Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0800

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ” COM(2011) 635 finali – 2011/0284 (COD) u “L-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biex jiġu ffaċilitati t-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-suq uniku” COM(2011) 636 finali

    ĠU C 181, 21.6.2012, p. 75–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 181/75


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ”

    COM(2011) 635 finali – 2011/0284 (COD)

    u “L-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biex jiġu ffaċilitati t-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-suq uniku”

    COM(2011) 636 finali

    2012/C 181/14

    Relatur: is-Sinjura BONTEA

    Nhar il-11 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biex jiġu ffaċilitati t-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-suq uniku

    COM(2011) 636 final.

    Nhar is-16 ta’ Novembru 2011 u nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

    COM(2011) 635 final – 2011/0284 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Marzu 2012.

    Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tad-29 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'87 vot favur, 54 vot kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-espanzjoni tal-kummerċ transkonfinali għan-negozji (speċjalment l-SMEs), tħeġġeġ ix-xiri transkonfinali mill-konsumaturi u tikkonsolida l-vantaġġi tas-suq intern.

    1.2   Fir-rigward tal-forma tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (Regolament) u l-għażla magħżula (“it-tieni sistema” fakultattiva), il-Kumitat jinsab sodisfatt li tqiesu l-proposti preċedenti tiegħu. Madankollu, kif stqarr fl-opinjoni preċedenti tiegħu, iqis li “dawn l-għanijiet iridu jintlaħqu ftit ftit, l-ewwelnett bil-kuntratti ta’ bejgħ transnazzjonali kummerċjali tal-merkanzija (B2B) bħala proġetti pilota, li jservu biex jittestjaw il-koeżistenza bejn ir-reġimi u l-applikazzjoni konkreta tagħhom” (1).

    1.3   Il-Kumitat jenfasizza li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tikkonforma bi sħiħ mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporsjonalità.

    1.4   Fir-rigward tal-kontenut, il-Kumitat iqis li l-proposta għal Regolament għandha bżonn xi titjib sabiex:

    tiffaċilita t-tranżazzjonijiet fl-UE kollha, b'tali mod li tagħti kontribut b'saħħtu sabiex tappoġġja l-attivitajiet ekonomiċi fis-suq uniku u sabiex jiġi sfruttat aktar il-potenzjal tiegħu;

    tagħti valur miżjud Ewropew ġenwin, b'rabta mal-ispejjeż u l-vantaġġi għall-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi;

    toffri vantaġġi sostanzjali fir-rigward ta’ leġislazzjoni mfassla aħjar u ambjent regolatorju simplifikat, li jinftiehem u li hu faċli biex jintuża;

    jonqsu l-ispejjeż involuti fit-tranżazzjonijiet transkonfinali;

    jiġu assigurati s-sigurtà legali u aktar konsistenza bejn ir-regoli orizzontali u dawk vertikali;

    jiġi garantit li l-SMEs u l-konsumaturi jibbenefikaw b'mod konkret u ċert mir-regoli l-ġodda.

    1.5   Id-diviżjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u s-separazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti bejn in-negozji (B2B) u tar-regoli dwar il-kuntratti mal-konsumaturi f'żewġ dokumenti separati (bi skeda ċara għall-implimentazzjoni ta’ kull kuntratt) ser jagħmluha faċli għan-negozji u l-konsumaturi li jsiru jafu bir-regoli l-ġodda u japplikawhom.

    1.6   Il-Kumitat iqis partikolarment importanti li r-regoli ġodda jkunu ta’ natura fakultattiva u jiggarantixxu r-rispett sħiħ tal-libertà ta’ negozjar fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

    1.7   Il-Kumitat jenfasizza l-aspetti essenzjali li ġejjin:

    hemm diffikultajiet prinċipali fl-implimentazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ;

    hemm bżonn li jitqiesu aktar il-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs;

    hemm bżonn li jitfasslu, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, inklużi dawk tal-SMEs u l-konsumaturi, mudelli Ewropej ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi għal ċerti setturi kummerċjali jew ta’ attività, li jinkludu klawżoli u kondizzjonijiet standard u jkunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Dawn jistgħu jsiru għodod utli ħafna ta’ applikazzjoni fir-relazzjonijiet tat-tip B2B u B2C u għandhom ikunu disponibbli simultanjament mal-pubblikazzjoni tar-regolament;

    hemm bżonn li tiġi garantita ċertezza legali aktar b'saħħitha u jitjieb il-kontenut tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ;

    b'konformità mal-Artikoli 12 u 169 tat-Trattat, waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki kollha tal-UE kif ukoll tal-miżuri adottati jridu jitqiesu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-SMEs.

    1.8   Il-KESE jenfasizza li l-adozzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ mhiex biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-iżvilupp tal-kummerċ traskonfinali għan-negozji u tax-xiri transkonfinali għall-konsumaturi. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi.

