Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0385

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

/* KUMM/2011/0385 finali - 2011/0170 (NLE) */

52011PC0385

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem /* KUMM/2011/0385 finali - 2011/0170 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Ġustifikazzjoni tal-proposta

L-ilma huwa wieħed mill-oqsma l-aktar irregolati b'mod komprensiv mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità. L-ewwel politika Ewropea dwar l-ilma bdiet fis-snin sebgħin (1970s) bl-adozzjoni ta' programmi politiċi kif ukoll ta' leġiżlazzjoni legalment vinkolanti.

L-ewwel mewġa ta' leġiżlazzjoni ġiet adottata, li bdiet bid-Direttiva tal-1975 dwar l-Ilma tal-Wiċċ [1] u laħqet il-qofol tagħha fid-Direttiva tal-1980 dwar l-Ilma tax-Xorb[2]. Minn dak iż-żmien, l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku tjieb u l-approċċ għal leġiżlazzjoni Komunitarja evolva. Fl-1988 is-seminar ministerjali ta' Frankfurt dwar l-ilma analizza l-leġiżlazzjoni eżistenti u identifika għadd ta' elementi ta' titjib li jistgħu jsiru. Dan irriżulta fit-tieni fażi tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma.

Ir-riżultati leġiżlattivi ta' dan ir-ristrutturar sostanzjali tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-ilma kienu d-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġdid għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma[3], adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'Settembru 2000 u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta' Diċembru 2000, u Direttiva ġdida dwar l-Ilma tax-Xorb, li tirrevedi l-istandards tal-kwalità u, fejn meħtieġ, tagħmilhom aktar stretti.

Id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb tal-1980 mhux biss kellha tiġi adattata għall-progress xjentifiku u tekniku eżistenti, iżda wkoll għall-prinċipju tas-sussidjarjetà billi tnaqqas l-għadd ta' parametri li l-Istati Membri kienu obbligati li jimmonitorjaw u billi tiffoka fuq il-konformità mal-parametri essenzjali tal-kwalità u tas-saħħa.

Il-proċess li wassal għar-reviżjoni beda fl-1993 meta l-Kummissjoni organizzat Konferenza Ewropea dwar l-Ilma tax-Xorb fi Brussell biex tikkonsulta l-partijiet kollha interessati fil-provvista tal-ilma tax-xorb. Dan wassal biex fl-1998 id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ġiet adottata u daħlet fis-seħħ. Din id-Direttiva l-ġdida kellha tiġi trasposta f'leġiżlazzjoni nazzjonali sal-aħħar tas-sena 2000, u kellha tibda tiġi osservata sal-aħħar tal-2003 b'xi eċċezzjonijiet għal parametri kritiċi bħall-prodotti sekondarji miċ-ċomb u d-diżinfezzjoni.

Persentaġġ żgħir ħafna biss tas-sistemi tal-ilma tax-xorb jinsabu f'żoni li għandhom sorsi potenzjali ta' kontaminazzjoni radjuattiva magħmula mill-bniedem minn faċilitajiet li jużaw, jimmanifatturaw, jew jarmu sustanzi radjuattivi. Il-kontaminazzjoni tal-ilma tax-xorb li sseħħ permezz ta' rilaxxi aċċidentali ta' radjuattività jew minħabba prattiki mhux xierqa ta' rimi. Is-sistemi tal-ilma li huma vulnerabbli għal dan it-tip ta' kontaminazzjoni huma meħtieġa jwettqu monitoraġġ estensiv tal-kontaminazzjoni radjuattiva biex jiżguraw li l-ilma tax-xorb tagħhom ikun sikur. Minkejja dan, hemm ħafna reġjuni fl-Ewropa fejn il-karatteristiċi ġeoloġiċi u idroloġiċi huma tali li l-preżenza ta' sustanzi radjuattivi li jseħħu b'mod naturali hija waħda ta' tħassib.

Skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, ir-rekwiżiti tekniċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward tas-sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem issa ilhom aktar minn ħames snin li ġew iffinalizzati, wara proċess ta' konsultazzjoni li kien jinvolvi l-Grupp ta' Esperti previst skont l-Artikolu 31 EURATOM, il-Kumitat stabbilit skont id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb u l-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri stabbilit skont l-Artikoli 35-36 tat-Trattat EURATOM. Sa issa r-rekwiżiti għall-monitoraġġ tat-tritju u d-doża indikattiva totali skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE ma ġewx implimentati, minħabba li l-emendi għall-Annessi II (monitoraġġ) u III (speċifikazzjoni għall-analiżi ta' parametri) għad iridu jiġu adottati.

