Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0812(05)

    Notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura ta’ antidumping rigward l-importazzjonijiet ta' ċerti radjaturi tal-aluminju li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU C 236, 12.8.2011, p. 18–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 236/18


    Notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura ta’ antidumping rigward l-importazzjonijiet ta' ċerti radjaturi tal-aluminju li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    2011/C 236/14

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċerti radjaturi tal-aluminju, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huma l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

    1.   L-ilment

    L-ilment tressaq fit-30 ta' Ġunju 2011 mill-International Association of Aluminium Radiator Manufacturers Limited Liability Consortium (AIRAL S.c.r.l) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti radjaturi tal-aluminju.

    2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

    Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa radjaturi tal-aluminju u elementi jew partijiet li minnhom hu magħmul tali radjatur, sew jekk dawn l-elementi jew il-partijiet huma assemblati fi blokok u sew jekk le, għajr radjaturi u elementi u partijiet minnhom tat-tip tal-elettriku (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    3.   L-allegazzjoni ta' dumping  (2)

    Il-prodott li allegatament qiegħed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qiegħed jiġi investigat, li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7616 99 10, ex 7615 19 10, ex 7615 19 90, u ex 7616 99 90. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw bħala tagħrif biss.

    Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri r-Russja. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

    4.   L-allegazzjoni ta' ħsara

    Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u żdiedu f’termini ta’ sehem mis-suq.

    L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livelli ta' prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni bir-riżultat ta’ effetti sostanzjali mhux mixtieqa fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja u l-qagħda tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

    5.   Il-proċedura

    Billi wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ddeterminat li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata l-inizjazzjoni ta’ proċediment, b'dan qiegħda tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tistabbilixxi jekk il-prodott li qiegħed jiġi investigat u li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat hux qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    5.1.    Il-proċedura biex jiġi ddeterminat id-dumping

    Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat li huma mill-pajjiż ikkonċernat, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla ta' produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

    (a)   Teħid ta' kampjuni

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw ruħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom:

    l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta' kuntatt,

    il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum f'elementi tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni (“PI”) (mill-1 ta' Lulju 2010 sat-30 ta' Ġunju 2011) għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (4) separatament u f'totali,

    il-fatturat f’valuta lokali u l-volum f'elementi tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ fis-suq lokali matul il-PI (mill-1 ta’ Lulju 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011),

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (5) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Il-produtturi esportaturi għandhom jindikaw ukoll jekk, f’każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiqux jirċievu kwestjonarju u formoli oħra ta’ talba sabiex jimlewhom u b’hekk jiddikjaraw marġni ta’ dumping individwali skont it-taqsima (b) hawn taħt.

    Meta l-kumpanija tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, hi tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun jimplika li din trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi esportaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jistgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju komplut se jinkludi tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji b'rabta mal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat lill-Unjoni.

    Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun”). Bla ħsara għat-taqsima (b) hawn taħt, id-dazju antidumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, mhuwiex se jaqbeż il-marġni medju peżat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (6).

    (b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun

    Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta’ talba skont it-taqsima (a) ta’ hawn fuq u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi speċifikati fis-sentenza li ġejja u fit-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt. Il-kwestjonarju komplut għandu jiġi ppreżentat fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġnijiet ta’ dumping individwali għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm, bħala prinċipju, provi li dawn jissodisfaw il-kriterji biex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew għall-inqas trattament individwali (“TI”), kif speċifikat fit-Taqsima 5.1.2.2. hawn taħt (7). Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    5.1.2.   Il-proċedura addizzjonali fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    5.1.2.1.   L-Għażla ta’ Pajjiż Terz b’Ekonomija tas-Suq

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat il-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adattat. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lir-Russja. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkumentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien 10 ijiem mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.1.2.2.   It-trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq  (8)

    B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jistgħu jressqu talba sostanzjata kif xieraq għal dan l-għan (“talba għal TES”). Jingħata trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (9) huma sodisfatti. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

    Il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Biex jingħataw TI, dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu evidenza li huma jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (10). Il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jkun ibbażat fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq magħżul kif imfisser hawn fuq.

