Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0550

OPINJONI TAL-KUMMISSJONIskont l-Artikolu 294(7)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,dwar l-emendi tal-Parlament Ewropewdwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta'proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILLli temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi

/* KUMM/2011/0550 finali - 2008/0147 (COD) */

52011PC0550

OPINJONI TAL-KUMMISSJONIskont l-Artikolu 294(7)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,dwar l-emendi tal-Parlament Ewropewdwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta'proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILLli temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi /* KUMM/2011/0550 finali - 2008/0147 (COD) */


2008/0147 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi

1.           Daħla

L-Artikolu 294(7)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari. Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-opinjoni tagħha hawn taħt dwar it-tliet emendi proposti mill-Parlament.

2.           Sfond

Data ta’ meta l-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill[1] || 08/07/2008

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || 16/12/2009

Data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || 11/03/2009

Data tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (maġġoranza kwalifikata): || 15/02/2011

Data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, it-tieni qari || 07/06/2011

3.           Għan tal-proposta mill-Kummissjoni

Id-Direttiva 1999/62/KE attwali tiffissa rati massimi li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta' ċerta infrastruttura tat-trasport. Madankollu, fid-determinazzjoni ta' dawn ir-rati, l-Istati Membri ma jistgħux jqisu l-kostijiet esterni bħat-tniġġis tal-arja u l-istorbju. Il-Kummissjoni pproponiet bidliet biex tippermetti tali imposti, li jekk jiġu introdotti, se jippromwovu trasport tal-merkanzija aktar effikaċi u nadif. Bidla ewlenija proposta hija dik fejn l-Istati Membri tingħatalhom aktar flessibbiltà biex ikunu jistgħu ivarjaw ir-rati tal-pedaġġ biex jippromwovu użu akbar matul is-siegħat li mhumiex l-iktar intensivi u finalment tonqos il-konġestjoni. Fl-aħħar id-dħul addizzjonali ġġenerat permezz tal-imposti tal-kostijiet esterni għandu jintuża biex jiffinanzja proġetti li jagħmlu t-trasport sostenibbli.

4.           Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi mill-Parlament Ewropew

Fit-12 ta' April 2011 il-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu vvota rakkomandazzjoni li tikkonsisti f'35 emenda għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 294 tat-TFUE u d-dikjarazzjoni konġunta dwar l-arranġamenti prattiċi tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni[2], kien hemm għadd ta’ kuntatti informali bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar dan id-dossier fit-tieni qari. Wara dawn il-kuntatti, il-Kumitat ippreżenta tliet emendi ta' kompromess li sussegwentement ġew vvutati mill-plenarja fis-7 ta' Ġunju 2011. Il-Kummissjoni aċċettat dawn l-emendi.

4.1.        Emendi aċċettati mill-Kummissjoni

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari diġà kienet ġiet aċċettata mill-Kummissjoni (ara l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill[3]). L-iżjed bidliet importanti introdotti permezz tal-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill huma:

– Li jiġi ċċarat il-mekkaniżmu tal-Kunsill biex jiġu varjati l-imposti tal-infrastruttura matul il-perjodi l-aktar intensivi billi jiżdiedu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu n-newtralità tad-dħul u titjieb it-trasparenza. Il-mekkaniżmu li jirriżulta se jipprovdi għodda ġdida għall-Istati Membri biex jimmaniġjaw il-konġestjoni matul il-perjodi l-aktar intensivi mingħajr ma jimponu piż eċċessiv fuq l-industrija tat-trasport bit-triq.

– Li tiddaħħal dispożizzjoni dwar l-użu tad-dħul fis-settur tat-trasport. Id-dispożizzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu d-dħul tal-pedaġġi fi proġetti li jagħmlu t-trasport aktar sostenibbli. Din għandha titqies li ġiet applikata jekk 15 % tad-dħul jintuża fuq in-netwerk trans-Ewropew. L-Istati Membri se jkunu obbligati jirrapportaw dwar id-dħul miġbur u dwar l-investimenti li saru fit-trasport. Ladarba jinstab dan il-kompromess, għalkemm huwa inqas ambizzjuż mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni, huwa pass ċar 'il quddiem biex titjieb it-trasparneza dwar l-użu tad-dħul mill-pedaġġi u jitħeġġu investimenti ġodda fit-trasport.

– Li fiż-żoni muntanjużi tiġi awtorizzata l-applikazzjoni fl-istess ħin tas-suppliment eżistenti u l-imposti l-ġodda tal-kostijiet esterni għall-vetturi Euro 0, I u II u għall-vetturi Euro III mill-2015. Qed tiġi prevista wkoll "allokazzjoni ċkejkna" obbligatorja tad-dħul iġġenerat minn din il-kombinazzjoni ta' imposti. Din id-dispożizzjoni se tagħti kontribut biex tkompli taċċellera l-introduzzjoni ta' vetturi aktar nodfa filwaqt li tiġġenera dħul addizzjonali biex jinħolqu alternattivi għat-trasport fuq it-toroq. .

