EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0801

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi” COM(2011) 684 finali — 2011/0308 (COD)

ĠU C 181, 21.6.2012, p. 84–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi”

COM(2011) 684 finali — 2011/0308 (COD)

2012/C 181/15

Relatur: is-Sur BARROS VALE

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar il-15 u d-29 ta’ Novembru 2011, rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 50(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi

COM(2011) 684 final – 2011/0308 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tad-29 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’125 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Sommarju u konklużjonijiet

1.1   L-impriżi ta’ daqs mikro, żgħir u medju huma proporzjon konsiderevoli mill-istruttura kummerċjali tal-UE, u għaldaqstant il-KESE jilqa’ kwalunkwe inizjattiva li tista’ ttejjeb il-ħidmiet tas-Suq Uniku u li tiffaċilita u tippromovi l-investiment u l-kummerċ transkonfinali. Huma l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) li jikkontribwixxu l-iktar għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni. Huma wkoll l-iktar suxxettibbli għall-bidliet u l-iżviluppi.

1.2   Is-semplifikazzjonijiet imressqa fir-reviżjoni attwali għaldaqstant jirriflettu l-objettiv stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-prinċipju tas-semplifikazzjoni promoss fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku u r-rikonoxximent tar-rwol kruċjali tal-SMEs fl-iżvilupp ekonomiku espress fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ntitolata Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa.

1.3   L-armonizzazzjoni sħiħa tal-kriterji dwar id-daqs fl-Unjoni Ewropea (UE) kollha hija inizjattiva ta’ benefiċċju u, fl-opinjoni tal-KESE, għandha tiġi estiża sabiex tkopri l-hekk magħrufa “mikroimpriżi”. Għaldaqstant kull ma trid tiġi promossa hija l-leġislazzjoni li tipprovdi qafas li jkopri d-dinja kummerċjali kollha. Bil-promozzjoni tal-ġustizzja fl-UE kollha, din l-istandardizzazzjoni transkonfinali għandha titqies bħala wieħed mill-modi sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni.

1.4   Ta’ min jenfasizza wkoll il-fatt li l-Istati Membri ma jistgħux jitoblu lin-negozji ż-żgħar biex jippreżentaw informazzjoni li hi inqas jew iktar minn kif mitlub fid-direttiva l-ġdida. Dan hu l-unika mezz sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ semplifikazzjoni propost f’din ir-reviżjoni u li jiġi implimentat b’mod li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd, li jħares l-interessi tal-utenti tal-informazzjoni finanzjarja, kemm għall-investituri, il-kredituri, l-Istat jew il-membri tal-pubbliku.

1.5   Il-KESE jqis li, minħabba li l-interessi msemmija hawn fuq huma żgurati, il-proposti għas-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni għandhom japplikaw ukoll għall-iskopijiet tat-taxxa; l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jitolbu informazzjoni addizzjonali għall-iskopijiet tal-ġbir tat-taxxa. Barra minn hekk, il-banek għandhom isiru konxji bil-bidliet u l-possibbiltà li jadottaw il-metodi ta’ analiżi tagħhom fir-regoli l-ġodda għar-rapporti finanzjarji u b’hekk jevitaw li jkollhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

1.6   Is-semplifikazzjoni tar-rapporti finanzjarji waħidha ma tistax titqies li ħa twassal għall-ħolqien ta’ negozji ġodda u għal titjib fl-ambjent kummerċjali. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq biss jekk fl-istess waqt jiġu adottati miżuri oħra sabiex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku. Madankollu, din l-inizjattiva jew kwalunkwe oħra li tgħin sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u dawk għall-opportunitajiet jew miżuri oħra sabiex titnaqqas il-burokrazija (bħall-obbligu ta’ divulgazzjoni, il-ksib tal-liċenzji u l-konċessjonijiet, eċċ.) għandhom jintlaqgħu.

1.7   Fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż, kemm finanzjarji u kemm tal-persunal, is-semplifikazzjonijiet li qed jiġu proposti se jilliberaw riżorsi li l-kumpaniji jistgħu jużaw f’oqsma oħra tan-negozju tagħhom.

