This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0421
Proposal for a DECISION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the mobilisation of the European Globalisation Adjustment Fund in accordance with point 28 of the Interinstitutional Agreement of 17 May 2006 between the European Parliament, the Council and the Commission on budgetary discipline and sound financial management (application EGF/2010/017 DK/Midtjylland Machinery from Denmark)
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Makkinarju mid-Danimarka)
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Makkinarju mid-Danimarka)
/* KUMM/2011/0421 finali */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Makkinarju mid-Danimarka) /* KUMM/2011/0421 finali */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali
tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u
l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja
soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond
Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta'
mekkaniżmu ta' flessibbiltà, fil-limitu massimu annwali ta'
EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas
finanzjarju. Ir-regoli applikabbli
għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE)
Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew
ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2]. Fil-11 ta' Mejju 2010,
id-Danimarka ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Machinery
għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara sensji f'sitt (6)
impriżi li joperaw f'Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2
("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir")[3] fir-reġjun NUTS II ta' Midtjylland
(DK04) fid-Danimarka. Wara analiżi fil-fond ta' din
l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal
kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament ġew issodisfati. TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI Dejta ewlenija: || Nru ta' Referenza tal-EGF || EGF/2010/017 Stat Membru || Id-Danimarka Artikolu 2 || (b) Intrapriżi kkonċernati || 6 Reġjun NUTS II || Midtjylland (DK04) Diviżjoni NACE Reviżjoni 2 || 28 ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir") Perjodu ta’ referenza || 6.6.2009 – 6.3.2010 Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 11.08.2010 Data tal-applikazzjoni || 11.5.2010 Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 813 Ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma identifikati għall-għajnuna || 325 Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 5 627 125 Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4] (EUR) || 441 500 Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) || 7,3 Baġit totali (EUR) || 6 068 625 Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) || 3 944 606 1.
L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni
fil-11 ta’ Mejju 2010 u ġiet issupplimentata b'tagħrif
addizzjonali sal-21 ta’ Marzu 2011. 2.
L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta'
intervent mill-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE)
Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta'
10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament. Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet
strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba
l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali 3.
Biex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u
l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija
kkawżati mill-globalizzazzjoni, id-Danimarka argumentat li l-industrija
tal-manifattura tat-turbini tar-riħ fl-UE, li hija inkluża
fid-Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura
ta’ makkinarju u tagħmir"), intlaqtet b'mod gravi mill-bidliet
fix-xejriet kummerċjali dinjija, b'mod partikolari mit-tnaqqis sinifikanti
tas-sehem mis-suq tal-UE. Id-Danimarka, fissret li, minkejja li l-produzzjoni
Ewropea tat-turbini tar-riħ żdiedet f’dawn l-aħħar ftit
snin, is-suq globali tat-turbini tar-riħ żviluppa b'pass iktar
mgħaġġel, speċjalment fl-Asja u l-Amerika ta' Fuq. 4.
Id-Danimarka kkwotat ir-Rapport Dinji tal-2009 dwar
l-Enerġija mir-Riħ li tħejja mill-Assoċjazzjoni Dinjija
tal-Enerġija mir-Riħ, li juri li l-aktar progress dinamiku
tal-industrija tar-riħ seħħ fl-Asja u fl-Amerika ta' Fuq u li
l-fokus tas-settur tar-riħ ma baqax fl-Ewropa. Filwaqt li kien hemm
tkabbir globali dinamiku f'dan is-settur, sehem l-Ewropa fil-kapaċità
totali naqas minn 65,5 % fl-2006 għal 47,9 % fl-2009. L-Asja qed
tespandi l-aktar malajr, u kienet responsabbli għal 40,4 %
tal-kapaċità l-ġdida tar-riħ fl-2009 (met mqabbla ma'
18,1 % fl-2004), filwaqt li l-Ewropa waqgħet lura minn 70,7 %
ta' kapaċità ġdida fl-2004 għal 27,3 % biss fl-2009. (Sors: World Wind Energy Report 2009, WWEA
l-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Enerġija mir-Riħ) Minbarra li l-ispejjeż tal-ħaddiema huma
konsiderevolment aktar baxxi, l-ispejjeż għoljin biex jiġu
trasportati l-partijiet il-kbar tat-turbini tar-riħ, jirrikjedu li l-produtturi
Ewropej iqarrbu l-produzzjoni tagħhom lejn l-aktar swieq tal-utenti
aħħarija dinamiċi biex jiżguraw l-kompetittività u
l-pożizzjoni tas-suq tagħhom. Minħabba f’hekk, il-produzzjoni
kull ma jmur qed titlaq mill-UE. 5.
