EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE0815
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council and the European Economic and Social Committee — Double Taxation in the Single Market’ COM(2011) 712 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Taxxa doppja fis-Suq Uniku” COM(2011) 712 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Taxxa doppja fis-Suq Uniku” COM(2011) 712 finali
ĠU C 181, 21.6.2012, p. 40–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 181/40 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Taxxa doppja fis-Suq Uniku”
COM(2011) 712 finali
2012/C 181/08
Relatur: is-Sur FARRUGIA
Nhar il-11 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Taxxa doppja fis-Suq Uniku
COM(2011) 712 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.
Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'135 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 10 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 It-taxxa doppja hija ostaklu serju għall-attività transkonfinali billi ma tippermettix il-funzjonament effikaċi tas-Suq Uniku b'implikazzjonijiet ekonomiċi negattivi fuq l-investiment u l-impjieg. It-taxxa doppja tiskoraġġixxi l-investiment u tipperikola l-kompetittività li b'hekk tinfluwenza negattivament it-tkabbir ekonomiku u l-kisba tal-miri tal-UE2020.
1.2 Permezz ta’ numru ta’ dokumenti ta’ opinjoni, il-KESE saħaq fuq l-importanza tat-tneħħija tat-taxxa doppja. Huwa appoġġa l-proposti mmirati biex jittieħdu iktar malajr il-miżuri sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja kif ukoll it-tisħiħ tas-simplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, u sabiex jitħeġġeġ suq intern fejn hi prevalenti l-kompetizzjoni ġusta.
1.3 Meta jqis dan, il-KESE huwa favur l-inizjattivi li jridu jneħħu t-taxxa doppja kif stabbilit fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni (1) billi jiġi promoss “interfacing” effiċjenti tar-reġimi fiskali differenti.
1.4 Il-KESE huwa wkoll tal-opinjoni li t-tneħħija tat-taxxa doppja għandha ssir b'mod li hu proporzjonali mal-objettivi meħtieġa u tirrispetta s-sovranità fiskali tal-Istati Membri individwali.
1.5 Il-KESE barra minn hekk huwa wkoll tal-opinjoni li l-kwistjonijiet relatati mat-taxxa doppja għandhom impatt iktar sproporzjonat fuq l-individwi u kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju li normalment m'għandhomx ir-risorsi biex jindirizzaw tali problemi. B'riżultat ta’ dan, filwaqt li l-KESE huwa favur il-komunikazzjoni, jenfasizza li proposti mmirati biex jittrattaw it-taxxa doppja jeħtieġ li jkunu koerenti ma’ miżuri li jittrattaw it-taxxa doppja għaċ-ċittadini kif ukoll li jinkludu soluzzjonijiet għall-individwi u l-SMEs.
1.6 Il-KESE jaqbel li t-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja huwa msejjes fuq l-istess prinċipji tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, u li wera kemm huwa effikaċi. Madankollu jipproponi li l-forum jitqies bħala l-ewwel pass lejn it-twaqqif ta’ osservatorju tal-Kummissjoni tal-UE li l-KESE diġà ressaq bħala mezz biex jitneħħew l-ostakli transkonfinali għaċ-ċittadini (2). Lejn it-tmiem, il-funzjonijiet tal-osservatorju jistgħu jiġu estiżi iktar sabiex jinkludu rwol investigattiv dwar l-effikaċja attwali tal-isforzi biex titneħħa t-taxxa doppja għaċ-ċittadini, l-SMEs kif ukoll il-kumpaniji l-kbar.
1.7 Il-KESE jissuġġerixxi li l-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja tinkludi wkoll rappreżentazzjoni mis-soċjetà ċivili organizzata.
1.8 Il-KESE jappoġġja wkoll it-tfassil ta’ kodiċi tal-kondotta li jippermetti ftehim komuni u applikazzjoni ta’ kunċetti dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri differenti, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja u jitnaqqsu ċirkustanzi fejn id-DTCs mhumiex effikaċi. Dan iwassal biex jiġi evitat l-arbitraġġ.
