Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0514(01)

    Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

    ĠU L 127, 14.5.2011, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    52011XC0514(01)

    Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

    Official Journal L 127 , 14/05/2011 P. 004 - 005


    Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

    1. Dikjarazzjoni dwar ir-regoli tal-oriġini

    Il-Kummissjoni tikkonferma n-natura eċċezzjonali tad-derogi għal xi prodotti tessili u s-surimi li jinsabu fil-Protokoll tal-Oriġini. Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll l-impenn tagħha għar-regoli ta’ oriġini preferenzjali standard tal-UE bħala l-bażi għal negozjati ta’ FTA oħrajn, u l-importanza li tkompli tirrikjedi fir-regoli ta’ oriġini tagħha livell adegwat ta’ trasformazzjoni u proċessar fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodotti biex jibbenefikaw minn trattament preferenzjali.

    F’negozjati FTA attwali u futuri, il-Kummissjoni bi ħsiebha tiffavorixxi l-projbizzjoni ta’ rifużjoni tad-dazju. Kwalunkwe bdil għal din il-politika f’xi FTA partikolari jkollu jkun preċedut minn diskussjoni mal-Istati Membri.

    2. Dikjarazzjoni dwar il-prezzijiet tad-dħul

    Il-Kummissjoni tikkonferma n-natura eċċezzjonali tad-dispożizzjonijiet fl-FTA li jeliminaw il-prezzijiet tad-dħul għal ċerti frott u ħxejjex, li kienu maqbula mal-Korea fil-perspettiva taċ-ċirkostanzi speċjali ta’ dawk in-negozjati u ma jirrappreżentawx preċedent għal negozjati bilaterali jew multilaterali oħrajn.

    3. Dikjarazzjoni dwar il-protokoll dwar il-kooperazzjoni kulturali

    Il-Kummissjoni tindika li hija tibqa’ turi impenn kbir għall-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali. Il-protokoll dwar il-kooperazzjoni kulturali, anness għall-ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Korea, u li d-dispożizzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-koproduzzjoni awdjoviżiva ser ikunu fis-seħħ għal perijodu inizjali ta’ tliet snin, jitqiegħed direttament taħt l-awspiċi ta’ dik il-Konvenzjoni, u huwa mingħajr preġudizzju għall-politika tal-UE li n-negozjati kummerċjali dwar is-servizzi kulturali u awdjoviżivi m’għandhomx jaffettwaw id-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni.

    Il-protokoll tfassal u ġie nnegozjat b’referenza għall-politika kulturali speċifika tal-Korea, b’mod partikolari l-appoġġ tagħha għas-settur awdjoviżiv. Għaldaqstant huwa ma jistax jittieħed bħala preċedent fin-negozjati futuri ma’ msieħba oħrajn.

    Il-Kummissjoni tirriafferma l-impenn tagħha li tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Unesco u li tistabbilixxi strateġija komprensiva tal-UE dwar il-politika kulturali esterna, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2008.

    4. Dikjarazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-FTA

    Il-Kummissjoni hija impenjata li tattiva l-proċeduri relatati mal-limitazzjonijiet dwar ir-rifużjoni tad-dazju, is-salvagwardja u s-soluzzjoni tat-tilwim kull meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti jkunu sodisfatti.

    Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ mill-qrib tal-impenji Koreani u l-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FTA bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati, għandhom jittieħdu l-passi li ġejjin:

    - Il-Kummissjoni ser tikkondividi b’mod regolari mal-impriżi tal-UE, l-Istati Membri u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) statistika dwar l-importazzjonijiet Koreani f’setturi sensittivi, kif ukoll l-istatistika dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni li tkun rilevanti għall-invokazzjoni tal-klawsola ta’ salvagwardja u l-klawsola speċjali dwar ir-rifużjoni tad-dazju. Statistika rilevanti għall-karozzi, il-prodotti ta’ elettronika għall-konsumatur u t-tessili għandha tkun kondiviża fuq bażi ta’ darbtejn fix-xahar, u tibda mid-data tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-ftehim.

    - Sabiex jiġi ffaċilitat il-kontribut għat-tħejjija tal-laqgħat relatati mal-FTA, il-Kummissjoni kmieni matul is-sena ser tiċċirkola lill-partijiet interessati, lill-Istati Membri u lill-Kumitat INTA, aġenda tentattiva tal-laqgħat relatati mal-FTA.

    - Il-Kummissjoni ser tqis bir-reqqa kwalunkwe informazzjoni sostanzjata pprovduta mill-impriżi tal-UE rigward l-ostakoli għall-aċċess għas-suq. Hija ser tiddiskuti tali informazzjoni mal-impriżi u ser iżżommhom informati dwar is-segwitu li jsir għall-ilmenti dwar l-aċċess għas-suq. Għal dan l-għan għandu jsir użu tal-fora differenti li diġà huma stabbiliti skont l-istrateġija dwar l-aċċess għas-suq kemm fi Brussell kif ukoll f’Seoul.

    Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, għandu jinħoloq Grupp Konsultattiv Domestiku. Dan il-grupp ser jinkludi rappreżentanza indaqs ta’ impriżi, trade unions u l-organizzazzjonijiet non-governattivi. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkun ukoll rappreżentat adegwatament. Id-dettalji partikolari għall-funzjonament tal-grupp ser ikunu maqbula mal-partijiet interessati kkonċernati.

    5. Dikjarazzjoni dwar dispożizzjonijiet speċjali dwar il-kooperazzjoni amministrattiva

    Il-Kummissjoni tikkonferma n-natura eċċezzjonali tal-formulazzjoni ta’ kompromess tal-Artikolu 2.17 ‘Dispożizzjonijiet speċjali dwar il-kooperazzjoni amministrattiva’ li ma tirrappreżentax preċedent għal negozjati bilaterali jew multilaterali oħrajn.

    F’negozjati attwali u futuri dwar l-FTA, il-Kummissjoni bi ħsiebha tiffavorixxi dispożizzjonijiet kontra l-frodi mmirati għall-infurzar tal-applikazzjoni korretta tal-preferenzi tariffarji mill-pajjiż imsieħeb, billi tipprevedi s-sospensjoni possibbli tal-preferenzi kummerċjali f’każ ta’ nonkooperazzjoni u/jew frodi/irregolarità.

    --------------------------------------------------

    Top