Vestas Group (responsabbli għal 95 %
tal-ħaddiema kollha identifikati għall-għajnuna f'din
l-applikazzjoni) hija parti mit-tendenza deskritta hawn fuq. Minkejja li
d-dħul tagħha qed jiżdied (żieda ta' 185 % tul
l-aħħar ħames snin) u li l-kumpanija żiedet l-għadd
tal-persunal tagħha b'202 % tul l-iestess perjodu, huwa minnu wkoll
li qed titlef is-sehem tagħha mis-suq dinji li qed jikber b'pass
mgħaġġel għall-enerġija mir-riħ (minn 30 %
fl-2004 naqas għal madwar 14 % attwalment). Dawn il-fatturi wasslu
lil Vestas biex tbiddel il-fokus tal-attivitajiet tagħha u tmexxi
l-impjanti ta' produzzjoni tagħha lejn l-Istati Uniti u l-Asja, fejn hemm
proporzjon akbar tal-klijentela u l-produzzjoni hija iktar kosteffikaċi. 6.
Barra minn hekk, fl-2009, il-kuntest ekonomiku
ġdid li feġġ minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika,
laqat ħażin lill-industrija tal-enerġija mir-riħ fl-UE.
Minħabba f’hekk, tul dik is-sena, l-industrija Daniża tar-riħ
esperjenzat tnaqqis qawwi fl-impjiegi, flimkien ma' tnaqqis fil-fatturat. Turija tal-għadd ta’ sensji u
l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b) 7.
Id-Danimarka ressqet din l-applikazzjoni skont
il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE)
Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm mill-inqas 500 sensja fuq
perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni
tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew f’żewġ
reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru. 8.
L-applikazzjoni ssemmi 813-il sensja f'sitt
intrapriżi fid-Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2
("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir")[5]
fir-reġjun NUTS II ta' Midtjylland (DK04) matul il-perjodu ta'
referenza ta' disa' xhur mis-6 ta' Ġunju 2009
sas-6 ta' Marzu 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkulati
skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Spjegazzjoni tan-natura imprevedibbli
ta' dawk is-sensji 9.
L-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li t-tnaqqis
fl-impjiegi f'Midtjylland, li huwa s-suġġett ta' din l-applikazzjoni,
kien imprevedibbli minħabba l-espansjoni mgħaġġla
tas-settur globali tal-enerġija mir-riħ, u l-aspettattivi
pożittivi li kienu ġew ippubblikati mill-produtturi fir-rapporti
fir-rapporti ta' kull tliet xhur tagħhom fil-perjodu ta' qabel
ingħataw is-sensji. Identifikazzjoni tal-intrapriżi li
taw is-sensji u l-ħaddiema identifikati għall-għajnuna 10.
L-applikazzjoni ssemmi total ta' 813-il sensja
li minnhom 325 huma identifikati għall-għajnuna, fis-sitt
intrapriżi li ġejjin: Intrapriżi Għadd ta' sensji Vestas assembly A/S || 138 Vestas Blades A/S || 506 Vestas Control Systems A/S || 105 Vestas Machining A/S || 24 I.P.L Transmissioner || 18 Lind Jensens Maskinfabrik || 22 Total ta' intrapriżi: 6 || Total ta' sensji: 813 11.
