Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0657

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE

    /* KUMM/2011/0657 finali - 2011/0299 (COD) */

    52011PC0657

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE /* KUMM/2011/0657 finali - 2011/0299 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Kuntest ġenerali

    Din l-inizjattiva hija stabbilita fl-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[1], fejn l-infrastrutturi diġitali jingħataw prijorità bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”[2]. Enfasizzat il-ħtieġa li jiġu żgurati t-tnedija u l-użu tal-broadband għal kulħadd, b’veloċitajiet akbar, kemm permezz ta’ teknoloġiji fissi kif ukoll permezz ta’ teknoloġiji mingħajr fili, u biex jiġi ffaċilitat l-investiment f’netwerks tal-internet ġodda, ultraveloċi, miftuħa u kompetittivi li se jkunu l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-ekonomija tal-ġejjieni. L-UE stabbilixxiet miri ambizzjużi għaliha nfisha f’termini ta’ tnedija u użu tal-broadband sal-2020.

    Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020” dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (2014-2020)[3], li jipproponi l-ħolqien ta’ Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex tippromwovi t-tlestija tal-infrastrutturi ta’ prijorità tal-enerġija, it-trasport u diġitali b’finanzjament uniku ta’ EUR 40 biljun, li EUR 9.2 biljun minnhom huma dedikati għal netwerks u servizzi diġitali.

    Għan tal-proposta

    L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi serje ta’ linji gwida li jkopru l-għanijiet u l-prijoritajiet previsti għan-netwerks tal-broadband u l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet fil-kuntest tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

    Fl-anness, il-linji gwida jidentifikaw il-proġetti ta’ interess komuni għall-użu tan-netwerks tal-broadband u l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali. Dawn il-proġetti għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea inklużi l-impriżi żgħar u medji (SMEs), jippromwovu l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali kif ukoll l-aċċess għal netwerks bħal dawn u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ Suq Uniku Diġitali. Għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju tal-UE taħt l-istrumenti disponibbli skont ir-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li jakkumpanja dan ir-Regolament.

    L-approċċ f’dan ir-Regolament huwa li jimmira li jneħħi l-konġestjonijiet li jxekklu t-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali jiġifieri jipprovdi konnettività għan-netwerk u l-aċċess, inkluż fuq livell transkonfinali, għal infrastruttura ta’ servizzi diġitali pubbliċi. Is-saded f’termini operazzjonali għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni, b’kuntrast għal eż. finanzjament ta’ triq ċirkolari (ring-road) madwar belt kapitali li hija essenzjali għall-fluwidità f’kuritur tat-trasport, jikkonċernaw kemm l-aspetti fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda. Għan-naħa tal-provvista, il-limitazzjonijiet huma relatati ma’ grad għoli ta’ fallimenti tas-suq u l-mudelli tan-negozju konkomitanti dgħajfa għal investiment fin-netwerks tal-broadband u t-twassil ta’ servizzi essenzjali ta’ interess pubbliku (eż. is-Saħħa elettronika, l-Identità elettronika, l-Akkwist elettroniku u l-interoperabbiltà transkonfinali tagħhom). Min-naħa tad-domanda, is-Suq Uniku Diġitali bil-potenzjal ta’ tkabbir konsiderevoli tiegħu jiddependi fuq is-sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini kollha jkunu konnessi man-netwerks diġitali.

    Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa timmira li tuża strumenti finanzjarji innovattivi sabiex tinċentivizza l-investiment fl-infrastruttura billi tnaqqas ir-riskju tal-investiment u billi tipprovdi finanzjament għal perjodu itwal ta’ żmien kemm għall-investituri alternattivi kif ukoll għal dawk stabbiliti. L-istrumenti finanzjarji innovattivi jipprovdu effett ta’ ingranaġġ importanti fuq l-investiment privat u l-investiment pubbliku ieħor filwaqt li xorta waħda jiddependu fuq il-mekkaniżmi tas-suq. Fejn il-każ tan-negozju għall-investiment fl-infrastruttura jkun partikolarment dgħajjef, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tipprevedi wkoll il-possibbiltà li toffri kofinanzjament permezz ta’ għotjiet.

    Fil-qasam tan-netwerks tal-broadband, l-azzjonijiet li jikkontribwixxu għal proġetti ta’ interess komuni fil-qasam tal-broadband għandhom jappoġġaw investimenti f’netwerks li, sal-2020, kapaċi jilħqu l-miri tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ta’ kopertura universali ta’ 30Mbps; jew li jkollhom mill-anqas 50 % tad-djar abbonati għal veloċitajiet ogħla minn 100Mbps. Se jinħoloq portafoll bilanċjat ta’ proġetti ta’ 30 u 100Mbps u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-ħtiġijiet ta’ investiment tal-Istati Membri li b’mod indikattiv huma vvalutati li jlaħħqu sa EUR 270 biljun.

    Għall-infrastruttura tas-servizz diġitali, il-konġestjonijiet f’termini ta’ użu tas-servizzi fi ħdan l-oqfsa interoperabbli huma indirizzati permezz ta’ skemi ta’ għotja diretta, f’ċerti każijiet b’rati għoljin ta’ kofinanzjament għaliex ma hemmx sidien fiżiċi ta’ infrastruttura Ewropea tas-servizz interoperabbli. Fil-fatt, la l-Istati Membri individwali, u l-anqas l-investituri privati ma jkunu jiżguraw l-użu tas-servizzi fi ħdan l-oqfsa interoperabbli. Għaldaqstant, il-valur miżjud tal-UE huwa għoli.

    Il-proġetti ta’ interess komuni fil-qasam tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali kif elenkati fl-Anness jinkludu l-konnessjonijiet bażi (backbone) trans-Ewropej ta’ veloċità għolja għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, it-twassil transkonfinali ta’ servizzi ta’ Gvern elettroniku bbażat fuq identifikazzjoni u awtentikazzjoni interoperabbli (eż. proċeduri elettroniċi għall-Ewropa kollha: għall-istabbilment ta’ negozju; għall-akkwist transkonfinali, il-Ġustizzja elettronika, is-servizzi transkonfinali tas-Saħħa elettronika); awtorizzazzjoni tal-aċċess għal informazzjoni tas-settur pubbliku, inkluż ir-riżorsi diġitali ta’ wirt Ewropew, data.eu u riżorsi multilingwi; sikurezza u sigurtà (internet aktar sikur u infrastrutturi kritiċi tas-servizz) u servizzi ta’ enerġija intelliġenti. Proġetti ta’ interess komuni jistgħu jinkludu wkoll l-operat ta’ servizzi elettroniċi pubbliċi implimentati taħt programmi Komunitarji oħrajn bħall-programm ISA (“Interoperability solutions for European public administrations” - “Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej”).

    L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għal proġetti ta’ interess komuni għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-UE taħt l-istrumenti disponibbli taħt ir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[4]. Għaldaqstant, din il-proposta għandha tinqara flimkien mal-proposta għal dak ir-Regolament. Ir-Regolament jistipula wkoll il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ proġetti ġodda ta’ interess komuni, abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-prijoritajiet politiċi li jinbidlu, l-iżviluppi teknoloġiċi jew is-sitwazzjoni fis-swieq rilevanti.

    2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Fir-rigward tat-tnedija tal-broadband, saru diversi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, l-industrija u partijiet interessati soċjali. B’mod partikolari, dawn kienu jinkludu laqgħa tal-Viċi President Kroes ma’ Kapijiet Eżekuttivi minn kumpaniji ta’ fornituri tal-kontenut, fabbrikanti tat-tagħmir, investituri u operaturi tat-telekomunikazzjonijiet mill-kumpaniji ewlenin tad-dinja bħal Nokia, Alcatel Lucent, Google, Ericsson, News Corp, eċċ., u l-ewwel Assemblea tal-Aġenda Diġitali, li seħħet ġewwa Brussell fis-16 u s-17 ta’ Ġunju 2011, li laqqgħet flimkien iżjed minn 1,000 parti interessata mis-setturi pubbliċi u privati, kif ukoll is-soċjetà ċivili. F’dawn l-okkażjonijiet u diversi okkażjonijiet oħra, il-partijiet interessati kkondividew b’mod ġenerali l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-mudell eżistenti ta’ investiment fit-telekomunikazzjoni mhuwiex biżżejjed sabiex tinkiseb it-tnedija ta’ infrastrutturi li ma jiswewx ħafna flus u ta’ kwalità għolja tal-broadband għaċ-ċittadini Ewropej kollha, u jilqgħu b’sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Kummissjoni għall-użu ta’ investiment pubbliku mmirat, eż. permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, għall-ingranaġġ tal-investiment meħtieġ fl-infrastruttura biex jappoġġa mudelli ta’ investiment alternattivi u aktar sostenibbli.

    F’abbozz ta’ rapport dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) tal-ġejjieni, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-importanza tal-użu tal-baġit għall-ingranaġġ tal-investiment fil-broadband.

    Rigward l-infrastrutturi tas-servizz diġitali transkonfinali, il-Kummissjoni ilha taħdem ma’ diversi gruppi ta’ partijiet interessati għal bosta snin. L-evalwazzjonijiet u l-pariri tal-esperti dwar l-attivitajiet eżistenti, bħall-Europeana (għall-wirt kulturali) jew il-programm Safer Internet ġeneralment jitolbu li l-attivitajiet jitkomplew u jinfirxu.

