EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0818

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE” COM(2011) 594 finali

ĠU C 181, 21.6.2012, p. 55–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE”

COM(2011) 594 finali

2012/C 181/11

Relatur: is-Sur PALMIERI

Nhar id-19 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE

COM(2011) 594 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tad-29 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'164 vot favur, 73 vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (KESE), b'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew (1) jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi introdotta taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT – Financial Transaction Tax) għalkollox konformi mal-pożizzjonijiet li diġà ġew espressi qabel fl-Opinjonijiet tiegħu (2).

1.2   Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (3), il-KESE diġà kien għamel enfasi fuq l-importanza li terġa' tiġi garantita l-awtonomija finanzjarja tal-Unjoni Ewropea (UE) hekk kif kien indikat fil-bidu nett mill-Artikolu 201 tat-Trattat ta’ Ruma. U huwa f'dan il-kuntest li l-FTT tista' tirrappreżenta – għall-KESE – wieħed mill-elementi prinċipali tas-sistema l-ġdida ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni. Dan huwa strument li kapaċi jiżgura l-awtosuffiċjenza finanzjarja meħtieġa tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

1.3   Il-KESE jinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm qbil dwar l-applikazzjoni globali tal-FTT, iżda madankollu, bħalma diġà indika fl-Opinjoni tal-15 ta’ Lulju 2010 (ara nota nru 2 f'qiegħ il-paġna), iqis li l-aħjar mod kif jinkiseb dan ir-riżultat huwa billi t-taxxa tiġi introdotta fl-Unjoni Ewropea (UE). Il-KESE, b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kummissarju Algirdas Semeta u tal-Parlament Ewropew, iqis li bħalma ġara għal ħafna politiki globali (bħal pereżempju dik dwar it-tibdil fil-klima), l-UE tista' u għandha taqdi r-rwol ta’ mexxejja u tkun l-awtorità f'dan il-qasam (4). Madankollu, il-KESE jqis li għandhom isiru l-aktar sforzi possibbli sabiex l-introduzzjoni tat-taxxa ssir fil-livell globali.

1.3.1   Il-KESE jqis li l-ittra indirizzata mill-Ministri tal-Finanzi ta’ disa' Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, il-Greċja, il-Portugal u Spanja) lill-Presidenza Daniża tal-UE għandha titqies f'dan id-dawl – ittra li fiha d-deċiżjoni tal-Presidenza li tgħaġġel il-proċess ta’ analiżi u negozjar għall-applikazzjoni tal-FTT tintlaqa' b'sodisfazzjon.

1.4   Għall-KESE, l-introduzzjoni tal-FTT tagħmel parti minn proċess usa' – imniedi mill-Kummissjoni – permezz tar-reviżjoni tad-direttivi prinċipali tas-swieq tal-istrumenti finanzjarji (COM(2011) 656; COM(2011) 652), bil-għan li jiġu garantiti trasparenza, effiċjenza u effikaċja aħjar ta’ dawn is-swieq. Barra minn hekk, kif diġà ġie enfasizzat f'Opinjoni preċedenti, il-KESE huwa tal-fehma li, permezz ta’ regolazzjoni u superviżjoni adatti, għandhom jiġu assigurati l-istabbiltà u l-effikaċja tas-settur finanzjarju, jiġi limitat it-teħid ta’ riskju eċċessiv, kif ukoll jinħolqu l-inċentivi adatti għall-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju.

1.5   Il-KESE jqis li sabiex ir-riskju tad-delokalizzazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji jiġi newtralizzat jew għall-inqas jitnaqqas għall-minimu, hemm bżonn li l-prinċipju tar-residenza (jew tat-territorjalità), propost mill-Kummissjoni, jingħaqad mal-prinċipju tal-ħruġ, imressaq mill-Parlament Ewropew, li abbażi tiegħu t-taxxa tapplika (bħal taxxa tal-bolla) għal dawk it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-istrumenti finanzjarji kollha maħruġin minn persuni legali rreġistrati fl-UE, minħabba li ma jkunux jistgħu jiġu applikati l-kuntratti ta’ xiri jew ta’ bejgħ (5).

1.6   Il-KESE jqis li jekk tiġi applikata l-FTT, dan jippermetti li tiġi żgurata li jkun hemm kontribuzzjoni aktar ġusta tas-settur finanzjarju, kemm għall-baġit pubbliku tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-baġits tal-Istati Membri.

1.7   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li permezz tal-introduzzjoni tal-FTT huwa possibbli li tinbidel is-sistema ta’ benefiċċji tal-operaturi finanzjarji billi jitnaqqas il-kummerċ ta’ frekwenza għolja u b'dewmien baxx (high frequency and low latency trading). Dawn huma operazzjonijiet li huma spekulattivi ħafna, huma sors ta’ nuqqas ta’ stabbiltà tas-swieq finanzjarji u għalkollox separati mill-funzjonament normali tal-ekonomija reali. Għalhekk, permezz tal-FTT ser ikun possibbli li jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji, billi jiżdiedu l-benefiċċji f'allokazzjonijiet finanzjarji fuq perjodu medju u fit-tul li jistgħu jiġu diretti lejn il-qasam tal-intrapriżi.

1.7.1   Il-KESE jsostni li l-pass inqas mgħaġġel tat-tranżazzjonijiet spekulattivi ħafna, dovut għall-introduzzjoni tal-FTT, ser iwassal biex jiġu stabilizzati b'mod sostanzjali l-fluttwazzjonijiet tal-valuri fis-swieq finanzjarji, u jista' jippermetti lill-intrapriżi, li joperaw f'ekonomija reali, li jkollhom xenarji finanzjarji aktar stabbli għall-investimenti proprji (6).

1.8   Għall-KESE, wieħed mill-aktar effetti importanti tal-introduzzjoni tal-FTT jista' jkun dak marbut mat-titjib tas-sitwazzjoni tad-dejn sovran. Il-kriżijiet tal-bonds tal-Gvern jaggravaw fil-perjodi ta’ instabbiltà finanzjarja qawwija. Iż-żieda fid-dħul li tirriżulta mill-introduzzjoni tal-FTT ser tikkontribwixxi biex ittejjeb l-istabbilizzazzjoni fiskali, u timpedixxi l-ħtieġa li jsir aktar dejn. Effett bħal dan ser ikun dirett għar-riżorsi li jmorru għand l-Istati Membri u indirett għar-riżorsi li ser imorru fil-baġit tal-UE, li ser jissostitwixxu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.

