Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0542

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

/* KUMM/2011/0542 finali - 2011/0233 (NLE) */

52011PC0542

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja /* KUMM/2011/0542 finali - 2011/0233 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

(1) Fid-9 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja.

(2) Fit-18 ta’ Awwissu 2011, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President ħarġet dikjarazzjoni li indikat li l-UE kienet se tipproċedi b’azzjoni ulterjuri. Fis-26 ta’ Awwissu 2011, il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar pakkett ta' miżuri ulterjuri li għandhom jiġu adottati inklużi l-espansjoni tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni għall-iffriżar tal-fondi, u projbizzjoni fuq ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport mis-Sirja ta' żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt. Il-persuni, entitajiet u korpi addizzjonali li għalihom għandu japplika l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni.

(3) Uħud minn dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bil-għan li jiġi żgurat li jiġu applikati b'mod uniformi mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni tagħhom.

2011/0233 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[1],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fid-9 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[2].

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/[…]/PESK ta' […][3] tipprovdi għall-adozzjoni ta' miżuri ulterjuri inkluża projbizzjoni fuq ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport mis-Sirja ta’ żejt mhux raffinat u prodotti petroliferi, u l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi lil persuni u entitajiet oħra li jibbenefikaw minn Bashar Al-Assad u r-reġim tiegħu, jew jappoġġjawhom. Il-persuni, entitajiet u korpi addizzjonali li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni.

(3) Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni tagħhom.

(4) Ġiet effettwata sospensjoni parzjali tal-Ftehim ta' Koperazzjoni mas-Sirja[4] permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill […][5].

(5) Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, qed jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“ (g) 'assigurazzjoni' tfisser impriża jew impenn li bih persuna naturali jew legali waħda jew aktar tkun jew ikunu obbligati, bi ħlas, biex jipprovdu lil persuna waħda oħra jew aktar, fil-każ ta’ materjalizzazzjoni ta’ riskju, b’indennità jew benefiċċju kif determinat mill-impriża jew l-impenn;

(h) 'riassigurazzjoni' tfisser l-attività li tikkonsisti fl-aċċettar ta’ riskji ċeduti minn impriża tal-assigurazzjoni jew minn impriża tar-riassigurazzjoni oħra jew, fil-każ tal-assoċjazzjoni ta’ sottoskritturi magħrufa bħala Lloyd’s, l-attività li tikkonsisti fl-aċċettar ta’ riskji ċeduti minn xi membru tal-Lloyd’s, minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għajr l-assoċjazzjoni ta’ sottoskritturi magħrufa bħala Lloyd’s;

(i) 'prodotti taż-żejt' tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness IV.”

(2) qed jiddaħħlu l-Artikoli 3a u 3b li ġejjin:

“Artikolu 3a

Għandhom jiġi pprojbiti:

(a) l-importazzjoni ta' żejt mhux raffinat jew ta' prodotti petroliferi lejn l-Unjoni jekk

(i) ikunu joriġinaw fis-Sirja; jew

(ii) ikunu ġew esportati mis-Sirja;

(b) ix-xiri ta' żejt mhux raffinat jew ta’ prodotti petroliferi li jinsabu fis-Sirja jew li joriġinaw fiha;

(c) it-trasport taż-żejt mhux raffinat jew tal-prodotti petroliferi jekk dawn ikunu joriġinaw mis-Sirja, jew ikunu qed jiġu esportati mis-Sirja lejn kwalunkwe pajjiż ieħor;

(d) il-forniment, dirett jew indirett, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi derivattivi finanzjarji u prodotti ta' futures, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mad-dispożizzjonijiet fil-paragrafi (a), (b) u (c); u

(e) il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa, li direttament jew indirettament, jevitaw il-projbizzjonijiet fil-punti (a), (b), (c) jew (d).

