Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0804

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi)” COM(2011) 794 finali – 2011/0374 (COD)

ĠU C 181, 21.6.2012, p. 99–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi)”

COM(2011) 794 finali – 2011/0374 (COD)

2012/C 181/18

Rapporteur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar it-13 u l-14 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi))

COM(2011) 794 final – 2011/0374 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu tat-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’117-il vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE, li ilu jitlob għal inizjattiva ta’ din ix-xorta għal żmien twil, jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni u jappoġġja l-għażla tagħha ta’ regolament bħala l-istrument legali.

1.2   Madankollu, il-KESE jemmen li l-iżjed bażi legali adatta tkun l-Artikolu 169(2)(b) u (4) tat-TFUE u mhux sempliċement l-Artikolu 114, kif ukoll l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

1.3   Il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni ċara tal-Kummissjoni li l-ħolqien ta’ tali sistema m’għandux iċaħħad lill-konsumaturi jew lin-negozjanti mid-drittijiet tagħhom li jfittxu rimedju quddiem il-qrati, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan, jew jieħu post l-operazzjoni normali tal-proċessi ġudizzjarji.

1.4   Madankollu, il-KESE jqis li l-proposta mhiex ambizzjuża, għandha titolu qarrieq u għadha lura ħafna minn dak li hu ttamat u dak li hu mixtieq u fattibbli, b’mod speċjali fir-rigward tal-użu ta’ serje sħiħa ta’ mezzi teknoloġiċi eżistenti u sistemi elettroniċi ta’ informazzjoni li wrew li huma ta’ suċċess, taħt dak li hu magħruf bħala l-ODR tat-tieni ġenerazzjoni.

1.5   Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tara din il-proposta bħala l-ewwel pass lejn soluzzjoni effettiva onlajn għat-tilwim u għandha tiżviluppa l-potenzjal tas-sistema mill-iktar fis possibbli sabiex tinkorpora l-innovazzjoni teknoloġika kompatibbli kollha, b’sigurtà u ċertezza legali, u li għandha tinħoloq sistema speċifika u separata ex novo għall-ODR tal-UE fit-tranżazzjonijiet transkonfinali.

1.6   Il-KESE jemmen li m’hemmx ġustifikazzjoni għall-esklużjoni mis-sistema ta’ kunflitti li mhumiex biss transkonfinali fin-natura tagħhom u ta’ kunflitti li ma jirriżultawx esklużivament minn tranżazzjonijiet konklużi permezz ta’ mezzi elettroniċi (kunflitti offlajn).

1.7   Il-KESE ma jaqbilx li mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jkopru wkoll ilmenti minn negozjanti kontra l-konsumaturi.

1.8   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi pprovduta b’mod espliċitu l-possibbiltà li, fit-tilwim onlajn tagħhom, il-partijiet ikkonċernati jkunu rappreżentati minn avukati jew partijiet terzi, speċifikament għaqdiet tal-konsumatur.

1.9   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara kif il-kwistjonijiet iżjed kumplessi li jistgħu jirriżultaw f’ċerti tilwim onlajn, bħad-diskussjoni ta’ termini inġusti f’kuntratt u l-liġi applikabbli għall-kuntratti, jistgħu jiġu solvuti permezz tal-pjattaforma.

1.10   Il-KESE għandu riżervi serji dwar jekk id-dati ta’ skadenza stabbiliti humiex realistiċi u jibża’ li jekk dawn isiru obbligatorji, flimkien mad-diffikultajiet prattiċi prevedibbli biex jintlaħqu, jistgħu jiskreditaw sistema li għandha bħala waħda mill-objettivi tagħha l-ħeffa u l-effikaċja.

1.11   Il-KESE jipproponi li din il-pjattaforma onlajn tiġi konnessa ma’ “ktieb tal-ilmenti onlajn”, li l-websajts tan-negozjanti onlajn għandu jkollhom b’obbligu.

1.12   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta skema ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità għas-sistema li għandha tiġi stabbilita, jipproponi li jiġu stabbiliti marki ta’ fiduċja minn entitajiet akkreditati u awtorizzati, għal operaturi ekonomiċi li jirreklamaw (fuq il-websajts tagħhom) u jippromovu s-soluzzjoni għat-tilwim permezz ta’ din il-pjattaforma, u jirrakkomanda li tiġi inkluża referenza għas-soluzzjoni għat-tilwim permezz ta’ din il-pjattaforma onlajn fil-kodiċijiet ta’ kondotta.

