Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 52012AE0803

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi)” COM(2011) 793 finali – 2011/0373 (COD)

    ĠU C 181, 21.6.2012, blz. 93–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 181/93


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi)”

    COM(2011) 793 finali – 2011/0373 (COD)

    2012/C 181/17

    Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

    Nhar it-13 u l-14 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, iddeċidew rispettivament, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi

    COM(2011) 793 finali – 2011/0373 (COD)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Marzu 2012.

    Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu tat-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'121 vot favur, 11-il vot kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE bi pjaċir jinnota li, wara appelli bla għadd mill-għaqdiet Ewropej tal-konsumaturi u mill-KESE f'bosta mill-opinjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni fl-aħħar fasslet ir-Rakkomandazzjonijiet 98/257 u 2001/310 fi strument legali koerenti.

    1.2   Madankollu, il-KESE jemmen li l-iktar bażi legali adatta tkun l-Artikolu 169(2)(b) u (4) tat-Trattat u mhux biss l-Artikolu 114, kif ukoll l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    1.3   Il-KESE jirrakkomanda li tinħoloq “marka ta’ konformità Ewropea”, ibbażata fuq prinċipji strutturali komuni, li tiġi attribwita lill-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-proposta, iżda li fl-istess ħin tidentifika wkoll lin-negozjanti li jirrispettaw dawn il-mekkaniżmi, b'mod armonizzat u mingħajr spiża għan-negozjant.

    1.4   Il-KESE jinnota l-għażla li tippermetti lill-proċeduri tal-ADR ikopru t-tilwim kollettiv bħala l-ewwel pass biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rimedju legali, iżda jirrakkomanda li din il-possibbiltà tiġi dikjarata b'mod ċar fid-direttiva u li l-iskema tiġi definita b'mod korrett.

    1.5   Iżda, il-KESE jixtieq itenni l-fehma tiegħu li hemm bżonn urġenti li l-UE jkollha strument ġudizzjarju armonizzat għall-azzjoni ta’ grupp fil-livell Komunitarju, li bl-ebda mod ma jiġi sostitwit billi dawn l-iskemi tal-ADR jiġu estiżi għat-tilwim kollettiv.

    1.6   Il-KESE jaqbel mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 7, 8 u 9 tal-proposta, iżda jirrakkomanda li, għall-finijiet ta’ ċertezza u ċarezza, id-definizzjonijiet li jidhru fir-rakkomandazzjonijiet tal-prinċipji tas-sistema avversarjali (adversarial system) u tar-rappreżentanza jinżammu, u jiżguraw espliċitament il-possibbiltà li l-partijiet konċernati jiġu rappreżentati minn avukat jew minn parti terza, speċifikament mill-għaqdiet tal-konsumatur.

    1.7   Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-prinċipju tal-indipendenza ma jiġix sostitwit bil-kunċett vag tal-“prinċipju tal-imparzjalità”, li għandu kontenut inqas speċifiku u huwa ta’ natura differenti.

    1.8   Il-KESE jsibha bi tqilha biex jaqbel li dawn il-mekkaniżmi għandhom ikopru wkoll l-ilmenti min-negozjanti kontra l-konsumaturi. Madankollu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tas-“Small Business Act” għall-Ewropa, l-SMEs għandu jkollhom il-possibbiltà li jsolvu t-tilwimiet mal-konsumaturi bl-applikazzjoni tal-iskemi tal-ADR f'każijiet speċifiċi u skont kundizzjonijiet li għad iridu jiġu definiti.

    1.9   Il-KESE jenfasizza li din il-proposta fl-ebda każ m'għandha tfixkel lis-sistemi li l-Istati Membri diġà jkollhom stabbiliti jew li joħolqu b'mod vinkolanti, b'konformità mat-tradizzjonijiet legali tagħhom stess.

    Il-KESE jaċċetta biss l-idea li d-deċiżjonijiet tal-ADR jistgħu ma jkunux vinkolanti għall-partijiet jekk ikun hemm garanzija ċara li l-partijiet mhux ser jinżammu milli jagħmlu appell fil-qrati kompetenti ordinarji.