    1.9   Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitħejjew miżuri komplementari sabiex ikun garantit li l-partijiet li jistgħu japplikaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, jekk fl-aħħar tiġi adottata, ikunu jafu kif japplikaw il-liġi b'mod effikaċi u jinterpretawha b'mod uniformi.

    1.10   L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jenfasizzaw li l-proposta attwali m'għandhiex tintuża għat-tranżazzjonijiet tal-konsumaturi.

    L-organizzazzjonijiet tal-SMEs u ta’ min iħaddem jenfasizzaw li jekk isiru għadd ta’ emendi u miżuri ta’ akkumpanjament, il-proposta tkun tista' tintuża fi tranżazzjonijiet tal-konsumaturi.

    Il-proposti mressqa mill-SMEs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għadhom mhux qed jaqblu fuq diversi punti. Is-sejba tal-aħjar soluzzjoni li tkun universalment aċċettabbli huwa proċess kumpless u diffiċli.

    1.11   Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew iqisu dawn l-aspetti meta jfasslu l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, jew kwalunkwe inizjattiva oħra intiża biex tirregola d-drittijiet tal-konsumatur fl-UE, u sabiex ikomplu d-djalogu mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs u l-konsumaturi, sabiex il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun ispirata aktar mill-bżonnijiet tal-benefiċjarji bil-għan li tikkontribwixxi vigorożament għall-iffaċilitar tat-tranżazzjonijiet fi ħdan l-UE.

    2.   Sfond

    2.1   Il-qafas legali attwali

    2.1.1   Il-qafas legali attwalment fis-seħħ fl-UE huwa kkaratterizzat minn differenzi fis-sistemi legali nazzjonali u fil-liġijiet kuntrattwali tas-27 Stat Membru.

    2.1.2   Il-leġislazzjoni tal-UE fiha numru ta’ regoli komuni, speċjalment fil-qasam tal-kuntratti tat-tip B2C, li jarmonizzaw il-liġi kuntrattwali sostantiva dwar il-konsumatur. Id-Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur (2), li ġiet adottata reċentement, armonizzat għal kollox elementi ewlenin tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod bħall-informazzjoni prekuntrattwali, ir-rekwiżiti formali, id-dritt ta’ rtirar, it-tqassim tar-riskju u t-twettiq, filwaqt li tħalli livell minimu ta’ armonizzazzjoni għall-garanziji legali u termini kuntrattwali mhux ġusti biss.

    2.1.3   L-Artikoli 12, 38, 164, 168 u 169(4) tat-Trattat jiggarantixxu l-prevalenza tar-regoli nazzjonali, fejn dawn ikunu aktar vantaġġużi għall-konsumaturi.

    2.2   Diffikultajiet għall-kummerċjanti u l-konsumaturi

    2.2.1   Attwalment, huwa biss wieħed minn kull għaxar kummerċjanti fl-UE li jesporta fi ħdan is-suq uniku u l-maġġoranza tagħhom jesportaw biss f'numru żgħir ta’ Stati Membri. Huma biss 8 % tal-konsuamturi li xtraw oġġetti u servizzi mill-internet minn Stat Membru ieħor. Il-potenzjal tas-suq intern u l-kummerċ transkonfinali elettroniku għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed.

    2.2.2   L-ostakli attwali jinħolqu, fost affarijiet oħra, minħabba d-differenzi fir-regolamenti fiskali, ir-rekwiżiti amministrattivi, id-diffikultajiet fil-provvista, id-differenzi fis-sistemi lingwistiċi u kulturali, livelli baxxi ta’ firxa tal-broadband, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, id-diżinji, il-limitazzjonijiet territorjali tal-proprjetà intelletwali, il-faċilitajiet għall-pagament u d-differenzi fil-qafas legali. L-informazzjoni li l-Kummissjoni ġabret minn riċerka ta’ oħrajn turi li, fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozju u l-konsumatur, wieħed mill-ostakli prinċipali li jżommu lill-konsumaturi milli jixtru barra l-pajjiż huwa n-nuqqas ta’ mezzi effettivi ta’ rimedju. 62 % tal-konsumaturi ma xtrawx onlajn minn pajjiż ieħor għax beżgħu mill-frodi, 59 % ma kinux jafu x'għandhom jagħmlu jekk jinqalgħu l-problemi, 49 % kienu mħassba dwar il-kunsinna u 44 % ma kienux ċerti dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi (3).

    Il-kummerċjanti, partikolarment l-SMEs, qegħdin jiffaċċjaw problemi bħal:

    l-għarfien tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kuntrattwali barranija applikabbli;

    aktar kumplessità legali fil-kummerċ transkonfinali, meta mqabbel mal-kummerċ intern;

    l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni addizzjonali għoljin.

    2.2.3   L-ostakli għall-kummerċ transkonfinali għandhom effetti negattivi konsiderevoli fuq in-negozji u l-konsumaturi.

    3.   Proposta tal-Kummissjoni

    3.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (4) tinkludi d-deċiżjoni li tressaq Proposta għal Regolament (5) li tistabbilixxi Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, bil-għan iddikjarat li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi tiffaċilita l-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali.