    (a)   It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

    Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ talba għal TES lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu formola ta’ talba għal TES mimlija fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    (b)   It-Trattament Individwali (TI)

    Sabiex japplikaw għal TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun li jixtiequ japplikaw għal marġni ta' dumping individwali għandhom jippreżentaw il-formola ta' talba għal TES bit-taqsimiet rilevanti għat-TI mimlija kif xieraq fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    (c)   It-talbiet għal marġni ta' dumping individwali mill-esportaturi li ma jitolbux TES jew TI

    Sabiex jitolbu marġni ta' dumping individwali, anki jekk ma jitolbux TES jew TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun li jixtiequ japplikaw għal marġni ta' dumping individwali għandhom jippreżentaw il-formola ta' talba rilevanti fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.1.3.   L-investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (11)  (12)

    Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal numru raġonevoli l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li sejrin ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

    l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta' kuntatt,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat,

    il-fatturat totali għall-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011,

    il-volum f’elementi u l-valur f’EUR tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u tal-bejgħ mill-ġdid li sar fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011 tal-prodott importat li qiegħed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (13) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Meta l-kumpanija tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, hi tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun jimplika li din trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' wkoll tikkuntattja kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott fl-Unjoni li qiegħed jiġi investigat u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifikazzjoni tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

    5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

    Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fit-twaqqif ta’ industrija bħal din. Determinazzjoni ta' ħsara hi msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-prodott fl-Unjoni li qed jiġi investigat, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta' produtturi mill-Unjoni. Id-dettalji jistgħu jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (għal dan għandhom jikkuntattjaw il-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt ipprovduti fit-Taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji magħżula finalment biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija/kumpaniji, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

    5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżati minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fl-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk meta jingħata jkun sostnut b’evidenza fattwali.

    5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

    Il-partijiet interessati kollha, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, huma mistiedna juru fehmiethom, jagħtu tagħrif u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u din l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Il-possibbiltà ta’ seduta mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu biex jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta' smigħ għandha titressaq fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    L-istruzzjonijiet kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’din in-notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristretti (14)”.

    Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jitwarrab.

    Għal din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tuża sistema elettronika ta' maniġment ta' dokumenti. Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u r-rikjesti kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-email, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura, ċertfikazzjonijiet iffirmati u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw il-formoli ta' talba għal TES u TI, it-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kull aġġornament tiegħu, għandhom jiġu ppreżentati f'għamla ta' dokument fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tistax tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence/.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Comission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 04/092

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Fax +32 22956505

    Posta elettronika: trade-radiators-dumping@ec.europa.eu; trade-radiators-injury@ec.europa.eu

    6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

    7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn partijiet terzi għal seduta. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

    Talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda ssir. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha titressaq talba għal smigħ fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex issir seduta li tinvolvi l-partijiet u tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

    Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

    8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   L-ipproċessar ta' dejta personali

    Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (15).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Id-dumping huwa l-prattika tal-bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali normalment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott ikkonċernat.

    (3)  Il-produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

    (4)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija.

    (5)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tipposjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika.

    (6)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, għandhom jitwarrbu.

    (7)  Madankollu, minkejja dan, il-Kummissjoni tistieden il-produtturi esportaturi kollha li qed jikkunsidraw li japplikaw għal eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, biex jikkooperaw u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni sabiex jiksbu marġni ta' dumping individwali u dazju antidumping individwali anki jekk iqisu li jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw TES u lanqas dawk biex jingħataw TI. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se tiġbor tagħrif fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rapport tiegħu DS 397 (EC-Fasteners), b'mod partikolari l-punti 371-384 tiegħu (ara http://www.wto.org). Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni tiġbor din l-informazzjoni ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea neċessarjament se tqis, bi kwalunkwe mod, id-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell f'din l-investigazzjoni.

    (8)  Minkejja l-fatt li f'dan is-subparagrafu tissemma biss il-possibbiltà li jintalab TES jew TI, il-Kummissjoni tistieden il-produtturi esportaturi kollha biex jikkooperaw u jipparteċipaw bis-sħiħ f'din l-investigazzjoni sabiex jiksbu marġni ta' dumping individwali u dazju antidumping individwali anki jekk iqisu li jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw TES u lanqas dawk biex jingħataw TI. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se tiġbor tagħrif fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rapport tiegħu DS 397 (EC-Fasteners), b'mod partikolari l-punti 371-384 tiegħu (ara http://www.wto.org). Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni tiġbor dan it-tagħrif ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea neċessarjament se tqis, bi kwalunkwe mod, id-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell f'din l-investigazzjoni.

    (9)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabilità bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabilità u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) ma hemmx distorsjonijiet sinifikanti ttrasferiti mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

    (10)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b'mod partikolari li: (i) fil-każ ta' ditti li huma kompletament jew parzjalment ta' sidien barranin jew intrapriżi konġunti, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu determinati liberament; (iii) il-maġġoranza tal-ishma jappartjenu lill-persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jkunu fuq il-Bord tad-Diretturi jew li jkollhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom jew ikunu f'minoranza jew inkella għandu jintwera li l-kumpanija madankollu hija indipendenti biżżejjed minn interferenza tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skont ir-rata tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li l-esportaturi individwali jkunu jistgħu ma jimxux mal-miżuri jekk jingħatawlhom rati differenti ta' dazju.

    (11)  Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi li jistgħu jiġu inklużi fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 mal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

    (12)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni tad-dumping.

    (13)  Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

    (14)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (15)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top