1.9 Filwaqt li l-KESE huwa favur l-istudju tal-fattibbiltà ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim effiċjenti, jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-isforzi għandhom ikunu mmirati sabiex jiżguraw użu limitat tal-arbitraġġ.
1.10 Il-KESE huwa favur l-istudju tal-iskala sħiħa tal-fenomenu tal-ebda taxxa doppja u l-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu, kif ukoll dawk li potenzjalment jistgħu jseħħu permezz ta’ miżuri mmirati għat-tneħħija tiegħu.
1.11 Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-proposti kollha għandhom jiġu vvalutati permezz ta’ valutazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bir-reqqa u li dawn għandhom jippreżentaw l-impatti fuq kull Stat Membru.
2. Kontenut u sfond tal-proposta
2.1 It-taxxa doppja toħloq inċertezza legali li xxekkel l-attività ekonomika taċ-ċittadini u l-kumpaniji. Twassal għal piż ikbar tat-taxxa globali u telf tas-sigurtà soċjali li ma trendix, piż amministrattiv ikbar għalxejn u li jkollu impatt negattiv fuq l-investiment u t-tħaddim tas-Suq Uniku li min-naħa tagħhom jinfluwenzaw b'mod negattiv il-kompetittività u l-impjiegi. Konsultazzjoni mill-Kummissjoni turi s-sinifikat tal-problema tat-taxxa doppja, hekk kif iktar minn 20 % tal-każi rappurtati jiswew 'l fuq minn EUR 1 miljun għall-kontribwenti fiskali korporattivi u iktar minn 35 % tal-każi jiswew 'l fuq minn EUR 100 000 għall-individwi.
2.2 Il-komunikazzjoni (3) mressqa mill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li tiġi affrontata l-problema tat-taxxa doppja (4) sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jkun effettiv u li jintlaħqu l-objettivi mniżżla fl-istrateġija Ewropa 2020.
2.3 Il-komunikazzjoni tappella sabiex ikun hemm iktar koordinazzjoni fejn tidħol it-taxxa bħala mezz sabiex jiġi żgurat qafas għall-politika ekonomika iktar b'saħħtu fiż-żona tal-euro. Dan jiġi spjegat fl-Att dwar is-Suq Uniku (5) li jenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-ostakli transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll il-piż tat-taxxa amministrattiva għall-kumpaniji. Dan tal-aħħar attwalment qiegħed jiġi indirizzat permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) (6). Il-Komunikazzjoni tirreferi wkoll għall-bżonn ta’ netwerk effikaċi għall-Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja bejn l-Istati Membri u l-importanza li jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-taxxa doppja fuq il-wirt.
2.4 Il-komunikazzjoni tiffoka fuq li jiġu indirizzati l-ostakoli relatati mat-taxxa doppja u turi li din il-kwistjoni hija saħansitra iktar importanti waqt perjodu ta’ kriżi ekonomika. Il-komunikazzjoni turi li, minn perspettiva dinamika, it-tneħħija tat-taxxa doppja u l-indirizzar tal-ebda taxxa doppja jistgħu jkunu sors ta’ dħul mit-taxxa għall-gvernijiet.
2.5 Il-komunikazzjoni tirrikonoxxi li filwaqt li numru ta’ Stati Membri (MS) diġà qed jindirizzaw il-kwistjoni ta’ taxxa doppja permezz ta’ ftehimiet unilaterali, bilaterali u multilaterali, it-Trattat UE ma jobbligax lill-Istati Membri biex ineħħu t-taxxa doppja.
2.6 Il-komunikazzjoni telenka numru ta’ żoni li ġew esplorati mill-Kummissjoni bħala mezz sabiex tiġi trattata t-taxxa doppja inklużi d-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali, id-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties, il-Konvenzjoni dwar l-Arbitraġġ (AC), il-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (JTPF), ir-rakkomandazzjonijiet dwar proċeduri għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn u l-proposta għal Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK).
