EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0517

Iran - każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Novembru 2011 dwar l-Iran – każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem

ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 157–162 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 153/157


Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2011
Iran - każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem

P7_TA(2011)0517

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Iran – każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem

2013/C 153 E/21

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, u partikolarment dawk tas-7 ta’ Settembru 2010 u tal-20 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 16/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tistabbilixxi l-mandat għal Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

wara li kkunsidra l-123 rakkomandazzjoni li saru wara r-rieżami perjodiku universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra l-ħatra tas-Sur Ahmed Shaheed mill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-17 ta' Ġunju 2011 bħala Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u r-rapport interim tat-23 ta' Settembru 2011 mir-Rapporteur Speċjali għas-66 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-15 ta’ Settembru 2011 lis-66 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

wara li kkunsidra r-rapport miċ-Ċentru ta' Dokumentazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran tal-10 ta' Ġunju 2011, dwar l-użu tal-istupru bħala metodu ta' tortura mill-awtoritajiet tal-ħabs Iranjani,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-15 u tas-26 ta' Settembru 2011, dwar id-detenzjoni ta’ Nasrin Sotoudeh, avukat tad-drittijiet tal-bniedem, u l-arrest ta' sitt produtturi tal-films indipendenti, u tat-18 ta' Ottubru 2011 dwar is-sentenzi mogħtija lill-produttur tal-films Jafar Panahi u lill-attriċi Marzieh Vafamehr,

wara li kkunsidra l-intensifikar tal-miżuri restrittivi tal-UE fl-10 ta' Ottubru 2011 b'reazzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 u r-Riżoluzzjoni 63/168 of tat-18 ta' Diċembru 2008 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iran hi stat parti tagħhom ilkoll,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u b’mod partikolari l-Artikoli 23 sa 27 u 32 sa 35 li jipprevedu l-libertà tal-espressjoni, l-għaqda u l-assoċjazzjoni u d-dritt ta’ prattika reliġjuża, kif ukoll id-drittijiet bażiċi għall-imputati u d-detenuti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran hi kkaratterizza minn xejra kontinwa ta' ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (b'mod partikolari, ta' attivisti għad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi), ġurnalisti, bloggers, artisti, mexxejja ta' studenti, avukati, trejdunjonisti u ambjentalisti għadhom qegħdin jgħixu taħt pressjoni qawwija u taħt theddida kontinwa ta' arrest;

B.

billi l-aktar kwistjonijiet urġenti jikkonċernaw in-numru kbir ta' nuqqasijiet fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-prattiki ekwivalenti għal tortura jew it-trattament krudili jew degradanti tal-priġunieri, inkluż l-istupru, l-inugwaljanza fit-trattament tan-nisa, il-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u n-nuqqas ta' drittijiet ċivili u politiċi, b'mod partikolari l-fastidju u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-avukati u tal-atturi tas-soċjetà ċivili;

C.

billi r-rata ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran tul l-ewwel nofs tal-2011 poġġiet l-Iran fl-ewwel post fid-dinja fir-rigward tan-numru ta' eżekuzzjonijiet għal kull abitant, li jmur kontra x-xejra dinjija li qed tersaq lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

D.

billi minkejja li hu firmatarju tal-ICCPR u billi uffiċjalment jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta' persuni taħt it-18-il sena, numru ta' rapporti jindikaw l-Iran bħala l-aktar pajjiż fid-dinja b'eżekuzzjonijiet ta' delinkwenti minorenni;

E.

billi l-awtoritajiet Iranjani sal-lum naqsu milli jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn in-NU u rrifjutaw li jikkooperaw mar-Rapporteur Speċjali; billi r-rapport interim jiddeskrivi "xejra ta' ksur sistematiku" u kampanja ta' abbużi "intensifikata", jesprimi preokkupazzjoni għall-użu dejjem akbar tal-piena kapitali għal delitti minuri, u mingħajr proċess ġust, u jindika li s'issa fl-2011 seħħew mill-anqas 200 eżekuzzjoni uffiċjali u 146 eżekuzzjoni sigrieta fil-belt ta' Mashad, fil-Lvant tal-Iran; billi fl-2010 aktar minn 300 persuna kienu iġġustizzjati b'mod sigriet fl-Iran;