    3.2   Il-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta:

    a)

    fir-rigward tal-istrument magħżul:

    ġabra ta’ regoli alternattivi għal-liġi kuntrattwali, identika fl-Istati Membri kollha u applikabbli fl-UE kollha, li ser teżisti b'mod konġunt mal-leġislazzjonijiet nazzjonali eżistenti fil-qasam tal-liġi kuntrattwali;

    hija qafas fakultattiv, magħżul mill-partijiet kontraenti. Il-konsumatur irid jimla dikjarazzjoni espliċita fejn fiha jaqbel li japplika l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ; din id-dikjarazzjoni hija distinta minn dik li fiha il-konsumatur jesprimi l-qbil tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt.

    b)

    fir-rigward tal-forma: bħala Regolament, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ser tkun applikabbli b'mod ġenerali u dirett;

    c)

    fir-rigward tal-kontenut:

    din hija ġabra ta’ regoli dwar il-liġi kuntrattwali li hija komprensiva (183 artikolu) iżda mhux eżawrjenti, li tkopri:

    il-prinċipji ġenerali tal-liġi kuntrattwali;

    id-dritt tal-partijiet li jirċievu informazzjoni essenzjali prekuntrattwali, regoli dwar kif jiġu konklużi l-ftehimiet, id-dritt li l-konsumaturi jirtiraw mill-kuntratt u kif jannullaw kuntratt;

    kif għandhom jiġu interpretati l-kundizzjonijiet kuntrattwali, ir-regoli dwar il-kontenut u l-effetti tal-kuntratti kif ukoll kundizzjonijiet kuntrattwali li jistgħu jkunu inġusti;

    l-obbligi u r-rimedji tal-partijiet;

    regoli supplementari komuni dwar kumpens għal danni u dwar l-imgħax li għandu jitħallas għal ħlas tard;

    dispożizzjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni u l-preskrizzjoni.

    Ċerti aspetti jibqgħu regolati mil-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, abbażi tar-Regolament 593/2008 (6) (Ruma I).

    3.3   Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tiffoka fuq kuntratti li huma l-aktar sinifikanti għall-kummerċ transkonfinali (il-kuntratti ta’ bejgħ bejn in-negozji u l-konsumaturi jew bejn in-negozji meta tal-inqas waħda mill-partijiet tkun SME, inklużi kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali jew servizzi relatati).

    3.4   Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ hija limitata għall-kuntratti transkonfinali (bil-possibbiltà li l-Istati Membri jestenduha).

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, tħeġġeġ ix-xiri transkonfinali mill-konsumaturi u tikkonsolida l-vantaġġi tas-suq intern.

    4.2   Il-Kumitat jenfasizza li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tikkonforma għal kollox mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporsjonalità.

    4.3   Fir-rigward tal-forma (Regolament) u l-għażla magħżula (“it-tieni sistema” f'kull Stat Membru, li hija fakultattiva u tista' tiġi applikata abbażi ta’ ftehim espliċitu mill-partijiet), kif diġà ntqal fl-opinjoni msemmija qabel tal-Kumitat, “dawn l-għanijiet iridu jintlaħqu ftit ftit, l-ewwelnett bil-kuntratti ta’ bejgħ transnazzjonali kummerċjali tal-merkanzija (B2B) bħala proġetti pilota”.

    4.4   Fir-rigward tal-kontenut, il-Kumitat iqis li l-proposta għal Regolament għandha bżonn għadd ta’ titjib sabiex:

    tiffaċilita t-tranżazzjonijiet fl-UE kollha, b'tali mod li tagħti kontribut b'saħħtu sabiex tappoġġja l-attivitajiet ekonomiċi fis-suq uniku u sabiex jiġi sfruttat aktar il-potenzjal tiegħu;

    tagħti valur miżjud Ewropew ġenwin, b'rabta mal-ispejjeż u l-vantaġġi għall-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi;

    toffri vantaġġi sostanzjali fir-rigward ta’ leġislazzjoni aħjar u ambjent regolatorju semplifikat, li jinftiehem u li hu faċli biex jintuża;

    jonqsu l-ispejjeż involuti fit-tranżazzjonijiet transkonfinali;

    jiġu assigurati ċertezza legali u konsistenza miżjuda bejn ir-regoli orizzontali u dawk vertikali, b'enfasi partikolari fuq it-trasparenza, iċ-ċarezza u s-sempliċità. Dan ikun ta’ benefiċċju mhux biss għall-ispeċjalisti legali, iżda wkoll u speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar u l-konsumaturi;

    jiġi garantit li l-SMEs u l-konsumaturi jibbenefikaw b'mod konkret u ċert mir-regoli l-ġodda.

    4.5   Preċedentement, il-Kumitat enfasizza li “dawn l-għanijiet iridu jintlaħqu ftit ftit, l-ewwelnett bil-kuntratti ta’ bejgħ transnazzjonali kummerċjali tal-merkanzija (B2B) bħala proġetti pilota, li jservu biex jittestjaw il-koeżistenza bejn ir-reġimi u l-applikazzjoni konkreta tagħhom” (7).

