Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0457

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jġib fit-tmiem il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta' reviżjoni interim antidumping dwar importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja

/* KUMM/2011/0457 finali - 2011/0198 (NLE) */

52011PC0457

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jġib fit-tmiem il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta' reviżjoni interim antidumping dwar importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja /* KUMM/2011/0457 finali - 2011/0198 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku") fil-proċediment kontra l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja. Fl-20 ta' Mejju 2010 reġgħet infetħet reviżjoni interim fil-kuntest ta' dan il-proċediment ta' antidumping. Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat għall-implimentazzjoni ta' sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kumpanija MTZ Polyfilms Limited. L-għan ta' din il-proposta hija li ttemm dan il-ftuħ parzjali mill-ġdid.

- Il-kuntest ġenerali

Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku.

- Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Hemm miżuri definittivi fis-seħħ u li kienu imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 tat-30 ta' Ottubru 2007. Il-miżuri ġew emendati l-aħħar permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 469/2011 tat-13 ta' Mejju 2011 minħabba l-iskadenza tal-miżuri kumpensatorji li qabel kienu għaddejjin fl-istess ħin. L-Avviż li fetħet parzjalment mill-ġdid reviżjoni interim fil-kuntest ta' dan il-proċediment kien ippubblikat fl-20 ta' Mejju 2010 (2010/C 131/03).

- Il-konsistenza ma’ politiki u ma' għanijiet oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

- Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċedura kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

- Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ esperti esterni.

- Il-valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament bażiku ma fihx dispożizzjonijiet għal valutazzjoni tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu vvalutati.

3. L-Elementi legali tal-Proposta

- It-taqsira tal-azzjoni proposta

Fl-20 ta' Mejju 2010 il-Kummissjoni reġgħet fetħet parzjalment l-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim dwar l-antidumping rilevanti li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw, inter alia , fl-Indja li rriżultat f'emenda tal-miżuri antidumping permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 366/2006. Ir-raġuni għal dan il-ftuħ parzjali mill-ġdid kienet s-sentenza tas-17 ta' Novembru 2009 fil-Kawża T-143/06 tal-Qorti Ġenerali li fiha l-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament li jemenda sakemm dan jimponi dazju antidumping fuq l-MTZ Polyfilms ("is-sentenza"). Il-ftuħ parzjali mill-ġdid, ristrett għall-MTZ Polyfilms, sar sabiex jimplimenta s-sentenza ta' hawn fuq tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-MTZ Polyfilms. Permezz tal-proposta mehmuża għal Regolament, dan il-ftuħ parzjali se jintemm mingħajr ma jiġi impost mill-ġdid dazju tal-antidumping fuq importazzjonjiet tat-tertuqa PET mmanifatturati mill-MTZ Polyfilms.

Huwa propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament.

- Il-bażi legali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

- Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħallix lok għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mminimizzat u pproporzjonat mal-għan tal-proposta, mhijiex applikabbli.

- L-għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: regolament.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja:

Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi.

4. L-implikazzjonijiet baġitarji

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2011/0198 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jġib fit-tmiem il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta' reviżjoni interim antidumping dwar importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ("ir-Regolament bażiku tal-antidumping"), u b’mod partikolari l-Artikolu 9, u l-Artikolu 11(3), u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1. PROĊEDURA

2. Il-miżuri eżistenti

3. Bir-Regolament (KE) Nru 1676/2001[2] ("ir-Regolament oriġinali"), il-Kunsill kien impona dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene(PET) li joriġinaw, inter alia , mill-Indja. Fit-8 ta' Marzu 2006, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 366/2006[3] ("ir-Regolament ta' emenda") u wara investigazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali, id-dazju antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw mill-Indja kien emendat.

4. Fis-6 ta' Novembru 2007, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007[4] ("ir-Regolament ta' reviżjoni") u wara reviżjoni ta' skadenza, id-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw mill-Indja kien ikkonfermat.

5. L-MTZ Polyfilms Ltd ("MTZ Polyfilms"), produttur esportatur Indjan li kkoopera mal-investigazzjonijiet ta' hawn fuq, kiseb rata ta' dazju individwali bir-regolament oriġinali. Din ir-rata ta' dazju ġiet riveduta bir-Regolament ta' emenda.

6. Fis-27 ta' Frar 2006, l-MTZ Polyfilms ressaq applikazzjoni fil-Qorti Ġenerali ("il-qorti ta' Prim' Istanza" qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona) li tfittex l-annullament tar-Regolament ta' emenda safejn tapplika għall-MTZ Polyfilms[5].