F.

billi l-qraba tal-Iranjani li jinsabu l-ħabs jew li qed jiġu pproċessati qegħdin jiġu arrestati, interrogati u ffastidjati, kemm barra mill-Iran u fi ħdan l-UE; billi eluf ta' Iranjani ħarbu minn pajjiżhom u sabu kemm fil-pajjiżi ġirien;

G.

billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni Mir Hossein Mousavi u Mehdi Karroubi inżammu illegalment taħt arrest domiċiljari u ilhom miżmuma b'mod arbitrarju sa mill-14 ta' Frar 2011; billi dawn il-mexxejja, flimkien man-nisa tagħhom, li anke huma huma politikament attivi, għal perjodi twal ta' żmien ġarrbu għajbien imġiegħel f'postijiet mhux magħrufa u kien maqtugħin minn kull kuntatt mal-ħbieb u l-familja, u li f'dan il-perjodi kienu jinsabu f'perikolu serju ta' tortura;

H.

billi fi Frar u f'Marzu tal-2011, mijiet ta' persuni ġew arrestati u mill-anqas tliet persuni ġew maqtula meta eluf ta' dimostranti niżlu fit-toroq biex jappoġġjaw il-movimenti prodemokratiċi fil-pajjiżi Għarab ġirien u biex jipprotestaw kontra d-detenzjoni tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Mir Hossein Mousavi u Mehdi Karroubi;

I.

billi f'April 2011, il-forzi ta' sigurtà qatlu bosta għexieren ta' dimostranti, l-aktar Għarab etniċi, u arrestaw għexieren oħra fil-provinċja tal-Khuzestan fil-Lbiċ tal-Iran, u billi għexieren ta' persuni kienu arrestati u feruti fi protesti ambjentali fil-Provinċja tal-Azerbajġan tal-Punent kontra t-tnixxif tal-Għadira ta’ Urmia;

J.

billi għadha qed tikber il-pressjoni fuq il-minoranzi reliġjużi, b'mod partikolari l-Bahai', il-konvertiti u d-dutturi dissidenti Shia; billi l-Bahai', minkejja li huma l-akbar minoranza reliġjuża mhux Musulmana, isofru diskriminazzjoni qawwija nkluża ċ-ċaħda ta’ aċċess għall-edukazzjoni u billi għadhom għaddejja l-proċeduri legali kontra s-seba' mexxejja detenuti tagħhom filwaqt li aktar minn 100 membru tal-komunità għadhom jinsabu taħt arrest; billi hemm rapporti li fl-ewwel nofs tal-2011 mill-anqas 207 Nisrani kienu arrestati; billi l-Musulmani Sunni jibqgħu jiffaċċjaw diskriminazzjoni quddiem il-liġi u fil-prattika, u ma jistgħux jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom; billi għadha għaddejja kampanja ta' diffamazzjoni bl-appoġġ tal-istat kontra persuni Sufi Nematullahi (Shia), li tiddeskrivi kull forma ta' mistiċiżmu bħala satanika u bil-persekuzzjoni ta' prattikanti Sufi b'mod partikolari bħal ma seħħ fl-attakk armat f'Kavar f'Settembru 2011, fejn inqatlet persuna u oħrajn ġew midruba serjament;

K.

billi ġew arrestati individwi li kkonvertew mill-Iżlam, u billi l-Artiklu 225 tal-abbozz ta' Kodiċi Penali għandu l-għan li l-piena kapitali ssir obbligatorja għall-irġiel li jinstabu ħatja ta’ apostasija; billi l-pastor protestant Yousef Nadarkhani għadu mhedded b'eżekuzzjoni għal apostasija;

