This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0326
Proposal for a DIRECTIVE OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the right of access to a lawyer in criminal proceedings and on the right to communicate upon arrest
Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest
Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest
/* KUMM/2011/0326 finali - 2011/0154 (COD) */
Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest /* KUMM/2011/0326 finali - 2011/0154 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Introduzzjoni 1. Din il-proposta għal
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li
tistabbilixxi standards minimi komuni dwar id-drittijiet ta’ persuni
ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni
Ewropea biex ikollhom aċċess għal avukat u sabiex, malli
jiġu arrestati, jikkomunikaw ma' terza persuna, bħal qarib, min
iħaddimhom jew awtorità konsolari. Il-proposta hija l-pass li jmiss
f’sensiela ta’ miżuri li jinsabu fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill
tat-30 ta' Novembru 2009 dwar Pjan Direzzjonali
għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni
ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li ġiet
annessa mal-Programm ta' Stokkolma, liema programm ġie approvat
mill-Kunsill Ewropew fl-10 u fil-11 ta' Diċembru 2010.
Il-Pjan Direzzjonali jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti fuq
bażi gradwali. Din il-proposta għandha għalhekk tiġi
kkunsidrata bħala parti minn pakkett komprensiv ta'
leġiżlazzjoni li għandu jiġi ppreżentat matul is-snin
li ġejjin u li se jipprovdi sett minimu ta' drittijiet proċedurali fi
proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea. Il-kwistjoni
tal-benefiċċju tal-għajnuna legali, li fil-Pjan Direzzjonali
ġiet indirizzata flimkien ma' dik tal-aċċess għal avukat,
ħaqqha proposta separata minħabba l-ispeċifiċità u
l-kumplessità tas-suġġett. 2. L-ewwel pass kien
id-Direttiva 2010/64/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet
għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni.[1] 3. It-tieni pass se jkun
Direttiva, li bħalissa qed tiġi nnegozjata fuq il-bażi ta'
proposta mill-Kummissjoni[2],
dwar id-dritt għall-informazzjoni, li se tistabbilixxi regoli minimi dwar
id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni dwar id-drittijiet
tiegħu u dwar l-akkużi kif ukoll dwar id-dritt ta' aċċess għall-proċess
tal-kawża. 4. Din il-proposta,
bħaż-żewġ miżuri ta' qabilha għandha l-iskop li
ttejjeb id-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew akkużati. Li jkun hemm
standards minimi komuni li jirregolaw dawn id-drittijiet għandu jżid
il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u b'hekk
jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent
reċiproku. Li jkun hemm ċertu livell ta' kompatibbiltà bejn
il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri huwa essenzjali biex titjieb
il-koperazzjoni ġudizzjarja fl-UE. 5. Il-proposta hija bbażata
fuq l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(TFUE). Dak l-Artikolu jistabbilixxi li "[f]ejn ikun meħtieġ
sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u
d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni
tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura
transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu
permezz ta' direttivi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli għandhom
jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali
tal-Istati Membri. Dawn
għandhom jikkonċernaw: (a) l-ammissibbiltà
reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri; (b) id-drittijiet
tal-individwi fil-proċedura kriminali; ċ) id-drittijiet ta'
vittmi tal-kriminalità; (d)[…]." 6. L-Artikolu 47 tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprovdi
għad-dritt għal proċess imparzjali. L-Artikolu 48
jiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża u għandu l-istess tifsira u
kamp ta' applikazzjoni bħad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6(3)
tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet
Fundamentali (KEDB)[3].
L-Artikolu 6(3)(b) tal-KEDB jistipula li kull min jiġi mixli b'reat
kriminali għandu d-dritt li "jkollu żmien u faċilitajiet
xierqa għat-tħejjija tad-difiża tiegħu" filwaqt li
l-Artikolu 6(3)(c) jinkorpora d-dritt li "wieħed jiddefendi
ruħu huwa stess jew permezz ta' għajnuna legali magħżula
minnu". L-Artikolu 14(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet
Ċivili u Politiċi (ICCPR)[4] fih
dispożizzjonijiet simili ħafna. Kemm id-dritt ta' aċċess
għal avukat u d-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza
persuna jipprovdu salvagwardji formali kontra t-trattament ħażin u
għalhekk huma jservu ta' protezzjoni kontra ksur potenzjali
tal-Artikolu 3 tal-KEDB (il-projbizzjoni kontra t-trattament
ħażin). Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza
persuna jippromwovi d-dritt għal rispett tal-ħajja privata u
tal-familja li jinsab fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Konvenzjoni ta' Vjenna
tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari (il-VCCR)[5] tipprovdi li ċittadin barrani,
mal-arrest jew mad-detenzjoni tiegħu, għandu d-dritt li jitlob biex
il-konsolat tiegħu jiġi infurmat bid-detenzjoni u biex jirċievi
żjajjar mill-uffiċjali konsolari. 7. Il-Kummissjoni għamlet
valutazzjoni tal-impatt bħala bażi għal din il-proposta.
Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt huwa disponibbli fuq
http://ec.europa.eu/governance.... 2. Sfond 8. L-Artikolu 6(3)
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li d-drittijiet fundamentali,
kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet
kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji
ġenerali tad-dritt tal-UE. L-Artikolu 6(1) tat-TUE jipprovdi li
l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji
stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
tas-7 ta' Diċembru 2000, kif adattata fi Strasburgu, fit-12 ta' Diċembru 2007[6], li għandu jkollha l-istess valur
legali bħat-TFUE u t-TUE. Il-Karta hija indirizzata lill-istituzzjonijiet
tal-UE u lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, bħal
fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fl-Unjoni
Ewropea. 9. Fl-2004 il-Kummissjoni
ressqet proposta komprensiva[7]
għal leġiżlazzjoni li tkopri l-aktar drittijiet importanti
tal-imputati fi proċedimenti kriminali. Din il-proposta ma ġietx
adottata mill-Kunsill. 10. Fit-30 ta' Novembru
2009, il-Kunsill dwar il-Ġustizzja adotta Pjan Direzzjonali
għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni
ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali[8] li jsejjaħ għall-adozzjoni ta'
miżuri li jkopru l-iktar drittijiet proċedurali bażiċi,
ibbażat fuq approċċ "gradwali" u li jistieden
lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għal dan il-għan.
Il-Kunsill għaraf li, sa issa, għadu ma sarx biżżejjed
fil-livell Ewropew biex id-drittijiet fundamentali ta' individwi fi
proċedimenti kriminali jiġu ssalvagwardjati. Il-benefiċċju
sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE se jinħass biss ladarba
l-miżuri kollha jiġu trasposti f'leġiżlazzjoni. It-tielet u
r-raba' miżura fil-Pjan Direzzjonali jirrigwardaw id-dritt ta'
aċċess għal avukat u d-dritt li jkun hemm komunikazzjoni ma'
terza persuna, bħal qarib, min iħaddem jew xi awtorità konsolari. 11. Il-Programm ta' Stokkolma, li
ġie adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 u
l-11 ta' Diċembru 2009[9],
reġa' afferma l-importanza tad-drittijiet tal-individwu fi
proċedimenti kriminali bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u
bħala komponent essenzjali tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati
Membri u l-fiduċja pubblika fl-UE. Il-protezzjoni tad-drittijiet
fundamentali tal-individwi għandha wkoll twarrab l-ostakoli
għall-moviment ħieles. Il-Programm ta' Stokkolma jsemmi l-Pjan
Direzzjonali bħala parti integrali mill-programm multiannwali u jappella
lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-implimentazzjoni rapida
tiegħu. 3. Id-dritt ta' aċċess għal
avukat kif stabbilit mill-karta u mill-KEDB 12. L-Artikolu 6 tal-Karta –
Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà – jistipula li: "Kull persuna għandha d-dritt
għal-libertà u għas-sigurtà." L-Artikolu 47 tal-Karta – Id-dritt għal
rimedju effettiv u għal proċess imparzjali – jipprovdi li: "(…) Kull persuna għandha d-dritt għal
smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti
indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna
għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u
tkun irrappreżentata (…)." L-Artikolu 48 tal-Karta – Il-preżunzjoni ta'
innoċenza u d-dritt għad-difiża – jistipula li: ‘2. Għandu
jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull
imputat." Fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha,
il-Karta tiggarantixxi u tirrifletti d-drittijiet li jikkorrispondu għal
dawk li jinsabu fil-KEDB. L-Artikolu 6 – Dritt għal proċess
imparzjali – jistipula li: "(3) Kull min ikun
akkużat b'reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin: (b) li jkollu żmien
u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu (c) li jiddefendi
ruħu huwa stess jew permezz ta' assistenza legali magħżula
minnu[…]" 13. Diversi
deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet
tal-Bniedem (QEDB) iċċaraw il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn
id-dispożizzjonijiet. Il-Qorti ddeċidiet ripetutament li
l-Artikolu 6 għandu japplika għall-istadju ta' qabel
il-proċess tal-proċedimenti kriminali[10] u li l-persuna ssuspettata trid tiġi
offruta l-assistenza ta' avukat fl-istadji inizjali tal-interrogazzjoni
mill-pulizija[11] u,
malli tiġi miċħuda mil-libertà tagħha, irrispettivament
minn kwalunkwe interrogazzjoni[12].
