This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0746
Proposal for a DIRECTIVE OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL amending Directive 2009/65/EC on the coordination of laws, regulations and administrative provisions relating to undertakings of collective investment in transferable securities (UCITS) and Directive 2011/61/EU on Alternative Investment Funds Managers in respect of the excessive reliance on credit ratings
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu
/* KUMM/2011/0746 finali - 2011/0360 (COD) */
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu /* KUMM/2011/0746 finali - 2011/0360 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar
aġenziji li jiggradaw il-kreditu[1]
(ir-Regolament CRA - credit rating agencies) daħal fis-seħħ
b’mod sħiħ fis-7 ta’ Diċembru 2010. Huwa jitlob
lill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (CRAs) biex jikkonformaw ma' regoli
rigorużi ta’ kondotta sabiex inaqqsu l-konflitti ta’ interess possibbli,
jiżguraw trasparenza suffiċjenti u ta’ kwalità għolja
tal-klassifikazzjonijiet u l-proċess tal-klassifikazzjoni. Is-CRAs
eżistenti kellhom japplikaw għar-reġistrazzjoni u jikkonformaw
mar-rekwiżiti tar-Regolament sas-7 ta’ Settembru 2010. Fil-11 ta’ Mejju 2011 ġiet
adottata emenda għar-Regolament CRA[2]
(ir-Regolament (UE) Nru 513/2011), fejn l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u
s-Swieq (AETS) tiġi fdata b’setgħat superviżorji esklussivi fuq
is-CRAs irreġistrati fl-UE sabiex tiċċentralizza u tissimplifika
r-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tagħhom fil-livell Ewropew. Madankollu, għadd ta’ kwistjonijiet
relatati ma’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-użu
tal-klassifikazzjonijiet ma ġewx indirizzati biżżejjed
fir-Regolament CRA eżistenti. Waħda minn dawn il-kwistjonijiet hija
r-riskju ta’ dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet ta’
kreditu minn parteċipanti fis-suq finanzjarju, inklużi impriżi
għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u fondi ta’
investiment alternattiv (AIFs)[3]. Il-Kummissjoni Ewropea rreferiet għal
dawn il-kwistjonijiet fil-Komunikazzjoni tagħha
tat-2 ta’ Ġunju 2010 ("Ir-regolazzjoni tas-servizzi
finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli")[4]
u f’dokument ta’ konsultazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni
tal-5 ta’ Novembru 2011[5]
fejn tħabbret il-ħtieġa għal reviżjoni mmirata
tar-Regolament CRA, li qed issir permezz ta' din il-proposta. Fit-8 ta’ Ġunju 2011,
il-Parlament Ewropew ippubblika rapport mhux leġiżlattiv dwar is-CRAs[6]. Ir-rapport
jappoġġja, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li
jissaħħaħ il-qafas regolatorju għall-aġenziji li
jiggradaw il-kreditu u li jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas ir-riskju
ta’ dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet. F’laqgħa informali tal-ECOFIN
tat-30 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
rrikonoxxa li għandhom isiru aktar sforzi sabiex jiġu indirizzati
għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni
tal-kreditu, inkluż ir-riskju ta’ dipendenza eċċessiva fuq
il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u r-riskju ta’ konflitt ta’ interessi li
jirriżultaw mill-mudell ta’ rimunerazzjoni tal-aġenziji ta’
klassifikazzjoni. Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2011
ikkonkluda li hemm bżonn ta’ progress fuq it-tnaqqis ta’ dipendenza
eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Fil-livell internazzjonali, f’Ottubru 2010
il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB -Financial Stability Board)
ippubblika prinċipji sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-awtoritajiet u
tal-istituzzjonijiet finanzjarji fuq klassifikazzjonijiet esterni[7]. Il-prinċipji jitolbu li
jitneħħew jew jinbidlu r-referenzi għal dawn
il-klassifikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni fejn huma disponibbli
standards alternattivi xierqa ta’ affidabbiltà kreditizja, kif ukoll li
l-investituri jagħmlu l-valutazzjonijiet ta’ kreditu tagħhom stess.