    Ir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jiddiskuti żewġ alternattivi. L-ewwel, l-alternattiva bażika tipprevedi li ma għandu jiġi allokat l-ebda finanzjament tal-UE għall-broadband ħlief, potenzjalment, permezz tal-fondi strutturali u t-tkomplija tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni għall-infrastrutturi tas-servizz diġitali fl-iskala tal-piloti biss. F’dan ix-xenarju ma jinkisbu l-ebda massa kritika jew użu ta’ servizzi diġitali, l-investiment fil-broadband ikompli jkun mhux suffiċjenti f’bosta reġjuni minħabba n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva u r-riskju kummerċjali għoli. B’mod ekwu, is-servizzi pubbliċi online jistgħu jkunu mistennija li jibqgħu mhux żviluppati biżżejjed u mhux interoperabbli bejn il-fruntieri minħabba l-frammentazzjoni tal-isforzi u s-soluzzjonijiet tekniċi subottimi, in-nuqqas ta’ massa kritika, l-ispejjeż għolja għall-fornituri tas-servizzi u l-benefiċjarji tas-servizzi. Għalhekk, din l-alternattiva ma tagħtix kontribut għall-kisba tas-Suq Uniku Diġitali, u bosta Ewropej ikomplu jitilfu l-opportunitajiet diġitali.

    It-tieni alternattiva tipproponi għodda ta’ finanzjament li tkun tikkumplimenta r-riżorsi ta’ finanzjament disponibbli taħt l-ewwel alternattiva. Din hija l-linja ta’ azzjoni inkluża fil-proposta tal-MFF maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ Ġunju 2011, li toħloq “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” biex tiffinanzja l-infrastruttura. Il-faċilità l-ġdida se tiffinanzja proġetti ta’ infrastruttura b’valur miżjud tal-UE għoli, mhux biss infrastruttura 'iebsa', iżda wkoll infrastruttura 'ratba u intelliġenti' u strutturi amministrattivi biex jiġu realizzati n-“netwerk ċentrali” tat-trasport, il-"kurituri ta’ prijorità" tal-enerġija kif ukoll l-infrastruttura diġitali. Il-faċilità tkun qed timmira proġetti b’valur miżjud Ewropew għoli, bħall-interkonnessjonijiet transkonfinali jew l-użu ta’ sistemi għall-UE kollha, li jridu jiġu implimentati sal-2020. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt, dispożizzjonijiet xierqa jkunu qed jassiguraw il-kombinazzjoni ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u appoġġ dirett mill-UE, sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ investituri fl-infrastruttura speċjalizzata. Fil-każ tal-għotjiet, il-Kummissjoni tkun qed tibqa’ responsabbli għall-ippjanar kumplessiv u l-alternattiva tal-proġetti, bl-appoġġ possibbli ta’ aġenzija eżekuttiva, filwaqt li dawk li jippromwovu l-proġetti jkunu qed jiżguraw l-implimentazzjoni fiżika fuq il-post. Fil-każ tal-istrumenti finanzjarji, l-implimentazzjoni se tiġi delegata lil istituzzjonijiet finanzjarji speċjalizzati, iżda l-Kummissjoni se tiddetermina l-eliġibbiltà. L-Istati Membri se jikkontribwixxu għall-isforz billi jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali għall-internet b’veloċità għolja f’konformità mal-miri tal-broadband, filwaqt li l-immappjar tal-infrastruttura u s-servizzi tal-broadband (fuq il-livell tal-UE u nazzjonali/reġjonali) se jidentifika n-nuqqasijiet fil-kopertura u jistimula inizjattivi minn multipliċità ta’ investituri privati u pubbliċi.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Bażi legali

    Ir-Regolament propost se jħassar u jieħu post id-Deċiżjoni 1336/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar serje ta’ linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej.

    L-intervent propost se jkun skont l-Artikolu 172 tat-TFUE, li jipprovdi bażi legali għall-intervent tal-UE b’appoġġ għall-istabbilment u l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej fl-oqsma tal-infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija.

    Sussidjarjetà u proporzjonalità

    L-iżvilupp ikkoordinat ta’ netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej biex jappoġġaw l-użu tal-infrastrutturi tal-broadband u l-promozzjoni tas-servizzi fi ħdan is-suq uniku Ewropew u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jirrikjedi li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni billi l-azzjonijiet ma setgħux jittieħdu b’mod individwali mill-Istati Membri.

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u tibqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni fil-qasam tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej, kif definit fl-Artikolu 170 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Alternattiva tal-istrument legali

    Il-Linji gwida preżenti dwar it-Telekomunikazzjonijiet ġew proposti u adottati bħala Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li hija indirizzata speċifikament lill-Istati Membri, li tagħmel il-Linji gwida jorbtu fl-intier tagħhom għall-Istati Membri kollha.

    Madankollu, l-istrument se jiffaċilita b’mod partikolari l-użu tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet u l-promozzjoni tas-servizzi minn entitajiet privati (inklużi operaturi, utilitajiet, manifatturi tat-tagħmir, eċċ.) u awtoritajiet reġjonali u lokali. B’aktar atturi apparti l-Istati Membri involuti fl-ippjanar, l-iżvilupp u l-operat ta’ netwerks tat-telekomunikazzjoni diġitali, huwa importanti li jiġi assigurat li l-Linji gwida jkunu vinkolanti għal kulħadd. Il-Kummissjoni għalhekk għażlet Regolament bħala l-istrument legali għal din il-proposta.

    Finanzjament

    Proġetti ta’ interess komuni għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju mill-UE taħt l-istrumenti disponibbli skont ir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa [XX/20012]. L-appoġġ finanzjarju għandu jiġi pprovdut skont ir-regoli u l-proċeduri rilevanti adottati mill-Unjoni, il-prijoritajiet tal-finanzjament u d-disponibbiltà tar-riżorsi.

    Delega ta' setgħat

    In-netwerks tat-telekomunikazzjoni qegħdin jevolvu b’pass mgħaġġel u l-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tista’ jkollha bżonn tiġi modifikata fil-ġejjieni biex tirrifletti din l-evoluzzjoni mgħaġġla. Sabiex dan jitwettaq, huwa propost li s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta mhux se tinvolvi xi spiża addizzjonali għall-baġit tal-UE.

    Il-proposta għal Regolament dwar il-linji gwidi għall-implimentazzjoni tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej hija marbuta mal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF – Connecting Europe Facility) li se tipprovdi l-qafas leġiżlattiv u finanzjarju. Ammont ta’ EUR 9.2 biljun[5] qed jiġi allokat għat-telekomunikazzjonijiet fi ħdan il-pakkett tas-CEF.

    2011/0299 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[7],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) In-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet qegħdin isiru infrastrutturi dejjem aktar ibbażati fuq l-internet, b’interrelazzjoni mill-qrib bejn in-netwerks tal-broadband u s-servizzi diġitali. L-internet qiegħed isir il-pjattaforma dominanti għall-komunikazzjoni, is-servizzi, u biex isir in-negozju. Għalhekk, id-disponibbiltà trans-Ewropea ta’ aċċess veloċi għall-internet u s-servizzi diġitali fl-interess pubbliku hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u s-Suq Uniku.

    (2) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tvara l-Istrateġija Ewropa 2020. Waħda mit-tliet prijoritajiet tal-Ewropa 2020 hija t-tkabbir intelliġenti permezz tal-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. L-investimenti fit-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari fin-netwerks tal-broadband u l-infrastrutturi tas-servizz diġitali, huma kundizzjoni neċessarja għal tkabbir ekonomiku fl-Unjoni li jkun intelliġenti iżda li jkun ukoll sostenibbli u inklużiv.

    (3) Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew approva l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[8] u talab lill-istituzzjonijiet kollha sabiex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni sħiħa tagħha. L-Aġenda Diġitali timmira li tfassal pjan sabiex timmassimizza l-potenzjal soċjali u ekonomiku tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ netwerks tal-broadband b’veloċità għolja billi tara li jiġi żgurat li sal-2020 l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għall-veloċitajiet tal-internet ogħla minn 30 Mbps u 50 % jew aktar tad-djar Ewropej ikunu abbonati għal konnessjonijiet tal-internet b’veloċitajiet ogħla minn 100 Mbps. L-Aġenda Diġitali timmira li tistabbilixxi qafas legali stabbli sabiex tistimula l-investimenti f’infrastruttura miftuħa u kompetittiva tal-internet b’veloċità għolja u fis-servizzi relatati; suq uniku veru għall-kontenut u s-servizzi online; appoġġ attiv għad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali għani tal-Ewropa, u l-promozzjoni tal-aċċess għall-internet u l-użu minn kulħadd, speċjalment permezz ta’ appoġġ għal-litteriżmu u l-aċċessibbiltà diġitali. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw pjanijiet operazzjonali nazzjonali għall-internet b’veloċità għolja, li għandhom fil-mira l-finanzjament pubbliku f’oqsma li l-ħtiġijiet tagħhom ma ntlaħqux kompletament mill-investimenti privati fl-infrastrutturi tal-internet u għandhom jippromwovu l-implimentazzjoni u l-użu tas-servizzi online moderni li huma aċċessibbli.

    (4) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment[9] tikkonkludi li r-rwol kritiku tal-internet ifisser li l-benefiċċji għas-soċjetà sħiħa jidhru li huma ferm akbar mill-inċentivi privati biex jinvestu f’netwerks aktar veloċi. Għalhekk, l-appoġġ pubbliku huwa neċessarju għal dan il-qasam, iżda ma għandux jgħawweġ il-kompetizzjoni bla bżonn.