Il-parametri indikaturi stipulati fl-Anness I il-Parti C fir-rigward ta' radjuattività u tritju u d-dispożizzjonijiet ta' monitoraġġ relatati fl-Anness II għad-Direttiva 98/83/KE jaqgħu fl-ambitu tal-istandards bażiċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 30 tat-Trattat EURATOM.

B'riżultat ta' dan, ikun iġġustifkat li jiġu inkorporati r-rekwiżiti għal-livelli ta' monitoraġġ tar-radjuattività f'leġiżlazzjoni speċifika skont it-Trattat EURATOM sabiex jinżammu l-uniformità, il-koerenza u l-kompletezza tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tar-radjazzjoni f'livell Komunitarju.

Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra bħala xieraq li tippreżenta proposta li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem abbażi tal-Artikolu 31 tat-Trattat EURATOM.

Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat EURATOM, il-Kummissjoni hija meħtieġa tikkonsulta l-Grupp ta' esperti xjentifiċi msemmija fl-Artikolu 31 tat-Trattat EURATOM meta tkun qed tirrevedi u tissupplimenta l-istandards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu mir-radjuattività jonizzanti. B'segwitu ta' dan l-obbligu legali, f'Ġunju 2008 l-opinjoni kienet diġà ngħatat.

Meta jiġi kkunsidrat li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ġenerali fit-teorija u l-prattika legali li jistabbilixxi li liġi li tirregola suġġett speċifiku tieħu prijorità fuq liġi li tirregola suġġetti ġenerali biss ("lex specialis derogat legi generali"), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva skont it-Trattat tal-EURATOM jieħdu post dawk tad-Direttiva 98/83/KE fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma tax-xorb.

Fit-tieni pass, il-Kummissjoni se tipproponi li t-Tritju u d-Doża Indikattiva Totali jitħassru mil-lista ta' parametri indikaturi fil-parti C tal-Anness I għad Direttiva 98/83/KE u li jiġu rrevokati r-referenzi kollha għal dawn il-valuri parametriċi.

2. Sussidjarjetà u proporzjonalità

• Bażi legali

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma relatati mal-istandards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali. Konsegwentement, il-bażi legali magħżula hija t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikoli 31 u 32 tiegħu.

• Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Peress li s-setgħat leġiżlattivi tal-Komunità skont it-Titolu II tal-Kapitolu III tat-Trattat EURATOM huma ta' natura esklussiva, dawn mhumiex suġġetti għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

• Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

Il-proposta tistipula standards armonizzati minimi għall-monitoraġġ tat-tritju u d-doża indikattiva totali u tadatta r-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83/KE li tikkonċerna r-radjuattività għall-progress xjentifiku u tekniku l-aktar riċenti.

• Għażla tal-istrumenti

Filwaqt li l-Komunità hija responsabbli mill-istabbiliment ta' regoli uniformi fil-qasam tal-protezzjoni mir-radjazzjoni sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali, tkun responsabbiltà tal-Istati Membri li jittrasponu tali regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jimplimentawhom.

Id-Direttiva hija għalhekk adattata l-aktar biex jinħoloq approċċ komuni għad-definizzjoni tar-rekwiżiti għal parametri tar-radjuattività għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku.

B'konsegwenza ta' dan, ir-rekwiżiti armonizzati għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem huma ddefiniti.

3. Implikazzjoni baġitarja

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

2011/0170 (NLE)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, b'mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[4], imfassla wara li nkisbet l-opinjoni ta' grupp ta' persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri, skont l-Artikolu 31 tat-Trattat,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5],

Wara li kkonsulta l-Parlament Ewropew[6],

Billi:

1. L-inġestjoni tal-ilma hija waħda mill-mogħdijiet ta' inkorporazzjoni ta' sustanzi radjuattivi fil-ġisem tal-bniedem. Skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti[7], il-kontribuzzjoni għall-esponiment tal-popolazzjoni b'mod ġenerali minn prattiki li jinvolvu riskju minn radjazzjoni jonizzanti għandha tinżamm fl-iktar livell baxx li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli.

