This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE0467
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Green Paper on the online distribution of audiovisual works in the European Union: opportunities and challenges towards a digital single market’ COM(2011) 427 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea: l-opportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku” COM(2011) 427 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea: l-opportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku” COM(2011) 427 finali
ĠU C 143, 22.5.2012, p. 69–73
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 143/69 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea: l-opportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku”
COM(2011) 427 finali
2012/C 143/13
Relatur: is-Sur LEMERCIER
Nhar it-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea: l-opportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku
COM(2011) 427 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Frar 2012.
Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 226 vot favur u 10 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li titlob li jintlaħaq bilanċ bejn għadd ta’ drittijiet fundamentali fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur meta jkun hemm skambju ta’ fajls fuq l-internet (1). Id-drittijiet tal-awtur mhumiex assoluti u r-rispett ta’ dawn id-drittijiet ma jistax jiġi impost permezz ta’ filtrazzjoni ġenerali tal-internet mill-fornituri tal-aċċess għall-internet (l-ISPs – ara l-kawża SABAM vs Scarlet). It-tassazzjoni tal-midja diġitali f’bosta Stati Membri ma tistax tikkonċerna l-mezzi użati għal użu ieħor ħlief għall-kopji awdjoviżivi diġitali bħalma huma l-hard disks diġitali użati fil-ġestjoni tal-intrapriżi (Kawża Padawan). Ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali eċċessivi għandhom jiġu riveduti sabiex ma jkunx hemm ostaklu għall-iżvilupp tat-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn filwaqt li titqies il-ġurisprudenza li qed tevolvi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
1.2 Fattur ieħor tat-tkabbir tas-suq ta’ dawn ix-xogħlijiet jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ mudelli kummerċjali attraenti bi prezzijiet affordabbli, fejn offerti bħal dawn ikunu jistgħu jitwettqu bi prezzijiet inqas minn dawk għat-tqassim tas-CDs u d-DVDs b’kontenut diġitali awdjoviżiv. Dan it-tfaddil konsiderevoli f’termini ta’ spejjeż ta’ tqassim għandu jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u għandu jiggarantixxi wkoll dħul biżżejjed għall-awturi sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu bil-ħidma kreattiva artistika u letterarja tagħhom. Id-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu ġestiti b’tali mod li dawn jissodisfaw l-interess ġenerali u l-esiġenzi tal-interess pubbliku, pereżempju permezz ta’ obbligi għall-aċċessibbiltà għal presuni b’diżabbiltà mingħajr ma dawn jiġu penalizzati bl-ispejjeż ta’ aċċess. Jeħtieġ ukoll li nirriflettu dwar il-possibbiltajiet li jiġu estiżi l-eżenzjonijiet u r-restrizzjonijiet sabiex jitjieb l-aċċess ta’ gruppi żvantaġġati ħafna għal-libreriji u ċ-ċentri kulturali pubbliċi, hekk kif kien ippropona l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu tal-2010 (2).
1.3 L-internet sar mezz universali għas-servizzi onlajn; għandhom jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti tekniċi u legali permezz ta’ regoli legali vinkolanti sabiex ikun garantit li d-distributuri tal-kontenut jirrispettaw il-ħajja privata u biex tiġi garantita n-newtralità tan-netwerk, li m’għandux ikun soġġett għal filtrazzjoni ġenerali (3) mingħajr awtorizzazzjoni espliċita minn imħallef maħruġa bl-isem tal-parti kkonċernata jekk ikun hemm biżżejjed evidenza ta’ kkupjar illegali, wara li jkun tressaq ilment speċifiku tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħra relatati.