    1.10   Il-KESE jirrakkomanda li din il-proposta tinkludi test identiku għal dak fil-proposta għal regolament dwar is-soluzzjoni onlajn għat-tilwim (Online Dispute Resolution – ODR) dwar il-prijorità ċara tad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, li skont dan id-dritt l-ADR mhuwiex sostitut jew alternattiva “reali” għar-rwol tal-qrati, iżda iktar mezz prezzjuż komplementari biex tiġi riżolta tilwima.

    1.11   Il-KESE jirrakkomanda li l-kwistjoni tal-finanzjament ta’ dawn is-sistemi tiġi indirizzata b'mod speċifiku u dirett, billi l-għaqdiet tal-konsumaturi u xi Stati Membri ma jaffordjawx spejjeż ogħla għat-twaqqif tagħhom, u din il-kwistjoni hija kruċjali biex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-indipendenza tas-sistema.

    1.12   Il-KESE jemmen li l-kliem ta’ ċerti rekwiżiti għandu jiġi rivedut u jista' jittejjeb b'tali mod li jsir iktar ċar u inqas ambigwu u d-dispożizzjonijiet isiru iktar effettivi, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis il-kummenti speċifiċi tiegħu.

    2.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

    2.1   Filwaqt li proporzjoni sostanzjali tal-konsumaturi Ewropej jiltaqgħu ma’ problemi huma u jixtru l-oġġetti u s-servizzi fis-suq intern, ħafna drabi dawn il-problemi jitħallew mingħajr soluzzjoni;

    Billi l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet 98/257/KE (1) u 2001/310/KE (2) ma kinitx effettiva: għad hemm lakuni fil-kopertura, nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni min-naħa tal-konsumaturi u n-negozji u kwalità żbilanċjata fil-proċeduri;

    Wara li kkunsidrat il-kontenut u l-konklużjonijiet ta’ għadd ta’ studji kummissjonati tul is-snin dwar din il-kwistjoni;

    Wara li kkunsidrat ir-riżultati tal-aħħar konsultazzjoni pubblika, li tnediet f'Jannar 2011, u l-valutazzjoni tal-impatt SEC(2011) 1408 finali tad-29 ta’ Novembru 2011;

    Il-Kummissjoni, bil-proposta attwali tagħha għal direttiva, beħsiebha:

    a)

    tiżgura li kull tilwim bejn konsumatur u negozjant li jinħoloq mill-bejgħ ta’ oġġetti jew mill-provvista ta’ servizzi fi kwalunkwe settur ekonomiku jista' jitressaq quddiem entità ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR), kemm jekk ir-rikorrent ikun il-konsumatur jew in-negozjant;

    b)

    tiżgura li l-konsumaturi jistgħu jiksbu assistenza meta jkunu involuti f'tilwim transkonfinali tal-konsumatur;

    c)

    tiżgura li l-entitajiet tal-ADR jirrispettaw “il-prinċipji ta’ kwalità tal-imparzjalità, it-trasparenza, l-effikaċja u sens ta’ ġustizzja”, kif ukoll it-tendenza tagħhom li joperaw “bla ħlas”;

    d)

    tafda awtorità waħda f'kull Stat Membru bir-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-funzjonament tal-entitajiet kollha tal-ADR;

    e)

    tiżgura li l-Istati Membri jistabbilixxu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mal-informazzjoni tal-konsumaturi u mal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata lill-awtoritajiet kompetenti;

    f)

    tiżgura li l-Istati Membri ma jinżammux milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ il-proċeduri għat-tilwim bejn in-negozjanti;

    g)

    tiżgura li l-Istati Membri ma jinżammux milli jżommu jew jintroduċu proċeduri tal-ADR li jittrattaw b'mod konġunt it-tilwim bejn negozjant u bosta konsumaturi (interessi kollettivi);

    h)

    tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw entitajiet tal-ADR li jkopru wkoll negozjanti fi Stati Membri oħra.

    2.2   Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu konvertiti r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u b'hekk id-dispożizzjonijiet tagħhom isiru vinkolanti u jintuża l-Artikolu 114 tat-TFUE (it-twettiq tas-suq intern) bħala l-unika bażi legali.

