Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AA0002

    L-Opinjoni Nru 2/2012 (skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) u l-Artikolu 311 u l-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika) dwar proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 739, dwar proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 740, dwar proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti — COM(2011) 742, dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud — COM(2011) 737, dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji — COM(2011) 738

    ĠU C 112, 18.4.2012, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 112/1


    L-OPINJONI Nru 2/2012

    (skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) u l-Artikolu 311 u l-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika)

    dwar proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 739,

    dwar proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 740,

    dwar proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti — COM(2011) 742,

    dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud — COM(2011) 737,

    dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji — COM(2011) 738

    2012/C 112/01

    WERREJ

     

    Paragrafu

    Paġna

    INTRODUZZJONI …

    1-4

    3

    Il-PARTI I…

    5-54

    3

    Taqsira …

    5-11

    3

    Osservazzjonijiet speċifiċi …

    12-54

    4

    Eliminazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT …

    12-13

    4

    L-introduzzjoni ta’ riżorsa li ttieħdet mir-riċevuti tal-VAT tal-Istati Membri …

    14-24

    4

    Ir-riżorsa l-ġdida tal-VAT hija eħfef iżda teħtieġ kjarifika dwar iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-aġġornamenti tal-kalkoli …

    17-18

    4

    Ir-raġunament għal rapporti dwar il-frodi u l-irregolaritajiet mhuwiex ċar …

    19

    4

    Is-sistemi ta’ kontroll u r-rekwiżiti ta’ aċċess jeħtieġ li jiġu speċifikati …

    20-22

    5

    Ir-rapporti tal-Istati Membri se jgħinu lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-kontrolli interni …

    23

    5

    Il-proċeduri għal irkupri u tħassir għandhom ikunu armonizzati …

    24

    5

    L-introduzzjoni ta’ riżorsa proprja li ttieħdet mill-introjtu tal-Istati Membri mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji …

    25-36

    5

    L-introduzzjoni tal-FTT tista’ tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-baġit tal-Istati Membri …

    30

    6

    Ir-riskji għas-suppożizzjonijiet dwar ir-riċevuti tal-FTT …

    31-34

    6

    Il-bidliet fl-għamla tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri …

    35

    6

    Ir-rekwiżiti ta’ kontroll u aċċess jeħtieġ li jiġu speċifikati …

    36

    6

    Ir-riforma ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni …

    37-47

    6

    Il-korrezzjoni ta’ ammont b’rata fissa hija eħfef iżda xorta waħda mhix trasparenti …

    40-42

    6

    In-nuqqas ta’ kriterji biex jiġi stabbilit “il-piż eċċessiv tal-baġit”…

    43-44

    7

    Ir-reviżjoni f’nofs it-terminu tal-applikabbiltà tal-korrezzjonijiet meħtieġa …

    45-47

    7

    It-tnaqqis fil-perċentwal ta’ riżorsi proprji tradizzjonali miżmuma mill-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir …

    48-51

    7

    Ir-rabta bejn ir-rata ta’ retenzjoni u l-ispiża tal-ġbir tibqa’ mhux ċara …

    49-50

    7

    Iż-żieda fit-TOR tista’ tkun inqas milli previst minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ retenzjoni …

    51

    7

    Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-introjtu nazzjonali gross …

    52-54

    8

    In-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “bidliet sinifikanti fl-ING”…

    53-54

    8

    Il-PARTI II …

    8

    Lista ta’ kummenti għal kull proposta leġiżlattiva …

    8

    IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 287(4), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 311 u l-Artikolu 322(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet preċedenti mogħtija mill-Qorti tal-Awdituri dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej u l-Opinjonijiet tagħha Nru 4/2005 (1), Nru 2/2006 (2) u Nru 2/2008 (3) dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod partikolari,

    Wara li kkunsidrat it-talbiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Diċembru 2011, għal opinjoni dwar il-proposti msemmija qabel,

    Billi l-Kunsill Ewropew ta' Fontainebleau tal-25 u tas-26 ta' Ġunju 1984 ikkonkluda fost l-oħrajn (4), li l-politika tan-nefqa hija fl-aħħar nett il-mezz essenzjali biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-iżbilanċi tal-baġit. Madanakollu, kwalunkwe Stat Membru li qed iġarrab piż tal-baġit li huwa eċċessiv meta mqabbel mal-prosperità relattiva tiegħu jista' jibbenifika minn korrezzjoni fiż-żmien approprjat.

    Billi l-Kunsill Ewropew ta' Berlin tal-24 u tal-25 ta' Marzu 1999 ikkonkluda (5), fost l-oħrajn, li s-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni għandha tkun ġusta, trasparenti, kost-effettiv[a] u sempliċi u li għandha tkun ibbażata fuq kriterji li jesprimu bl-aħjar mod l-abilità ta' kull Stat Membru li jikkontribwixxi.

    Billi l-Kunsill Ewropej [Ewropew] ta' Brussell tal-15 u tas-16 ta' Diċembru 2005 laħaq ftehim (6), fost l-oħrajn, li l-arranġamenti dwar ir-riżorsi proprji għandhom ikunu ggwidati mill-għan ġenerali tal-ekwità, għaldaqstant dawn l-arranġament[i] għandhom jiżguraw, li l-ebda Stat Membru ma jkollu jġorr piż baġitarju li jkun eċċessiv meta mqabbel mal-prosperità relattiva tiegħu u li huwa għalhekk xieraq li jiddaħħlu dispożizzjonijiet li jkopru lill-Istati Membri speċifiċi,

    ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

    INTRODUZZJONI

    1.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, is-sistema attwali tal-finanzjament tal-baġit tal-UE hija kumplessa u nieqsa mit-trasparenza. Il-Kummissjoni għamlet reviżjoni ta' din is-sistema, billi tfittex li tirrimedja wħud mid-dgħufijiet attwali. Il-proposta tagħha tibni fuq l-opportunitajiet ippreżentati mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (7) (TFUE) li jippermettu għall-ħolqien ta’ riżorsi ġodda u tqis il-ħtieġa għal konsolidazzjoni baġitarja biex tindirizza l-kriżi finanzjarja attwali.