1.4 Fl-istess vena, il-Kumitat jemmen li l-istituzzjonijiet inkarigati mill-ġestjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi u l-libreriji m’għandhomx ikunu mxekkla minn restrizzjonijiet eċċessivi tal-leġislazzjonijiet li jħarsu d-drittijiet tal-awtur. Ir-rwol tagħhom fil-fatt jikkonsisti fil-konservazzjoni u l-komunikazzjoni tax-xogħlijiet bil-għan kulturali li l-artisti u l-awturi jikbru fil-popolarità mal-pubbliku u jkunu protetti fuq medda twila ta’ żmien, kif ukoll f’li jiġi żgurat aċċess għal pubbliku akbar, b’mod speċjali tfal tal-iskola u studenti, għax-xogħlijiet inkwistjoni, għall-finijiet tal-interess ġenerali bħalma huma s-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-Aġenda Diġitali u l-istrateġija kulturali (4). L-abbozz ta’ Direttiva għax-Xogħlijiet Orfni, appoġġjat mill-Kumitat (5), għandu jibbenefika wkoll bis-sħiħ mis-suċċess tal-istrateġiji Ewropej u nazzjonali li jippromovu l-kultura.
1.5 Is-suq transkonfinali għat-tqassim tax-xogħlijiet onlajn ma joħloq l-ebda problema kbira ta’ aċċess għat-tliet distributuri transkonfinali prinċipali li jikkontrollow tliet kwarti mis-suq u għandhom mezzi finanzjarji u teknoloġiċi adegwati biex il-katalgi tagħhom ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja.
1.5.1 |
Il-Kumitat jistaqsi b’mod aktar speċifiku lill-Kummissjoni biex din tagħmel proposti konkreti speċifiċi għall-għadd kbir tal-SMEs u l-SMIs li jikkostitwixxu r-rikezza kulturali u artistika reali tal-Ewropa fid-diversità tal-lingwi tagħha u tal-kreazzjonijiet letterarji u ċinematografiċi tagħha sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq uniku tat-tqassim tal-kontenut awdjoviżiv onlajn. |
1.6 Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għal ċerti proposti li saru fl-istudju KEA-Cema ta’Ottubru 2010, bħalma huma l-ġabra flimkien tal-katalgi u l-one-stop shops għat-tqassim tal-kontenut lill-pubbliku Ewropew (6). Barra minn hekk, l-analiżi tal-evoluzzjonijiet tas-suq hija dettaljata u pertinenti. L-istrateġiji ta’ tqassim u l-mudelli l-ġodda tan-negozju huma mfassla biex jippromovu t-tqassim legali tax-xogħlijiet b’mod li jiġi massimizzat id-dħul għal kull opportunità ta’ tqassim u jsir l-aħjar użu mix-xogħlijiet. Il-prodotti huma promossi permezz tal-midja soċjali, biex jinħoloq buzz madwarhom, flimkien ma’ mezzi klassiċi ta’ reklamar.
1.7 Jemmen li l-ħolqien ta’ Kodiċi Ewropew komprensiv wieħed tad-drittijiet tal-awtur, hekk kif propost mill-Kummissjoni, jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ meħtieġ tal-armonizzazzjoni tal-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri f’forma ta’ direttiva. Dan jissostitwixxi d-direttivi multipli eżistenti fl-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u jkun is-suġġett ta’ rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri. L-istrateġija Ewropa 2020 (7) għandha tkun ukoll inkorporata f’dan il-Kodiċi Ewropew tad-drittijiet tal-awtur.