7. Bis-sentenza tas-17 ta' Novembru 2009 fil-Kawża T-143/06[6], il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament jemenda sal-punt fejn jimponi dazju antidumping fuq l-MTZ Polyfilms ("is-sentenza"). Il-Qorti Ġenerali sabet li r-Regolament ta' emenda kien adottat fuq bażi legali inkorretta. Ikkunsidrat, b'mod partikolari, li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ma jistax iservi bħala bażi legali li tippermetti li l-Istituzzjonijiet ma japplikawx, meta jkun qed jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni, il-metodoloġija preskritta fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku.

8. Fit-13 ta' Mejju 2011, bir-Regolament (UE) Nru 469/2011[7], fid-9 ta' Marzu 2011 kien emendat id-dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja minħabba l-iskadenza tad-dazju kompensatorju li s'issa kien parallel.

9. Il-ftuħ parzjali mill-ġdid

10. Fl-20 ta' Mejju 2010, ġie ppubblikat avviż[8] f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Fl-avviż, il-partijiet ġew infurmati li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-premessa (5) ta' hawn fuq, l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea tat-tertuqa PET manifatturati mill-MTZ Polyfilms Limited ("MTZ Polyfilms") mhumiex soġġetti aktar għall-miżuri antidumping imposti mir-regolament ta' emenda u r-regolament ta' reviżjoni tal-iskadenza u li d-dazji antidumping definittivi mħallsa skont dawn ir-regolamenti għall-prodott ikkonċernat manifatturat minn MTZ Polyfilms għandhom jiġu rimborżati jew rimessi.

11. Barra minn hekk, l-avviż reġa’ fetaħ parzjalment l-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim antidumping rilevanti dwar l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw, inter alia , fl-Indja sabiex tiġi implementata s-sentenza ta’ hawn fuq tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-MTZ Polyfilms.

12. Barra minn hekk, permezz tal-istess avviż, l-MTZ Polyfilms ġiet mistiedna, jekk tqis li l-aspetti tas-sejbiet li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament ta' emenda ħlief dak imsemmi fil-premessa (5) hawn fuq ma baqgħux validi, tippreżenta talba sostanzjata kif jixraq għal reviżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

13. Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-MTZ Polyfilms, ir-rappreżentanti tal-pajjiż li qed jesporta, il-produtturi Indjani l-oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament li jemenda u l-industrija tal-Unjoni dwar il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż.

14. Intlaqgħu xi osservazzjonijiet miż-żewġ produtturi esportaturi fl-Indja (wieħed minnhom kien il-parti kkonċernata direttament, jiġifieri l-MTZ Polyfilms) u l-ieħor kien l-industrija tal-Unjoni.

15. L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA

16. Il-kumment preliminari

17. Bħala kumment preliminari huwa importanti li wieħed jinnota li l-MTZ Polyfilms ma wieġbitx għall-istedina msemmija fil-premessa (9) ta' hawn fuq.

18. Il-kummenti tal-partijiet interessati

19. L-MTZ Polyfilms argumentat li ftuħ parzjali mill-ġdid ta' investigazzjoni ta' reviżjoni hija illegali minħabba li mhemmx dispożizzjoni speċifika fir-Regolament bażiku li jippermetti l-possibilità li terġa tinfetaħ investigazzjoni. L-istess kumpannija ddikjarat ukoll li r-referenza tal-Kummissjoni fl-avviż imsemmi fil-premessa (7) hawn fuq għas-sentenza fil-kawża IPS ("is-sentenza IPS")[9] kienet żbaljata billi dik is-sentenza kkonċernat proċediment tal-antidumping li kien inbeda f'qafas legali differenti peress li skont ir-Regolament bażiku fis-seħħ dak iż-żmien, proċediment tal-antidumping kien magħmul minn diversi stadji li jinkludu l-investigazzjoni inizjali u l-investigazzjonijiet ta' reviżjoni sussegwenti kollha. Is-sentenza tal-IPS għandha għalhekk titratta l-possibilità li tiftaħ investigazzjoni ġdida fi ħdan il-qafas ta' proċediment li jkun għaddej. Id-distinzjoni bejn proċediment u investigazzjoni kellha titħassar mir-Regolament bażiku fl-1995 u, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma bdietx investigazzjoni ġdida fil-qafas ta' proċediment iżda fetħet mill-ġdid investigazzjoni li, skont l-MTZ Polyfilms, kellha diġà tkun ġiet konkluża bl-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. L-MTZ Polyfilms sostniet li l-kawża tal-IPS ma setgħetx isservi ta’ preċedent minħabba li kienet ibbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88 tal-11 ta’ Lulju 1988 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet ddampjati jew issussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea[10] (“ir-Regolament bażiku antik”), li skontu ma kinux għadhom bdew japplikaw l-iskadenzi mandatorji b'mod partikolari ż-żmien massimu għall-konklużjoni ta' investigazzjoni ta' reviżjoni ta' 15-il xahar mid-data tal-bidu tagħha. Hi argumentat li f'dan il-każ, l-iskadenza ta' 15-il xahar kienet għaddiet ftit wara l-ftuħ mill-ġdid – fl-20 ta' Mejju 2010 – billi l-miżuri emendati kienu imposti iktar minn 14-il xahar wara l-bidu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali. Finalment, skont l-MTZ Polyfilms, is-sentenza ma kienet teħtieġ l-ebda miżuri ta' implimentazzjoni billi s-sentenza hija ċara minn kull aspett materjali, sempliċi u mingħajr l-ebda reżervazzjoni u/jew kwalifika speċifika filwaqt li tannulla r-Regolament ta' emenda fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tat-tertuqa PET manifatturati mill-MTZ Polyfilms.

