Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0820

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu]” COM(2011) 747 finali — 2011/0361 (COD)

ĠU C 181, 21.6.2012, p. 68–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu]”

COM(2011) 747 finali — 2011/0361 (COD)

2012/C 181/13

Relatur: is-Sur PÁLENÍK

Nhar it-13 ta’ Diċembru 2011 u nhar it-30 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu]

COM(2011) 747 final – 2011/269 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tad-29 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'118-il vot favur, 32 vot kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Din l-opinjoni ġiet abbozzata b'relazzjoni mal-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li hija mmirata lejn l-eliminazzjoni ta’ nuqqasijiet kbar fit-trasparenza, l-indipendenza, il-kunflitt ta’ interessi u l-kwalità tal-metodi użati fit-tfassil u l-proċeduri tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Il-KESE jilqa' l-fatt li r-Regolament propost qed jipprova jelimina dawn il-problemi, iżda jaħseb li l-Kummissjoni qed tirreaġixxi tard wisq u b'mod li mhuwiex b'saħħtu biżżejjed għal din is-sitwazzjoni.

1.2   L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jaqdu rwol importanti fis-swieq finanzjarji globali għax ħafna parteċipanti fis-suq jużaw il-klassifikazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, jinfluwenzaw b'mod sostanzjali t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati fil-qasam tal-investiment u l-finanzi. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jitwettqu b'konformità mal-prinċipji ta’ integrità, trasparenza, responsabbiltà u governanza tajba, prinċipji li r-Regolament attwali dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu diġà jikkontribwixxi għalihom b'mod sinifikanti.

1.3   Fil-fehma tal-KESE, is-swieq mhumiex kapaċi jirregolaw lilhom innifishom; għalhekk, huwa essenzjali li jiġu introdotti l-aktar regoli severi/stretti possibbli u li dawn ikunu akkumpanjati minn livell adatt ta’ implimentazzjoni u kontroll. Madankollu, il-proposta ma tagħti l-ebda indikazzjoni ċara dwar kif dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat Barra minn hekk, il-KESE jesprimi dubji kbar li huwa biss permezz ta’ żieda fir-regolamentazzjoni li jistgħu jintlaħqu r-riżultati mixtieqa. Anzi, dan jista' jwassal biex titnaqqar dejjem iżjed ir-responsabbiltà tad-diversi entitajiet ta’ sorveljanza, li, għall-kuntrarju, irdu jkunu iżjed involuti fil-valutazzjoni tal-ġudizzji li jagħmlu l-aġenziji.

1.4   Il-KESE huwa tal-fehma li d-dimensjoni Ewropea kif stabbilita fil-Proposta għal Regolament għandha tiġi appoġġjata kemm jista' jkun minn negozjati fil-livell tal-pajjiżi tal-G20, bil-għan li dawn il-pajjiżi jimplimentaw regoli simili sabiex jiżguraw konsistenza fil-livell dinji.

1.5   Sabiex tiġi żgurata firxa usa' ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu, il-proposta tistabbilixxi rotazzjoni obbligatorja tal-aġenziji li jipprovduhom. Madankollu, il-KESE jistaqsi jekk l-introduzzjoni ta’ din ir-regola hijiex ser tiġġenera verament ir-riżultat mixtieq.

1.6   Fil-fehma tal-Kumitat, waħda mill-problemi fundamentali hija l-kredibbiltà tal-klassifikazzjonijiet ipprovduti mill-aġenziji, li fil-biċċa l-kbira huma bbażati fl-Istati Uniti tal-Amerika u suġġetti għal bosta kunflitti ta’ interess. Huwa għalhekk li l-KESE jitlob lill-Kummissjoni qed isiru ħafna appelli diversi biex titwaqqaf aġenzija ta’ klassifikazzjoni Ewropea indipendenti, li tkun tista' tikklassifika d-dejn sovran filwaqt li tqis l-interess komuni. Fl-imgħoddi, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ma rnexxilhomx jipprevedu ċerti żviluppi u dan, ukoll, dgħajjef sew il-kredibbiltà tagħhom. Minkejja sinjali ċari mis-suq u mit-tendenzi ekonomiċi, ma kellhomx il-kapaċità jew ir-rieda li jidentifikaw ċerti riskji ta’ investiment fil-ħin u, f'bosta okkażjonijiet, naqsu milli jaqdu l-funzjoni essenzjali tagħhom.

