Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0629(09)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 189, 29.6.2011, p. 37–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/37


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2011/C 189/14

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “MELON DE GUADELOUPE”

    Nru KE: FR-PGI-0005-0844-18.01.2011

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Melon de Guadeloupe”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

    Franza

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta’ prodott:

    Klassi 1.6:

    Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati.

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

    Dan il-bettieħ huwa prodott tal-istaġun, li jinħasad bejn Novembru u Ġunju, u jiġi kkultivat fl-għelieqi (mingħajr ma jitgħatta jew jingħata kenn).

    Il-“melon de Guadeloupe” huwa bettieħ tat-tip Charentais isfar, sħiħ, li jidher frisk u sod, u b’piż ta' mill-inqas 450 gramma.

    Huwa għandu qoxra ta' kulur li jxaqleb lejn l-aħdar, lejn l-isfar jew inkella ta' kulur isfar. Meta jkun matur kif suppost, huwa jkollha ċirku żejtni jew xi qasmiet irqaq minn fejn ikun imqabbad il-pedunkulu.

    Dan il-bettieħ jista’ jkollu xi difetti żgħar fil-forma, fil-kulur jew fil-qoxra tiegħu bil-kundizzjoni li dawn ma jippreġudikawx id-dehra ġenerali, il-kwalità, il-konservazzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodott.

    Il-“melon de Guadeloupe” huwa ħelu ħafna. L-indiċi riffratometriku mitlub huwa mill-inqas ta’ 12 Brix.

    Huwa għandu togħma ħelwa, b’bosta aromi, b'riħa tfuħ u b'qalba li tinħall. Din il-qalba għandha kulur oranġjò u żżomm partikolarment tajjeb.

    Kull sena, il-grupp iwettaq testijiet ta’ għażla fost il-varjetajiet tat-tip Charentais isfar miktubin fil- Katalogu Uffiċjali tal-Ispeċijiet u tal-Varjetajiet u jagħżel dawk adattati għall-kundizzjonijiet lokali u li jistgħu jikkorrispondu għall-karatteristiċi mistennija minn “melon de Guadeloupe”. Il-varjetajiet li jgħaddu mit-test ta’ introduzzjoni u mit-test ta’ konferma biss jiġu awtorizzati.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

    L-operazzjonijiet tal-kultivazzjoni u tal-ħsad jitwettqu fiż-żona ġeografika.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

    Il-perjodu ta' żmien għat-trasport bejn il-ħsad tal-bettieħ u l-wasla tiegħu fl-impjant ma jaqbiżx l-erba’ sigħat. L-impjanti jwettqu spezzjoni tal-lottijiet imbagħad jaħsluhom, u jagħżlu l-frott manwalment waħda waħda skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni.

    L-ippakkjar użat huwa pakketti individwali u/jew tilari (b’saff wieħed).

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

    Fuq kull ippakkjar għandu jkun hemm:

    isem l-IĠP “Melon de Guadeloupe”,

    il-logo tal-IĠP.

    Fuq kull frotta għandha titwaħħal stiker b’“Melon de Guadeloupe”.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ġeografika hija magħmula mit-territorju ta’ għaxar communes tal-Gwadelup maqsuma bejn żewġ “gżejjer” ta’ dan l-arċipelagu:

    Grande Terre, bil-communes li ġejjin: Saint François, Sainte Anne, Le Moule, Morne à L’eau, Petit Canal, Anse Bertrand, Port Louis.

    il-gżira ta’ Marie-Galante, li tinkludi l-communes li ġejjin: Grand Bourg, Capesterre, Saint Louis.

    Din iż-żona, li tikkorrispondi għaż-żona fejn hija stabbilita l-produzzjoni tal-“melon de Guadeloupe”, hija kkaratterizzata minn kundizzjonijiet pedoklimatiċi partikolari, li jiffavorixxu produzzjoni ta’ bettieħ ta’ kwalità.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Fatturi naturali

    Il-Gwadelup hija żona tropikali bi staġun niexef (jew “carême (nixfa)”), li jdum prinċipalment minn Diċembru sa April. Madankollu, ix-xhur minn Novembru sa Ġunju jinkludu maġġoranza ta’ jiem xemxin.

