EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0514

Negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Novembru 2011 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja (2011/2133(INI))

ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 137–143 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 153/137


Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2011
Negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja

P7_TA(2011)0514

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja (2011/2133(INI))

2013/C 153 E/18

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-konklużjoni ta' ftehim ta’ assoċjazzjoni,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Straordinarju tal-1 ta' Settembru 2008, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Settembru 2008,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġeorġja tal-10 ta' Mejju 2010 li adottaw id-direttivi għan-negozjati,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

wara li kkunsidra d-diskors minn Mikheil Saakashvili, il-President tal-Ġeorġja, lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar ‘Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed jinbidel’ (A new response to a changing Neighbourhood) tal-25 ta' Mejju 2011,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Ġeorġja dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), approvat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006, li jistipula l-objettivi strateġiċi u speċifiċi bbażati fuq l-impenji fir-rigward ta' valuri kondiviżi u l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tal-Ġeorġja tal-Kummissjoni Ewropea adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

wara li kkunsidra l-ftehimiet UE-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-viża u tar-riammissjoni li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Ġeorġja tat-30 ta' Novembru 2009,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea għal dak li għandu x'jaqsmu mat-tħejjijiet tal-Ġeorġja għall-ftuħ tan-negozjati DCFTA mal-Ġeorġja maħruġa fl-2009,

wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel tal-14 ta' Lulju 2011,

wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim dwar iż-Żona Komuni Ewropea tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja tat-2 ta' Diċembru 2010,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2010 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) fin-Nofsinhar tal-Kawkasu,

wara li kkunsidra r-riżulozzjonijiet tiegħu dwar il-Ġeorġja tat-3 ta' Settembru 2008 (1), dwar il-bżonn għal Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu tal-20 ta' Mejju 2010 (2) u dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dimensjoni tal-Lvant tas-7 ta' April 2011 (3),

wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0374/2011),

A.

billi s-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikanti għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċellerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u l-Ġeorġja, billi appoġġat ir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi u ffaċilitat it-tqarrib tagħha mal-UE;

B.

billi s-Sħubija tal-Lvant tiddisponi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali permezz ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni ġodda, waqt li tqis is-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjoni ta' kull pajjiż sieħeb u l-kapaċità tiegħu li jirrispetta l-impenji li jirriżultaw;

C.

billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u l-impenn tagħha għall-valuri u l-prinċipji komuni, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi 'l quddiem u biex in-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-ftehim ta' assoċjazzjoni jkunu suċċess u jiżguraw li jkollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tal-pajjiż;

D.

billi t-tqarrib legali huwa strument importanti għat-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja;

E.

billi l-Ġeorġja hija waħda mis-sħab bl-aqwa rendiment tas-Sħubija tal-Lvant rigward l-adozzjoni tar-riformi, għalkemm għad hemm problemi rigward l-implimentazzjoni tagħhom; billi hemm bżonn żvilupp ulterjuri rigward ir-riformi fis-sistema ġudizzjarja, u fid-drittijiet tax-xogħol, fid-drittijiet tan-nisa u fl-integrazzjoni tal-minoranzi;

F.

billi l-kunflitt mhux solvut bejn ir-Russja u l-Ġeorġja jfixkel l-istabbiltà u l-iżvilupp tal-Ġeorġja; billi r-Russja għadha tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tan-normi u l-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali; billi t-tindif etniku u t-tibdil demografiku bil-forza saru fiż-żoni taħt il-kontroll effettiv tas-setgħa okkupanti, li hija responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn iż-żoni;

G.

billi, fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha dwar ‘Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed jinbidel’, l-UE ddikjarat l-ambizzjoni tagħha biex ikollha sehem aktar proattiv fir-riżoluzzjoni tal-konflitt; billi l-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE (EUMM) qed taqdi rwol importanti fil-post u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kwakasu u l-Kriżi tal-Ġeorġja qed jikkopresjedi t-taħditiet f'Ġinevra; billi dawn it-taħditiet ftit li xejn ħallew riżultati sal-lum;

H.