    2.

    Fid-9 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill u erba’ Regolamenti tal-Kunsill dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji għall-perjodu tal-2014. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta u l-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha jipprovdu r-raġuni fundamentali għall-mudell il-ġdid għall-finanzjament tal-baġit tal-UE li jiffinanzja u jistipulaw l-elementi ewlenin tas-sistema l-ġdida ta’ “riżorsi proprji”. Ir-regolamenti proposti jistipulaw f’aktar dettall kif id-deċiżjoni dwar riżorsi proprji għandha tiġi implimentata.

    3.

    Il-Kummissjoni tipproponi ħames bidliet sinifikattivi għall-mod kif il-baġit tal-Unjoni Ewropea se jiġi ffinanzjat għall-perjodu tal-2014-2020:

    l-eliminazzjoni tar-riżorsa proprja eżistenti bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT);

    l-introduzzjoni ta’ riżorsa ġdida li ttieħdet mill-fatturi tal-VAT tal-Istati Membri;

    l-introduzzjoni ta’ riżorsa proprja li ttieħdet mill-fatturi tal-Istati Membri mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji proposta (FTT);

    ir-riforma tal-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni, u

    tnaqqis fil-perċentwal ta’ riżorsi proprji tradizzjonali (TOR) miżmuma mill-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir.

    4.

    Din l-opinjoni tkopri d-deċiżjoni u r-regolamenti flimkien bħala pakkett. Fil-Parti I, il-paragrafi 5 sa 51 jiddeskrivu l-bidliet proposti u jiddikjaraw l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar dawn u huma bbażati fuq opinjonijiet preċedenti tal-Qorti fejn hu relevanti. Il-paragrafi 52 sa 54 jindirizzaw arranġamenti marbuta mal-introjtu nazzjonali gross (ING) – abbażi tar-riżorsi proprji li ma jinbidlux b’mod sinifikanti mir-regolamenti l-ġodda iżda li l-Qorti għamlet xi osservazzjonijiet fuqhom. Il-Parti II tikkonsisti f'lista ta' kummenti tal-Qorti għal kull proposta leġiżlattiva.

    IL-PARTI I

    Taqsira

    5.

    Il-Qorti tinnota li l-proposta għall-eliminazzjoni tar-riżorsa proprja attwali bbażata fuq il-VAT twieġeb għad-dgħufijiet identifikati mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Qorti fl-opinjonijiet preċedenti.

    6.

    Il-Qorti tqis li riżorsa proprja proposta u bbażata fuq il-VAT xorta se tkun waħda kumplessa, iżda inqas mir-riżorsa proprja eżistenti bbażata fuq il-VAT. Huwa importanti li r-rekwiżiti tal-Kummissjoni ta’ kontroll u aċċess ikunu definiti b’mod ċar. Għandha ssir referenza għad-drittijiet għall-aċċess tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-TFUE.

    7.

    L-użu tal-FTT bħala riżorsa proprja jiddependi fuq l-introduzzjoni ta’ dik it-taxxa fl-Istati Membri kollha tal-UE. Hemm imprevidibbiltà għall-ammont ta’ riżorsi proprji li jistgħu jinġiebu minn dan is-sors. Kwalunkwe introjtu ta’ dan it-tip inaqqas l-affidabbiltà fiq ir-riżorsa bbażata fuq l-ING.

    8.

    Il-korrezzjonijiet proposti tal-ammont b’rata fissa għal erba’ Stati Membri huma eħfef mis-sistema attwali, iżda hemm l-iżvantaġġi xorta waħda.

    9.

    Il-Qorti tikkummenta li r-rabta bejn ir-rata ta’ retenzjoni u l-ispiża tal-ġbir tat-TOR tibqa’ mhux ċara.

    10.

    Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING ma ġietx milquta mill-proposti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Qorti tinnota li, bħal fil-perjodi ta’ finanzjament attwali u preċedenti, il-Kummissjoni tirreferi għal azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’każijiet ta’ “bidliet sinifikanti” fl-ING iżda ma ddefinixxietx x’jikkostitwixxi l-“bidla sinifikanti”.

    11.

    L-impatt globali tal-bidliet proposti mill-Kummissjoni kieku jkun li tinbidel l-għamla tar-riżorsi kif ukoll is-sehem imħallas minn Stati Membri individwali lill-baġit tal-UE.

    Osservazzjonijiet speċifiċi

    Eliminazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT

    12.

    Il-Kummissjoni tipproponi li r-riżorsa proprja eżistenti bbażata fuq il-VAT tiġi eliminata mill-2014 ’il quddiem. Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni mad-Deċiżjoni proposta li tiddikjara li t-tneħħija ta’ din ir-riżorsa proprja kumplessa kieku tissimplifika b’mod konsiderevoli l-kontribuzzjonijiet nazzjonali u tnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri. Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT ammontat għal 11,2 % ta’ riżorsi proprji fl-2010.

    13.

    Il-Qorti kkritikat din ir-riżorsa proprja f’diversi okkażjonijiet (8) għal kumplessità tal-kalkolu tagħha li jinvolvi riżorsi amministrattivi sinifikanti (9) u n-nuqqas tagħha ta’ rabta diretta mal-bażi għat-taxxa. Il-Qorti tinnota li l-proposta tindirizza dawn id-dgħufijiet.