1.7   Proprju minħabba li mhumiex kapaċi jbassru l-iżviluppi futuri b'mod adatt u, fuq kollox, minħabba li fil-każ tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu t-tbassir jaf jikkondizzjona dak li jiġri verament, għandha ssir analiżi aktar mill-qrib tat-trasparenza mhux adegwata tal-metodi li jużaw l-aġenziji huma u jwettqu l-klassifikazzjonijiet tagħhom.

1.8   Il-KESE għandu dubji serji dwar l-indipendenza tal-klassifikazzjonijiet ipprovduti, speċjalment minħabba l-użu tal-mekkaniżmu fejn l-emittent iħallas. Fil-fatt, huwa konvint li huma biss parzjalment indipendenti. Huwa ċar li l-emittent għandu kull interess li jfittex l-ogħla klassifikazzjoni possibbli, u dan jixħet dubju dwar l-indipendenza tal-klassifikazzjoni pprovduta, li spiss warajha tinħeba operazzjoni spekulattva minħabba l-effett ta’ aħbar.

1.9   Huwa assolutament kruċjali li l-punti kollha indirizzati fil-proposta jiġu segwiti verament u li tittieħed azzjoni fuqhom. Għandu jiġi żgurat li qed jiġu tassew irrispettati kemmm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali. Fil-fehma tal-Kumitat, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandha tingħata l-mezzi meħtieġa biex tiżgura din il-konformità.

1.10   F'dan ir-rigward, il-KESE jfaħħar l-emendi relatati mar-responsabbiltà ċivili tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji billi toħloq mezzi effikaċi ta’ rikors li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jagħtuhom aċċess għal kumpens, mingħajr ħsara għas-sanzjonijiet li l-korp ta’ superviżjoni jimponi fuq l-aġenzija.

1.11   Il-kunflitt ta’ interessi għadu problema fundamentali u l-proposta tinkludi għadd ta’ miżuri li jindirizzaw din il-problema. Madankollu, il-KESE mill-ġdid jenfasizza li dawn mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-għan ippjanat. Ir-raġuni għal dan huwa l-mudell fejn l-emittent iħallas, speċjalment fil-każ tal-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet mitlubin u klassifikazzjonijiet tal-pajjiżi. Il-klassifikazzjonijiet u l-prospetti negattivi tad-dejn sovran huma ta’ benefiċċju għal dawk li jixtru l-bonds maħruġa, permezz ta’ rati tal-imgħax ogħla u primjums tar-risjku ogħla. F'xi każijiet, dawk li jixtru jistgħu jkunu l-istess entitajiet bħall-emittenti li jħallsu lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għall-klassifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tagħhom, u dan jista' joħloq kunflitt ta’ interessi.

1.12   Il-KESE jilqa' mhux biss l-isforz li sar biex jiġu indirizzati għadd ta’ problemi (it-trasparenza, il-kunflitt ta’ interessi, l-indipendenza u l-kompetizzjoni) u biex isir kontroll aktar sever tal-mod kif joperaw l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni (li huma atturi ewlenin fis-swieq finanzjarji), iżda jilqa' wkoll il-fatt li r-Regolament tal-2011 jindirizza wkoll xi kwistjonijiet importanti oħra, speċjalment il-ħolqien ta’ qafas Ewropew għall-monitoraġġ tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni (1).

1.13   Il-KESE jaħseb li l-kwistjoni marbuta mal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni mhijiex biss kwistjoni leġislattiva, iżda iktar u iktar waħda politika. Għalhekk, l-aħjar mod kif jiġi protett id-dejn sovran mill-konsegwenzi, ta’ sikwit dannużi, tal-ġudizzji tal-aġenziji, barra minn regoli aħjar u limitati, huwa li:

ma jkollhomx il-permess joħorġu ġudizzji dwar id-dejn sovran;

jitwessa' l-mandat tal-BĊE, biex ikollu statut ugwali għal dak tal-banek ċentrali kollha l-oħra fid-dinja, u b'hekk ma jibqax bl-iżvantaġġ attwali;

tittejjeb il-ġestjoni attwali tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro (Opinjoni ECO/307 – CESE 474/2012).

2.   Raġunijiet

2.1   Il-kriżi attwali tal-kreditu, li kulma jmur qed issir aktar profonda, hija marbuta mal-kriżi bankarja li ġiet qabilha, liema kriżi ġiet ikkawżata minn nuqqasijiet serji fir-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u li għaliha l-Komunità Ewropea rreaġixxiet malajr u b'mod adatt billi adottat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Din il-kriżi l-ġdida tenfasizza l-ħtieġa li tkompli tittejjeb l-effikaċja ta’ għadd ta’ attivitajiet fil-qasam tar-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jistabbilixxi regoli stretti dwar l-imġiba ta’ dawn l-aġenziji, bil-għan ewlieni li jitnaqqsu l-kunflitti possibbli ta’ interessi u li jiġu żgurati kwalità għolja u trasparenza fil-klassifikazzjonijiet u l-proċeduri ta’ klassifikazzjoni.

