi aċċettata kemm-il darba l-komponenti proposti jkunu deskritti b'mod ċar u l-istatus tagħhom ikun iggarantit. Dan jista' jinkiseb jekk, filwaqt li jiġu skjerati skont il-bażi legali, jiġu speċifikati l-persentaġġi li, fil-baġit, jikkorrispondu għal kull element u l-kwoti minimi allokati lilhom. Għal aktar trasparenza u ċarezza, ta’ min jistabbilixxi linji ta’ azzjoni annwali.

1.6   Il-KESE jikkunsidra li s-suċċess tal-Programm Qafas Ewropa Kreattiva jiddependi bil-kbir mir-rabta li ssir bejn it-taqsima MEDIA u t-taqsima Kultura u, fl-istess ħin, mit-tfassil ta’ approċċ trasversali li jikkontribwixxi sabiex jinħolqu linji ta’ azzjoni komuni bejn il-programmi differenti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea (1).

1.7   Il-Kumitat jinnota n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet definiti tajjeb fir-rigward ta’ kif il-Kummissjoni beħsiebha tinvolvi r-rappreżentanti tal-partijiet interessati fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni. L-Artikolu 7 mhuwiex ċar biżżejjed (2). Ikun jaqbel li l-aċċess għall-finanzjament isir aktar faċli għall-organizzazzjonijiet kollha tal-liġi privata li, billi jwettqu attivitajiet kulturali u kreattivi, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. L-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li joperaw f'dan is-settur u l-organizzazzjonijiet l-oħra kollha kkonċernati tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom ukoll aċċess għal dan il-mekkaniżmu ta’ faċilitar.

1.8   Hemm bżonn li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi, billi jiġu żviluppati applikazzjonijiet u proċeduri onlajn, aktar rapidi, biex jassiguraw il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-programmi (3). Jeħtieġ ukoll li jittejbu l-proċeduri u l-kapaċitajiet tekniċi tal-komunikazzjoni, tal-implimentazzjoni u tal-provvista tar-rapporti intermedji u finali, l-istess bħalma hemm bżonn li jiġi żgurat li l-fajls tal-benefiċjarji tas-sussidji tal-Programm jiġu proċessati b'mod aktar effikaċi.

1.9   Peress li r-Regolament jippreżenta format apert u flessibbli, il-komitoloġija proposta ma tiggarantixxix li l-Istati Membri ser ikollhom biżżejjed kontroll fuq il-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Programm. Ta' min jimmodifika l-proċeduri tal-kumitati sabiex l-esperti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu l-proġetti li jkunu ntgħażlu. Bl-istess mod, għandha tiġi prevista proċedura ssemplifikata sabiex wara valutazzjoni perjodika l-parametri speċifiċi tal-linji ta’ azzjoni jiġu adattati.

1.10   Barra minn hekk, in-natura aperta u flessibbli ta’ dan il-format twassal sabiex il-gwida tal-Programm ikollha importanza partikolari, billi ser tkun hi li tindika b'mod preċiż liema huma l-azzjonijiet li jridu jitwettqu, liema huma l-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni, il-livelli ta’ kofinanzjament, eċċ. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex jitfassal b'mod apert u trasparenti u jesprimi l-interess tiegħu sabiex jieħu sehem f'dan il-proċess.

1.11   Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li l-Proposta tal-Kummissjoni maħsuba biex tgħaqqad flimkien il-punti ta’ kuntatt tal-Programm Kultura u l-Programm MEDIA fi ħdan l-uffiċċji tal-Programm Ewropa Kreattiva tiġi indirizzata b'mod aktar flessibbli, filwaqt li tikkunsidra r-realtajiet reġjonali speċifiċi tal-Istati Membri. Jenfasizza li huwa importanti li tiġi ppreżervata l-prossimità ġeografika mal-atturi taż-żewġ setturi, kif ukoll li jinżamm għarfien espert separat għat-taqsima Kultura u t-taqsima MEDIA, billi jeżistu differenzi sinifikanti bejniethom f'dak li huma r-realtajiet u l-modi ta’ żvolġiment tal-attivitajiet li jitwettqu fil-qafas rispettiv tagħhom. Il-ħolqien tal-uffiċċji l-ġodda għall-Programm Ewropa Kreattiva għandu jsir abbażi tal-esperjenza li l-punti ta’ kuntatt Kultura u l-uffiċċji MEDIA kisbu s'issa.