Il-Qorti ddeċidiet ukoll li dawn il-garanziji għandhom japplikaw
għax-xhieda meta dawn, fir-realtà, ikunu ssuspettati li wettqu reat
kriminali, minħabba li l-kwalifika formali tal-persuna hija immaterjali[13]. Fil-każ ta' Panovits[14], il-QEDB ddeċidiet li kien
hemm ksur tal-Artikolu 6 meta d-dikjarazzjonijiet li saru mill-persuna
ssuspettata fin-nuqqas tal-avukat tagħha ntużaw biex din tinstab
ħatja, minkejja li dawn ma kinux l-uniċi provi disponibbli. Il-Qorti
sabet li n-nuqqas ta' assistenza legali matul l-interrogazzjoni ta' rikorrent
jikkostitwixxi restrizzjoni tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, sakemm
ma jkunx hemm raġunijiet b'saħħithom ħafna li ma jkunux ta'
ħsara għall-ġustizzja globali tal-proċedimenti[15]. Matul l-aħħar snin, in-numru ta'
lmenti dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat kien qed jikber
gradwalment. Mingħajr l-implimentazzjoni xierqa tal-ġurisprudenza
tal-QEDB, l-Istati Membri x'aktarx iġarrbu spejjeż sostanzjali
bħala riżultat ta' danni likwidati mogħtija mill-Qorti lil
rikorrenti li jirbħu l-kawżi tagħhom[16]. 14. Skont il-mandat stabbilit
fil-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali, din id-Direttiva
tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi fil-livell tal-UE li jirregolaw id-dritt
ta' persuni ssuspettati jew akkużati li jkollhom aċċess
għal avukat. Hija għalhekk tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali u, b'mod partikolari, l-Artikoli 6, 47
u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikolu 6 tal-KEDB kif
interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. 4. Id-dritt li mal-arrest ikun hemm
komunikazzjoni ma' terza persuna 15. Persuna ssuspettata jew
akkużata li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha
għandu jkollha d-dritt li, mal-arrest, tikkomunika ma' minn tal-anqas persuna
waħda nnominata minnha, bħal qarib tagħha jew min
iħaddimha. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li
r-rappreżentanti legali ta' tfal li jkunu ssuspettati jew akkużati
b'reat kriminali jiġu infurmati mill-aktar fis possibbli meta
dawnjinżammu f'kustodja u bir-raġunijiet li għalihom ikunu
ttieħdu f'kustodja, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-interessi
tat-tifel/tifla inkwistjoni. Dan id-dritt għandu biss ikun
suġġett għal deroga f'ċirkustanzi limitati ħafna. 16. Meta l-persuna detenuta ma
tkunx ċittadina, ikun xieraq li l-awtoritajiet konsolari tal-Istat ta' dik
il-persuna jiġu mgħarrfa. Is-suspettati u l-imputati barranin huma
grupp vulnerabbli li huwa identifikabbli faċilment, li xi drabi jkun
jeħtieġ protezzjoni addizzjonali bħal dik offruta mill-Konvenzjoni
ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari (il-VCCR), li tipprevedi
li, meta jiġi arrestat jew detenut, ċittadin barrani għandu
d-dritt li jitlob biex il-konsolat tiegħu jiġi infurmat
bid-detenzjoni u biex jirċievi żjajjar mill-uffiċjali konsolari.
5 Dispożizzjonijiet
speċifiċi Artikolu 1 — Għan 17. L-għan tad-Direttiva huwa
li tistabbilixxi r-regoli dwar id-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew
akkużati u l-persuni suġġetti għal Mandat ta' Arrest
Ewropew biex ikollhom aċċess għal avukat fi proċedimenti
kriminali kontrihom, u r-regoli dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati jew
akkużati li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom li,
mal-arrest, jikkomunikaw ma' terza persuna. Artikolu 2 — Kamp ta' applikazzjoni 18. Id-Direttiva tapplika minn meta
persuna tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru,
permezz ta' notifika uffiċjali jew mod ieħor, li hija tinsab
taħt suspett jew akkużata li kkommettiet reat kriminali sa tmiem
l-proċedimenti (inkluż kwalunkwe appell). 19. Il-proċedimenti
tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (EAW)[17]
huma espliċitament koperti. Id-Direttiva tiddikjara li l-garanziji
proċedurali li jinsabu fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u
fl-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB japplikaw għal proċeduri ta'
konsenja bbażati fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew. Artikolu 3 – Id-dritt ta’
aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali 20. Dan l-Artikolu jistabbilixxi
l-prinċipju ġenerali li kull persuna ssuspettata jew akkużata fi
proċedimenti kriminali għandu jkollha aċċess għal
avukat mill-aktar fis possibbli, fi żmien u b'tali mod li jippermettilha
teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.
L-aċċess għal avukat irid jingħata l-aktar tard
maċ-ċaħda tal-libertà, mill-aktar fis possibbli fid-dawl
taċ-ċirkustanzi ta' kull każ. Irrispettivament minn kwalunkwe
ċaħda tal-libertà, l-aċċess għal avukat irid
jingħata malli jkun hemm l-interrogazzjoni. Irid jingħata wkoll meta
jkun hemm xi att proċedurali jew ta' ġbir ta' provi li jkun
jirrikjedi jew li matulu tkun permessa l-preżenza tal-persuna ssuspettata
jew akkużata, ħlief meta l-provi li jkunu jridu jinġabru
jistgħu jinbidlu, jitneħħew jew jiġu distrutti
minħabba ż-żmien li jkun meħtieġ sakemm jasal
l-avukat. Dan jirrifletti l-ġurisprudenza tal-QEDB li diġà
stabbilixxiet li persuna ssuspettata għandha tiġi offruta
l-assistenza ta' avukat "sa mill-istadji inizjali tal-interrogazzjoni
mill-pulizija" u malli tiġi miċħuda mil-libertà
tagħha, irrispettivament minn kwalunkwe interrogazzjoni. Artikolu 4
– Kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat 21. Dan l-Artikolu jistabbilixxi
dawk l-attivitajiet li l-avukat li jirrappreżenta lill-persuna
akkużata jew ssuspettata jrid ikollu dritt li jwettaq biex jiżgura
l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, inklużi
laqgħat mal-persuna ssuspettata jew akkużata ta' tul u frekwenza
adegwati biex jiġi żgurat li d-drittijiet tad-difiża jiġu
eżerċitati b'mod effettiv; id-dritt li jattendi kull interrogazzjoni
jew smigħ; suġġett għall-eċċezzjoni msemmija hawn
fuq fejn id-dewmien jista' jkollu effett fuq id-disponibbiltà tal-provi,
id-dritt li jattendi għal kull att ta' investigazzjoni jew ta' ġbir
ta' provi li għalih il-liġi nazzjonali applikabbli tkun tirrikjedi
jew tkun tippermetti espressament il-preżenza tal-persuna ssuspettata jew
akkużata; id-dritt ta' aċċess għall-post ta' detenzjoni
biex jivverifika l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni. Id-dispożizzjonijiet
ta' dan l-Artikolu jirriflettu diversi sentenzi ripetuti tal-QEDB li
jenfasizzaw li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jrid ikun
effettiv u li jidentifikaw dawk l-attivitajiet[18]
li avukat li jkun qed jirrappreżenta persuna ssuspettata jew akkużata
jrid ikun permess li jwettaq. Artikolu 5
– Id-dritt li, mal-arrest, ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna 22. Dan l-Artikolu jipprovdi
għad-dritt ta' persuni li jiġu miċħuda mil-libertà
tagħhom fi proċedimenti kriminali biex jikkomunikaw mill-aktar fis
possibbli wara l-arrest ma' persuna waħda nnominata minnhom, li x'aktarx
ikun xi qarib tagħhom jew min iħaddimhom, sabiex jinfurmawha dwar
id-detenzjoni. Ir-rappreżentanti legali ta' tfal miċħuda
mil-libertà tagħhom għandhom jiġu mgħarrfa mill-aktar fis
possibbli bil-kustodja tat-tifel/tifla inkwistjoni u bir-raġuni
għaliha, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-aħjar interessi tiegħu/tagħha.