2.2   Ta' min ifakkar li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu mhumiex kapaċi jbassru l-iżviluppi futuri reali, u dan ifisser li għandhom impatt dannuż għall-aħħar fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi. Il-katalogu tal-aġenzji dubjużi huwa twil; b'hekk hawn ser jissemmew biss xi wħud minnhom:

fl-1975, il-belt ta’ New York irċeviet klassifikazzjoni favorevoli ħafna lejliet it-tħabbira tal-falliment tagħha (waqfien tal-pagamenti);

ftit aktar tard, Standard and Poor's żgurat lill-investituri li l-ekonomija tal-kontea ta’ Orange (fil-Kalifornja) kienet b'saħħitha u ġestita tajjeb, avolja kienu ntilfu USD 2 biljun minħabba l-ispekulazzjoni fuq id-derivattivi. Sussegwentement, l-aġenzija kellha tiffaċċja għadd ta’ kawżi l-qorti (2);

kien hemm każijiet simili li kienu jinvolvu l-hedge fund “Long Term Capital Management”, il-Bank of Credit and Commerce International (BCCI), il-falliment tal-banek tat-tfaddil tal-Istati Uniti u l-fallimenti qarrieqa ta’ Enron, Worldcom, Tyco, eċċ. u Lehman Brothers (3);

qabel il-kriżi finanzjarja, l-aġenziji kienu qed jagħtu l-klassifikazzjoni AAA saħansitra lill-aktar derivattivi ipotekarji suspettużi (is-subprimes), u dan ikkonvinċa lill-investituri – inklużi l-fondi tal-pensjonijiet – biex jixtruhom bi kwantità (4);

qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja fl-2008, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni taw unanimament l-aħjar klassifikazzjoni lill-banek u l-fondi li kellhom l-aktar titoli perikolużi maħluqa mill-ispekulaturi, bħalma ġara fil-każ tal-kumpanija Amerikana tal-assigurazzjoni AIG (5);

f'Diċembru 2009, pereżempju, Standard and Poor's tat il-klassifikazzjoni A lid-dejn Grieg – l-istess bħalma għamlet lill-Estonja, li dak iż-żmien kienet qed tipprepara biex tidħol fiż-żona tal-euro (6).

Issa li l-Ewropa kollha hija mifnija bi kriżi tad-dejn u xi pajjiżi jinsabu qrib tal-falliment, ser ikun tassew importanti li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tistimola l-irkupru tal-ekonomija. Il-proposta li qed tiġi diskussa hawnhekk hija strument adatt biex dan l-isforz jiġi appoġġjat, imma hemm bżonn li tkun aktar ambizzjuża.

Il-proposta għadha dgħajfa fl-approċċ tagħha lejn il-klassifikazzjonijiet tad-dejn sovran – biex ma nsemmux li l-għan innifsu ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet huwa wieħed dubjuż, peress li l-pajjiżi xorta waħda jispiċċaw iħallsu rati ta’ imgħax differenti. Dan iwassal ukoll għall-kwistjoni tal-valur politiku ta’ dawn l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li s'issa għadha ma ġietx indirizzata.

2.3   Fid-dokument ta’ konsultazzjoni tagħha (7), li kien ir-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika li sar matul l-2010, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet għażliet differenti sabiex tinsab soluzzjoni għal problemi relatati ma’ dipendenza kbira żżejjed mill-klassifikazzjonijiet min-naħa tal-parteċipanti fis-suq u ġibdet l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-kumpaniji ta’ investiment jibdew iwettqu valutazzjoni indipendenti tar-riskji ta’ kreditu, l-appoġġ għal kompetizzjoni akbar fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, l-introduzzjoni ta’ responsabbiltà ċivili għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-għażliet sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitti potenzjali ta’ interessi kkaġunati mill-użu tal-mudell fejn l-emittent iħallas.

2.4   Għadd ta’ parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni Ewropea bejn il-5 ta’ Novembru 2010 u s-7 ta’ Jannar 2011 esprimew it-tħassib tagħhom dwar dipendenza kbira żżejjed jew saħansitra mekkanika mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u appoġġjaw ukoll it-tnaqqis gradwali tar-referenzi li jsiru għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fil-leġislazzjoni. Fl-istess ħin, saħqu fuq il-fatt li element importanti tat-tfittxija ta’ soluzzjoni adegwata hija s-sejba ta’ strumenti adatti li jistgħu jieħdu post il-klassifikazzjonijiet.