2. Fid-dawl tal-importanza għas-saħħa tal-bniedem tal-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, jeħtieġ li f'livell Komunitarju jiġu stabbiliti standards ta' kwalità li jkollhom funzjoni ta' indikatur u jipprovdu l-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk l-istandards.

3. Il-parametri indikaturi diġà ġew stabbiliti fl-Anness I, il-Parti C fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi, kif ukoll fid-dispożizzjonijiet ta' monitoraġġ relatati fl-Anness II għad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem[8]. Madankollu, dawk il-parametri jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-istandards bażiċi ddefiniti fl-Artikolu 30 tat-Trattat Euratom.

4. Ir-rekwiżiti għal-livelli ta' monitoraġġ ta' radjuattività fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għandhom għalhekk jiġu adottati f'leġiżlazzjoni speċifika li tiżgura l-uniformità, il-koerenza u l-kompletezza tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni skont it-Trattat Euratom.

5. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva adottata skont it-Trattat Euratom jieħdu post dawk tad-Direttiva 98/83/KE fir-rigward tal-kontaminazzjoni tal-ilma tax-xorb minn sustanzi radjuattivi.

6. F'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' parametru li għandu funzjoni ta' indikatur, l-Istat Membru kkonċernat għandu jivvaluta jekk dan in-nuqqas ta' konformità huwiex se jimponi riskju għas-saħħa tal-bniedem u, fejn neċessarju, jieħu azzjoni ta' rimedju biex il-kwalità tal-ilma tiġi rrestawrata.

7. Il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b'mod adegwat u xieraq dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

8. Huwa meħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu ta' din id-Direttiva l-ilmijiet minerali naturali u l-ilmijiet li huma prodotti mediċinali, peress li kienu ġew stabbiliti regoli speċjali għal dawk it-tipi ta' ilma fid-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali[9] u d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem[10].

9. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi programmi ta' monitoraġġ biex jivverifika li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

10. Il-metodi użati biex tiġi analizzata l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem iridu jkunu tali li jiżguraw li r-riżultati miksuba huma ta' min joqgħod fuqhom u komparabbli.

11. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/928/Euratom tal-20 ta' Diċembru 2001 dwar il-ħarsien tal-pubbliku mill-esponiment għar-radon fil-provvisti tal-ilma tax-xorb[11] titratta l-kwalità radjoloġika tal-provvisti tal-ilma tax-xorb fir-rigward tar-radon u l-prodotti li jirriżultaw mid-diżintegrazzjoni tar-radon ta' ħajja twila, u b'hekk dawn ir-radjonuklidi ma għandhomx jiġu inklużi fl-ambitu ta' din id-Direttiva.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Tistipula valuri parametriċi, frekwenzi u metodi għall-monitoraġġ ta' sustanzi radjuattivi.

Artikolu 2Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE għandhom japplikaw.

Artikolu 3Ambitu

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem bl-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/83/KE u stabbiliti skont l-Artikolu 3(2) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 4Obbligi ġenerali

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3)a tad-Direttiva 96/29/Euratom, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jistabbilixxu programm ta' monitoraġġ xieraq biex jiġi żgurat li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ikun konformi mal-valuri parametriċi stabbiliti b'din id-Direttiva.

Artikolu 5Valuri parametriċi

L-Istati Membri għandhom jistipulaw valuri parametriċi applikabbli għall-monitoraġġ ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem skont l-Anness I.

Artikolu 6Monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ regolari tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem skont l-Anness II sabiex jivverifikaw li l-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi radjuattivi ma jaqbżux il-valuri parametriċi stabbiliti skont l-Artikolu 5.

Artikolu 7Postijiet tat-teħid ta' kampjuni

Fil-każ ta' netwerk ta' distribuzzjoni, Stat Membru jista' jieħu kampjuni miż-żona tal-provvista jew minn fejn ikunu qed isiru x-xogħlijiet ta' trattament jekk ikun jista' jintwera li dan it-teħid ta' kampjuni jagħti l-istess valur imkejjel tal-parametri kkonċernati.