1.12   Jekk il-mekkaniżmu finanzjarju propost huwa pass fit-triq it-tajba, dan għandu jingħata pubbliċità, sabiex ikun jista' jinbidel il-mod kif l-istituzzjonijiet finanzjarji jħarsu lejn l-intraprendituri tas-settur kulturali u kreattiv u jivvalutawh. L-istrument għandu jiżgura kopertura ġeografika bilanċjata u l-funzjonament tiegħu m'għandux ikun ta’ ħsara għall-mekkaniżmi ta’ għajnuna f'forma ta’ sussidji.

1.13   Il-proprjetà intellettwali tirrappreżenta fattur ewlieni biex tingħata spinta lill-kreazzjoni u lill-investimenti fil-produzzjoni tal-kontenut kulturali u kreattiv, kif ukoll biex jiġu rimunerati l-kreaturi u jitwessgħu l-possibbiltajiet ta’ impjieg f'dawn l-attivitajiet. F'dan il-kuntest, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu implimentati b'mod effettiv, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak internazzjonali.

1.14   L-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti finanzjarji permezz tal-Programm Ewropa Kreattiva għandhom isiru bir-rispett sħiħ tal-prinċipji u l-valuri tal-UE fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema u r-responsabbiltà soċjali. Għandu wkoll jiġi previst mekkaniżmu biex il-vjolenza u d-diskriminazzjoni ma jitħallewx jiżviluppaw fil-proċess tat-twettiq tal-proġetti ffinanzjati permezz ta’ dan l-istrument.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament

2.1   Ir-Regolament li qed jiġi diskuss hawnhekk jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva, maħsub biex jappoġġja s-setturi kulturali u kreattivi għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-Programm għandu jappoġġja biss dawk l-azzjonijiet u attivitajiet li potenzjalment jippreżentaw valur miżjud Ewropew u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha.

2.2   L-objettivi ġenerali tiegħu huma li jrawwem is-salvagwardja u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, kif ukoll li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi bil-għan li jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

2.3   L-objettivi speċifiċi tiegħu jikkonsistu f'dan li ġej:

li jappoġġja l-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej sabiex joperaw b'mod transnazzjonali;

li jippromovi ċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet u l-operaturi kulturali u kreattivi u jilħaq udjenzi ġodda fl-Ewropa u lil hinn;

li jsaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tas-setturi kulturali u kreattivi, u b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji u l-organizzazzjonijiet;

li jappoġġja l-kooperazzjoni politika transnazzjonali sabiex irawwem l-iżvilupp tal-politika, l-innovazzjoni, il-bini tal-udjenza u mudelli ġoddatan-negozju.

2.4   Il-Programm għandu l-istruttura li ġejja:

taqsima transettorjali indirizzata għas-setturi kulturali u kreattivi kollha (15 % tal-baġit totali);

taqsima Kultura indirizzata għas-setturi kulturali u kreattivi (30 % tal-baġit totali);

taqsima MEDIA indirizzata għas-settur awdjoviżiv (50 % tal-baġit totali).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Fl-2008, is-setturi kulturali u kreattivi impjegaw 3,8 % tal-ħaddiema Ewropej u kkontribwixxew għal 4,5 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE huwa konvint li l-Programm Qafas Ewropa Kreattiva ser jgħin fit-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 u bħall-Kummissjoni jqis li l-innovazzjoni, il-kreattività u l-kultura għandhom jaqdu rwol essenzjali fl-iżvilupp modern taċ-ċittadin Ewropew u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-intraprenditorija, it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli u l-kisba tal-objettivi relatati mal-integrazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea.

3.2   Il-fattur politiku li jwassal biex jiġi vvalutat mill-ġdid ir-rwol tal-kultura fil-politiki nazzjonali u Ewropej għandu jiġi ddeterminat mir-relazzjoni kumplessa bejn il-kultura u l-ekonomija, kif ukoll mill-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi għall-iżvilupp tal-Istati Membri, għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u għall-konsolidazzjoni tas-sens ta’ appartenenza għall-ispazju Ewropew. Għalhekk, jeħtieġ li l-programm il-ġdid ta’ għajnuna finanzjarja jirrifletti l-ħtiġijiet tas-setturi kulturali u kreattivi fl-era diġitali, billi jiġi adottat approċċ aktar prammatiku u eżawrjenti.