2.5   Il-Parlament Ewropew, li ħareġ riżoluzzjoni mhux leġislattiva dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fit-8 ta’ Ġunju 2011 (8), approva wkoll il-bżonn li jittejjeb il-qafas regolatorju għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u li jiġu adottati miżuri adatti sabiex titnaqqas id-dipendenza kbira żżejjed mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

2.6   Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2011 (9) ikkonkluda li t-tisħiħ tar-regolazzjoni finanzjarja għadha prijorità ewlenija għall-UE u laqa' l-fatt li mill-2008 'l hawn sar ħafna progress permezz tar-riforma tal-qafas regolatorju u superviżorju, iżda appella sabiex jibqgħu jsiru aktar sforzi biex jiġu identifikati u indirizzati d-dgħufijiet tas-sistema finanzjarja u b'hekk jiġu evitati kriżijiet oħra fil-futur.

2.7   Fil-livell internazzjonali, f'Ottubru 2010 l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) ħareġ prinċipji għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji mill-klassifikazzjonijiet tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu (10). Approvati mis-Summit tal-G20 f'Seoul f'Novembru 2010, dawn il-prinċipji jappellaw sabiex ir-referenzi għal dawn il-klassifikazzjonijiet fil-leġislazzjoni jitneħħew jew jiġu sostitwiti, meta jeżistu standards alternattivi adatti għall-affidabbiltà kreditizja, u sabiex l-investituri jintalbu jagħmlu huma stess il-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja tagħhom.

2.8   Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kellu bżonn jiġi emendat, b'mod partikolari sabiex jitnaqqsu r-riskji potenzjali assoċjati mad-dipendenza kbira żżejjed tal-parteċipanti fis-suq mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, il-livell għoli ta’ konċentrazzjoni tas-suq tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, il-ħolqien ta’ responsabbiltà ċivili tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni vis-à-vis l-investituri, il-kunflitti ta’ interessi relatati mal-mudell fejn l-emittent iħallas u l-istruttura tad-detenturi ta’ ishma tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

3.   Sommarju tal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009

3.1   Estensjoni fl-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament biex ikopri l-prospetti tal-klassifikazzjonijiet

3.1.1   Il-proposta tal-Kummissjoni twessa' l-ambitu tar-regoli dwar il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu biex, jekk ikun adatt, ikopru l-“prospetti tal-klassifikazzjonijiet”. L-importanza tal-prospetti tal-klassifikazzjonijiet għall-investituri u l-emittenti, u l-impatt tagħhom fuq is-suq, jistgħu jitqabblu mal-importanza u l-effetti tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u għalhekk l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu huma partikolarment mitluba jikxfu l-medda taż-żmien li matulha hija mistennija bidla fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

3.2   Emendi relatati mal-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

Il-Proposta għal Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu żżid ukoll dispożizzjoni li tobbliga lil ċerti istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu huma stess il-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu, bil-għan li titnaqqas id-dipendenza kbira żżejjed jew saħansitra mekkanika mill-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi.

3.3   Emendi relatati mal-indipendenza tas-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu

3.3.1   L-indipendenza tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu skont il-mudell fejn l-emittent iħallas għandha tissaħħaħ b'mod li jiżdied il-livell ta’ kredibbiltà tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

3.3.2   Mod kif tissaħħaħ l-indipendenza, filwaqt li jiġu eliminati l-kunflitti ta’ interessi, huwa r-regola li kwalunkwe detentur ta’ ishma jew membru ta’ aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li jkun detentur ta’ mill-anqas 5 % tal-ishma ta’ dik l-aġenzija ma jistax ikun detentur ta’ 5 % jew aktar tal-ishma fi kwalunkwe aġenzija oħra ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, sakemm l-aġenziji kkonċernati ma jkunux membri tal-istess grupp.

3.3.3   Qed tigi introdotta regola ta’ rotazzjoni għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu mqabbda mill-emittent biex jew jikklassifikaw l-emittent innifsu jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu. L-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li ttemm il-mandat tagħha hija mitluba wkoll tipprovdi l-informazzjoni rilevanti lill-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li tiġi warajha.

3.3.4   Fl-istess ħin, ir-regola dwar ir-rotazzjoni interna tal-persunal hija aġġustata sabiex jiġi evitat li l-analisti jmorru għand aġenzija oħra ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b'fajl ta’ klijent.