1.9   Il-KESE jirrikonoxxi li l-introduzzjoni tal-FTT, peress li tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni fiskali, ser tiggarantixxi funzjonament tajjeb tas-suq intern, u għalhekk tippermetti li jiġu evitati d-distorsjonijiet f'ambitu fejn sal-lum diġà mill-inqas għaxar Stati Membri tal-UE introduċew forom differenti ta’ FTT.

1.10   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-konsegwenzi makroekonomiċi u mikroekonomiċi negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni leġislattiva tal-FTT jiġu rregolati b'attenzjoni, u b'hekk ir-riskji u l-ispejjeż relatati jiġu nnewtralizzati jew għallinqas jonqsu. Għal din ir-raġuni l-KESE jqis li, sabiex jiġu kkompensati l-effetti negattivi prinċipali li l-FTT jista' jkollha fuq l-ekonomija reali, jeħtieġ li tiġi evalwata l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ kumpens.

1.10.1   Il-KESE jqis li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni sussegwenti tal-konsegwenzi marbuta mal-applikazzjoni tal-FTT – permezz ta’ rapport li għandu jintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill – għandhom ikunu previsti kull sena u mhux fi tmiem it-tielet sena mill-introduzzjoni tal-FTT (7).

1.11   Il-KESE jqis li l-impatt tal-introduzzjoni tal-FTT għandu jiġi vvalutat billi jitqiesu l-effetti tat-tnaqqis tal-PDG fit-tul (kif jidher fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni) kif ukoll l-effetti globali b'rabta mal-kontribut: i) għal funzjonament aħjar tas-swieq finanzjarji wara l-istabbilizzazzjoni tagħhom; ii) għar-rilokazzjoni tal-investimenti lejn ekonomija reali; iii) għal politiki ta’ regolamentazzjoni li kapaċi jtejbu l-effiċjenza, l-effikaċja u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji Ewropej; iv) għall-konsolidazzjoni tas-sistema fiskali tal-Istati Membri minħabba aktar disponibbiltà tar-riżorsi, u v) għall-iffrankar u l-investimenti mill-familji. Skont l-istimi reċenti, dawn l-effetti kollha jistgħu saħansitra jwasslu għal żieda pożittiva tal-PDG fit-tul ta’ 0,25 % (8).

1.12   Il-KESE jesprimi xi riżervi fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-applikazzjoni tal-FTT li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni. Fil-fatt iqis li din ma tikkunsidrax numru ta’ effetti – li wħud minnhom jinsabu mniżżla f'din l-Opinjoni – bir-riskju li dan jista' jdgħajjef il-valutazzjoni globali tal-istess proposta. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob li malajr kemm jista' jkun il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni addizzjonali aktar fil-fond.

1.13   Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li tiġi proposta FTT minflok taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji (FAT – financial activities tax), peress li anke jekk din it-taxxa tista' tirregola b'mod aħjar l-aspetti distributtivi (minħabba korrelazzjoni aħjar mad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet finanzjarji), madankollu tippreżenta riskji kbar li tiġi trasferita fuq il-konsumaturi u l-intrapriżi b'effetti minimi ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji.

1.14   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi mfakkar li mill-ħarifa tal-2010 'l hawn, il-livell limitu taċ-ċittadini Ewropej – intervistati mill-Ewrobarometru – li huma favur l-introduzzjoni ta’ FTT ma niżilx taħt il-livell limitu ta’ 60 % (fil-ħarifa tal-2010: 61 %; fir-rebbiegħa tal-2011: 65 %, fil-ħarifa tal-2011: 64 % (9)). Għal din ir-raġuni, l-introduzzjoni tal-FTT tista' tkun l-ewwel pass importanti sabiex is-settur finanzjarju jerġa' jibda jikseb il-fiduċja bżonjuża miċ-ċittadini Ewropej.

1.15   Waqt il-qadi ta’ dmirijietu bħala korp konsultattiv tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-KESE jimpenja ruħu biex iwettaq monitoraġġ kostanti tal-proċess li permezz tiegħu l-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni tal-FTT twassal għal leġislazzjoni.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema komuni ta’ tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

2.1   Sa mill-2009 fil-laqgħat tal-G20 (Pittsburgh, Toronto u Cannes), il-Kummissjoni Ewropea ħasset il-ħtieġa li tiġi introdotta taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji mad-dinja kollha. F'dan l-isfond, fis-7 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar it-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju (COM(2010) 549 final).

2.2   Illum il-Kummissjoni, fi ħdan qafas aktar sistematiku, qed terġa' tipproponi t-tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT). Fil-fatt, il-proposta tidħol fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid 2014-2020 ippreżentat mill-Kummissjoni, bil-għan li tiġi żgurata – permezz ta’ sistema aktar appoġġjata u li għandha riżorsi proprji – awtonomija finanzjarja akbar għall-baġit pluriennali tal-Unjoni Ewropea (10).

2.3   L-applikazzjoni tat-taxxa tikkonċerna t-tranżazzjonijiet finanzjarji li jsiru mill-entitajiet finanzjarji, b'eċċezzjoni ta’ dawk li jolqtu liċ-ċittadini u lill-intrapriżi (il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, self ipotekarju, kreditu għall-konsum jew servizzi ta’ ħlas), it-tranżazzjonijiet fis-suq primarju (ħlief il-ħruġ u r-rimborż ta’ ishma u kwoti ta’ impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli u l-fondi ta’ investiment alternattivi) u t-tranżazzjonijiet immedjati fil-muniti (mhux id-derivati f'muniti).

2.4   L-atturi involuti fil-ħlas tal-FTT huma l-istituzzjonijiet finanzjarji li jipparteċipaw fi tranżazzjoni finanzjarja “jew akkont tagħhom stess jew akkont ta’ persuni oħra, jew li jaġixxu għan-nom ta’ parti għat-tranżazzjoni”. Jibqgħu esklużi t-tranżazzjonijiet finanzjarji mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali. Il-Kontropartijiet Ċentrali, id-Depożitarji Ċentrali tat-Titoli u d-Depożitarji Ċentrali Internazzjonali tat-Titoli, kif ukoll il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, mhumiex ikkunsidrati bħala istituzzjonijiet finanzjarji sakemm dawn ikunu qegħdin jeżerċitaw funzjonijiet li mhumiex ikkunsidrati bħala attività kummerċjali fiha nfisha.

2.5   Il-prinċipju ta’ residenza (jew ta’ territorjalità) jintuża biex jittaffa r-riskju ta’ delokalizzazzjoni, li bla dubju ser jinħoloq. Skont dan il-prinċipju, mhuwiex importanti l-post fejn issir it-tranżazzjoni, iżda l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti l-atturi finanzjarji involuti. It-tranżazzjoni hija soġġetta għall-applikazzjoni tat-taxxa jekk mill-inqas waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji involuti fit-tranżazzjoni tkun stabbilita fl-UE.