Artikolu 3b

Il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 3a ma għandhomx japplikaw għal:

(a)      l-eżekuzzjoni, nhar jew qabel il-31 ta' Ottubru 2011, ta’ obbligu li joħroġ minn kuntratt konkluż qabel [daħħal id-data tal-adozzjoni ta' dan l-Artikolu], sakemm il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu jridu jwettqu l-obbligu kkonċernat jinnotifikaw, tal-anqas 3 ijiem tax-xogħol bil-quddiem, l-attività jew tranżazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti, kif identifikat fil-websajts elenkati fl-Anness III; jew

(b)     ix-xiri ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ prodotti petroliferi li kienu ġew esportati mis-Sirja qabel [daħħal id-data tal-adozzjoni ta’ dan l-Artikolu], jew, fejn l-esportazzjoni saret skont il-paragrafu (a), fil-31 ta' Ottubru 2011 jew qabel.”

(3) L-Artikolu 5(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Anness II għandu jikkonsisti f'lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni jew entitajiet li jibbenefikaw minn Bashar al-Assad u r-reġim tiegħu jew li jappoġġjawhom, jew persuni u entitajiet assoċjati magħhom."

(4) Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

"(c) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni r-raġunijiet li għalihom hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika;"

u qed jiddaħħlu s-subparagrafi addizzjonali li ġejjin:

“(e) biex jitħallsu fi jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet skont il-liġi internazzjonali, safejn dawn il-pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali; jew

(f) meħtieġa għal raġunijiet umanitarji, bħall-forniment jew l-iffaċilitar tal-forniment ta' assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, il-provvista tal-elettriku, ħaddiema umanitarji u assistenza relatata, jew evakwazzjonijiet mis-Sirja.”

(5) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 10a li ġej:

“L-ebda pretensjonijiet, inkluż għal kumpens jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal tpaċija jew pretensjoni taħt garanzija, f'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni li t-twettiq tagħhom ġie affettwat, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, ma għandhom jingħataw lill-Gvern tas-Sirja, jew lil kwalunkwe persuna jew entità li tressaq pretensjoni permezz tiegħu jew għall-benefiċċju tiegħu.”

Artikolu 2

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 442/2011 huwa b'dan emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament

Artikolu 3

L-Anness II għal dan ir-Regolament huwa b'dan miżjud bħala l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 442/2011.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President                                                                        […]

ANNESS

Dawn li ġejjin għandhom jiġu miżjuda mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 442/2011

[ismijiet addizzjonali li għandhom ikunu proposti mill-Kunsill]

ANNESS II

“ANNESS IV”

Lista ta' prodotti taż-żejt u Kodiċi HS

Kodiċi HS       Deskrizzjoni

2709 00           Żjut tal-petroleum u żjut ottenuti minn minerali bituminużi, mhux raffinati:

2710    Żjut tal-petroleum u żjut miksuba minn minerali bituminużi, għajr dawk mhux raffinati; preparazzjonijiet mhux speċifikati jew inklużi xi imkien ieħor, li skont il-piż ikunu 70% jew aktar żjut tal-petroleum jew żjut miksuba minn minerali bituminużi, fejn dawn iż-żjut ikunu l-kostitwenti bażiċi tal-preparazzjonijiet; skart taż-żjut:

2711    Gassijiet taż-żejt u idrokarburi gassużi oħra:

2712    Vażelina; xema' tal-paraffina, xema' mikrokristallina taż-żejt, xema' nofsha raffinata b'kontenut ta' żejt għoli (slack wax), ożokerit, ix-xema’ tal-linjite, ix-xema’ tal-pit, xemgħat oħra minerali u prodotti simili miksuba permezz ta' sinteżi jew permezz ta' proċessi oħrajn kemm jekk ikkuluriti kif ukoll jekk mhumiex:

2713    Kokk taż-żejt minerali (petroleum), qatran taż-żejt minerali (petroleum) u fdalijiet oħrajn ta’ żjut minerali (petroleum) jew ta’ żjut miksubin minn minerali bituminużi:

2714    Qatran u asfalt, naturali; “shale” tal-qatran jew taż-żejt u ramel taż-żift; asfaltiti u blat tal-asfalt:

2715 00 00      Taħlitiet bituminiżi bbażati fuq l-asfalt naturali, il-bitumen naturali, il-bitumen tal-petroleum, il-qatran minerali jew iż-żift tal-qatran minerali (pereżempju mastiċi bituminużi, bitum miżjud b’żejt irqiq)

[1]               ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.

[2]               ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.

[3]               ĠU L […]

[4]               ĠU L 269, 27.9.1978, p. 2.

[5]               ĠU L […]

Top