    L-introduzzjoni ta’ riżorsa li ttieħdet mir-riċevuti tal-VAT tal-Istati Membri

    14.

    Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi riżorsa proprja ġdida biex tittieħed mir-riċevuti tal-VAT tal-Istati Membri. Il-proposta tiddikjara li s-sehem tal-VAT għandu jkun disponibbli minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni minħabba li r-riżorsi proprji jkunu 1% (10) tal-valur nett ta' provvisti ta' merkanzija u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji ta' oġġetti u għall-importazzjoni ta' oġġetti suġġetti għal rata standard ta' VAT f'kull Stat Membru stabbiliti skont ir-regoli tal-Unjoni.

    15.

    Il-metodu tal-kalkolu dettaljat huwa stipulat fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud - COM(2011) 737 tad-9 ta’ Novembru 2011. Dan jitlob li l-Kummissjoni tiddetermina, qabel l-2014, proporzjon medju uniku tal-Unjoni tal-valur tal-provvisti taxxabbli (11) meta mqabbla mal-valur tal-provvisti totali.

    16.

    Ir-riżorsa proprja l-ġdida tal-VAT kieku tiġi introdotta mill-1 ta’ Jannar 2014 u tkun disponibbli kull xahar għall-Istati Membri b'mod simili għal dak tar-riżorsi proprji tradizzjonali, iżda mingħajr retenzjoni għall-ispejjeż tal-ġbir. Skont il-Kummissjoni, sal-2020, din ir-riżorsa proprja kieku tikkontribwixxi 18 % tar-riżorsi proprji tal-UE.

    Ir-riżorsa l-ġdida tal-VAT hija eħfef iżda teħtieġ kjarifika dwar iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-aġġornamenti tal-kalkoli

    17.

    Din ir-riżorsa l-ġdida hija maħsuba li tkun eħfef u tinvolvi inqas spejjeż amministrattivi. Madankollu, il-kalkolu tal-proporzjon medju msemmi fil-paragrafu 15 jiddependi fuq l-istess tip ta’ data statistika kumplessa li tintuża għall-kalkolu tar-riżorsa proprja attwali bbażata fuq il-VAT. Dan kieku jkun kalkolu ta’ darba tal-proporzjon medju li jkun validu għall-perjodu kollu tal-2014-2020. Għaldaqstant, il-preċiżjoni ta’ dan il-kalkolu hija importanti. Hemm dispożizzjoni biex dan il-kalkolu jiġi aġġornat abbażi ta’ raġunijiet iġġustifikati kif xieraq. Il-proposta tal-Kummissjoni ma tispeċifikax x’jistgħu jkunu dawn iċ-ċirkostanzi.

    18.

    Id-determinazzjoni tal-intitolament tal-UE tinvolvi wkoll li jsiru korrezzjonijiet għall-VAT miġbura, għalkemm inqas milli taħt is-sistema attwali bbażata fuq il-VAT. Għaldaqstant, ir-riżorsi proprji proposti ta’ bbażati fuq sehem tal-VAT kieku xorta jibqgħu kumplessi, iżda inqas mir-riżorsa proprja eżistenti bbażata fuq il-VAT.

    Ir-raġunament għal rapporti dwar il-frodi u l-irregolaritajiet mhuwiex ċar

    19.

    Il-Kummissjoni tipproponi li għar-riżorsa proprja l-ġdida tal-VAT (12), l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni, każjiet ta' frodi u irregolaritajiet misjuba li jinvolvu intitolamenti ta' 'l fuq minn EUR 10 000. Dan ir-rekwiżit huwa bbażat fuq is-sistema attwali għar-rappurtar ta’ frodi u rregolaritajiet tat-TOR. Is-sehem tal-VAT miġbura li għandu jinġabar bħala riżorsi proprji huwa żgħir. Il-Qorti tappoġġja l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet iżda tissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tiċċara jekk il-vantaġġi potenzjali tar-rekwiżit ta’ rappurtar jegħlbux l-iżvantaġġi probabbli fit-termini ta’ spejjeż amministrattivi għall-Istati Membri.

    Is-sistemi ta’ kontroll u r-rekwiżiti ta’ aċċess jeħtieġ li jiġu speċifikati

    20.

    L-Artikoli 5-8 tal-proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 740 tad-9 ta’ Novembru 2011 jistipulaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u s-sorveljanza tar-reġim tar-riżorsi proprji l-ġodda. Dawn jirriflettu ħafna fuq l-arranġamenti eżistenti fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (13).

    21.

    L-Artikolu 5(4) jiddikjara li l-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti ta' sostenn dwar l-istabbilment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, “u għal kwalunkwe dokumenti oħra xierqa marbuta ma’ dawk id-dokumenti ta' sostenn”. L-introduzzjoni tar-riżorsa proprja l-ġdida tal-VAT tista’ titlob l-aċċess tal-aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni għar-reġistri tal-ġbir u l-infurzar tal-Istati Membri minħabba r-rabta diretta bejn it-taxxa miġbura u r-riżorsa proprja. Il-limiti u l-livelli preċiżi ta’ dan l-aċċess għandhom jiġu stabbiliti b’mod espliċitu. Barra minn dan, għandha ssir referenza għad-drittijiet għall-aċċess tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-TFUE.

    22.