2.5.1   Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva, istituzzjoni finanzjarja titqies li hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

tkun ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru biex taġixxi bħala tali, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet koperti minn dik l-awtorizzazzjoni;

għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'dak l-Istat Membru;

l-indirizz permanenti jew ir-residenza tas-soltu tagħha jkun jinstab f'dak l-Istat Membru;

għandha fergħa f'dak l-Istat Membru;

hija parti, li qiegħda taġixxi akkont tagħha stess jew akkont ta’ persuna oħra, jew qiegħda taġixxi f'isem parti għat-tranżazzjoni, għal tranżazzjoni finanzjarja ma’ istituzzjoni finanzjarja oħra stabbilita f'dak l-Istat Membru, jew ma’ parti stabbilita fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u li mhijiex istituzzjoni finanzjarja (11).

2.6   L-FTT ssir dovuta minn meta ssir it-tranżazzjoni finanzjarja. Minħabba n-natura differenti tat-tranżazzjonijiet, huma previsti żewġ ammonti taxxabbli. L-ewwel wieħed jikkonċerna t-tranżazzjonijiet mhux relatati mal-ftehim dwar derivati, li għalihom l-ammont taxxabbli jikkorrespondi mal-ammont dovut li jħallas jew għandu jħallas attur lil parti terza. Jekk il-prezz tal-ammont dovut ikun inqas minn dak tas-suq jew ma jkunx previst, l-ammont taxxabbli jiġi kkalkulat skont il-prezz tas-suq. It-tieni jikkonċerna l-każ tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, relatati ma’ ftehim dwar derivati fejn l-ammont taxxabbli jkun l-ammont nozzjonali tal-ftehim dwar derivati fil-ħin meta ssir it-tranżazzjoni.

2.6.1   Ir-rati minimi li għandhom japplikaw l-Istati Membri fuq l-ammont taxxabbli għandhom jiġu identifikati kif ġej:

i)

0,1 % għat-tranżazzjonijiet finanzjarji mhux relatati ma’ ftehim dwar derivati;

ii)

0,01 % għat-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati ma’ ftehim dwar derivati.

Għal kull kategorija ta’ tranżazzjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata waħda. L-Istati Membri madankollu huma ħielsa li japplikaw rati ogħla mir-rati minimi stabbiliti.

2.7   L-entità responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija kull korp finanzjarju li jkun involut fit-tranżazzjoni bħala parti, f'isem oħrajn, f'isem il-parti għat-tranżazzjoni jew meta t-tranżazzjoni tkun saret f'ismu; madankollu, il-partijiet l-oħrajn involuti fit-tranżazzjonijiet huma meqjusa responsabbli flimkien in solidum taħt kundizzjonijiet stabbiliti. Madankollu, l-Istati Membri huma ħielsa li jidentifikaw partijiet oħrajn responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-obbligi tar-reġistrazzjoni, tal-kontabbiltà, tar-rappurtar u ta’ obbligi oħra li jiżguraw il-ħlas effettiv tat-taxxa.

2.8   Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li jsiru b'mezzi elettroniċi, it-taxxa għandha titħallas minn meta ssir dovuta, u fil-każijiet l-oħrajn huwa previst limitu massimu ta’ tliet ġranet ta’ xogħol.

2.9   L-Istati Membri huma responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-evitar, l-evażjoni u l-abbuż. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' tipproponi atti ddelegati permezz ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-Kunsill.

2.10   L-introduzzjoni tal-FTT timplika l-abolizzjoni u n-nonintroduzzjoni ta’ kwalunkwe taxxa oħra fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-Istati Membri individwali.

2.11   Fil-qafas tal-proposta tal-Kummissjoni, l-adozzjoni ta’ taxxa minima komuni – li d-dħul fis-seħħ tagħha huwa previst fl-1 ta’ Jannar 2014 – tippermetti li jiġu armonizzati l-inizjattivi li ttieħdu diġà mill-Istati Membri fir-rigward tal-FTT u b'hekk jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku.

2.12   L-għażla li tiġi adottata taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji saret wara valutazzjoni tal-impatt li kkunsidrat ukoll l-introduzzjoni tal-FAT bħala soluzzjoni alternattiva potenzjali, iżda li qieset l-FTT bħala preferibbli. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt, ġie stmat li l-qligħ annwali li tiġġenera l-FTT huwa ta’ EUR 57 biljun fis-sena (EUR 37 biljun iridu jmorru fil-baġit tal-UE, filwaqt li l-EUR 20 biljun li jkun fadal imorru fil-baġit tal-Istati Membri individwali) (12).

2.13   Huwa previst li l-Kummissjoni tibgħat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva regolarment flimkien ma’ proposti għal emendi, fejn meħtieġ. L-ewwel rapport huwa previst għall-31 ta’ Diċembru 2016, u dawk sussegwenti ser isiru kull ħames snin.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Permezz ta’ din l-Opinjoni, il-KESE beħsiebu jipprovdi valutazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tippromovi Direttiva tal-Kunsill għall-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (COM(2011) 594 final (13)).

3.2   Din l-Opinjoni tkompli fi ħdan il-qafas li diġà ġie mfassal qabel mill-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-15 ta’ Lulju 2010 dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u mill-Opinjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011 (ara n-nota 2 fil-qiegħ tal-paġna) dwar il-Komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju (COM(2010) 549 final).

3.3   Il-proposta għal FTT tissejjes fuq l-għarfien li s-swieq finanzjarji, wara l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, urew – matul dawn l-aħħar għoxrin sena – żieda qawwija fil-volumi ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji u fil-volatilità tal-prezzijiet tagħhom. Dan wassal għad-destabilizzazzjoni tal-ekonomija dinjija (14).

3.3.1   Is-swieq finanzjarji, minn “strumenti” li jirkupraw ir-riżorsi finanzjarji għall-ekonomija reali, bil-mod il-mod qed jaqdu rwol ċentrali “huma stess”, u fil-fatt qed “idgħajfu” l-ekonomija reali. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KESE jqis xieraq li dawn is-swieq ikunu soġġetti għal mekkaniżmi li kapaċi jiżguraw l-effiċjenza, permezz tar-regolamentazzjoni tagħhom u l-effikaċja, permezz tat-trasparenza, filwaqt li jkun iggarantit li jikkontribwixxu b'mod ugwali – flimkien ma’ fatturi oħrajn tal-produzzjoni – għat-tħejjija tal-baġit tal-Unjoni u l-baġits tal-Istati Membri (15).