1.8   L-importanza li l-impriżi ż-żgħar ikunu eżentati mill-awditjar statutorju obbligatorju, irrispettivament humiex kumpaniji b’responsabilità limitata jew le, ġiet nnutata u milqugħa, iżda l-KESE jqis li din il-proċedura għandha tibqa’ obbligatorja għan-negozji b’iktar 25 impjegat. Il-ħarsien ta’ din il-proċedura, li xi impriżi żgħar huma obbligati jsegwu, huwa ta’ piż kbir u għandu jiġi żgurat li kumpaniji żgħar mhux kwotati jkunu eżentati minnha, irrispettivament mill-forma legali tagħhom. Din il-proċedura għandha tkun fakultattiva u soġġetta għal deċiżjoni mill-imsieħba jew mill-partijiet interessati.

1.9   Min-naħa l-oħra, jekk il-proċeduri ta’ kontabilità jitwettqu b’mod elettroniku u r-rapporti finanzjarji jitfasslu permezz ta’ software tal-kontabilità ġa lest, għall-bidu s-semplifikazzjoni tista’ toħloq spejjeż għoljin li ma jistgħux ma jitqisux minħabba li n-negozji jkollhom jaġġornaw dan is-software.

1.10   Għandu jitqies ukoll l-impatt relatat mal-ispiża li l-bidla fil-metodu tal-ġbir tal-informazzjoni disponibbli se jkollha kemm fuq l-awtoritajiet fiskali kif ukoll dawk tal-istatistika.

1.11   Bosta impriżi żgħar għadhom iqisu r-rapporti finanzjarji bħala xejn iktar milli obbligu legali għall-benefiċċju tal-awtoritajiet fiskali. Filwaqt li d-daqs żgħir ta’ kumpanija jista’ jkollu parti essenzjali fil-formazzjoni ta’ din il-fehma, minħabba li mhux fattibbli li jinkrew accountants interni, il-fattur ewlieni jibqa’ n-nuqqas ta’ maniġers u diretturi fl-SMEs. Għaldaqstant, nissuġġerixxu u nappoġġaw il-kontinwazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ skemi tat-taħriġ u tas-sensibilizzazzjoni li jgħinu lill-intraprenituri jinterpretaw l-informazzjoni disponibbli u b’hekk potenzjalment jiġu evitati xi żbalji li jistgħu jseħħu minħabba l-approċċ ta’ ġestjoni bi “tmexxija fuq l-għajn”. Fl-istess waqt, ta’ min iqis l-importanza li jiġi aġġornat it-taħriġ tal-persunal tekniku fl-uffiċċji tal-kontabilità fejn il-maġġoranza tal-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji ż-żgħar hija kkonċentrata. Għandu jitħeġġeġ u jiġi appoġġat it-taħriġ għall-persunal tekniku dwar aġġornamenti leġislattivi.

1.12   Fir-rigward tar-rekwiżit li l-kumpaniji involuti fl-industrija estrattiva u l-qtugħ tal-foresti primarji jiddivulgaw il-pagmenti lill-gvernijiet, il-KESE jilqa’ din il-miżura iżda jitlob li tiġi estiża biex tkopri oqsma relatati oħra. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, dawn id-divulgazzjonijiet għandhom jinkludu kwalunkwe konċessjoni ta’ interessi pubbliċi li jaqgħu f’idejn il-privat, bħat-tranżazzjonijiet fl-oqsma tan-netwerk tat-trasport, l-ilma, l-enerġija u l-komunikazzjonijiet, kif ukoll il-logħob tal-azzard li fih huma involuti somom konsiderevoli u li, apparti l-logħob tal-azzard, jirrappreżentaw is-servizzi pubbliċi l-iktar fundamentali.