    Dawn id-dispożizzjonijiet ma jiddiskriminawx bejn it-TOR, meta l-introjtu kollu huwa dovut lill-UE (inqas retenzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir) u l-VAT, meta l-introjtu huwa dovut lill-Istat Membru u sussegwentement, sehem huwa allokat lill-UE (14). Għalhekk għandu jiġi ċċarat jekk il-possibbiltà għall-ispetturi tal-Kummissjoni li jikkuntattjaw lid-debituri, kif stipulat fl-Artikolu 7(2) tar-regolament propost, għandhiex tinkludi d-debituri tal-VAT tal-Istati Membri.

    Ir-rapporti tal-Istati Membri se jgħinu lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-kontrolli interni

    23.

    L-Artikolu 5(4), it-tieni subparagrafu, tal-COM(2011) 740 huwa ġdid u jeħtieġ l-Istati Membri li jibagħtu lill-Kummissjoni, fuq talba, dokumenti bħal rapporti ta’ verifika interna relevanti. Dan jippermetti lill-Kummissjoni biex tikseb assigurazzjoni addizzjonali dwar l-operazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern.

    Il-proċeduri għal irkupri u tħassir għandhom ikunu armonizzati

    24.

    Hemm differenza fit-trattament tad-djun tal-Komunità soġġett għal proċeduri ta’ rkupru bejn dawn l-ammonti li ma tħallsux kif xieraq skont il-politika agrikola komuni u d-djun ta’ dazji doganali. Dan hu partikolarment il-każ skont il-leġiżlazzjoni tal-UE għal proċeduri ta’ tħassir (15). L-Artikolu 12 tal-proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti - COM(2011) 742 tad-9 ta’ Novembru 2011 iżommu din l-inkonsistenza. Il-Qorti tqis li filwaqt li d-djun kollha tal-Komunità għandhom jirċievu l-istess trattament, il-proċeduri għandhom ikunu armonizzati wkoll.

    L-introduzzjoni ta’ riżorsa proprja li ttieħdet mill-introjtu tal-Istati Membri mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

    25.

    L-introduzzjoni tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji kienet proposta fit-28 ta’ Settembru 2011 fil-COM(2011) 594: Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE. Il-Qorti ma ġietx mitluba biex tipprovdi opinjoni dwar din il-proposta. Hija ġiet mitluba biex tagħti opinjoni dwar l-adegwatezza tat-taxxa bħala riżorsa proprja.

    26.

    It-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji kieku tkun taxxa mifruxa mal-Ewropa kollha fuq:

    (a)

    ix-xiri u l-bejgħ ta’ strument finanzjarju;

    (b)

    it-trasferiment bejn entitajiet ta’ grupp tad-dritt li jiddisponu minn strument finanzjarju bħala s-sid u kwalunkwe operazzjoni ekwivalenti li timplika t-trasferiment tar-riskju assoċjat mal-istrument finanzjarju; u

    (c)

    il-konklużjoni jew il-modifika ta’ ftehim dwar derivati.

    27.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-VAT, id-dħul mit-taxxa jkun dovut lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tipproponi li sehem minn din it-taxxa għandu jagħmel parti minn riżorsi proprji. Dan is-sehem ikun żewġ terzi tar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva proposta dwar l-FTT. Dawn ir-rati minimi huma stabbiliti għal 0,1% tal-ammonti taxxabbli (0,01 % fil-każ ta’ derivati).

    28.

    Huwa propost li r-riżorsa proprja tal-FTT tiġi introdotta mill-1 ta’ Jannar 2014, tinġabar mill-Istati Membri u tkun disponibbli kull xahar b'mod simili għal dak tar-riżorsi proprji tradizzjonali, iżda mingħajr retenzjoni għall-ispejjeż tal-ġbir. Skont il-Kummissjoni, sal-2020 is-sehem tal-UE tal-FTT kieku jammonta għal 23 % tar-riżorsi proprji.

    29.

    Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni, dan ikun sors ġdid ta’ introjtu li li jista' jnaqqas il-kontribuzzjonijiet eżistenti tal-Istati Membri u jikkontribwixxi għall-isforz ġenerali għall-konsolidazzjoni tal-baġit.

    L-introduzzjoni tal-FTT tista’ tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-baġit tal-Istati Membri

    30.

    Il-premessa 8 għall-proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 739 tad-9 ta’ Novembru 2011 tiddikjara li l-iżvilupp tas-sistema tar-riżorsi proprji għandha tnaqqas il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit annwali tal-Unjoni u tipparteċipa fl-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw il-baġit. L-introduzzjoni ta’ FTT, kif propost fil-COM(2011) 594, tista’ tipprovdi aktar riżorsi għall-baġits nazzjonali tal-Istati Membri u għalhekk tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-baġit tagħhom.

    Ir-riskji għas-suppożizzjonijiet dwar ir-riċevuti tal-FTT

    31.

    Il-Kummissjoni tiddikjara, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni, li l-inizjattiva li tiġi introdotta din it-taxxa fl-Unjoni Ewropea se tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn l-applikazzjoni tat-TTF [FTT] fil-livell globali. Il-potenzjal tal-introjtu għall-FTT fil-livell nazzjonali huwa vvalutat bħala sinifikanti (16) bil-kontribuzzjoni antiċipata ta’ EUR 37 biljun għall-baġit tal-UE sal-2020.

    32.

    Il-Qorti tqis li fin-nuqqas ta’ FTT globali, hemm riskju li r-rilokazzjoni, li permezz tagħha l-istituzzjonijiet finanzjarji jiċċaqalqu sabiex jesegwixxu t-tranżazzjonijiet fil-ġurisdizzjonijiet barra l-UE, taffettwa din is-suppożizzjoni b’mod materjali. Sabiex jiġu ssodisfati s-suppożizzjonijiet li fuqhom huwa bbażat is-sors ġdid ta’ introjtu tar-riżorsa proprja bbażat fuq it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju, din għandha tiġi introdotta fl-Istati Membri kollha.