    Iż-żona ġeografika tinsab fuq in-naħa li tagħti fuq l-Atlantiku ta’ Grande Terre u fuq Marie Galante, li huma reġjuni li jinħakmu mir-riħ u li fihom tinżel inqas xita milli fin-naħa interna tal-artijiet. Minħabba l-mod kif inhuma esposti, dawn iż-żoni huma iktar b'saħħithom u hemm inqas infestazzjonijiet minn parassiti milli f’reġjuni oħrajn tal-Gwadelup.

    Grand-Terre, bħal Marie-Galante, hija magħmula minn bażi ta’ kalċju li ġej mill-qroll, liema bażi tkun mgħollija ’l fuq u li fl-imgħoddi tgħattiet minn irmied u lava mitfugħa mill-vulkani li pproduċew ħamrija karatteristika.

    Din iż-żona, fejn isseħħ il-kultivazzjoni tal-bettieħ, hija kkaratterizzata minn ħamrija taflija li tintefaħ, imqassma f’toposekwenzi ta’ ħamrija tat-tip vertisol u ta’ ħamrija kalċimanjeżika ftit jew wisq fondi u bil-ġebel. It-tafal li jintefaħ jagħti lil din il-ħamrija kapaċità ferm għolja għal skambju katjoniku, ġeneralment saturata fil-parti l-kbira bil-kalċju. Il-proporzjon ta’ kalċju/manjeżju huwa l-aħjar possibbli għall-bettieħ. Il-potassju jżomm sew, il-fosfru ġeneralment ma jiġix iddegradat. B’pH li jvarja minn newtru għal ftit bażiku, din il-ħamrija fiha għadd kbir ta’ minerali. L-abbundanza ta’ kalċju li jista’ jkun skambjat twassal sabiex, minkejja li din il-ħamrija fiha bosta tafal li jintefaħ, hija għandha stabbilità strutturali kbira.

    Billi t-tafal jibqa’ magħqud u miġbur fi trofof, din il-ħamrija min-naħa l-waħda ma tantx hija suġġetta għal erożjoni minkejja x-xita tropikali intensiva, u mill-oħra, għandha riżerva ta’ ilma disponibbli sinifikanti f’mikropori tubulari ta’ oriġini bijoloġika ferm stabbli. Dawn il-karatteristiċi favorevoli għall-bettieħ jdumu għal tul ta' żmien, sakemm il-ħamrija ma tinħadimx iżżejjed.

    Fatturi umani

    Għalkemm il-bettieħ ilu jiġi kkultivat fil-Gwadelup sa mis-seklu 17, meta dan kien importat mill-kolonizzaturi, huwa biss matul it-Tieni Gwerra Dinjija li jinsabu traċċi miktubin tal-preżenza tal-bettieħ fis-suq lokali.

    Minn tmiem is-snin 70 u l-bidu tas-snin 80, il-produzzjoni tal-Gwadelup bdiet torganizza ruħha taħt il-protezzjoni ta’ Etienne CRANE. Saru ftehimiet għal esportazzjonijiet inkroċjati ma’ gruppi ta’ Franza metropolitana, u l-bettieħa kienet fost il-prodotti magħżula.

    Mill-1984, ġiet stabbilita kollaborazzjoni bejn is-Sinjuri CRANE, BOYER u FABRE sabiex il-bettieħ ikun prodott u esportat bit-Tikketta Guadeloupe barra mill-istaġun tiegħu. B’hekk, il-bettieħ maħsud jintbagħat dakinhar stess bl-ajru lejn Franza metropolitana u jiġi kkummerċjalizzat mill-għada. Il-parti essenzjali tal-istrateġija ta’ żvilupp ta’ dak iż-żmien kienet li l-bettieħ jiġi prodott barra mill-istaġun meta mqabbel mal-istaġun Ewropew, jiġifieri minn Jannar sa Mejju.

    It-tekniki tal-produzzjoni, ibbażati fuq enfasi fuq il-kwalità tal-prodott (għażla tal-varjetajiet, stadju ta’ ħsad ottimali, fertilizzazzjoni kkontrollata, irrigazzjoni adattata, għażla stretta tal-frott waqt l-ippakkjar …) ġew żviluppati sew u ġew segwiti minn numru dejjem ikbar ta’ operaturi.