Dawk il-prinċipji kienu approvati mis-Summit tal-G 20 f’Seoul
f’Novembru 2010. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Il-Kummissjoni Ewropea għamlet
konsultazzjoni pubblika bejn il-5 ta’ Novembru 2010 u
s-7 ta’ Jannar 2011, fejn ippreżentat diversi
għażliet sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati,
inkluża l-kwistjoni tad-dipendenza eċċessiva. Il-Kummissjoni
rċeviet madwar 100 kontribuzzjoni minn partijiet interessati, li
ttieħdu f’kunsiderazzjoni fit-tfassil ta’ din il-proposta. Sommarju
tar-reazzjonijiet għad-dokument ta’ konsultazzjoni jinsab fuq http://ec.europa.eu/internal_market/securities/docs/agencies/summary-responses-cra-consultation-20110704_en.pdf. Fis-6 ta’ Lulju, is-servizzi tal-Kummissjoni
organizzaw diskussjoni ‘round table’ sabiex jiksbu aktar feedback minn
partijiet interessati rilevanti fuq dawn il-kwistjonijiet. Sommarju
tad-diskussjoni ‘round table’ jista’ jinstab fuq http://ec.europa.eu/internal_market/securities/docs/agencies/roundtable_en.pdf. Ġiet prodotta valutazzjoni tal-impatt
għal din il-proposta. Din tinsab fuq http://ec.europa.eu/internal_market/securities/agencies/index_en.htm. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali Huwa meħtieġ, sabiex jitnaqqas
ir-riskju tad-dipendenza eċċessiva tal-maniġers tal-UCITS u tal-AIFs
fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu, li jiġu introdotti emendi
għad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet,
regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi
ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)[8] u
għad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’
Investiment Alternattivi[9].
B’mod parallel, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta proposta
tar-Regolament għall-emenda tar-Regolament CRA, abbażi
tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(TFUE). Madankollu, dik il-proposta tar-Regolament
mhijiex ser tkun l-istrument legali xieraq għall-emenda ta’ dawn id-direttivi.
Minn naħa waħda, dawk l-emendi jinkludu dispożizzjonijiet li
mhumiex direttament applikabbli u jeħtieġu traspożizzjoni
fil-liġi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-proposta
għall-emendi tad-Direttiva 2009/65/KE u tad-Direttiva 2011/61/UE
għandha minflok tkun ibbażata fuq l-Artikolu 53(1) tat-TFUE, li
pprovda l-bażi legali għad-Direttiva msemmija l-aħħar.
Id-Direttiva 2009/65/KE kienet ibbażata fuq l-Artikolu 95
korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Għalhekk, jidher li huwa xieraq li
l-abbozz tal-emendi għad-Direttiva 2009/65/KE u 2011/61/UE jiġu
ppreżentati fi proposta għal Direttiva bbażata fuq
l-Artikolu 53(1) tat-TFUE. 3.2. Sussidjarjetà u
proporzjonalità Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà
(l-Artikolu 5(3) tat-TUE), l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha
tittieħed biss fejn l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu
jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħidhom u
jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta,
jintlaħqu aħjar mill-UE. In-negozju tal-aġenziji ta’
klassifikazzjoni tal-kreditu huwa globali u kien irregolat fil-livell tal-UE.
Il-klassifikazzjonijiet użati minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni
tal-kreditu bbażata fi Stat Membru wieħed qegħdin jintużaw
minn, u jibbażaw fuqhom il-parteċipanti tas-suq minn madwar l-UE
kollha. Bl-istess mod, il-leġiżlazzjoni tal-UE stabbilixxiet qafas
regolatorju prudenzjali għall-fondi ta’ investiment, kemm jekk UCITS jew
AIFs, li jippermetti lill-fondi awtorizzati joperaw madwar l-UE. Il-fallimenti
jew in-nuqqas ta’ qafas regolatorju fi Stat Membru speċifiku wieħed
jistgħu jaffettwaw ħażin lill-parteċipanti tas-suq u
lis-swieq finanzjarji madwar l-UE kollha. Għalhekk, hemm bżonn ta’
regoli regolatorji tajbin applikabbli madwar l-UE sabiex jipproteġu
lill-investituri u lis-swieq minn nuqqasijiet possibbli. Għalhekk,
kwalunkwe azzjoni oħra sabiex titnaqqas id-dipendenza eċċessiva
tal-UCITS u tal-AIFs fuq klassifikazzjonijiet ta’ kreditu tista’ tinkiseb
l-aħjar permezz ta’ azzjoni tal-UE. L-emendi proposti huma wkoll proporzjonati,
kif mitlub mill-Artikolu 5(4) tat-TUE. L-emendi ma jmorrux lil hinn minn
dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom.