1.13   Uħud mid-dispożizzjonijiet fid-direttiva li qiegħda tiġi analizzata huma kuntrarji għall-prattiki stabbiliti fl-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS), b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ ishma tal-kapital sottoskritti mhux imħallsa fil-karta tal-bilanċ u tal-perjodi tal-amortizzament massimi għall-avvjament. Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-proposta għal direttiva ma tipprevedix l-adozzjoni obbligatorja tal-IFRS għall-SMEs, sakemm jilħqu jinsiltu t-tagħlimiet kollha mill-applikazzjoni tagħhom reċenti fil-livell internazzjonali.

1.14   Attwalment għaddejjin diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli għall-mikroentitajiet li jaffrontaw lil dawn il-kumpaniji b’mod indipendenti. Huwa importanti li l-qafas regolatorju għall-mikroentitajiet huwa kompatibbli ma’ dak li attwalment qiegħed jiġi analizzat sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-informazzjoni f’bosta dokumenti.

2.   Sfond tal-Proposta

2.1   Din il-proposta għal direttiva tipproponi r-revoka tar-Raba’ Direttiva 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji u s-Seba’ Direttiva 83/349/KEE dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi.

2.2   Din ir-reviżjoni tagħmel parti minn sett estensiv ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni sabiex jiġu ssemplifikati l-proċeduri għall-SMEs, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq dawn it-tipi ta’ kumpaniji u tiġi kkomplementata l-proposta tal-2009 għal direttiva dwar ir-rapporti finanzjarji tal-mikroentitajiet. It-tħejjija tar-rapporti finanzjarji hi meqjusa bħala waħda mill-iktar obbligi regolatorji tal-aktar piż għall-kumpaniji, speċjalment dawk żgħar.

2.3   Saret referenza għar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kontabilità fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja – “Flimkien għal tkabbir ġdid” bħala wieħed mill-ixpruni sabiex jiġi stimulat it-tkabbir, b’enfasi fuq l-importanza li jitbaxxew ir-rekwiżiti regolatorji għall-SMEs kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali.

2.4   L-objettivi tar-reviżjoni huma li jitnaqqas u jiġi ssemplifikat il-piż amministrattiv involut fit-tfassil tar-rapporti finanzjarji, speċjalment għall-impriżi ż-żgħar, tiżdied iċ-ċarezza u l-komparabbiltà tar-rapporti finanzjarji, li għandhom importanza partikolari għall-impriżi involuti f’attività transkonfinali, li jipproteġu l-utenti tal-informazzjoni finanzjarja u li jżidu t-trasparenza fir-rigward tal-pagamenti lill-gvernijiet mill-kumpaniji involuti fl-industrija estrattiva u fil-qtugħ tal-foresti primarji.

2.5   Il-konsultazzjonijiet saru mal-partijiet interessati, inklużi dawk responsabbli għat-tfassil tar-rapporti finanzjarji, l-utenti, il-korpi tal-istandardizzazzjoni u l-awtoritajiet pubbliċi. Saret ukoll valutazzjoni tal-impatt u ntlaħqu l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.5.1

Fir-rigward tat-tfassil tar-rapporti finanzjarji u peress li l-kumpaniji jqisu dan bħala l-iktar impenn li għandu piż, speċjalment b’impatt notevoli fuq l-iżgħar impriżi, ġew emendati r-rekwiżiti tad-direttiva u b’hekk inħoloq “mini-reġim” li hu partikolari għall-kumpaniji ż-żgħar. Dan baxxa r-rekwiżiti għall-informazzjoni li għandha tiġi mehmuża mal-kontijiet, għamel l-awditjar statutorju iktar flessibbli u eżenta lill-gruppi ż-żgħar mill-obbligu li jfasslu rapporti finanzjarji konsolidati.

2.5.2

Il-livelli limiti tad-daqs tal-impriżi huma armonizzati sabiex jiżguraw it-trattament ugwali għall-kumpaniji tal-istess daqs fl-Ewropa kollha.

2.5.3

In-numru ta’ għażliet disponibbli għall-Istati Membri għat-tressiq ta’ informazzjoni addizzjonali huma limitati sabiex jiġu armonizzati l-prattiki fl-UE u tiżdied il-komparabbiltà tar-rapporti finanzjarji.

