Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0161

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999

    /* KUMM/2011/0161 finali - NLE 2011/0068 */

    52011PC0161

    /* KUMM(2011) 161 finali - NLE 2011/0068 */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 31.3.2011

    KUMM(2011) 161 finali

    2011/0068 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999

    (imressqa mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, 1999 (FAC) ġiet konkluża mill-Komunita' permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KE. Din se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta' Ġunju 2011, wara estensjoni permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fis-sessjoni numru 102 tiegħu tal-4 ta' Ġunju 2010.

    Il-FAC 1999 u l-Konvenzjoni dwar in-Negozju taż-Żrieragħ ( Grains Trade Convention - GTC), 1995, huma marbuta fis-sens li l-FAC tista’ tiġi estiża biss meta l-Konvenzjoni dwar in-Negozju taż-Żrieragħ 1995 tkun qed teżisti għall-istess perjodu. L-FAC 1999, li kienet oriġinarjament introdotta fis-snin 1960, inħolqot bħala strument biex jiddisponi minn prodotti agrikoli żejda minn pajjiżi żviluppati b’mod li dawn jintbagħtu b'mod koordinat u aċċettabbli lejn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li huma fil-bżonn.

    Billi l-FAC preżenti tiskadi f'Ġunju 2011, il-kwistjoni tat-tiġdid se tkun indirizzata formalment fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011. Fis-sessjoni tiegħu numru 103, fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-membri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari qablu li jerġgħu jikkunsidraw l-estensjoni tal-FAC 1999, meta toqrob aktar id-data ta’ meta din tiskadi (jiġifieri t-30 ta’ Ġunju 2011). Waqt il-laqgħa informali fl-istess jum, xi membri tal-FAC (l-Awstralja, il-Kanada, l-Isvizzera, il-Ġappun u l-Istati Uniti) indikaw li, fil-prinċipju, huma jaqblu ma’ estensjoni tal-FAC 1999 għal sena oħra, jiġifieri sat-30 ta' Ġunju 2012. L-UE madanakollu kkomunikat il-linja miftiehma mill-'Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar Għajnuna Umanitarja u Alimentari' (COHAFA): "L-UE se taħdem sabiex tieħu deċiżjoni f'Ġunju 2011 dwar il-futur tal-FAC u n-negozjati ġodda formali għandhom jibdew issa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni formali li se tkun ikkomunikata f'Ġunju 2011."

    Waqt is-sessjoni numru 103 tiegħu, fl-14 ta' Diċembru 2010, il-membri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari kollettivament qablu li jibdew in-negozjar mill-ġdid formali tal-FAC. Il-proċess beda b'effett immedjat, b'"abbozz żero" tal-Konvenzjoni l-ġdida bħala s-suġġett tal-ewwel serje ta' negozjati ġodda, li kellhom isiru f'Londra bejn it-28 ta' Frar u t-2 ta' Marzu 2011. Hemm sensiela ta’ sessjonijiet intensivi ta’ negozjar li għandhom jiġu organizzati fix-xhur li ġejjin, iggwidati mill-objettiv li jintlaħaq qbil dwar konvenzjoni ġdida ffukata fuq il-provvista ta’ assistenza alimentari xierqa u effettiva lil popolazzjonijiet vulnerabbli, ibbażata fuq bżonnijiet identifikati. Il-Kunsill adotta direttivi ta’ negozjar, fejn awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja mill-ġdid l-FAC f’isem l-UE u l-Istati Membri tagħha, fis-17 ta’ Novembru 2010 (doc. 14907/10).

    Waqt il-laqgħa informali tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fl-14 ta' Diċembru 2010, l-UE reġgħet saħqet fuq l-iskeda ambizzjuża tagħha. In-negozjati għandhom, idealment, jiġi ffinalizzati sa’ Ġunju 2011, wara li l-membri tal-FAC jkunu laħqu qbil dwar test għal Konvenzjoni ġdida qabel is-sessjoni formali tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari.