3.3.2   Il-KESE, filwaqt li jtenni li l-kriżi attwali hija minħabba kriżi finanzjarja li bdiet fl-2007 u li nfirxet għall-ekonomija reali sa mill-2008 (16), iqis li s-settur li huwa prinċipalment responsabbli għal din il-kriżi – dak finanzjarju – għandu jikkontribwixxi b'mod ġust biex din tingħeleb. Sal-lum, l-Istati Membri tal-UE impenjaw ruħhom li jappoġġjaw lis-settur finanzjarju (f'termini ta’ finanzjamenti u garanziji) b'EUR 4600 biljun, jiġifieri 39 % tal-PDG tal-UE-27 fl-2009. Kontribut li tassew kellu effett negattiv fuq il-finanzi pubbliċi ta’ xi Stati Membri tal-UE, u ta bidu għal kriżi perikoluża taż-żona tal-euro (17).

3.4   F'dan il-kuntest, il-proposta għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji hija parti integrali minn proċess li nbeda mill-Kummissjoni, permezz tar-reviżjoni tad-direttivi ewlenin tas-settur tas-swieq tat-titoli, bil-għan li jiggarantixxi governanza u trasparenza aħjar tas-swieq finanzjarji (18), ħafna drabi mixtieqa mill-KESE fix-xogħlijiet tiegħu.

3.5   Il-KESE f'żewġ okkażjonijiet separati diġà esprima opinjoni favorevoli dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, kemm fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-15 ta’ Lulju 2010 (ara nota 2 fil-qiegħ tal-paġna) kif ukoll fl-Opinjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011 (ara nota 2 fil-qiegħ tal-paġna).

3.5.1   Għall-KESE, il-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 594 final tintroduċi sistema Ewropea ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li hija konformi mal-linji ġenerali tal-proposti eżaminati fiż-żewġ Opinjonijiet preċedenti.

3.6   Il-KESE jirrikonoxxi bħala validi r-raġunijiet prinċipali li wasslu lill-Kummissjoni li tipproponi l-applikazzjoni ta’ FTT f'livell Ewropew:

iż-żieda fit-taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji bil-għan li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu b'mod iżjed ġust għall-baġit pubbliku tal-Unjoni u għall-baġits tal-Istati Membri;

il-bidla fl-imġiba tal-operaturi finanzjarji billi jitnaqqas il-volum tat-tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ frekwenza għolja u latenza baxxa (high frequency and low latency trading);

L-armonizzazzjoni tal-FTT tal-Istati Membri differenti billi jiġu stabbiliti żewġ rati minimi (0,1 % għall-bonds u l-ishma; 0,01 % għad-derivati).

3.6.1   Fir-rigward tal-kontribuzzjoni għall-baġit tal-Unjoni u tal-Istati Membri, il-kriżi ekonomika u l-kriżi reċenti tad-djun sovrani jeħtieġu politika li kapaċi terġa' tniedi l-iżvilupp ekonomiku f'kuntest ta’ restrizzjonijiet dejjem aktar stretti fuq il-baġits pubbliċi. L-introduzzjoni tal-FTT, li tikkontribwixxi għas-sistema l-ġdida ta’ riżorsi proprji tal-baġit tal-UE, ser tippermetti li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jitnaqqsu b'mod sinifikanti, u b'hekk tippermetti li jissaħħu mill-ġdid il-baġits nazzjonali. Il-Kummissjoni stmat li, fl-2020, ir-riżorsi proprji l-ġodda jistgħu jikkorrespondu għal madwar nofs il-baġit tal-UE u l-parti tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fuq l-introjtu nazzjonali gross ser tonqos għal terz meta mqabbla mal-porzjon attwali li jaqbeż it-tliet kwarti.

3.6.1.1   Kif ġie indikat qabel, l-applikazzjoni ta’ FTT ser issir ukoll għal sens ta’ ġustizzja. F'dawn l-aħħar snin, is-sistema finanzjarja bbenefikat minn taxxa mnaqqsa, minħabba l-vantaġġ fiskali ta’ madwar EUR 18-il biljun fis-sena minħabba l-eżenzjoni tas-servizzi finanzjarji mill-ħlas tal-VAT.

3.6.1.2   F'dan il-kuntest, il-KESE diġà ddikjara li huwa favur il-proposta tal-Kummissjoni li temenda s-sistema tat-taxxa fir-rigward ta’ żieda fil-kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju. Għal din ir-raġuni, il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni miexja fid-direzzjoni mixtieqa.

3.6.2   Fir-rigward tal-possibbiltà li, permezz ta’ FTT, ikun possibbli li jitnaqqas il-volum ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji b'riskju għoli u volatili ħafna, jaqbel li ssir enfasi fuq il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji li għandha tkun l-aktar milquta mill-proposta. It-tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ frekwenza għolja u latenza baxxa, permezz tal-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni avvanzati ħafna, bl-użu ta’ algoritmi matematiċi kumplessi li kapaċi janalizzaw – fi frazzjonijiet ta’ sekonda – id-data tas-suq billi jimplimentaw l-istrateġiji relatati ta’ intervent fis-swieq finanzjarji (kwantità, prezz, ħin, il-postijiet fejn jinsabu l-kummerċanti, ordnijiet ta’ xiri/bejgħ) billi b'hekk jitnaqqas il-ħin ta’ latenza (li jitkejjel f'mikrosekondi – “partijiet minn miljun ta’ sekonda”). Permezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, l-operatur ikun jista' jipprovdi risposta “bikrija” fis-swieq billi jiġġenera tranżazzjonijiet ta’ xiri u bejgħ li jingħalqu f'wieħed minn għaxra ta’ sekonda. Għal din il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet, kien hemm ukoll diskussjonijiet dwar “insider trading abbażi tal-informatika” (19).

3.6.2.1   Dawn it-tranżazzjonijiet jirrappreżentaw bejn it-13 % u l-40 % tal-volum totali ta’ kummerċ fis-swieq finanzjarji tal-UE. Fl-Istati Uniti, f'erba' snin biss (mill-2004 sal-2009), ġie kkalkolat li l-volum ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ frekwenza għolja żdied minn 30 % għal 70 % (20).

3.6.2.2   Dawn l-operazzjonijiet jirrappreżentaw tranżazzjonijiet għalkollox separati mill-funzjonament normali tal-ekonomija reali u jistgħu, fost l-oħrajn, ineħħu l-likwidità fi ħdan is-sistema ekonomika u jdgħajfu r-resistenza sistematika, mifhuma bħala l-kapaċità ta’ sistema li tirreżisti għal pressjonijiet li jirriżultaw minn fażijiet kritiċi (21).