20. Produttur esportatur Indjan ieħor tat-tertuqa PET, li kien ikkoopera mar-reviżjoni interim, argumenta li, billi fil-kalkolu tal-marġini tad-dumping l-Istituzzjonijiet applikaw l-istess approċċ bħal dak li ġie kkundannat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha, l-Istituzzjonijiet għandhom issa jirrevedu l-metodoloġija għall-kalkolu tad-dumping ta' din il-kumpannija, li tirriżulta fl-assenza ta' marġini ta' dumping.

21. L-industrija tal-Unjoni ddikjarat li, issa li l-Qorti Ġenerali kienet annullat ir-Regolament ta' emenda safejn dan jimponi dazju ta' antidumping fuq l-MTZ Polyfilms, ir-rata ta' dazju individwali kkalkulat u impost fl-2001 għandha terġa' tiġi imposta billi, fir-reviżjoni interim, instab li l-MTZ Polyfilms xorta kien qed jiddampja b'marġini konsiderevoli. F'dan ir-rigward, hi enfasizzat ukoll tendenza twila ta' ċikumvenzjoni u frodi tal-oriġini allegatament pprattikata mill-esportaturi Indjani. Barra minn hekk, allegat li hemm kapaċità żejda kbira eżistenti fl-Indja u li f'diversi swieq tad-dinja maġġuri oħra, hemm miżuri tad-difiża tal-kummerċ fis-seħħ kontra t-tertuqa PET mill-Indja, li inevitabilment iwasslu għal volumi ikbar ta' importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms.

22. L-industrija tal-Unjoni talbet ukoll lill-Kummissjoni tiżgura r-reġistrazzjoni tal-importazzjonjiet billi qieset li ż-żewġ kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni bħal din stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, ikunu ġew sodisfatti.

23. L-analiżi tal-kummenti

24. Fir-rigward tal-allegata illegalità tal-ftuħ mill-ġdid, huwa mfakkar li fis-sentenza tal-IPS tagħha, l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, f'każijiet fejn proċediment jikkonsisti minn diversi passi amministrattivi, l-annullament ta' wieħed minn dawn l-passi ma jannullax il-proċediment kollu. Il-proċediment tal-antidumping hu eżempju ta' proċediment magħmul minn diversi stadji. Konsegwentement, l-annullament tar-Regolament ta' emenda fil-konfront ta’ parti waħda ma jimplikax l-annullament tal-proċedura sħiħa qabel l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament. Barra minn dan, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jikkonformaw ma' din is-sentenza. Dan jimplika wkoll il-possibbiltà li jiġu rimedjati l-aspetti tar-Regolament ta' emenda li wasslu għall-annullament tiegħu, filwaqt li jitħallew kif inhuma dawk il-partijiet mhux ikkontestati u li mhumiex affettwati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — kif ġie deċiż fil-kawża C-458/98 P[11](“il-kawża ta’ appell IPS”). Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-dikjarazzjoni li mhemmx bażi legali għall-ftuħ mill-ġdid ta' investigazzjoni ta' reviżjoni nstabet bla bażi.