3.3   Is-settur kulturali mhuwiex omoġenju u jippreżenta għadd ta’ modi partikolari ta’ tħaddim. B'hekk, l-attivitajiet relatati mal-produzzjoni mużikali u diskografika jsegwu mudell ekonomiku speċifiku u jsiru f'ambjent li huwa radikalment differenti minn dak tal-arti tal-ispettaklu. Għaldaqstant, jeħtieġ li bis-saħħa tal-komponenti tiegħu, il-Programm Ewropa Kreattiva jawtorizza approċċi flessibbli, li permezz tagħhom ikun aktar faċli għall-benefiċjarji eventwali tiegħu, kif immirati fil-Proposta għal Regolament, li jkollhom aċċess għalih u li jagħmlu użu effikaċi minnu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew diġà esprima fehmietu dwar l-industriji kulturali u kreattivi fl-opinjoni li adotta, bl-istess isem, waqt is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru 2010 u li kellha lis-Sur Cappellini u lis-Sur Lennardt rispettivament bħala relatur u korelatur. Dan it-test kien tfassal fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet dwar il-Green Paper dwar “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”.

4.2   Din l-opinjoni dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva mhijiex ser tittratta mill-ġdid is-suġġetti li kienu diġà ġew indirizzati fl-opinjoni dwar il-Green Paper; minflok, ser tipprova tappoġġja lill-Kummissjoni billi tressaq kummenti diretti dwar it-test li pproponiet fit-23 ta’ Novembru 2011, fid-dokument COM(2011) 785 final.

4.3   L-operaturi attivi f'dawn is-setturi approvaw li l-baġit tal-Programm għola għal EUR 1,8 biljun għall-perjodu 2014-2020, avolja dan it-tkabbir għandu jitqies f'relazzjoni maż-żieda tan-numru ta’ pajjiżi benefiċjarji u t-twessigħ tal-konfini tal-industriji kreattivi li jkopri. Ir-Regolament ma jiddefinixxix b'mod ċar l-espressjoni “industriji kreattivi” u kien ikun opportun li t-test tiegħu jipprovdi aktar informazzjoni preċiża dwar il-kampi ta’ azzjoni li jkopri eżattament, kif ukoll dwar l-atturi kkonċernati.

4.4   L-atturi tas-settur kulturali u awdjoviżiv iqisu l-amalgamazzjoni tal-programmi attwali Kultura 2007-2013, MEDIA u MEDIA MUNDUS fi programm qafas wieħed, li jġib l-isem “Ewropa Kreattiva”, bħala inizjattiva pożittiva u kostruttiva tal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, ta’ min jikkunsidra aktar bir-reqqa l-mod kif ġie traspost kull wieħed minn dawn iż-żewġ elementi, politiki jew proċessi ta’ natura ġenerali, peress li huwa essenzjali li jitqiesu l-karatteristiċi proprji ta’ dawn is-setturi, li jvarjaw b'mod reċiproku mil-lat tal-atturi ewlenin, tal-loġika finanzjarja, tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni.

4.5   L-ewwel nett, il-partijiet interessati tas-settur kulturali ser joqogħdu attenti għat-tipi ta’ finanzjament pubbliku, għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess u għall-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti fil-Programm. Min dawn il-parametri ser tiddependi ħafna l-intensità tal-impenn tagħhom u tal-appoġġ li ser jagħtu lill-azzjonijiet proposti fil-Programm Qafas il-ġdid.

4.6   Mil-lat professjonali, jidher li s-settur awdjoviżiv jinsab ġeneralment sodisfatt fir-rigward tal-effikaċja tal-Programm MEDIA attwali, kif ukoll fir-rigward tal-politiki l-ġodda previsti fil-Programm Qafas Ewropa Kreattiva. Il-professjonisti tas-settur japprezzaw il-Programm MEDIA għall-għajnuna li joffri u għar-rilevanza tiegħu fis-suq awdjoviżiv. It-taqsima MEDIA tal-Programm Qafas il-ġdid ftit li xejn hija differenti mill-Programm attwali. Madankollu, it-test tar-Regolament il-ġdid jista' jipprovdi aktar informazzjoni preċiża, f'forma ta’ annessi li jidħlu fid-dettall ta’ kull linja ta’ azzjoni kkonċernata, kif ukoll il-baġit previst għat-twettiq ta’ dawn il-linji ta’ azzjoni.

