EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0204(04)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 35, 4.2.2011, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/19


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 35/08

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

BROVADA

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0783-14.07.2009

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Brovada”

Dan mhuwiex terminu ġeografiku iżda nom bid-djalett tradizzjonalment użat fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4 biex jindika l-prodott tal-ikel konċernat.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew il-prodott tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6 –

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

Id-DPO “Brovada” huwa l-isem ta' prodott miksub mill-immarinar fil-ħall tal-ekotip lokali ta' tip ta' ġidra bajda b'għonq vjola (Brassica rapa L. var. rapa Hart), jew il-ġidra “Brovada”, permezz ta' proċess ta' maċerazzjoni u fermentazzjoni fil-karfa tal-għenba.

Il-prodott jinbiegħ fi strixxi maħkuka bil-karatteristiċi li ġejjin:

konsistenza li tqarmeċ u elastika, iżda qatt iebsa;

kulur abjad kremuż, roża jew jagħti fir-roża jew l-aħmar fuq skala tal-kulur relatata mal-karatteristiċi tal-karfa tal-għenba użata;

strixxi ta' bejn it-3 u s-7 mm;

pH ta' bejn 3,4 u 3,8;

aċidità volatili massima ta' 5,5mg/g espressi bħala aċidu aċetiku;

togħma aċiduża mingħajr l-ebda ħjiel ta' ħaxixa friska;

aroma pikkanti ta' karfa tal-għenba.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

 

Il-ġidra “Brovada”, ekotip lokali tal-ġidra l-bajda b'għonq vjola (Brassica rapa L. var. rapa Hart), elenkata fir-Reġistru Reġjonali għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi endemiċi ta' interess agrarju u l-forestrija miżmum mir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli-Venezia Giulia (taqsima tal-ħaxix). Meta jkun għadu fl-għalqa il-prodott matur għandu jippreżenta l-karatteristiċi li ġejjin:

għerq ta' forma ċilindrika jew kon bla ponta li jiffaċilita l-ħakk fi strixxi;

tul minimu ta' 12-il ċm;

laħma soda u mmerqa ta' kulur abjad;

qoxra ta' kulur ħamrani fil-vjola li jibda mill-kullar sa żewġ terzi (2/3) minn tulha, u l-bqija hija ta' kulur abjad;

l-għerq għandu tal-inqas terz (1/3) minnu midfun.

 

Karfa tal-għenba li għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

toriġina esklussivament waqt il-produzzjoni tal-inbid magħmul mill-għeneb aħmar miż-żona tal-produzzjoni fil-punt 4;

ma tidhirx li fiha moffa jew taħsir;

niexfa u faċli titqatta'.

 

Ilma.

Materja prima fakultattiva:

maxx frisk tal-għenba: mill-għeneb aħmar miż-żona tal-produzzjoni fil-punt 4, li jrid jitħallat esklussivament mal-karfa tal-għenba;

inbid aħmar: minn għeneb aħmar imkabbar u magħmul f'inbid fiż-żona tal-produzzjoni fil-punt 4;

ħall tal-inbid aħmar.

melħ mill-oħxon tal-baħar.

Ma jistgħux jintużaw preservattivi u kuluranti.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-ġdur għandhom jitkabbru, u l-“Brovada” għandha tiġi pproċessata, fiż-żona definita.

3.6.   Regoli speċifiċi li jikkonċernaw it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

L-ippakkjar tal-“Brovada” qabel il-bejgħ irid iseħħ fil-post tal-produzzjoni sabiex il-“Brovada” tkun protetta u l-likwidu rilaxxat matul il-ħakk ta' wara l-fermentazzjoni mid-degradazzjoni ma jaffettwax b'mod negattiv l-parametri kimiċi u organolettiċi ewlenin.

Il-“Brovada” tinbiegħ fil-pakketti ssiġillati b'mod ermetiku li ġejjin:

boroż tal-plastik tajbin għall-ikel, tad-daqs: 500 g, 600 g, 700 g, 800 g, 900 g, 1 kg, 1,1 kg, 1,2 kg, 1,3 kg, 1,4 kg,1,5 kg;

tilari tal-plastik tajbin għall-ikel, tad-daqs: 100 g, 150 g, 200 g, 250 g, 300 g, 350 g, 400 g, 450 g, 500 g, 550 g, 600 g, 650 g, 700 g, 750 g, 800 g, 850 g, 900 g, 950 g, 1 kg, 1,05 kg, 1,1 kg, 1,15 kg, 1,2 kg, 1,25 kg, 1,3 kg, 1,35 kg, 1,4 kg, 1,45 kg, 1,5 kg, 3 kg, 4 kg;

bramel tal-plastik tajbin għall-ikel, tad-daqs: 2,5 kg, 5 kg, 10 kg;

vażetti tal-ħġieġ, tad-daqs: 250 g, 400 g, 500 g, 600 g, 700 g, 800 g, 900 g, 1 kg, 1,1 kg, 1,2 kg, 1,3 kg, 1,4 kg, 1,5 kg.

