This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011IP0511
The open internet and net neutrality in Europe European Parliament resolution of 17 November 2011 on the open internet and net neutrality in Europe
L-Internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Novembru 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa
L-Internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Novembru 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa
ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 128–132
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
31.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 153/128 |
Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2011
L-Internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa
P7_TA(2011)0511
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa
2013/C 153 E/15
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' April 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa (COM(2011)0222), |
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsiji tat-12 ta' Ottubru u tal-14 ta' Ottubru 2011 lill-Kunsill dwar L-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa (O-000243/2011 – B7-0641/2011 u O-000261/2011 - B7-0653/2011), |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta' Diċembru 2009, dwar in-newtralità tal-internet (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 1(8)(g) tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 20(1)(b), 21(3)(c) u (d) u 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta' Mejju 2010, bit-titlu "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" (COM(2010)0245), |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2010 dwar "Aġenda Diġitali għall-Ewropa", |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta' April 2011, bit-titlu "L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u tiġi rinfurzata l-fiduċja - Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2011)0206), |
— |
wara li kkunsidra s-Summit dwar "L-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa" organizzat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fi Brussell fil-11 ta' Novembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-IMCO dwar in-"Newtralità tan-Netwerk: Sfidi u reazzjonijiet fl-UE u fl-Istati Uniti" (IP/A/IMCO/ST/2011-02) ta' Mejju 2011, |
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-7 ta' Ottubru 2011 dwar in-newtralità tan-net, il-ġestjoni tat-traffiku u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-Kunsill biħsiebu jadotta konklużjonijiet dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa fil-Kunsill TTE tat-13 ta' Diċembru 2011, |
B. |
billi l-Istati Membri tal-UE kellhom jikkonformaw sal-25 ta' Mejju 2011 mal-pakkett tal-UE tal-2009 dwar ir-riforma tat-telekomunikazzjonijiet u l-Kummissjoni diġà ħadet il-passi meħtieġa biex tiżgura li jitħarsu l-prinċipji tat-Trattat tal-UE u tal-acquis communautaire, |
C. |
billi l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-prinċipji tan-newtralità u ta' internet miftuħ, kif ukoll tippromwovi l-abbiltà tal-utenti aħħarin li jaċċessaw u jqassmu informazzjoni u jużaw applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, |
D. |
billi l-Kummissjoni talbet lill-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) janalizza l-ostakli biex jinbidel l-operatur u l-prattiki ta' mblukkar u trażżin tat-traffiku tal-internet, kif ukoll it-trasparenza u l-kwalità tas-servizz fl-Istati Membri, |
E. |
billi l-karatteristika miftuħa tal-internet kienet il-forza motriċi tal-kompetittivtà, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-innovazzjoni li wasslet għal livelli spettakolari ta' żvilupp fl-applikazzjonijiet, il-kontenut u s-servizzi onlajn, u b'hekk ta' tkabbir fl-offerta u d-domanda tal-kontenut u s-servizzi; billi din il-karatteristika għamlitu aċċelleratur importanti ħafna fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien, l-ideat u l-informazzjoni, anke f'pajjiżi fejn hemm aċċess limitat għall-midja indipendenti, |
F. |
billi hemm terzi pajjiżi li waqqfu fornituri mobbli tal-broadband milli jimblukkaw websajts leġittimi u l-VoIP jew l-applikazzjonijiet ta' telefonija bil-vidjow li jikkompetu mas-servizzi tal-vuċi jew tat-telefonija bil-vidjow tagħhom stess, |
G. |
billi s-servizzi tal-internet huma offruti fuq skala transkonfinali u l-internet huwa fiċ-ċentru tal-ekonomija globali, |
H. |