25. Id-dikjarazzjoni li l-introduzzjoni tal-iskadenzi biex jiġu konklużi l-investigazzjonijiet tal-antidumping ma tippermettix lill-Kummissjoni ssegwi l-approċċ li hu l-bażi tal-kawża tal-IPS instabet bla bażi. Qed jitqies li din l-iskadenza mhijiex rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, skadenza bħal din tirregola biss it-tlestija tal-investigazzjoni ta' reviżjoni inizjali minn dakinhar tat-tnedija sa dakinhar li tittieħdet azzjoni definittiva, u ma tikkonċerna l-ebda azzjoni sussegwenti li kapaċi jkollha tittieħed, ngħidu aħna, b’riżultat ta’ reviżjoni ġudizzjarja. Ta' min jinnota li l-Qorti Ġenerali ma għaddietx sentenzi li japplikaw dan ir-raġunament, billi dan irendi impossibbli l-iffinalizzar ta' kwalunkwe investigazzjoni tal-antidumping li tkun ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali sabiex tqis is-sejbiet tal-Qorti Ġenerali (kif jirrikjedi l-Artikolu 266 tat-TFUE). Tabilħaqq, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali dejjem sejra tingħata wara l-iskadenza ta' investigazzjoni tkun skadiet.

26. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur Indjan tat-tertuqa PET l-ieħor, huwa mfakkar li l-Qorti annullat ir-Regolament ta' emenda biss safejn dan jimponi dazju tal-antidumping fuq l-MTZ Polyfilms. Konsegwentement, is-sentenza ma għandha l-ebda bażi għar-reviżjoni mill-ġdid tal-approċċ u/jew il-kalkoli fir-rigward tal-produtturi esportaturi l-oħra. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni kellha tiġi rrifjutata.

27. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-industrija tal-Unjoni msemmija fil-premessa (15) ta' hawn fuq, ir-raġunament fil-premessa (17) ta' hawn fuq huwa daqstant validu, jiġifieri l-ġurisprudenza stabbiliet li, jekk il-Qorti tiġġudika li kien hemm illegalità, il-Kummissjoni tista' tkompli proċedura ta' investigazzjoni immedjatament qabel ma' tkun saret l-illegalità. Għalhekk, mhemm l-ebda bżonn immedjat biex wieħed jirrikorri għal dejta stabbilita qabel, kif ġie argumentat mill-industrija tal-Unjoni.

28. Fir-rigward tat-talba mill-industrija tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, ibbażata fuq l-informazzjoni fit-talba u skont id-dejta statistika disponibbli għall-Kummissjoni, ġie konkluż li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament bażiku, jiġifieri, żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet ikkonċernati, ma ġietx sodisfatta (ara wkoll il-premessa (24) ta' hawn taħt). It-talba għar-reġistrazzjoni għalhekk ġiet irrifjutata.

29. L-investigazzjoni

30. Kif imsemmi fil-premessa (5) ta' hawn fuq, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament bażiku fir-rigward tal-MTZ Polyfilms billi kkunsidrat, li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ma jistax iservi bħala bażi legali li tippermetti li l-Istituzzjonijiet, ma japplikawx, meta jkun qed jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni, il-metodoloġija preskritta fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku. Huwa innutat ukoll, li s-sejbiet kollha fir-Regolament ta' reviżjoni, ħlief dawk li l-Qorti Ġenerali sabet li kienu żbaljati, jibqgħu validi b'mod formali. Dan japplika, b'mod partikolari, għas-sejba li ma hemm l-ebda bidliet sinifikanti fiċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw emenda għad-dazju antidumping applikabbli għall-MTZ Polyfilms. Għalhekk, dan l-aspett tar-reviżjoni ma ġiex investigat mill-ġdid fil-kuntest tal-proċedura kurrenti. Waqt il-perjodu ta' reviżjoni tal-investigazzjoni ("RIP"), l-MTZ Polyfilms esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni taħt garanzija ta' prezz u dan il-bejgħ irrispetta t-termini ta' din il-garanzija, jiġifieri l-bejgħ sar bi prezzijiet li kienu ogħla mill-prezzijiet minimi miftiehma. Għar-raġunijiet spjegati fir-regolament ta' reviżjoni, huwa kkonfermat li l-prezzijiet ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni waqt l-RIP ma jistgħux jintużaw biex jikkalkulaw il-marġini ta' dumping tal-MTZ Polyfilms.

31. Minħabba l-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, l-investigazzjoni kurrenti kienet limitata għal analiżi tal-fatti disponibbli għall-Istituzzjonijiet rigward l-attivitajiet ta' esportazzjoni tal-MTZ Polyfilms. F'dan ir-rigward, kif stipulat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza IPS (diġà msemmija hawn fuq), l-Istituzzjonijiet, meta jkomplu investigazzjoni ta' antidumping wara sentenza li tannulla regolament li jimponi dazji tal-antidumping, jkunu intitolati jqiesu l-informazzjoni reċenti, inkluża informazzjoni ġejja minn wara l-perjodu oriġinali ta' investigazzjoni. Jirriżulta wkoll minn dik is-sentenza li din il-possibilità li titqies din l-informazzjoni reċenti tapplika wkoll għar-reviżjonijiet, li huwa l-każ ittrattat hawnhekk.