    (5) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Baġit għall-Ewropa 2020[10] jirrikonoxxi l-ħolqien ta’ Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet infrastrutturali fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Is-sinerġiji bejn dawn is-setturi kif ukoll ma’ programmi tal-investiment oħra tal-Unjoni huma importanti ħafna għaliex jirriżultaw sfidi simili li jirrikjedu soluzzjonijiet li jirriżultaw fi tkabbir, jikkumbattu l-frammentazzjoni, jsaħħu l-koeżjoni, jiffavorixxu l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-suq kif ukoll it-tneħħija tal-konġestjonijiet li jxekklu t-tlestija tas-Suq Uniku.

    (6) Ir-Regolament (UE) Nru […/…] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[11] jiddetermina l-kundizzjonijiet, il-metodi u l-proċeduri biex jipprovdi l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għan-netwerks trans-Ewropej sabiex jappoġġaw proġetti fil-qasam tal-infrastrutturi tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet.

    (7) L-azzjonijiet fil-qasam tan-netwerks tal-broadband se jkunu konformi mal-politiki, r-regolamentazzjoni u l-gwida rilevanti tal-Unjoni. Dan jinkludi sett ta’ regoli u linji gwida għas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet u b’mod partikolari l-Qafas Regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi adottat fl-2009 li jipprovdi approċċ koerenti, affidabbli u flessibbli għar-regolamentazzjoni tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fi swieq li mexjin b’pass mgħaġġel. Dawn ir-regoli qed jiġu implimentati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC – “Body of European Regulators for Electronic Communications”). Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-NGA[12] adottata fl-2010 għandha l-għan li trawwem l-iżvilupp tas-Suq Uniku billi ttejjeb iċ-ċertezza legali u tippromwovi l-investiment, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fis-suq għal servizzi tal-broadband b’mod partikolari fit-tranżizzjoni għan-netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGAs).

    (8) Dawn l-azzjonijiet se jkunu wkoll konformi mal-Artikoli 101, 102 u 106 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa, kif ukoll mal-Linji Gwida Komunitarji għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, adottati fl-2009, li jipprovdu qafas għall-partijiet interessati u għall-Istati Membri sabiex jaċċelaraw u jestendu l-użu tal-broadband. Il-gwida tal-UE għall-mudelli tal-investiment tal-NGA għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-UE u għal aġenziji rilevanti oħra (ippubblikata f’Ottubru 2011) tipprovdi approċċ pass wara pass għall-implimentazzjoni ta’ firxa ta’ mudelli li jiżguraw kompetizzjoni ġusta fost il-fornituri kollha u jimmiraw li jitwettqu l-għanijiet tal-politiki ta’ koeżjoni u tal-iżvilupp rurali.

    (9) Fil-qafas ta’ sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, l-intervent tal-Unjoni huwa neċessarju fejn huwa meħtieġ li jingħelbu n-nuqqasijiet tas-suq. Billi tipprovdi appoġġ finanzjarju u ingranaġġ ta’ finanzjament addizzjonali għall-proġetti ta’ infrastruttura, l-Unjoni tista’ tikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, u b’hekk tiġġenera benefiċċji akbar f’termini tal-impatt fis-suq, l-effiċjenza amministrattiva u l-utilizzazzjoni tar-riżorsi.

    (10) Ma’ veloċitajiet ogħla tal-broadband hemm assoċjati benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostanzjali, li ma jistgħux jiġu maqbuda (captured) u l-anqas ma jistgħu jiġu mibdula fi flus mill-investituri. Il-broadband veloċi u ultraveloċi huwa ċ-ċavetta li tippermetti l-infrastruttura għall-iżvilupp u l-użu ta’ servizzi diġitali, li jiddependu fuq id-disponibbiltà, il-veloċità, l-affidabilità u r-reżiljenza tan-netwerks fiżiċi. L-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks aktar veloċi twitti t-triq għal servizzi innovattivi li jisfruttaw il-veloċitajiet akbar. Hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-interazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ komponenti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet diġitali.

    (11) B’mod partikolari l-użu ta’ broadband ultraveloċi se jkun ta’ benefiċċju għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) li spiss ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi bbażati fuq il-web bħall-‘cloud computing’ minħabba l-konnettività inadegwata u l-veloċità eżistenti tal-konnessjonijiet tal-broadband. Dan se jgħin il-potenzjal għal żidiet sostanzjali fil-produttività għall-SMEs.

    (12) Billi jiftaħ opportunitajiet ta’ negozju, l-użu tan-netwerks tal-broadband u tal-infrastrutturi tas-servizz diġitali se jistimula l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni. Il-bini ta’ netwerks tal-broadband se jkollu wkoll effett immedjat fuq l-impjiegi b’mod partikolari fis-settur tal-inġinerija ċivili.

    (13) L-iżvilupp tan-netwerks tal-broadband u tal-infrastrutturi tas-servizz diġitali se jikkontribwixxi għall-għan tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjoni tal-gass serra billi tawtorizza soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija f’bosta setturi tal-ekonomija tal-Ewropa. Dan l-effett pożittiv se jkun limitat, iżda sa ċertu punt biss, mid-domanda għall-enerġija u r-riżorsi li qed tikber relatata l-aktar mal-bini tan-netwerks tal-broadband u l-operat tal-infrastrutturi tas-servizz diġitali.

    (14) L-interoperabilità tan-netwerks tal-broadband u l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet diġitali assoċjati man-netwerks tal-enerġija tippermetti l-ġabra ta’ komunikazzjonijiet (converged communications) għall-użu ta’ netwerks diġitali li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti, affidabbli u li huma kost-effettivi. Barra minn hekk, din il-ġabra ta’ komunikazzjonijiet se tiġi estiża lil hinn mill-konnettività biex tippermetti l-forniment f’pakkett ta’ servizzi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni minn fornituri ta’ servizzi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni rispettivament.

    (15) L-iżvilupp, l-użu u l-provvediment fuq perjodu fit-tul ta’ servizzi transkonfinali interoperabbli ta’ Gvern elettroniku jtejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-gvernijiet huma rikonoxxuti għall-għoti ta’ servizzi pubbliċi online li jikkontribwixxu sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effikaċja tas-settur pubbliku u s-settur privat.

    (16) L-operat tas-servizzi elettroniċi pubbliċi komuni implimentati b’konformità mad-Deċiżjoni 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009[13] se jkollu fil-mira tiegħu d-disponibbiltà tas-servizzi komuni b’appoġġ għall-interazzjoni transkonfinali u transettorjali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

    (17) Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali[14] tagħti l-qafas legali għall-provvediment transkonfinali tal-kura tas-saħħa, inklużi s-servizzi ta’ Saħħa elettronika, fl-Ewropa. L-użu tagħhom huwa mistenni li jtejjeb il-kwalità tal-kura u s-sikurezza tal-pazjenti, inaqqas l-ispejjeż mediċi, jikkontribwixxi għall-immodernizzar tas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali u jżid l-effiċjenza tagħhom, u jagħmilhom iżjed addattati għall-ħtiġijiet individwali taċ-ċittadini, il-pazjenti, il-professjonisti tas-saħħa, u l-isfidi ta’ soċjetà li qiegħda tixjieħ.

    (18) Iż-żieda u l-preservazzjoni tal-aċċess għall-kontenut u d-dejta kulturali għonja u varji tal-Ewropa miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku, u l-ftuħ tagħhom għall-użu mill-ġdid b’rispett sħiħ lejn id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, se jrawmu l-kreattività u jistimulaw l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. L-aċċess mingħajr intoppi għall-użu mill-ġdid ta’ riżorsi multilingwi se jgħin jegħleb l-ostakli tal-lingwa, li jxekklu s-suq intern għas-servizzi online u jillimitaw l-aċċess għall-għarfien.

    (19) Fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà, pjattaforma mifruxa madwar l-UE għall-kondiviżjoni tar-riżorsi, is-sistemi ta’ informazzjoni u l-għodod tas-softwer li jippromwovu s-sikurezza online se tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent online aktar sikur għat-tfal. Se tippermetti lil ċentri li jirċievu mijiet ta’ eluf ta’ talbiet u allerti fis-sena sabiex joperaw madwar l-Ewropa. Infrastrutturi tal-Informazzjoni Kritika se jtejbu l-kapaċità tal-Unjoni kollha għat-tħejjija, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni u r-reazzjoni għat-theddid għaċ-ċibersigurtà.

    (20) Huwa mistenni li se jirriżultaw applikazzjonijiet innovattivi ta’ natura kummerċjali li joperaw fuq infrastrutturi tas-servizz diġitali. L-esplorazzjoni u l-ittestjar tagħhom jistgħu jiġu kofinanzjati bħala parti minn proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-programm Orizzont 2020 u l-użu tagħhom taħt il-politika ta’ koeżjoni.

    (21) Sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-setgħa sabiex tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. L-għan ta’ din id-delega huwa li tindirizza żviluppi teknoloġiċi u tas-suq ġodda, prijoritajiet politiċi emerġenti jew opportunitajiet għall-isfruttament ta’ sinerġiji bejn infrastrutturi differenti, inklużi dawk fl-oqsma tat-Trasport u tal-Enerġija. L-ambitu tad-delega huwa limitat għall-modifikazzjoni tad-deskrizzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni, iż-żieda ta’ proġett ta’ interess komuni jew it-tneħħija ta’ proġett obsolet ta’ interess komuni skont il-kriterji stabbiliti minn qabel li huma ċari u trasparenti.

    (22) Waqt it-tħejjija u t-tfassil ta’ atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u adegwata ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    (23) Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar serje ta’ linji gwida għan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej[15] tkopri l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-punti prinċipali tal-miżuri previsti fin-netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet. Fid-dawl tal-iżviluppi reċenti, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi sostitwita.

    (24) Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE għandha għalhekk tiġi revokata.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1 Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi linji gwida sabiex jiġu determinati dawk in-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej li għandhom jiġu appoġġati skont ir-Regolament XXX (ir-Regolament CEF) fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-użu, l-interkonnessjoni, u l-interoperabilità tagħhom.