1.13   Il-KESE jirrakkomanda li l-kwistjoni tal-finanzjament ta’ din is-sistema għandha tiġi indirizzata b’mod espliċitu u dirett, peress li l-għaqdiet tal-konsumatur u xi Stati Membri ma jistgħux ilaħħqu maż-żieda fl-ispejjeż marbuta mat-twaqqif tagħha, u li din il-kwistjoni hi kruċjali biex tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza tas-sistema.

1.14   Il-KESE jemmen li għadd kbir wisq ta’ aspetti kruċjali tal-istrument leġislattiv u tal-funzjonament tas-sistema jitħallew għal implimentazzjoni fil-futur jew atti delegati, li jmorru sew lil hinn mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 290 tat-Trattat, b’konsegwenzi f’termini tas-sigurtà u ċ-ċertezza legali tal-istrument.

1.15   Il-KESE jemmen li l-kliem ta’ wħud mir-rekwiżiti għandu jiġi rivedut u jista’ jittejjeb biex isir iżjed ċar u inqas ambigwu u d-dispożizzjonijiet tagħhom iżjed effettivi, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-kummenti speċifiċi ta’ dan il-Kumitat.

2.   Elementi essenzjali tal-proposta

2.1   Billi verament ftit mill-entitajiet għar-regolazzjoni dwar soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi (ADR – alternative dispute resolution) barra mill-qorti joffru lill-konsumaturi Ewropej il-possibbiltà li jwettqu l-proċedura sħiħa onlajn;

Billi n-nuqqas ta’ rimedju effettiv għal ilmenti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet onlajn transkonfinali għandu konsegwenzi negattivi kemm għall-konsumaturi u kif ukoll għan-negozji;

Billi l-kontenut u l-konklużjonijiet ta’ diversi studji kkummissjonati dwar il-kwistjoni jissuġġerixxu li hemm appoġġ wiesa’ għall-iżvilupp ta’ għodod tas-soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi onlajn (ODR – online dispute resolution) permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE;

Billi r-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt SEC(2011) 1408 final tad-29 ta’ Novembru 2011 jiddikjaraw li hija biss taħlita taż-żewġ strumenti dwar l-ADR u l-ODR li tista’ tiżgura aċċess għal mezzi imparzjali, trasparenti u effettivi li jsolvu t-tilwim tal-konsumaturi konness ma’ tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali barra mill-qorti;

B’din il-Proposta għal Regolament, il-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi sistema tal-ODR fl-UE kollha li ser tiffaċilita s-soluzzjoni onlajn ta’ tilwim marbuta mal-bejgħ transkonfinali onlajn ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi bejn in-negozjanti u l-konsumaturi.

2.2   Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni tuża bħala l-bażi legali unika tagħha l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-ikkompletar tas-suq intern, sabiex:

a)

tiġi stabbilita pjattaforma ta’ soluzzjoni ta’ tilwim onlajn f’livell Ewropew, fil-forma ta’ websajt interattiva li tista’ tiġi aċċessata elettronikament u mingħajr ħlas bil-lingwi uffiċjali tal-UE kollha. Il-pjattaforma tal-ODR ser toffri punt ta’ dħul wieħed għall-konsumaturi u n-negozjanti li jfittxu li jsolvu barra mill-qorti kwalunkwe tilwim li jirriżulta minn tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fejn il-partijiet kollha huma stabbiliti jew residenti fi Stati Membri tal-UE differenti; u

b)

jiġi stabbilit netwerk ta’ faċilitaturi għas-soluzzjoni tat-tilwim onlajn, li jikkonsistu f’punt ta’ kuntatt wieħed tal-ODR għal kull Stat Membru – l-awtorità kompetenti maħtura skont it-termini tad-direttiva tal-ADR bħala dik responsabbli li tipprovdi appoġġ għas-soluzzjoni ta’ tilwim marbuta ma’ lmenti mressqa permezz tal-pjattaforma.