3.6.2.3   L-applikazzjoni ta’ FTT – wara ż-żieda tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni – ser ikollha effett negattiv fuq l-attivitajiet ta’ kummerċ bi frekwenza għolja minħabba l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni tat-taxxa. Il-volum imnaqqas tat-tranżazzjonijiet ta’ frekwenza għolja ser jippromovi l-attività tal-istituzzjonijiet finanzjarji, diretta lejn l-attivitajiet finanzjarji tradizzjonali ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu, b'vantaġġi ċerti għall-operaturi kkonċernati – bħall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju – li llum qed iġarrbu kriżi serja ta’ likwidità.

3.6.2.4   Is-sistemi tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li diġà huma fis-seħħ urew il-kapaċità li jnaqqsu l-volumi tal-kummerċ u l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tat-titoli, u għalhekk jippermettu tnaqqis fil-primjums tar-riskju; b'hekk huwa raġonevoli li l-introduzzjoni ta’ FTT f'livell Ewropew toħloq tnaqqis importanti anke għal dik il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet “mhux produttivi”.

3.6.3   Fir-rigward tal-objettiv tal-armonizzazzjoni fiskali, s'issa għaxar Stati Membri tal-UE diġà ilhom żmien li introduċew forom differenti ta’ taxxi fuq attivitajiet u tranżazzjonijiet finanzjarji (il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, ir-Rumanija, il-Polonja u r-Renju Unit). Għal dawn il-pajjiżi qed jintalab li l-liġi nazzjonali proprja tiġi adattata għal dik tal-UE (pereżempju, fost affarijiet oħra jistgħu jintalbu: japplikaw ir-rata minima u jarmonizzaw l-ammont taxxabbli fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-UE). Għal finijiet ta’ funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-introduzzjoni ta’ FTT ser tippermetti li jingħata vantaġġ lis-swieq finanzjarji li huma l-aktar effiċjenti filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet ikkawżati minn regoli fiskali stabbiliti b'mod unilaterali mill-Istati Membri.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kummissjoni fasslet valutazzjoni tal-impatt tal-introduzzjoni tal-FTT b'rabta mal-effetti fit-tul fuq il-prodott domestiku gross (PDG), bejn – 0,17 % (għar-rata ta’ 0,01 %) u – 1,76 % (għar-rata ta’ 0,1 %) fl-ambitu ta’ xenarju partikolarment sever li fih ma ġie kkunsidrat l-ebda effett “mitiganti”, pereżempju l-esklużjoni tas-suq primarju, l-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu mill-inqas operatur mhux finanzjarju u l-effetti fuq il-fatturi varjabbli makroekonomiċi l-oħra. Għall-Kummissjoni, jekk jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti “mitiganti”, l-effett massimu fuq il-PDG jinbidel minn – 1,76 % għal – 0,53 %. Fir-rigward tal-effetti fuq l-impjieg, ġie stmat li dawn ser ikunu bejn – 0,03 % (b'rata ta’ 0,01 %) u – 0,20 % (għar-rata ta’ 0,1 %).

4.2   Fir-realtà, jekk mal-effetti fit-tul tal-PDG wara l-introduzzjoni tal-FTT jiżdiedu l-effetti marbuta mal-funzjonament aħjar tas-swieq finanzjarji wara l-istabbilizzazzjoni tagħhom, mar-rilokazzjoni tal-investimenti lejn ekonomija reali; ma’ politiki ta’ regolamentazzjoni li kapaċi jtejbu l-effiċjenza, l-effikaċja u t-trasparenza tas-swieq, mal-konsolidazzjoni tas-sistema fiskali tal-Istati Membri minħabba aktar disponibbiltà tar-riżorsi, l-effett kumplessiv f'termini tal-varjazzjoni tal-PDG jista' jkun pożittiv u skont l-istimi għandu jkun ta’ 0,25 % (22).

4.3   Il-KESE jqis li l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni mhix biżżejjed u għal din ir-raġuni jqis adegwat li l-Kummissjoni tippreżenta analiżi addizzjonali ta’ din il-valutazzjoni b'tali mod li l-impatt tal-istess propost joħroġ aktar fid-dieher.

4.3.1   Il-KESE jqis li għandhom jitqiesu l-elementi li ġejjin: xi wħud mill-effetti li ssemmew f'din l-Opinjoni li ma tqisux mill-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni; xi spjegazzjonijiet relatati mal-ipoteżijiet adottati fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni (bħal pereżempju l-elastiċità tad-domanda għall-prodotti finanzjarji milqutin mill-FTT); l-effetti ta’ trasferiment possibbli fuq il-konsumaturi u l-intrapriżi; u l-effetti fuq l-impjieg tas-setturi finanzjarji tal-Istati Membri tal-UE hekk kif tiġi introdotta l-FTT.

4.4   Il-KESE jqis li l-introduzzjoni ta’ FTT għandha ssir b'arranġamenti adegwati li jinnewtralizzaw jew li għall-inqas inaqqsu r-riskji u l-ispejjeż relatati. Fost ir-riskji li l-KESE jqis li għandhom jiġu kkunsidrati hemm: it-trasferiment eventwali tat-taxxa fuq l-ispiża tal-kreditu għall-intrapriżi u l-konsumaturi; it-tnaqqis fil-qligħ fuq il-fondi tal-pensjoni, id-delokalizzazzjoni tal-investimenti finanzjarji; iż-żieda fl-ispejjeż tal-intrapriżi minħabba l-hedging (assigurazzjoni kontra l-varjazzjonijiet tal-prodotti bażiċi u r-rati tal-kambju); l-effett tat-taxxa fuq il-profitti tas-settur finanzjarju u fuq dawk l-Istati Membri fejn dan is-settur huwa wieħed importanti; l-effetti tal-impatt fuq l-ekonomija peress li l-introduzzjoni tat-taxxa tista' ssir f'fażi ekonomika kkaratterizzata minn reċessjoni.