    Dawn il-linji gwida jipprovdu għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-proġetti ta’ interess komuni, jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni u jistabbilixxu kriterji għall-identifikazzjoni ta’ proġetti ġodda ta’ interess komuni.

    Artikolu 2 Għanijiet

    Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom:

    (1) jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u jappoġġaw l-iżvilupp tas-Suq Uniku fejn jirriżultaw fit-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, inklużi l-impriżi żgħar u medji (SMEs).

    (2) jikkontribwixxu għat-titjib fil-ħajja ta’ kuljum għaċ-ċittadini, in-negozji u l-gvernijiet permezz tal-promozzjoni tal-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali tat-telekomunikazzjoni kif ukoll l-aċċess għal dawn in-netwerks.

    (3) jistimulaw l-użu madwar l-Ewropa kollha ta’ netwerks veloċi u ultraveloċi li, min-naħa tagħhom, għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ servizzi diġitali trans-Ewropej.

    (4) jiffaċilitaw l-użu sostenibbli ta’ infrastrutturi ta’ servizzi diġitali trans-Ewropej, l-interoperabilità tagħhom u l-koordinazzjoni fuq livell Ewropew, l-operat, il-manutenzjoni u l-aġġornament tagħhom.

    (5) jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass serra, kif ukoll għall-ħarsien u t-titjib tal-ambjent.

    Artikolu 3 Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1. "Netwerks tat-telekomunikazzjoni" tfisser netwerks tal-broadband u infrastrutturi tas-servizzi diġitali.

    2. "Netwerks tal-broadband" tfisser netwerks ta’ aċċess bil-fili u mingħajr fili (inkluż bis-satellita), infrastruttura anċillari u netwerks ċentrali li kapaċi jwasslu konnettività b’veloċità għolja ħafna.

    3. "Infrastrutturi tas-servizzi diġitali" tfisser servizzi b’netwerk imwassla b’mod elettroniku, tipikament permezz tal-internet, li jipprovdu servizzi trans-Ewropej interoperabbli fl-interess pubbliku u li jkollhom karattru ta’ abilitazzjoni għaċ-ċittadini, in-negozji, u/jew il-gvernijiet.

    4. "Valur miżjud Ewropew" tfisser il-valur li jirriżulta minn intervent tal-UE li huwa addizzjonali għall-valur li kieku kien jinkiseb b’azzjoni minn Stat Membru wieħed jew azzjoni minn grupp ta’ Stati Membri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament XXX (ir-Regolament CEF).

    Artikolu 4 Prijoritajiet għal proġetti ta’ interess komuni

    Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-prijoritajiet għal proġetti ta’ interess komuni għandhom ikunu:

    (a) l-użu ta’ netwerks tal-broadband ultraveloċi li jassiguraw il-veloċità ta’ trażmissjoni tad-dejta ta’ 100 Mbps u aktar;

    (b) l-użu ta’ netwerks tal-broadband biex jillinkjaw il-gżejjer, ir-reġjuni mingħajr kosta tal-ilma kif ukoll dawk periferiċi mar-reġjuni ċentrali tal-Unjoni fejn jiżguraw li f’dawk ir-reġjuni l-veloċitajiet tat-trażmissjoni tad-dejta huma suffiċjenti biex jippermettu konnettività tal-broadband ta’ 30 Mbps u aktar;

    (c) l-appoġġ għall-pjattaformi tas-servizzi ċentrali fil-qasam tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali;

    (d) azzjonijiet li jagħmluha possibbli li jinkisbu sinerġiji u interoperabbiltà bejn proġetti differenti ta’ interess komuni fil-qasam tat-Telekomunikazzjonijiet, bejn proġetti ta’ interess komuni li jikkonċernaw tipi differenti ta’ infrastrutturi, inkluż it-Trasport u l-Enerġija, bejn proġett ta’ interess komuni fil-qasam tat-Telekomunikazzjonijiet u proġetti appoġġati mill-fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, kif ukoll l-infrastrutturi ta’ riċerka rilevanti.

    Artikolu 5 Proġetti ta’ interess komuni

    1. Il-proġetti ta’ interess komuni stabbiliti fl-Anness għandhom jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

    2. Proġett ta’ interess komuni jista’ jinkludi ċ-ċiklu sħiħ tiegħu, inkluż l-istudji tal-fattibilità, l-implimentazzjoni, l-operat kontinwu, il-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni.

    3. L-Istati Membri u/jew entitajiet oħra responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni jew li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom jieħdu l-miżuri legali, amministrattivi, tekniċi u finanzjarji neċessarji f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti ta’ dan ir-Regolament.

    4. L-Unjoni tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni permezz ta’ miżuri regolatorji, fejn ikun xieraq, permezz ta’ koordinazzjoni, permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ u permezz ta’ appoġġ finanzjarju biex tistimula l-introduzzjoni u l-adozzjoni tagħhom, kif ukoll l-investiment pubbliku u privat.

    5. Azzjonijiet li jikkontribwixxu għal proġetti ta’ interess komuni għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju tal-UE taħt il-kundizzjonijiet u l-istrumenti disponibbli skont ir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa [REF]. L-appoġġ finanzjarju għandu jiġi pprovdut skont ir-regoli u l-proċeduri rilevanti adottati mill-Unjoni, il-prijoritajiet tal-finanzjament u d-disponibbiltà tar-riżorsi.

    6. Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati li jimmodifikaw id-deskrizzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni inklużi fl-Anness, li żżid proġetti ġodda ta’ interess komuni mal-Anness, jew li tneħħi proġetti obsoleti ta’ interess komuni mill-Anness, f’konformità mal-paragrafi 7, 8 u 9 hawn taħt u f’konformità mal-Artikolu 8.

    7. Il-Kummissjoni, filwaqt li tadotta l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 6 hawn fuq, għandha tivvaluta jekk il-modifika tad-deskrizzjoni tal-proġett ta’ interess komuni jew iż-żieda ta’ proġett ġdid ta’ interess komuni huma risposta għall-ħtiġijiet li jirriżultaw minn:

    (a) żviluppi teknoloġiċi u tas-suq ġodda; jew

    (b) prijoritajiet tal-politika emerġenti; jew

    (c) opportunitajiet ġodda għall-esplorazzjoni ta’ sinerġiji bejn infrastrutturi differenti, inklużi dawk fil-qasam tat-Trasport u l-Enerġija.

    8. Minbarra l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 7, jekk l-att delegat jikkonċerna ż-żieda ta’ proġett ġdid ta’ interess komuni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk tali proġett jissodisfax il-kriterji li ġejjin b’mod kumulattiv:

    (a) jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2;

    (b) huwa bbażat fuq teknoloġija matura lesta għall-użu;

    (c) jesebixxi valur miżjud Ewropew.

    9. Il-Kummissjoni, filwaqt li tadotta att delegat li jneħħi proġett obsolet ta’ interess komuni mill-Anness, għandha tivvaluta jekk tali proġett ma għadux iwieġeb għall-ħtiġijiet stabbiliti fil-paragrafu 7 jew ma għadux jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 8.

    Artikolu 6

    Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

    1. L-Unjoni tista’ tistabbilixxi kuntratti, tiddiskuti, tiskambja informazzjoni u tikkoopera ma’ awtoritajiet pubbliċi jew kwalunkwe organizzazzjoni oħra f’pajjiżi terzi sabiex tilħaq kwalunkwe għan segwit minn dawn il-linji gwida fejn tali kooperazzjoni twassal għal valur miżjud Ewropew. Fost għanijiet oħrajn, din il-kooperazzjoni għandha tfittex li tippromwovi l-interoperabbiltà bejn in-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni ta’ pajjiżi terzi.

    2. L-Unjoni tista’ tkompli tistabbilixxi kuntatti, tiddiskuti, tiskambja informazzjoni u tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi biex tilħaq kwalunkwe għan segwit minn dawn il-linji gwida.

    Artikolu 7 Skambju tal-informazzjoni, monitoraġġ u reviżjoni

    1. Abbażi tal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 21 tar-Regolament XXX li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-progress li sar bl-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

    2. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Grupp Espert, iffurmat minn rappreżentant minn kull Stat Membru, għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, għall-assistenza fl-ippjanar permezz tal-istrateġiji nazzjonali għall-internet b’veloċità għolja u l-immappjar tal-infrastrutturi, u l-iskambju tal-informazzjoni. Il-Grupp Espert jista’ wkoll jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mal-iżvilupp tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej.

    3. Flimkien mal-evalwazzjoni ta’ nofs it-term u l-valutazzjoni ex-post tar-Regolament XXX li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u wara li tikkonsulta l-Grupp Espert, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida. Dak ir-rapport se jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.

    4. F’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk l-ambitu tal-proġetti ta’ interess komuni jibqgħax jirrifletti l-prijoritajiet politiċi, l-iżviluppi teknoloġiċi jew is-sitwazzjoni fis-swieq rilevanti. Għal proġetti kbar, dawn ir-rapporti għandhom jinkludu analiżi tal-impatt ambjentali, fejn jiġu kkunsidrati l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtiġijiet ta’ mitigazzjoni, u r-reżiljenza għad-diżastri. Reviżjoni bħal din tista’ titwettaq ukoll fi kwalunkwe żmien ieħor meta din tidher li tkun xierqa.

    Artikolu           8 Eżerċitar tad-delega

    1. Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(6) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn (2) min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li huma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn (2) fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.

    Artikolu 9 Revoka

    Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE, kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 1376/2002/KE, hija revokata.