It-tqassim tal-ħaddiema identifikati
għall-għajnuna huwa kif ġej: Kategorija || Għadd || Perċentwal Irġiel || 251 || 77,23 Nisa || 74 || 22,77 Ċittadini tal-UE || 325 || 100,00 Mhux ċittadini tal-UE || 0 || 0 Bejn il-15 u l-24 sena || 28 || 8,62 Bejn il-25 u l-54 sena || 247 || 76,00 Bejn il-55 u l-64 sena || 50 || 15,38 Aktar minn 64 sena || 0 || 0 12.
L-ebda wieħed mill-ħaddiema li
ngħataw is-sensja ma għandu problemi tas-saħħa persistenti
jew diżabbiltajiet. 13.
Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol,
it-tqassim huwa kif ġej: Kategorija || Għadd || Perċentwal Professjonisti || 2 || 0,62 Tekniċi u professjonisti assoċjati || 26 || 8,00 Ħaddiema ta' sostenn klerikali || 1 || 0,31 Ħaddiema tas-sengħa u dawk involuti fi snajja’ relatati || 133 || 40,92 Operaturi tal-impjanti u l-magni, u dawk li jimmuntaw il-magni || 149 || 45,84 Xogħlijiet elementari[6] || 14 || 4,31 14.
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE)
Nru 1927/2006, id-Danimarka kkonfermat li ġiet applikata politika ta'
ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li
din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u,
b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih. Deskrizzjoni tat-territorju
kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu 15.
It-territorju kkonċernat huwa Reġjun
Ċentrali fid-Danimarka (Midtjylland, NUTS II – DK04) u partikolarment
il-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern. Midtjylland huwa l-ewwel
fir-rigward ta' erja u t-tieni fir-rigward ta' popolazzjoni minn fost
il-ħames reġjuni Daniżi, b'erja ta' 13 053 kilometri
kwadri u popolazzjoni ta' aktar minn 1,2 miljun ruħ. Il-kapitali hija
Viborg. Il-muniċipalità milquta ta' Ringkøbing-Skjern tinsab fil-parti
tal-Punent tar-reġjun. Ringkøbing-Skjern, li għandha erja ta'
1 485 km², għandha popolazzjoni ta' 58 803 (2009). 16.
Il-partijiet interessati prinċipali huma
l-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern u l-imsieħba soċjali.
Il-miniċipalità hija responsabbli mill-għoti ta' appoġġ
lill-persuni qiegħda fit-tfittxija tagħhom għal impjieg
ġdid, li jinkludi t-tħejjija ta' arranġamenti għal
attivitajiet li jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema, bħala sostenn
għall-ħiliet ta' tiftix ta' xogħol u għajnuna fil-proċess
ta' stabbiliment ta' miri. Il-muniċipalità se tkun responsabbli mill-implimentazzjoni
tal-attivitajiet fl-applikazzjoni, kif ukoll mir-reġistrazzjoni u
l-kontroll. L-imsieħba soċjali, jiġifieri t-trejdjunjins u
l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem involuti fil-proġett huma dawn
li ġejjin: Iċ-ċentru għall-Iżvilupp tan-Negozju ta'
Ringkøbing Fjord (Ringkøbing Fjord Erhvervscenter), il-Kulleġġ
Vokazzjonali ta' Ringkøbing-Skjern (UddannelsesCenter Ringkøbing-Skjern),
il-Konfederazzjoni Daniża tat-Trejdjunjons (LO), Danish Metal (Dansk Metal
– unjoni għall-ħaddiema fl-industrija tal-metall), 3F (unjoni
għal ħaddiema bla ħiliet), l-Organizzazzjoni Daniża ta' Min
Iħaddem (DI – organizzazzjoni għal min iħaddem fl-industrija),
il-Kunsill ta' Konsulenza dwar l-Impjiegi Lokali (LBR – kunsill ta'
msieħba b'interess fis-settur tal-impjiegi), il-Kunsill ta' Konsulenza
dwar l-Impjiegi Reġjonali (RBR – kunsill reġjonali
tal-imsieħba), Vestas Wind Systems A/S. L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward
tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali 17.