4.5   Il-KESE jqis li dawn ir-riskji huma bbilanċjati b'opportunitajiet u benefiċċji ħafna akbar. L-FTT, li titfa' piż fuq l-investimenti fuq perjodu qasir, tiddetermina żieda fid-domanda tal-investimenti fuq perjodu medju u dak fit-tul li tradizzjonalment jintużaw għall-finanzjament tal-intrapriżi u tal-Istati. Dan kollu ser jirriżulta f'aktar likwidità disponibbli fis-swieq u b'hekk ser jikkontribwixxi biex titjieb is-sitwazzjoni tal-intrapriżi, il-familji u d-djun sovrani. L-istabbilizzazzjoni fis-swieq ta’ prodotti derivati ser tkun ta’ importanza partikolari. Il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, fil-fatt, jinfluwenzaw b'mod sostanzjali l-għadd ta’ tranżazzjonijiet li jsiru u, għalaqstant, idgħajfu l-proliferazzjoni ta’ prodotti li huma responsabbli b'mod sinifikanti għall-kriżi tas-swieq finanzjarji u tal-ekonomija dinjija ta’ dawn l-aħħar snin.

4.6   It-taxxa addizzjonali possibbli fuq il-fondi tal-pensjoni li tirriżulta mill-introduzzjoni tal-FTT għandha tkun modesta meta jitqiesu l-mod u t-tip ta’ investiment; barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġu valutati mill-ġdid l-assi tipiċi tal-fondi tal-pensjonijiet (investimenti inqas varjabbli) tista' tikkumpensa biex jingħeleb it-tnaqqis potenzjali fil-qligħ li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-taxxa. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li, sabiex jiġu newtralizzati jew jitnaqqsu l-effetti fuq il-fondi tal-pensjoni, tista' titqies il-possibbiltà li jitnaqqsu r-rati jew ikun hemm xi tip ta’ eżenzjoni għal dan is-settur.

4.7   Il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rati tal-FTT huma stabbiliti billi jitqies l-objettiv tat-trażżin tal-effetti negattivi potenzjali tal-ispostament – barra mill-EU – tal-investimenti u tal-fondi finanzjarji. Il-KESE diġà enfasizza din il-ħtieġa, ġaladarba ma baqgħatx kwistjoni li tiġi introdotta t-taxxa fil-livell globali.

4.7.1   Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-FTT, l-adozzjoni tal-prinċipju tar-residenza (jew tat-territorjalità) jitlob li anke l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-pajjiżi terzi stabbiliti fl-UE jkunu soġġetti għat-taxxa u dan jimplika spettru wiesa' ta’ applikabbiltà. L-istess definizzjoni tat-territorjalità tal-istituzzjonijiet finanzjarji, bil-għan li jiġi deċiż l-Istat Membru li jiġbor it-taxxa, tippermetti li jitnaqqsu kemm jista' jkun possibbli l-każijiet ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa.

4.7.2   Sabiex l-effetti tad-delokalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji jiġu newtralizzati aktar, il-KESE jappoġġja l-proposta, imressqa mill-Parlament Ewropew, li jiġi introdott il-prinċipju tal-ħruġ abbażi ta’ liema t-taxxa tapplika (bħal taxxa tal-bolla) għal dawk it-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu strumenti finanzjarji maħruġin minn persuni legali rreġistrati fl-UE (23).

4.7.3   Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rati, il-KESE, waqt li jfakkar li fl-Opinjoni adottata fl-2010 (ara n-nota 2 fil-qiegħ tal-paġna) kien indika l-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ 0,05 %, jirrikonoxxi li l-applikazzjoni taż-żewġ rati – kif propost mill-Kummissjoni – għandha t-tendenza li tnaqqas ir-riskju tad-delokalizzazzjoni u tiggarantixxi li l-baġits tal-Unjoni u tal-Istati Membri jibbenefikaw minn riżorsi adegwati.

4.7.4   Il-KESE jfakkar ukoll li pajjiżi bħall-Korea t'Isfel, il-Ħong Kong, l-Indja, il-Brażil, it-Tajwan, u l-Afrika t'Isfel li introduċew l-FTT, waqt li taw attenzjoni partikolari għall-ġestjoni tagħha, għall-bażi taxxabbli u għall-applikazzjoni tar-rati, kisbu riżultati pożittivi mil-lat tad-dħul mingħajr ma xxekkel it-tkabbir ekonomiku (24).

4.8   L-esklużjoni tas-suq primarju mill-ambiti tat-taxxa tnaqqas kemm jista' jkun l-effetti tal-FTT fuq l-ispejjeż tal-finanzjament tal-attivitajiet reali, u tnaqqashom għall-effetti indiretti li jirriżultaw minħabba inqas likwidità li twassal għaliha din it-taxxa fuq it-titoli tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

4.9   Il-fatt li t-taxxa tapplika wkoll għall-kuntratti derivati bbażat fuq il-munita, iżda mhux għal tranżazzjonijiet immedjati fil-muniti, jippermetti li jsir intervent fuq il-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet għal finijiet spekulattivi li jaffettwaw is-swieq tal-muniti (25). L-inklużjoni eventwali tat-tranżazzjonijiet immedjati fil-muniti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FTT mhux ser tkun tikkostitwixxi la l-limitazzjoni reali għall-moviment liberu tal-kapital (meta jiġu kkunsidrati wkoll ir-rati previsti), u lanqas ksur tal-partijiet relatati tat-Trattat ta’ Lisbona (Grupp Mexxej dwar il-finanzjament innovattiv għall-iżvilupp, Pariġi, Ġunju 2010).

4.10   Kif diġà ooserva l-KESE (Opinjoni adottata fl-2011, ara n-nota 2 fil-qiegħ tal-paġna), l-FTT u l-FAT mhumiex sistemi ta’ taxxa alternattivi. L-FTT tirrigwarda essenzjalment it-tranżazzjonijiet fuq perjodu qasir, filwaqt li l-FAT tikkonċerna l-attivitajiet finanzjarji kollha (għalhekk anke n-negozjar fis-suq primarju). L-introduzzjoni tal-FTT ma tipprekludix l-applikabbiltà ta’ sistema Ewropea ta’ FAT, b'mod partikolari jekk l-għan ewlieni huwa li s-settur finanzjarju “jagħti kontribut ġust u sostanzjali” lill-finanzi pubbliċi (Opinjoni tal-2010, ara n-nota 2 fil-qiegħ tal-paġna) u li jiġi armonizzat id-dazju fuq l-attivitajiet finanzjarji biex jissaħħaħ is-suq uniku. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ taxxa Ewropea fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji hija stess issaħħaħ il-ħtieġa għal aktar uniformità fis-sistemi ta’ taxxa tal-Istati Membri individwali fil-qasam tal-attivitajiet finanzjarji b'mod ġenerali.