2.3   Ir-regolament propost japplika biss għal tilwim bejn konsumaturi u negozjanti li jirriżulta mill-bejgħ onlajn ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi f’livell transkonfinali.

2.4   Is-sistema li għandha tiddaħħal għandha tibni fuq entitajiet eżistenti tal-ADR u tirrispetta t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri fir-rigward tar-regoli proċedurali nazzjonali tagħhom, speċifikament dawk li jikkonċernaw l-ispejjeż, filwaqt li jirrispettaw sett ta’ standards operattivi komuni, sabiex jissalvagwardjaw l-effikaċja u l-veloċità tagħhom. Dan ma jfixkilx l-operazzjoni ta’ kwalunkwe entità tal-ADR eżistenti onlajn li topera fi ħdan l-Unjoni, u lanqas m’għandha timpedixxi lill-entitajiet tal-ADR milli jittrattaw tilwim transkonfinali mressaq quddiemhom bi kwalunkwe mezz ieħor li mhuwiex il-pjattaforma tal-ODR.

2.5   Il-proċeduri tal-ODR mhumiex maħsuba biex jieħdu post proċeduri quddiem qrati jew li jċaħħdu l-konsumaturi jew in-negozjanti mid-drittijiet tagħhom li jfittxu rimedji quddiem il-qrati. Ir-regolament propost ser ikopri kwalunkwe entità li hi stabbilita fuq bażi permanenti u li toffri soluzzjoni għat-tilwim permezz tal-proċeduri tal-ADR, inklużi proċeduri tal-arbitraġġ uffiċjali mhux maħluqa fuq bażi ad hoc.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   F’uħud mill-opinjonijiet l-iżjed reċenti tiegħu, b’mod partikolari wara l-adozzjoni tal-Aġenda Diġitali (1), il-50 miżura proposta (2) u t-12-il xprun għas-suq intern (3), il-KESE sejjaħ għat-twaqqif ta’ sistema ta’ soluzzjoni onlajn għat-tilwim u għaldaqstant ma jistax ħlief jilqa’ din l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jappoġġja wkoll l-istrument legali li għażlet il-Kummissjoni: regolament.

3.2   Fir-rigward tal-bażi legali, il-KESE jikkunsidra li lil hinn mis-sempliċi kkompletar tas-suq intern, hawnhekk hawn involut ukoll strument għall-protezzjoni tal-konsumatur, u l-iżjed bażi legali adatta, jekk l-Artikolu 81 tat-TFUE ma jiġix adottat, għaldaqstant ikunu l-Artikoli 169(2)(b) u (4) tat-Trattat u mhux biss l-Artikolu 114, kif ukoll l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.3   Il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni ċara tal-Kummissjoni li l-ħolqien ta’ tali sistema m’għandux iċaħħad lill-konsumaturi jew lin-negozjanti mid-drittijiet tagħhom li jfittxu rimedju quddiem il-qrati, jekk ikunu jixtiequ li jagħmlu dan, u li s-sistema ma tiħux post l-operazzjoni normali tal-proċessi ġudizzjarji.

3.4   Bi pjaċir jinnota li l-kunċett ta’ konsumatur twessa’, b’konformità mal-Proposta għal Direttiva dwar l-ADR u li ssegwi mid-Direttiva l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (4), sabiex tkopri kuntratti b’għan doppju, fejn l-għan tal-kummerċ mhuwiex predominanti fil-kuntest globali tal-kuntratt. Madankollu, jixtieq li jara li dan il-kunċett jidher b’mod espliċitu fit-test tad-Direttiva.

3.5   Il-KESE jinnota t-tħassib tal-Kummissjoni fil-konfront tar-rispett tat-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri u li mhux qed tipprova tissostitwixxi jew tnaqqas ir-rwol tal-proċeduri eżistenti tal-ADR skont din is-sistema, iżda jiddubita kemm dan jirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fid-dematerjalizzazzjoni tat-tilwim, b’mod li tippermettilhom li jiġu proċessati onlajn.

3.6   Il-KESE jirrikonoxxi li, fil-prattika, din il-proposta tillimita ruħha li tistabbilixxi tip ta’ “timbru tal-posta elettroniku” jew “kaxxa tal-ittri onlajn” li fihom jintbagħtu l-ilmenti u, wara proċess ta’ għażla purament formali, jintbagħtu lill-entitajiet differenti tal-ADR, biex b’hekk jikkostitwixxu sistema ta’ kunsinna burokratika u amministrattiva oneruża.