    Artikolu 10 Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    ANNESS

    PROĠETTI TA' INTERESS KOMUNI

    Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jimmiraw għat-tneħħija tal-konġestjonijiet li jxekklu t-tlestija tas-Suq Uniku, jiġifieri jipprovdu konnettività għan-netwerk u aċċess, inkluż fuq livell transkonfinali, għal infrastrutturi tas-servizz diġitali.

    L-użu u t-titjib tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej (netwerks tal-broadband u infrastrutturi tas-servizzi diġitali) għandhom jikkontribwixxu għat-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kisba ta’ suq diġitali uniku mimli ħajja. B’mod partikolari, l-użu tagħhom se jagħti aċċess aktar veloċi għall-internet, iwassal għal titjib iffaċilitat mit-teknoloġija tal-informazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum għaċ-ċittadini, inklużi t-tfal u ż-żgħażagħ, in-negozji u l-gvernijiet, iżid l-interoperabbiltà u jiffaċilita l-allinjament jew il-konverġenza ma’ standards maqbula b’mod komuni.

    Taqsima 1: Prijoritajiet orizzontali

    L-użu ta’ netwerks trans-Ewropej tat-telekomunikazzjoni li se jgħinu t-tneħħija tal-konġestjonijiet eżistenti fis-suq uniku diġitali għandu jiġi akkumpanjat minn studji u azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programm. Dawn huma:

    (a) Ġestjoni, immappjar u servizzi innovattivi. Miżuri ta’ assistenza teknika, fejn ikunu neċessarji għall-użu u l-amministrazzjoni, għandhom jinkludu ppjanar tal-proġett u tal-investment u studji tal-fattibbiltà, b’appoġġ tal-miżuri tal-investiment u l-istrumenti finanzjarji. L-immappjar ta’ infrastruttura tal-broadband pan-Ewropea se tiżviluppa dokumentazzjoni u stħarriġ fiżiku kontinwi u dettaljati tas-siti rilevanti, analiżi tad-dritt tal-passaġġ, valutazzjonijiet tal-potenzjal għall-aġġornament tal-faċilitajiet eżistenti, eċċ. Għandha ssegwi l-prinċipji tad-Direttiva 2007/2/KE (id-Direttiva INSPIRE) u l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni relatati. Il-miżuri ta’ assistenza teknika jistgħu jappoġġaw ukoll ir-replikar ta’ mudelli ta’ investimenti u użu li kellhom suċċess.            Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu wkoll protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima sabiex jiġu valutati r-riskji relatati mal-klima u tiġi żgurata r-reżistenza kontra d-diżastri tal-infrastruttura, f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE jew dik nazzjonali.

    (b) Azzjonijiet ta’ appoġġ u miżuri tekniċi oħra ta’ appoġġ. Dawn l-azzjonijiet huma meħtieġa sabiex titħejja jew tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni jew tiġi aċċelerata t-tnedija tagħhom. Fil-qasam tas-servizzi diġitali, l-azzjonijiet ta’ appoġġ għandhom jistimulaw u jippromwovu wkoll l-użu tal-infrastrutturi l-ġodda tas-servizz diġitali li jistgħu jsiru neċessarji jew utli abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi, tal-bidliet fis-swieq rilevanti jew fil-prijoritajiet tal-politika emerġenti.

    Taqsima 2: Netwerks tal-broadband

    L-investimenti kollha fil-broadband fi ħdan it-territorju tal-Unjoni jespandu l-kapaċità tan-netwerk u jġibu benefiċċji għall-utenti kollha potenzjali, inklużi dawk fi Stati Membri għajr il-pajjiż tal-investiment. L-investiment f’dawn in-netwerks se jwassal għal aktar kompetizzjoni u aktar innovazzjoni fl-ekonomija, se jwassal servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u effettivi, jikkontribwixxi għall-miri tal-UE għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u għall-kompetittività u l-produttività globali tal-UE.

    L-investiment fl-infrastruttura tal-broadband sar prinċipalment minn investituri privati u huwa mistenni li se jibqa’ hekk. Madankollu, il-kisba tal-miri tal-Aġenda Diġitali se tirrikjedi investiment f’oqsma li għalihom m’hemmx każ ċar ta’ negozju jew fejn il-każ ta’ negozju jista’ jkollu bżonn li jiġi mtejjeb fi ħdan il-qafas taż-żmien tal-miri. Jistgħu jiġu karatterizzati dawn it-tipi ta’ żoni li ġejjin abbażi tal-investiment probabbli:

    Żoni suburbani/b’densità medja tipikament jinqdew b’konnessjonijiet b’veloċità medja iżda għandhom it-tendenza li ma jkollhomx veloċitajiet ogħla. Fejn jintwera li l-każ ta’ negozju għall-investimenti f’teknoloġiji avvanzati huwa insuffiċjenti għall-investituri privati fuq medda qasira taż-żmien, l-appoġġ finanzjarju jista’ jiġġenera investiment li jħalli l-profitt fuq perjodu aktar fit-tul billi jagħlaq id-differenza fil-vijabbiltà u jistimula l-kompetizzjoni.

    Żoni rurali u b’densità baxxa tipikament jinqdew b’konnessjonijiet b’veloċitajiet baxxi u f’ċerti każijiet anqas biss għandhom aċċess. Il-każ ta’ negozju għall-investiment ma jkunx probabbli li jkun vijabbli u l-miri Ewropej ikunu improbabbli li jintlaħqu sal-2020. L-investiment f’dawn iż-żoni jeħtieġ appoġġ finanzjarju akbar, ipprovdut minn għotjiet, possibbilment flimkien ma’ strumenti finanzjarji. Żoni bħal dawn se jinkludu reġjuni remoti u reġjuni b’popolazzjoni żgħira fejn l-ispejjeż tal-investiment ikunu jew għoljin ħafna jew fejn l-introjtu jkun baxx. L-appoġġ mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa f’dawn iż-żoni għandu l-probabbiltà li jikkumplimenta l-fondi ta’ koeżjoni disponibbli jew għall-iżvilupp rurali u appoġġ pubbliku dirett ieħor.

    Żoni b’densità għolja/urbani – għajr għal xi reġjuni ta’ introjtu baxx – tipikament għandhom aċċess tajjeb għal konnessjonijiet b’veloċità medja sa għolja, u spiss huma pprovduti b’offerti kompetittivi tal-operaturi tal-kejbil u tat-telekomunikazzjoni. Madankollu, minħabba din is-sitwazzjoni relattivament sodisfaċenti, l-inċentivi tas-suq biex isir investiment f’netwerks b’veloċitajiet ferm għoljin bħall-fibra għad-dar huma limitati. Għaldaqstant, l-appoġġ finanzjarju jista’ jkun previst ukoll għal investimenti f’żoni urbani b’popolazzjonijiet b’densita’ għolja li ma jattirawx biżżejjed investiment minkejja l-benefiċċji soċjali li jkun jiġġenera, sakemm dan ikun f’konformità sħiħa mal-Artikoli 101, 102 u 106 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll, jekk rilevanti, mal-Linji Gwida Komunitarji għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’rabta mal-introduzzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband.

    Fir-reġjuni anqas żviluppati, l-appoġġ għall-użu tan-netwerks tal-broadband għandu primarjament ikun ipprovdut permezz tal-istrumenti tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni. Għotjiet u / jew strumenti finanzjarji mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jistgħu jikkumplimentaw appoġġ bħal dan fejn ikun neċessarju biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kisba ta’ sinerġiji bejn l-azzjonijiet tas-CEF f’dawk ir-reġjuni u l-appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni jista’ jiġi rinfurzat bl-użu ta' mekkaniżmu adattat li jixraq[16].

    Il-klassifikazzjoni tar-reġjuni għall-kategoriji ta’ hawn fuq hija pprovduta b’mod indikattiv fil-mappa hawn taħt.

    Azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġett ta’ interess komuni fil-qasam tan-netwerks tal-broadband għandu jikkostitwixxi portafoll bilanċjat li jinkludi azzjonijiet li jikkontribwixxu kemm għal miri tal-Aġenda Diġitali ta’ 30Mbps kif ukoll ta’ 100Mbps, u jkopru b’mod partikolari żoni suburbani u rurali, kif ukoll żoni madwar l-Unjoni Ewropea.

    Azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġett ta’ interess komuni fil-qasam tan-netwerks tal-broadband, irrispettivament mit-teknoloġija użata, għandhom:

    (a) Jappoġġaw investimenti f’netwerks tal-broadband li kapaċi jilħqu l-mira tal-Aġenda Diġitali 2020 ta’ kopertura universali ta’ 30Mbps; jew

    (b) Jappoġġaw investimenti f’netwerks tal-broadband li kapaċi jilħqu l-mira tal-Aġenda Diġitali 2020 u li jkollhom mill-anqas 50 % tad-djar abbonati għal veloċitajiet ’il fuq minn 100Mbps;

    (c) Jikkonformaw mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari mal-liġi tal-kompetizzjoni

    u b’mod partikolari, għandhom jikkonsistu f’waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

    (a) L-użu ta’ infrastruttura fiżika passiva jew l-użu ta’ infrastruttura fiżika passiva u attiva kombinati u elementi anċillari għall-infrastruttura, flimkien mas-servizzi neċessarji għall-operat ta’ tali infrastruttura;

    (b) Faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati, bħas-sistema tal-wajers tal-bini, l-antenni, it-torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ sostenn, kanali, kondjuwits, arbli, toqob tal-ispezzjonar u kabinetti;

    (c) L-isfruttament tas-sinerġiji potenzjali bejn it-tnedija ta’ netwerks tal-broadband u netwerks ta’ utilitajiet oħra (l-enerġija, it-trasport, l-ilma, id-drenaġġ, eċċ), b’mod partikolari dawk relatati mad-distribuzzjoni intelliġenti tal-elettriku.