billi l-UE tenfasizza d-dritt tal-Ġeorġja li tingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali, waqt li tirrispetta l-liġi internazzjonali, u ttenni t-twemmin sod tagħha fil-prinċipju li l-ebda pajjiż terz m'għandu veto fuq id-deċiżjoni sovrana ta' pajjiż ieħor li jingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali jew id-dritt li jiddestabilizza gvern elett demokratikament;

I.

billi n-negozjati mal-Ġeorġja u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni qed jimxu 'l quddiem b'rata mgħaġġla, imma minkejja kollox in-negozjati dwar iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA) għadhom ma bdewx;

1.   Jindirrizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex:

(a)

jiżguraw li n-negozjati mal-Ġeorġja jkomplu b'rata konsistenti;

(b)

jiżguraw ukoll li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komprensiv li jħares 'il quddiem għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-Ġeorġja fis-snin li ġejjin;

Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni

(c)

jirrikonoxxu l-Ġeorġja bħala stat Ewropew u l-impenn tal-UE u n-negozjati li għaddejjin mal-Ġeorġja jibbażawhom fuq perspettiva Ewropea kif ukoll l-aspirazzjonijiet tal-Ġeorġja, inklużi dawk imsejsa fuq l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-UE, li huwa meqjus bħala lieva siewja għall-implimentazzjoni ta' riformi u katalist neċessarju għal dawn ir-riformi li jkun jista' jsaħħaħ ulterjorment l-impenn tal-Ġeorġja għall-valuri u l-prinċipji komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

(d)

isaħħu l-appoġġ tal-UE għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jiżguraw l-applikabbiltà tal-ftehim, ladarba jkun konkluż, għat-territorju kollu tal-Ġeorġja; għal dak il-għan, ikomplu l-ħidma attiva fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, inter alia grazzi għall-EUMM, li l-mandat tagħha dan l-aħħar kien estiż sal-15 ta' Settembru 2012;

(e)

jenfasizzaw il-bżonn tar-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni kollha spustati internament u tar-refuġjati fil-postijiet tar-residenza permanenti tagħhom u l-inaċċettabbiltà tat-tibdil demografiku bil-forza;

(f)

jenfasizzaw l-importanza tat-tolleranza etnika u reliġjuża; jilqgħu l-liġi reċenti adottata mill-Parlament Ġeorġjan dwar ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-miżuri ta' azzjoni affermattiva adottati mill-Gvern Ġeorġjan fil-qasam tal-edukazzjoni, bl-għan li jkun hemm integrazzjoni aħjar tal-minoranzi nazzjonali;

(g)

jirrikonoxxu r-reġjuni tal-Ġeorġja tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar bħala territorji okkupati;

(h)

jintensifikaw it-taħditiet mal-Federazzjoni Russa biex ikun żgurat li din tirrealizza bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja, partikolarment id-dispożizzjoni li tgħid li r-Russja għandha tiggarantixxi aċċess bla limitu u sħiħ lill-EUMM għat-territorji okkupati tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; jagħtu importanza lill-ħtieġa biex tkun ipprovduta stabbiltà fir-reġjuni msemmija qabel tal-Ġeorġja;

(i)

jistiednu lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, biex ittemm l-okkupazzjoni ta' dawk it-territorji Ġeorġjani u biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment kif hemm imniżżel fil-liġi internazzjonali, il-Karta tan-NU, l-Att Finali tal-Konferenza ta' Ħelsinki dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

(j)

jilqgħu l-impenn unilaterali mill-Ġeorġja biex ma tużax il-forza biex tirbaħ lura l-kontroll tar-reġjuni tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif dikjarat mill-President Saakashvili lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010, u jistiednu r-Russja tirreċiproka l-impenn kontra l-użu tal-forza fir-rigward tal-Ġeorġja; jilqgħu l-istrateġija tal-Ġeorġja dwar it-Territorji Okkupati u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Politika ta' Impenn bħala għodda importanti għar-rikonċiljazzjoni u biex jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ djalogu aħjar u kuntatti bejn in-nies mal-popolazzjonijiet lokali tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar sabiex joħolqu l-possibilità ta' rikonċiljazzjoni;