3.7   Il-KESE jqis li l-proposta m’għandhiex ambizzjoni u għadha ferm lura minn dak li hu ttamat u dak li hu mixtieq u fattibbli, b’mod speċjali fir-rigward ta’:

a)

Il-Pjan ta’ Azzjoni pluriennali 2009-2013 dwar l-e-Justice Ewropea (5);

b)

Id-dokument innovattiv tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali (6) (UNCITRAL), A/CN.9/706, bl-isem “Possible future work on online dispute resolution in cross-border electronic commerce transactions” (Ħidma possibbli fil-futur dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim fi tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali);

c)

L-esklużjoni ta’ tilwim li mhuwiex biss ta’ natura transkonfinali, li tobbliga lill-Istati Membri li jixtiequ hekk li jintroduċu sistemi purament nazzjonali għal tilwim transkonfinali, anke jekk il-partijiet ikkonċernati huma ta’ nazzjonalitajiet differenti, iżda inzertaw li jgħixu, b’mod permanenti jew temporanju, fl-istess Stat Membru;

d)

L-esklużjoni ta’ tilwim li ma jirriżultax esklużivament minn tranżazzjonijiet konklużi permezz ta’ mezzi elettroniċi (fi kliem ieħor, offlajn), li ma jkunux adottaw id-definizzjoni usa’ ta’ kummerċ elettroniku stabbilita fid-Direttiva 2000/31/KE, inklużi kunflitti li jirriżultaw minn komunikazzjonijiet kummerċjali onlajn li ma jirriżultawx fi tranżazzjoni. Hemm ukoll il-possibbiltà, issa rikonoxxuta minn uħud mill-ADR, li tilwim li jirriżulta minn tranżazzjonijiet konklużi mill-bogħod permezz ta’ mezzi mhux elettroniċi (bħal bejgħ minn katalgu jew bejgħ magħmul fid-dar) jiġi ttrattat b’mezzi elettroniċi. Barra minn hekk, setgħu ġew ikkunsidrati wkoll it-tranżazzjonijiet okkażjonali li jseħħu fi żjarat lejn Stati Membri oħra, f’każijiet fejn it-tilwim iqum xi żmien wara li t-tranżazzjonijiet ikunu ġew konklużi;

e)

In-nuqqas li jiġi adottat dak li llum hu b’mod komuni magħruf bħala sistema tal-ODR (7) tat-tieni ġenerazzjoni li fih it-teknoloġija (inerenti għal din il-pjattaforma) taqdi rwol attiv u tiffunzjona bħala r-raba’ parti ġenwina (8) (flimkien maż-żewġ partijiet u l-medjatur/arbitru) fil-proċess tas-soluzzjoni onlajn għat-tilwim tal-konsumaturi; dan jagħmilha possibbli li l-partijiet jikkomunikaw mill-bogħod, f’ħin reali jew b’dewmien fiż-żmien, permezz tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, minflok ma l-partijiet kollha jkollhom ikunu fiżikament preżenti.

f)

In-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għal sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità għat-twaqqif tas-sistema, bħal dik ipprovduta fl-istandard ISO 10003 – “Linji gwida dwar soluzzjoni għat-tilwim estern għall-organizzazzjonijiet”, li tista’ tintuża wkoll biex jiġi standardizzat prospectus li jipprovdi informazzjoni dwar it-tħaddim tal-mekkaniżmu, jew tal-eżistenza ta’ “lista ta’ sorveljanza”, li fuqha jistgħu jiġu rreġistrati l-ilmenti kontra professjonisti.