    33.

    Il-proposta li jiġi allokat sehem tal-FTT bħala riżorsa proprja tassumi li l-Kunsill se jaċċetta l-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jintroduċu dik it-taxxa. Il-Qorti m’għandhiex tikkummenta fuq il-probabbiltà jew ix-xewqa ta’ deċiżjoni bħal din.

    34.

    Ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING li jintużaw fil-perjodu 2007-2013 huma bażijiet tat-taxxa relattivament stabbli u previdibbli. Riżorsa proprja li tittieħed mill-FTT għall-kuntrarju tkun ibbażata b’mod limitat fuq attività ekonomika li hija soġġetta għal varjazzjonijiet sinifikanti u imprevidibbli. Din il-volatilità jista’ jkollha impatt fuq il-livell ta’ riżorsi proprji li għandhom jinġiebu minn dak is-sors.

    Il-bidliet fl-għamla tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri

    35.

    It-trasferiment ta’ sehem tal-FTT miġbur għall-baġit tal-UE, inaqqas il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING bl-istess ammont. L-effett fuq il-kontribuzzjonijiet lill-baġit annwali tal-Unjoni jkun newtrali fil-livell tal-UE-27. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ sehem tal-FTT bħala riżorsa ġdida tal-UE tibdel b’mod sinifikanti l-inċidenza tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri lill-baġit annwali tal-Unjoni.

    Ir-rekwiżiti ta’ kontroll u aċċess jeħtieġ li jiġu speċifikati

    36.

    L-Artikoli 5 sa 8 tal-COM(2011) 740 jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw kontroll u sorveljanza tar-reġim tar-riżorsi proprji l-ġodda. L-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar ir-rekwiżiti ta’ kontroll u aċċess għar-riżorsa proprja l-ġdida tal-VAT huma stabbiliti fil-paragrafi 20 sa 22. L-osservazzjonijiet tal-Qorti japplikaw ukoll għall-FTT proposta.

    Ir-riforma ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni

    37.

    Il-Kunsill Ewropew ta' Fontainebleau tal-1984 stabbilixxa li “kwalunkwe Stat Membru li jkollu jġorr piż baġitarju li jkun eċċessiv meta mqabbel mal-ġid relattiv tiegħu jista' jgawdi minn korezzjoni fiż-żmien opportun”. Minn dak iż-żmien id-Deċiżjonijiet suċċessivi dwar ir-riżorsi proprji inkludew korrezzjoni għar-Renju Unit. Kien hemm ukoll mekkaniżmi temporanji ta’ korrezzjonijiet għall-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja.

    38.

    Il-Kummissjoni tipproponi li tirristuttura l-mekkaniżmi biex tikkoreġi l-piżijiet eċċessivi tal-baġit. Il-korrezzjonijiet eżistenti kollha jinbidlu b’korrezzjonijiet ta’ ammont b’rata fissa għal erba’ Stati Membri li fuqhom il-Kummissjoni vvalutat li jaqa’ dan il-piż (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja) (17). Dawn l-ammonti b’rata fissa jiġu stabbiliti minn qabel u jiġu applikati kull sena matul il-perjodu tal-2014-2020.

    39.

    Il-korrezzjonijiet tal-ammonti b’rata fissa jirrappreżentaw tnaqqis gross għall-kontribuzzjonijiet tal-ING annwali ta’ dawk l-erba’ Stati Membri. Dawn il-korrezzjonijiet jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri kollha, inklużi l-erba’ Stati Membri kkonċernati. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni t-tnaqqis gross ta’ EUR 7 500 miljun iwassal għal tnaqqis nett totali ta’ EUR 4 334 miljun fis-sena għall-erba’ Stati Membri (18).

    Il-korrezzjoni ta’ ammont b’rata fissa hija eħfef iżda xorta waħda mhix trasparenti

    40.

    Il-Qorti qabel kienet iddikjarat (19) li l-eżistenza ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tikkomprometti s-simpliċità u t-trasparenza tas-sistema tar-riżorsi proprji u li l-bilanċi netti mhumiex indikaturi tajbin għall-valutazzjoni tal-vantaġġi globali li għandhom jinkisbu mill-politika tal-Unjoni minħabba li dawn ma jqisux l-effett multiplikatur ta’ din il-politika. Id-dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni (20) jiddikjara li “kwalunkwe mekkaniżmu ta’ korrezzjoni se jkun jeħtieġ li jiġi ġustifikat b’attenzjoni, mhux biss permezz ta’ miżuri ta’ kontabilità dibattibbli, iżda minħabba l-bilanċ globali ta’ benefiċċji mill-baġit u l-politika tal-UE...” M’hemmx evidenza li dan twettaq mill-Kummissjoni.

    41.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill attwali dwar is-sistema tar-riżorsi proprji daħlet fis-seħħ sentejn u nofs wara l-bidu ta’ din il-perspettiva finanzjarja multiannwali (21). Din saret minħabba li l-Istati Membri ma setgħux jilħqu ftehim dwar il-korrezzjonijiet ta’ finanzjament sat-tmiem tan-negozjati formali. Il-proposta tal-Kummissjoni mhijiex ċara dwar ir-regoli għall-korrezzjonijiet ta’ finanzjament, b’mod partikolari dwar kif intlaħaq ftehim dwar il-korrezzjonijiet netti. Il-Qorti tqis li aktar trasparenza dwar il-korrezzjonijiet ta’ finanzjament tippermetti lill-Kunsill biex jadotta leġiżlazzjoni rispettiva fil-ħin.

    42.