3.3.5   Aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu m'għandhiex toħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu meta jkun hemm kunflitti ta’ interessi kkawżati minħabba l-parteċipazzjoni ta’ individwi li jkunu detenturi ta’ aktar minn 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot fl-aġenzija jew li jkollhom xi pożizzjoni importanti oħra.

3.3.6   L-individwi li jkunu detenturi ta’ aktar minn 5 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot fl-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-individwi li jkollhom pożizzjonijiet importanti oħrajn m'għandhomx jitħallew jipprovdu konsultazzjoni jew servizzi ta’ konsulenzalill-entità kklassifikata.

3.4   Emendi relatati mal-kxif ta’ informazzjoni fuq il-metodoloġiji tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti tal-klassifikazzjonijiet

3.4.1   Qed jiġu proposti proċeduri għall-preparazzjoni ta’ metodoloġiji ġodda ta’ klassifikazzjoni jew il-modifika ta’ oħrajn li diġà jeżistu, u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati għandha wkoll tiġi integrata f'dan il-proċess. Bħala l-awtorità kompetenti, l-AETS ser tivvaluta l-konformità tal-metodoloġiji ġodda proposti mar-rekwiżiti eżistenti, u dawn il-metodoloġiji jkunu jistgħu jintużaw biss ladarba jkunu ġew approvati mill-AETS.

3.4.2   Jekk jinsabu żbalji fil-metodoloġiji, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jkollhom l-obbligu li jikkoreġuhom u li jgħarrfu lill-AETS, lill-entitajiet ikklassifikati u lill-pubbliku ġenerali dwar dawn l-iżbalji.

3.4.3   L-emittent għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet prinċipali dwar il-valutazzjoni tal-anqas ġurnata waħda ta’ ħidma qabel il-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjoni jew tal-prospett tal-klassifikazzjoni, sabiex jingħata l-opportunità li jaqbad żbalji possibbli fil-valutazzjoni tal-klassifikazzjoni.

3.4.4   L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jikxfu l-informazzjoni dwar l-entitajiet jew l-istrumenti tad-dejn kollha mressqa lilhom għall-ewwel reviżjoni tagħhom jew għall-klassifikazzjoni preliminarja.

3.5   Emendi relatati ma’ klassifikazzjonijiet sovrani

3.5.1   Bi sforz biex tittejjeb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu sovrani, ir-regoli dwar dawn il-klassifikazzjonijiet ser jissaħħu u l-frekwenza tal-valutazzjoni tagħhom ser tiżdied għal tal-anqas darba kull sitt xhur.

3.5.2   Sabiex tiżdied it-trasparenza u jogħla l-livell ta’ fehim fost l-utenti, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jkollhom l-obbligu li jippubblikaw rapport sħiħ ta’ riċerka huma u joħorġu u jemendaw il-klassifikazzjonijiet sovrani.

3.5.3   L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ser jipprovdu wkoll data disaggregata fuq id-dħul tagħhom, inkluża data dwar it-tariffi ġġenerati skont il-kategoriji differenti tal-assi. Din l-informazzjoni għandha tagħmilha possibbli li jiġi vvalutat sa liema punt l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jużaw ir-riżorsi tagħhom biex joħorgu klassifikazzjonijiet sovrani.

3.6   Emendi relatati mal-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u t-tariffi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

3.6.1   L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kollha ser ikollhom l-obbligu li jikkomunikaw il-klassifikazzjonijiet tagħhom lill-AETS, li ser tippubblika l-klassifikazzjonijiet disponibbli għall-istrumenti tad-dejn fl-għamla ta’ Indiċi ta’ Klassifikazzjonijiet Ewropej (EURIX).

3.6.2   L-AETS ser tkun tista' tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi għall-Kummissjoni fuq skala ta’ klassisfikazzjoni armonizzata. Il-klassifikazzjonijiet kollha jkollhom bżonn jimxu fuq l-istess skala ta’ standards, u jiżguraw li l-klassifikazzjonijiet ikunu jistgħu jitqabblu iktar faċilment.

3.6.3   It-tariffi għall-provvista ta’ klassifikazzjonijiet m'għandhomx ikunu diskriminatorji u m'għandhomx ikunu bbażati fuq kwalunkwe forma ta’ kontinġenza, jiġifieri għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż reali u jirriżultaw minn ipprezzar trasparenti, u ma jiddependux mir-riżultat tal-klassifikazzjoni. L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jipprovdu lista annwali ta’ tariffi imposti fuq il-klijenti għal servizzi individwali.