Id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tad-dipendenza fuq
klassifikazzjonijiet tal-kreditu huma integrati fl-obbligu ġenerali
għall-kumpaniji ta’ ġestjoni u ta’ investiment (fir-rigward
tal-UCITS) u l-AIFMs (fir-rigward tal-AIFs) sabiex japplikaw proċessi jew
sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji. Id-dispożizzjonijiet proposti huma
simili ħafna għal dawk li ġew proposti riċentament
mill-Kummissjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-kreditu[10]. Din il-proposta tissupplimenta l-proposta
tal-Kummissjoni, ippreżentata b’mod parallel, għal Regolament li
jemenda r-Regolament CRA, li fih dispożizzjonijiet oħrajn rigward, inter
alia, it-tnaqqis tad-dipendenza eċċessiva mill-parteċipanti
tas-suq fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Minbarra li tistabbilixxi dan
il-prinċipju ġenerali dwar l-evitar tad-dipendenza
eċċessiva, il-proposta għall-emenda tar-Regolament CRA tipprovdi
għal xi miżuri li għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta’ dak
l-għan mill-investituri. Għalhekk, hija tipprevedi li l-investituri
għandu jkollhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għal
informazzjoni addizzjonali divulgata fis-suq mill-aġenziji ta’
klassifikazzjoni tal-kreditu u mill-emittenti ta’ strumenti ta’ finanzjament
strutturati. L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom
jiddivulgaw informazzjoni dwar il-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni
tagħhom u s-suppożizzjonijiet sottostanti, dwar kwalunkwe bidliet
proposti fil-metodoloġiji tagħhom jew dwar informazzjoni
speċifika fuq ċerti tipi ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu,
bħal klassifikazzjonijiet sovrani. Il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu
maħruġa għandhom isiru wkoll faċilment paragunabbli
għall-investituri grazzi għall-Indiċi Ewropew
tal-Klassifikazzjoni (EURIX) li għandu jitħaddem mill-AETS u li
jinkorpora skali ta’ klassifikazzjoni armonizzati. L-emittenti tal-istrumenti
ta’ finanzjament strutturati għandhom jipprovdu aktar informazzjoni dwar
il-prodotti tagħhom lis-suq, inkluża informazzjoni dwar il-kwalità
tal-kreditu u r-rendiment tal-assi sottostanti individwali tal-istrument ta’
finanzjament strutturat, l-istruttura tat-tranżazzjoni
tat-titolizzazzjoni, il-likwidità jew kwalunkwe kollateral li jappoġġja
espożizzjoni għal titolizzazzjoni. Din l-informazzjoni addizzjonali
għandha tiffaċilita li l-investituri, bħall-UCITS jew l-AIFs,
ikunu jistgħu jagħmlu l-valutazzjonijiet tar-riskju tal-kreditu tagħhom
stess u li ma jkollhomx bżonn jiddependu sistematikament u
mekkanistikament fuq l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu sabiex
jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-istrumenti, b’mod partikolari
l-istrumenti ta’ finanzjament strutturati, li jinvestu fihom. 3.3. Spjegazzjoni tal-proposta 3.3.1. Emenda
tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-UCITS Id-Direttiva 2009/65/KE tipprovdi
għar-regolamentazzjoni tal-UCITS fil-livell tal-UE. UCITS li jissodisfaw
ċerti kondizzjonijiet huma għalhekk permessi joperaw madwar l-Unjoni.