2.5.4

Wara l-ikkomplementar tal-appoġġ tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), u l-impenn meħud fid-dikjarazzjoni finanzjarja tas-Summit tal-G8 f’Deauville, issa hemm rekwiżit għad-divulgazzjoni tal-pagamenti mill-kumpaniji lill-gvernijiet, kemm fil-livell individwali kif ukoll dak konsolidat.

2.6   Sabiex jiġu protetti l-partijiet interessati minn kwalunkwe tnaqqis fl-informazzjoni disponibbli, issa huwa obbligatorju li tiġi divulgata informazzjoni dwar il-garanziji u l-impenji u dwar tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati. F’xi pajjiżi din hi diġà rekwiżit.

2.7   Hemm it-tama li s-semplifikazzjoni tar-regoli tal-kontabilità għall-SMEs tgħin fit-titjib tal-ambjent kummerċjali u tinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ kumpaniji, bil-benefiċċji konkomittenti għall-ħolqien tal-impjiegi. Fl-istess waqt u ladarba l-iffrankar marbut ma’ din is-semplifikazzjoni jiġi mit-tnaqqis fil-miżati mħallsa lill-acountants esterni u lill-kumpaniji tal-kontabilità, hu mistenni impatt żgħir negattiv fuq l-impjieg iżda skont il-Kummissjoni l-miżura mhu se jkollha l-ebda impatt fuq il-livelli globali tal-impjieg.

2.8   Is-semplifikazzjoni tad-dokumenti tal-kontabilità għall-iżgħar kumpaniji mhix mistennija li jkollha effett ħażin fuq it-tkabbir. L-ispejjeż ogħla li t-tibdil jista’ jfisser għall-kumpanija mhumiex ikkunsidrati bħala fattur kruċjali fid-deċiżjoni tal-kumpanija li tespandi.

3.   Miżuri kruċjali

3.1   Bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv rigward it-tfassil tar-rapporti finanzjarji, ġiet introdotta skema speċifika għall-kumpaniji ż-żgħar li jillimitaw l-obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ ċerta informazzjoni permezz ta’ noti għall-kontijiet. Ir-referenzi obbligatorji issa se jkunu dawn li ġejjin biss: il-politiki dwar il-kontabilità; il-garanziji, l-impenji, il-kontiġenzi u l-arranġamenti li mhumiex rikonoxxuti fil-karta tal-bilanċ; avvenimenti wara l-karta tal-bilanċ mhux rikonoxxuti fil-karta tal-bilanċ; dejn fit-tul u żgurati u tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati. Għalkemm dan huwa obbligatorju f’xi Stati Membri, il-maġġoranza pprovdew eżenzjonijiet mid-divulgazzjonijiet għal avvenimenti wara l-karta tal-bilanċ u tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati. Dawn jistgħu jwasslu għal obbligi ġodda għall-kumpaniji ż-żgħar. Madankollu, l-inklużjoni ta’ dan ir-rekwiżit hi meqjusa neċessarja sabiex jiġi kumpensat it-tnaqqis fl-informazzjoni disponibbli u jiġu protetti l-utenti ta’ tali informazzjoni.

3.2   Il-livelli limiti tad-daqs tal-kumpanija huma armonizzati f’żgħar, daqs medju u kbar (ikkalkulati abbażi tat-total tal-karta tal-bilanċ, il-qliegħ nett u n-numru ta’ impjegati) sabiex jiżguraw li l-klassifikazzjoni hija standardizzata fl-UE kollha. Għaldaqstant, il-kumpaniji tal-istess daqt f’Stati Membri differenti jiġu trattati b’mod ugwali. It-tnaqqis fil-piż amministrattiv, li hu l-iskop tal-proposta, għaldaqstant jipprovdi l-istess kundizzjonijiet għall-kumpaniji tal-istess daqs fl-Istati Membri kollha.