L.

billi l-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana, is-servizzi sigrieti u l-milizzja Basij qegħdin iwettqu rwol attiv fir-ripressjoni qawwija u brutali fl-Iran;

M.

billi l-membri tal-komunità lesbjana, omosesswali, bisesswali u transesswali jiffaċċjaw fastidju, persekuzzjoni, kastigi krudili u anke l-piena kapitali; billi dawn il-persuni jiffaċċjaw diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, abitazzjoni, edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, kif ukoll esklużjoni soċjali fi ħdan il-komunità;

N.

billi s-sentenzi ta' ħabs imposti fuq l-istudenti attivisti prominenti, Bahareh Hedayat, Mahdieh Golroo u Majid Tavakoli lkoll żdiedu b'sitt xhur wara li kienu akkużati bi "propaganda kontra r-reġim"; billi fil-15 ta' Settembru 2011 l-attivista politika u studenta tal-Ph.D Somayeh Tohidlou ngħatat 50 daqqa ta' frosta wara li temmet sentenza ta' sena ħabs fil-ħabs ta' Evin; billi s-Sinjura Tohidlou diġà temmet sentenza ta' 70 ġurnata ħabs; billi ż-żewġ sentenzi ta' ħabs u l-50 daqqa ta' frosta kienu kastigi marbutin mal-ibbloggjar u ma' attivitajiet oħrajn fuq l-internet; billi fid-9 ta' Ottubru 2011, l-istudent attivist Payman Aref ingħata 74 daqqa ta' frosta qabel ma nħeles mill-ħabs, minħabba akkuża li inġurja l-President Iranjan;

O.

billi l-produttur prominenti Iranjan tal-films Jafar Panahi, ingħata sentenza ta' 6 snin ħabs, li kienet ikkonfermata fl-appell; billi l-attriċi prominenti Marzieh Vafamhr ingħatat sentenza ta' sena ħabs u 90 daqqa ta' frosta, minħabba l-parti li ħadmet f'film dwar il-kondizzjonijiet diffiċli li joperaw fihom l-artisti fl-Iran; billi fis-17 ta' Settembru 2011, l-awtoritajiet Iranjani arrestaw lil sitt produtturi tal-films indipendenti, Mohsen Shahrnazdar, Hadi Afarideh, Katayoun Shahabi, Naser Safarian, Shahnam Bazdar u Mojtaba Mir Tahmaseb u akkużawhom li kienu qegħdin jaħdmu għas-Servizz Persjan tal-BBC u li kienu qegħdin iwettqu spjunaġġ f'isem dan is-servizz tal-aħbarijiet;

P.

billi sa mill-2009 għexieren ta' avukati kienu arrestati minħabba l-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, inkluż Nsrin Soutoudeh, Mohammad Seifzadeh, Houtan Kian u Abdolfattah Soltani; billi Shirin Ebadi, rebbieħa tal-Premju Nobel, ġiet effettivament imġiegħla tmur fl-eżilju wara li l-awtoritajiet għalqu ċ-ċentru għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha u billi l-avukati tal-detenuti politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza iħabbtu wiċċhom ma’ riskji personali dejjem akbar;

Q.

billi l-awtoritajiet Iranjani ħabbru li qegħdin jaħdmu fuq sistema ta’ internet, li tixbaħ l-internet regolari ta’ madwar id-dinja kollha, sabiex eventwalment l-internet ħieles jinbidel f’internet li jikkonforma mal-prinċipji Iżlamiċi, u li ġie deskritt bħala netwerk "halal"; billi l-“internet halal” effettivament jagħti lill-awtoritajiet Iranjani 100 % kontroll fuq it-traffiku u l-kontenut kollu tal-internet, bi ksur serju tal-libertà tal-espressjoni u tal-aċċess għal netwerks ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni;

R.