Il-ħaddiema fl-industrija tal-ħadid u
l-metall, taħt liema jaqa' s-settur tal-manifattura tat-turbini
tar-riħ, jikkostitwixxu proporzjon ikbar mill-għadd totali ta'
ħaddiema fil-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern, milli fid-Danimarka
kollha kemm hi (19 % u 6 % rispettivament), u dan jirrendi r-reġjun
iktar vulnerabbli għall-bidliet negattivi fis-settur. 18.
Id-Danimarka tistenna li l-impatt tas-sensji se
jkun sinifikanti lokalment; is-sensji nnotifikati tal-ħaddiema milquta
jirrappreżentaw madwar 2,5 % mill-għadd totali ta' postijiet
tax-xogħol fil-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern.
Il-muniċiplaità ġiet milquta mir-rata li qed tiżdied ta'
qgħad ħafna agħar mir-reġjun ta' Midtjylland u
mid-Danimarka kollha kemm hi (żieda rispettiva bejn Lulju 2008 u Settembru 2010:
Ringkøbing-Skjern: 290 %, Midtjylland: 192 %, id-Danimarka:
176 %, sors: www.jobindsats.dk). 19.
Skont iċ-ċifri ppubblikati
mill-Kummissjoni għas-Suq tax-Xogħol tal-gvern, id-ditta ta'
konsulenza M-ploy A/S tistma li dawn is-sensji jistgħu jikkawżaw
żieda fin-nefqa fuq l-appoġġ relatat mal-qgħad ta' madwar
EUR 940 000 kull sena, kif ukoll dħul imnaqqas mit-taxxa li
jammonta għal madwar EUR 3,2 miljun kull sena. Pakkett ikkoordinat ta' servizzi
personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati u analiżi
tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu
mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali 20.
Kjarifika u orjentament mill-ġdid: Il-grupp fil-mira se jiġi offrut programm bażiku ta'
kjarifika biex jiddetermina l-miri tiegħu u jfassal pjan ta' azzjoni.
Il-programm bażiku se jdum 12-il ġimgħa u se jiffoka fuq
l-orjentament mill-ġdid għall-ħaddiema kkonċernati,
b'enfasi speċjali fuq oqsma ta' żvilupp fil-muniċipalità,
bħall-enerġija u t-turiżmu ekoloġiċi. Tnedew
żewġ analiżi sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati
aħjar l-oqsma ta' żvilupp futur Elementi oħra ta' din
il-miżura se jinkludu l-valutazzjoni ta' kwantifikazzjoni, għoti ta'
pariri individwali dwar il-karrieri, attivitajiet f'workshops
f'kulleġġi vokazzjonali jew ċentri ta' taħriġ
vokazzjonali u taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Għaċ-ċittadini
barranin li ma jitkellmux jew ma jifhmux id-Daniż b'mod fluwenti, se
tingħata għajnuna minn interpretu. Appoġġ supplimentari għal
edukazzjoni u taħriġ addizzjonali: Il-parteċipanti li jistabbilixxu mira edukattiva waħda jew
iktar fil-proċess ta' kjarifika, jingħataw l-opportunità li jibdew
isegwu/jispiċċaw programm edukattiv. Il-laboratorju tal-innovazzjoni: L-għan ta' din il-miżura huwa li jkun hemm fokus fuq
l-aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema, biex dawn ikunu
jistgħu jipparteċipaw f'xogħol prototipiku bbażat fuq
teknoloġija nadifa f'kumpaniji eżistenti. Dan se jintlaħaq
permezz ta' attivitajiet tul il-kors u tagħlim ibbażat fuq
l-apprendistati minn kollegi f'kumpaniji ewlenin fis-suq fil-qasam
tat-teknoloġija nadifa/l-innovazzjoni. Il-parti prinċipali ta' din
il-miżura se tkun esperjenza prattika ma' kumpanija ospitanti, fejn
il-ħaddiema ikun jista' jirrealizza idea li tkun tal-kumpanija ospitanti
jew tiegħu/tagħha stess. Skema ta' mentoring b'rabta
mat-taħriġ prattiku: It-taħriġ prattiku marbut ma' skema ta' mentoring huwa
għal dawk il-ħaddiema fil-grupp fil-mira li, wara l-proċess ta'
kjarifika, jinstab li huma eleġibbli għal iktar taħriġ, u
għal persuni li jkollhom 'il fuq minn 50 sena li ma jkunux
interessati li jibdew isegwu kors edukattiv. Huwa mistenni li jiġu