2.7 Il-komunikazzjoni tirrimarka wkoll li filwaqt li dawn l-isforzi kienu rilevanti, ma joperawx b'mod effikaċi biżżejjed. B'riżultat ta’ dan, il-komunikazzjoni tirreferi għal dawn is-solouzzjonijiet possibbli li ġejjin, iżda mingħajr ma tidħol fid-dettall ta’ kwalunkwe minn dawn il-proposti:
— |
It-tisħiħ tal-istrumenti eżistenti b'mod partikolari fir-rigward tad-direttiva dwar l-imgħax u r-royalties. Il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni tad-direttiva fl-istess waqt mal-COM(2011) 712, biex b'hekk tiġi trattata t-taxxa minn ras il-għajn sabiex titnaqqas it-taxxa doppja fuq tali ħlas. Il-KESE adotta opinjoni dwar ir-riformulazzjoni tad-direttiva (7). |
— |
Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-ambitu tal-konvenzjonijiet dwar it-taxxa doppja fir-rispett tal-indirizzar ta’ soluzzjonijiet triangolari u ta’ kif għandhom jiġu ttrattati entitajiet u taxxi mhux koperti mill-Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja (DTC) fi ħdan l-UE, bi proposta għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri f'każ ta’ tilwim. |
— |
Passi maħsuba sabiex ikun hemm interpretazzjoni u implimentazzjoni iktar konsistenti tad-dispożizzjonijiet tad-DTCs bejn l-Istati Membri. Dan jirreferi għall-adozzjoni potenzjali ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja li jiżviluppa kodiċi tal-kondotta dwar it-taxxa sabiex jiġu indirizzati kunflitti minħabba l-interpretazzjoni tal-kunċetti applikabbli bejn l-Istati Membri u li jinstabu fid-DTCs. |
— |
Sabiex tiġi indirizzata l-assenza ta’ mekkaniżmu vinkolanti globali għat-tilwim, il-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni fl-aħħar verżjoni tal-Artikolu 25 tal-konvenzjonijiet dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD (2008) li tirreferi għal proċedura ta’ ftehim reċiproku bi proċedura vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-proċeduri pendenti kollha dwar it-taxxa doppja. |
2.8 Fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni tenfasizza l-passi ulterjuri li għandhom jittieħdu:
— |
ħidma sabiex jiġu żviluppati l-għażliet imressqa fil-komunikazzjoni prinċipalment it-twaqqif ta’ forum, l-iżvilupp ta’ kodiċi tal-kondotta u tiġi ddeterminata l-fattibbiltà ta’ mekkaniżmu effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim; |
— |
preżentazzjoni ta’ soluzzjonijiet possibbli, li dal-aħħar ġew mnedija mill-Kummissjoni (8), sabiex jiġu affrontati l-ostakli mit-taxxa għall-wirt transkonfinali fi ħdan l-UE; |
— |
jkompli jiġi użat il-JTPF, li riċentement ġie rinnovat, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar taxxa doppja fuq l-ipprezzar tat-trasferimenti; |
— |
matul is-sena jitressqu soluzzjonijiet dwar it-taxxa doppja transkonfinali fuq dividends mħallsa lill-investituri b'portafoll; |
— |
it-tnedija ta’ missjoni għall-ġbir tal-fatti sabiex jiġi stabbilit l-effett tat-taxxa doppja. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 Il-KESE huwa favur li tiġi indirizzata t-taxxa doppja, li hi meqjusa ta’ detriment għall-investiment u u għaldaqstant il-ħolqien ta’ impjiegi u attività ekonomika. Filfatt, il-KESE, permezz ta’ numru ta’ dokumenti ta’ opinjoni, enfasizza l-importanza tat-tneħħija tat-taxxa doppja. Il-KESE appoġġja l-proposti mmirati biex jittieħdu iktar malajr il-miżuri sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja kif ukoll għat-tisħiħ tas-simplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali (9), u lejn it-twaqqif ta’ prinċipji komuni sabiex jiġi mħeġġeġ suq intern fejn tiddomina l-kompetizzjoni ġusta (10).
3.2 Il-KESE adotta wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni mmirati sabiex titneħħa, jew tal-inqas titnaqqas, it-taxxa legali u ekonomika doppja jew żejda fuq l-introjtu mqassam mis-sussidjarji fil-pajjiż li fih twaqqfet il-kumpanija holding (11). Dan jiġi sostanzjat iktar mill-KESE permezz tal-appoġġ tiegħu għall-proposta għal BKKTK bħala mezz ta’ allinjament tal-prinċipji dwar it-taxxa korporattiva filwaqt li madankollu jinnota li l-abbozz tad-direttiva jeħtieġ kjarifika ulterjuri fid-dettalji tiegħu (12).