3.6.4   L-AETS għandha wkoll twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ rigward il-konċentrazzjoni tas-suq, ir-riskji kkawżati mill-konċentrazzjoni u l-impatt fuq l-istabbiltà globali tas-settur finanzjarju.

3.7   Emendi relatati mar-responsabbiltà ċivili tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-investituri

3.7.1   Fid-dispożizzjonijiet il-ġodda, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi introdotta kawża għad-danni kkawżati mill-ksur, li jkun sar b'mod intenzjonali jew minħabba negliġenza serja, tal-obbligi stabbiliti fir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, meta l-ksur ikkonċernat ikun affettwa klassifikazzjoni tal-kreditu li l-investitur ikun iddependa minnu.

3.8   Emendi oħrajn

3.8.1   Rigward ċerti punti relatati mal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, ir-Regolament ġie estiż b'mod adatt biex ikopri aġenziji ta’ klassifikazzjoni “ċċertifikati” li jkunu stabbiliti f'pajjiżi terzi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-proposta tal-Kummissjoni tressaq emendi adegwati għar-Regolament attwali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009, b'mod partikolari rigward id-dipendenza kbira żżejjed tal-parteċipanti fis-suq mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, il-livell għoli ta’ konċentrazzjoni fis-suq tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, ir-responsabbiltà ċivili tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni vis-à-vis l-investituri, il-kunflitti ta’ interessi relatati mal-mudell fejn l-emittent iħallas u l-istruttura tad-detenturi ta’ ishma tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu, il-Kumitat jinnota li r-Regolament kultant mhuwiex dettaljat biżżejjed u li xi partijiet huma vagi. Jittama li, fejn huwa possibbli u mixtieq, il-verżjoni finali tar-Regolament tkun aktar speċifika, aktar ċara u anqas ambigwa.

4.2   Il-KESE għandu d-dubji tiegħu dwar l-affidabbiltà reali fil-futur tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu li wieħed jagħmel huwa stess u dwar kemm imbagħad wieħed jista' jiddependi minnhom. Dan għaliex, fiċ-ċirkostanzi attwali, l-aktar klassifikazzjonijiet fdati huma dawk stabbiliti minn aġenziji bbażati lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Jekk l-istituzzjonijiet finanzjarji jkomplu jiddependu mill-klassifikazzjonijiet tagħhom, ir-Regolament propost ma jistax ikun wieħed ta’ suċċess. Fl-istess ħin, il-kwistjoni ta’ kif il-Kummissjoni beħsiebha timponi dawn il-klassifikazzjonijiet ma ġietx indirizzata.

4.3   L-istess jgħodd għar-regola proposta ta’ rotazzjoni: anke kieku din ir-regola kellha twassal għal aġenzija ġdida biex ikun hemm firxa usa' ta’ fehmiet, wieħed jista' jistenna li din l-aġenzija l-ġdida stess tkun influwenzata mill-fehmiet tal-aġenziji stabbiliti u b'hekk id-diversità mistennija ta’ fehmiet ma tkunx possibbli fil-verità.

4.4   Il-KESE għandu dubji serji dwar l-indipendenza tal-klassifikazzjonijiet ipprovduti, speċjalment minħabba l-mekkaniżmu fejn l-emittent iħallas, inkluż fil-każ tal-klassifikazzjonijiet tal-pajjiżi, li jinfluwenzaw ir-rati tal-imgħax li l-pajjiżi sovrani jħallsu lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lil xerrejja oħra tad-dejn tagħhom. Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tibda tanalizza l-ħidma tas-swieq finanzjarji kollha kemm huma u r-regolazzjoni msaħħa tagħhom.

4.5   Il-KESE jappoġġja l-kontroll ta’ kif analisti individwali qed jiġu rimunerati u s-separazzjoni ta’ din ir-rimunerazzjoni u r-riżultati tal-klassifikazzjoni. Madankollu, hawnhekk mhuwiex ċar liema passi tanġibbli l-AETS tixtieq tieħu biex twettaq il-monitoraġġ tal-konformità ma’ din il-proposta. Għaldaqstant, il-Kumitat jipproponi li din il-kwistjoni tiġi esplorata aktar fid-dettall.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-KESE jtenni l-osservazzjoni li għandha tiġi żgurata l-konformità mal-qafas legali stabbilit, b'mod partikolari billi jinħolqu sanzjonijiet għad-diretturi u l-maniġers tal-awtoritajiet Ewropej u internazzjonali għas-superviżjoni tas-swieq, meta dawn ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom, minħabba l-ħsara li n-nuqqasijiet tagħhom jikkaġunaw lill-banek u lill-funzjonament tajjeb tas-sistema finanzjarja, kif ukoll lill-ekonomija, lill-intrapriżi u lill-individwi.