    L-użu tan-netwerks tal-broadband biex jiġu konnessi l-gżejjer, ir-reġjuni mingħajr kosta tal-ilma u dawk periferiċi mar-reġjuni ċentrali tal-Unjoni, inkluż fejn ikun neċessarju l-kejbils f'qiegħ il-baħar, se jiġu appoġġati fejn huwa essenzjali li jkun żgurat aċċess minn komunitajiet iżolati għal broadband ta' 30Mbps u aktar. Dan l-appoġġ għandu jikkumplimenta fondi oħra, tal-UE jew nazzjonali, disponibbli għal dan l-iskop.

    Sabiex jiġi evitat id-dubju, il-provvediment ta’ servizzi jew l-eżerċizzju ta’ kontroll editorjali fuq il-kontenut trasmess permezz tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tas-soċjetà tal-informatika kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE, li ma jikkonsistux kompletament jew primarjament fit-twassil ta’ sinjali fuq netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, mhumiex koperti mill-ambitu tal-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġett ta’ interess komuni fil-qasam tan-netwerks tal-broadband.

    Il-benefiċjarji ta’ appoġġ mill-UE għall-proġett ta’ interess komuni fil-qasam tal-broadband jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

    (a) Operaturi tat-telekomunikazzjoni (stabbiliti, kemm jekk jinvestu direttament jew permezz ta’ sussidjarju jew parteċipant ġdid) li jvaraw investimenti f’netwerks tal-broadband veloċi u ultraveloċi.

    (b) Kumpaniji tal-utilitajiet (eż. l-ilma, id-drenaġġ, l-enerġija, it-trasport), li huma mistennija li jinvestu f’netwerks passivi tal-broadband, waħedhom jew fi sħubija mal-operaturi.

    (c) Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livell reġjonali, inklużi l-muniċipalitajiet, li jistgħu jistabbilixxu konċessjonijiet għall-infrastrutturi tal-broadband. Dawk li jipprovdu t-tagħmir jistgħu jkunu interessati f’arranġament bħal dan, permezz tal-ħolqien ta’ kumpanija bi skop speċjali.

    (d) Sħubiji bejn diversi operaturi attivi fis-swieq bil-fili u mingħajr fili sabiex tinbena ġenerazzjoni ġdida ta’ infrastrutturi.

    Fil-bini tal-portafoll, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-ħtiġijiet ta’ investiment tal-Istati Membri f’termini tal-għadd ta’ djar li għandhom jiġu konnessi bl-appoġġ tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

    Barra minn hekk, il-konnessjonijiet b’veloċità għolja mqabbda ma’ punti ta’ aċċess ta’ interess pubbliku, b'mod partikolari l-faċilitajiet pubbliċi, bħall-iskejjel, l-isptarijiet, l-uffiċċji tal-gvern lokali u l-libreriji, għandhom ikunu appoġġati wkoll.

    Taqsima 3: Infrastrutturi tas-Servizzi Diġitali

    L-implimentazzjoni tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali għandha tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tas-suq uniku diġitali billi tneħħi l-konġestjonijiet eżistenti f’termini ta’ użu tas-servizz. Din se jintlaħaq permezz tal-ħolqien u/jew it-titjib ta’ pjattaformi interoperabbli tal-infrastruttura tas-servizz diġitali, akkumpanjati minn infrastrutturi essenzjali tas-servizz diġitali bażiċi. Għandha tkun ibbażata fuq approċċ f’żewġ livelli:

    (1) Il-pjattaformi tas-servizzi ċentrali huma l-element(i) ċentrali jew iċ-ċentru(i) (hubs) tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali essenzjali biex tkun żgurata l-konnettività trans-Ewropea, l-aċċess u l-interoperabbiltà. Dan jista’ jinkludi wkoll tagħmir fiżiku, bħal servers, netwerks dedikati u għodod tas-softwer. Il-pjattaformi tas-servizzi ċentrali huma miftuħa għall-entitajiet fl-Istati Membri kollha.

    (2) Is-servizzi ġeneriċi jipprovdu l-funzjonalità u l-kontenut tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali. Dawn jistgħu jkunu interkonnessi permezz ta’ pjattaforma tas-servizz ċentrali.

    Il-proġetti ta’ interess komuni fil-qasam tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali huma dawn li ġejjin:

    Konnessjonijiet bażi trans-Ewropej ta’ veloċità għolja għall-amministrazzjonijiet pubbliċi

    Infrastruttura bażi trans-Ewropea ta’ servizzi pubbliċi se tipprovdi konnettività ultraveloċi u bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-UE f’oqsma bħall-amministrazzjoni pubblika, il-kultura, l-edukazzjoni u s-saħħa. Din l-infrastruttura bażi se tappoġġa servizzi pubbliċi ta’ valur Ewropew permezz ta’ kwalità kkontrollata ta’ servizzi u aċċess sikur. Għalhekk se tiggarantixxi kontinwità diġitali ta’ provvediment ta’ servizzi pubbliċi għall-benefiċċju akbar taċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet. Se tippermetti aggregazzjoni tad-domanda għall-konnettività, tilħaq massa kritika u tnaqqas l-ispejjeż.

    Pjattaforma tas-servizz ċentrali:

    L-infrastruttura se tkun ibbażata fuq il-bażi eżistenti tal-internet u fejn ikun meħtieġ se jiġu introdotti netwerks ġodda. Il-konnessjonijiet se jsiru direttament jew permezz ta’ infrastrutturi ġestiti b’mod reġjonali jew nazzjonali. B’mod partikolari se tipprovdi konnettività għal servizzi trans-Ewropej oħrajn inter alia dawk imsemmija f’dan l-Anness. Din l-infrastruttura se tiġi integrata b’mod sħiħ fl-internet bħala kapaċità ewlenija għas-servizz pubbliku trans-Ewropew u se tappoġġa l-adozzjoni ta’ standards emerġenti (eż. protokolli tal-Internet bħall-IPv6[17]). Tista’ tiġi kkunsidrata infrastruttura sottostanti dedikata għall-konnessjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jekk din tkun meħtieġa għal raġunijiet ta’ sigurtà.

    Servizzi ġeneriċi:

    L-integrazzjoni tal-pjattaforma ċentrali fis-servizzi pubbliċi Ewropej se tiġi faċilitata bl-użu ta’ servizzi ġeneriċi: awtorizzazzjoni, awtentikazzjoni, sigurtà bejn id-dominji u bandwidth fuq talba, federazzjoni tas-servizzi, ġestjoni tal-mobbiltà, kontroll tal-kwalità u kontroll tal-prestazzjoni, integrazzjoni tal-infrastrutturi nazzjonali.

    Is-servizz interoperabbli tal-'cloud computing' se jipprovdi l-funzjonalità ta’ infrastruttura bażi li fuqha jistgħu jiġu offruti ‘clouds’ għas-servizzi pubbliċi trans-Ewropej. Dan jinkludi servizzi trans-Ewropej tat-tip ta’ netwerk bħal vidjokonferenza, ħażna virtwali u applikazzjonijiet ta’ sostenn li jużaw ħafna l-kompjuter, inklużi dawk relatati ma’ proġetti oħra ta’ interess komuni.

    Twassil transkonfinali ta’ servizzi ta’ Gvern elettroniku

    Gvern elettroniku jirreferi għall-interazzjoni diġitali bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji u l-organizzazzjonijiet, u fost l-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi differenti. Pjattaformi ta’ interazzjoni standardizzati, transkonfinali u faċli għall-utent se jiġġeneraw żidiet fl-effiċjenza kemm fl-ekonomija kif ukoll fis-settur pubbliku u se jikkontribwixxu għas-Suq Uniku.

    Pjattaforma tas-servizz ċentrali:

    Identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika interoperabbli madwar l-Ewropa. Se jintuża sett ta’ servers ta’ awtentikazzjoni u protokolli konnessi u sikuri li jiżguraw l-interoperabbiltà tal-varjetà ta’ sistemi ta’ awtentikazzjoni u identifikazzjoni u awtorizzazzjoni li jeżistu fl-Ewropa. Din il-pjattaforma se tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jaċċessaw is-servizzi online meta dawn ikunu meħtieġa għal, pereżempju, l-istudju, ix-xogħol, l-ivvjaġġar, biex jieħdu l-kura tas-saħħa jew għan-negozjar f’pajjiż barrani. Se tikkostitwixxi s-saff ċentrali għal dawk is-servizzi diġitali kollha li għalihom huma meħtieġa l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi: eż. l-akkwist elettroniku, servizzi tas-saħħa online, rappurtar standardizzat tan-negozju, skambju elettroniku tal-informazzjoni legali, reġistrazzjoni trans-Ewropea ta’ kumpanija online, servizzi tal-Gvern elettroniku għan-negozji, inkluż komunikazzjoni bejn ir-reġistri tan-negozji relatati mal-fużjonijiet transkofinali u l-fergħat barranin. Din il-pjattaforma tista’ tuża wkoll riżorsi u għodod tal-pjattaforma ċentrali multilingwi.

    Servizzi ġeneriċi:

    (a) Proċeduri elettroniċi għall-istabbiliment u t-tmexxija ta’ negozju f’pajjiż Ewropew ieħor: Dan is-servizz se jippermetti li l-proċeduri amministrattivi neċessarji kollha jiġu ttrattati b’mod elettroniku bejn il-fruntieri permezz ta’ Punti ta’ Kuntatt Uniku. Dan is-servizz huwa rekwiżit ukoll tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern.