4.7   Il-KESE jilqa' l-inizjattiva li ħadet il-Kummissjoni biex tissemplifika l-proċeduri ta’ ġestjoni tal-Programm Kultura u l-Programm MEDIA bis-saħħa tal-applikazzjoni fuq skala akbar tar-rati fissi, l-użu tal-konvenzjonijiet qafas ta’ sħubija u tal-proċeduri elettroniċi, kif ukoll ir-riforma tal-istrumenti ta’ ħidma tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

4.8   Jeħtieġ li jitfasslu miżuri adatti sew biex jiżguraw “kundizzjonijiet indaqs fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej billi jkunu kkunsidrati l-pajjiżi b'kapaċità tal-produzzjoni baxxa u/jew pajjiżi jew reġjuni b'żona ġeografika u lingwistika ristretta”. (4)

4.9   Il-KESE jqis li hemm bżonn li fost il-prijoritajiet jiġu introdotti mill-ġdid miżuri biex jippromovu l-mobbiltà tal-artisti, id-djalogu interkulturali u l-edukazzjoni artistika, kif ukoll biex jikkoordinaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li qed jiġi diskuss hawnhekk ma’ testi oħra tal-Unjoni Ewropea li jinteressaw lil dawn is-setturi u li jiżviluppaw mekkaniżmi bbażati fuq strumenti li jħeġġu lill-artisti jieħdu sehem f'attivitajiet kulturali jew tours barra minn pajjiżhom.

4.10   Il-Proposta għal Regolament tagħti attenzjoni partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u għall-kreaturi meqjusa individwalment. Madankollu, l-organizzazzjonijiet trejdjunjonistiċi jiddispjaċihom li r-Regolament iqis il-kreaturi kulturali, il-persuni u l-intrapriżi kreattivi tas-settur biss bħala sempliċi provvedituri ta’ servizzi u jqisu li teżisti ħtieġa konsiderevoli li l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja jkun soġġett għar-rispett ta’ standards ta’ protezzjoni soċjali li jkunu kapaċi jeliminaw il-fatturi ta’ prekarjetà li spiss jinsabu fil-kuntratti fuq perjodu qasir li jikkaratterizzaw il-proġetti f'dan il-qasam.

Sfidi u dgħufijiet tal-Proposta ġdida għal Regolament

Fil-livell ġenerali:

4.11

Iż-żieda tal-baġit hija aħbar tajba iżda ta’ min jikkunsidra l-aspetti li ġejjin:

iż-żieda tan-numru ta’ pajjiżi benefiċjarji;

l-estensjoni tal-oqsma ta’ finanzjament;

il-ħtiġijiet il-ġodda għat-tranżizzjoni lejn is-soċjetà diġitali;

id-deprezzament monetarju;

il-ħtieġa li nżommu f'moħħna t-tqabbil bejn il-baġit propost fir-Regolament, jiġifieri EUR 1,8 biljun għall-perjodu 2014-2020, u dak li Franza (EUR 7,5 biljun) jew il-Ġermanja (EUR 1,1 biljun) talloka kull sena, kif ukoll il-ħtieġa li dan il-baġit jitqies f'paragun mal-ammont totali tal-baġit Ewropew.

4.12

Id-diversità kbira tal-politiki li jħaddnu l-Istati Membri twassal sabiex minn pajjiż għall-ieħor jinħolqu distorsjonijiet bejn il-partijiet interessati fil-qasam tal-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-programmi b'finanzjament pubbliku mmirati lejn is-settur awdjoviżiv u kulturali.

4.13

Rigward l-industriji kreattivi, is-sinerġiji li jeżistu bejn il-programmi dedikati għall-innovazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs u l-Programm Ewropa Kreattiva huma dgħajfa, jew saħansitra ineżistenti. Għandha ssir aktar faċli li dawn is-sinerġiji jingħaqdu flimkien permezz ta’ rabtiet aktar stretti bis-saħħa tal-possibbiltajiet li joffri l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali.

Fil-livell operattiv:

4.14

Il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm mill-atturi kkonċernati huma kumplessi ħafna mil-lat amministrattiv u dan iwassal għal spejjeż għoljin ta’ amministrazzjoni li fil-prattika jnaqqsu l-baġit allokat għall-produzzjoni tal-proġetti u għat-tixrid tagħhom.

4.15

Waħda mill-problemi rikurrenti li jqajmu l-partijiet interessati tas-settur u li taffettwa b'mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar tikkonċerna t-tul ta’ żmien meħtieġ biex jinkisbu s-sussidji.

4.16

Rigward il-mekkaniżmu finanzjarju l-ġdid li tfassal sabiex l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u operaturi oħrajn ikollhom aċċess għall-krediti aktar faċilment, l-użu ta’ dan it-tip ta’ strument finanzjarju mhuwiex komuni fil-qasam kulturali. Jeżisti r-riskju li l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jurux interess biex jieħdu sehem, minħabba l-ammonti baxxi kkonċernati, in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-problemi speċifiċi tas-settur kulturali u r-rendiment dgħajjef ta’ ċerti tipi ta’ proġetti relatati, li ma jistgħux jeżistu mingħajr għajnuna mill-fondi pubbliċi.