4.10.1   L-FTT għandha effetti gradwali ta’ distribuzzjoni, kemm peress li l-persuni b'livell għoli ta’ dħul jagħmlu użu ikbar mis-servizzi tas-settur finanzjarju, kif ukoll peress li ma hemmx spejjeż diretti fuq il-familji u l-intrapriżi mhux finanzjarji minħabba li ma tapplikax għall-attivitajiet ta’ konċessjoni u għoti ta’ self li jikkonċernawhom. Fuq dawn it-tranżazzjonijiet ser ikunu imposti biss l-ispejjeż indiretti li jirriżultaw minn likwidità aktar baxxa tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

4.11   Is-sistema tal-ġbir tat-taxxa hija sempliċi u tinvolvi spejjeż baxxi ħafna għat-tranżazzjonijiet li jsiru fis-swieq u, b'mod ġenerali, għat-tranżazzjonijiet irreġistrati. Dan jappoġġja l-ħtieġa li jiġu estiżi l-obbligi ta’ reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, billi jiġu inklużi t-tranżazzjonijiet li jsiru fis-swieq (over-the-counter) irrappreżentati minn prodotti mhux standardizzati kkummerċjalizzati fuq l-hekk imsejħa swieq ta’ derivati barra l-Borża, innegozjati b'mod bilaterali bejn żewġ partijiet.

Brussell, 29 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-Parlament Ewropew “huwa favur l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li ttejjeb il-funzjonament tas-suq billi tnaqqas l-ispekulazzjoni u tgħin biex jiġu ffinanzjati l-beni pubbliċi globali u jitnaqqsu d-defiċits pubbliċi”.

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew. 2010/2105(INI) test adottat fit-8 ta’ Marzu 2011.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, adottata fil-15 ta’ Lulju 2010 (ĠU C 44/14, 11.02.2011, p. 81}.

Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju (COM(2010) 549 final),, (ĠU C 248/11 of 25.8.2011, p. 64).

(3)  Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni: ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE (ĠU C 248/11, 25.8.2011, p. 75).

(4)  Algirdas Semet, 17/2/2012, Il-koordinazzjoni tat-taxxi tal-UE u s-settur finanzjarju. Kummissarju tal-UE għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi. Speech/12/109. Londra.

Il-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u ewropew (P7_TA-PROV(2011)0080).

(5)  Il-Parlament Ewropew, Abbozz ta’ Rapport dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE. Relatur: Anni Podimata (10/2/2012).

(6)  Schulmeister, S., 2011, “Implementation of a General Financial Transaction Tax” Austrian Institute of Economic Research (l-Istitut Awstrijakk tar-Riċerka Ekonomika) Ikkummissjonat mill-Kamra Federali tax-Xogħol.

Griffith-Jones, S., Persaud, A., 2012, Financial Transaction Taxes (Taxxi fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji) http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201202/20120208ATT37596/20120208ATT37596EN.pdf. (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Hekk kif indikat fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni, SEC(2011) 1103 final.

(8)  Griffith-Jones, S., Persaud, A., 2012, Op.cit.

(9)  Il-Kummissjoni Ewropea, 2011, Ewrobarometru 76 – Public opinion in the European Union – First Results (Opinjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea – L-ewwel riżultati, mhux disponibbli bil-Malti). Ġbir ta’ tagħrif: Novembru 2011. Pubblikazzjoni: Diċembru 2011.

(10)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (COM(2011) 398 final) u li jirrappreżenta t-traspożizzjoni regolatorja tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-Baġit għall-Ewropa 2020 tad-29 ta’ Ġunju 2011 (COM(2011) 500 final)

(11)  Fil-każ li jiġu sodisfati aktar kondizzjonijiet, l-Istat Membru ta’ appartenenza jiġi determinat skont l-ewwel kondizzjoni li tiġi sodisfata skont l-ordni fil-lista.

(12)  Il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, it-28 ta’ Settembru 2011, SEC(2011) 1103 final, Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni – Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE”.

(13)  Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (COM(2011) 594 final).

(14)  It-tranżazzjonijiet ibbażati fuq il-munita huma mill-inqas 70 darba ogħla meta mqabbla mal-kummerċ ta’ prodotti u servizzi fil-livell dinji. Fl-2006, il-kummerċ fis-swieq tad-derivati, fl-Ewropa, kien 84 darba ogħla meta mqabbel mal-PDG, filwaqt li l-kummerċ f'suq immedjat (spot market trading) (xiri u bejgħ ta’ muniti jew valuri finanzjarji bi ftehimiet immedjati stabbiliti “on the spot”) kien biss 12-il darba ogħla mill-PDG nominali tal-UE.

Schulmeister, S., Schratzenstaller, M., Picek, O., 2008, A General Financial Transaction Tax – Motives, Revenues, Feasibility and Effects, l-Istitut Awstrijakk tar-Riċerka Ekonomika, studju ta’ riċerka kkummissjonat mill-Ecosocial Forum Austria, kofinanzjat mill-Ministeru Federali tal-Finanzi u l-Ministeru Federali tal-Ekonomija u x-Xogħol, Marzu 2008.

(15)  Haug, J., Lamassoure, A., Verhofstadt, G.,Gros, D., De Grauwe, P., Ricard-Nihoul, G., Rubio, E., 2011, Europe for Growth – For a Radical Change in Financing the EU.

Rapport tal-Grupp de Larosière (ĠU C 318, 23.12.2009).

Il-Parlament Ewropew, 15 ta’ Ġunju 2010, Rapport dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (2010/2242 (INI)); relatur: Pervenche Berès.

Il-Parlament Ewropew, 8 ta’ Marzu 2010, Riżoluzzjoni dwar it-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. (2009/2750 (RSP)).

Il-Parlament Ewropew, 8 ta’ Marzu 2011, Riżoluzzjoni dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew. (2010/2105(INI)); relatur: Anni Podimata.

(16)  Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ, ĠU C 107/7, 06.4.2011.

(17)  Il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, it-28 ta’ Settembru 2011, SEC(2011) 1103 final, Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni – Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE”.

(18)  Brussell, 20 ta’ Ottubru 2011, COM(2011) 656 final, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Brussell, 20 ta’ Ottubru 2011, COM(2011) 652 final, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament [EMIR] dwar id-derivati OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tan-negozju.

(19)  Schulmeister, S., (2011), op.cit.

The New York Times, 23.7.2011, Stock Traders Find Speed Pays, in Milliseconds. Duhigg, C.

(20)  Il-Kummissjoni Ewropea, 8 ta’ Diċembru 2010, konsultazzjoni pubblika dwar Review of the Markets in Financial Instrument Directive (MiFID) (Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji – MiFID), Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern u s-Servizzi.

Il-Kummissjoni Ewropea, 20 ta’ Ottubru 2010, SEC(2011) 1226 final, Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni. Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Tfassil mill-ġdid) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (mhux disponibbli bil-Malti).