    (b) Servizzi transkonfinali interoperabbli tal-akkwist elettroniku: Dan is-servizz se jippermetti li kwalunkwe kumpanija fl-UE tirrispondi għal offerti pubbliċi Ewropej minn kwalunkwe Stat Membru li jkopri attivitajiet ta’ akkwist elettroniku qabel l-għoti u wara l-għoti, bl-integrazzjoni ta’ attivitajiet bħas-Sottomissjoni Elettronika tal-offerti, Dossier tal-Kumpaniji Virtwali, Katalgi elettroniċi, Ordnijiet elettroniċi u Fatturi elettroniċi.

    (c) Servizzi transkonfinali interoperabbli tal-Ġustizzja elettronika: Dan is-servizz se jippermetti l-aċċess transkonfinali online taċ-ċittadini, in-negozji, l-organizzazzjonijiet u l-professjonisti legali għal mezzi/dokumenti u proċeduri legali. Se jippermetti l-aċċess transkonfinali online (permezz tal-iskambju online ta’ dejta u dokumenti) bejn l-awtoritajiet legali fi Stati Membri differenti u b’dan titjib l-abbiltà li l-każijiet legali transkonfinali jiġu pproċessati b’mod iżjed effiċjenti;

    (d) Servizzi transkonfinali interoperabbli tas-Saħħa elettronika: Dawn is-servizzi se jippermettu l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini/pazjenti u l-fornituri tal-kura tas-saħħa, it-trasmissjoni tad-dejta minn istituzzjoni għall-oħra u minn organizzazzjoni għall-oħra, jew il-komunikazzjoni minn persuna għall-oħra bejn iċ-ċittadini/pazjenti u/jew il-professjonisti tas-saħħa u l-istituzzjonijiet. L-infrastruttura li se tintuża se tikkonforma mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta kif stipulati, b’mod partikolari, fid-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE, kif ukoll mar-regoli internazzjonali u nazzjonali tal-etika relatati mal-użu tar-rekords tas-saħħa tal-pazjenti u dejta personali oħra. Is-servizzi se jinvolvu aċċess transkonfinali għar-rekords tas-Saħħa elettronika u s-servizzi ta’ Riċetti elettroniċi kif ukoll it-teleservizzi remoti tas-saħħa/l-għixien megħjun, servizzi semantiċi transkonfinali multilingwi marbuta mal-pjattaforma multilingwi ċentrali, aċċess għal informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li tibni fuq l-infrastruttura tal-EESSI (Electronic Exchange of Social Security Information - Skambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali), eċċ.

    (e) Pjattaforma Ewropea għall-interkonnessjoni tar-reġistri tan-negozju Ewropej: Din il-faċilità se tipprovdi sett ta’ għodod u servizzi ċentrali li jippermettu lir-reġistri tan-negozji fl-Istati Membri kollha sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar in-negozji rreġistrati, il-fergħat, il-fużjonijiet u l-istralċi tagħhom. Se tipprovdi wkoll servizz ta’ tfittxija għal diversi pajjiżi u multilingwi għall-utenti li jużaw il-Punt ta’ Aċċess Ċentrali li huwa aċċessibbli permezz tal-portal tal-Ġustizzja elettronika.

    Faċilitazzjoni tal-aċċess għal informazzjoni tas-settur pubbliku u s-servizzi multilingwi

    Aċċess għar-riżorsi diġitali tal-wirt Ewropew

    L-għan ta’ din l-infrastruttura huwa li tagħmel disponibbli kollezzjonijiet kbar ta’ riżorsi kulturali Ewropej f’forma diġitali u trawwem l-użu mill-ġdid tagħhom minn partijiet terzi, f’konformità sħiħa mad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati.

    Pjattaforma tas-servizz ċentrali:

    L-iżvilupp tal-pjattaforma tas-servizz ċentrali se jibni fuq il-portal attwali tal-Europeana. Il-pjattaforma – li tirrikjedi l-iżvilupp, l-operat u l-amministrazzjoni ta’ informatika distribwita, faċilitajiet ta’ ħażna tad-dejta u softwer - se tipprovdi punt ta’ aċċess uniku għal kontenut tal-wirt kulturali Ewropew fil-livell ta’ oġġett, sett ta’ speċifikazzjonijiet tal-interfaċċa biex jinteraġixxu mal-infrastruttura (tiftix għal dejta, tniżżil ta’ dejta), appoġġ għall-adattament tal-metadejta u l-inġestjoni ta’ kontenut ġdid, kif ukoll informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tal-kontenut aċċessibbli permezz tal-infrastruttura.

    Se tipprovdi wkoll il-mezzi għall-istabbilment ta’ interazzjoni mal-fornituri tal-kontenut, l-utenti (iċ-ċittadini li jaċċessaw il-portal) u l-utenti mill-ġdid (l-industriji kreattivi), għall-promozzjoni tal-pjattaforma, il-koordinazzjoni ta’ netwerks relatati u l-iskambju tal-informazzjoni.

    Servizzi ġeneriċi:

    (a) Aggregazzjoni tal-kontenut miżmum minn istituzzjonijiet kulturali u detenturi privati tal-kontenut fl-Istati Membri

    (b) Faċilitajiet ta’ għajnuna minn sorsi varji (crowd-sourcing) li jinkoraġġixxu l-interattività u jippermettu lill-utenti biex jagħmlu kontribut attiv għas-sit

    (c) Servizzi faċli għall-utenti għall-kwistjonijiet li jindirizzaw il-portal bħat-titjib fit-tfittxija u l-ibbrawżjar kif ukoll l-aċċess fil-lingwi differenti

    (d) Skambju tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-infrastrutturi tal-liċenzjar;

    (e) Ċentri ta’ kompetenza dwar id-diġitalizzazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali diġitali

    (f) Repożitorji tal-kontenut għall-istituzzjonijiet kulturali u l-kontenut iġġenerat mill-utent u l-preservazzjoni tagħhom għall-perjodu fit-tul

    Aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku li tista’ terġa tintuża

    Din l-infrastruttura tas-servizz diġitali se tiffaċilita l-aċċess għall-użu mill-ġdid għall-informazzjoni kollha li tista’ tingħata miżmuma għand is-settur pubbliku fl-UE.

    Pjattaforma tas-servizz ċentrali:

    L-informatika distribwita, il-faċilitajiet tal-ħażna tad-dejta u s-softwer se jipprovdu: punt ta’ aċċess uniku għal settijiet tad-dejta multilingwi (il-lingwi uffiċjali kollha tal-UE) miżmuma minn korpi pubbliċi fl-UE fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; għodod ta’ mistoqsijiet u viżwalizzazzjoni tas-settijiet tad-dejta; assigurazzjoni li s-settijiet tad-dejta disponibbli jkunu liċenzjati biex jiġu ppubblikati u distribwiti mill-ġdid, inkluż rendikont tal-entrati tal-oriġini tad-dejta; sett ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet għall-klijenti tas-softwer biex jinteraġixxu mal-infrastruttura (tiftix għal dejta, ġbir ta’ statistika, tniżżil ta’ dejta) għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ta’ partijiet terzi. Għandha tiffaċilita wkoll il-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ statistika dwar l-operat tal-portal, id-disponibbiltà tad-dejta u l-applikazzjonijiet u l-mod kif jintużaw.

    Servizzi ġeneriċi:

    L-estensjoni gradwali tal-aċċess għas-settijiet kollha tad-dejta miżmuma u magħmula pubbliċi tista’ tgħid mill-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha fi ħdan l-UE, inkluż t-tiftix multilingwi, li se jinkiseb permezz ta’ dawn li ġejjin:

    (a) l-aggregazzjoni ta’ settijiet tad-dejta internazzjonali/tal-UE/nazzjonali/reġjonali/lokali;

    (b) l-interoperabbiltà tas-settijiet tad-dejta, inkluż kwistjonijiet legali u ta’ liċenzjar, sabiex tippermetti użu mill-ġdid aħjar;

    (c) l-interfaċċa għall-infrastrutturi miftuħa tad-dejta f’pajjiżi terzi;

    (d) ir-repożitorji tad-dejta u servizzi ta’ preservazzjoni għal perjodu fit-tul.

    Aċċess multilingwi għas-servizzi online

    Din l-infrastruttura tas-servizzi se tippermetti lil kull fornitur tas-servizzi attwali jew fil-ġejjieni sabiex joffri l-kontenut u s-servizzi tiegħu fl-aktar firxa wiesgħa ta’ lingwi tal-UE fl-aktar mod kosteffiċenti.

    Pjattaforma tas-servizz ċentrali:

    Il-pjattaforma se tippermetti x-xiri, l-manutenzjoni u d-disponibbiltà ta’ ġabriet kbar ta’ dejta attiva tal-lingwa u għodod ta’ pproċessar tal-lingwi li jistgħu jerġgħu jintużaw. Se tkopri l-lingwi kollha tal-UE u se tikkonforma mal-istandards rilevanti u r-rekwiżiti tas-servizz u legali miftiehma. Il-pjattaforma se tippermetti għal żieda flessibli, manteniment (curation) u rfinar tad-dejta u l-għodod tal-lingwi minn kontributuri, u tiżgura aċċess faċli, ġust u sikur u l-forniment ta’ skop ġdid għal tali riżorsi minn organizzazzjonijiet li joffru jew jiżviluppaw s-servizzi ffaċilitati mil-lingwa. Il-pjattaforma se tappoġġa wkoll il-kooperazzjoni u l-ħidma flimkien ma’ inizjattivi u ċentri tad-dejta simili, li diġà jeżistu jew li se jinbdew fil-ġejjieni, fi ħdan u barra l-UE.