    Barra minn dan, bejn Diċembru 2009 u Diċembru 2010 saru taħdidiet informali tal-membri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari dwar il-futur tal-FAC, li wasslu għal qbil ġenerali dwar il-kwistjonijiet ewlenin li huma s-suġġett ta' negozjar formali mill-ġdid. Ikun għalhekk xieraq li l-UE tara li t-taħdidiet ta’ negozjar isiru b'mod effettiv, bir-riżultat li jintlaħaq qbil dwar test għal Konvenzjoni ġdida sa' Ġunju 2011.

    Hemm żewġ xenarji possibbli li fir-rigward tagħhom l-UE trid tipprepara pożizzjoni komuni minħabba s-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f'Ġunju 2011:

    1. jew li n-negozjar mill-ġdid tal-FAC ikun jinsab fi stadju finali (jiġifieri t-taħdidiet ta' negozjar ikunu tlestew jew inkella raġjonevolment qrib li jitlestew) qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011. F’dak il-każ, ikun aktar xieraq li l-FAC tiġi estiża għal sena oħra biex ma jkunx hemm perjodu vojt bejn il-FAC eżistenti u d-dħul fis-seħħ ta' Konvenzjoni ġdida; jew,

    2. in-negozjar mill-ġdid tal-FAC ma jkunx fi stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f'Ġunju 2011. F'dak il-każ estensjoni tal-FAC preżenti għal sena oħra ma tkunx xierqa, u l-Kummissjoni f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha għandha topponi formalment li jitfaċċa qbil ġenerali fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari li jkun jiffavorixxi l-estensjoni tagħha.

    Il-kwistjoni dwar jekk in-negozjar mill-ġdid tal-FAC ikunx wasal fi stadju finali jew le se tkun indirizzata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri tal-UE fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-Għajnuna Umanitarja u l-Għajnuna Alimentari (COHAFA) qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011. F’każ li l-FAC ma tiġix estiża din mhux se tibqa’ teżisti aktar u bħala konsegwenza ma jkunx hemm impenji minimi li għandhom jiġu sodisfatti. Madanakollu, huwa probabbli li l-pajjiżi reċevituri li jistgħu jikkunsidraw li l-prevedibilita' ta' konsinnji ta’ għajnuna alimentari se tiddeterjora, kif ukoll Membri oħra tal-FAC li jaqblu mal-approċċ storiku, jiġifieri ma’ mekkaniżmu li jiffaċilita t-trasferiment ta' prodotti alimentari, jistgħu jkollhom perċezzjonijiet negattivi f'dan ix-xenarju.

    Taħt il-FAC l-impenji annwali magħmula mill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jikkonsenjaw ammont annwali minimu ta' għajnuna alimentari huma espressi kemm f'ekwivalenti ta' qamħ kif ukoll f'termini ta' valur, u l-impenji attwali huma 1 320 000 tunnellata ta' ekwivalenti tal-qamħ u EUR130 miljun miżjuda magħhom (dan jinkludi t-trasport u spejjeż operattivi oħra). Mill-impenn tal-ekwivalenti tal-qamħ ta' 1 320 000 tunnellata, 990 000 tunnellata hu s-sehem ġestit mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti minn ftehim intern tal-UE.

    - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KE

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/906/KE

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/317/KE

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/393/KE

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/316/UE

    - Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

    Skont l-Artikolu XXV(b) tal-FAC, estensjoni ulterjuri hija subordinata għall-fatt li tibqa' fis-seħħ, matul l-istess perjodu, il-Konvenzjoni tal-Kummerċ taż-Żrieragħ 1995. Il-Konvenzjoni tal-Kummerċ taż-Żrieragħ 1995 tibqa' fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2011, u l-Kummissjoni tipproponi (COM/2011/4) li l-UE tistabbilixxi pożizzjoni favur estensjoni ulterjuri ta’ din il-Konvenzjoni.

    RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-Għajnuna Umanitarja u l-Għajnuna Alimentari (COHAFA) tad-9 ta' Diċembru 2010, l-Istati Membri ħadu l-pożizzjoni segwenti dwar l-estensjoni tal-FAC 1999: "L-UE se taħdem sabiex tieħu deċiżjoni f'Ġunju 2011 dwar il-futur tal-FAC u n-negozjati ġodda formali għandhom jibdew issa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni formali li se tkun ikkomunikata f'Ġunju 2011."

    Ġbir u użu ta’ għarfien espert

    Ma kienx hemm ħtieġa għal għarfien espert estern.

    - Il-Valutazzjoni tal-Impatt

    Mhux applikabbli.

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    - Bażi legali

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 218.9.

    - Sussidjarjetà

    Il-proposta taqa' taħt kompetenza mħallta.

    - Proporzjonalità

    Dan il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    - Għażla tal-istrument

    L-istrument propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja: skont l-artikolu 218.9 TFUE, dan huwa l-unika mezz sabiex tiġi adottata l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha tiġi espressa fi ħdan il-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari.

    IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-FAC 1999 tista' tiġi biss estiża meta l-Konvenzjoni tal-Kummerċ taż-Żrieragħ 1995 tkun teżisti għall-istess perjodu. Il-kontribuzzjoni lill-baġit amministrattiv tal-Ftehim Internazzjonali taż-Żrieragħ tkopri wkoll il-FAC 1999, jiġifieri m'hemm l-ebda implikazzjoni addizzjonali għall-baġit b’estensjoni tal-FAC. Il-kontribuzzjoni hi bbaġitjata taħt il-partita numru 05 06 01 tal-baġit tal-UE (Ftehimiet Internazzjonali tal-agrikoltura). Il-kosti stmati ta’ din il-kontribuzzjoni ġew indikati fid-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża mal-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taż-Żrieragħ fir-rispett tal-estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Kummerċ taż-Żrieragħ 1995, li ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-18 ta' Jannar 2011 (COM/2011/4).

    L-estensjoni tal-FAC 1999 tkun tfisser li impenji annwali sabiex tiġi fornita għajnuna alimentari mill-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu III(e) tal-FAC jittawlu b’sena oħra. Il-Kummissjoni Ewropea ġarret ir-responsabbiltà ta’ sehem mill-impenji li saru mill-UE u l-Istati Membri tagħha fi ħdan il-FAC. Notifika FAC waħda hija kkonsolidata flimkien mal-Istati Membri u ma tindikax operazzjonijiet separati. L-FAC (artikolu VI) tipprovdi għal trasferiment għas-sena ta' wara u t-trasferiment ‘il quddiem minn sena għall-oħra fejn l-impenji jkunu nqabżu, iżda dan qatt ma ġie invokat.

    Huwa madanakollu importanti li wieħed jinnota li għal tliet snin konsekuttivi ta' rappurtar: jiġifieri 2007/08, 2008/09 u 2009/10 l-Unjoni Ewropea ma kinitx f'pożizzjoni li tlaħħaq mal-impenji tagħha fir-rigward tat-tonnellati.

    KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl ta’ x’intqal aktar ‘il fuq, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni segwenti f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u li għaldaqstant jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea jew:

    3. li tivvota f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont l-Artikolu XXV(b) tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999, favur estensjoni ulterjuri ta’ din il-Konvenzjoni, għal żmien sena, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2012, sakemm in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari jkun fi stadju finali (jiġifieri t-taħdidiet ikunu tlestew jew ikunu raġjonevolment qrib li jintemmu) qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f'Ġunju 2011 u sakemm il-Konvenzjoni tal-Kummerċ taż-Żrieragħ 1995 tibqa' fis-seħħ matul l-istess perjodu; jew

    4. li topponi li jitfaċċa qbil ġenerali fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, skont ir-Regola nru 13 tar-Regoli u Proċeduri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, b'mod li tiġi ffavorita estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari jekk in-negozjar mill-ġdid ma jkunx fi stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari ta' Ġunju 2011.

    2011/0068 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Artikoli 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni,

    Billi:

    5. Il-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999 ġiet konkluża mill-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KE[1] u estiża permezz ta’ diversi deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari.