3.3   L-awditjar statutorju mhux se jkun iktar obbligatorju għall-kumpaniji ż-żgħar. Madankollu, meta jitqies id-daqs tal-kumpaniji rilevanti, ma jidher li hemm l-ebda riskju involut fir-rigward tat-trasparenza meħtieġa fit-tfassil tal-kontijiet ġeneralment. Iċ-ċertifikazzjoni indipendenti tal-kontabilità, saħansitra semplifikata, it-trasparenza fil-preżentazzjoni tagħha u fl-informazzjoni mogħtija lill-partijiet interessati, anke fir-rigward tad-djalogu soċjali, ilkoll jibqgħu importanti għan-negozji ż-żgħar.

3.4   Il-gruppi ż-żgħar huma eżentati milli jippreparaw rapporti finanzjarji konsolidati (meta l-kumpanija holding u s-sussidjarji, fuq bażi konsolidata, ma jaqbżux tnejn mill-kriterji stabbiliti).

3.5   Il-prinċipji ġenerali ta’ “materjalità” u l-prevalenza ta’ “sustanza aktar milli forma” japplikaw. B’rabta ma’ inqas għażliet disponibbli lill-Istati Membri fir-rigward tal-forniment ta’ informazzjoni addizzjonali, dan jgħin għall-armonizzazzjoni tal-prattiki fl-UE kollha u b’hekk ikun eħfef li r-rapporti finanzjarji jitqabblu.

3.6   Ġiet stabbilita proċedura ġdida li tapplika għall-kumpaniji l-kbar u l-entitajiet pubbliċi involuti fl-industrija estrattiva u fil-qtugħ tal-foresti primarji għad-divulgazzjoni tal-pagamenti lill-gvernijiet.

4.   Kummenti

4.1   L-impatt tal-piż attwali fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji huwa konsiderevoli u għaldaqstant il-KESE jappoġġa l-objettiv ta’ semplifikazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”. L-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju huma l-iktar li ntlaqtu mill-piż amministrattiv u mill-ispejjeż għall-opportunitajiet involuti fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji: għaldaqstant l-impatt ta’ dawn is-semplifikazzjonijiet se jinħass mill-maġġoranza vasta tal-impriżi Ewropej.

4.2   Kważi 20 sena wara l-ħolqien tas-suq uniku, il-Kummissjoni issa qed turi rieda li tissemplifika l-proċeduri li kienu qed ikunu ta’ piż għan-negozji. L-importanza tal-isforzi għas-semplifikazzjoni m’għandhiex titpoġġa fid-dubju u l-objettivi li huma s-sisien tagħhom għandhom jintlaqgħu u jiġu appoġġati. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni sabiex l-ispinta għas-semplifikazzjoni ma tkunx eċċessiva, li l-kunfidenza tal-partijiet interessati u tal-utenti tal-informazzjoni finanzjarja ma tkunx imdgħajfa u li l-forniment tal-informazzjoni lil dawn il-partijiet ma jiġix kompromess kif jidher li hu l-każ f’din il-proposta. Is-semplifikazzjoni m’għandhiex twassal li jkun hemm bżonn li tinħareġ l-informazzjoni fir-rapporti finanzjarji b’elementi addizzjonali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ rappurtar fiskali jew ir-rekwiżiti tal-banek. Jekk dan iseħħ ikollu effett pervers, kontra għal kollox għall-objettivi tal-proposta u jqiegħed piżijiet ulterjuri f’forma ta’ spejjeż fuq in-negozji, li jkunu obligati jżommu tliet tipi differenti ta’ informazzjoni għal finijiet legali, fiskali u ta’ finanzjar.