5.2   Il-KESE jilqa' ż-żieda fl-isforzi sabiex iċ-ċittadin jiġi protett mill-prodotti finanzjarji permezz tal-introduzzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu; f'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikkunsidraw opinjoni preċedenti tal-KESE (11). Madankollu, huwa tal-fehma li din il-parti għandha tkun aktar dettaljata u ferm aktar ċara. Għandha wkoll tkun marbuta mas-sanzjonijiet li tista' timponi l-AETS.

5.3   Il-KESE għandu xi dubji dwar l-isforz tar-Regolament li jiġġenera aktar kompetizzjoni fuq is-suq tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu billi jintroduċi skala armonizzata ta’ klassifikazzjoni. Madankollu, jappoġġja dan il-pass peress li jagħmilha aktar faċli biex il-klassifikazzjonijiet ikunu jistgħu jitqabblu bejniethom.

5.4   Il-KESE jaħseb li, fl-isforz tagħha biex ittejjeb il-kwalità, it-trasparenza, l-indipendenza, il-pluralità tal-fehmiet u l-kompetizzjoni fil-provvista tal-klassifikazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha bżonn twaqqaf aġenzija ta’ klassifikazzjoni Ewropea indipendenti li toħroġ klassifikazzjonijiet indipendenti interessidwar id-dejn sovran, biex b'hekk tipproteġi l-interess komuni.

5.5   Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li s-sjieda tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tiġi ristretta sabiex jiġi żgurat li jkunu meqjusa bħala indipendenti, imma jippreferi li jkun hemm xi garanzija tal-indipendenza assoluta tagħhom. Fl-istess ħin, għandu jiġi żgurat li l-ebda investitur ma huwa s-sid – imqar b'mod indirett – ta’ aktar minn ċertu persentaġġ tal-kapital tal-aġenzija.

5.6   Il-KESE jibża' li d-dispożizzjoni li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jikkompilaw il-klassifikazzjonijiet tagħhom u li jkun hemm anqas dipendenza mill-klassifikazzjonijiet esterni mhix ser tiggarantixxi l-oġġettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew firxa usa' ta’ fehmiet. Fl-istess ħin, il-Kumitat jiddubita kemm istituzzjonijiet finanzjarji iżgħar għandhom il-possibbiltà li joħolqu dipartimenti ta’ analiżi biex iwettqu dawn il-klassifikazzjonijiet.

5.7   Il-KESE għandu kemxejn biża' dwar l-applikazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, peress li dawn l-aġenziji f'ħafna okkażjonijiet ħarġu klassifikazzjonijiet żbaljati mingħajr ma kellhom jassumu r-responsabbiltà għall-iżbalji tagħhom s'issa, bl-eċċezzjoni ta’ għadd żgħir ħafna ta’ każijiet. Għalhekk, il-KESE mhuwiex konvint li r-Regolament propost ser ikun kapaċi jibdel dan. Fl-istess ħin, il-KESE jaħseb li jkun adatt li tissaħħaħ, bl-aktar mod koerenti u effettiv possibbli, ir-responsabbiltà ċivili tal-istituzzjonijiet li jużaw il-klassifikazzjonijiet huma u jipprovdu ċerti servizzi, bħar-responsabbiltà tal-banek huma u jipprovdu pariri dwar l-investiment.

5.8   Fil-fehma tal-Kumitat, għandha ssir enfasi fuq ir-reviżjoni tal-monitoraġġ tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li bħalissa mhuwiex mifrux biżżejjed u li għandu jsir aktar sistematiku, koerenti u mifrux kemm jista' jkun.

5.9   Il-KESE jemmen li r-regoli proposti dwar il-kunflitti ta’ interessi huma essenzjali imma jqis li l-proposta hija vaga wisq rigward il-punti rilevanti. Dawn għandhom jitlaħħmu b'aktar dettall, speċjalment rigward id-definizzjoni tal-obbligi tal-istituzzjonijiet varji li jimmonitorjaw il-konformità.