1.7.1 |
Kodiċi bħal dan ikun jista’ joħloq perspettiva rigward il-kwistjoni tal-pajjiż ta’ oriġini f’dak li għandu x’jaqsam mal-leġislazzjoni applikabbli bil-ħsieb ta’ armonizzazzjoni effettiva. Fil-każ fejn Stat Membru jipprovdi finanzjament pubbliku għall-ħolqien ta’ xogħlijiet ċinematografiċi, dan l-Istat Membru għandu, b’mod ġenerali, jitqies bħala l-pajjiż ta’ oriġini għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-possibbiltà ta’ “oriġini Ewropea” f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-liġi applikabbli (8). |
1.7.2 |
Għandha titqies il-possibbiltà li jiġu evitati l-klawżoli inġusti fil-kuntratti fejn l-awtur effettiv jew l-awturi effettivi jċedu d-drittijiet tagħhom tax-xogħol lill-produtturi jew distributuri. Ta’ spiss, fil-fatt, l-awtur iċedi dawn id-drittijiet lill-produtturi għat-teknoloġiji kollha eżistenti u futuri mingħajr ma jkun hemm klawżola li tippermettilu jgawdi minn dħul futur iġġenerat mill-użu ta’ midja u kanali ta’ tqassim ġodda (Blue-Ray, IPTV (9), etc.). |
1.7.3 |
Il-kontenut m’għandux jitqies bħala merkanzija. Jeħtieġ li dan inżommuh f’moħħna meta nkunu qed niddiskutu t-tqassim onlajn, li huwa servizz kulturali li jxerred s-sinifikat (“meaning”). |
1.7.4 |
Il-Kumitat jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa li jiġi permess l-aċċess għall-konnessjonijiet bil-broadband sabiex l-utenti tal-internet jibbenefikaw minn riċezzjoni ta’ kwalità u rapida biżżejjed tax-xogħlijiet awdjoviżivi bil-kejbil TV, l-IPTV u l-VOD (10). |
1.8 Għandhom jiġu eżaminati l-possibbiltajiet li jinħolqu sistemi ta’ ġestjoni tad-data relatati maż-żamma tad-drittijiet fuq ix-xogħlijiet awdjoviżivi (11) billi jitqiegħdu fiċ-ċentru tad-diskussjoni tas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni l-karatteristiċi partikolari u l-ħtiġijiet tal-SMEs u l-SMIs. Dan japplika wkoll għall-kwistjoni tal-iżvilupp ta’ liċenzji multiterritorjali li jirrappreżentaw titlu wieħed li jkun validu għas-suq Ewropew kollu. Il-produtturi Ewropej iż-żgħar għandhom jitħeġġu u jiġu megħjuna (12) sabiex il-katalgi tagħhom isiru “Ewropizzati” f’sistema ta’ identifikazzjoni tax-xogħlijiet li tinkludi parti (volontarja) b’informazzjoni dwar id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħra reġistrati f’titlu multiterritorjali.
1.9 Is-sistema ta’ akkwist tad-drittijiet għandha tiggarantixxi t-tqassim trasparenti u ġust tal-parti mid-dħul destinata għad-detenturi tad-drittijiet (13). Huwa essenzjali li l-ġestjoni mis-soċjetajiet kollettriċi jkunu soġġetti għal kontrolli annwali indipendenti u aċċessibbli għall-awturi u għall-pubbliku sabiex l-attivitajiet u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-iżvilupp kulturali (14) jiġu kkontrollati b’mod demokratiku.
1.10 Il-Kumitat huwa tal-fehma li, fuq il-bażi tat-tweġibiet li rċeviet mill-partijiet interessati dwar il-Green Paper, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li fit-tieni nofs tal-2012 tfassal White Paper – wara li fl-ewwel nofs tal-2012 tkun ikkonsultat lill-partijiet interessati, fosthom l-istituzzjonijiet pubbliċi (15), il-KESE permezz ta’ proċedura formali, u t-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi fil-livell Ewropew tal-konsumaturi, l-awturi u d-distributuri – bi proposti aktar konkreti dwar l-azzjonijiet futuri possibbli sabiex jinħoloq Suq Uniku Ewropew tax-xogħlijiet awdjoviżivi minkejja l-ostakli lingwistiċi. Il-Kumitat jagħraf id-diffikultajiet legali u tekniċi li ser ikollu jiffaċċja sabiex imexxi ’l quddiem dan id-dossier importanti, iżda ma jaħsibx li għandu jkun impossibbli li jiġu solvuti.
2. Il-punti prinċipali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
2.1 Dan id-dokument, li huwa relatat direttament mal-Istrateġija Ewropa 2020, jikkomplementa l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”, l-hekk imsejħa strateġija fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (16).