    Id-diviżjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u s-separazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti tat-tip B2B u tar-regoli dwar il-kuntratti tat-tip B2C f'żewġ dokumenti separati (bi skeda ċara għall-implimentazzjoni ta’ kull kategorija) ser jagħmluha faċli għal-leġislaturi jiddeċiedu liema teknika leġislattiva għandha tapplika għal kull sett ta’ regoli waqt li jitqies il-poter ta’ negozjar tal-partijiet.

    4.6   Il-kontenut attwali tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ wassal għal nuqqas ta’ sodisfazzjon u kritika konsiderevoli min-naħa tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs li xeħtu dubju dwar il-bżonn fattwali għal strument fakultattiv sabiex jitħeġġeġ il-kummerċ elettroniku u t-teknika leġislattiva (reġim fakultattiv) użat fil-qasam tal-kuntratti tat-tip B2C.

    4.7   Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex iqisu dawn l-aspetti meta jfasslu l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u sabiex ikomplu d-djalogu mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs u l-konsumaturi, sabiex il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun ispirata aktar mill-bżonnijiet tal-benefiċjarji.

    4.8   Il-KESE jqis partikolarment importanti li r-regoli l-ġodda jkunu ta’ natura fakultattiva u jiggarantixxu r-rispett sħiħ tal-libertà ta’ negozjar fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

    4.9   Fir-rigward tal-intrapriżi l-kbar jew intrapriżi b'pożizzjoni dominanti fis-suq, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu identifikati l-aktar miżuri komplementari adegwati li jagħmluha aktar faċli għall-SMEs li jeżerċitaw id-dritt li jagħżlu b'mod ħieles bejn iż-żewġ reġimi, skont in-natura fakultattiva tal-Liġi Komunit Ewropea dwar il-Bejgħ.

    4.10   B'konformità mal-Artikoli 12 u 169 tat-Trattat, waqt it-tfassil u l-applikazzjoni tal-politiki kollha tal-UE kif ukoll tal-miżuri adottati jridu jitqiesu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-SMEs.

    4.11   Il-Kumitat jenfasizza d-diffikultajiet ewlenin għall-applikazzjoni tal–Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, hemm bżonn li:

    jiġu ċċarati r-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-istrument fakultattiv u l-Liġi Internazzjonali Privata Ewropea, fosthom id-dispożizzjonijiet nazzjonali obbligatorji komuni u r-regoli marbuta mal-ordni pubblika – Artikoli 9 u 21 rispettivament tar-Regolament 593/2008;

    jiġi ċċarat b'mod espliċitu r-rwol tar-Regolament Ruma I fil-każ tal-kuntratti tat-tip B2C filwaqt li jiġu kkunsidrati s-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li huma ta’ gwida f'dan ir-rigward;

    tiġi ggarantita aktar iċ-ċertezza legali u jitħejjew numru komplet ta’ regoli tal-liġi kuntrattwali, li ma jirreferux għal-liġijiet nazzjonali differenti ta’ kull Stat Memrbu u li ma jitfgħux dubji fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni.

    4.12   Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-adozzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ mhiex biżżejjed la biex tiggarantixxi l-iżvilupp tal-kummerċ traskonfinali u lanqas biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi.

    4.13   Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, jeħtieġ li jsir kull sforz sabiex jiġi stabbilit kuntest li jippromovi l-esportazzjonijiet u jelimina l-ispejjeż amministrattivi. Fil-każ tal-konsumaturi, huwa importanti li tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fis-suq uniku u li jitħeġġu jwettqu xiri transkonfinali billi jiġu pprovduti mezzi effettvi ta’ rimedju individwali.

    4.14   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jeliminaw l-ostakli li fadal għall-kummerċ transkonfinali, jippromovu u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-SMEs u jaqdu rwol attiv fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni tal-aktar miżuri adegwati sabiex in-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet offruti mis-suq uniku. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u d-djalogu ta’ kwalità bejn l-awtoritajiet u l-imsieħba soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-SMEs u l- konsumaturi.

    4.15   Il-KESE jenfasizza l-importanza li jittieħdu ta’ akkumpanjament neċessarji sabiex ikun garantit li l-partijiet soġġetti għall-applikazzjoni eventwali tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, jekk fl-aħħar tiġi adottata, isiru jafu kif għandhom japplikaw il-liġi b'mod effikaċi u jinterpretawha b'mod uniformi. Permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u kanali oħra ta’ informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-partijiet interessati kollha bil-kontenut wiesa' tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, kif ukol bid-differenzi bejn il-leġislazzjoni nazzjonali u dik tal-UE, inklużi l-aspetti tal-ġurisprudenza u l-aħjar prattika.