    2.3   Madankollu, id-direttiva ma tistabbilixxix li l-parteċipazzjoni tan-negozjanti fil-proċeduri tal-ADR huma obbligatorji jew li r-riżultat ta’ tali proċeduri huma vinkolanti għan-negozjanti.

    2.4   Id-direttiva proposta ser ikollha preċedenza fuq kull liġi tal-UE li jkollha dispożizzjonijiet intiżi biex iħeġġu l-ħolqien ta’ entitajiet tal-ADR, sakemm it-tali leġislazzjoni tiżgura mill-inqas livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

    2.5   Din id-direttiva għandha tkopri kull entità li hija stabbilita fuq bażi sostenibbli u toffri r-riżoluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ proċedura tal-ADR, inklużi l-proċeduri ta’ arbitraġġ uffiċjali li ma nħolqux fuq bażi ad hoc.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   F'għadd ta’ opinjonijiet tul perjodu ta’ snin, il-KESE tenna l-appell tiegħu biex ir-Rakkomandazzjonijiet 98/257/KE u 2001/310/KE jiġu konvertiti f'leġislazzjoni koerenti u għalhekk jista' biss jilqa' din l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li fid-dawl tal-kummenti hawn taħt, inħossu li waslet tard. Barra minn hekk, tista' titqajjem il-mistoqsija jekk - sabiex tinkiseb iktar ċertezza u sigurtà – l-istrument magħżul jistax/għandux ikun regolament minflok direttiva.

    3.2   Mill-ġdid fir-rigward tal-bażi legali, il-KESE jqis li lil hinn mis-sempliċi twettiq tas-suq intern, il-kwistjoni hawn hija wkoll strument għall-protezzjoni tal-konsumaturi, u l-iktar bażi legali adatta, jekk ma jiġix adottat l-Artikolu 81, għalhekk ikun l-Artikolu 169(2)(b) u (4) tat-Trattat u mhux biss l-Artikolu 114, kif ukoll l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    3.3   Il-Kumitat jilqa' l-esklużjoni ta’ proċeduri li b'mod qarrieq jiġu preżentati bħala proċeduri ta’ riżoluzzjoni amikevoli tat-tilwim tal-konsumatur meta fil-fatt m'huma xejn iktar minn manuvra tal-marketing, billi l-entitajiet responsabbli jkunu impjegati u mħallsa min-negozjant u b'hekk l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom ma jistgħux jiġu garantiti. Il-KESE jirrakkomanda li, sabiex jitneħħa kull dubju tinħoloq “marka ta’ konformità Ewropea” li mhux biss tiġi attribwita lill-mekkaniżmi tal-ADR li jilħqu l-istandards meħtieġa mill-proposta (simili għall-“marka ta’ fiduċja” li teżisti fi Spanja), iżda li tidentifika wkoll lin-negozjanti li jirrispettaw dawn il-mekkaniżmi, b'mod armonizzat u mingħajr spiża għan-negozjant, u b'hekk tiġi żgurata l-fiduċja fihom min-naħa tal-konsumatur.

    3.4   Huwa jilqa' l-estensjoni tal-kunċett tal-konsumatur, b'konformità mad-Direttiva l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (3), biex jiġu koperti l-kuntratti bi skop doppju, fejn l-għan tan-negozju ma jkunx predominanti fil-kuntest globali tal-kuntratt, iżda jixtieq jara li dan il-kunċett jidher b'mod ċar fit-test tad-direttiva.

    3.5   Il-KESE bi pjaċir jinnota t-tħassib dwar l-estensjoni tat-tħaddim tal-iskema għat-tilwim transkonfinali u jittama li l-Kummissjoni ser tagħmel ħilitha biex tiżgura li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex il-proċeduri tal-ADR jittrattaw il-każijiet b'mod effettiv, speċifikament permezz ta’ soluzzjoni onlajn għat-tilwim (ODR) u billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri (4). Il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni, bħalma hemm stabbilit taħt l-Artikolu 6(4) tal-proposta għal regolament tal-ADR, torganizza laqgħa, talinqas darba fis-sena, tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 15 tal-proposta għal direttiva, sabiex isir skambju tal-aħjar prattiki u jsir dibattitu dwar kwalunkwe problema li tinħoloq mit-tħaddim tal-iskemi tal-ADR.