3.7.   Regoli speċifiċi li jikkonċernaw it-tikkettar:

Kull pakkett tal-“Brovada” jrid ikollu tikketta.

It-tikketti mwaħħlin mal-prodott iridu juru li ġej:

il-logo, il-kliem “Denominazione di Origine Protetta” (“Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini”), il-logo Komunitarju, is-sena tal-produzzjoni tal-karfa tal-għenba, l-identifikazzjoni tal-lott tal-produzzjoni.

L-isem “Brovada DOP” ma jistax jiġi tradott.

Mhux permess li tiżdied xi deskrizzjoni li m'hemmx provediment espliċitu għaliha.

L-użu ta' ismijiet, ismijiet kummerċjali u ismijiet tad-ditta huwa permess, sakemm m'għandhomx intenzjonijiet ta' tifħir tat-tip li joħolqu disgwid lix-xerrej.

Il-logo fih żewġ elementi: il-grafika stilistika li turi l-ġidra u t-test “Brovada”.

L-istampa tal-ġidra hija fil-forma ta' grafika mpinġija bl-idejn fuq karta raffa. L-istampa tal-ġidra tidher f'angolu ta' 20 grad lil hinn mill-vertikal, fejn il-weraq tagħha huma mgħottija bl-inizjali B tal-kelma “Brovada”, miktuba b'ittri kapitali. Taħt il-logo kollu li huwa magħmul miż-żewġ elementi deskritti hawn fuq hemm it-test “Denominazione di Origine Protetta” (“Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini”).

Image

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Iż-żona fejn hija prodotta u ppakkjata l-“Brovada” DPO tinsab fi ħdan id-distrett taċ-ċensiment u t-territorju amministrattiv tal-muniċipalitajiet tal-Provinċji ta' Gorizia, Pordenone u Udine fir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli-Venezia Giulia, bl-esklużjoni taż-żoni li jinsabu f'altitudni ta' aktar minn 1 200 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona ddedikata għall-kultivazzjoni tal-ġidra “Brovada” hija karatterizzata minn klima moderata: it-temperatura hija essenzjalment omoġenja, akkumpanjata minn abbundanza ta' xita. Fil-perjodu minn Lulju sa Novembru l-medja tax-xita li tinżel hija bejn il-500 u s-700 mm. Matul in-nofs tas-sena l-aktar sħun, bejn April u Settembru, il-frekwenza tal-maltempati bir-ragħad hija ta' 0,5, jiġifieri waħda kull jumejn; huma aktar frekwenti waranofsinhar fit-tard (35 %) u l-anqas frekwenti (15 %) filgħodu.

It-temperatura fis-sajf hija bejn it-18,8 u t-22,4 °C. It-temperatura fil-ħarifa hija karatterizzata b'firxa tajba tat-temperatura. Madwar iż-żona kollha ta' produzzjoni t-temperaturi minimi għandhom tendenza jkunu għoljin (medja ta' 8,2 °C).

Il-ħamrija fejn jikbru l-ġdur hija maħlula, b'kontenut skeletali baxx. Il-konsistenza hija kkaratterizzata minn permeabbiltà u skular ottimu li jippermetti livelli għoljin tal-ossiġnu. L-art konċernata tinsab f'inqas minn 1 200 m 'il fuq mil-livell tal-baħar. Fiż-żona definita, f'altitudnijiet ogħla minn din, il-ġidra “Brovada”, li tikber darba kull sentejn, ma tilħaqx tikber fiż-żmien tal-istaġun tat-tkabbir, tipproduċi għeruq dgħajfin, diffiċli biex tibqa' ħajja fix-xitwa, u f'ċerti każijiet, ikollha diffikultà tipproduċi fjuri fertili. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-ħamrija flimkien mat-temperatura moderata matul l-istaġun tat-tkabbir għandhom impatt dirett fuq l-iżvilupp tal-ġidra, u jippermettu ż-żamma ta' livelli ottimi ta' kwalità. Fl-istadji kollha fil-produzzjoni tal-“Brovada”, l-għarfien u l-esperjenza diretta tal-produtturi għandhom rwol deċisiv. Matul l-istadji differenti tal-produzzjoni, il-kontribut uman huwa kruċjali fil-proċess tal-aċidifikazzjoni tal-karfa tal-għenba, il-valutazzjoni tal-kwantità meħtieġa, it-tqegħid tas-saffi kif suppost fil-bittiji, id-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-proċess tal-immarinar tal-ġidra fil-ħall u l-identifikazzjoni ta' meta tkun lesta.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-preparazzjoni ta' “Brovada” hija prassi esklussiva għaż-żona definita fi ħdan ir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli-Venezia Giulia.