    Minn tmiem is-snin 80, il-“melon de Guadeloupe” seta’ jidħol fis-suq Franċiż u dak Ewropew. Wara żieda fil-produzzjoni tal-bettieħ fis-sena 1989, din stabbilizzat ruħha għal produzzjoni totali ta’ madwar 7 500 sa 8 000 tunnellati.

    Illum, l-industrija tal-bettieħ tinkludi ħames strutturi għat-tqegħid fis-suq u l-bettieħ sar it-tielet prodott tal-esportazzjoni tal-Gwadelup wara l-banana u l-kannamieli.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    Kwalità ddeterminata

    Il-bettieħ li l-produtturi tal-Gwadelup għażlu li jikkultivaw huwa l-bettieħ tat-tip Charentais isfar. Mit-tipi kollha ta’ bettieħ huwa dak li jista’ jivvalorizza l-iktar l-ispeċifiċità tal-art. Fil-fatt, dan huwa bettieħ, li minbarra r-rata għolja ta’ zokkor li fih, għandu riħa tfuħ, aromi eċċezzjonali u anki togħma ta’ misk f’ċerti varjetajiet. Il-frott tiegħu huwa l-iktar apprezzat minn dawk li jħobbu l-bettieħ.

    Il-klima tal-Gwadelup, minħabba l-ispeċifiċità tagħha, twassal biex bosta varjetajiet li jikbru sew f’pajjiż bi klima moderata ma jkunux jistgħu jadattaw irwieħhom għall-Gwadelup. Il-produtturi tal-“melon de Guadeloupe” b’hekk jagħżlu, minn fost il-varjetajiet tat-tip Charentais isfar, dawk li jesprimu bl-aħjar mod il-karatteristiċi tagħhom fil-Gwadelup. Din l-għażla hija akkumpanjata minn tidwiq: b’hekk l-aromi tal-bettieħ, il-kulur u l-konsistenza tal-qalba jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    Stħarriġ imwettaq fost il-bejjiegħa bl-ingrossa u dawk bl-imnut li jixtru l-“melons de Guadeloupe” ippermetta li jiġi kkonfermat li dan il-bettieħ huwa meqjus bħala bettieħ ta’ kwalità eċċellenti, konsistenti, li jżomm b'mod tajjeb, b’aromi u li konsegwentement jiddistingwi ruħu minn bettieħ li ġej minn bnadi oħrajn u li jinbiegħ fl-istess perjodu.

    Il-“melon de Guadeloupe” huwa kkaratterizzat minn togħma ħelwa, bosta aromi u rwejjaħ ifuħu u minn qalba li tinħall. Din il-qalba żżomm partikolarment fit-tul. Ir-rata minima ta’ zokkor hija ta’ 12 Brix.

    Għarfien li jissarraf b’metodu ta’ kultivazzjoni adattat għall-kundizzjonijiet lokali

    Il-produtturi għażlu li jwettqu biss kultivazzjoni fl-għelieqi, mingħajr kenn, sabiex il-bettieħ ikun jista’ jieħu l-aħjar li jista’ mill-potenzjalitajiet pedoklimatiċi tal-Gwadelup. Il-produtturi għażlu wkoll li jipproduċu l-bettieħ tagħhom fl-aħjar perjodi sabiex jiġu espressi l-aromi tal-frott, matul l-istaġun l-iktar niexef minkejja li l-produzzjoni tal-bettieħ tista’ ssir matul is-sena kollha.

    Huma adattaw il-ħdim tal-ħamrija skont il-potenzjalitajiet tal-ambjent. Fil-fatt, il-ħamrijiet partikolari u favorevoli għall-bettieħ li jinsabu fi Grande-Terre u f’Marie-Galante, biex iżommu l-kwalitajiet tagħha (stabbiltà, riżerva ta’ ilma …), jeħtieġu li jinħadmu b’mod limitat u li jinħadmu biss meta l-ħamrija tkun niexfa. L-ispeċifikazzjoni b’hekk tinkludi dawn il-prattiki.

    Barra minn hekk, il-produtturi ilhom għadd ta’ snin jagħmlu sforzi fil-qasam tal-kontroll tal-fertilizzazzjoni, tal-irrigazzjoni u sabiex ikun limitat l-użu ta’ erbiċidi kimiċi ħalli l-ħamrija u l-ilmijiet fuq il-livell lokali jiġu ppreservati. It-tekniki tal-kultivazzjoni huma msejsa fuq dawn il-punti.