Meta ma jkunx possibbli li jkun hemm komunikazzjoni mal-persuna
magħżula mill-persuna detenuta jew li din tiġi nnotifikata
minkejja li jsiru l-aħjar sforzi biex dan isir (pereżempju jekk
il-persuna magħżula ma tweġibx it-telefown), il-persuna detenuta
għandha tiġi mgħarrfa bil-fatt li n-notifika ma tkunx
seħħet. Hija l-liġi nazzjonali li għandha tirregola
kwalunkwe konsegwenzi għal dan. Jista' biss ikun hemm deroga minn dan
id-dritt fiċ-ċirkustanzi limitati li jinsabu fl-Artikolu 8.
Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jirriflettu l-appell li sar
mill-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm ġustizzja aktar adattata
għat-tfal fl-Ewropa[19],
l-identifikazzjoni ripetuta mill-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura
tad-dritt tan-notifika tal-kustodja bħala salvagwardja importanti kontra
t-trattament ħażin u d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida
tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja adattata
għat-tfal[20]. Artikolu 6 – Id-dritt ta’
komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi 23. Dan l-Artikolu jikkonferma
d-dritt ta' komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsolari. L-Istati Membri
għandhom id-dmir li jiżguraw li d-detenuti barranin kollha jkollhom
id-dritt li l-awtoritajiet konsolari tal-Istat tan-nazzjonalità tagħhom
jiġu mgħarrfa bid-detenzjoni jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan. Jista'
biss ikun hemm deroga minn dan id-dritt fiċ-ċirkustanzi limitati li
jinsabu fl-Artikolu 8. Artikolu 7
— Kunfidenzjalità 24. Id-drittijiet tad-difiża
huma mħarsin bl-obbligu li jiġi żgurat li kull komunikazzjoni,
irrispettivament mill-forma tagħha, bejn il-persuna ssuspettata jew
akkużata u l-avukat tagħha, tkun totalment kunfidenzjali,
mingħajr ebda possibbiltà għal deroga. Il-QEDB identifikat
il-prinċipju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni
skambjata bejn l-avukat u l-klijent bħala wieħed mill-fatturi ewlenin
għar-rappreżentazzjoni effettiva minn avukat tal-interessi
tal-klijent. Hija ddeċidiet li l-komunikazzjoni kunfidenzjali mal-avukat
hija mħarsa mill-KEDB bħala salvagwardja importanti mid-dritt għal
difiża[21]. Artikolu 8 – Derogi 25. L-importanza ewlenija
tad-drittijiet li jinsabu f'din id-Direttiva tissuġġerixxi li
d-derogi għall-Istati Membri fil-prinċipju ma għandhomx ikunu
possibbli. Madankollu, hemm possibbiltà limitata għal derogi mill-Artikolu 3,
l-Artikolu 4(1) sa (3), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6, ammessa
mill-ġurisprudenza tal-QEDB għal dak li jirrigwarda l-istadji
inizjali tal-proċedimenti kriminali. Il-QEDB stabbilixxiet li, filwaqt li
d-dritt ta' persuna mixlija b'reat kriminali għal difiża effettiva
minn avukat mhuwiex wieħed assolut, kull eċċezzjoni
għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt għandha tkun limitata
b'mod ċar u għandha tkun limitata strettament fiż-żmien[22] u ma għandhiex, fid-dawl tat-totalità
tal-proċedimenti, tiċħad lill-akkużat minn smigħ
ġust[23].
Din id-dispożizzjoni hija ispirata minn din il-ġurisprudenza billi
tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mid-dritt ta' aċċess
għal avukat f'ċirkustanzi eċċezzjonali biss,
suġġetti għan-neċessità u għal salvagwardji
proċedurali. Kull deroga trid tkun iġġustifikata minn
raġunijiet ta' importanza ewlenija li jikkonċernaw
il-ħtieġa urġenti biex jiġi evitat periklu
għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta' persuna
waħda jew ta' diversi persuni. Barra minn dan, kull deroga trid
tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, li jfisser li l-awtorità
kompetenti għandha dejjem tagħżel l-alternattiva li
tirrestrinġi l-anqas id-dritt ta' aċċess għal avukat u li
għandha tillimita ż-żmien tar-restrizzjoni kemm jista' jkun.
Skont il-ġurisprudenza tal-QEDB, l-ebda deroga ma tista' tkun
ibbażata esklussivament fuq it-tip jew il-gravità tar-reat u kull
deċiżjoni biex ikun hemm deroga teħtieġ valutazzjoni
individwali mill-awtorità kompetenti. F'kull każ, l-ebda deroga ma jista'
jkollha l-effett li tippreġudika l-ġustizzja tal-proċedimenti u
d-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-persuna fin-nuqqas ta' avukat ma jistgħu
qatt jintużaw bħala provi kontriha. Fl-aħħarnett, din
id-dispożizzjoni teħtieġ li d-derogi jiġu biss awtorizzati
minn deċiżjoni motivata ta' awtorità ġudizzjarja, li jfisser li
d-deċiżjoni ma tistax tittieħed mill-pulizija jew minn
awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħra li ma jitqisux bħala
awtoritajiet ġudizzjarji mil-liġi nazzjonali jew mill-KEDB. L-istess
prinċipju u limitazzjonijiet japplikaw għal derogi mid-dritt li,
mal-arrest, ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna. Artikolu 9
— Rinunzja 26. Il-QEDB iddeċidiet li
biex rinunzja jkollha effett għall-finijiet tal-KEDB, din għandha
tkun volontarja, tkun tista' tiġi stabbilita b'mod inekwivoku u trid tkun
sostnuta minn salvagwardji minimi li jikkorrispondu mal-importanza tagħha[24]. Din il-ġurisprudenza hija riflessa
fl-Artikolu 9, li jipprevedi li rinunzja (li għandu jinżamm
rekord kemm tal-fatt kif ukoll taċ-ċirkustanzi li tkun saret fihom)
għandha tkun volontarja u inekwivoka u li min jagħmilha jrid ikollu
għarfien sħiħ dwar il-konsegwenzi tagħha, permezz ta' parir
legali dwar tali konsegwenzi jew b'xi mod ieħor. Il-persuna trid ukoll
tkun kapaċi tifhem il-konsegwenzi tagħha. Artikolu 10 – Persuni għajr persuni
ssuspettati jew akkużati 27. Dan l-Artikolu jipprovdi
protezzjoni u rimedji għal persuni, bħal xhieda, li, waqt li jkunu
qed isirulhom mistoqsijiet jew matul smigħ, isiru persuni suspettati jew
akkużati. Dan jibni fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-QEDB li
l-garanzija għal proċess ġust, inkluż l-aċċess
għal avukat, trid tapplika għal xhieda, meta dawn, fir-realtà, jkunu
suspettati li wettqu reat kriminali, peress li l-kwalifika formali tal-persuna
hija immaterjali[25]. Artikolu 11
- Id-dritt għal avukat fi proċedimenti dwar il-Mandat ta' Arrest
Ewropew 28. Dan l-Artikolu jirrifletti
l-mandat fl-Artikolu 82(2) tat-Trattat biex jiġu adottati direttivi
dwar regoli minimi li jqisu "fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi
faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet
ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja
f'materji kriminali ta' natura transkonfinali." It-titjib tas-sistema
tal-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa prinċipju ċentrali tat-tielet
rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru
tal-Kunsill dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew [26].