4.17

Il-monitoraġġ operattiv u l-ġestjoni tal-garanziji mogħtija fil-qafas tal-mekkaniżmu finanzjarju jitwettqu mill-Fond Ewropew ta’ Investiment (FEI), li m'għandux għarfien espert speċifiku fil-qasam kulturali.

4.18

Il-Fond ta’ Garanzija ta’ Produzzjoni tal-MEDIA, li tnieda fl-2010 u li għandu għarfien espert rikonoxxut fil-qasam tiegħu, jagħti xhieda tal-ħtieġa ta’ sinerġija akbar bejn l-istrument finanzjarju l-ġdid u l-mekkaniżmi eżistenti (5).

4.19

Teoretikament, hija idea tajba li l-punti ta’ kuntatt Kultura u l-uffiċċji MEDIA jingħaqdu flimkien f'uffiċċju wieħed Ewropa Kreattiva, peress li l-għan ta’ dan l-aġġustament huwa li b'hekk tiġi garantita ċ-ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni dwar il-programmi disponibbli u li jinkisbu ekonomiji ta’ skala bis-saħħa tal-mutwalizzazzjoni tar-riżorsi.

4.20

Fil-livell operattiv, huwa possibbli li jinkisbu sinerġiji, l-aktar fil-qasam tal-ġestjoni komuni u l-komunikazzjoni, iżda huwa importanti li wieħed iqis tajjeb li ċerti pajjiżi, bħal Franza jew il-Ġermanja, żviluppaw netwerk ta’ uffiċċji reġjonali li jirriflettu d-diversità kulturali u li l-missjoni tagħhom hi li jippreżervaw relazzjoni mill-qrib mal-atturi lokali. Barra minn hekk, is-settur kulturali u dak awdjoviżiv għandhom attivitajiet bażiċi pjuttost differenti: in-netwerks ta’ produzzjoni u ta’ tixrid tagħhom huma differenti u l-partijiet interessati l-kbar tagħhom jeħtieġu tipi differenti ta’ għarfien espert.

4.21

Minn dan il-lat, ċentralizzazzjoni bħal din jaf ikollha l-effett negattiv li l-kompetenzi jispiċċaw livellati. L-iffrankar miksub b'dan il-mod jaf ikun negliġibbli u ma jiġġustifikax il-modifiki proposti. Nistgħu nqisu wkoll b'ċertu nuqqas ta’ fiduċja l-idea li l-uffiċċji jirċievu l-missjoni addizzjonali li jipprovdu data statistika u li jgħinu lill-Kummissjoni tiżgura komunikazzjoni adegwata u xxandar ir-riżultati u l-impatt tal-Programm mingħajr ma ġew previsti r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għal dan il-kompitu.

4.22

Il-modifiki proposti fil-qasam tal-komitoloġija jafu joffendu ċerti sensibilitajiet, peress li l-Kummissjoni qed tipproponi bidliet ta’ proċedura fil-kumitati għall-programmi kollha. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ser jitilfu s-setgħa ta’ kodeċiżjoni u ta’ koġestjoni tagħhom għall-benefiċċju tal-Kummissjoni Ewropea u r-rwol tagħhom ser ikun limitat għall-validazzjoni tal-proġetti magħżula minn qabel.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Huma kkonċernati programmi bħal dawk imsemmijin fid-dettall fl-Artikolu 13(1)(b) tal-Proposta għal Regolament.

(2)  It-test tal-Artikolu 7 tal-Proposta għal Regolament jirreferi għall-mekkaniżmu li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament “għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u organizzazzjonijiet fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej”.

(3)  Il-proċedura, kif inhi bħalissa, hija waħda diffiċli ħafna, minħabba li d-dokumenti kollha jridu jintbagħtu bil-posta filwaqt li t-tweġibiet kultant idumu tliet xhur jew erbgħa biex jaslu.

(4)  Artikolu 3(2)(d) tal-Proposta għal Regolament.

(5)  Nistgħu nsemmu l-eżempju tal-IFCIC (Institut pour le financement du cinéma et des industries culturelles – Istitut għall-finanzjament taċ-ċinema u tal-industriji kulturali) fi Franza, jew inkella, fi Spanja, l-Audiovisual SGR, organizzazzjoni mwaqqfa fi tmiem l-2005 fuq inizjattiva tal-Ministeru Spanjol għall-Kultura, bil-parteċipazzjoni tal-ICAA (Instituto de la cinematografía y de las artes audiovisuales – Istitut ċinematografiku u tal-arti awdjoviżjivi) u ta’ entitajiet li jiġġestixxu d-drittijiet tal-produtturi ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fil-pajjiż.


Top