4.3   L-istess bħal kwalunkwe approċċ ġdid, il-proposti attwali jkunu jeħtieġu bidliet li, għall-bidu jistgħu ma jkollhomx l-appoġġ universali jew ikollhom impatt ekonomiku kbir, inevitabbilment iwasslu għal spejjeż iktar baxxi u l-istandardizzazzjoni tal-kriterji u t-tip ta’ informazzjoni meħtieġa fl-UE kollha. Il-prinċipju jista’ jkollu wkoll impatt negattiv f’termini ta’ spejjeż għall-elementi essenzjali prinċipalment bħall-aġġornament tas-software, it-taħriġ u bidla fil-ġbir tat-taxxa u d-data tal-istatistika. Dan ovvjament malajr jiġi kkumpensat mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-bidliet. Sforzi sabiex tinkiseb is-semplifikazzjoni għandhom għaldaqstant jiġu appoġġati u dawn jiġu mgħejjuna b’mod konsiderevoli jekk dawn il-miżuri jiġu akkumpanjati b’oħrajn bħall-promozzjoni tat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni għall-intraprendituri, l-accountants u l-utenti tal-informazzjoni mogħtija mir-rapporti finanzjarji.

4.4   Ta’ rilevanza partikolari għal din l-emenda proposta hi l-introduzzjoni ta’ eżenzjoni mill-awditjar statutorju għan-negozji żgħar, irrispettivament jekk humiex kumpaniji b’responsabilità limitata jew le. Il-KESE mhuwiex favur din id-deroga għal negozji b’iktar minn 25 impjegat għax iċ-ċertifikazzjoni minn korp indipendenti awtorizzat iġġib magħha għajnuna prezzjuża u garanzija għall-SMEs. L-awditjar statutorju jaqdi funzjoni soċjali, li hija dik li jistabbilixxi l-ġenwinità tal-kontabilità, li hija kundizzjoni sine qua non f’soċjetà li tiddependi ħafna fuq il-prestazzjonijiet tan-negozji f’ekonomija tas-suq. Din il-miżura se jkollha impatt finanzjarju konsiderevoli ħafna fuq il-kumpaniji ż-żgħar mhux kwotati, li ġew obbligati jħarsu din il-proċedura minħabba l-forma legali tagħhom biss iktar milli minħabba d-daqs. Ma jagħmilx sens li kumpanija żgħira li mhix kwotata, u għaldaqstant mhix obbligata tħares ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u trasparenza li jirriżultaw mill-ikkwotar fil-borża, u li l-konformità magħha hi essenzjali, tiġi soġġetta għal proċedura li tiswa’ ħafna minħabba li għażlet li tkun entità b’personalità legali li hi obbligata tkun konformi mal-proċedura minħabba li l-liġi titlob dan. Iċ-ċertifikazzjoni legali tal-kontijiet għandha tkun għall-benefiċċju ta’ min jirċievi r-rapporti finanzjarji u mhux sempliċement proċedura legali li għandha tiġi segwita fl-għama minħabba li negozju għandu forma legali partikolari. Huwa f’idejn l-imsieħba u l-partijiet interessati, il-maniġers u l-amministraturi tan-negozji ż-żgħar li jiddeċiedu jekk il-kontijiet għandhomx jiġu verifikati jew le; l-Istati Membri għandhom jiġu mċaħħda milli jimponu dan ir-rekwiżit u sabiex iseħħ dan mhemmx bżonn li tiġi emendata l-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-qafas legali tat-tipi ta’ kumpaniji.

Jista’ jkun meħtieġ li ssir iċ-ċertifikazzjoni legali tal-kontabilità fin-negozji b’iktar minn 25 impjegat.

4.5   Kif stabbilit fl-opinjoni dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Direttiva 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji, fejn il-mikrointrapriżi huma kkonċernati, il-KESE jilqa’ l-proposta għas-semplifikazzjoni bħala spinta għall-intraprenditorija u l-kompetittività, li jgħinu fit-tkomplija tas-suq uniku. Huwa jinstab ukoll kuntent bl-isforzi sabiex tinkiseb l-istandardizzazzjoni billi tiġi imposta s-semplifikazzjoni fl-Istati Membri kollha, kif kien rakkomandat f’dak id-dokument.