Dan l-Artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni
Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI[27]
dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew, li jiddikjara li persuna arrestata
għall-iskop tal-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew għandu
jkollha d-dritt li tkun assistita minn avukat skont il-liġi nazzjonali
tal-Istat Membru li jeżegwixxih. Din id-dispożizzjoni mhuwiex se
jkollha l-effett li tipperikola r-rikonoxximent reċiproku; f'dan l-istadju
l-avukat fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat ma jindirizzax
il-mertu tal-każ peress li r-rwol tiegħu jkun limitat għall-fatt
li jippermetti lill-persuna li tkun suġġetta għal mandat
teżerċita d-drittijiet tagħha skont id-Deċiżjoni
Kwadru. Għal dan l-iskop, il-funzjoni tal-avukat fl-Istat Membru li
joħroġ il-mandat tkun li jipprovdi assistenza u informazzjoni
lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwih. Il-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka li
hija essenzjali għar-rikonoxximent reċiproku tista' tinkiseb billi
jiġi previst li l-arrest ta' persuna fuq il-bażi ta' Mandat ta'
Arrest Ewropew jiġi mgħarraf lill-Istat li joħroġ il-mandat
u li l-interessi ta' din il-persuna jiġu rrappreżentati minn avukat
fl-Istat li joħroġ il-mandat sabiex tkun tista' teżerċita
d-drittijiet tagħha fl-Istat li jeżegwih bl-aktar mod effettiv, skont
id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI. Assistenza
bħal din tista' tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv
tad-drittijiet tal-persuni skont id-Deċiżjoni Kwadru fl-Istat Membru
li jeżegwixxi l-mandat, b'mod partikolari permezz tal-possibbiltà li
tiġi invokata raġuni biex il-Mandat ta' Arrest Ewropew ma jiġix
eżegwit, skont l-Artikoli 3 u 4, ngħidu aħna:
l-assistenza ta' avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat tista'
tkun importanti biex tintuża evidenza ta' sentenza preċedenti, li
twassal għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "ne bis in
idem" li jinsab fl-Artikolu 3(2). Il-proċedimenti
għall-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew ma jiddewmux
għaliex dan l-Artikolu huwa bla ħsara għall-iskadenzi stabbiliti
fid-Deċiżjoni Kwadru. Għall-kuntrarju, l-involviment ta' avukat
fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat jirriżulta f'kunsens
imħaffef minħabba li l-persuna li tkun suġġetta għal
mandat tirċievi informazzjoni aktar kompleta dwar il-proċedura f'dan
l-Istat Membru u dwar il-konsegwenzi tal-kunsens tagħha. Artikolu 12
– Benefiċċju tal-għajnuna legali 29. It-tielet paragrafu
tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li: "Għandha tingħata għajnuna
legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet
fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat
aċċess effettiv għall-ġustizzja." L-Artikolu 6(3) tal-KEDB jipprevedi li kull
min jiġi mixli b'reat kriminali huwa intitolat
għall-benefiċċju tal-għajnuna legali bla ħlas "jekk
ma jkollux mezzi suffiċjenti biex iħallas [għaliha], […] meta
dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ġustizzja". Għalkemm din id-Direttiva ma tippruvax
tirregola l-kwistjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna legali, hija
tinkludi dispożizzjoni li teħtieġ li l-Istati Membri jkomplu
japplikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom tal-benefiċċju
tal-għajnuna legali. Dawn is-sistemi nazzjonali tal-benefiċċju
tal-għajnuna legali jridu jkunu jikkonformaw mal-Karta u mal-KEDB. Barra
minn dan, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw kundizzjonijiet anqas
favorevoli għall-benefiċċju tal-għajnuna legali li jkopri
sitwazzjonijiet meta l-aċċess għal avukat jingħata skont
din id-Direttiva, meta mqabbla ma' sitwazzjonijiet meta l-aċċess
għal avukat ikun diġà disponibbli skont il-liġi nazzjonali. Artikolu 13
— Rimedji fil-każ ta' ksur tad-dritt ta' aċċess għal avukat 30. Dan l-Artikolu jirrifletti
l-ġurisprudenza tal-QEDB li l-aktar forma xierqa ta' rimedju għal
ksur tad-dritt għal proċess ġust skont il-KEDB hija li jiġi
żgurat li l-persuna ssuspettata jew akkużata titqiegħed, sa fejn
dan ikun possibbli, fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha kieku ma kinux
inkisru d-drittijiet tagħha[28].
Il-QEDB iddeċidiet li, anki meta jkun hemm raġunijiet
b'saħħithom li jistgħu, f'każ eċċezzjonali,
jiġġustifikaw li jinċaħad l-aċċess għal
avukat, restrizzjoni bħal din – tkun xi tkun il-ġustifikazzjoni
għaliha – ma għandhiex tkun ta' ħsara indebita
għad-drittijiet tal-persuna akkużata skont l-Artikolu 6 tal-KEDB
u tali drittijiet jiġu, fil-prinċipju, irrimedjabbilment
ippreġudikati meta dikjarazzjonijiet inkriminanti li jsiru matul
l-interrogazzjoni mill-pulizija mingħajr aċċess għal
avukat, jintużaw biex persuna tinsab ħatja[29]. Għaldaqstant dan l-Artikolu
jipprojbixxi, fil-prinċipju, l-użu ta' provi miksuba meta jkun
inċaħad l-aċċess għal avukat, ħlief f'dawk
iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali meta l-użu ta' tali provi
ma jkunx ta' ħsara għad-drittijiet tad-difiża. Artikolu 14
– Klawżola ta' Nonregressjoni 31. L-għan ta' dan l-Artikolu
huwa li jiżgura li l-iffissar ta' standards minimi komuni skont din
id-Direttiva ma jkollux l-effett li jbaxxi l-istandards f'ċerti Stati
Membri u li l-istandards iffissati fil-Karta u fil-KEDB jinżammu. Peress
li din id-Direttiva tipprevedi regoli minimi, skont l-Artikolu 82
tat-TFUE, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiffissaw standards
ogħla minn dawk maqbula f'din id-Direttiva. Artikolu 15
— Traspożizzjoni 32. Dan l-Artikolu
jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva sa xx/xx/ 20xx u
li, sal-istess data, jibagħtu lill-Kummissjoni t-test
tad-dispożizzjonjiet li jittrasponuha fil-liġi nazzjonali. Artikolu 16
– Dħul fis-seħħ 33. Dan l-Artikolu jipprevedi li
d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum
wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 6. Il-Prinċipju tas-Sussidjarjetà 34. L-għan tal-proposta ma
jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, peress
li għad hemm differenzi sinifikanti fil-mod preċiż u
ż-żmien li fih jingħata d-dritt ta' aċċess għal avukat
fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea. Minħabba li
l-għan tal-proposta huwa li tippromwovi l-fiduċja reċiproka,
hija biss l-azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea li tippermetti li jiġu
stabbiliti standards minimi komuni li japplikaw fl-Unjoni Ewropea kollha.
Il-proposta se tapprossimizza r-regoli proċedurali tal-Istati Membri dwar
iż-żmien u l-mod tal-aċċess għal avukat
għall-persuni ssuspettati u akkużati u għal persuni
suġġetti għal Mandat ta' Arrest Ewropew, bl-għan li
tiżdied il-fiduċja reċiproka. Għalhekk, il-proposta
tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. 7. Il-Prinċipju tal-Proporzjonalità 35. Il-proposta tirrispetta
l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tillimita ruħha
għall-minimu rikjest biex jinkiseb l-għan ddikjarat fil-livell
Ewropew u billi ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal
dak l-iskop. 2011/0154 (COD) Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT
EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-dritt ta' aċċess għal
avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 82(2)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[30] Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[31], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) L-Artikolu 47 tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem
imsejħa "il-Karta"), l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea
dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali
(minn hawn 'il quddiem "il-KEDB") u l-Artikolu 14 tal-Patt
Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (minn hawn 'il
quddiem "l-ICCPR") jinkorporaw id-dritt għal proċess
ġust. L-Artikolu 48 tal-Karta jiggarantixxi r-rispett
għad-drittijiet tad-difiża. (2) Il-prinċipju
tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet
ġudizzjarji huwa fil-bażi tal-koperazzjoni ġudizzjarji fi
kwistjonijiet kriminali fl-Unjoni; (3) Ir-rikonoxximent
reċiproku jista' jiffunzjona b'mod effettiv biss jekk ikun hemm
fiduċja reċiproka, li teħtieġ regoli dettaljati dwar
il-protezzjoni tad-drittijiet u l-garanziji proċedurali li
jirriżultaw mill-Karta, mill-KEDB u mill-ICCPR. Ir-regoli minimi komuni
għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi
tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha li, min-naħa tagħha,
għandha twassal għal koperazzjoni ġudizzjarja aktar
effiċjenti fi klima ta' fiduċja reċiproka u
għall-promozzjoni ta' kultura ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni.