2.2 Is-settur kulturali huwa settur importanti li jimpjega 6 miljun impjegat fl-UE u jikkorrispondi għal EUR 500 biljun fis-sena, jiġifieri 3 % tal-PDG Ewropew. Permezz tal-iżviluppi teknoloġiċi, ix-xandir tax-xogħlijiet awdjoviżivi nbidel radikalment. It-teknoloġija diġitali, l-internet b’veloċità għolja u b’veloċità għolja ħafna, il-cloud computing u l-possibbiltà li wieħed jirċievi x-xogħlijiet awdjoviżivi fuq il-kompjuters u l-mowbajls qed jittrasformaw għalkollox in-netwerks tradizzjonali tat-tqassim.
2.3 Il-Green Paper issemmi diversi approċċi li jistgħu jittieħdu, iżda tippromovi mudell uniku ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur ibbażat fuq liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej.
2.4 Il-Kummissjoni tqis li għandha tiġi ssemplifikata l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għat-trażmissjoni onlajn tax-xogħlijiet awdjoviżivi barra mit-territorju tal-oriġini. Dan jgħodd ukoll għax-xandir tal-programmi fuq talba li jirrikjedu l-ksib ta’ drittijiet differenti minn dawk awtorizzati għax-xandir inizjali.
2.5 Il-Green Paper tispeċifika li t-trażmissjoni simultanja ta’ xandira tirrikjedi awtorizzazzjoni speċifika mingħand id-detenturi tad-drittijiet.
2.6 Għar-ritrażmissjoni simultanja minn Stati Membri oħra, id-Direttiva dwar xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-kejbil (17) tistipula li l-ġestjoni tad-drittijiet għandha ssir minn soċjetà kollettriċi. Dawn id-drittijiet jiżdiedu ma’ dawk liċenzjati direttament mix-xandara.
2.7 Fir-rigward tar-ritrażmissjoni permezz tal-kejbil, il-Kummissjoni tosserva li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet mhux kollha għandhom il-mandat bil-liġi li joħorġu liċenzji għal dawn id-drittijiet.
2.8 Fl-aħħar nett, l-operaturi tad-DSL (Digital Subscriber Line – linja diġitali tal-abbonat), tal-IPTV (Internet Protocol Television – xandir tat-televiżjoni diġitali permezz tal-protokoll tal-internet) u tad-DTT (digital terrestrial television – televiżjoni terrestri diġitali) kif ukoll tal-pjattaformi diġitali ġodda ilhom għal xi snin iħaddmu servizzi ta’ ritrażmissjoni tax-xandiriet, u dan jagħmilha ħafna iktar diffiċli li jiġu osservati l-liġijiet attwali.
2.9 Minn perspettiva ekonomika, il-produzzjoni tal-UE laħqet kważi l-1 200 film fl-2009, filwaqt li bilkemm iġġenerat 25 % tad-dħul fis-swali taċ-ċinema fl-UE meta mqabbla ma’ 68 % tal-films Amerikani. Għall-kuntrarju, il-produzzjoni tal-films tal-UE tirrappreżenta biss 7 % tas-suq Amerikan. Fl-UE, sabiex jiżguraw li film jiġi promoss, il-produtturi u d-distributuri jqassmu l-ħruġ tal-films tagħhom b’mod gradwali. Film ġeneralment joħroġ fis-swali taċ-ċinema, imbagħad bħala vidjow, imbagħad bħala vidjow fuq talba, imbagħad il-film jixxandar fuq it-televixin bi ħlas u, fl-aħħar nett, fuq it-televixin bla ħlas. L-iżvilupp tas-servizzi tal-vidjow fuq talba proposti barra mill-pajjiż li jkun ipproduċa l-film iżid in-numru ta’ msieħba u, għalhekk, ta’ kuntratti.
Sabiex jitnaqqas in-numru ta’ dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni tipproponi ġestjoni kollettiva tax-xogħlijiet u l-ħolqien ta’ one-stop shop għall-għoti kollettiv tal-liċenzji.