billi kien hemm rapporti estensivi li kumpaniji (ibbażati) fl-UE qegħdin jipprovdu assistenza teknika u teknoloġiji individwali lill-awtoritajiet Iranjani, li mbagħad intużaw biex jsegwu u jintraċċaw (onlajn) id-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u li huma strumentali fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni dejjem agħar tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, in-numru kbir ta' priġunieri politiċi, in-numru dejjem ogħla ta' eżekuzzjonijiet, inkluż ta’ minorenni, it-tortura estiża, proċessi inġusti, is-somom ta' flus eżorbitanti mitluba għal pleġġ, kif ukoll ir-restrizzjonijiet qawwija fuq il-libertà ta’ informazzjoni, espressjoni, għaqda, twemmin, edukazzjoni u moviment;

2.

Isellem il-kuraġġ tal-Iranjani kollha li qed jiġġieldu biex jiddefendu l-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-drittijiet tal-biedem u tal-prinċipji demokratiċi tagħhom u li jixtiequ jgħixu f'soċjetà ħielsa mir-repressjoni u mill-intimidazzjoni;

3.

Jikkundanna bil-qawwa l-piena kapitali fl-Iran u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, bi qbil mar-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/138, tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet sakemm titneħħa l-piena kapitali;

4.

Jitlob li l-Kodiċi Kriminali Iranjan jiġi emendat biex jipprojbixxi l-impożizzjoni ta' swat tal-ġisem mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi; ifakkar li l-użu ta' swat tal-ġisem – li hu ekwivalenti għal tortura - mhuwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċiviċi u Politiċi; jikkundanna bil-qawwa s-swat tal-istudenti attivisti, Somayeh Tohidlou u Payman Aref;

5.

Jinsab lest li jappoġġja sanzjonijiet addizzjonali għall-individwi responsabbli mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Istati Membri tal-UE li huma membri permanenti tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU biex iqajmu l-kwistjoni tat-tnedija ta' investigazzjoni dwar jekk id-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Iranjani għandhomx jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità;

6.

Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha, inkluż il-mexxejja politiċi Mir-Hussein Mousavi u Mehdi Karroubi, l-avukati għad-drittijiet tal-bniedem Nasrin Sotoudeh u Abdolfattah Soltani, l-istudenti attivisti Bahareh Hedayat, Abdollah Momeni, Mahdieh Golroo, u Majid Tavakoli, il-ġurnalista Abdolreza Tajik u l-Pastor Yousef Nadarkhani, il-produtturi tal-films Jafar Panahi u Mohammad Rasoulof u kull individwu ieħor elenkat fir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, Ahmed Shaheed;

7.

Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' ġustizzja u trasparenza tal-proċess ġudizzjarju u ta’ taħriġ professjoniali għal dawk kollha involuti fih, u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu proċediment ġust u trasparenti;

8.

Iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan sabiex minnufih jippermetti d-dħul fl-Iran tar-Rapporteur Speċjali maħtur min-NU, Ahmed Shaheed, biex jindirizza l-kriżi kontinwa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jinnota li n-nuqqas totali ta’ kooperazzjoni tal-gvern mal-mandat tar-Rapporteur Speċjali u r-rifjut persistenti li jitħalla jidħol fil-pajjiż, li juri li l-Iran ma għandu l-ebda intenzjoni li jwettaq passi sinifikanti biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani juru li huma impenjati bis-sħiħ biex jikkooperaw mal-komunità internazzjonali biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u jitlob lill-Gvern Iranjan iwettaq l-obbligi kollha tiegħu, kemm skont il-liġi internazzjonali, u ukoll skont il-Konvenzjonijiet Internazzjonali li hu firmatarju tagħhom; jissottolinja l-importanza ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jeħilsu minnufih il-membri tal-komunità artistika tal-Iran li jinsabu detenuti u biex itemmu l-persekuzzjoni – permezz tad-detenzjoni jew b'kull forma oħra ta' fastidju – ta' din il-komunità; jinnota li dan it-trattament hu inkompatibbli mal-prinċipji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li tagħhom l-Iran kien firmatarju liberu; ifakkar li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni permezz tal-arti u l-kitba hu inkluż fl-Artikolu 19 tal-ICCPR, li tiegħu l-Iran hu firmatarju;

11.