Għandhom ukoll ineħħu l-ostakoli għall-moviment ħieles
taċ-ċittadini. Dawn ir-regoli minimi komuni għandhom japplikaw
għad-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt ta'
komunikazzjoni mal-arrest; (4) Minkejja li l-Istati Membri
kollha huma partijiet fil-KEDB u fl-ICCPR, l-esperjenza uriet li dan waħdu
mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta' fiduċja fis-sistemi
tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra; (5) Fit-30 ta' Novembru 2009,
il-Kunsill adotta l-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet
proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti
kriminali ("il-Pjan Direzzjonali")[32].
Fil-Programm ta' Stokkolma, li ġie adottat
fil-11 ta' Diċembru 2009[33],
il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u inkludih bħala parti
mill-Programm ta' Stokkolma (punt 2.4.). Permezz ta' approċċ
gradwali, il-Pjan Direzzjonali jsejjaħ għall-adozzjoni ta'
miżuri rigward id-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni[34], id-dritt għal informazzjoni dwar
id-drittijiet u informazzjoni dwar l-akkużi[35], id-dritt għal parir legali u
għal għajnuna legali, id-dritt għal komunikazzjoni mal-qraba,
ma' min iħaddem u mal-awtoritajiet konsolari, u għal salvagwardji
speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu
vulnerabbli. Il-Pjan Direzzjonali jenfasizza li l-ordni tad-drittijiet
huwa indikattiv biss u għaldaqstant jimplika li jista' jinbidel skont
il-prijoritajiet. Huwa mfassal sabiex jopera fl-intier tiegħu; huwa biss
meta l-partijiet komponenti kollha tiegħu jiġu implimentati li
għandhom jinħassu l-benefiċċji tiegħu kollha kemm
huma; (6) Din id-Direttiva
tistabbilixxi r-regoli minimi dwar id-dritt ta' aċċess għal
avukat u d-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna fi
proċedimenti kriminali, bl-esklużjoni ta' proċedimenti
amministrattivi li jwasslu għal sanzjonijiet, bħal proċedimenti
tal-kompetizzjoni jew tat-taxxa, u fi proċedimenti
għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew. B'dan hija
tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, b'mod partikolari
tal-Artikoli 4, 6, 7, 47 u 48 tagħha, billi tibni
fuq l-Artikoli 3, 5, 6 u 8 tal-KEDB, kif interpretati
mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; (7) Id-dritt ta' aċċess
għal avukat jinsab fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 14(2)
tal-ICCPR. Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna
huwa wieħed mis-salvagwardji importanti kontra t-trattament
ħażin ipprojbit mill-Artikolu 3 tal-KEDB u d-dritt li jiġi
mgħarraf il-konsolat dwar id-detenzjoni jibni fuq il-bażi
tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari. Din
id-Direttiva għandha tiffaċilita l-applikazzjoni prattika ta' dawk
id-drittijiet, bl-iskop li tissalvagwardja d-dritt għal proċedimenti
ġusti; (8) Il-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem konsistentement iddeċidiet li l-persuna
ssuspettata jew akkużata għandu jkollha aċċess għal
avukat fl-istadji inizjali ta' interrogazzjoni mill-pulizija u, f'kull
każ, mill-bidu tad-detenzjoni, biex jitħares id-dritt tagħha
għal proċess ġust u, b'mod partikolari, id-dritt li ma
tinkriminax ruħha, u biex jiġi evitat trattament ħażin; (9) Għandu jingħata
dritt ieħor simili li huwa d-dritt għall-preżenza ta' avukat
kull darba li l-liġi nazzjonali tippermetti jew teħtieġ
espressament il-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata waqt xi
pass proċedurali jew matul il-ġbir ta' provi, bħal fil-każ
ta' tfittxija; fil-fatt, f'dawn il-każijiet il-preżenza tal-avukat
tista' ssaħħaħ id-drittijiet tad-difiża mingħajr ma
jkollha effett fuq il-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenzjalità ta'
xi atti investigattivi, minħabba li l-preżenza tal-persuna teskludi
n-natura kunfidenzjali tal-atti kkonċernati; dan id-dritt għandu jkun
mingħajr ħsara għall-ħtieġa li jinġabru provi li,
min-natura tagħhom, x'aktarx jinbidlu, jitneħħew jew jiġu
distrutti jekk l-awtorità kompetenti jkollha tistenna sakemm jasal l-avukat; (10) Biex ikun effettiv,
l-aċċess għal avukat għandu jinvolvi l-possibbiltà li
l-avukat iwettaq firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jagħmlu parti
mill-konsulenza legali, kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet
tal-Bniedem. Dan għandu jinkludi l-parteċipazzjoni attiva fi
kwalunkwe interrogazzjoni jew smigħ, laqgħat mal-klijent biex
jiġi diskuss il-każ u titħejja d-difiża, it-tfittxija
għal provi li jiskolpaw, is-sostenn lil klijent inkwetat u l-kontroll
tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni; (11) It-tul u l-frekwenza
tal-laqgħat bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat
tagħha jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi ta' kull proċediment,
b'mod partikolari, fuq il-kumplessità tal-każ u l-passi proċedurali
li jkunu applikabbli. Għalhekk ma għandhomx ikunu limitati b'mod
ġenerali għaliex dan jista' jkun ta' ħsara għall-eżerċizzju
effettiv tad-drittijiet tad-difiża; (12) Il-persuni ssuspettati jew
akkużati li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom
għandu jkollhom id-dritt li mal-arrest jikkomunikaw minnufih ma' persuna
magħżula minnhom, bħal membru tal-familja jew min iħaddimhom,
sabiex jinfurmawha bid-detenzjoni. (13) Il-persuni ssuspettati jew
akkużati li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom
għandu wkoll ikollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-awtoritajiet konsolari
jew diplomatiċi relevanti. Id-dritt għal assistenza konsolari jinsab
fl-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet
Konsolari, fejn huwa dritt mogħti lill-Istati biex ikollhom
aċċess għaċ-ċittadini tagħhom. Din id-Direttiva
tagħti dan id-dritt lill-persuna detenuta, jekk hija tkun tixtieq; (14) Minħabba li
l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-persuna ssuspettata jew
akkużata u l-avukat tagħha hija ta' importanza ewlenija
għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża,
għandu jkun meħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw u jipproteġu
l-kunfidenzjalità tal-laqgħat bejn l-avukat u l-klijent u ta' kull forma
oħra ta' komunikazzjoni permessa mil-liġi nazzjonali.