    3.6   Huwa japprova l-għażla li tippermetti lill-proċeduri tal-ADR ikopru t-tilwim kollettiv bħala l-ewwel pass biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rimedju legali tal-UE, iżda xtaq jara li din il-possibbiltà tiġi dikjarata b'mod ċar fid-direttiva u li l-iskema tiġi definita, minflok ma titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. F'dan ir-rigward, il-KESE jixtieq itenni l-appell li ilu jagħmel għal bosta snin f'opinjonijiet differenti, rigward il-bżonn urġenti li l-UE jkollha strument ġudizzjarju armonizzat għall-azzjoni ta’ grupp fil-livell Komunitarju, li bl-ebda mod ma jiġi sostitwit billi dawn l-iskemi tal-ADR jiġu estiżi għat-tilwim kollettiv.

    3.7   Il-KESE jagħraf il-bżonn li jiġi żgurat li l-persuni responsabbli għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-ADR, inkluż il-persunal kif ukoll il-medjaturi u l-arbitri, ikollhom l-għarfien, il-ħiliet, l-esperjenza u l-kwalitajiet personali u professjonali meħtieġa biex jaqdu l-kompiti tagħhom b'mod kompetenti u imparzjali u li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jaħdmu b'mod indipendenti u imparzjali. Għalhekk, il-KESE xtaq jara li dawn il-kundizzjonijiet jiġu stipulati fid-dettall fit-test tal-proposta sabiex jiġu żgurati standards armonizzati fl-UE kollha.

    3.8   Huwa jaqbel mal-prinċipji operattivi għall-ADR stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 tal-proposta, li jtennu xi wħud mill-prinċipji li diġà ddaħħlu fir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Madankollu, hemm mistoqsijiet dwar ir-raġuni biex jitħallew barra l-prinċipji fundamentali li jidhru f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet, bħal-legalità u l-libertà.

    Huwa jirrakkomanda, għall-finijiet ta’ ċertezza u ċarezza, id-definizzjoni indipendenti tal-prinċipji tas-sistema avversarjali u tar-rappreżentanza tinżamm, u ssir referenza ċara għall-possibbiltà li l-partijiet konċernati jiġu rappreżentati minn avukati jew partijiet terzi, speċifikament minn assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (minflok ma tiġi indirizzata b'mod iktar mistur fl-Artikoli 8(a) u 9(1)(a).

    Fl-aħħar nett, il-KESE ma jaqbilx li l-prinċipju tal-indipendenza jiġi sostitwit bil-kunċett vag tal-“prinċipju tal-imparzjalità”, li għandu kontenut ieħor, inqas speċifiku u huwa ta’ natura differenti.

    3.9   Il-KESE jsibha bi tqila li jaqbel li dawn il-mekkaniżmi jkopru wkoll l-ilmenti min-negozjanti kontra l-konsumaturi, mhux biss għax dan imur kontra t-tradizzjoni tas-sistemi li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-approċċ sħiħ fil-pożizzjonijiet adottati mil-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni tul is-snin. Ir-raġuni ewlenija għalfejn il-KESE ma jaqbilx hija li dan ifisser li l-mekkaniżmi tal-ADR jinbidlu f'korpi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim relatati ma’ ħlasijiet li ma sarux, u tiġi evitata s-sistema mwaqqfa mill-UE għat-talbiet żgħar u dan iwassal biex is-sistema tal-ADR tegħreq f'biżibilju ta’ każijiet, fejn is-sistemi li ma jkollhomx il-kapaċità adegwata għar-rispons jiġu paralizzati.

    Madankollu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tas-Small Business Act, l-SMEs, taħt kundizzjonijiet li għad iridu jiġu definiti u speċifikati, għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw l-iskemi tal-ADR fir-rigward tat-tilwim tagħhom ma’ konsumaturi meta dawn ma jiġbrux l-ordnijiet, ma jiġbrux il-prodott wara li tkun saret it-tiswija jew ma jmorrux wara li jkunu għamlu riżervazzjoni.