    5.   Kummenti partikolari

    5.1   Il-bżonn li jitqiesu aktar il-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs

    5.1.1   Il-KESE jqis li l-proposta għal Regolament tista' titjieb, sabiex il-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs jitqiesu aktar:

    99,8 % tan-negozji huma SMEs, 92 % minnhom huma mikrointrapriżi li jimpjegaw madwar żewġ impjegati (8);

    il-mikrointrapriżi jesportaw lejn numru mnaqqas ta’ pajjiżi, wara li jkunu analizzaw is-suq fil-fond;

    il-mudell imprenditorjali standard tal-mikrointrapriżi m'għandux l-għan li jikkonkludi kuntratti transkonfinali f'27 Stat Membru;

    jeżistu ostakli konsiderevoli għat-transazzjonijiet transkonfinali mill-SMEs, elenkati fil-punt 2.2.2.

    5.1.2   Il-proposta mhix faċli biżżejjed għall-SMEs. L-istrument propost fil-qasam tal-liġi kuntrattwali, kumpless, astratt u li jirreferi għal diversi aspetti tal-liġi nazzjonali differenti ta’ kull Stat Membru, ma jippermettix lill-SMEs li japplikawh mingħajr servizzi ta’ appoġġ jew pariri legali. L-għodod huma estremament neċessarji u jistgħu jinkoraġġixxu lill-SMEs japplikaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

    5.1.3   L-organizzazzjonijiet tal-SMEs (9) jappoġġjaw il-bżonn għal bilanċ aktar stabbli bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti fil-kuntratti tat-tip B2C. Jenfasizzaw li hemm bżonn li jiġu ċċarati u ssemplifikati l-punti li ġejjin:

    l-Artikolu 23 (l-ewwel paragrafu dwar id-dmir li tiġi żvelata l-informazzjoni dwar il-merkanzija u s-servizzi relatati huwa vag wisq);

    l-Artikolu 29 (is-sanzjonijiet huma wisq twal u impreċiżi);

    l-Artikolu 39 (il-klawżoli tal-offerent għandhom jiġu aċċettati);

    l-Artikolu 42(1)(a) (il-perjodu ta’ rtirar) (għandhom jiddaħħlu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur);

    l-Artikolu 51 (“ħtiġijiet urġenti” jew il-fatt li tkun “imprudenti, nieqsa mill-għarfien jew bla esperjenza” m'għandhomx jintużaw bħala ġustifikazzjoni – il-prinċipju ta’ “il-bona fidi u n-negozjar ġust” ikopri s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati f'dan l-Artikolu);

    l-Artikolu 72 (fil-proċessi twal ta’ negozjar, il-partijiet għandu jkollhom il-possibbilta li jinkludu l-ftehimiet kollha f'kuntratt wieħed, sabiex ma jinħolqux piżijiet amministrattivi żejda għall-SMEs mil-lat ta’ spejjeż u ħin);

    l-Artikolu 78 (fil-paragrafu 1 hemm bżonn li jiġi ċċarat il-fatt li għandu jintalab il-kunsens tal-parti l-oħra wkoll, jekk ser jiġu kkonferiti xi drittijiet fuq il-parti terza);

    fir-rigward tal-Artikolu 78(4) dwar ir-rifjut ta’ dritt ikkonferit lil u minn parti terza, l-espressjoni “impliċitament aċċettat” għandha titħassar peress li s-sitwazzjoni ssir insigura;

    l-Artikolu 97 (għandhom jiġu bbilanċjati l-obbligi tal-partijiet);

    l-Artikolu 130(3) u (5) (il-kunċett ta’ kustodja responsabbli mix-xerrej huwa nieqes);

    l-Artikolu 142(4) (għandha tiżdied il-kelma “l-ewwel” trasportatur);

    l-Artikolu 159(1) (hemm bżonn ta’ aktar kjarifiki).

    5.1.4   Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tassigura li l-prinċipju “l-ewwel aħseb fiż-żgħir” u dak tal-proporzjonalità jiġu applikati bi sħiħ fi kwalunkwe stadju, waqt li jitnaqqsu l-burokrazija u l-ispejjeż żejda għall-SMEs. Il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li l-ispejjeż regolatorju jinżammu għal minimu għall-SMEs, u jappella lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex iqisu dan l-aspett meta jkunu qegħdin jiffinalizzaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

    5.2   Il-protezzjoni tal-konsumatur

    5.2.1   Il-Kumitat, għal darb'oħra, jenfasizza l-importanza li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali “bbażata fuq l-aktar forom ta’ protezzjoni avvanzati għaċ-ċittadini u l-intrapriżi”, mingħajr ma “żżomm lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri ta’ protezzjoni aktar stretti għall-konsumaturi” (10) u jappella għal “suq uniku li jkun strument għall-benefiċċju taċ-ċittadin-konsumatur” (11).