Il-kunfidenzjalità ma għandha tkun is-suġġett tal-ebda
eċċezzjoni; (15) Għandhom jiġu
permessi derogi mid-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt li
mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna f'ċirkustanzi
eċċezzjonali biss, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta jkun hemm raġunijiet
b'saħħithom ħafna li jirrigwardaw il-ħtieġa urġenti
li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja jew
għall-integrità fiżika ta' persuna oħra u meta ma jkun hemm
l-ebda mezzi oħra li jkunu anqas restrittivi biex jintlaħaq l-istess
riżultat bħal f'każijiet ta' riskju ta' kollużjoni,
is-sostituzzjoni tal-avukat magħżul mill-persuna suspettata jew
akkużata jew in-nomina ta' terza persuna differenti biex ikun hemm
komunikazzjoni magħha; (16) Kull deroga bħal din
għandha biss twassal għal posponiment, li jkun l-aktar limitat
possibbli, tal-aċċess inizjali għal avukat u ma għandhiex
ikollha effett fuq is-sustanza ta' dan id-dritt. Għandha tkun
is-suġġett ta' valutazzjoni individwali mill-awtorità
ġudizzjarja kompetenti, li għandha tagħti l-motivi
għad-deċiżjoni tagħha; (17) Id-derogi ma għandhomx
ikunu ta' ħsara għad-dritt għal proċess ġust u, b'mod
partikolari, ma għandhom qatt iwasslu għall-użu
tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-persuna ssuspettata jew akkużata
fin-nuqqas tal-avukat tagħha biex din tiġi kkundannata; (18) Il-persuna ssuspettata jew
akkużata għandha titħalla tirrinunzja għad-dritt għal
avukat, sakemm tkun totalment konxja mill-konsegwenzi ta' din ir-rinunzja,
b'mod partikolari għaliex tkun iltaqgħet ma' avukat qabel ma tkun
għamlet din id-deċiżjoni u jkollha l-kapaċità
meħtieġa biex tifhem dawn il-konsegwenzi, u sakemm ir-rinunzja ssir
liberament u mingħajr ekwivoku. Il-persuna ssuspettata jew akkużata
għandha tkun tista' tirrevoka r-rinunzja f'kull waqt matul
il-proċedimenti; (19) Kull persuna li tinstema'
mill-awtorità kompetenti f'kapaċità differenti minn dik ta' persuna
ssuspettata jew akkużata, pereżempju, bħala xhud, għandha
tingħata minnufih aċċess għal avukat jekk l-awtorità tqis
li tkun saret persuna ssuspettata waqt li jkunu qed isirulha l-mistoqsijiet u
l-ebda dikjarazzjoni li din tkun għamlet qabel ma ssir persuna ssuspettata
jew akkużata ma għandha tkun tista' tintuża kontriha; (20) Sabiex jitjieb it-tħaddim
tal-koperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea, id-drittijiet stabbiliti
f'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll, mutatis mutandis,
għal proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest
Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI
tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u
l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri[36]; (21) Il-persuna li tkun
is-suġġett ta' Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jkollha d-dritt
ta' aċċess għal avukat fl-Istat Membru li jeżegwih sabiex
tkun tista' teżerċita d-drittijiet tagħha skont
id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI b'mod effettiv; (22) Dik il-persuna għandu
jkollha wkoll il-possibbiltà li jkollha avukat fl-Istat Membru li
joħroġ il-mandat biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li
jeżegwih f'każijiet speċifiċi matul il-proċedimenti
ta' konsenja, bla ħsara għall-iskadenzi stabbiliti fid-Deċiżjoni
Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI; dak l-avukat għandu jkun jista'
jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat meta jkun qed
jeżerċita d-drittijiet tal-persuna skont id-Deċiżjoni
Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI fl-Istat Membru li jeżegwih, b'mod
partikolari għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet għal
ċaħda skont l-Artikoli 3 u 4 tagħha; peress li
l-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-prinċipju ta'
rikonoxximent reċiproku, dan ma għandu jinvolvi l-ebda dritt li
jitqajmu domandi dwar il-mertu tal-kawża fl-Istat Membru li
jeżegwixxi l-mandat; minħabba li ma hemmx inkompatibbiltà bejn
id-drittijiet tad-difiża u r-rikonoxximent reċiproku, it-titjib
fid-drittijiet għal proċess ġust kemm fl-Istat Membru li
jeżegwixxi l-mandat u f'dak li joħorġu għandu jżid
il-fiduċja reċiproka; (23) Sabiex id-dritt ta'
aċċess għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat
isir aktar effettiv, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwih għandha
tavża minnufih lill-awtorità ġudizzjarja li toħorġu
bl-arrest tal-persuna u bit-talba tagħha li jkollha aċċess
għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat; (24) Sal-lum, fin-nuqqas ta'
strument leġiżlattiv tal-UE dwar il-benefiċċju
tal-għajnuna legali, l-Istati Membri għandhom ikomplu japplikaw
id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar il-benefiċċju
tal-għajnuna legali, li għandhom ikunu konformi mal-Karta, il-KEDB u
l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Kull meta
d-dispożizzjonijiet nazzjonali l-ġodda li jiġu adottati biex
tiġi implimentata din id-Direttiva jagħtu dritt ta' aċċess
għal avukat usa' minn dak li kien disponibbli qabel skont il-liġi
nazzjonali, ir-regoli li bħalissa jinsabu fis-seħħ dwar
il-benefiċċju tal-għajnuna legali għandhom japplikaw
mingħajr distinzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet; (25) Il-prinċipju
tal-effettività tal-liġi tal-UE għandu jitlob lill-Istati Membri
jistabbilixxu rimedju xieraq u effettiv fil-każ li jkun hemm ksur
tad-dritt mogħti lill-individwi bil-liġi tal-Unjoni; (26) Il-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem ddeċidiet konsistentement li kull konsegwenza
negattiva li tirriżulta mill-ksur tad-dritt għal avukat għandha
tiġi rrimedjata billi l-persuna titqiegħed fl-istess pożizzjoni
li kienet issib ruħha fiha kieku ma kienx seħħ tali ksur. Dan
jista' jeħtieġ ritrattazzjoni jew miżuri ekwivalenti jekk
is-sentenza finali tkun ingħatat bi ksur għad-dritt għal avukat;
(27) Peress li l-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet li l-użu ta' dikjarazzjoni
inkriminanti li ssir mill-persuna suspettata jew akkużata mingħajr
aċċess għal avukat jirriżulta f'dannu irrimedjabbli
għad-drittijiet tad-difiża, għandu jkun meħtieġ
fil-prinċipju li l-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta' kull
dikjarazzjoni li ssir bi ksur tad-dritt ta' aċċess għal avukat
bħala prova kontra l-persuna suspettata jew akkużata sakemm
l-użu ta' tali provi ma jkunx ta' ħsara għad-drittijiet
tad-difiża. Dan għandu jkun bla ħsara għall-użu ta'
dikjarazzjonijiet għal finijiet oħrajn permess mil-liġi
nazzjonali, bħall-ħtieġa ta' eżekuzzjoni ta' atti
urġenti ta' investigazzjoni jew il-ħtieġa li jiġi evitat
it-twettiq ta' reati oħrajn jew li jiġu evitati konsegwenzi negattivi
għal xi persuna; (28) Din id-Direttiva tistabbilixxi
regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet li jinsabu
f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni
f'sitwazzjonijiet li mhumiex ittrattati b'mod espliċitu f’din
id-Direttiva. Il-livell ta' protezzjoni qatt ma għandu jaqa’ taħt
l-istandards previsti mill-Karta u mill-KEDB, kif interpretati
fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; (29) Din id-Direttiva ssostni
d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-projbizzjoni
tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà
u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja,
id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal,
l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli, id-dritt għal rimedju effettiv
u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u
d-dritt għad-difiża. Din id-Direttiva trid tiġi implimentata
skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji; (30) Din id-Direttiva tippromwovi
d-drittijiet tat-tfal u tqis il-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar
ġustizzja adattata għat-tfal, b'mod partikolari
d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar informazzjoni u pariri. Id-Direttiva
tiżgura li t-tfal ma jkunux jistgħu jirrinunzjaw għad-drittijiet
tagħhom skont din id-Direttiva meta ma jkollhomx il-kapaċità li
jifhmu l-konsegwenzi ta' tali rinunzja. Ir-rappreżentanti legali ta' tfal
li jkunu ssuspettati jew akkużati għandhom dejjem jiġu
mgħarrfa mill-aktar fis possibbli bil-kustodja tagħhom u
għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għall-kustodja,
sakemm dan ma jkunx imur kontra l-aħjar interessi tat-tifel/tifla
inkwistjoni; (31) L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, fejn
jikkorrispondu mad-drittijiet garantiti mill-KEDB, jiġu implimentati b'mod
konsistenti ma' dawk tal-KEDB, kif żviluppati bil-ġurisprudenza
tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; (32) Peress li l-għan li
jintlaħqu standards minimi komuni ma jistax jintlaħaq mill-Istati
Membri jekk jaġixxu unilateralment, jew fil-livell nazzjonali jew f'dak
reġjonali jew inkella f'dak lokali, u jista' biss jintlaħaq fil-livell
tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jadottaw
miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif jinsab
fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju
tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-aħħar Artikolu, din
id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb
dak l-għan; (33) [F'konformità mal-Artikoli 1,
2, 3 u 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda
fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness
mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li
jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva] JEW
[Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni
tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u
Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se
jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u la se jkunu vinkolati
minnha u lanqas suġġetti għall-applikazzjoni tagħha] [37]; (34) Skont l-Artikoli 1
u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat
dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u
għalhekk la hija vinkolata minnha u lanqas suġġetta
għall-applikazzjoni tagħha, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1
Għan Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli dwar
id-dritt ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti
kriminali u ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti skont
id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI li jkollhom aċċess
għal avukat u li jikkomunikaw ma' terza persuna mal-arrest tagħhom. Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni 1. Din id-Direttiva tapplika
minn meta persuna tkun ġiet infurmata mill-awtoritajiet kompetenti ta'
Stat Membru, permezz ta' notifika uffiċjali jew mod ieħor, li hija
ssuspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom
il-proċedimenti, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni
finali dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat
jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u
r-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe appell. 2. Din id-Direttiva tapplika
għall-persuni li jkunu s-suġġett ta' proċedimenti skont
id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, minn meta jiġu arrestati
fl-Istat li jeżegwixxi. Artikolu 3
Id-dritt ta’ aċċess
għal avukat fi proċedimenti kriminali 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-persuna ssuspettata jew akkużata tingħata
aċċess għal avukat mill-aktar fis possibbli u, f'kull każ: (a) qabel mal-pulizija jew xi
awtoritajiet oħrajn ta' infurzar tal-liġi jibdew jagħmlulha
mistoqsijiet; (b) malli jitwettaq xi att
proċedurali jew ta' ġbir ta' provi li matulu tkun meħtieġa
jew permessa l-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata
bħala dritt skont il-liġi nazzjonali, sakemm dan ma jkunx ta'
ħsara għall-kisba tal-provi; (c) minn meta tiġi
miċħuda mil-libertà. 2. L-aċċess għal
avukat għandu jingħata fi żmien u mod tali li jippermetti
lill-persuna ssuspettata jew akkużata teżerċita d-drittijiet ta'
difiża tagħha b'mod effettiv. Artikolu 4
Il-kontenut tad-dritt ta’
aċċess għal avukat 1. Il-persuna ssuspettata jew
akkużata għandu jkollha d-dritt li tiltaqa' mal-avukat li
jirrappreżentaha. 2. L-avukat għandu jkollu
d-dritt li jkun preżenti għal kull interrogazzjoni jew smigħ.