L-Artikolu 51 ta’ din id-Direttiva stabbilixxa xi rekwiżiti
prudenzjali fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji. Huwa jitlob b’mod
partikolari li kumpanija ta’ ġestjoni jew ta’ investiment li
tiġġestixxi l-UCITS għandha tapplika proċess ta’
ġestjoni tar-riskji li jagħtiha ċ-ċans timmonitorja u
tkejjel fi kwalunkwe ħin ir-riskju tal-pożizzjonijiet u
l-kontribuzzjoni tagħhom għall-profil tar-riskju globali
tal-portafoll. Il-Kummissjoni rċeviet setgħat iddelegati biex
tispeċifika, permezz ta’ atti ddelegati, il-kriterji
għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-proċess tal-ġestjoni
tar-riskji applikat minn dawk li jiġġestixxu l-UCITS. L-Artikolu 1 tal-proposta jemenda
l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-proċess
tal-ġestjoni tar-riskji: –
il-punt (1) jintroduċi rekwiżit
għall-kumpanija ta’ ġestjoni jew ta’ investiment biex ma tiddependix
biss jew mekkanistikament fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni
għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-UCITS.
Il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni jistgħu jintużaw bħala
fattur wieħed fost oħrajn f’dan il-proċess, iżda ma
għandhomx jipprevalu; –
il-punt (2) jipproponi emendi korrispondenti
fl-awtorizzazzjonijiet eżistenti lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti
ddelegati bil-għan li tispeċifika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1)
tad-Direttiva 2009/65/KE. 3.3.2. Emenda
tad-Direttiva 2011/61/KE dwar il-maniġers tal-AIFs Bl-istess mod, id-Direttiva 2011/61/UE
tipprovdi għar-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE tal-maniġers
tal-fondi ta’ investiment alternattivi (alternative investment funds - AIFs).
L-AIFs li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet huma għalhekk permessi
sabiex joperaw madwar l-Unjoni. L-Artikolu 15
tad-Direttiva 2011/61/UE stabbilixxa xi rekwiżiti prudenzjali
fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji. B’mod partikolari, huwa jitlob li
l-maniġer ta’ AIF għandu jimplimenta sistemi adegwati ta’
ġestjoni tar-riskji sabiex jidentifika, ikejjel, jiġġestixxi u
jimmonitorja kif xieraq ir-riskji kollha rilevanti għal kull
strateġija ta’ investiment tal-AIF u li għalihom huwa jew jista’ jkun
espost kull AIF. Il-Kummissjoni rċeviet setgħat iddelegati biex
tispeċifika, permezz ta’ atti ddelegati, is-sistemi tal-ġestjoni
tar-riskji li għandhom jiġu applikati mill-maniġers tal-AIFs
fir-rigward tar-riskji li huma jġarrbu f’isem l-AIFs li
jiġġestixxu. L-Artikolu 2 tal-proposta jemenda
l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tas-sistemi ta’
ġestjoni tar-riskji: –
il-punt (1) jintroduċi rekwiżit
għall-Maniġer tal-AIF biex ma jiddependix biss jew mekkanistikament
fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni għall-valutazzjoni
tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-AIF. Il-klassifikazzjonijiet
tal-kreditu esterni jistgħu jintużaw bħala fattur wieħed
fost oħrajn f’dan il-proċess, iżda ma għandhomx jipprevalu; –
il-punt (2) jipproponi emendi korrispondenti
fl-awtorizzazzjonijiet eżistenti lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti
ddelegati bil-għan li tispeċifika d-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/61/UE. 3.3.3. Traspożizzjoni Il-proposta tipprovdi għal perjodu ta’
traspożizzjoni ta’ 12-il xahar. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta tal-Kummissjoni ma għandha
ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea. 2011/0360 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar
il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet
amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli
trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi
ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq
il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara trasmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank
Ċentrali Ewropew[11], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku
u Soċjali Ewropew[12],
Wara li aġixxew skont il-proċedura
leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1)
Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill[13]
tipprovdi għar-regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-impriżi
ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS). Bl-istess mod,
id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14] tipprovdi
għar-regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-maniġers tal-fondi
ta’ investiment alternattivi (AIFs). Iż-żewġ direttivi