2.10 Il-parti l-oħra tal-Green Paper tikkonċerna r-rimunerazzjoni tal-awturi:
Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, din hija ġestita mill-produtturi permezz ta’ pagamenti “ta’ riakkwist” – li jsiru bħala somma f’daqqa – għall-kontribut tagħhom f’xogħol awdjoviżiv. Għaldaqstant, f’dawn l-Istati, l-awturi ma jirċevux rimunerazzjoni addizzjonali b’mod sistematiku meta x-xogħol jixxandar onlajn. F’ċerti Stati, is-soċjetajiet kollettriċi li jirrappreżentaw lill-awturi jirċievu rimunerazzjoni għal kull użu. F’oħrajn, huwa d-distributur finali li huwa responsabbli għall-pagament ta’ dawn is-servizzi.
2.11 Fir-rigward tar-rimunerazzjoni tal-artisti:
Illum il-ġurnata, din ir-rimunerazzjoni hija essenzjalment fuq bażi kuntrattwali u tingħata bħala somma f’daqqa, bħal fil-każ tal-awturi. Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita sistema ta’ rimunerazzjoni iktar ġusta, u dan id-dritt ikun ġestit mis-soċjetajiet kollettriċi. Madankollu, il-Green Paper tindika li dawn id-drittijiet il-ġodda joħolqu inċertezza ekonomika u, għaldaqstant legali, għall-produtturi u jxekklu x-xandir onlajn ta’ dawn ix-xogħlijiet.
3. Kummenti speċifiċi
3.1 Permezz ta’ din il-Green Paper, il-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli tibni s-suq uniku Ewropew permezz tal-konverġenza tar-regoli nazzjonali.
Is-settur ikkonċernat jikkonċerna l-kultura u l-mezzi tax-xandir diġitali tagħha. Huwa qasam partikolari u sensittiv ħafna minħabba li huwa jwassal l-istorja ta’ pajjiż, il-lingwa, it-tradizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu. Huwa ma jistax jiġi ttrattat bħala settur ekonomiku tradizzjonali u lanqas bħala settur ta’ interess ekonomiku ġenerali tradizzjonali. L-approċċ tal-Kummissjoni f’din il-Green Paper jista’ jidher wisq orjentat lejn il-konsumatur. Madankollu, l-analiżi tagħha tad-diversi mekkaniżmi hija waħda dettaljata u kważi tista’ tgħid eżawrjenti.
3.2 It-test, li huwa dettaljat ħafna, jittratta ħafna suġġetti differenti iżda l-għan prinċipali tal-Kummissjoni huwa li tibni s-suq uniku ta’dan is-settur.
3.3 Fir-rigward tas-sitwazzjoni tax-xandir awdjoviżiv u tad-drittijiet relatati miegħu, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq diversi osservazzjonijiet:
L-ewwel waħda hija li s-sistema attwali mhix qed tiffunzjona u hija kumplessa u tiswa ħafna flus għall-konsumatur finali. It-tieni waħda hija li l-aggregazzjoni tal-produzzjonijiet nazzjonali tista’ żżid il-vijabilità kummerċjali tas-suq ġenerali. Il-VOD, li huwa indipendenti mill-fornituri l-kbar tal-aċċess jew l-iTunes, jiffaċċja diffikultajiet fl-akkwisti tad-drittijiet esklużivi territorjali jew Ewropej fuq ix-xogħlijiet, fejn id-drittijiet ta’ spiss ikunu konċentrati għand il-produtturi, li jfittxu li jimmassimizzaw id-dħul tagħhom b’mezzi oħra (b’mod partikolari bil-bejgħ ta’ DVDs).
3.4 Nimxu lejn ġestjoni ċentralizzata tal-liċenzji (l-aggregazzjoni tal-mezzi u s-sorsi tat-tagħrif biex jiġi żviluppat is-settur):
Għaldaqstant, il-Green Paper tipproponi l-għoti ta’ liċenzji tad-drittijiet tal-awtur onlajn għas-servizzi f’diversi territorji u tappoġġja l-istabbiliment ta’ mudell uniku tal-liċenzji li jippermetti l-liċenzjar multiterritorjali.
Il-KESE jqis li din tista’ tkun soluzzjoni tajba għal reġjun lingwistiku partikolari.
3.5 Il-kwantità kbira ta’ mezzi tax-xandir u ta’ riċevituri interattivi, u l-mobilità tal-klijenti jagħmlu pressjoni kbira fuq il-mudelli ekonomiċi tan-netwerks tat-tqassim.