Huwa għandu jkollu d-dritt li jagħmel mistoqsijiet, jitlob kjarifiki
u jagħmel dikjarazzjonijiet, li għandhom jiġu rreġistrati
skont il-liġi nazzjonali. 3. L-avukat għandu jkollu
d-dritt li jkun preżenti għal kull att ieħor ta' investigazzjoni
jew ta' ġbir ta' provi li għalih tkun meħtieġa jew permessa
l-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata, bħala dritt
skont il-liġi nazzjonali, sakemm dan ma jkunx ta' ħsara
għall-kisba tal-provi. 4. L-avukat għandu jkollu
d-dritt li jivverifika l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li l-persuna
ssuspettata jew akkużata tkun tinsab fihom u, għal dan l-iskop, huwa
għandu jkollu aċċess għall-post fejn tkun detenuta
l-persuna. 5. It-tul u l-frekwenza
tal-laqgħat bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat
tagħha ma għandhomx ikunu limitati b'xi mod li jista' jkun ta'
ħsara għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża
tagħha. Artikolu 5
Id-dritt li mal-arrest ikun
hemm komunikazzjoni ma' terza persuna 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-persuna li qed isir riferiment għaliha
fl-Artikolu 2 u li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha
jkollha d-dritt li tikkomunika mill-aktar fis possibbli ma' minn tal-anqas
persuna waħda nnominata minnha. 2. Meta din il-persuna ma tkunx
persuna adulta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li
r-rappreżentant legali tat-tifel/tifla inkwistjoni jew xi persuna adulta
oħra, skont l-interessi tat-tifel/tifla inkwistjoni, jiġi/tiġi mgħarraf/mgħarrfa
mill-aktar fis possibbli biċ-ċaħda tal-libertà u
bir-raġunijiet għal tali ċaħda, sakemm dan ma jkunx imur
kontra l-aħjar interessi tat-tifel/tifla inkwistjoni, f'liema każ
għandha tiġi infurmata persuna adulta xierqa oħra. Artikolu 6
Id-dritt ta’ komunikazzjoni
mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-persuni li qed isir riferiment għalihom fl-Artikolu 2, li jiġu
miċħuda mil-libertà tagħhom u li ma jkunux ċittadini,
ikollhom id-dritt li jeżiġu li l-awtoritajiet konsolari jew
diplomatiċi tal-Istat li huma ċittadini tiegħu jiġu
infurmati bid-detenzjoni tagħhom mill-aktar fis possibbli u li
jikkomunikaw mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi. Artikolu 7
Kunfidenzjalità L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
tkun iggarantita l-kunfidenzjalità tal-laqgħat bejn il-persuna ssuspettata
jew akkużata u l-avukat tagħha. Huma għandhom jiżguraw
ukoll li l-korrispondenza, il-konverżazzjonijiet telefoniċi u l-forom
l-oħra ta' komunikazzjoni permessi skont il-liġi nazzjonali bejn
il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat tagħha jinżammu
kunfidenzjali. Artikolu 8
Derogi L-Istati Membri ma jistgħu jidderogaw
minn l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva
ħlief, f'każijiet eċċezzjonali, mill-Artikolu 3,
mill-Artikolu 4(1) sa (3), mill-Artikolu 5 u mill-Artikolu 6.
Kull deroga bħal din: (a) trid tkun iġġustifikata minn
raġunijiet b'saħħithom ħafna li jkollhom x'jaqsmu
mal-ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi negattivi
serji fuq il-ħajja jew l-integrità fiżika ta' persuna; (b) ma tistax tkun ibbażata
esklussivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew fuq il-gravità tiegħu; (c) ma tistax tmur lil hinn minn dak li hu
meħtieġ; (d) għandha tkun limitata kemm jista'
jkun fiż-żmien u, f'kull każ, ma għandhiex testendi lil
hinn mill-fażi tal-proċess; (e) għandha tkun bla ħsara
għall-ġustizzja tal-proċedimenti. Id-derogi jistgħu biss jiġu
awtorizzati minn deċiżjoni debitament motivata li tittieħed minn
awtorità ġudizzjarja fuq bażi individwali. Artikolu 9
Rinunzja 1. Bla ħsara għal
liġi nazzjonali li tirrikjedi l-preżenza jew l-assistenza mandatorja
ta’ avukat, kull rinunzja għad-dritt għal avukat imsemmija f’din
id-Direttiva għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li
ġejjin: (a) il-persuna ssuspettata jew
akkużatata tkun irċeviet parir legali minn qabel dwar il-konsegwenzi
tar-rinunzja jew tkun, b'xi mod ieħor, kisbet tagħrif sħiħ
dwar dawn il-konsegwenzi; (b) hija jkollha l-kapaċità
neċessarja biex tifhem dawn il-konsegwenzi; u (c) ir-rinunzja tingħata volontarjament
u b'mod inekwivoku. 2. Ir-rinunzja u
ċ-ċirkostanzi li tingħata fihom għandhom jiġu
rreġistrati skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat. 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li jista’ jkun hemm revoka sussegwenti tar-rinunzja f’kull stadju
tal-proċedimenti. Artikolu 10
Persuni għajr persuni
ssuspettati jew akkużati 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li kull persuna, għajr persuna ssuspettata jew
akkużata, li tinstema’ mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’
eżekuzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, għandha
tingħata aċċess għal avukat jekk, waqt li jkunu qed
isirulha mistoqsijiet jew li tkun qed issirilha interrogazzjoni jew waqt li
tkun qed tinstema’, tiġi ssuspettata jew akkużata li tkun ikkommettiet
reat kriminali. 2 L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li kull dikjarazzjoni li ssir minn persuna bħal din qabel
tiġi mgħarrfa li hija persuna ssuspettata jew akkużata ma tkunx
tista’ tintuża kontriha. Artikolu 11
Id-dritt ta’ aċċess
għal avukat fi proċedimenti dwar Mandat ta' Arrest Ewropew 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li kull persuna li tkun suġġetta għal
proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill
2002/584/ĠAI għandu jkollha d-dritt ta' aċċess għal
avukat minnufih hekk kif tiġi arrestata bis-saħħa ta' Mandat ta'
Arrest Ewropew fl-Istat Membru li jeżegwih. 2. Għal dak li jirrigwarda
l-kontenut tad-dritt ta' aċċess għal avukat, din il-persuna
għandu jkollha d-drittijiet li ġejjin fl-Istat Membru li
jeżegwixxi l-mandat: –
id-dritt ta' aċċess għal avukat
fiż-żmien u bil-mod li jippermettulha li teżerċita
d-drittijiet tagħha b'mod effettiv; –
id-dritt li tiltaqa' mal-avukat li
jirrappreżentaha; –
id-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti
għal kull interrogazzjoni jew smigħ, inkluż id-dritt li jistaqsi
mistoqsijiet, jitlob kjarifiki u jagħmel dikjarazzjonijiet, li
għandhom jiġu rreġistrati skont il-liġi nazzjonali; –
id-dritt li l-avukat tagħha jkollu
aċċess għall-post fejn tkun detenuta sabiex jivverifika
l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni. It-tul u l-frekwenza tal-laqgħat bejn il-persuna
u l-avukat tagħha ma għandhomx ikunu limitati b'xi mod li jista' jkun
ta' ħsara għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża
tagħha skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI. 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li kull persuna li tkun suġġetta għal
proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill
2002/584/ĠAI jkollha wkoll, fuq it-talba tagħha, id-dritt ta'
aċċess għal avukat minnufih hekk kif tiġi arrestata
bis-saħħa ta' Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istat Membru li
joħorġu, sabiex dan jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li
jeżegwih, skont is-subparagrafu (4). Din il-persuna għandha