    3.10   Il-Kumitat jemmen li din il-proposta fl-ebda każ m'għandha tfixkel lis-sistemi li l-Istati Membri diġà jkollhom stabbiliti jew li joħolqu b'mod vinkolanti, b'konformità mat-tradizzjonijiet legali tagħhom stess.

    3.11   Il-KESE jaċċetta biss l-idea li d-deċiżjonijiet tal-ADR m'għandhomx ikunu vinkolanti għall-partijiet jekk il-prinċipju fundamentali jkun garantit b'mod ċar li l-konsumaturi jew in-negozjanti għandhom ikunu jistgħu jagħmlu appell mal-qrati kompetenti ordinarji. Jekk dan mhuwiex il-każ, minbarra li l-ADR tiżżarma mill-valur miżjud kollu tagħha f'termini tal-kredibbiltà u l-effikaċja tagħha, diffiċli li wieħed jifhem il-proposta li s-sistema li twaqqfet ser tkopri wkoll deċiżjonijiet mogħtija f'arbitraġġ uffiċjali jew mekkaniżmi simili, li fil-fatt ikunu deċiżjonijiet ġudizzjarji ġenwini.

    3.12   Il-KESE jiddispjaċih li f'din il-proposta l-Kummissjoni ma adottatx test identiku għal dak fil-proposta għal regolament dwar l-ODR dwar il-prijorità ċara tad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, li skont dan id-dritt l-ADR mhuwijiex sostitut jew “alternattiva” reali għar-rwol tal-qrati, iżda iktar mezz ta’ valur, komplementari biex tiġi riżolta tilwima (5).

    3.13   Il-Kumitat jinsab sorpriż li l-kwistjoni tal-finanzjament ta’ dawn is-sistemi ma ġietx indirizzata b'mod espliċitu u dirett, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni jew fil-Programm għall-2014-2020, billi fil-konsultazzjonijiet li saru, l-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi żgur dehrilhom li dan kien kruċjali. Xi Stati Membri ma jaffordjawx iż-żieda fl-ispejjeż għat-twaqqif ta’ korpi ġodda, it-taħriġ tal-medjaturi u persunal ieħor ta’ appoġġ, il-provvista tal-informazzjoni u l-assistenza għall-konsumaturi, it-tfassil ta’ rapporti esperti u postijiet amministrattivi ġodda. Din il-kwistjoni ġiet ikkunsidrata minn kulħadd bħala waħda kruċjali biex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-indipendenza tas-sistema (6).

    3.14   Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, jekk għadha m'għamlithiex, twettaq valutazzjoni tal-approċċi regolatorji ewlenin tal-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva 2008/52/KE (7) dwar il-medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Artikolu 12), kif issuġġerixxa l-Parlament Ewropew (8).

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Artikolu 2.2, punt (a)

    Il-frażi “impjegati esklussivament min-negozjant” hija vaga u t-tifsira tagħha hija ambigwa. Din għandha tiġi sostitwita kif ġej: “ikollhom, jew tul l-aħħar tliet snin kellhom relazzjoni professjonali, ekonomikament dipendenti jew xorta oħra ta’ relazzjoni li tista' taffettwa l-indipendenza tagħhom”.

    4.2   Artikolu 4, punt (e)

    Id-definizzjoni hija vaga wisq u mhijiex speċifika biżżejjed. Hija għandha tkun akkumpanjata minn referenza ċara għar-rispett għall-prinċipji li għandhom jiggwidaw it-tħaddim tagħha, u b'ċertifikazzjoni li turi li tagħmel parti min-netwerk ta’ entitajiet rikonoxxuti.

    4.3   Artikolu 5 (3)

    Il-KESE ma jistax jifhem l-ambitu eżatt ta’ din ir-regola, iżda jibża' li jista' ma jkunx effettiv daqskemm mixtieq. Minflok ma tippromovi l-armonizzazzjoni meħtieġa billi tintegra l-operazzjonijiet tal-mekkaniżmi kollha tal-ADR fil-livell Ewropew u nazzjonali, u tadotta l-istess approċċ ta’ sistemi komuni u identiċi, din fil-fatt tippermetti lill-Istati Membri jżommu l-istrutturi attwali tagħhom, u bħala formalità, jistabbilixxu biss mekkaniżmu awtomatiku. Fil-prattika, din ma ssolvix il-problemi ġeografiċi u settorjali tal-lum.