3.8   Minkejja li r-Regolament jgħid li l-pjattaforma tal-ODR ser ikollha l-funzjoni li “tippermetti lill-partijiet u lill-entità tal-ADR imexxu l-proċedura ta’ soluzzjoni għat-tilwim onlajn” (Artikolu 5(3)(d)), il-KESE kien ittama li jiġu stabbiliti s-sisien għal sistema tal-ODR li tkun tikkontribwixxi għal-leġittimità ta’ ġustizzja onlajn jew elettronika; kien jittama li s-sistema tkun iffurmata b’mod li tuża mill-ġdid u tikkopja riżorsi ta’ infrastruttura u teknoloġiċi eżistenti, sinkronużi jew asinkronużi, bħal chat, forums elettroniċi, listi tal-indirizzi, posta elettronika, telekonferenzi, konferenzi bl-awdjo u bil-vidjo, kmamar tal-laqgħat virtwali eċċ.; li ttejjeb l-applikazzjonijiet tal-ġustizzja u tħeġġeġ għodod tal-ODR tal-ewwel u tat-tieni ġenerazzjoni għall-proċess (negozjati, medjazzjoni u arbitraġġ onlajn), li jippromovu l-medjazzjoni elettronika bejn il-partijiet, proċess ta’ produzzjoni iżjed robust u proċeduri li huma faċilment iżjed osservabbli u prevedibbli.

3.9   Anke mingħajr ma navvanzaw lejn il-mudelli tat-tieni ġenerazzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kellha minkejja dan, sabiex tilħaq l-aspettattivi għal din l-inizjattiva u tiżgura l-benefiċċji mħabbra, almenu tikkunsidra l-possibbiltà li tinkludi sistemi ta’ għajnuna għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-funzjonijiet tal-pjattaforma għall-partijiet f’sistema tal-ODR. F’dawn il-mudelli tat-tieni ġenerazzjoni, l-użu ta’ għodod telematiċi u l-għajnuna minn intelliġenza artifiċjali abbażi ta’ mudelli matematiċi jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet dwar tilwim permezz tal-valutazzjoni sistematika tal-proposti tal-partijiet, li min-naħa tagħhom huma appoġġjati minn speċjalisti tal-IT b’kapaċità ugwali (“interfaces intelliġenti”) fi proċess interattiv ibbażat fuq tendenzi standard tan-negozjati bħal BATNA (Best Alternative to a Negotiated Agreement – L-Aħjar Soluzzjoni Alternattiva għal Ftehim Negozjat), WATNA (Worst Alternative to a Negotiated Agreement – L-Agħar Soluzzjoni Alternattiva għal Ftehim Negozjat) u finalment ZOPA (Zone of Possible Agreement – Qasam ta’ Ftehim Possibbli). Eżempji ta’ sistemi ta’ għajnuna għat-teħid ta’ deċiżjonijiet jinkludu sistemi ta’ esperti, sistemi ta’ informazzjoni abbażi ta’ każijiet preċedenti, sistemi ta’ aċċess għal bażijiet tad-data informatiċi (raġunament abbażi tal-każ jew “CBR”(case-based reasoning) fil-lingwaġġ informatiku internazzjonali) u soluzzjoni onlajn għat-tilwim skont l-approċċi differenti tal-partijiet għas-soluzzjoni għat-tilwim.

3.10   Il-KESE jistaqsi wkoll kif il-Kummissjoni pprevediet soluzzjoni onlajn għal każijiet li jikkonċernaw mhux biss nuqqas ta’ qbil tradizzjonali fis-suq, li hu marbut ma’ problemi bħal prodotti li huma “difettużi”, “ma jaħdmux sew” jew ma’ “dewmien fil-kunsinna jew nuqqas ta’ kunsinna”, iżda wkoll id-dibattitu dwar termini inġusti f’kuntratt u l-liġi applikabbli għall-kuntratti.

3.11   Il-KESE jixtieq li jara referenza speċifika għall-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jkunu rappreżentati minn avukati jew minn partijiet terzi, speċifikament assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fl-ilmenti onlajn tagħhom.