    5.2.2   Il-kontenut tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ wassal għal nuqqas ta’ sodisfazzjon u kritika min-naħa ta’ ħafna assoċjazzjonijiet tal-konsumatur (fir-rigward tal-livell baxx ta’ protezzjoni tal-konsumatur meta mqabbel mal-Artikolu 169(4) tat-Trattat, il-fatt li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ser tiġi applikata mingħajr ma verament ikunu nstemgħu l-fehmiet tal-konsumaturi, eċċ.), li jippreferu kieku l-kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

    5.2.3   Jeżistu ħafna eżempji li juru li l-proposta ma tipprovdix għall-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi:

    Artikolu 5 (objettività ta’ raġonevolezza);

    Artikolu 13(1) (it-tifsira eżatta ta’ “b'mod ċar u li jinftiehem”);

    Artikolu 13(3)(c) (in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “mezz (ieħor) li jservi fit-tul”);

    Artikolu 19(5) (in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “żmien raġonevoli”);

    Artikolu 20(2) (it-tifsira eżatta ta’ “tranżazzjoni minn jum għal jum”);

    Artikolu 28(1) (it-tifsira eżatta ta’ “toqgħod raġonevolment attenta”);

    Artikolu 30(1)(c) (in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “kontenut u ċertezza suffiċjenti”);

    Artikolu 42(2) (f'każ ta’ nuqqa ta’ informazzjoni, il-kuntratt għandu jitqies invalidu);

    Artikolu 45 (il-konsumatur m'għandu qatt iħallas l-ispejjeż sabiex jirritorna l-merkanzija);

    Artikolu 52(2) (il-perjodi għandhom minn tal-inqas ikunu sena fil-każ ta’ (a) u sentejn fil-każ ta’ (b);

    Artikolu 53 (il-konferma m'għandha qatt tkun impliċita);

    Artikolu 71 (il-kliem użat għandu jkun aktar ċar);

    Artikolu 74 (it-tifsira ta’ “ferm irraġonevoli”);

    Artikolu 79(1) (m'hemm l-ebda definizzjoni tat-tip ta’ abbuż li jwassal għall-effett li “ma j(t)orbotx”);

    Artikolu 79(2) (id-Direttiva ma tqisx id-differenza bejn l-elementi essenzjali u mhux essenzjali ta’ kuntratt);

    Artikolu 82 (id-Direttiva tħalli barra r-regoli dwar il-komunikazzjoni tal-klawżoli, l-obbligi dwar l-informazzjoni kif ukoll ir-regoli li għandhom jiġu awtomatikament esklużi mill-kuntratti, irrispettivament mill-kontenut inġust tagħhom, għax imorru kontra l-bona fide;

    Artikolu 84 (il-lista tal-klawżoli meqjusa bħala li dejjem huma inġusti hija qasira wisq u mhux skont l-aktar liġijiet nazzjonali progressivi);

    Artikolu 85 (l-istess japplika għall-klawżoli li huwa preżunt li huma inġusti);

    Artikolu 99(3) (id-dispożizzjoni hija totalment inaċċettabbli);

    Artikolu 105(2) (il-perjodu għandu jkun minn tal-inqas sentejn);

    Artikolu 142 (it-tifsira ġuridika u n-natura tal-espressjoni “il-pussess fiżiku tal-merkanzija” mhumiex ekwivalenti fit-traduzzjonijiet differenti fil-lingwi differenti, skont is-sistemi nazzjonali ġuridiċi differenti);

    Artikolu 142(2) (it-tifsira ta’ “il-kontroll tal-kontenut diġitali”);

    Artikolu 167(2) (għandha tiġi eskluża l-possibbiltà li n-notifika tingħata qabel);

    Artikoli 179 u 180 (il-kliem użat għandu jkun aktar ċar).

    5.2.4   Hemm bżonn ta’ miżuri speċjali sabiex tiġi garantità r-responsabilità u l-indaġni transkonfinali fil-każ ta’ frodi u ingann bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur. Fil-fatt, 59 % tal-konsumaturi jindikaw dan bħala deterrent għal transazzjonijiet transkonfinali.

    5.3   Il-bżonn li jitħejjew mudelli Ewropej ta’ klawżoli kuntrattwali

    5.3.1   Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jitħejjew kuntratti Ewropej ta’ mudell li:

    ikunu disponibbli flimkien mal-pubblikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u mid-dħul fis-seħħ tagħha;

    ikunu speċjalizzati f'setturi kummerċjali jew ta’ attività speċifiċi;

    jinkludu klawżoli u kondizzjonijiet standard komprensivi, li jżidu mal-acquis, jiggarantixxu livell għoli ħafna ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntratti tat-tip B2C u l-libertà kuntrattwali fil-kuntratti tat-tip B2B u japplikaw bi sħiħ l-iSmall Business Act;

    ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

    jiġu mmonitorjati u riveduti b'mod perjodiku, sabiex jitjieb il-kontenut abbażi tal-aħjar prattika, id-duttrina u l-ġurisprudenza prattika.

    L-għodod huma utli ħafna għall-SMEs li jixtiequ jikkonkludu kuntratti transkonfinali mal-konsumaturi.