3.3 Il-KESE jenfasizza wkoll fuq l-importanza ta’ approċċ newtrali lejn l-introjtu abbażi ta’ pajjiż b'pajjiż fl-applikazzjoni tal-BKKTK u jenfasizza li l-adozzjoni tagħha m'għandhiex twassal li l-Ewropa tkun inqas flessibbli u inqas kompetittiva biex tattira l-investiment dirett barrani (FDI).Dawn il-kwistjonijiet iridu jkunu appoġġati kif xieraq minn valutazzjonijiet tal-impatt.
3.4 Il-KESE jissuġġerixxi li dawn l-objettivi jintlaħqu l-ewwel u qabel kollox permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa u interfacing iktar effikaċi bejn ġurisdizzjonijiet differenti tat-taxxa nazzjonali, ukoll permezz ta’ komunikazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tat-taxxa stess u bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-kontribwenti. Il-progress f'dawn l-aspetti jitqies proporzjonali għall-objettivi fil-mira u ma jinfluwenzax is-sovranità ta’ ġurisdizzjonijiet differenti tat-taxxa nazzjonali. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma konformi mal-Komunikazzjoni tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti tal-Istati Membri fis-Suq Intern (13).
3.5 B'riżultat ta’ dan, il-KESE huwa favur tentattivi sabiex jissaħħu strumenti eżistenti u sforzi ulterjuri mmirati għat-tneħħija tat-taxxa doppja kif enfasizzat fil-komunikazzjoni sabiex jiġi żgurat interfacing effiċjenti ta’ reġimi fiskali differenti u sabiex jiġi ċċertifikat li l-piż tat-taxxa jinfluwenza darba biss lill-operaturi kummerċjali u b'mod mistenni mill-istess operaturi.
3.6 Il-KESE jenfasizza b'mod ulterjuri li filwaqt li t-tneħħija tat-taxxa doppja hija rekwiżit essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tas-Suq Uniku, kwalunkwe proposta għandha tiffoka fuq it-tneħħija effiċjenti tal-ostakli fiskali u biex tiġi żgurata l-effikaċja tad-DTCs fi ħdan il-konfini tal-bażi legali disponibbli fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Filfatt, l-isforzi mmirati sabiex titneħħa t-taxxa doppja għandhom isiru b'mod li jirrispetta s-sovranità fiskali tal-Istati Membri individwali.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Il-KESE jenfasizza li kwistjonijiet relatati mat-taxxa doppja għandhom impatt qawwi fuq l-individwi u l-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Normalment in-negozji l-kbar għandhom il-mezzi finanzjarji u r-riżorsi umani biex jittrattaw it-taxxa doppja u l-arbitraġġ relatat iżda l-individwi u l-SMEs m'għandhomx tali riżorsi, spiss fir-rigward b'mod partikulari ta’ informazzjoni u għarfien tal-prattiki legali u amministrattivi (14). It-taxxi fuq il-wirt jippreżentaw problemi partikulari liċ-ċittadini relatati mat-taxxa doppja. Il-komunikazzjoni mressqa mill-Kummissjoni tiffoka fuq it-tneħħija ta’ taxxa doppja fuq il-kummerċ, l-iktar il-kumpaniji l-kbar, iżda tista' tintuża wkoll biex tindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi li ċ-ċittadini u l-SMEs jiffaċċjaw.