3.12   Il-Kumitat hu sorpriż li l-kwistjoni tal-finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument ġdid mhuwiex indirizzat b’mod espliċitu u dirett, meta wieħed iqis li fil-konsultazzjonijiet li saru, l-għaqdiet rappreżentattivi tal-konsumatur qiesu b’mod definittiv li dan hu essenzjali. Xi Stati Membri ma jifilħux għaż-żieda fl-ispejjeż marbuta mat-twaqqif ta’ korpi ġodda, it-taħriġ ta’ “faċilitaturi” u persunal ieħor li jipprovdi appoġġ, il-provvista ta’ informazzjoni u għajnuna lil konsumaturi u t-twettiq ta’ kompiti amministrattivi ġodda. Din il-kwistjoni ġiet meqjusa minn kulħadd bħala kruċjali biex tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza tas-sistema.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Artikolu 1 – Suġġett

Is-suġġett ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi wkoll il-prinċipju tal-aċċess għal-liġi u għall-ġustizzja għall-partijiet ikkonċernati. Flimkien mas-soluzzjoni għat-tilwim, il-pjattaforma tista’ tintuża biex timpedixxi kwalunkwe tilwim li jista’ jqum, billi tipprovdi informazzjoni rilevanti mmirata għar-rimedjar tal-problemi.

4.2   Artikolu 2 – Kamp ta’ Applikazzjoni

Għal raġunijiet ekonomiċi wkoll, il-KESE jixtieq jara r-Regolament jiġi applikat ukoll għal tilwim li jqum offlajn, kif diġà hi prattika komuni fost il-fornituri tal-ADR li jaħdmu b’teknoloġiji tal-informatika biex jagħmlu medjazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati.

Bħala kwistjoni purament formali, hu suġġerit li esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni jkunu koperti mill-Artikolu 2 u mhux l-Artikolu 4, li jkopri d-definizzjonijiet.

4.3   Artikolu 3 – Rabta ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni

Il-KESE jipproponi li jiġu inklużi d-Direttivi dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-Bejgħ ta’ Prodotti għall-Konsumatur u Kuntratti mill-Bogħod (9).

4.4   Kapitolu II – Pjattaforma Ewropea ta’ soluzzjoni onlajn għat-tilwim

Għall-finijiet ta’ ċarezza ikbar, il-KESE jippreferixxi li l-materjal dwar it-twaqqif tal-pjattaforma u l-proċeduri jkunu koperti minn kapitoli differenti.

4.5   Artikolu 5(3)(b)

Il-KESE għandu dubji dwar il-prattiċità li l-partijiet jagħżlu entità għall-ADR, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kriterji biex jagħmlu dan. Jagħmel sens ukoll għall-partijiet innifishom li jkunu jistgħu jaħtru entità li magħha jkunu ħadmu diġà.

4.6   Artikolu 5(3)(i)

Il-KESE jibża’ li din l-informazzjoni tista’ ma tkunx biżżejjed. Il-Kumitat jipproponi li, flimkien mal-istatistika dwar ir-riżultati tat-tilwim, il-pjattaforma għandha tindika liema huma l-iżjed metodoloġiji użati u tipprovdi statistika maqsuma skont is-suġġetti differenti trattati. Il-pjattaforma għandha tinkludi wkoll sistema għall-ġestjoni tal-proċessi, b’indikaturi ta’ ġestjoni, inklużi każijiet li nfetħu jew tlestew jew li għadhom pendenti, u d-dewmien u l-ispejjeż tal-każ. Il-KESE jemmen, barra minn hekk, li l-fatt li sempliċement tiġi indikata jew suġġerita entità waħda tal-ADR jew iżjed minn waħda għall-partijiet ma jiggarantixxix l-għan li ċ-ċertifikat suppost jiżgura: aċċess għall-ġustizzja għall-partijiet. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jekk biss waħda mill-partijiet ma taqbilx mal-entità tal-ADR suġġerita, il-proċedura tista’ tispiċċa titwaqqa’ (ara l-Artikoli 7(3), 8(2)(b) u (4)), li fil-fatt tispiċċa twassal biex is-sistema tfalli.

4.7   Artikolu 6 – Netwerk ta’ faċilitaturi tas-soluzzjoni onlajn għat-tilwim

Il-KESE jikkunsidra li t-terminu “faċilitaturi tas-soluzzjoni onlajn għat-tilwim” huwa qarrieqi; għandu jiġi evitat għax fil-fatt, il-proċess ta’ soluzzjoni għat-tilwim ma jistax jitwettaq onlajn, iżda biss permezz ta’ metodi tradizzjonali tal-ADR. Hu biss l-ilment li jitressaq elettronikament.