    L-ammonti b’rata fissa proposti, madankollu, se jkunu ta’ titjib relattiv fis-simpliċità u t-trasparenza tas-sistema tar-riżorsi proprji. Il-korrezzjoni eżistenti tar-Renju Unit hija mekkaniżmu li l-kumplessità tiegħu wassal biex il-preċiżjoni tiegħu tilħaq kompromess u biex il-kalkolu tiegħu jkun fih l-iżbalji (22).

    In-nuqqas ta’ kriterji biex jiġi stabbilit “il-piż eċċessiv tal-baġit”

    43.

    Il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti li hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dak li l-Istati Membri kieku jibbenefikaw minn korrezzjoni ta’ ammont b’rata fissa fuq indikatur ta’ bilanċ nett u analizzat il-proporzjon ta’ dak il-bilanċ bi tqabbil ma’ ġid relattiv u li l-korrezzjonijiet kienu kalibrati sabiex l-erba’ Stati Membri jaslu għal proporzjon komparattiv. Madankollu, dawn il-kalkoli ma ġewx ipprovduti lill-Qorti u għalhekk ma tistax tikkummenta dwarhom.

    44.

    Mhuwiex ċar mill-proposta tal-Kummissjoni x’kienu l-kriterji li ntużaw biex jiġi definit “il-piż eċċessiv tal-baġit”. Hemm ambitu biex l-inklużjoni ta’ regoli ċari titqies b’rabta mal-ġid relattiv għall-allokazzjoni tal-korrezzjonijiet lill-Istati Membri li jissodisfaw il-kriterji li bihom jiġi żgurat it-trattament indaqs tal-Istati Membri kollha. Barra minn dan, il-proċess tan-negozjati dwar il-finanzjament tal-baġit tal-UE isir aktar trasparenti u jiffaċilita aktar fowkus fuq il-ġejjieni tan-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-UE.

    Ir-reviżjoni f’nofs it-terminu tal-applikabbiltà tal-korrezzjonijiet meħtieġa

    45.

    F’opinjonijiet preċedenti (23), il-Qorti kkritikat in-nuqqas ta’ proċedura ta’ monitoraġġ biex jiġi kkontrollat li l-korrezzjonijiet xorta waħda huma ġustifikati jew jekk Stati Membri oħra jikkwalifikawx għal korrezzjoni.

    46.

    Il-kunċett ta’ korrezzjoni li titħallas “fil-ħin opportun” fid-dikjarazzjoni tal-1984 tirrepeti ruħha fil-premessa 10 tal-COM(2011) 739. Bl-istess mod il-premessa 11 tiddikjara li “korrezzjoni għandha ddum biss sakemm tibqa' taqdi l-għan tagħha”. L-istabbiliment tal-ammonti b’rata fissa għal seba’ snin mhuwiex kompatibbli ma’ dan.

    47.

    Għaldaqstant, għadu qed jiġi kkunsidrat jekk għandux ikun hemm reviżjoni f’nofs it-terminu li tiżgura li l-erba’ Stati Membri (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja) għadhomx jissodisfaw il-kriterji biex jibbenefikaw minn korrezzjoni b’rata fissa, tiddetermina jekk l-ammonti għandhomx jiġu modifikati u tivvaluta mill-ġdid jekk xi Stati Membri oħra jissodisfawx il-kriterji.

    It-tnaqqis fil-perċentwal ta’ riżorsi proprji tradizzjonali miżmuma mill-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir

    48.

    Il-Kummissjoni tipproponi li tnaqqas ir-rata tat-TOR li għandha tinżamm mill-Istati Membri bħala spejjeż tal-ġbir minn 25 % għal 10 %. Din tal-aħħar kienet ir-rata ta’ retenzjoni sal-2000. It-TOR huwa previst li jammonta għal 19 % tar-riżorsi proprji fl-2020 (13 % fl-2010).

    Ir-rabta bejn ir-rata ta’ retenzjoni u l-ispiża tal-ġbir tibqa’ mhux ċara

    49.

    Il-Kummissjoni tqis ir-retenzjoni mill-Istati Membru tal-25 % tal-ammonti miġbura għat-TOR bħala korrezzjoni moħbija minħabba li huwa probabbli li taqbeż l-ispejjeż attwalment imġarrba. Id-deċiżjoni tar-Rilaxx tal-2005 tal-Kunsill irrakkomandat li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni tat-tħaddim tas-sistema tar-riżorsi proprji. M’hemmx evidenza li din twettqet. It-tnaqqis tar-rata ta’ retenzjoni għal 10 % jikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ din il-korrezzjoni moħbija prevista.

    50.

    Il-Qorti tirrakkomanda li għandha tingħata konsiderazzjoni mill-Kunsill dwar jekk rata ogħla ta’ retenzjoni tistax isservi bħala inċentiv li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri fl-attività tal-verifika ex-post. Ftit li xejn kontrolli doganali jitwettqu waqt l-importazzjoni u l-kontroll ewlieni huwa verifiki ex-post tagħhom fl-istabbilimenti tan-negozjant. Dawn il-verifiki għandhom ikunu frekwenti u dettaljati biżżejjed biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE.

    Iż-żieda fit-TOR tista’ tkun inqas milli previst minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ retenzjoni

    51.

    L-analiżi tal-Kummissjoni stess tipprevedi żieda fis-sehem tat-TOR tar-riżorsi proprji minn 14,7 % fl-2012 għal 18,9 % fl-2020. Dan inaqqas il-kontribuzzjonijiet (l-ING) tal-Istati Membri. It-tnaqqis tar-rata ta’ retenzjoni minn 25 % għal 10 % jgħin biex tinkiseb din iż-żieda. Madankollu, għandu jitqies li x-xejra fuq medda ta’ żmien twil fit-TOR hija ’l isfel, l-aktar minħabba politika dwar il-kummerċ tal-UE u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tad-WTO u għalhekk hemm riskju li ż-żieda prevista fis-sehem tat-TOR matul il-perjodu tista’ ma timmaterjalizzax.

    Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-introjtu nazzjonali gross

    52.

    Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING ma ġietx milquta mill-proposti tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tipprevedi li din se tammonta għal 40 % tar-riżorsi proprji fl-2020 (76 % fl-2010).

    In-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “bidliet sinifikanti fl-ING”

    53.

    Bħal fis-sistemi tar-riżorsi proprji attwali u preċedenti, l-Artikolu 2 tal-COM(2011) 740 jirreferi għal azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu f’każ ta’ “bidliet sinifikanti fl-ING”. Dan jikkonċerna b’mod partikolari d-data tal-ING li għandha titqies għall-pagament ta’ riżorsi proprji minħabba l-modifikazzjoni għall-qafas tal-kontabilità tal-ESA. Dan jikkonċerna wkoll ir-reviżjoni relatata ta’ limiti massimi għal pagamenti u l-impenji fil-baġit (espressi bħala perċentwal tas-somma tal-ING kollu tal-Istati Membri fl-Artikolu 3 tal-COM(2011) 739). Il-Qorti qabel kienet iddikjarat (24) li l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi x’jikkostitwixxi “bidliet sinifikanti”. Il-Kummissjoni għadha ma pprovdietx din id-definizzjoni.

    54.

    Id-definizzjoni ta’ “kriterji ta’ materjalità” hija partikolarment importanti minħabba li skont l-Artikolu 2, m’għadux previst li l-Kunsill għandu jiddeċiedi (billi jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew) jekk il-modifiki għall-qafas ta’ kontabilità tal-ESA għandhomx japplikaw għall-għanijiet tar-riżorsi proprji. Id-dispożizzjoni l-ġdida proposta tgħid biss li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar id-dati ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-bidliet fl-ESA.

    IL-PARTI II

    Lista ta’ kummenti għal kull proposta leġiżlattiva

    Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 739

    Referenza

    Kummenti

    It-Taqsima 2.2 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni COM(2011) 510 (il-verżjoni oriġinali tal-COM(2011) 739)

    Ir-riskju ta’ rilokazzjoni li permezz tagħha l-istituzzjonijiet finanzjarji jiċċaqalqu sabiex jesegwixxu t-tranżazzjonijiet fil-ġurisdizzjonijiet barra l-UE, jekk ma jkunx hemm FTT globali, jaffettwa din is-suppożizzjonitad-dħul tal-baġit tal-UE b’mod materjali (ara l-paragrafu 32).

    Iċ-ċitazzjonijiet

    Iċ-ċitazzjoni għandha tirreferi għall-Qorti tal-Awdituri.

    Il-Premessa 8

    L-introduzzjoni tar-riżorsa proprja tal-FTT ma tiksibx l-għan iddikjarat ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-livell tal-UE-27. Madankollu, l-inċidenza tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tinbidel (ara l-paragrafu 35).

    Il-Premessi 10 u 11 u l-Artikolu 2

    L-istabbiliment tal-ammonti b’rata fissa għal seba’ snin mhuwiex kompatibbli mal-kunċett ta’ korrezzjoni li titħallas “fil-ħin opportun” u li “korrezzjoni għandha ddum biss sakemm tibqa' taqdi l-għan tagħha” sakemm ma ssirx reviżjoni f’nofs it-terminu (ara l-paragrafi 45 sa 47).

    L-Artikolu 2(1)(b)

    Dan l-artikolu għandu jirreferi għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-FTT proposta (COM(2011) 594), milli l-Artikolu 8(3).

    L-Artikolu 2(3)

    Fir-rigward tal-ammonti rkuprati bħala riżultat ta’ verifiki doganali ex-post, il-perċentwal li għandu jinżamm jista’ jkun ogħla minn 10 % sabiex jinkoraġġixxi din l-attività tal-verifika ex-post (ara l-paragrafu 50).

    L-Artikolu 4(2)

    L-eżistenza ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tikkomprometti s-simpliċità u t-trasparenza tas-sistema tar-riżorsi proprji u l-bilanċi netti mhumiex indikaturi tajbin għall-valutazzjoni tal-vantaġġi globali li għandhom jinkisbu mill-politika tal-Unjoni minħabba li dawn ma jqisux l-effett multiplikatur ta’ din il-politika (ara l-paragrafu 40).

    Tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness

    Ir-referenza għandha tkun l-Artikolu 5 aktar milli l-artikolu 5(1).


    Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri implimentattivi għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 740

    Referenza

    Kummenti

    COM(2011) 740

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali fil-prezzijiet tas-suq (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1) li huwa kkwotat fil-COM(2011) 740 jirreferi għall-ING fl-applikazzjoni tal-ESA 95. Minħabba l-introduzzjoni ppjanata tal-ESA 2010 għandu jkun hemm referenza għal Regolament jew emenda għar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

    Iċ-ċitazzjonijiet

    Iċ-ċitazzjoniji għandha tirreferi għall-Qorti tal-Awdituri.

    L-Artikolu 2(1)

    Fl-2014 l-ESA 95 għandha tinbidel bl-ESA 2010. Din jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq l-ING. L-Artikolu 2(1) għandu jiċċara li l-ING għandu jfisser ING annwali bil-prezz tas-suq fl-applikazzjoni tal-ESA fis-seħħ għas-sena kkonċernata.