stabbiliti madwar 40 programm ta' taħriġ prattiku marbut ma'
skema ta' mentoring. Il-hotline tal-kwalifiki: Iċ-ċentru abbinat mal-hotline
se jgħin lill-persuni qiegħda u lil dawk li potenzjalment ikunu se
jħaddmu, sabiex isibu l-programm ta' tkomplija tat-taħriġ
adattat. Il-funzjoni tal-hotline għandha tirreaġixxi hekk kif iqum
il-bżonn. Dan jista' jinkludi sitwazzjonijiet bħall-bżonn ta'
mentor, il-kjarifika tal-kompetenzi jew il-bżonn għal kompetenzi
ġodda, it-tkomplija tat-taħriġ f'forma ta' korsijiet ta'
taħriġ vokazzjonali eċċ. u l-għoti ta' gwida
fir-rigward ta' dan kollu. Għotjiet waqt it-tfittxija ta'
xogħol/benefiċċji tal-qgħad/għotjiet
għall-istudenti: L-għan huwa li jiġu
mminimizzatti l-ostakoli relatati mal-għajnuna. Min ikun qed ifittex
xogħol jiġi offrut diversi għotjiet skont l-status tagħhom
meta mqabbel mas-sistema nazzjonali ta' appoġġ u l-attivitajiet li
jkunu qed jiparteċipaw fihom fil-pakkett koordinat tal-attivitajiet.
Id-Danimarka kkonfermat li dawn l-għotjiet se jingħataw biss waqt li
jkun hemm fis-seħħ il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. Għotjiet għall-mobbiltà: Ġew previsti għotjiet għall-mobbiltà għal dawk
il-ħaddiema li jridu jivvjaġġaw biex jipparteċipaw
fil-miżuri. 21.
In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li
hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE)
Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u
kontroll kif ukoll tagħrif u pubbliċità. 22.
Is-servizzi personalizzati ppreżentati
mill-awtoritajiet Daniżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol
fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Daniżi jistmaw li
l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’
EUR 5 627 125 u li l-ispiża għall-implimentazzjoni
tal-EGF hija ta' EUR 586 500 (10,4 % tal-ammont totali).
Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 3 944 606
(65 % tal-ispiża totali). Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Spiża stmata għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Spiża totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR) Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) Kjarifika u orjentament mill-ġdid || 150 || 7 535 || 1 130 250 Appoġġ supplimentari għal edukazzjoni addizzjonali || 75 || 12 135 || 910 125 Il-laboratorju tal-innovazzjoni || 10 || 24 500 || 245 000 Skema ta' mentoring b'rabta mat-taħriġ prattiku || 40 || 6 875 || 275 000 Il-hotline tal-kwalifiki || 50 || 7 100 || 355 000 Għotjiet waqt it-tfittxija ta' xogħol/benefiċċji tal-qgħad/għotjiet għall-istudenti: || 325 || 7 928 || 2 576 600 Għotjiet għall-mobbiltà: || 85 || 1 590 || 135 150 Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 5 627 125 Spiża għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) Attivitajiet ta' tħejjija || || 33 750 Ġestjoni fil-livell lokali || || 159 000 Ġestjoni fil-livell nazzjonali || || 56 000 Tagħrif u pubbliċità || || 33 750 Attivitajiet ta’ kontroll || || 159 000 Nefqa subtotali għall-implimentazzjoni tal-EGF || || 441 500 Total tal-ispiża stmata || || 6 068 625 Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispiża totali) || || 3 944 606 23.
Id-Danimarka tikkonferma li l-miżuri deskritti
hawn fuq huma kumplimentari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi
Strutturali. Data(i) li fiha/fihom bdew jew kienu
ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milqutin 24.
Fl-11 ta’ Awwissu 2010, id-Danimarka
bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milqutin u
inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament.
Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta'
eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata
mill-EGF. Proċeduri għall-konsultazzjoni
mal-imsieħba soċjali 25.
Għadd ta' organizzazzjonijiet
tal-imsieħba soċjali (ara l-punt 14) ġew ikkonsultati waqt
it-tħejjija tal-applikazzjoni u dawn se jkunu involuti wkoll
fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri. 26.
L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li
r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja
dwar sensji kollettivi ġew issodisfati. Tagħrif dwar azzjonijiet li huma
obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi 27.
Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu
fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet
Daniżi fl-applikazzjoni tagħhom: · ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tissostitwixxix
miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi
nazzjonali jew ftehimiet kollettivi; · taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema
individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta'
kumpaniji jew setturi; · ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma
jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra. Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
28.
Id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni li
l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata
mill-istess korpi bħal dawk tal-Fond Soċjali Ewropew, li għandu
wkoll l-Awtorità Daniża tal-Intrapriżi u l-Bini bħala l-Awtorità
ta' Ġestjoni. L-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni se tiġi
stabbilita f'dipartiment differenti tal-istess korp. L-Awtorità ta' Verifika se
twettaq il-funzjoni ta' Kontroll tal-UE fl-Awtorità Daniża
tal-Intrapriżi u l-Bini. Finanzjament 29.
Fuq il-bażi tal-applikazzjoni mid-Danimarka,
il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi
personalizzati (inkluża l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF)
hija ta' EUR 3 944 606, li tirrappreżenta 65 %
tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan
il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħatat mid-Danimarka. 30.
Minħabba l-ammont massimu possibbli ta'
kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament
(KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta'
approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmobilizza
l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi
allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju. 31.
L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja
jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat
għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar
erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE)
Nru 1927/2006. 32.
Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex
timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura
ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim
Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, bil-għan li
tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja
dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ.
Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat
tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta
għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf
lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha.
F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ
fergħat tal-awtorità baġitarja, għandha tissejjaħ
laqgħa formali ta' trijalogu. 33.
B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta
talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal
approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi, kif stipulat
fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006. Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet
34.
Bħala rinforz għal-linja
baġitarja 04.0501 tal-EGF permezz b'EUR 50 000 000
huwa previst f'AB2/2011 li din il-linja baġitarja se tintuża biex
tkopri l-ammont ta' EUR 3 944 606 meħtieġ għal
din l-applikazzjoni. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta'
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28
tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn
il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja
u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland
Makkinarju mid-Danimarka) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali
tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u
l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja
soda[7], u b'mod partikolari l-punt 28
tiegħu, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE)
Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew
ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-Proposta
mill-Kummissjoni Ewropea[9], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi
sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja
b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet
kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom
fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol. (2) L-ambitu tal-EGF twessa’
għall-applikazzjonijiet ippreżentati
mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema
li jngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u
ekonomika globali. (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali
tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF
fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. (4) Id-Danimarka ssottomettiet
applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF, fir-rigward tas-sensji f'sitt (6) intrapriżi
li joperaw fid-Diviżjoni 28 Reviżjoni 2 tan-NACE
("Manifattura ta' makkinarju u magni") fir-eġjun NUTS II
TA' Midtjylland (DK04), fil-11 ta' Mejju 2010 u ssupplimentata
b'tagħrif addizzjonali sal-21 ta' Marzu 2011. Din
l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati
l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet
proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 3 944 606. (5) L-EGF għandu,
għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni
finanzjarja għall-applikazzjoni ppreżentata mid-Danimarka. ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni
Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta'
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi
mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3 944 606
f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tkun
ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi [Brussell/Strasburgu], Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [3] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li
jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet
ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar
setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1). [4] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. [5] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li
jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet
ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar
setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006,
p. 1). [6] Dan it-tqassim huwa bbażat fuq l-International
Standard Classification of Occupations (ISCO – il-Klassifikazzjoni Standard
tax-Xogħlijiet) imfassla mill-Organizzazzjoni Internazzjonali
tax-Xogħol. [7] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [8] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [9] ĠU C […], […], p. […].