Artikolu 8Teħid ta' kampjuni u analiżi

1. Għandhom jittieħdu kampjuni rappreżentattivi tal-kwalità tal-ilma kkonsmat matul is-sena u jiġu analizzati skont il-metodi stipulati fl-Anness III.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-laboratorji kollha li janalizzaw il-kampjuni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jkollhom sistema analitika tal-kontroll tal-kwalità. Dawn għandhom jiżgraw li dik is-sistema tkun soġġetta għal verifiki okkażjonali minn kontrollur indipendenti approvat mill-awtorità kompetenti għal dak il-għan.

Artikolu 9Azzjoni ta' rimedju u notifika lill-konsumaturi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-valuri parametriċi stabbiliti skont l-Artikolu 5 jiġi investigat immedjatament sabiex tiġi identifikata l-kawża.

2. Meta jseħħ nuqqas ta' konformità mal-valuri parametriċi stabbiliti skont l-Artikolu 5, l-Istat Membru għandu jivvaluta l-possibbiltà li n-nuqqas jkun ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem. F'każ li jkun hemm riskju bħal dan, l-Istat Membru għandu jieħu azzjoni ta' rimedju biex il-kwalità tal-ilma tiġi rrestawrata.

3. Fejn ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem ma jkunx jista' jitqies bħala wieħed trivjali, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-konsumaturi jiġu nnotifikati.

Artikolu 10Traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard minn sena wara d-data msemmija fl-Artikolu 11. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 11Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS I Valuri parametriċi għat-tritju u valuri parametriċi għad-Doża Indikattiva Totali, għal sustanzi radjuattivi oħra, fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

Radjuattività

Parametru | Valur parametriku | Unità | Noti |

Tritju | 100 | Bq/l |

Doża indikattiva totali | 0,10 | mSv/sena | (Nota 1) |

Nota 1: Bl-esklużjoni tat-tritju, il-potassju -40, ir-radon u l-prodotti li jirriżultaw mid-diżintegrazzjoni tar-radon

ANNESS IIMonitoraġġ ta' sustanzi radjuattivi

1. Prinċipji ġenerali u frekwenzi ta' monitoraġġ

Stat Membru mhuwiex meħtieġ li jimmonitorja l-ilma tax-xorb għat-tritju jew ir-radjuattività biex jistabbilixxi doża indikattiva totali fejn ikun ġie sodisfatt abbażi ta' monitoraġġ ieħor li l-livelli tat-tritju tad-doża indikattiva totali kkalkulata huma ferm inqas mill-valur parametriku. F'dak il-każ, għandu jikkomunika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu lill-Kummissjoni, u jinkludi r-riżultati tal-monitoraġġ l-ieħor imwettaq.

2. Tritju

Il-monitoraġġ tal-ilma tax-xorb għat-tritju għandu jitwettaq fejn ikun hemm preżenti sors tat-tritju fejn jinġabar l-ilma u fejn abbażi ta' programmi ta' sorveljanza jew investigazzjonijiet oħra ma jistax jintwera li l-livell tat-tritju huwa ferm inqas mill-valur tal-indikatur parametriku tiegħu ta' 100 Bq/l. Fejn ikun meħtieġ monitoraġġ għat-tritju, dan għandu jitwettaq fil-frekwenza tal-awditjar.

3. Doża Indikattiva Totali

Il-monitoraġġ tal-ilma tax-xorb għad-Doża Indikattiva Totali (Total Indicative Dose, TID) għandu jitwettaq fejn hemm preżenti sors ta' radjuattività artifiċjali jew radjuattività naturali ta' livell partikolarment għoli fejn jinġabar l-ilma u fejn abbażi ta' programmi ta' sorveljanza jew investigazzjonijiet oħra ma jistax jintwera li l-livell tad-TID huwa ferm inqas mill-valur tal-indikatur parametriku tiegħu ta' 0.1 mSv/sena. Fejn ikun meħtieġ monitoraġġ tal-livelli tar-radjunuklidi artifiċjali, dan għandu jitwettaq fil-frekwenza tal-awditjar indikata fit-tabella. Fejn ikun meħtieġ monitoraġġ tal-livelli tar-radjunuklidi naturali, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-frekwenza tal-monitoraġġ filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni kollha rilevanti disponibbli dwar il-varjazzjonijiet temporali tal-livelli tar-radjunuklidi naturali f'tipi differenti ta' ilmijiet. Skont il-varjazzjonijiet mistennija, il-frekwenza tal-monitoraġġ tista' tvarja minn kejl ta' verifika unika għall-frekwenza tal-awditjar. Fejn tkun meħtieġa biss verifika unika għar-radjuattività naturali, għandha tkun meħtieġa verifika mill-ġdid tal-anqas fejn ikun hemm kwalunkwe tibdil fir-rigward tal-provvista li x'aktarx tinfluwenza l-konċentrazzjonijiet ta' radjunuklidi fl-ilma tax-xorb.