L-Istitut Awstrijakk tar-Riċerka Ekonomika, 2011, op. cit.

(21)  Persuad, A., 14 ta’ Ottubru 2011, “La Tobin Tax? Si può fare” (It-taxxa Tobin? Tista' ssir) (www.lavoce.info).

(22)  Griffith-Jones, S., Persaud, A., 2012, Op.cit.

(23)  Fil-każ li ma titħallasx it-taxxa tal-bolla mill-partijiet kontraenti, il-kuntratt ta’ xiri jew ta’ bejgħ ma jkunx applikabbli. Il-Parlament Ewropew, Abbozz ta’ Rapport dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE. Relatur: Anni Podimata (10/2/2012).

(24)  Griffith-Jones, S., Persaud, A., 2012. op.cit.

(25)  It-tranżazzjonijiet fil-muniti huma eżattament l-istess tip ta’ tranżazzjonijiet li għalihom J. Tobin ħaseb din it-tip ta’ taxxa. Tobin, J., 1978, A Proposal for International Monetary Reform (Proposta għal Riforma Monetarja Internazzjonali). Diskors presidenzjali mill-Professur Tobin matul il-Konferenza tal-1978 tal-Assoċjazzjoni Ekonomika tal-Lvant, Wash. D.C., Cowles Foundation Paper – Stampat mill-ġdid għall-Eastern Economic Journal, 4(3-4) Lulju-Ottubru 1978.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 1.1

Żid punt ġdid 1.2 kif ġej wara l-punt 1.1

“”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

L-emenda ġiet ivvotata u rrifjutata bi 93 vot favur, 143 vot kontra u 11-il astensjoni.

Punt 1.10

Ibdel it-test kif ġej:

“Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-konsegwenzi makroekonomiċi u mikroekonomiċi negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni leġislattiva tal-FTT jiġu rregolati b’attenzjoni, u b’hekk ir-riskji u l-ispejjeż relatati jiġu nnewtralizzati jew għallinqas jonqsu. Għal din ir-raġuni l-KESE jqis li, sabiex jiġu kkompensati l-effetti negattivi prinċipali li l-FTT jista’ jkollha fuq l-ekonomija reali, jeħtieġ li tiġi evalwata l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ kumpens.”

Raġuni

Huwa fatt li f’kull Stat Membru, is-settur finanzjarju għandu piż relattiv differenti meta mqabbel mal-ekonomija sħiħa. Għalhekk il-KESE għandu jirrikonoxxi dan il-fatt.

L-emenda ġiet ivvotata u rrifjutata b’86 vot favur, 137 vot kontra u 15-il astensjoni.

Punt 3.3.2

Ibdel it-test kif ġej:

“Il-KESE, filwaqt li jtenni li l-kriżi attwali hija minħabba kriżi finanzjarja li bdiet fl-2007 u li nfirxet għall-ekonomija reali sa mill-2008 (1), iqis li s-settur li huwa prinċipalment responsabbli għal din il-kriżi ) – dak finanzjarju – għandu jikkontribwixxi b’mod ġust biex din tingħeleb. Sal-lum, l-Istati Membri tal-UE impenjaw ruħhom li jappoġġjaw lis-settur finanzjarju (f’termini ta’ finanzjamenti u garanziji) b’EUR 4 600 biljun, jiġifieri 39 % tal-PDG tal-UE-27 fl-2009. Kontribut li tassew kellu effett negattiv fuq il-finanzi pubbliċi ta’ xi Stati Membri tal-UE, u ta bidu għal kriżi perikoluża taż-żona tal-euro (2).”

Raġuni

Meta nitkellmu dwar ir-responsabbiltà tal-kriżi, ma nistgħux ma nsemmux il-politiċi. Fil-fatt f’diversi pajjiżi kienet l-irresponsabbiltà tagħhom għal diversi snin li kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-kriżi.

L-emenda ġiet ivvotata u rrifjutata bi 72 vot favur, 154 vot kontra u 15-il astensjoni.

Punt 4.6

Ibdel it-test kif ġej:

“t-taxxa addizzjonali fuq il-fondi tal-pensjoni li tirriżulta mill-introduzzjoni tal-FTT modesta meta jitqiesu l-mod u t-tip ta’ investiment; , l-possibbiltà li jiġu valutati mill-ġdid l-assi tipiċi tal-fondi tal-pensjonijiet (investimenti inqas varjabbli) tikkumpensa biex jingħeleb it-tnaqqis potenzjali fil-qligħ li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-taxxa. il-KESE huwa tal-fehma li, sabiex jiġu newtralizzati jew jitnaqqsu l-effetti fuq il-fondi tal-pensjoni, il-possibbiltà li r-rati jew ikun hemm eżenzjoni għal dan is-settur, .”

Raġuni

Kif ħareġ mill-informazzjoni ppreżentata fil-laqgħat tal-grupp ta’ studju, din it-taxxa tista’ tnaqqas il-kapital tal-pensjoni futura tan-nies b’5 %. Huwa moralment żbaljat li nisfurzaw miljuni ta’ pensjonanti Ewropej li jnaqqsu l-valur tal-pensjoni tagħhom b’dan il-mod, meta ħafna drabi din diġà tkun baxxa.

L-emenda ġiet ivvotata u rrifjutata bi 82 vot favur, 142 vot kontra u 19-il astensjoni.

Punt 4.7.3

Żid it-test kif ġej:

“Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rati, il-KESE, waqt li jfakkar li fl-Opinjoni adottata fl-2010 (ara n-nota 2 fil-qiegħ tal-paġna) kien indika l-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ 0,05 %, jirrikonoxxi li l-applikazzjoni taż-żewġ rati – kif propost mill-Kummissjoni – għandha t-tendenza li tnaqqas ir-riskju tad-delokalizzazzjoni u tiggarantixxi li l-baġits tal-Unjoni u tal-Istati Membri jibbenefikaw minn riżorsi adegwati. ”

Raġuni

M’hemm l-ebda raġuni li għaliha l-KESE għandu jibdel il-pożizzjoni li ħa qabel fir-rigward tar-rata massima ta’ 0,05 % speċjalment minħabba l-ħafna effetti possibbli tas-soluzzjoni proposta, li huma diffiċli li wieħed jipprevedi.

L-emenda ġiet ivvotata u rrifjutata b’85 vot favur, 144 vot kontra u 12-il astensjoni.


(1)  Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ, ĠU C 107/7, 06.4.2011.

(2)  Il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, it-28 ta’ Settembru 2011, SEC(2011) 1103 final, Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni – Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE”.


Top