(k)

jilqa’ l-ftehim milħuq bejn il-gvernijiet tar-Russja u tal-Ġeorġja dwar id-dħul tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, bit-tama li dan il-ftehim jitratta l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar bħala partijiet integrali tal-Ġeorġja;

(l)

jistiednu lill-Ġeorġja u lir-Russja jimpenjaw ruħhom għal taħditiet diretti, mingħajr prekundizzjonijiet, dwar medda ta' suġġetti, b'medjazzjoni, jekk ikun hemm bżonn, minn parti terza aċċettabbli għat-tnejn, li għandhom jikkomplementaw, mhux jissostitwixxu, il-proċess ta' Ġinevra eżistenti;

(m)

jesprimu tħassib dwar l-attakki terroristiċi fil-Ġeorġja mis-sena li għaddiet u jistiednu lill-Ġeorġja u lir-Russja jikkooperaw fl-investigazzjoni tal-attakki terroristiċi msemmija hawn fuq; iħeġġu lill-Ġeorġja u lir-Russja jnaqqsu r-retorika dwar l-attakki bil-bombi u l-appoġġ għat-terroriżmu sabiex joħolqu klima ta' fiduċja waqt it-tmexxija ta' dawn l-investigazzjonijiet;

(n)

jilqa’ l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa dwar l-adeżjoni tal-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li jinkludi arranġament għall-monitoraġġ tal-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi;

Ġustizzja, libertà u sigurtà

(o)

jilqgħu l-progress sinifikanti magħmul mill-Ġeorġja fl-oqsma ta' riformi demokratiċi, inkluż it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, partikolarment l-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-ġudikatura, kif ukoll ir-riformi ekonomiċi u l-liberalizzazzjoni; jifirħu lill-Ġeorġja dwar it-tnaqqis globali tar-rata tal-kriminalità u partikolarment tad-delitti serji fil-pajjiż;

(p)

jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan jidħol b'mod iktar estensiv fi djalogu politiku kostruttiv mal-qawwiet tal-oppożizzjoni u jiżviluppa ulterjorment ambjent demokratiku għal-libertà tal-espressjoni, speċjalment l-aċċess għall-midja pubbliċi għall-partiti politiċi kollha;

(q)

jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan itejjeb iktar il-kundizzjonijet fiżiċi fil-ħabsijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni, ikompli jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lid-Difensur Pubbliku tal-Ġeorġja, li hu responsabbli għall-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jqis li jgħin lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi tad-drittijiet tal-bniedem biex iżuru persuni fil-ħabsijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni;

(r)

jistudjaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-iffaċilitar tal-viża u tar-riammissjoni u tas-Sħubija għall-Mobilità tal-UE-Ġeorġja; iqisu t-tnedija wara dan tad-djalogu UE-Ġeorġja dwar il-viża meta jasal il-waqt tiegħu, bl-għan tal-liberalizzazzjoni tal-viża; jiżguraw li l-Ftehim jirrifletti l-progress lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar fil-mument tal-finalizzazzjoni tan-negozjat tal-Ftehim;

(s)

jinkorporaw fil-Ftehim klawżoli dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, billi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE u b'insistenza partikulari fuq id-drittijiet ta' persuni spustati internament (IDPs) u persuni li huma parti minn minoranzi nazzjonali u minoranzi oħra;

(t)

jinnotaw il-ħidma sinifikanti magħmula mill-Ġeorġja fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-IDP, b'attenzjoni partikulari fuq l-aċċess għad-djar;

(u)

jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Ġeorġjani jadottaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni komprensiva, effettiva u antidiskriminatorja f'konformità mal-kliem u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE inter alia, il-leġiżlazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u fuq l-identità tal-ġeneru;

(v)

jenfasizzaw fil-Ftehim l-importanza li jkunu żgurati l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni u jkomplu jappoġġaw ir-riforma tal-ġudikatura bħala waħda mill-prijoritajiet, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura; jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tkun żviluppta ġudikatura indipendenti għal kollox, inkluż billi jittieħdu passi biex ikun żgurat li każijiet politiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' serq tal-proprjetà magħrufa ħafna jkunu eżaminati b'mod ġust;