Il-KESE għandu tħassib serju li din is-sistema tista’ taffettwa jew tipperikola l-veloċità u l-effikaċja enfasizzati fl-għanijiet tar-Regolament propost, li jista’ jwassal għal burokrazija eċċessiva, minħabba s-sistema ta’ riorjentazzjoni fi tliet fażijiet li qed tiġi rakkomandata, u li b’mod ċar tqajjem il-kwistjoni tal-possibbiltà tal-konformità effettiva mal-limitu ta’ 30 jum stabbilit fl-Artikolu 9(b). Għandu jiġi osservat li, sakemm il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jsibu soluzzjoni adatta għat-tilwim flimkien mal-fornitur tal-ADR, l-ilment għandu jitressaq quddiem il-pjattaforma elettronikament, imbagħad jiġi eżaminat u propost lill-entitajiet kompetenti tal-ADR u mbagħad jitressaq mill-ġdid mill-faċilitaturi tal-ODR lill-entità tal-ADR magħżula, liema proċess iwassal għal dewmien żejjed evitabbli għall-partijiet, u għalhekk ikun hemm spejjeż minħabba dewmien kif ukoll spejjeż ta’ ċansijiet mitlufa.

4.8   Artikolu 7 – Tressiq ta’ ilment

Il-KESE jirrakkomanda li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ħtieġa li l-ilment u d-dokumenti mehmuża jiġu tradotti b’mod affidabbli u raġonevoli għall-partijiet. Din il-kwistjoni hi kruċjali għas-suċċess tas-sistema iżda mhix indirizzata fil-proposta, li lanqas biss tirreferi għat-teknoloġija ta’ traduzzjoni awtomatizzata li teżisti diġà u li għandha tintuża f’din l-iskema.

4.9   Artikolu 7(2) u (6)

Il-KESE jenafisizza li d-dokument fl-Anness, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi provduta meta timtela l-formola tal-ilmenti elettronika”, tant mhuwiex adattat f’termini tal-kontenut tiegħu u l-mod ta’ kif suppost jimtela li jirrikjedi xi kummenti.

Fil-fehma tal-KESE, din il-websajt, minbarra li tipprovdi formola, għandha toffri wkoll manwal ta’ struzzjoni onlajn li jkopri kif timtela l-formola. Dan il-manwal għandu jinkludi linji gwida speċifiċi għal dan il-għan (struzzjonijiet bil-quddiem li jippermettu lill-utenti li jiffamiljarizzaw ruħhom mas-softwer, flimkien ma’ websajt ta’ appoġġ bi struzzjonijiet, għajnuna u tweġibiet għal domandi magħmula spiss). Barra minn hekk, għandha tkun disponibbli taqsima interattiva għall-partijiet, li permezz tagħha jkunu jistgħu jressqu l-problemi tagħhom u jirċievu risposti onlajn immedjati. Il-websajt għandha tagħmilha possibbli li l-fatti jiġu ddikjarati bil-fomm bil-lingwi differenti bi traduzzjoni immedjata, billi tagħmel użu mit-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni ġodda li diġà jeżistu. Għandha tipprovdi wkoll sistema li tirrikonoxxi b’mod awtomatiku formoli li ma jkunux tajbin jew kompluti, tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex dawn jiġu korretti u b’hekk tiġi eliminata l-ħtieġa li jitressaq ilment ġdid.

Il-KESE jikkunsidra li ċerti kunċetti legali vagi bħal i) “biżżejjed” (paragrafu 2) u ii) “dejta li hija … rilevanti u mhux eċċessiva meta titqabbel mal-iskopijiet li għalihom tinġabar” (paragrafu 6) għandhom jiġu ċċarati sabiex jiżguraw informazzjoni konkreta.

Il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġi pprovdut mhux biss obbligu dwar il-mezzi użati (li tkun disponibbli formola onlajn) iżda wkoll li jiġi żgurat li l-mili tal-formola jkun proċess intuwittiv, faċli għall-konsumatur, sempliċi u mingħajr intoppi (10).

Il-KESE barra minn hekk jipproponi li din il-pjattaforma onlajn tiġi konnessa ma’ “ktieb tal-ilmenti onlajn”, li l-websajts tan-negozjanti onlajn għandu jkollhom. Ladarba din il-formola timtela, tista’ tintbagħat direttament, awtomatikament u elettronikament permezz ta’ interface lill-pjattaforma ċentrali tal-ODR, sabiex jiġi żgurat li s-soluzzjoni għat-tilwim fil-fatt isseħħ.