4.2 Il-KESE jirrikonoxxi l-effikaċja tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (JTPF) sabiex tiġi indirizzata t-taxxa doppja fuq l-ipprezzar tat-trasferimenti u jawgura li l-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja jimxi bl-istess mod. Il-JTPF, li jaħdem fi ħdan il-qafas tal-OECD tal-Linji Gwida dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti u jopera abbażi tal-kunsens li jiġu proposti soluzzjonijiet mhux leġislattivi lill-Kummissjoni għall-problemi prattiċi li jinħolqu minn prattiki tal-ipprezzar tat-trasferimenti fl-UE, diġà laħaq numru ta’ għanijiet fosthom kodiċi tal-kondotta tad-dokumentazzjoni dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti għall-impriżi assoċjati fl-UE, linji gwida għal ftehim ta’ prezzijiet minn qabel fl-UE kif ukoll linji gwida dwar servizzi fi ħdan il-ġrupp aġġunt b'valur baxx. L-effikaċja ta’ dan il-forum hi parzjalment ibbażata fuq ir-rappreżentazzjoni wiesgħa tal-forum minn Stati Membri kif ukoll mill-kummerċ.
4.3 Għaldaqstant il-KESE jawgura li t-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja huwa bbażat ukoll fuq l-istess prinċipju sabiex tiġi żgurata r-rappreżentazzjoni effikaċi mill-partijiet interessati rilevanti kollha li jinkludu s-soċjetà ċivili organizzata.
4.4 Il-KESE jappoġġja t-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja iżda jinnota li ngħataw ftit dettalji fil-komunikazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-forum. Il-KESE jipproponi li l-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja jitqies bħala l-ewwel pass u dak preċedenti għal osservatorju. It-twaqqif tal-forum f'osservatorju huwa marbut mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE dwar it-tneħħija ta’ ostakli transkonfinali fejn il-KESE għamel riferiment għall-iżvilupp ta’ Osservatorju tal-UE li l-għanijiet tiegħu jkunu li jikseb, fuq bażi kontinwa, ħarsa dettaljata u prattika tal-ostakli fiskali eżistenti li jinkludu t-taxxa doppja u l-evoluzzjoni tagħhom (15).
4.5 Il-funzjonijiet tal-Osservatorju tat-Taxxa, taħt l-awspiċju tal-Kummissjoni tal-UE, jista' jiġi estiż iktar biex jinkludi l-investigazzjoni tal-ostakli tat-taxxa għan-negozji, l-SMEs u n-negozji l-kbar, kif ukoll ir-rwol investigattiv fuq l-effikaċja attwali ta’ sforzi sabiex titneħħa t-taxxa doppja. Lejn it-tmiem, l-osservatorju jista' jkollu rwol importanti x'jaqdi fl-estensjoni tal-applikazzjoni u l-ambitu tad-DTCs kif ukoll jiġu eżaminati modi kif jiġu ttrattati s-soluzzjonijiet triangolari u l-Gvernijiet jiġu mħeġġa jiżviluppaw ħelsien mit-taxxi mingħajr ma tintilef is-sovranità tat-taxxa.
4.6 Il-KESE jappoġġja wkoll it-twaqqif ta’ kodiċi tal-kondotta li jenfasizza prinċipji li l-Gvernijiet jistgħu jaqblu dwarhom b'mod a priori. Il-kodiċi tal-kondotta jippermetti ftehim komuni dwar il-kunċetti enfasizzati fid-DTC applikabbli bejn l-Istati Membri li spiss iwassal għal interpretazzjoni żbaljata u tilwim.
4.7 Madankollu l-KESE hu tal-opinjoni li kodiċi tal-kondotta jista' fil-prattika jitqies effikaċi jekk jopera permezz ta’ pressjoni bejn il-pari, bl-Istati Membri jkunu kawti dwar l-implikazzjonijiet relatati għall-isem u l-fama.
4.8 Il-KESE huwa favur ukoll l-istudju tal-fattibbiltà ta’ mekkaniżmu effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, bil-għan li jiġu ddeterminati l-iktar modi effikaċi sabiex titneħħa t-taxxa doppja. Jirrikonoxxi li l-proċeduri ta’ għajnuna reċiproka fejn pajjiżi jiltaqgħu biex isolvu l-kwistjonijiet jieħdu perjodu twil ħafna sabiex jiġu ddeterminati u li hemm fejn il-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ titjieb li hi kkaratterizzata wkoll minn proċess twil. Dawn joħloq spejjeż eċċessivi u inċertezza dwar il-kummerċ.