(w)

jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan jippromwovi midja ħielsa, il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu fil-midja; jippermetti lill-midja tirrapporta b'mod indipendenti u b'mod objettiv mingħajr pressjoni politika u ekonomika; jiżgura l-implimentazzjoni kredibbli u effiċjenti tal-miżuri għall-ħarsien tal-ġurnalisti; jiżgura t-trasparenza inkwantu s-sjieda tal-midja, rigward b'mod partikolari x-xandir tal-midja, u l-aċċess liberu għall-informazzjoni pubblika;

(x)

jinkludu fil-Ftehim taqsima dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, inkluża l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġeorġjana relevanti mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

(y)

jenfasizzaw l-importanza li tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fir-rigward, b'mod partikulari, tad-distakk enormi bejn is-sessi fis-salarji;

Ekonomija u kooperazzjoni settorjali

(z)

iniedu malajr kemm jista' jkun in-negozjati DCFTA, u f'dan il-kuntest jipprovdu l-assistenza relevanti lill-kontropartijiet Ġeorġjani tagħhom biex jinnegozjaw u sussegwentement jimplimentaw id-DCFTA wara evalwazzjoni preċiża u bir-reqqa tal-impatt soċjali u ambjentali tiegħu;

(aa)

jappoġġaw il-ftuħ tan-negozjati dwar DCFTA malajr kemm jista' jkun u hekk kif ir-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin magħmula mill-Kummissjoni u approvati mill-Istati Membri tal-UE jintlaqgħu mill-Ġeorġja, sabiex il-Ġeorġja tkun tista’ tiġi integrata aktar mal-akbar sieħeb kummerċjali tagħha, minħabba li dan hu meħtieġ sabiex jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku tal-Ġeorġja u biex tegħleb il-kriżi ekonomika u l-ħsara kkawżata mill-gwerra mar-Russja fl-2008;

(ab)

jinkoraġġixxu l-progress tal-Ġeorġja fl-ipperfezzjonar tal-leġiżlazzjoni tagħha, fit-titjib tal-effiċjenza tal-istituzzjonijiet tagħha u fl-iżgurar ta' standards għoljin rigward il-kontrolli tal-kwalità tal-prodotti tagħha sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti stipolati mill-Kummissjoni Ewropea;

(ac)

jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika mill-UE għall-Ġeorġja sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tar-riformi leġiżlattivi u istituzzjonali meħtieġa għall-adattament mad-DCFTA u biex ikun aċċellerat il-proċess ta' implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja;

(ad)

jenfasizzaw kemm huwa importanti għall-UE li l-Ġeorġja tiggarantixxi r-rimi kif suppost ta' skart tossiku u radjuattiv fit-territorju tagħha bħala prerekwiżit għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-agrikoltura sabiex tkun protetta s-sikurezza tal-ikel;

(ae)

jinkludu fil-Ftehim impenji ta' konformità mad-drittijiet u l-istandards tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, speċjalment il-Konvezjonijiet 87 u 98, u l-Karta Soċjali għall-UE wkoll għall-iżvilupp ta' djalogu soċjali ġenwin, strutturat u mhux diskriminatorju u għall-effett ta' faċilitazzjoni li t-tqarrib Ġeorġjan lejn l-acquis soċjali tal-UE jkollu fuq il-perspettiva tal-UE;

(af)

jistiednu lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jagħtu impenn aktar b'saħħtu għall-politiki tal-impjegar u għall-koeżjoni soċjali u biex joħolqu ambjent aktar propizju mal-istandarda tal-UE tal-ekonomija tas-suq soċjali;

(ag)

iqisu l-isforzi sostanzjali li l-Gvern tal-Ġeorġja għamel fis-snin reċenti biex jiftaħ l-ekonomija tal-pajjiż bl-iffissar ta' tariffi industrijali baxxi ħafna, bl-adozzjoni ta' qafas legali u regolatorju li jiffavorixxi n-negozju u l-investiment, u bl-infurzar tal-istat tad-dritt;