Il-“Brovada” għandha konsistenza li tqarmeċ u elastika, qatt ma hija iebsa, u għandha togħma aċiduża u aroma pikkanti tal-karfa tal-għenba. Għandha kulur abjad kremuż, roża jew jagħti fir-roża jew l-aħmar skont il-karatteristiċi tal-karfa tal-għenba użata.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabtiet bejn il-“Brovada” u ż-żona ġeografika tal-produzzjoni huma l-kultivazzjoni tal-ekotip tal-ġidra “Brovada” u l-metodu speċjali tal-ipproċessar ta' dawn il-ġdur, li huwa uniku fir-Reġjun. Iż-żona tal-produzzjoni ta' “Brovada” hija karatterizzata primarjament minn klima moderata matul l-iżjed żewġ staġuni vulnerabbli, iż-żrigħ u l-istaġuni tal-iżvilupp tal-pjanta, flimkien maż-żona fejn l-ekotip tal-ġidra “brovada” tkabbret tradizzjonalment. Dan l-ekotip huwa r-riżultat tal-proċess twil ta' għażla mill-massa li twettaq matul iż-żmien mill-operaturi lokali għall-produzzjoni tal-“Brovada”. Il-karatteristiċi tal-ħamrija, l-altitudni tal-art tal-kultivazzjoni u t-temperatura moderata matul l-istaġun tat-tkabbir ilkoll jippermettu l-produzzjoni tal-ġdur “Brovada” b'karatteristiċi ottimi f'dak li jirrigwarda t-tenerezza u n-nuqqas ta' fibra tal-prodott, li huma rekwiżiti ewlenin għall-ipproċessar sussegwenti.

Bl-istess mod, il-karfa tal-għenba – u xi kultant l-għeneb u/jew l-inbid ukoll – użata/i fil-produzzjoni tal-“Brovada” hija riżultat ta' interazzjoni speċifika bejn il-vinji tal-għenba ħamra u ż-żona ġeografika. Il-flora mikrobika li b'mod naturali takkumpanja l-prodott hija karatteristika taż-żona tal-produzzjoni u għandha l-kapaċità li jkollha impatt sinifikanti fuq il-proċessi tal-fermentazzjoni tal-karfa tal-għenba u l-ġidra, b'effett apprezzat f'sens organolettiku.

Barra minn hekk, l-għarfien u l-esperjenza diretta tal-produtturi f'din iż-żona definita għandhom rwol deċisiv f'ħafna fil-fażijiet tal-produzzjoni tal-“Brovada”.

L-iżgurar tal-immarinar fil-ħall kif suppost ibbażat biss fuq l-osservazzjoni u l-esperjenza huwa kwistjoni ta' kultura lokali. Hemm ħafna fatturi li jaġixxu b'mod reċiproku mal-iżvilupp proprju taż-żewġ proċessi tal-aċidifikazzjoni: dak tal-karfa tal-għenba minħabba l-batterji tal-aċidu aċetiku u l-ġidra minħabba l-batterji tal-aċidu lattiku. L-għarfien ta' dawn il-fatturi u l-abbiltà li wieħed jaf jamministrahom biex jikseb il-“Brovada” bil-karatteristiċi kimiki definiti u l-konsistenza, it-togħma u l-aroma unika, jeżistu biss fiż-żona tal-produzzjoni, kif inhu konfermat f'minjiera ta' dokumentazzjoni.

Hemm diversi referenzi storiċi li jixhdu l-fatt tal-preżenza tal-prodott fiż-żona definita. “Cronaca inedita” (“Kronaka mhux pubblikata”) minn Jacopo Valvasone di Maniago (storiku tas-sittax-il seklu) dwar is-suġġett tal-“Incursioni dei turchi in Friuli” (“L-inkursjonijiet tat-Torok ġewwa l-Friuli”) ippubblikat f'Udine fl-1860, mill-pubblikaturi Tombetti-Murero; deskrizzjoni dwar kif tipproduċi u tippreserva l-ġidra f'test mill-Prof. Filippo Re fl-“Annali dell'Agricoltura del Regno d'Italia” (“Annali Agrikoli tar-Renju tal-Italja”) Il-Ħames Volum – Jannar-Frar-Marzu 1810. Il-proċedura reġistrata kważi mitejn sena ilu minn dan l-agronomista akkademiku magħruf hija, f'termini tal-karatteritiċi prinċipali, l-istess bħal dik li għadha tintuża llum biex issir il-“Brovada”.

Hemm diversi xogħlijiet gastronomiċi u letterarji li jirreferu għall-“Brovada”. Tnejn ewlenin huma:

“Confessioni di un italiano” (1867) (“Il-Konfessjonijiet ta' Taljan”), tradott bl-Ingliż bħala “The Castle of Fratta” (“Il-Kastell ta' Fratta”), minn Ippolito Nievo (1831-1861);

“Viaggio in Italia” (“Vjaġġ fl-Italja”) (1957) ta' Guido Piovene (1907-1974).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Il-Ministeru vara l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni mal-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-“Brovada” bħala denominazzjoni protetta tal-oriġini fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 78 tat-3 ta’ April 2009.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli billi tidħol fuq il-ħolqa li ġejja:

http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

billi tidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u tidħol fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top