jistabbilixxu rekwiżiti prudenzjali fir-rigward tal-ġestjoni
tar-riskji minn kumpaniji ta’ ġestjoni jew ta’ investiment li
jiġġestixxu l-UCITS jew mill-maniġers tal-AIFs, rispettivament. (2)
Effett tal-kriżi finanzjarja kien li
l-investituri, inklużi l-UCITS u l-AIFs, jiddependu b’mod
eċċessiv fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu biex jagħmlu
l-investimenti tagħhom fuq l-istrumenti tad-dejn, mingħajr ma
neċessarjament iwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom tal-affidabbiltà
kreditizja tal-emittenti ta’ dawn l-istrumenti tad-dejn. Sabiex tittejjeb
il-kwalità tal-investimenti magħmula mill-UCITS u mill-AIFs u,
għalhekk, sabiex jiġu protetti l-investituri f’dawk il-fondi, huwa
xieraq li l-persuni li jiġġestixxu l-UCITS u l-AIFs jintalbu jevitaw
li jiddependu b’mod esklussiv u awtomatiku fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu
esterni meta jivvalutaw ir-riskju involut fl-investimenti magħmula
mill-UCITS u l-AIFs li jiġġestixxu. Il-prinċipju ġenerali
dwar l-evitar ta’ dipendenza eċċessiva fuq klassifikazzjonijiet
tal-kreditu esterni għandu għalhekk jiġi integrat
fil-proċessi u s-sistemi tal-ġestjoni tar-riskji tal-maniġers
tal-UCITS u tal-AIFs, u jiġi adattat għall-ispeċifiċitajiet
tagħhom. (3)
Sabiex ikompli jiġi speċifikat
il-prinċipju ġenerali dwar id-dipendenza eċċessiva li
għandu jiġi introdott fid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE,
għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa tal-adozzjoni
ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea, b’mod partikolari sabiex ikun żgurat li l-maniġers tal-UCITS
u tal-AIFs ikunu effettivament imwaqqfa milli jiddependu b’mod
eċċessiv fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni sabiex
jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-assi miżmuma mill-UCITS jew
mill-AIFs. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġu emendati s-setgħat
tal-Kummissjoni f’dawk id-Direttivi sabiex tadotta atti ddelegati fir-rigward
tad-dispożizzjonijiet ġenerali rigward il-proċessi u s-sistemi
tal-ġestjoni tar-riskji applikati mill-maniġers tal-UCITS u tal-AIFs.
Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet
xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell
tal-esperti. (4)
Il-miżuri rilevanti għandhom ikunu
komplimentari għal dispożizzjonijiet oħrajn fir-Regolament (UE)
Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009
dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu[15]
kif emendat mir-Regolament (UE) Nru [xxx/xxxx] tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill ta’ [xxx xxx xxxx] li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1060/2009[16]. Dawk
id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-għan ġenerali tat-tnaqqis
tad-dipendenza eċċessiva mill-investituri fuq klassifikazzjonijiet
tal-kreditu esterni u għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta’ dak
l-għan. (5)
Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva,
jiġifieri li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza
eċċessiva tal-UCITS u l-AIFs fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu
esterni meta jagħmlu l-investimenti tagħhom, ma jistax jinkiseb b’mod
suffiċjenti fil-livell tal-Istati Membri u jista’ għalhekk, permezz
tal-istruttura pan-Unjoni u l-impatt tal-attivitajiet tal-UCITS, tal-AIFs u
tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, jinkiseb aħjar
fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont
il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità,
kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li
huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. (6)
Għalhekk, id-Direttiva 2009/65/KE u
d-Direttiva 2011/61/UE għandhom jiġu emendati kif xieraq, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE L-Artikolu 51
tad-Direttiva 2009/65/KE huwa emendat kif ġej: (1) fil-paragrafu 1, l-ewwel
subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej: 'Kumpanija ta’ ġestjoni jew ta’ investiment
għandha tapplika proċess ta’ ġestjoni tar-riskji li
jippermettilha timmonitorja u tkejjel fi kwalunkwe ħin ir-riskju
tal-pożizzjonijiet u l-kontribut tagħhom għall-profil ta’ riskju
globali tal-portafoll. B’mod partikolari, hija ma għandhiex tiddependi
biss jew mekkanistikament fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni
għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-UCITS.'; (2) fil-paragrafu 4, il-punt (a) huwa
sostitwit b’li ġej: '(a) kriterji għall-valutazzjoni