Fejn ġew applikati metodi għat-tneħħija tar-radjunuklidi mill-ilma tax-xorb sabiex jiġi żgurat li l-valur parametriku ma jinqabiżx, il-monitoraġġ għandu jitwettaq fil-frekwenza tal-awditjar.

Fejn jintużaw riżultati minn programmi ta' sorveljanza jew investigazzjonijiet oħra għajr dawk meħtieġa kif previst fl-ewwel paragrafu ta' dan il-punt biex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva, l-Istat Membru għandu jikkomunika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu lill-Kummissjoni, inkluż ir-riżultati rilevanti ta' dawn il-programmi ta' monitoraġġ jew investigazzjonijiet.

4. Il-frekwenza tal-awditjar tal-monitoraġġ għandha tkun skont kif inhi stipulata fit-tabella li ġejja:

TABELLAIl-frekwenza tal-awditjar tal-monitoraġġ għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ipprovdut minn netwerk ta' distribuzzjoni

Il-volum ta' ilma mqassam jew prodott kull ġurnata f'żona ta' provvista (Noti 1 u 2) m³ | L-għadd ta’ kampjuni fis-sena (Nota 3) |

≤ 100 | (Nota 4) |

> 100 ≤ 1 000 | 1 |

> 1 000 ≤ 10 000 | 1 + 1 għal kull 3 300 m³/d u parti mill-volum totali |

> 10 000 ≤ 100 000 | 3 + 1 għal kull 10 000 m³/d u parti mill-volum totali |

> 100 000 | 10 + 1 għal kull 25 000 m³/d u parti mill-volum totali |

Nota 1: Żona ta' provvista hija żona ġeografika ddefinita li hi fornuta minn sors wieħed jew aktar b'ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u li fiha l-kwalità tal-ilma tista' titqies li hi bejn wieħed u ieħor uniformi.

Nota 2: Il-volumi huma kkalkulati bħala medji tul sena kalendarja. Stat Membru jista' juża l-għadd ta' abitanti f'żona ta' provvista minflok il-volum ta' ilma biex jiddetermina l-frekwenza minima, filwaqt li wieħed jassumi konsum ta' ilma ta' 2 l/ġurnata/capita.

Nota 3: Sa fejn hu possibbli, l-għadd ta' kampjuni għandu jkollu distribuzzjoni ndaqs skont il-ħin u l-post.

Nota 4: Il-frekwenza għanda tkun deċiża mill-Istat Membru kkonċernat.

ANNESS IIIMetodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi

1. L-iskrinjar għall-konformità mad-doża indikattiva totali (TID)

L-Istati Membri jistgħu jużaw metodi ta' skrinjar għal attività grossa tat-tip alfa u attività grossa tat-tip beta biex jimmonitorjaw għall-valur tal-indikatur parametriku għat-TID, bl-esklużjoni tat-tritju, il-potassju–40, ir-radon u tal-prodotti li jirriżultaw mid-diżintegrazzjoni tar-radon.

Jekk l-attività grossa tat-tip alfa u dik grossa tat-tip beta jkunu inqas minn 0.1 Bq/l u 1.0 Bq/l rispettivament, l-Istat Membru jista' jassumi li t-TID hija inqas mill-valur tal-indikatur parametriku ta' 0.1 mSv/sena u ma jeħtieġx investigazzjoni radjoloġika sakemm ma jsirx magħruf minn sorsi oħra ta' informazzjoni li hemm il-preżenza ta' radjonuklidi speċifiċi fil-provvista tal-ilma u li jistgħu jikkawżaw TID li taqbeż 0.1 mSv/sena.