    6. Il-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari attwali tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2011 u l-kwistjoni tat-tiġdid se tkun indirizzata fis-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011.

    7. Skont l-Artikolu XXV(b) tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, dik l-estensjoni hija kkundizzjonata għall-fatt li tibqa' fis-seħħ, għat-tul tal-istess perjodu, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taż-Żrieragħ 1995. Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taż-Żrieragħ tibqa' fis-seħħ sat-30 ta' Ġunju 2011 u l-Kummissjoni tipproponi deċiżjoni tal-Kunsill biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taż-Żrieragħ dwar l-estensjoni tagħha[2]. L-estensjoni tagħha għandha tiġi deċiża mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żrieragħ fis-6 ta’ Ġunju 2011.

    8. Fis-sessjoni tiegħu numru 103, fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-membri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari qablu li l-kwistjoni dwar l-estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari se tiġi kkunsidrata aktar qrib id-data tal-iskadenza tagħha (jiġifieri t-30 ta' Ġunju 2011) u l-Unjoni Ewropea ħadet il-pożizzjoni li: “L-UE se taħdem sabiex tieħu deċiżjoni f'Ġunju 2011 dwar il-futur tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari u n-negozjati formali għandhom jibdew issa mingħajr ħsara għall-pożizzjoni formali li se tkun ikkomunikata f'Ġunju 2011.”

    9. Waqt is-sessjoni nru 103 fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-membri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari qablu li jibdew il-proċess formali ta' negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, 1999, b'sensiela ta' sessjonijiet ta' negozjar.

    10. L-għan tal-Unjoni Ewropea hu li l-membri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari jiffinalizzaw in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna u li jintlaħaq qbil dwar Konvenzjoni ġdida qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011.

    11. Hemm żewġ xenarji possibbli li għalihom l-Unjoni Ewropea għandha tipprepara pożizzjoni komuni bi tħejjija għas-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f'Londra f’Ġunju 2011:

    12. jew in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari mill-membri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari ikun fi stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011: f’dak il-każ, tkun mill-aktar xierqa estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari għal sena oħra biex ma jkunx hemm perjodu vojt bejn il-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari eżistenti u d-dħul fis-seħħ ta' Konvenzjoni ġdida; jew,

    13. in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari ma jkunx fi stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f'Ġunju 2011. F'dak il-każ estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari għal sena oħra ma tkunx xierqa, u l-Kummissjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandha topponi formalment li jitfaċċa qbil ġenerali fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari favur estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, skont ir-Regola 13 tar-regoli ta' proċeduri tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari.

    14. Il-kwistjoni dwar jekk in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari jkunx wasal fi stadju finali jew le għandha tiġi indirizzata mill-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-Għajnuna Umanitarja u l-Għajnuna Alimentari (COHAFA) qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011.

    15. Il-Kummissjoni Ewropea, li tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, għandha għalhekk tiġi awtorizzata b'Deċiżjoni mill-Kunsill li jew tiffavorixxi estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari għal sena waħda, jiġifieri sat-30 ta' Ġunju 2012 jew inkella topponi qbil ġenerali fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari li jkun jiffavorixxi estensjoni bħal din.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari għandha tkun dik li jew

    16. tivvota favur estensjoni ulterjuri ta’ din il-Konvenzjoni, għal żmien sena, jiġifieri sat-30 ta' Ġunju 2012, sakemm in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari jkun fi stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011, u sakemm il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taż-Żrieragħ 1995 tibqa’ fis-seħħ matul l-istess perjodu; jew

    17. topponi li jitfaċċa qbil ġenerali fil-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, skont ir-Regola nru 13 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari, b'mod li tiġi ffavorita estensjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari jekk in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari ma jkunx fi stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari ta' Ġunju 2011.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni b'dan hija awtorizzata li tesprimi din il-pożizzjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Għajnuna Alimentari.

    Magħmula fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L 163, 4.7.2000, p. 37.

    [2] COM(2011) 4 finali.

    Top