32. Huwa nnutat li wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament ta' emenda, u skont l-informazzjoni ta' statistika disponibbli, il-volumi ta' importazzjonijiet tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms naqqsu sew u saħansitra waqfu mill-2008 'l hawn. Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li s-sentenza li tannulla r-regolament ta' reviżjoni fir-rigward tal-MTZ Polyfilms ingħatat fis-17 ta' Novembru 2009. L-avviż imsemmi fil-premessa (7), li indika li wara s-sentenza tal-Qorti, l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms ma baqgħux suġġetti għall-miżuri tal-antidumping ġie ppubblikat fl-20 ta' Mejju 2010. Dan ifisser li għal iktar minn sena dawk l-importazzjonijiet ġew suġġetti biss għal dazji kumpensatorji u doganali, u mhux għal dazju tal-antidumping. F'dak il-kuntest, id-dejta miġbura abbażi tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku indikat li waqt is-snin riċenti ma saru l-ebda importazzjonijiet bħal dawn.

33. Il-konklużjoni

34. Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi kollha msemmija hawn fuq, b'mod partikolari, il-firxa limitata tal-investigazzjoni trattata hawnhekk, li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ma eżaminatx s-sejbiet fuq l-eżistenza taċ-ċirkostanzi mibdula u n-nuqqas ta' disponnibilità ta' prezz ta' esportazzjoni affidabbli, il-Kunsill jikkonkludi li l-kalkolu mill-ġdid ta' marġini ta' dumping għall-MTZ Polyfilms u l-impożizzjoni mill-ġdid ta' dazju antidumping fuq l-esportazzjonijiet tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms mhumiex xierqa. B'konsegwenza ta' dan, huwa konkluż li l-investigazzjoni ta' reviżjoni li nfetħet mill-ġdid bil-ħsieb li timplimenta s-sejbiet tal-Qorti, għandha tintemm mingħajr ma jerġa' jiġi impost dazju.

35. Il-partijiet kollha kkonċernati kienu informati dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kien hemm il-ħsieb li jintemm il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim dwar l-antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja. Intlaqgħu kummenti mill-industrija tal-Unjoni li saħqet, kif diġà ġie spjegat fil-premessa (15) hawn fuq, li r-rata ta' dazju individwali kkalkulata u imposta fl-2001 għandha terġa' tkun imposta fuq l-MTZ Polyfilms, u esprimiet il-fehma li t-tnaqqis fl-esportazzjonijiet fl-Unjoni mill-MTZ Polyfilms ma jfissirx li mhemmx il-possibilità li fil-futur il-kumpannija ma tipprattikax dumping li jikkawża dannu. L-industrija tal-Unjoni enfasizzat ukoll li dan l-aħħar żdied il-volum totali ta' importazzjonijiet tat-tertuqa PET mill-Indja. Il-kummenti fil-premessa (15) diġà ġew indirizzati fil-premessa (20). Fir-rigward tal-imġieba probabbli tal-MTZ Polyfilms fil-futur, huwa meqjus li l-assenza ta' kwalunkwe importazzjonijiet mill-kumpannija għal perjodu sinifikanti ta' żmien, li waqtu kienu suġġetti għal rati baxxi ta' dazju, kif spjegat fil-premessa (24) hawn fuq, juri biċ-ċar li mhuwiex probabbli li l-kumpannija tipprattika iktar dumping li jikkawża dannu. Minkejja l-fatt li reċentement żdiedu l-importazzjonijiet mill-Indja, l-importazzjonijiet mill-MTZ Polyfilms baqgħu żero,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim dwar l-antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja u huma mmanifatturati mill-MTZ Polyfilms huma b'dan mitmum.

2. L-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja u huma manifatturati mill-MTZ Polyfilms ma għandhomx ikunu suġġett għal dazju antidumping skont dan il-proċediment.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2] ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

[3] ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

[4] ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

[5] Il-Kawża T-143/06 MTZ Polyfilms v Council, ECR 2009, p. II-04133.

[6] Ir-rapporti tal-Qorti Ewropew 2009, p. II-04133.

[7] ĠU L 129, 17.5.2011, p. 1.

[8] ĠU C 131, 20.5.2010, p. 3.

[9] Il-Kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [1998], ECR, p. II-3939.

[10] ĠU L 209, 2.8.1988, p. 1.

[11] Il-Kawża C-458/98 P Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [2000] ECR, p. I-08147.

Top