    5.3.2   Huwa essenzjali li jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi, l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur kif ukoll il-kooperazzjoni magħhom fit-tfassil tal-mudelli Ewropej ta’ klawżoli kuntrattwali.

    5.4   Il-bżonn li tiġi garantita ċertezza legali aktar b'saħħitha

    5.4.1   Il-proposta għal Regolament tqajjem problemi rigward l-istabbiliment tal-bażi legali adegwata, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni.

    5.4.2   F'ħafna aspetti, issir referenza għal-liġi interna (pereżempju, il-personalità ġuridika, l-invalidità ta’ kuntratt minħabba nuqqas ta’ kapaċità, l-illegalità jew l-immoralità, id-determinazzjoni tal-lingwa tal-kuntratt, il-kwistjonijiet tan-nondiskriminazzjoni, ir-rappreżentanza, il-pluralità tad-debituri u l-kredituri, it-tibdil fil-partijiet inkluża assenjazzjoni, tpaċija u għaqda, il-liġi tal-proprjetà inkluż it-trasferiment tal-proprjetà, il-liġi tal-proprjetà intelletwali u l-liġi tad-delitti) li teħtieġ lill-kummerċjanti jistudjaw il-qafas leġislattiv u jħallsu għall-pariri legali, kif ukoll tiżdied l-inċertezza legali.

    5.4.3   M'hemm l-ebda mekkaniżmu li jassigura li r-Regolament huwa applikat b'mod uniformi fl-UE kollha. Bażi ta’ data tad-deċiżjonijiet tal-Qorti mhux ser tikkostitwixxi preċedent legali validu għall-qrati nazzjonali li huma kompetenti fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament; minħabba li hemm lok għal interpretazzjonijiet differenti, ser tiżdied l-inċertezza legali.

    5.4.4   Huwa rakkomandat li d-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu mmonitorjati, l-aħjar prattika tiġi promossa u jitfasslu rapporti annwali, għall-inqas għall-ewwel ħames snin wara l-introduzzjoni tar-Regolament, sabiex ikun hemm valutazzjoni kontinwa tar-riżultati miksuba, tal-promozzjoni tal-aħjar prattika u tal-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni uniformi tar-Regolament fl-UE kollha.

    5.5   Kummenti addizzjonali

    Fi żmien ta’ kriżi, huwa improbabbli li fil-livell nazzjonali ser jiġou allokati somom kbar għall-miżuri li jipprovdu informazzjoni u promozzjoni ta-regoli l-ġodda. Il-Punt 4 (Implikazzjoni baġitarja) tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għandu jinkludi miżuri ta’ appoġġ li jinkludu sessjonijiet ta’ taħriġ organizzati mill-Kummissjoni għar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tad-dinja imprenditorjali, tal-SMEs u tal-konsumaturi li jgħaddu l-informazzjoni dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ lill-membri tagħhom. Għandu jinkludi wkoll miżuri ta’ appoġġ li jgħinu lill-organizzazzjonijiet jipprovdu pariri b'xejn dwar l-applikazzjoni tar-Regolament.

    Brussell, 29 ta’ Marzu 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 1

    (2)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

    (3)  It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, il-Ħames Edizzjoni, Marzu 2011.

    (4)  COM(2011) 636 final.

    (5)  COM(2011) 635 final.

    (6)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

    (7)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 1.

    (8)  EUROSTAT.

    (9)  Dokumenti ta’ pożizzjoni tal-UEAPME (Union européenne de l'artisanat et des petites et moyennes entreprises – Unjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju):

     

    http://www.ueapme.com/IMG/pdf/120119_pp_General_Remarks_CESL.pdf

     

    http://www.ueapme.com/IMG/pdf/120119_pp_Specific_Remarks_CESL.pdf

    (10)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 1.

    (11)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 3.


    APPENDIĊI

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    I   Dawn il-punti tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġew immodifikati biex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    a)   Punt 1.2

    1.2

    Fir-rigward tal-forma tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (Regolament) u l-għażla magħżula (“it-tieni sistema” fakultattiva), il-Kumitat jinsab sodisfatt li tqiesu l-proposti preċedenti tiegħu. Madankollu, kif stqarr fl-opinjoni preċedenti tiegħu  (1), iqis li l-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha tibda billi tistabbilixxi “ġabra ta’ għodod” li sservi ta’ qafas ta’ referenza komuni disponibbli għall-partijiet li jfasslu kuntratti transkonfinali u t-tieni, tista' tippreżenta strument fakultattiv għall-kuntratti kummerċjali transkonfinali ta’ bejgħ ta’ prodotti (B2B), li jopera fuq bażi pilota, bħala mezz utli biex tiġi ttestjata l-koeżistenza tar-reġimi u jiġi mmonitorjat kif jiġu applikati fil-prattika.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    93

    Kontra

    :

    41

    Astensjonijiet

    :