Jekk l-attività grossa tat-tip alfa taqbeż 0.1 Bq/l jew l-attività grossa tat-tip beta taqbeż 1.0 Bq/l, għandha tkun meħtieġa analiżi għar-radjonuklidi speċifiċi. Ir-radjonuklidi li jridu jitkejlu għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni kollha rilevanti dwar sorsi probabbli ta' radjuattività. Peress li l-livelli għolja tat-tritju jistgħu jindikaw il-preżenza ta' radjunuklidi artifiċjali oħra, fl-istess kampjun għandhom jitkejlu wkoll it-tritju, l-attività grossa tat-tip alfa u l-attività grossa tat-tip beta.

Bħala sostituzzjoni tal-iskrinjar għal attività grossa tat-tip alfa u attività grossa tat-tip beta diskussa hawn fuq, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li juża metodi affidabbli oħra ta' skrinjar għal radjonuklidi biex jindika l-preżenza ta' radjuattività fl-ilma tax-xorb. Jekk waħda mill-konċentrazzjonijiet ta' attività taqbeż l-20 % tal-konċentrazzjoni ta' referenza tagħha jew il-konċentrazzjoni tat-tritju taqbeż il-valur parametriku tagħha ta' 100 Bq/l, għandu jkun meħtieġ skrinjar tar-radjonuklidi addizzjonali. Ir-radjonuklidi li jridu jitkejlu għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sorsi probabbli ta' radjuattività.

2. Kalkolu tad-Doża Indikattiva Totali (TID)

It-TID hija d-doża effettiva impenjata għal sena waħda ta' inġestjoni li tirriżulta mir-radjonuklidi kollha li l-preżenza tagħhom fi provvista tal-ilma ġiet individwata, kemm f'oriġini naturali kif ukoll f'oriġini artifiċjali, bl-esklużjoni tat-tritju, il-potassju–40, ir-radon u tal-prodotti li jirriżultaw mid-diżintegrazzjoni tar-radon. It-TID għandha tiġi kkalkulata mill-konċentrazzjonijiet tar-radjonuklidi u l-koeffiċjenti tad-doża għall-adulti stipulati fl-Anness III, it-Tabella A tad-Direttiva 96/29/Euratom jew informazzjoni aktar riċenti rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru. Fejn il-formula li ġejja tiġi ssodisfata, l-Istati Membri jistgħu jassumu li t-TID hija inqas mill-valur tal-indikatur parametriku ta' 0.1 mSv/sena u mhijiex meħtieġa investigazzjoni ulterjuri:

[pic] (1)

fejn

C i (obs) = konċentrazzjoni osservata ta' radjonuklidi i

C i (ref) = konċentrazzjoni ta' referenza ta' radjonuklidi i

n = għadd ta' radjonuklidi individwati.

Fejn il-formula ma tiġix issodisfata, il-valur parametriku għandu jiġu kkunsidrat biss li nqabeż jekk ir-radjonuklidi preżenti b'mod persistenti f'konċentrazzjonijiet ta' attività simili għal sena sħiħa. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-limitu tal-ħtieġa ta' teħid mill-ġdid ta' kampjuni biex jiġi żgurat li l-valuri mkejla jkunu rappreżentattivi għal konċentrazzjoni ta' attività medja għal sena sħiħa.

Konċentrazzjonijiet ta' referenza għar-radjuattività fl-ilma tax-xorb1

Oriġini | Nuklidi | Konċentrazzjoni ta' referenza |

Naturali | U-2382 | 3.0 Bq/l |

U-2342 | 2.8 Bq/l |

Ra-226 | 0.5 Bq/l |

Ra-228 | 0.2 Bq/l |

Artifiċjali | C-14 | 240 Bq/l |

Sr-90 | 4.9 Bq/l |

Pu-239/Pu-240 | 0.6 Bq/l |

Am-241 | 0.7 Bq/l |

Co-60 | 40 Bq/l |

Cs-134 | 7.2 Bq/l |

Cs-137 | 11 Bq/l |

I-131 | 6.2 Bq/l |

1. Din it-tabella tinkludi l-aktar radjonuklidi naturali u artifiċjali komuni . Il-konċentrazzjonijiet ta' referenza għal radjonuklidi oħrajn jistgħu jiġu kkalkulati permezz tal-koeffiċjenti tad-doża għall-adulti stipulat fl-Anness III, it-Tabella A tad-Direttiva 96/29/Euratom jew informazzjoni aktar riċenti rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru, u billi wieħed jassumi dħul ta' 730 litru fis-sena.