4.10   Artikolu 8(1)

Il-KESE jindika li l-konsumatur medju hu ġeneralment xi ftit jew wisq illitterat, (u jsofri wkoll minn esklużjoni diġitali) u jibża’ li l-effett tas-sanzjoni prevista fil-paragrafu 1 tmur kontra l-għanijiet tal-inizjattiva u twassal għal tattika formali maħsuba apposta biex ma jissolviex it-tilwim.

4.11   Artikolu 12 – Kunfidenzjalità u sigurtà tad-dejta

Il-KESE jixtieq jindika li r-regoli li jikkonċernaw is-segretezza professjonali u l-kunfidenzjalità huma suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali u li l-ebda dispożizzjoni ma hi meħtieġa għall-piż tal-provi jew għas-soluzzjonijiet jekk dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfati.

4.12   Artikolu 13 – Informazzjoni għall-konsumatur

Il-KESE jipproponi li entitajiet akkreditati u awtorizzati jistabbilixxu marki ta’ fiduċja (trustmarks) għal operaturi ekonomiċi li jirreklamaw (fuq il-websajts tagħhom) u jippromovu s-soluzzjoni għat-tilwim permezz ta’ din il-pjattaforma, bħal “TRUSTe”, l-Euro-Label jew il-Global Trustmark Alliance.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża referenza għas-soluzzjoni għat-tilwim permezz ta’ din il-pjattaforma onlajn f’kodiċijiet ta’ kondotta li jitfasslu minn operaturi ekonomiċi, għaqdiet tal-konsumatur u tal-fornituri, kif ukoll korpi governattivi.

4.13   Artikoli 15 u 16 – Atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati

F’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-proposta (l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(4) u (5)), aspetti kruċjali tal-istrument leġislattiv u tal-funzjonament tas-sistema jitħallew għal atti ta’ implimentazzjoni jew atti delegati futuri, li l-KESE jemmen li jmorru ferm lil hinn mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 290 tat-Trattat u stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament dwar it-Trattat tal-Unjoni Ewropea” (COM(2009) 673 final tad-9.12.2009), b’konsegwenzi f’termini tas-sigurtà u ċ-ċertezza legali tal-istrument.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 245 final.

(2)  COM(2010) 608 final.

(3)  COM(2011) 206 final.

(4)  Direttiva 2011/83/UE f’ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

(5)  ĠU C 75, 31.3.2009, p. 1.

(6)  Jista’ jiġi kkonsultat: http://www.uncitral.org/uncitral/publications/online_resources_ODR.html

(mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Ara G. Peruginelli u G. Chiti “Artificial Intelligence Dispute Resolution” fil-Proċedimenti tal-Workshop dwar il-Liġi ta’ aġenti elettroniċi– LEA 2002.

(8)  Ara, fost oħrajn, il-proċeduri CYBERSETTLE (http://www.cybersettle.com) SMARTSETTLE (http://www.smartsettle.com) u SQUARETRADE (http://www.squaretrade.com). Permezz tal-aħħar proċedura msemmija, issolvew iżjed minn 200 000 tilwima f’120 pajjiż mill-1999 ’l hawn, ECODIR (disponibbli hawn: http://www.ecodir.org/).

(9)  Id-Direttiva Nru 2000/31/KE, ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1, id-Direttiva Nru 1999/44/KE, ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12 u d-Direttiva Nru 97/7/KE, ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

(10)  Komunikazzjonijiet importanti jistgħu indubbjament jiġu rvinati minħabba żbalji ortografiċi jew grammatiċi jew żbalji ta’ ttajpjar. L-iżbalji ortografiċi jistgħu jwasslu għal konklużjonijiet mgħaġġla dwar il-parti l-oħra jew iqanqlu dubji li jikkonċernaw il-kwalità tal-proċess tas-soluzzjoni għat-tilwim. Għal dan il-għan, l-għodod għall-verifika tal-ortografija ikunu utli, kif użati pereżempju hawn: http://www.juripax.com/.


Top