    6

    b)   Punt 1.7

    1.7

    Il-Kumitat jenfasizza l-aspetti essenzjali li ġejjin:

    hemm diffikultajiet prinċipali fl-implimentazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ;

    hemm bżonn li jitqiesu aktar il-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs;

    hemm bżonn li jitfasslu, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, inklużi dawk tal-SMEs u l-konsumaturi, mudelli Ewropej ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi għal ċerti setturi kummerċjali jew ta’ attività, li jinkludu klawżoli u kondizzjonijiet standard u jkunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Dawn jistgħu jsiru għodod utli ħafna ta’ applikazzjoni fir-relazzjonijiet tat-tip B2B u B2C u jistgħu jiġu promossi irrispettivament mill-fatt jekk il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkunx disponibbli jew le;

    hemm bżonn li tiġi garantita ċertezza legali aktar b'saħħitha u jitjieb il-kontenut tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ;

    b'konformità mal-Artikoli 12 u 153 tat-Trattat, waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki kollha tal-UE kif ukoll tal-miżuri adottati jridu jitqiesu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-SMEs.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    75

    Kontra

    :

    68

    Astensjonijiet

    :

    7

    c)   Punt 1.9

    1.9

    Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitħejjew miżuri komplementari sabiex ikun garantit li l-partijiet li jistgħu japplikaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, jekk fl-aħħar tiġi adottata, ikunu jafu kif japplikaw il-liġi b'mod effikaċi u jinterpretawha b'mod uniformi. Madankollu, il-Kumitat jenfasizza li l-proposta attwali m'għandhiex tintuża għat-tranżazzjonijiet tal-konsumaturi.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    85

    Kontra

    :

    53

    Astensjonijiet

    :

    5

    d)   Punt 4.3

    4.3

    Fir-rigward tal-forma (Regolament) u l-għażla magħżula (“it-tieni sistema” f'kull Stat Membru, li hija fakultattiva u tista' tiġi applikata abbażi ta’ ftehim espliċitu mill-partijiet), kif diġà ntqal fl-opinjoni msemmija qabel tal-Kumitat, l-istrument jista' jkun limitat għall-kuntratti kummerċjali biss, u b'hekk għalissa jitħallew fil-ġenb il-kuntratti tal-konsumaturi.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    93

    Kontra

    :

    41

    Astensjonijiet

    :

    6

    e)   Punt 4.13

    4.13

    Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, jeħtieġ li jsir kull sforz sabiex jiġi stabbilit kuntest li jippromovi l-esportazzjonijiet u jelimina l-ispejjeż amministrattivi. Fil-każ tal-konsumaturi, huwa importanti li tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fis-suq uniku u li jitħeġġu jwettqu xiri transkonfinali billi jiġu pprovduti mezzi effettvi ta’ rimedju individwali u kollettiv.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    71

    Kontra

    :

    66

    Astensjonijiet

    :

    8

    f)   Punt 5.3.1

    5.3.1

    Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jitħejjew kuntratti Ewropej ta’ mudell li:

    ikunu disponibbli irrispettivament mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ;

    ikunu speċjalizzati f'setturi kummerċjali jew ta’ attività speċifiċi;

    jinkludu klawżoli u kondizzjonijiet standard komprensivi, li jżidu mal-acquis, jiggarantixxu livell għoli ħafna ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntratti tat-tip B2C u l-libertà kuntrattwali fil-kuntratti tat-tip B2B u japplikaw bi sħiħ l-iSmall Business Act;

    ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

    jiġu mmonitorjati u riveduti b'mod perjodiku, sabiex jitjieb il-kontenut abbażi tal-aħjar prattika, id-duttrina u l-ġurisprudenza prattika.

    L-għodod huma utli ħafna għall-SMEs li jixtiequ jikkonkludu kuntratti transkonfinali mal-konsumaturi.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    75

    Kontra

    :

    68

    Astensjonijiet

    :

    7

    II.   Dan il-punt tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata tħassar biex jirrifletti l-emenda adottata mill-Assemblea, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 59(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    a)   Punt 5.4.1

    5.4.1

    Il-Kumitat jenfasizza li wieħed mill-oqsma ewlenin ta’ tħassib mill-perspettiva tal-konsumaturi fir-rigward tat-tranżazzjonijiet transkonfinali huwa n-nuqqas ta’ mezzi effettivi ta’ rimedju. Il-proposti reċenti tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u għal Regolament dwar is-soluzzjoni onlajn għat-tilwim jirrappreżentaw pass importanti 'l quddiem; madankollu għad hemm nuqqas ta’ mekkaniżmu Ewropew ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    71

    Kontra

    :

    71

    Astensjonijiet

    :

    7

    L-Artikolu 56(6) tar-Regoli ta’ Proċedura jiddikjara li jekk in-numru ta’ voti favur ikun daqs in-numru ta’ voti kontra, il-vot tal-president tas-seduta jkun deċiżiv. B'konformità ma’ din ir-regola, il-president iddeċieda li jappoġġja l-emenda.


    (1)  ĠU C 84, 17.3.2011, p.1 (punti 1.2 u 1.3).


    Top