tiġi infurmata b'dan id-dritt. 4. L-avukat ta' din il-persuna
fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jkollu d-dritt li
jwettaq attivitajiet limitati għal dak li hu meħtieġ biex
jassisti l-avukat fl-Istat Membru li jeżegwih, bl-iskop li d-drittijiet
tal-persuna fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat skont
id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill, b'mod partikolari skont
l-Artikoli 3 u 4 tagħha, jiġu eżerċitati b'mod
effettiv. 5. Minnufih, hekk kif persuna
tiġi arrestata skont il-Mandat ta' Arrest Ewropew, l-awtorità
ġudizzjarja li teżegwih għandha tavża lill-awtorità
ġudizzjarja li tkun ħarġitu bl-arrest u bit-talba ta' dik
il-persuna biex ikollha aċċess għal avukat anke fl-Istat Membru
li jkun ħareġ il-mandat. Artikolu 12
Benefiċċju
tal-Għajnuna Legali 1. Din id-Direttiva hija bla
ħsara għal dispożizzjonijiet nazzjonali dwar
il-benefiċċju tal-għajnuna legali, li għandhom japplikaw
skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni
Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. 2. L-Istati Membri ma
għandhomx japplikaw dispożizzjonijiet dwar il-benefiċċju
tal-għajnuna legali, li jkunu inqas favorevoli minn dawk li bħalissa
hemm fis-seħħ dwar l-aċċess għal avukat ipprovdut,
skont din id-Direttiva. Artikolu 13
Rimedji 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li kull persuna li jsir riferiment għaliha
fl-Artikolu 2 ikollha rimedju effettiv f’dawk l-okkażjonijiet meta
d-dritt tagħha ta' aċċess għal avukat jinkiser. 2. Ir-rimedju għandu jkollu
l-effett li jpoġġi lill-persuna ssuspettata jew akkużata
fl-istess pożizzjoni li kienet tkun tinsab fiha kieku ma jkunx
seħħ il-ksur. 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna ssuspettata jew
akkużata jew il-provi miksuba bi ksur tad-dritt tal-persuna għal
avukat jew f'każijiet li fihom tkun ġiet awtorizzata deroga għal
dan id-dritt skont l-Artikolu 8, ma jkunu jistgħu jintużaw
fl-ebda stadju tal-proċedura bħala provi kontriha, sakemm l-użu
ta' tali provi ma jkunux ta' ħsara għad-drittijiet tad-difiża. Artikolu 14
Klawżola ta’
nonregressjoni L-ebda dispożizzjoni f’din id-Direttiva
ma għandha tiġi interpretata bħala li tillimita kwalunkwe
drittijiet u salvagwardji proċedurali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet
tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, dispożizzjonijiet rilevanti
oħra tad-dritt internazzjonali jew il-liġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru
li jipprovdu livell ta’ protezzjoni ogħla, jew li tidderoga minn tali
drittijiet u salvagwardji. Artikolu 15
Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw
ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [24 xahar wara l-pubblikazzjoni
ta’ din id-Direttiva f’Il-Ġurnal Uffiċjali]. 2. Huma għandhom
jibagħtu lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kif
ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din
id-Direttiva. 3. Meta
l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun
fihom referenza għal din id-Direttiva, jew għandu jkun hemm
magħhom referenza bħal din meta d-dispożizzjonijiet jiġu
ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu
kif għandha ssir tali referenza. Artikolu 16
Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha
f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 17
Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati
Membri skont it-Trattati. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President
[1] ĠU L280, 26.10.2010, p. 1. [2] COM(2010) 392, 20.7.2010. [3] ĠU C 303, 14.12.2007, p.
30. Spjegazzjonijiet dwar il-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali. [4] 999 U.N.T.S. 171. L-ICCPR hija konvenzjoni
internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi li nfetħet
għall-firem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali
tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta' Diċembru 1966 li
ġiet irratifikata minn, u għalhekk torbot fil-liġi
internazzjonali, l-Istati Membri kollha tal-UE. [5] United Nations Treaty Series (Sensiela tat-Trattati
tan-Nazzjonijiet Uniti), vol. 596, p. 261. [6] ĠU C 303, 14.12.2007
p. 1. [7] COM (2004) 328 28.4.2004. [8] ĠU C 295, 4.12.2009,
p. 1. [9] ĠU C 115, 4.5.2010. [10] Salduz vs it-Turkija, sentenza
tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 50. [11] Dayanan vs it-Turkija, sentenza
tat-13 ta' Jannar 2010, rikors nru. 7377/03, § 32. [12] Ibidem, § 52. [13] Brusco vs Franza, sentenza
tal-14 ta' Ottubru 2010, rikors Nru. 1466/07, § 47. [14] Panovits vs Ċipru, sentenza
tal-11 ta' Diċembru 2008, rikors Nru. 4268/04,
§ 73-76. [15] Ibidem § 66. [16] ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din
il-proposta, ikkwotata f'§ 7, p. 12. [17] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’
Ġunju 2002 fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’
ċediment bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI)
(ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1). [18] Dayanan vs it-Turkija, sentenza
tat-13 ta' Jannar 2010, rikors nru. 7377/03 § 32. [19] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda tal-UE
dwar id-Drittijiet tat-Tfal — COM(2011)60, 15.2.2011. [20] Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja
adattata għat-tfal tas-17.10.2010. [21] Castravet vs il-Moldovja, sentenza
tat-13 ta' Marzu 2007, rikors nru. 23393/05 § 49, Istratii
et al. vs il-Moldovja, sentenza tas-27 ta' Marzu 2007,
rikorsi nri. 8721/05, 8705/05, 8742/05 §89. [22] Salduz vs it-Turkija, sentenza
tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 55. [23] Ibidem §52. [24] Salduz vs it-Turkija, sentenza
tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02 §59, Panovits
vs Ċipru, sentenza tal-11 ta' Diċembru 2008,
rikors nru. 4268/04 §68, Yoldaş vs it-Turkija, sentenza
tat-23 ta' Frar 2010, rikors nru. 27503/04 § 52. [25] Brusco vs Franza, sentenza
tal-14 ta' Ottubru 2010, rikors nru. 1466/07, § 47. [26] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas
tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest
Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - COM (2011)175,
11.4.2011. [27] ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1. [28] Salduz vs it-Turkija, sentenza
tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 72. [29] Salduz vs it-Turkija, sentenza
tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 55. [30] ĠU C, , pg. . [31] ĠU C, , pg. . [32] ĠU C 295, 4.12.2009,
p. 1. [33] ĠU C 115, 4.5.2010. [34] Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u
għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali tal-20 ta’ Ottubru 2010
(ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1). [35] Direttiva 2011/XXX/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali [36] ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1. [37] Id-diċitura finali ta' din il-premessa tad-Direttiva
tiddependi mill-pożizzjoni li jieħdu r-Renju Unit u l-Irlanda skont
id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 21).