3.6 Illum il-ġurnata, il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet u ta’ liċenzji jsir essenzjalment fil-livell nazzjonali u huwa bbażat fuq in-negozjar ta’ kuntratti bejn il-produttur tax-xogħol u d-distributur onlajn. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrikonoxxi li s-sistema proposta mill-Kummissjoni bla dubju fiha l-vantaġġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess rapidu u sempliċi għad-data pprovduta mill-produtturi. Hija tista’ tkun xprun addizzjonali għax-xandir ta’ xogħlijiet nazzjonali illi, li kieku ma jkunx hekk, jibqgħu fil-livell lokali.
3.7 Madankollu, ta’ min jinnota li l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar ix-xandir bis-satellita, li tmur lura ħmistax-il sena, ma ġġeneratx servizzi pan-Ewropej ta’ xandir bis-satellita.
3.8 Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ reġistru Ewropew tax-xogħlijiet li jista’ joħloq riskji li huma diffiċli li jiġu vvalutati.
Il-KESE jqis li din il-bażi tad-data għandha tkun purament informattiva.
Speċifikament, il-kwistjoni dwar jekk ix-xogħol jiġix elenkat jew le ma tistax tikkundizzjona l-aċċess għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.
3.9 Din l-istruttura Ewropea għandha l-vantaġġ li tgħaqqad flimkien l-operaturi Ewropej tal-produzzjoni u tax-xandir biex ikunu jistgħu jikkompetu mal-kumpaniji l-kbar ibbażati f’Hollywood li jistabbilixxu ruħhom fl-Ewropa.
Barra minn hekk, huwa interessanti li wieħed jinnota li hemm kumpaniji Amerikani kbar (eż. Warner Bros., Disney, eċċ.) li qed jaħdmu fuq it-tfassil ta’ sistema internazzjonali ta’ numri ta’ identifikazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi (Entertainment Identifier Registry).
3.10 Bl-istess mod, min-naħa tagħhom xi produtturi Franċiżi ilhom mill-2004 jaħdmu biex jiżviluppaw l-ISAN (International Standard Audiovisual Number – numru awdjoviżiv standard internazzjonali). Iċ-ċifri dwar il-produzzjoni tal-films Ewropej u dawk Amerikani li ssemmew hawn fuq huma ta’ tħassib. Infakkru li b’din is-sistema, il-produzzjoni Amerikana tirrappreżenta 75 % tad-dħul fis-swali taċ-ċinema fl-Ewropa. Għaldaqstant, il-ġestjoni ta’ din is-sistema hija fundamentali.
3.11 Infakkru li huma l-produtturi li fin-negozjati kummerċjali tagħhom mad-distributuri jiffissaw, permezz ta’ kuntratt u fuq bażi ta’ somma mogħtija f’daqqa, l-ammont ta’ drittijiet imħallsa lill-awturi u lid-detenturi tad-drittijiet u jiżguraw il-pagament tagħhom. Il-problema tar-rimunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tista’ tissolva parzjalment permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata. Min-naħa l-oħra, l-idea attraenti li jibda jintuża proċess ta’ rimunerazzjoni skont l-udjenza kkalkulata fuq diversi snin tidher waħda diffiċli.
3.12 Hemm konflitt ta’ interess reali bejn il-produtturi, id-distributuri tal-films u l-kontributuri. Min-naħa, il-produtturi jkunu jixtiequ li film joħroġ għall-ewwel darba fis-swali taċ-ċinema biex jiżguraw li xogħlijiethom jiġu promossi bl-aqwa mod possibbli u, min-naħa l-oħra, id-distributuri jitolbu li dawn ix-xogħlijiet joħorġu iktar malajr sabiex ikunu disponibbli bħala vidjows, fuq it-televixin bi ħlas u bħala midja fuq talba.