    Ir-reputazzjoni tal-“melon de Guadeloupe”

    Diversi artikli ġurnalistiċi ta’ tmiem is-snin 80 u tal-bidu tas-snin 90 diġà kienu jsemmu r-reputazzjoni tal- “melon de Guadeloupe”, li huwa rikonoxxut bħala prodott ta’ kwalità “mhux tal-istaġun” (meta mqabbel mal-Ewropa).

    Minn tmiem is-snin 80, il-“melon de Guadeloupe” seta’ jidħol fis-suq Franċiż u Ewropew. Illum, il-“melon de Guadeloupe” mhux tal-istaġun ma jeħtieġx reklami, huwa magħruf mad-dinja kollha u għadu jżomm il-pożizzjoni tiegħu.

    B’hekk, il-listi tal-prezzijiet tas-suq internazzjonali ta’ Rungis għall-bettieħ mhux tal-istaġun jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-bettieħ li joriġina mill-Gwadelup anki għal dawk li joriġinaw mill-Antilli Franċiżi, u dan jissarraf f’fama ikbar tal-produzzjoni tal-Gwadelup mhux biss f’termini ta’ volum imma anki f’termini ta’ kwalità.

    Il-“melons de Guadeloupe” ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala aħjar mill-bettieħ tal-istess perjodu li għandhom oriġini oħrajn, hekk kif is-suq jirrikonoxxi l-kwalitajiet u r-reputazzjoni ta’ dan il-prodott. Dan seta’ jiġi kkonfermat mill-istudju tal-prezzijiet ta’ bejgħ tal-bettieħ Charentais b’oriġini differenti fis-suq internazzjonali ta’ Rungis, mill-2000 sal-2006.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

    Il-klima li wieħed isib fil-Gwadelup matul il-perjodu tal-“carême”, tippermetti li fuq il-ħamrija taflija u tal-ġir ta’ Grand Terre u ta’ Marie Galante jiġi prodott bettieħ ta’ kwalità b’mod naturali, fl-għelieqi. It-territorju ta’ Grande Terre u ta’ Marie Galante, minħabba l-klima niexfa u mirjieħa, il-viċinanza tal-baħar li tillimita s-sħana żejda u l-mard, u fl-aħħar nett il-ħamrija taflija u tal-ġir tiegħu, jiffavorixxi l-kisba ta’ bettieħ ħelu b’bosta aromi partikolari. Barra minn hekk, il-preżenza sinifikanti tal-ġir fil-ħamrija tirriżulta fi frott li jżomm għal tul eċċezzjonali ta' żmien. Din l-art hija ferm adattata għall-bettieħ Charentais isfar, b’qoxra lixxa jew raffa, u kull tip jista’ jiżviluppa l-potenzjalitajiet massimi tiegħu f’termini ta’ aromi, ta’ riħa tfuħ, ta’ kulur tal-qoxra u ta’ togħma.

    Il-kwalità tal-bettieħ tinkiseb biss jekk wieħed joqgħod attent li kollox jieħu ż-żmien tiegħu, kemm fir-rigward tar-rotazzjoni tal-uċuh tar-raba’ kif ukoll tal-preparazzjonijiet differenti tal-ħamrija stess, jew anki fil-mod li bih f’kull stadju veġetattiv tal-pjanta jitwassal l-ilma jew id-demel u bil-mod li bih titwettaq il-kultivazzjoni. B’hekk, l-għarfien tal-produtturi, kemm fil-ħdim tal-ħamrija kif ukoll fil-kura tal-uċuh u l-ħsad ta’ kuljum tal-frott, jippermettu li jkun hemm l-aħjar kwalità. Għażla bbażata fuq is-sens manwali, tal-mess, viżiv, u wkoll għażla attenta u stretta wasslet biex il-“melon de Guadeloupe” jittella’ fuq livell superjuri, fejn illum huwa apprezzat mid-distributuri Ewropej kollha li jirrikonoxxu li din il-frotta żżomm eċċezzjonalment fit-tul wara l-ħsad, il-kontenut għoli ta’ zokkor u bosta aromi, u konsegwentement jirrikonoxxu l-ispeċifiċità tagħha meta mqabbla ma' bettieħ b’oriġini oħrajn li jinbiegħ fl-istess perjodu.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCIGPMelonDeGuadeloupe.pdf


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top