2. Milligramma ta' uranju fiha 12.3 Bq ta' U-238 u 12.3 Bq ta' U-234 . Din it-tabella tqis biss il-proprjetajiet radjoloġiċi tal-uranju, mhux it-tossiċità kimika tiegħu.

3. Karatteristiċi ta' prestazzjoni u metodi ta' analiżi

Għall-parametri ta' radjuattività li ġejjin, il-karatteristiċi tal-prestazzjoni speċifikati huma li l-metodi ta' analiżi użati għandhom, bħala minimu, ikunu kapaċi jkejlu konċentrazzjonijiet ugwali għall-valur parametriku b'limitu ta' individwazzjoni speċifikat.

Parametri | Limitu ta' individwazzjoni (Nota 1) | Noti |

Tritju | 10 Bq/l | Noti 2, 3 |

Alfa grossa Beta grossa | 0.04 Bq/l 0.4 Bq/l | Noti 2, 4 Noti 2, 4 |

U-238 | 0.02 Bq/l | Noti 2, 6 |

U-234 | 0.02 Bq/l | Noti 2, 6 |

Ra-226 | 0.04 Bq/l | Nota 2 |

Ra-228 | 0.08 Bq/l | Noti 2, 5 |

C-14 | 20 Bq/l | Nota 2 |

Sr-90 | 0.4 Bq/l | Nota 2 |

Pu-239/Pu-240 | 0.04 Bq/l | Nota 2 |

Am-241 | 0.06 Bq/l | Nota 2 |

Co-60 | 0.5 Bq/l | Nota 2 |

Cs-134 | 0.5 Bq/l | Nota 2 |

Cs-137 | 0.5 Bq/l | Nota 2 |

I-131 | 0.5 Bq/l | Nota 2 |

Nota 1: il-limitu ta' individwazzjoni għandu jiġi kkalkulat skont l-ISO.11929-7, Determinazzjoni tal-limitu ta' individwazzjoni u l-valuri tal-limiti tad-deċiżjoni għall-kejl tar-radjazzjoni jonizzanti-Parti 7: Prinċipji Fundamentali u applikazzjonijiet ġenerali, bi probabbiltajiet ta' żbalji tal-ewwel (1) u t-tieni(2) tip ta' 0.05 kull wieħed

Nota 2: l-inċertezzi ta' kejl għandhom jiġu kkalkulati u rraportati bħala inċertezzi standard kompleti, jew bħala inċertezzi standard żviluppati b'fattur ta' espansjoni ta' 1.96, skont il-Gwida ISO għall-Espressjoni ta' Inċertezza fil-Kejl (ISO Guide for the Expression of Uncertainty in Measurement, ISO, Geneva 1993, pubblikazzjoni korretta Geneva, 1995)

Nota 3: il-limitu ta' individwazzjoni għat-tritju huwa ta' 10 % tal-valur parametriku tiegħu ta' 100 Bq/l

Nota 4: il-limitu ta' individwazzjoni għall-attivitajiet grossi tat-tip alfa u l-attivitajiet grossi tat-tip beta huwa ta' 40 % tal-valuri tal-iskrinjar ta' 0.1 u 1.0 Bql rispettivament

Nota 5: Dan il-Limitu ta' Individwazzjoni japplika biss għall-iskrinjar ta' rutina; għal sors tal-ilma ġdid li għalih ikun plawsibbli li l-Ra-228 jaqbeż l-20 % tal-konċentrazzjoni ta' referenza, il-limitu ta' individwazzjoni għall-ewwel verifika għandu jkun 0.02 Bq/l għall-kejl speċifiku tan-nuklidi Ra-228. Dan għandu japplika wkoll fejn tkun meħtieġa verifika mill-ġdid sussegwenti.

Nota 6: Il-valur baxx tal-limitu ta' individwazzjoni speċifikat għal U huwa tali minħabba li tqieset il-kimotossiċità tal-uranju.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 75/440/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilma tal-wiċċ illi huwa maħsub għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb fl-Istati Membri

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta' Lulju 1980 li tikkonċerna l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

[3] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1–73.

[4] ĠU C, , p.

[5] ĠU C, , p.

[6] ĠU C, , p.

[7] ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

[8] ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

[9] ĠU L 164, 26.6.2009, p. 45.

[10] ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

[11] ĠU L 344, 28.12.2001, p. 85.

Top