– Li tiddaħħal "klawżola rendez-vous" ibbażata fuq rapporti tal-Kummissjoni li jkunu mistennija rispettivament 12-il xahar u 48 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u fejn xieraq fuq proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni. Il-kontenut tar-rapporti ġie allinjat mal-White Paper riċenti dwar it-trasport.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill ma bassritx xi obbligu għall-Istati Membri biex jittrażmettu lill-Kummissjoni tabella ta' korrelazzjoni, minkejja l-linja ġenerali li normalment jieħu l-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni.

Madankollu, il-Presidenza Ungeriża bl-appoġġ tal-Presidenza Pollakka, dik Daniża u dik Ċiprijotta li jmiss, ħarġu stqarrija fejn ikkonfermaw li l-adozzjoni ta' din id-Direttiva ma tippreġudikax ir-riżultat tan-negozjati interistituzzjonali dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni (ara l-anness).

Il-Parlament Ewropew għalhekk setgħa jaqbel mal-Kunsill iżda bi stqarrija (ara l-anness) skont liema l-Kummissjoni għandha tinformah fi żmien tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan il-ftehim fil-plenarja u tagħmel rapport fl-aħħar tal-perjodu tat-traspożizzjoni dwar il-prattika tal-Istati Membri biex ifasslu t-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn huwa possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri tat-traspożizzjoni.

Matul il-plenarja tas-7 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħarġet stqarrija li fost l-oħrajn ikkonfermat l-impenn tal-Kummissjoni lejn l-iżgurar li l-Istati Membri jistabbilixxu tabelli ta' korrelazzjoni li jorbtu l-miżuri tat-traspożizzjoni li jadottaw mad-Direttiva, tikkonferma l-qbil tagħha li tipproduċi l-informazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew u tenfasizza li l-pożizzjoni tagħha segwita f'dan il-fajl ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala preċedent (ara t-test fl-anness).

5.           Konklużjoni

Skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni temenda l-proposti tagħha billi taċċetta l-emendi kif stabbilit hawn fuq.

Anness

Stqarrija tal-Presidenza

"Qiegħed hawnhekk jiġi ddikjarat li l-ftehim milħuq bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fit-trijolugu tat-23 ta' Mejju 2011 dwar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi, Eurovignette, ma jippreġudikax ir-riżultat tan-negozjati interistituzzjonali dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni."

Stqarrija tal-Parlament Ewropew

"Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li l-Kunsill ma kienx ippreparat jaċċetta l-pubblikazzjoni mandatorja tat-tabelli ta' korrelazzjoni fil-kuntest tal-proposta li temenda d-Direttiva 1999/62/KE. Qiegħed hawnhekk jiġi ddikjarat li l-ftehim milħuq bejn l-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-trijologu tat-23 ta' Mejju 2011 dwar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastruttura (Eurovignette) ma jippreġudikax ir-riżultat tan-negozjati interistituzzjonali dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni.

Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tinfurmah fi żmien tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan il-ftehim fil-plenarja u biex tagħmel rapport fl-aħħar tal-perjodu tat-traspożizzjoni dwar il-prattika tal-Istati Membri biex ifasslu t-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn huwa possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri tat-traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi."

Stqarrija tal-Kummissjoni Ewropea:

"Il-Kummissjoni tfakkar l-impenn tagħha li tiżgura li l-Istati Membri jistabbilixxu tabelli ta' korrelazzjoni li jorbtu l-miżuri tat-traspożizzjoni li jadottaw mad-Direttiva tal-UE u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni fil-qafas tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fl-interess taċ-ċittadini, ta' tfassil aħjar tal-liġijiet u ż-żieda fit-trasparenza legali, u biex tassisti l-eżami tal-konformità tar-regoli nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-UE.

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li hemm nuqqas ta' appoġġ għad-dispożizzjoni inkluża fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastruttura (Eurovignette), li mmirat li tagħmel obbligatorji l-istabbilment tat-tabelli ta' korrelazzjoni.

Il-Kummissjoni, fi spirtu ta' kompromess u sabiex tiżgura l-adozzjoni immedjata ta' dik il-proposta, tista' taċċetta s-sostituzzjoni tad-dispożizzjoni obbligatorja dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni inklużi fit-test bi premessa rilevanti li tħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu din il-prassi. Fi żmien tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan il-ftehim fil-plenarja se tinforma u tagħmel rapport fl-aħħar tal-perjodu tat-traspożizzjoni dwar il-prattiki tal-Istati Membri biex ifasslu għalihom stess u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn huwa possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi.

Madankollu, il-pożizzjoni segwita mill-Kummissjoni f'dan il-fajl m'għandhiex titqies bħala preċedent. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha bil-għan li ssib, flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, soluzzjoni xierqa għal din il-kwistjoni istituzzjonali orizzontali."

[1]               COM(2008) 436 finali – 2008/0147 COD:

[2]               ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5.

[3]               COM(2011) 69 finali

Top