    L-Artikolu 4(2)

    Ir-rekwiżit li l-Istati Membri jipprovdu deskrizzjoni kull sitt xhur lill-Kummissjoni ta’ każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet tal-VAT misjuba li jinvolvu intitolamenti ’l fuq minn EUR 10 000 ikun piż addizzjonali konsiderevoli għall-Istati Membri bi ftit użu għall-Kummissjoni (ara l-paragrafu 19).

    L-Artikoli 5(4) u 7(2)

    Il-limiti preċiżi tal-aċċess tal-ispetturi tal-Kummissjoni (u dawk tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri) għandhom ikunu espliċiti fir-rigward tal-VAT u l-FTT (ara l-paragrafi 20 sa 22 u 36).

    L-Artikolu 7

    Ma tikkonċernax il-verżjoni Maltija.


    Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti — COM(2011) 742

    Referenza

    Kummenti

    COM(2011) 742

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 li huwa kkwotat fil-COM(2011) 742 jirreferi għall-ING fl-applikazzjoni tal-ESA 95. Minħabba l-introduzzjoni ppjanata tal-ESA 2010 għandu jkun hemm referenza għal Regolament jew emenda għar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

    L-Artikolu 12

    Id-differenza fit-trattament tad-djun tal-Komunità soġġetti għal proċeduri ta’ rkupru bejn dawk l-ammonti li ma kinux tħallsu kif xieraq skont il-politika agrikola komuni u d-djun ta’ dazji doganali hija miżmuma (ara l-paragrafu 24).


    Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud — COM(2011) 737

    Referenza

    Kummenti

    L-Artikolu 2(1)

    Il-Qorti tirrakkomanda li għandha ssir referenza għal “akkwiżizzjonijiet ġewwa l-Unjoni”, sabiex tirrifletti t-terminoloġija ġejja mit-Trattat ta’ Lisbona.

    L-Artikolu 3

    Element wieħed tal-kalkolu meħtieġ biex tiġi stabbilita l-VAT li għandha titħallas bħala riżorsa proprja jiddependi fuq it-tip ta’ data statistika kumplessa li tintuża għall-kalkolu tar-riżorsa proprja attwali bbażata fuq il-VAT (ara l-paragrafu 17). Madankollu, l-element tal-kalkolu isir darba biss għall-UE kollha u għall-perjodu ta’ seba’ snin sħaħ.

    Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    Il-President


    (1)  ĠU C 167, 7.7.2005, p. 1.

    (2)  ĠU C 203, 25.8.2006, p. 50.

    (3)  ĠU C 192, 29.7.2008, p. 1.

    (4)  Ara l-Bulettin KE 6-1984.

    (5)  Ara l-Bulettin UE 3-1999.

    (6)  Ara l-paragrafu 6 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza (id-Dokument tal-Kunsill 15914/1/05, REV 1, CONCL 3 tat-30 ta’ Jannar 2006) li jirreferi għad-Dokument tal-Kunsill 15915/05 CADREFIN 268 tad-19 ta’ Diċembru 2005 u b’mod partikolari l-paragrafu 77 tiegħu.

    (7)  L-Artikolu 311(3).

    (8)  Pereżempju: l-Opinjoni Nru 4/2005, il-paragrafi 9 sa 11 u t-Tweġiba mill-QEA lill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Nirriformaw il-Baġit, Nibdlu l-Ewropa” tad-9 ta’ April 2008.

    (9)  Pereżempju: Riżorsi amministrattivi sinifikanti huma meħtieġa fil-livell tal-Istat Membru u tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti u sussegwentement jitneħħew ir-riżervi. Mill-31 ta’ Diċembru 2010 kien hemm 152 reżerva pendenti, uħud minnhom ikopru snin li jmorru lura sal-1995. Ara l-paragrafu 2.22 tar-Rapport Annwali 2010 tal-Qorti.

    (10)  Ir-rata massima hija ffissata għal 2 % fil-proposta emendata tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill COM(2011) 739 tad-9.11.2011.

    (11)  Definita bħala provvista soġġetta għar-rata standard tal-VAT applikata f’kull Stat Membru.

    (12)  Il-proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — COM(2011) 740.

    (13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1) kif emendat.

    (14)  Il-premessa 7 tal-COM(2011) 740 tiddikjara li d-dispożizzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ kull riżorsa proprja.

    (15)  L-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1) u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 kif emendat.

    (16)  Id-dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni: Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt, li jakkumpanja d-dokument COM(2011) 594 (SEC(2011) 1103), it-taqsima 6.1.

    (17)  L-Artikolu 4(2) tal-COM(2011) 739.

    (18)  It-tnaqqis gross u nett fil-kontribuzzjonijiet tal-ING espressi f’euro jkun kif ġej: il-Ġermanja 2 500 miljun gross u 990 miljun nett; il-Pajjiżi l-Baxxi 1 050 miljun gross u 683 miljun nett; l-Isvezja 350 miljun gross u 119-il miljun nett; ir-Renju Unit 3 600 miljun gross u 2 542 miljun nett. Id-data pprovduta mill-Kummissjoni.

    (19)  Il-paragrafu 19 tal-Opinjoni Nru 4/2005.

    (20)  SEC(2011) 876, li jakkumpanja l-proposta emendata għad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Ara partikolarment il-paġna 44 (EN).

    (21)  Fil-qafas finanzjarju attwali, l-ewwel kontribuzzjoni skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom saret fl-1 ta’ Ġunju 2009.

    (22)  Pereżempju, il-paragrafi 2.16 u 2.31 sa 2.33 tar-Rapport Annwali 2010 tal-Qorti.

    (23)  Il-paragrafu 14 tal-Opinjoni Nru 4/2005 u l-paragrafi 9(b) u (c) tal-Opinjoni Nru 2/2006.

    (24)  Il-paragrafu 11 tal-Opinjoni Nru 2/2008.


    Top