4.9 Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-isforzi għandhom ikunu mmirati sabiex jiżguraw li hemm bżonn limitat għall-arbitraġġ u li l-enfasi għandha għaldaqstant titqiegħed fuq l-iżvilupp ta’ kodiċi tal-kondotta, kif enfasizzat fil-komunikazzjoni kif ukoll il-forniment ta’ linji gwida ċari u trasparenti, li għaldaqstant iservu bħala l-ewwel linji ta’ istanza u jkunu effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim.
4.10 Il-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja għandu rwol importanti x'jaqdi f'dan ir-rigward sabiex jinkuraġġixxi konvenzjonijiet dwar it-taxxa li jipprovdu proċedura ta’ ftehim reċiproku bi proċedura li tgħaqqad għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-każijiet pendenti kollha dwar it-taxxa doppja.
4.11 Il-KESE huwa favur il-proposta tal-Kummissjoni li tistudja l-firxa sħiħa tal-fenomenu tal-ebda taxxa doppja. Il-KESE jissuġġerixxi b'mod ulterjuri studju tal-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha, kif ukoll dawk li jistgħu jseħħu permezz ta’ miżuri mmirati għat-tneħħija tagħha.
4.12 Il-KESE jtenni l-importanza ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt ekonomiku u soċjali sabiex jiġi ddeterminat.sa fejn, l-adozzjoni ta’ kwalunkwe proposta enfasizzata fil-komunikazzjoni, tista' twassal fir-rigward ta’ konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ħżiena (16). Tali valutazzjoni trid tkun eżawrjeni u tinkludi l-Istati Membri kollha affettwati mill-proposti.
4.13 Bħala konklużjoni, il-KESE jinstab ħerqan li l-Kummissjoni tistudja u tressaq proposti addizzjonali fir-rigward tat-taxxa doppja fosthom:
— |
rakkomandazzjonijiet dwar it-taxxi għall-wirt transkonfinali li dal-aħħar ġew ippubblikati mill-Kummissjoni; |
— |
it-tressieq ta’ soluzzjonijiet dwar it-taxxa doppja transkonfinali fuq dividends mħallsa lill-investituri b'portafoll; |
— |
il-forniment ta’ informazzjoni ulterjuri dwar il-ħolqien tal-Forum, Kodiċi tal-Kondotta u l-fattibbiltà ta’ mekkaniżmu vinkolanti għar-riżoluzzjoni; |
— |
valutazzjoni dwar il-firxa u l-implikazzjonijiet tal-ebda taxxa doppja. |
Brussel, 28 ta’ Marzu 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2011) 712 final.
(2) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 95.
(3) COM(2011) 712 final.
(4) It-taxxa doppja tiġi spjegata bħala impożizzjoni ta’ taxxi komparabbli minn żewġ ġurisdizzjonijiet fiskali (jew aktar) fir-rigward tal-istess dħul jew kapital taxxabbli.
(5) COM(2011) 206 final.
(6) COM(2011) 121 final.
(7) Ara Opinjoni tal-KESE (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 46) dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati minn Stati Membri differenti (riformulazzjoni), COM(2011) 714 final.
(8) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-eżenzjoni minn taxxa doppja fuq il-wirt (2011/856/EU).
(9) Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 2.
(10) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-taxxa diretta għall-kumpaniji, ĠU C 241, 7.10.2002, p. 75. (mhux disponibbli bil-Malti)
(11) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 90/435/EEC dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, ĠU C 32, 5.2.2004, p. 118. (mhux disponibbli bil-Malti)
(12) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB), ĠU C 24, 28.01.2012, p. 63. (mhux disponibbli bil-Malti)
(13) COM(2006) 823 final.
(14) Skont ir-Rapport Sommarju mill-Kummissjoni tal-UE dwar il-Konsultazzjoni dwar il-Konvenzjonijiet tat-Taxxa Doppja u s-Suq Intern, 69 % mill-individwi li ltaqgħu ma’ kwistjonijiet ta’ taxxa doppja fittxew rimedji biex titneħħa t-taxxa doppja meta mqabbla ma’ 85 % fil-każ tal-korporazzjonijiet.
(15) Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 2.
(16) Ara nota f'qiegħ il-paġna nru 12.