    4.4   Artikolu 6

    Il-KESE jixtieq li meta jitfasslu u jiġu kontrollati r-rekwiżiti għall-ħiliet u l-imparzjalità, jara garanziji għall-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tan-negozji u l-konsumaturi, speċjalment fil-proċeduri għall-għażla u l-ħatra tal-individwi responsabbli għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Dan il-kompitu m'għandux jitħalla f'idejn il-burokrati u l-impjegati taċ-ċivil mill-korpi uffiċjali tal-Istati Membri.

    4.5   Artikolu 7

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward il-mezzi, il-proposta għandha tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti rigward ir-riżultati, sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi tipproduċi riżultati kwantifikabbli kemm fis-setturi fejn isiru l-iktar ilmenti kif ukoll fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi provduti lin-negozjanti, billi jiġi adottat approċċ attiv biex tiġi promossa l-fiduċja fl-użu tagħhom.

    Huwa kruċjali wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-entitajiet tal-ADR jagħtu l-informazzjoni dwar is-servizzi li jipprovdu (li b'mod speċifiku jinkludu informazzjoni, medjazzjoni, konċiljazzjoni u arbitraġġ), prestazzjoni finanzjarja (li b'hekk tiġi żgurata t-trasparenza meħtieġa ta’ dawn il-mekkaniżmi u ssaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur) u l-livell ta’ sodisfazzjon tal-konsumatur b'dawn il-korpi.

    Il-KESE jqis ukoll li safejn huwa kkonċernat il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, minbarra r-rapporti annwali tal-attività, dawn il-korpi għandhom jippubblikaw ukoll, bil-mezzi ta’ komunikazzjoni normali, il-baġit annwali tagħhom u sommarju tad-deċiżjonijiet li jkunu ħarġu dwar l-arbitraġġ. Dan ma jkunx ta’ detriment għar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali inkluż fil-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE.

    4.6   Artikolu 9

    Filwaqt li l-KESE jagħraf ir-rilevanza tal-prinċipju tas-sens ta’ ġustizzja, għandu d-dubji għalfejn tħalla barra l-prinċipju tal-legalità, kif ġie stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 1998 (9). In-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva jista' jkun ta’ ħsara għall-konsumatur fir-relazzjonijiet kummerċjali transkonfinali, speċjalment meta l-liġi fil-pajjiż tal-konsumaturi toffri protezzjoni ikbar mil-liġi tal-Istat Membru fejn il-mekkaniżmu tal-ADR ikun stabbilit. Il-KESE jtenni l-bżonn li jiddaħħal il-prinċipju tal-legalità fl-ambitu ta’ din id-direttiva, ħaġa li tiżgura li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-korpi tal-ADR ma jċaħħdux lill-konsumaturi mil-livell ta’ protezzjoni garantit mil-leġislazzjoni rilevanti.

    4.7   Artikolu 10

    Il-Kumitat jinsab imħasseb li l-ambigwità f'dan l-artikolu tista' tipperswadi lill-konsumaturi li tilwima tista' tiġi riżolta permezz ta’ entità tal-ADR, meta fil-fatt in-negozjanti huma biss obbligati jipprovdu informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dawn il-mekkaniżmi, u jista' jkun li fil-fatt ma jkunux firmatarji magħhom.

    Għalhekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proposta tiżgura li l-Istati Membri ser jeħtieġu lin-negozjanti jagħtu din l-informazzjoni eżatt qabel ma jiffirmaw kuntratt, u b'hekk il-konsumatur ikun jista' jieħu deċiżjoni konxja u infurmata, billi jkun jaf minn qabel jekk in-negozjant ikunx firmatarju ma’ korp tal-ADR jew le.

    Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li n-nuqqas ta’ konformità jew ta’ konformità sħiħa mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 2 għandu jitqies bħala prattika ta’ kummerċ inġust u inkluż fil-lista mehmuża mad-Direttiva 2005/29/KE, irrispettivament mis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tal-proposta.