    Servizzi ġeneriċi:

    Il-pjattaforma se tkun ippopolata minn firxa wiesgħa ta’ dejta u riżorsi tas-softwer li jistgħu jerġgħu jintużaw, li jkopru l-lingwi kollha tal-UE. Għandha tiġbor, tarmonizza u tintegra dejta u elementi tas-softwer bħal dawn fi ħdan infrastruttura distribwita tas-servizz. Għandha trendi disponibbli u f’xi oqsma tiżviluppa jew testendi dawk ir-riżorsi tad-dejta u tas-softwer li jridu jintużaw bħala pedamenti għall-iżvilupp, l-adattament skont l-utent u t-twassil tas-servizzi multilingwi jew aċċessi (gateways) multilingwi għal servizzi online.

    Sikurezza u sigurtà

    Infrastruttura ta’ servizz tal-internet aktar sikur

    L-appoġġ se jipprovdi servizzi integrati u interoperabbli fuq livell Ewropew, ibbażati fuq għarfien, riżorsi, għodod u prassi kondiviżi u mmirati sabiex it-tfal, il-ġenituri u min jieħu ħsiebhom, u l-għalliema jkollhom is-setgħa jagħmlu l-aħjar użu mill-internet.

    Pjattaforma tas-servizz ċentrali:

    Il-pjattaforma tas-servizz ċentrali se tippermetti xiri, operat u manutenzjoni tal-faċilitajiet tal-kompjuter, bażijiet tad-dejta u għodod tas-softwer kondiviżi għaċ-Ċentri tal-Internet aktar Sikur (SICs - Safer Internet Centres) fl-Istati Membri, kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ uffiċċju ta’ sapport (back-office) sabiex jimmaniġġjaw ir-rappurtar dwar kontenut ta’ abbuż sesswali inkluż r-rabta mal-awtoritajiet ta’ politika li jinkludu organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Interpol, u meta jkun xieraq, l-immaniġġar tat-tneħħija ta’ dan il-kontenut mis-siti elettroniċi rilevanti. Dan se jkun appoġġat minn bażijiet tad-dejta komuni.

    Servizzi ġeneriċi:

    (a) Linji tat-telefown tal-għajnuna għat-tfal, il-ġenituri u min jieħu ħsiebhom dwar l-aħjar mezzi għat-tfal biex jużaw l-internet u jevitaw t-theddid minn kontenut u mġiba ta’ ħsara u illegali, u l-infrastruttura ta’ uffiċċju ta’ sapport għall-appoġġ.

    (b) Linji tat-telefown ta’ emerġenza għar-rappurtar ta’ kontenut illegali ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal fuq l-internet

    (c) Għodod sabiex ikun assigurat aċċess għal kontenut u servizzi skont l-età xierqa,

    (d) Softwer li jippermetti rappurtar faċli u veloċi ta’ kontenut illegali u t-tneħħija tiegħu, kif ukoll ir-rappurtar ta’ azzjonijiet ta’ tħejjija għall-abbuż (grooming) u ta’ bullying.

    (e) sistemi ta’ softwer li jippermettu l-identifikazzjoni aħjar ta’ kontenut ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal (mhux irrappurtat) fuq l-internet kif ukoll teknoloġiji li jappoġġaw l-investigazzjonijiet tal-pulizija, speċjalment bil-ħsieb li jiġu identifikati t-tfal vittmi, l-azzjonisti vergonjużi (perpetrators) u n-negozjar kummerċjali ta’ tali kontenut.

    Infrastrutturi tal-Informazzjoni Kritika

    Il-kanali u pjattaformi tal-komunikazzjoni se jiġi żviluppati u użati sabiex titjib il-kapaċità madwar l-UE għat-tħejjija, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni u r-rispons.

    Pjattaforma tas-servizz ċentrali:

    Il-pjattaforma tas-servizz ċentrali se tikkonsisti f’netwerk ta’ Skwadra ta' Rispons f'Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERTs – “Computer Emergency Response Teams”) Nazzjonali/Statali ibbażata fuq sett minimu ta’ kapaċitajiet bażi. In-netwerk se jipprovdi l-bażi ta’ Sistema Ewropea għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni u l-Allerti (EISAS – “European Information Sharing and Alert System”) għaċ-ċittadini u l-SMEs tal-UE.

    Servizzi ġeneriċi:

    (a) Servizzi proattivi – l-osservazzjoni u t-tixrid tat-teknoloġija u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni relatata mas-sigurtà; valutazzjonijiet tas-sigurtà; il-forniment ta’ linji gwida dwar il-konfigurazzjoni tas-sigurtà; il-forniment ta’ servizzi ta’ detezzjoni ta’ intrużjoni;

    (b) Servizzi reattivi – il-ġestjoni u r-rispons għal inċident; il-ħruġ ta’ allerti u twissijiet; analiżi tal-vulnerabbiltà u l-ġestjoni, ġestjoni tal-artefatti (li jagħtu prova ta’ allerti ta’ kwalità għolja fuq softwer malizzjuż ġdid (malware) u artefatti oħra).

    Użu ta’ soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal netwerks tal-enerġija intelliġenti u għall-forniment ta’ Servizzi tal-Enerġija Intelliġenti

    Is-servizzi tal-enerġija intelliġenti jużaw teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini (li jistgħu jkunu produtturi kif ukoll konsumaturi tal-enerġija), il-fornituri tal-enerġija u l-awtoritajiet pubbliċi. Is-servizzi tal-enerġija intelliġenti jkopru l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-fornituri tal-enerġija, it-trasmissjoni tad-dejta minn organizzazzjoni għall-oħra, u l-komunikazzjoni minn persuna għall-oħra bejn iċ-ċittadini. Dawn jiftħu opportunitajiet għal atturi eżistenti u oħrajn ġodda fis-swieq kemm tat-telekomunikazzjoni kif ukoll tal-enerġija (eż. Kumpaniji li joffru Servizzi tal-Enerġija ESCOs). Jistgħu jippermettu wkoll lil kumpaniji u liċ-ċittadini sabiex jittraċċaw l-emissjonijiet tal-gass serra tagħhom b’riżultat tad-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom.

    Pjattaformi tas-Servizzi Ċentrali

    L-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet, tipikament użata mill-utilitajiet fi sħubija mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll il-ħardwer neċessarju tal-IT li għandu jiġi inkorporat fil-komponenti tal-enerġija (eż. is-substazzjonijiet). Jinkludu wkoll is-servizzi ċentrali li jippermettu l-monitoraġġ tal-assi, il-kontroll tal-immaniġġjar tas-setgħa, l-awtomatizzazzjoni u l-ġestjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni bejn l-atturi differenti (fornituri tas-servizzi, operaturi tan-netwerks u utilitajiet oħra, konsumaturi, eċċ.).

    Servizzi Ġeneriċi:

    Is-Servizzi Ġeneriċi tipikament se jitwasslu permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi ġodda u innovattivi, bħall-fornituri tas-servizz tal-enerġija, l-ESCOs, l-aggregaturi tal-enerġija li jiffaċilitaw speċjalment id-dħul ta’ tipi differenti ta’ SMEs lokali u l-prevenzjoni tal-monopolizzazzjoni tas-suq tal-konsumaturi.

    Se jrendu l-funzjonalità disponibbli għall-konsumaturi sabiex jimmaniġġjaw id-domanda tagħhom għall-enerġija, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tagħhom u l-kapaċità ta’ ħażna tagħhom, bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tagħhom tal-enerġija, jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gass serra, filwaqt li jiġu żgurati l-privatezza u s-sigurtà tad-dejta.

    (a) Infrastruttura tal-kejl (metering) intelliġenti biex tkejjel u tikkomunika l-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija. Is-Servizzi Ġeneriċi jinkludu wkoll tagħmir għall-immaniġġjar tal-enerġija fil-post tal-konsumatur, jiġifieri apparat ta’ ħardwer tal-IT assoċjat ma’ netwerks taż-żona domestika li jkunu konnessi ma’ kejl intelliġenti

    (b) Aġenti tas-softwer li jistgħu jiddeċiedu dwar ix-xiri/bejgħ tal-enerġija, meta jixegħlu/jitfu l-apparat b’funzjoni tas-sinjali tal-prezzijiet mill-fornitur tal-enerġija, informazzjoni dwar it-tbassir tat-temp, ġestjoni u komunikazzjoni tad-dejta, strumenti ta’ kontroll u awtomatizzazzjoni u s-soluzzjonijiet tagħhom fuq in-netwerk.

    [1]               COM(2010)2020

    [2]               COM(2010)245

    [3]               COM(2011)500/I finali u COM(2011)500/II finali (Noti tal-Politika)

    [4]               Żid referenza

    [5]               Iċ-ċifri jingħataw fi prezzijiet kostanti tal-2011

    [6]               ĠU C […], […], p. […].

    [7]               ĠU C […], […], p. […].

    [8]               COM(2010)245 finali/2.

    [9]               COM(2010)472.

    [10]             COM(2011)500 finali.

    [11]             ĠU […], […], p. […].

    [12]             ĠU L 251, 25.9.2010, p. 35.

    [13]             ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20.

    [14]             ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

    [15]             ĠU L 183, 11.7.1997, p. 12.

    [16]             Kif stabbilit fl-Artikolu 11(e) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1083/2006. COM(2011)615 finali

    [17]             Referenza għall-komunikazzjoni dwar l-ipv6: COM(2008)313 L-iżvilupp tal-Internet, pjan ta’ azzjoni għall-użu tal-verżjoni 6 tal-Protokoll tal-Internet (IPv6) fl-Ewropa.

    Top