5.10   Il-KESE jasal għall-istess konklużjoni dwar l-aspetti tekniċi u l-mod kif l-Indiċi ta’ Klassifikazzjonijiet Ewropej (EURIX) qed jiġi definit bħalissa u jistaqsi wkoll hawnekk jekk indiċi ta’ dan it-tip jistax jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

5.11   Il-proposta tirreferi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tal-pajjiżi imma ma tagħti l-ebda definizzjoni preċiża ta’ xi tfisser il-kelma “pajjiż”. Dan huwa importanti għax is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiż hija influwenzata wkoll mill-fondi soċjali u l-fondi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa tiegħu, li direttament jew indirettament huma marbutin mal-baġit nazzjonali. Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf jekk il-kopertura tal-bżonnijiet tas-saħħa u l-bżonnijiet soċjali tiegħu hijiex qed tiġi pperikolata.

5.12   Il-klassifikazzjonijiet tal-pajjiżi għandhom jiġu definiti b'reqqa kbira, billi jinfluwenzaw ħafna aspetti ta’ kif pajjiż jopera fis-swieq finanzjarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha bżonn tagħti aktar attenzjoni lill-klassifikazzjoni tad-dejn sovran u tippreżenta tweġiba aktar dettaljata.

5.13   Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li għadhom ma ġewx solvuti hija n-nuqqas tal-indipendenza tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, ikkawżat b'mod partikolari mill-użu tal-mudell fejn l-emittent iħallas, li jagħmel il-klassifikazzjonijiet jidhru li jibbenefikaw lill-emittent minflok li jaqdu l-ħtiġijiet tal-investitur. Il-KESE jaħseb li l-introduzzjoni ta’ regola ta’ rotazzjoni mhix ser tkun miżura regolatorja biżżejjed biex jinkiseb progress fil-prinċipju fejn “l-emittent iħallas”. Għalhekk, jipproponi li jiġu kkunsidrati mezzi oħrajn biex jiġu ristretti l-opportunitajiet għall-emittenti li jagħżlu aġenzija ta’ klassifikazzjoni għall-finijiet tagħhom.

5.14   Fil-fehma tal-KESE, ir-regola ta’ rotazzjoni kif proposta mhijiex biżżejjed biex jiġu sodisfati l-istennijiet promossi bl-introduzzjoni tagħha, speċjalment fir-rigward tal-ħolqien ta’ biżżejjed opportunitajiet ġodda tas-suq. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jaħseb li r-Regolament għandu jistipula perjodi iqsar li matulhom l-emittent jista' juża s-servizzi tal-istess aġenzija tal-klassifikazzjoni jew perjodi itwal li matulhom l-emittent ma jistax jagħmel dan. Soluzzjoni possibbli oħra hija li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni jingħażlu b'lotterija. Il-KESE jipproponi wkoll li titneħħa l-kelma “konsekuttiv” mis-sentenza “għaxar strumenti ta’ dejn konsekuttivi tal-emittent” fl-Artikolu rilevanti.

Brussell, 29 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Aġenziji li jiggradaw il-kreditu”, ĠU C 54. 19.2.2011, p. 37.

(2)  Ibrahim Warde, “Ces puissantes officines qui notent les Etats”, Le Monde diplomatique, Frar 1997.

(3)  Marc Roche, “Le capitalisme hors la loi”, Éditions Albin Michel 2011, p. 70.

(4)  Joseph E. Stiglitz, “Le triomphe de la cupidité”, Les liens qui libèrent 2010, p. 166.

(5)  Hervé Kempf, “L'oligarchie ça suffit, vive la démocratie”, Éditions du Seuil, Pariġi 2011, p. 72.

(6)  Idem.

(7)  http://ec.europa.eu/internal_market/securities/docs/agencies/summary-responses-cra-consultation-20110704_en.pdf

(8)  http://www.europarl.europa.eu/oeil/FindByProcnum.do?lang=en&procnum=INI/2010/2302.

(9)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/111877.pdf.

(10)  http://www.financialstabilityboard.org/publications/r_101027.pdf.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Aġenziji li jiggradaw il-kreditu”, ĠU C 54, 19.1.2011, p. 37.


APPENDIĊI

għall-OPINJONI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti:

Punt 5.4

5.4

Il-KESE jaħseb li, fl-isforz tagħha biex ittejjeb il-kwalità, it-trasparenza, l-indipendenza, il-pluralità tal-fehmiet u l-kompetizzjoni fil-provvista tal-klassifikazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha bżonn twaqqaf aġenzija ta’ klassifikazzjoni Ewropea indipendenti li toħroġ klassifikazzjonijiet indipendenti (li l-emittent ikollu jħallas għalihom), iżda li ma toħroġx klassifikazzjonijiet sovrani, u b’hekk tevita kull akkuża ta’ kunflitt ta’ interessi.

It-test ta’ din l-Opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata nċaħad b’78 vot kontra, 55 vot favur u 13-il astensjoni.


Top