Jistieden lill-Iran iwettaq miżuri li jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, inkluż billi jiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-prattiki jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 18 tal-ICCPR, u jinnota li dan jesiġi ukoll il-garanzija sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet tad-dritt ta' kulħadd li jbiddel ir-reliġjon, jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan;

12.

Jistieden lill-Iran iwettaq miżuri immedjati biex jiżgura l-protezzjoni tal-membri tal-komunità Baha’i kontra d-diskriminazzjoni f’kull qasam, jinvestiga minnufih il-ksur tad-drittijiet tagħhom, il-prosekuzzjoni ta’ dawk dikjarati responsabbli u li l-membri tal-Baha’i jingħataw rimedji effikaċi;

13.

Jikkundanna l-Iran għall-iġġammjar illegali tas-sinjali televiżivi tas-Servizz Persjan tal-BBC u tad-Deutsche Welle mis-satelliti l-Hotbird u Eutelsat W3A, u jistieden lill-Eutelsat tieqaf milli toffri servizzi lill-istazzjonijiet tat-TV tal-Istat sakemm l-Iran jibqa juża s-servizzi tal-Eutelsat biex jimblokka programmi indipendenti fuq it-TV;

14.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu ta’ teknoloġiji (Ewropej) ta’ ċensura, ta’ filtraġġ u sorveljanza maħsuba biex jikkontrollaw u jiċċensuraw il-flussi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u biex jintraċċaw iċ-ċittadini, b’mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-każ reċenti tal-Creativity Software; jistieden lill-kumpaniji Ewropej iwettqu bis-sħiħ ir-responsabilitajiet soċjali korporattivi tagħhom billi ma jipprovdux prodotti, teknoloġiji u servizzi lill-Iran li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini Iranjani;

15.

Jenfasizza li l-aċċess ħieles għall-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni u l-aċċess mingħajr ċensura għall-internet (il-libertà tal-internet) huma drittijiet universali u indispensabbli għad-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni, u għall-iżgurar tat-trasparenza u tar-responsabilità, kif dikjarat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-6 ta’ Mejju 2011;

16.

Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirtiraw jew jemendaw kull tip ta' leġiżlazzjoni li tistipula, jew li tista' twassal għal, diskriminazzjoni kontra u l-prosekuzzjoni u l-kastig ta' nies minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom, u biex jiżguraw il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' kulmin jinżamm biss abbażi ta' attivitajiet sesswali konsenswali jew minħabba orjentazzjoni sesswali;

17.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu kenn sigur lil ċittadini Iranjani li jkunu ħarbu minn pajjiżhom, bħal pereżempju permezz tal-inizjattiva Shelter City (Belt ta’ Kenn);

18.

Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jaċċettaw dimostrazzjonijiet paċifiċi biex jindirizzaw l-ammont kbir ta' problemi li qegħdin jiffaċċjaw iċ-ċittadini Iranjani; jesprimi tħassib partikolari dwar l-istraġi ambjentali imminenti fir-reġjun tal-Għadira ta’ Urmia u jitlob azzjoni deċiżiva mill-gvern biex jipprova jistabbilizza l-ekoloġija reġjoali, li minnha jiddependu miljuni ta' Iranjani;

19.

Jistieden lir-rappreżentanti tal-UE u lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jħeġġu lill-awtoritajiet Iranjani jerġgħu jipparteċipaw f’diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

20.

Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiffoka fuq iċ-ċittadini tal-UE li jinsabu fil-ħabsijiet Iranjani u biex tagħmel dak kollu possibbli biex tiżgura l-benesseri u l-ħelsien tagħhom;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem, lill-President tal-Qorti Suprema tal-Iran, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.


Top