4.6   Innovazzjoni oħra ta’ min jenfasizzaha, u li żgur ħa jkollha rilevanza kbira għall-promozzjoni tas-suq uniku, hi d-definizzjoni tal-kriteriji tad-daqs u l-applikazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha. Dan hu l-unika mezz sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fl-UE kollha għall-kumpaniji tal-istess daqs. Madankollu, il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva ma jinkludix il-mikrointrapriżi, li mhix konsistenti mad-definizzjonijiet użati f’tali kwistjonijiet bħall-għajnuna mill-Istat, il-parteċipazzjoni tal-fondi strutturali u l-programmi Komunitarji. Huwa minnu li minħabba li dawn l-entitajiet huma meqjusa bħala sors ta’ dinamiżmu intraprenditorjali u ta’ ħolqien ta’ impjiegi, ġew inklużi fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE. Għaldaqstant id-direttiva attwali trid tinkludi definizzjoni ta’ mikrointrapriżi li tista’ tiġi applikata fl-istess dokument għall-kategoriji kollha tal-impriżi użati b’mod komuni fl-UE.

4.7   L-abbozz ta’ direttiva tal-2009 relatat mal-mikrointrapriżi għadu qed jiġi nnegozjat. Is-sitwazzjoni ta’ żewġ dokumenti għall-istess suġġett ma tagħmel l-ebda sens. Tali tixrid ta’ informazzjoni huwa sors ta’ konfużjoni u spejjeż għall-utenti li għandhom jiġu evitati u f’dan il-każ dan jistgħu jagħmluh. Għaldaqstant, huwa importanti li l-qafas regolatorju għall-mikroentitajiet jiġi armonizzat mal-proposta preżenti għal direttiva, sakemm tiġi inkorporata fih sabiex jiġi evitat dan it-tixrid u l-ħtieġa ta’ negozji u persunal tekniku sabiex jiġu kkonsultati bosta dokumenti differenti.

4.8   Fir-rigward tal-kwistjoni tad-divulgazzjoni tal-pagamenti lill-gvernijiet, jista’ jkun hemm xi reżistenza għall-applikazzjoni ta’ din il-miżura għal setturi oħra ta’ interess pubbliku jew li jinvolvu konċessjonijiet pubbliċi kif ukoll l-industrija estrattiva u dik tal-forestrija. Madankollu l-KESE jargumenta li din l-ambizzjoni għandha tiġi segwita b’informazzjoni disponibbli dwar ir-rabtiet bejn il-kumpaniji u s-setturi pubbliċi fit-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw in-netwerk tat-trasport, l-ilma, l-enerġija u l-komunikazzjoni kif ukoll il-logħob tal-azzard. L-introduzzjoni ta’ din il-miżura hija innovattiva iżda tista’ - u għandha - titkompla.

4.9   Xi dispożizzjonijiet jidhru li huma kontradittorji għall-prattiki tal-IFRS fi żmien meta bosta pajjiżi tal-UE ġa adottaw l-istandards internazzjonali għalkemm m’hemm l-ebda obbligu fl-Ewropa li jiġu adottati dawn ir-regoli għall-SMEs. L-IFRS diġà huma obbligatorji għat-tħejjija tar-rapporti finanzjarji ta’ negozji kkwotati fil-borża, u hemm tendenza lejn l-istandardizzazzjoni tal-prattiki ta’ kontabilità permezz ta’ dawn l-istandards u għalhekk id-direttiva attwali trid tirrispetta din it-tendenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li hemm inkosistenzi dwar żewġ kwistjonijiet: l-inklużjoni ta’ ishma tal-kapital sottoskritti mhux imħallsa taħt l-intestatura ta’ ishma tal-kapital fil-karta tal-bilanċ u t-tħassir tal-avvjament f’perjodu massimu ta’ ħames snin. Meta l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni fil-livell internazzjonali tar-reġoli reċenti tal-IFRS relatati mal-SMEs tkun inġabret, u meta l-korrezzjoni ta’ dawn iż-żewġ inkonsistenzi ma tibqax inkompatibbli mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri, ikun importanti li r-regoli applikati fl-UE bi standards aċċettati internazzjonalment jiġu allinjati.

Brussell, 29 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top