tal-adegwatezza tal-proċess ta’ ġestjoni tar-riskji applikat
mill-kumpanija ta’ ġestjoni skont l-ewwel subparagrafu
tal-paragrafu 1. Dawn il-kriterji għandhom jiżguraw li
l-kumpanija ta’ ġestjoni ma tkunx tista’ tiddependi biss jew
mekkanistikament fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni
għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-UCITS;'. Artikolu 2 Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE L-Artikolu 15
tad-Direttiva 2011/61/UE huwa emendat kif ġej: (1) fil-paragrafu 2, l-ewwel
subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej: 'L-AIFMs għandhom jimplimentaw sistemi
adegwati ta’ ġestjoni tar-riskji sabiex jidentifikaw, ikejlu,
jiġġestixxu u jimmonitorjaw kif xieraq ir-riskji kollha rilevanti
għal kull strateġija ta’ investiment tal-AIF u li għalihom huwa
jew jista’ jkun espost kull AIF. B’mod partikolari, l-AIFMs ma għandhomx
jiddependu biss jew mekkanistikament fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu
esterni għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-AIF.'; (2) fil-paragrafu 5, il-punt (a) huwa
sostitwit b’li ġej: '(a) is-sistemi tal-ġestjoni tar-riskji
li għandhom jiġu applikati mill-AIFMs fir-rigward tar-riskji li huma
jġarrbu f’isem l-AIFs li jiġġestixxu. Dawn is-sistemi ta’
ġestjoni tar-riskji għandhom jipprevjenu lill-AIFMs milli jiddependu
biss jew mekkanistikament fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni
għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-AIF.'. Artikolu 3 Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw
ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn XX XXXX [12-il xahar mid-data
tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva]. Huma għandhom minnufih
jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet
flimkien ma’ tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u
din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk
id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din
id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din
fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri
għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom
jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin
tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din
id-Direttiva. Artikolu 4 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha
f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 5 Destinatarji Din
id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar
aġenziji li jiggradaw il-kreditu, ĠU L 302, 17.11.2009. [2] Ir-Regolament (UE) Nru 513/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jemenda
r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw
il-kreditu, ĠU L 145, 31.5.2011. [3] Id-dipendenza eċċessiva fuq
klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni sseħħ meta
l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-investituri istituzzjonali jiddependu biss
jew mekkanistikament fuq klassifikazzjonijiet maħruġa minn
aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, filwaqt li jittraskuraw
id-diliġenza dovuta tagħhom u l-obbligi interni tal-ġestjoni tar-riskji.
Id-dipendenza eċċessiva fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu tista’
twassal għal imġiba tal-massa mill-atturi finanzjarji, eż.
il-bejgħ parallel ta’ darba tal-istrumenti tad-dejn wara li dak
l-istrument ikun ġie degradat taħt il-grad tal-investiment, li jista’
jaffettwa l-istabbiltà finanzjarja – partikolarment meta l-ftit aġenziji
kbar ta’ klassifikazzjoni jiżbaljaw b’mod kollettiv fil-valutazzjonijiet
tagħhom. [4] COM(2010)301 finali. [5] Disponibbli fuq
http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/cra_en.htm. [6] http://www.europarl.europa.eu/oeil/FindByProcnum.do?lang=en&procnum=INI/2010/2302. [7] http://www.financialstabilityboard.org/publications/r_101027.pdf [8] ĠU L 302, 17.11.2009, p.32. [9] ĠU L 174, 1.7.2011, p.1. [10] Proposta tal-Kummissjoni
tal-20 ta’ Lulju 2011 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet
ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
u l-impriżi ta’ investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplimentari
ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti
tal-investiment f’konglomerat finanzjarju, COM(2011) 453 finali.
Ara l-punt (b) tal-Artikolu 77. [11] ĠU Ċ , , p. . [12] ĠU Ċ , , p. . [13] ĠU L 302, 17.11.2009, p.32. [14] ĠU L 174, 1.7.2011, p.1. [15] ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1. [16] ĠU L […], […], p. […].