3.13 Il-KESE jaħseb li hemm bżonn isiru negozjati biex jiġu aġġustati dawn il-perjodi ta’ żmien, fid-dawl tal-fatt li kibret l-influwenza tal-IPTV, tal-ADSL u tal-pjattaformi diġitali. Fir-rigward tax-xogħlijiet antiki li m’għadhomx jagħmlintrodotta sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ inventarju tax-xogħlijiet marbuta ma’ bażi tad-data tad-detenturi tad-drittijiet.
3.14 Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tiddependi mill-ġestjoni kollettiva tax-xogħlijiet (bażi tad-data) biex tistimula dan is-settur. L-UE se tkun tista’ tikkompeti mal-qawwa tal-kumpaniji multinazzjonali Amerikani? L-abbandun f’salt tas-sistemi nazzjonali attwali jinvolvi riskji reali.
3.15 Skont il-KESE, għandhom isiru valutazzjonijiet serji qabel ma jiġu abbandunati s-sistemi nazzjonali attwali jew qabel jitneħħew gradwalment. Kif osservajna fil-passat, il-“lobbies” inkarigati biex iħarsu l-interessi tal-kumpaniji Amerikani huma effikaċi u ovvjament dawn iħeġġu l-liberalizzazzjoni ta’ dan is-settur li jħalli ħafna qligħ.
3.16 Il-Kummissjoni, permezz ta’ dan il-proġett, tixtieq tiżviluppa ċ-ċirkulazzjoni tax-xogħlijiet tal-UE u tirregolaha. Għaldaqstant, is-sinjali tekniċi u regolatorji li qed tibgħat il-Kummissjoni huma importanti għax jistgħu jħaffu l-proċess tal-liberalizzazzjoni li diġà nbeda minn oħrajn.
3.17 Il-KESE jappoġġja mingħajr riżervi kull pass li tieħu l-Kummissjoni biex tiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini għax-xogħlijiet onlajn. Dan l-aċċess għandu jkun possibbli kullimkien fit-territorju tal-UE, bi prezzijiet affordabbli. Huwa jippermetti li l-kultura tal-Istati Membri tixxerred iktar filwaqt li jiffaċilita l-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-Kumitat huwa tal-fehma li ċerti forom ta’ “versioning” jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-objettivi kulturali tat-tqassim onlajn, bħalma huma l-introduzzjoni tar-riklami fix-xogħlijiet oriġinarjament maħsuba mingħajr waqfiet pubbliċitarji, anki jekk dawn il-verżjonijiet ta’ kwalità iktar baxxa jistgħu jippermettu t-tqassim b’xejn jew bi spejjeż baxxi tax-xogħlijiet mutilati. Dan kollu jista’ jitqies f’kodiċi ta’ kwalità volontarju għad-distributuri onlajn permezz tal-internet, il-kejbil jew it-trażmissjonijiet terrestri li jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw aktar ix-xogħlijiet oriġinali.
3.18 L-opinjoni tal-KESE dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Suq uniku għad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali” (18) tiġbed l-attenzjoni għad-diversità tal-mudelli nazzjonali differenti u l-approċċi kontradittorji tal-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam kulturali. Din hija r-raġuni għalfejn il-KESE, filwaqt li huwa konxju li d-diskussjonijiet għadhom ma ntemmux, iqis li l-ewwel pass għandu jkun li jiġu definiti l-prinċipji ta’ kodiċi Ewropew. Fl-ewwel fażi, dan il-kodiċi, ibbażat fuq ir-rispett tal-ispeċifiċitajiet kulturali ta’ kull pajjiż, għandu jkun limitat biex jistabbilixxi prinċipji sempliċi u essenzjali li kull pajjiż jirrispetta meta jinħarġu l-liċenzji.
3.19 Il-KESE huwa tal-fehma li mhuwiex tajjeb li d-dritt tal-pajjiż tal-oriġini jiġi estiż, għaliex dan il-prinċipju, li altrimenti huwa ġust, jista’ jiġi evitat billi l-kumpanija li tipprovdi s-servizz tagħżel il-pajjiż li fih tistabbilixxi ruħha. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni bdiet tieħu azzjonijiet u tagħmel konsultazzjonijiet sabiex l-operaturi tat-trażmissjoni tad-data jinvestu f’netwerks ġodda li jkunu kapaċi jġestixxu t-traffiku tagħhom b’mod effiċjenti u bi prezzijiet affordabbli.