(ah)

jinkludu impenji sekwenzjali li jkopru l-kapitoli b'rabta mal-kummerċ bħall-ostakoli mhux tariffarji, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, ir-regoli dwar l-oriġini, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, id-drittijiet tal-propjetà intellettwali u l-investimenti u l-politika tal-kompetizzjoni, u biex jikkompletaw l-azzjonijiet koperti mill-Pjan ta' Azzjoni;

(ai)

iħeġġu lill-Ġeorġja tkompli fit-triq ta' riformi li jtejbu l-klima kummerċjali, il-kapaċità tagħha ta' ġbir ta' taxxi u l-mekkaniżmu tagħha għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti kuntrattwali, filwaqt li tħeġġeġ responsabbiltà soċjali korporattiva u żvilupp sostenibbli; iħeġġu lill-Ġeorġja tinvesti fl-infrastruttura tagħha, speċjalment rigward is-servizzi pubbliċi, biex tiġġieled kontra l-inugwaljanzi eżistenti, b'mod partikolari f'żoni rurali, tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-esperti mill-Istati Membri tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom fil-Ġeorġja sabiex titrawwem l-implimentazzjoni tar-riformi fil-pajjiż u biex jiġu kondiviżi l-aqwa prattiki tal-governanza tal-UE kuljum;

(aj)

jinkoraġġixxu kooperazzjoni settorjali wiesgħa; jikkjarifikaw b’mod partikolari l-benefiċċji u jippromwovu konverġenza regolatorja f'dan il-qasam;

(ak)

jinkludu fil-Ftehim dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà li l-Ġeorġja tipparteċipa fi programmi u aġenziji tal-Komunità, għodda fundamentali għall-promozzjoni tal-istandards Ewropej fil-livelli kollha;

(al)

jenfasizzaw il-bżonn ta’ żvilupp sostenibbli, fost l-oħrajn bis-saħħa tal-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effikaċja tal-enerġija, b'kunsiderazzjoni għall-miri tal-UE rigward it-tibdil fil-klima; jenfasizzaw l-importanza tal-Ġeorġja fit-titjib tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE bil-promozzjoni ta' proġetti ta' prijorità u miżuri ta' politika għall-iżvilupp tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar (NABUCCO, AGRI, Trans-Caspian Pipeline, White Stream, EAOTC);

(am)

jinkoraġġixxu u jassistu lill-awtoritajiet Ġeorġjani fil-programm ta' investiment tagħhom għall-kostruzzjoni ta' kapaċità ġenerattiva ġdida f'impjanti idroelettriċi skont l-istandards u n-normi tal-UE, bħala għodda biex tiddiversifika l-bżonnijiet tagħha tal-enerġija;

Kwistjonijiet oħrajn

(an)

jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet rigward il-kooperazzjoni parlamentari;

(ao)

jinkludu punti ta’ riferiment ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jagħmlu dispożizzjoni għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-provvediment ta' rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;

(ap)

jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika speċifika lill-Ġeorġja sabiex jgħinu biex ikun żgurat li hija tista' tissodisfa l-impenji li jirriżultaw min-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu jiġu pprovduti Programmi Komprensivi għall-Bini tal-Istituzzjonijiet; iqiegħdu għad-dispożizzjoni iktar riżorsi għall-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bl-għajnuna ta' miżuri fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, għal programmi ta' sħubija, konsultazzjonijiet, programmi ta' taħriġ u programmi ta' skambju tal-ħaddiema lkoll ta' livell għoli, kif ukoll esperjenzi prattiċi ta' xogħol għat-taħriġ vokazzjonali u boroż ta' studju għall-finijiet ta' taħriġ vokazzjonali;

(aq)

iżidu, skont il-Komunikazzjoni Konġunta dwar Reazzjoni Ġdida għal Viċinat li qed Jinbidel, l-assistenza tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-midja fil-Ġeorġja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu monitoraġġ intern u jkun hemm responsabbiltà akbar fir-rigward tar-riformi u l-impenji li ħa l-gvern;

(ar)

jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE jkompli l-kooperazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew, fejn jipprovdi informazzjoni kontinwa, sostnuta bid-dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

*

* *

2.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE u, għall-informazzjoni tagħhom, lill-Ġeorġja.


(1)  ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 26-30

(2)  ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 136-147

(3)  Test adottat, P7_TA(2011)0153


Top