    4.8   Artikoli 15 sa 17

    Il-KESE jibża' li dawn ir-regoli jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw li l-korpi konċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti għalkollox, billi dawn għadhom ibbażati fuq il-kriterji li jirriżultaw mill-awtovalutazzjoni. Għalhekk, huwa kruċjali li l-Kummissjoni tħeġġeġ il-parteċipazzjoni diretta tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ ta’ dawn il-mekkaniżmi, permezz tal-għaqdiet rappreżentanti rispettivi tas-setturi konċernati (10).

    Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31. (Mhux disponibbli bil-Malti).

    (2)  ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56. (Mhux disponibbli bil-Malti).

    (3)  Direttiva 2011/83/UE (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64); opinjoni tal-KESE: ĠU C 317, 23.12.2009, p. 54.

    (4)  Speċifikament fir-rigward tar-Regolament 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, ara l-opinjoni tal-KESE, ĠU C 218, 23.07.2011, p. 69.

    (5)  Il-proposta għal regolament dwar l-ODR (mhux disponibbli bil-Malti) tistabbilixxi li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal imparzjali, huma drittijiet garantiti mill-Karta Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (Artikolu 47). Il-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim onlajn ma jistgħux jitfasslu b'tali mod li jissostitwixxu l-proċeduri tal-qorti u m'għandhomx iċaħħdu lill-konsumaturi jew lin-negozjanti mid-drittijiet tagħhom biex ifittxu rimedju quddiem il-qorti. Għalhekk, m'hemm xejn f'dan ir-Regolament li għandu jżomm lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

    (6)  Ara l-opinjoni tal-KESE li qed titfassal bħalissa (INT/608).

    (7)  ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 286, 17.11.2005, p. 1. (Mhux disponibbli bil-Malti).

    (8)  Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri, A7-0275/2011, relatur: A. McCarthy

    (9)  Li b'mod ċar tistqarr li, fir-rigward tat-tilwim transkonfinali, id-deċiżjoni li tittieħed mill-korp ma tistax twassal biex il-konsumatur jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet obbligatorji li japplikaw taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn ikun residenti normalment fil-każijiet previsti taħt l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

    (10)  Fuq l-istess prinċipju bħas-settur tal-enerġija fl-Italja: għalkemm il-pajjiż għandu korp pubbliku tal-ADR, dan jitmexxa minn rappreżentanti tal-konsumaturi u l-kumpaniji tal-enerġija, fejn tal-ewwel jaqdi rwol attiv fit-taħriġ tal-ispeċjalisti impjegati ma’ dan il-korp.


    APPENDIĊI

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Il-punti li ġejjin tal-opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata ġew modifikati biex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea għalkemm iktar minn kwart tal-voti mixħuta kienu favur li jinżammu fil-format oriġinali (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    a)   Punt 1.8:

    Il-KESE ma jaqbilx li dawn il-mekkaniżmi għandhom ikopru wkoll l-ilmenti min-negozjanti kontra l-konsumaturi.

    b)   Point 3.9:

    Il-KESE ma jaqbilx li dawn il-mekkaniżmi jkopru wkoll l-ilmenti min-negozjanti kontra l-konsumaturi, mhux biss għax dan imur kontra t-tradizzjoni tas-sistemi li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-approċċ sħiħ fil-pożizzjonijiet adottati mil-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni tul is-snin. Ir-raġuni ewlenija għalfejn il-KESE ma jaqbilx hija li dan ifisser li l-mekkaniżmi tal-ADR jinbidlu f’korpi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim relatati ma’ ħlasijiet li ma sarux, u tiġi evitata s-sistema mwaqqfa mill-UE għat-talbiet żgħar u dan iwassal biex is-sistema tal-ADR tegħreq f’biżibilju ta’ każijiet, fejn is-sistemi li ma jkollhomx il-kapaċità adegwata għar-rispons jiġu paralizzati.

    B’konformità mal-Artikolu 51(4) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-emendi ġew eżaminati flimkien.

    Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emendi:

    Voti favur

    :

    80

    Voti kontra

    :

    52

    Astensjonijiet

    :

    19


    Naar boven