3.20 Fil-Green Paper li qed tiġi eżaminata, il-Kummissjoni tafferma li l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet għandha tistimula t-tkabbir tan-netwerks diġitali. Għad trid tiġi żgurata l-kapaċità finanzjarja tal-operaturi tan-netwerks li jimmodernizzaw u jżidu l-kapaċità tagħhom ta’ xandir. Huwa għalhekk li l-opinjoni tal-KESE dwar “L-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa” (19) tipprovdi kontribut kbir rigward diversi argumenti msemmija f’din il-Green Paper.
3.21 Għar-ritrażmissjoni simultanja minn Stati Membri oħra, id-direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita timponi l-obbligu li l-ġestjoni tad-drittijiet issir minn soċjetà kollettriċi. Dawn id-drittijiet jiżdiedu ma’ dawk liċenzjati direttament mix-xandara. Din il-proċedura doppja, li tidher pedantika, hija meħtieġa sabiex jiġi evitat li t-trażmissjoni tinqata’ waqt li jkun għaddej il-programm (użu ta’ apparat diġà użat minn xandiriet oħra).
3.22 Il-Kummissjoni tqis li l-finanzjamenti nazzjonali huma vitali għall-iżvilupp tas-settur awdjoviżiv u tappoġġja l-programm “MEDIA” maħluq biex jagħti spinta lit-tqassim tax-xogħlijiet f’diversi territorji. Il-KESE jaqbel ma’ din l-affermazzjoni iżda jinnota t-tnaqqis ta’ dawn is-sussidji u l-aggregazzjoni massiva fost id-donaturi għall-iffinanzjar ta’ film.
Brussell, 22 ta’ Frar 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Każijiet reċenti: Padawan u SABAM.
(2) ĠU C 228, 22.09.2009, p. 52.
(3) Kawża SABAM vs Scarlet.
(4) COM(2007) 242 final.
(5) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 66.
(6) “L-għoti ta’ Liċenzja Multiterritorjali ta’ Xogħlijiet Awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea” (“Multi-Territory Licensing of Audiovisual Works in the European Union”), studju indipendenti li twettaq għad-DĠ Soċjetà Informatika u Mezzi ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Ottubru 2010. Ara wkoll il-Komunikazzjoni “Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku”, COM(2007) 836 finali.
(7) ĠU C 68, 6.03.2012, p. 28.
(8) It-28 reġim, diġà propost mill-Kumitat fir-rigward tal-liġi Ewropew tal-kuntratti. ĠU C 21, 21.01.2011, p. 26.
(9) Internet TV.
(10) Vidjow fuq talba.
(11) Il-ħidma tal-produtturi fuq sistema internazzjonali tal-identifikazzjoni tax-xogħlijiet (ISAN, International Standard Audiovisual Number). Iżda l-ISAN ma jinkludix informazzjoni dwar iż-żamma tad-drittijiet, u l-parteċipazzjoni hija volontarja. Uħud mill-istudjos il-kbar Amerikani jużaw sistema simili (EIDR, Entertainment Identifier Registry) eidr.org/how-eidr-works/ Din is-sistema ta’ identifikazzjoni tinkludi numru ta’ kodiċi li l-iżviluppaturi jirċievu mill-APIs iżda ma tissemmiex fiha s-sjieda tad-drittijiet fuq ix-xogħlijiet.
(12) Pereżempju, permezz tal-programm MEDIA, previst sal-2013, li jista’ mbagħad jiġi sostitwit minn programm ġdid ta’ appoġġ.
(13) ĠU C 68, 6.03.2012, p. 28.
(14) Id.
(15) Korpi nazzjonali ta’ finanzjament għall-films, libreriji u ċentri kulturali.
(16) COM(2011) 287 finali.
(17) Direttiva 93/83/KEE (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).
(18) ĠU C 68, 6.03.2012, p. 28.
(19) ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139.