billi b'mod partikolari, kif enfasizzat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-broadband u l-internet huma xpruni importanti għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività Ewropea fil-livell globali, |
I. |
billi l-Ewropa tkun tista' tisfrutta għalkollox il-potenzjal ta' ekonomija diġitali biss permezz tal-ixprunar ta' suq intern diġitali li jiffunzjona sew, |
1. |
Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel mal-analiżi tagħha, b'mod partikolari dwar il-ħtieġa li titħares il-karatteristika miftuħa u newtrali tal-internet bħala forza motriċi tal-innovazzjoni u d-domanda tal-konsumatur filwaqt li jiġi żgurat li l-internet jista' jibqa' jipprovdi servizzi ta' kwalità għolja f'qafas li jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet fundamentali; |
2. |
Jinnota li l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jindikaw li f'dan l-istadju jidher li m'hemm l-ebda ħtieġa ċara għal intervent regolatorju addizzjonali rigward in-newtralità tan-net fuq il-livell Ewropew; |
3. |
Jinnota madankollu l-potenzjal għal imġiba antikompetittiva u diskriminatorja fil-ġestjoni tat-traffiku b'mod partikolari minn kumpaniji integrati vertikalment; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika l-evidenza li ħarġet mill-investigazzjonijiet tal-BEREC dwar prattiki li potenzjalment qed jaffettwaw in-newtralità tan-net fl-Istati Membri; |
4. |
Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tal-qafas regolatorju Telecom eżistenti tal-UE għall-komunikazzjonijiet u tivvaluta fi żmien sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-investigazzjoni tal-BEREC jinħtiġux aktar miżuri regolatorji sabiex jiġu żgurati l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà tal-għażla għall-konsumaturi u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll biex jinkisbu kompetizzjoni effikaċi, innovazzjoni, jiġu ffaċilitati benefiċċji wiesa' għall-użu tal-internet miċ-ċittadini, l-impriżi u l-amministrazzjoni pubblika, u jissottolinja li kwalunkwe proposta regolatorja Ewropea fil-qasam tan-newtralità tan-net għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt; |
5. |
Jilqa' l-ħidma tal-BEREC f'dan il-qasam u jistieden lill-Istati Membri u b'mod partikolari lill-ARN jaħdmu mill-qrib mal-BEREC; |
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-BEREC, biex f'kooperazzjoni mal-Istati Membri timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp ta' prattiki ta' ġestjoni tat-traffiku u ftehimiet dwar l-interkonnessjoni, b'mod partikolari b'rabta mal-imblukkar u t-trażżin ta', jew il-prezzijiet eċċessivi għal, il-VoIP u l-qsim tal-fajls, kif ukoll mal-imġiba antikompetittiva u d-degradazzjoni eċċessiva tal-kwalità kif meħtieġ mill-qafas regolatorju Telecom tal-UE u konsegwentement jistieden lill-Kummissjoni tara li l-Fornituri tas-Servizzi tal-Internet ma jimblukkawx, ma jiddiskriminawx kontra, ma jxekklux, jew ma jiddegradawx l-abilità ta' kwalunkwe persuna li tuża servizz biex ikollha aċċess, tuża, tibgħat, tippowstja, tirċievi, jew toffri kwalunkwe kontenut, applikazzjoni, jew servizz tal-għażla tagħhom irrispettivament mis-sors jew il-mira; |
7. |
Jitlob lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament Ewropew informazzjoni dwar prattiki attwali ta' ġestjoni tat-traffiku, is-suq tal-interkonnessjonijiet u l-konġestjoni tan-netwerk kif ukoll dwar kwalunkwe rabta ma' nuqqas ta' investimenti; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar il-kwistjoni ta' "newtralità tal-apparat"; |
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BEREC jiżguraw konsistenza fl-approċċ rigward in-newtralità tan-net u l-implimentazzjoni effikaċi tal-qafas regolatorju Telecom tal-UE; |
9. |
Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni proposta dwar il-kwistjoni tan-newtralità tan-net tista' tkun effikaċi biss permezz ta' approċċ Ewropew konsistenti; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-adozzjoni ta' kwalunkwe regolamenti nazzjonali marbuta man-newtralità tan-net, f'termini tal-effetti fuq is-suq nazzjonali rispettiv kif ukoll fuq is-Suq Intern; jikkunsidra li jkun ta' benefiċċju għall-partijiet interessati kollha jekk il-Kummissjoni tipprovdi linji gwida għall-UE kollha, anke fir-rigward tas-suq tal-komunikazzjoni mobbli, biex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-pakkett Telecom dwar in-newtralità tan-net jiġu applikati u infurzati b'mod xieraq u konsistenti; |
10. |
Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u b'mod partikolari bejn l-ARN, flimkien mal-Kummissjoni, sabiex l-UE tibbenefika mill-potenzjal sħiħ tal-internet; |
11. |
Jiġbed l-attenzjoni rigward ir-riskji serji li nitbiegħdu min-newtralità tan-netwerk bħall-imġiba antikompetittiva, l-imblukkar tal-innovazzjoni, ir-restrizzjoni fuq il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, in-nuqqas ta' għarfien tal-konsumatur u l-ksur tal-privatezza li se jkunu ta' detriment għall-impriżi, għall-konsumaturi u għas-soċjetà demokratika b'mod ġenerali u jfakkar fl-opinjoni tal-KEPD dwar l-impatt tal-prattiki ta' ġestjoni tat-traffiku fuq il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet; |
12. |
Ifakkar li l-għan tal-qafas regolatorju Telecom tal-UE huwa li jippromwovi l-libertà tal-espressjoni, l-aċċess mhux diskriminatorju għall-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi u l-kompetizzjoni effikaċi u għalhekk kwalunkwe miżura fil-qasam tan-newtralità tan-net, minbarra l-liġi tal-kompetizzjoni eżistenti, għandu jkollha l-għan li tittratta kwalunkwe prattika antikompetittiva li tista' titfaċċa u għandha wkoll twassal għall-investimenti u tiffaċilita mudelli kummerċjali innovattivi għall-ekonomija onlajn; |
13. |
Jikkunsidra l-prinċipju tan-newtralità tan-net bħala prerekwiżit sinifikanti sabiex jiffaċilita ekosistema innovattiva tal-internet u biex jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-servizz taċ-ċittadini u tal-intraprendituri Ewropej; |
14. |
Iqis li l-kompetizzjoni effikaċi fis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, it-trasparenza dwar il-ġestjoni tat-traffiku u l-kwalità tas-servizz kif ukoll il-faċilità li biha wieħed jista' jaqleb huma fost il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa għan-newtralità tan-net, biex tiġi żgurata l-libertà tal-għażla u t-talbiet tal-utenti aħħarin; |
15. |
Jirrikonoxxi l-fatt li tinħtieġ ġestjoni tat-traffiku raġonevoli biex ikun żgurat li l-konnettività tal-utent aħħari ma tkunx imxekkla minn konġestjoni tan-netwerk; f'dan il-kuntest l-operaturi jistgħu, soġġetti għall-iskrutinju tal-ARN, jużaw proċeduri biex ikejlu u jsawru t-traffiku tal-internet sabiex iżommu l-kapaċità u l-istabbiltà funzjonali tan-netwerks u biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità tas-servizz; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jużaw is-setgħat kollha tagħhom skont id-Direttiva dwar is-Servizzi Universali biex jimponu standards minimi ta' kwalità għas-servizzi, u jemmen li l-iżgurar tal-kwalità fir-rigward tat-traffiku urġenti m'għandux ikun raġuni biex jiġi abbandunat il-prinċipju tal-aħjar sforz; |
16. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiżguraw li l-interventi fil-ġestjoni tat-traffiku ma jinvolvux diskriminazzjoni antikompetittiva jew ta' ħsara; jemmen li servizzi speċjalizzati [jew ġestiti] m'għandhomx ikunu ta' ħsara għas-salvagwardja ta' aċċess stabbli għall-internet skont il-prinċipju tal-"aħjar sforz", biex b'hekk jitħeġġu l-innovazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, tiġi żgurata l-kompetizzjoni u jiġi evitat distakk diġitali ġdid; |
Protezzjoni tal-Konsumatur
17. |
Jitlob li jkun hemm trasparenza fil-ġestjoni tat-traffiku kif ukoll informazzjoni aħjar għall-utenti aħħarin u jenfasizza l-ħtieġa li l-konsmaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jkunu jistgħu jaqilbu b'mod effikaċi għal fornitur ġdid li jista' jissodisfa bl-aħjar mod il-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom inklużi l-veloċità u l-volum tad-downloads u s-servizzi u jfakkar f'dan ir-rigward fl-importanza li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara, effikaċi, sinifikanti u paragunabbli dwra il-prattiki kummerċjali konċernati kollha b'effett ekwivalenti b'mod partikolari fuq l-internet mobbli; |
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida addizzjonali rigward id-dritt li wieħed jaqleb minn operatur għal ieħor sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti ta' trasparenza u tippromwovi d-drittijiet ugwali għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea kollha; |
19. |
Jinnota l-eżistenza tat-tħassib mill-konsumaturi rigward id-diskrepanza bejn il-veloċitajiet ippubbliċizzati u dawk li fil-fatt jingħataw għal konnessjoni tal-internet; f'dan ir-rigward jitlob lill-Istati Membri biex jinfurzaw il-projbizzjoni dwar ir-reklamar qarrieqi; |
20. |
Jagħraf il-ħtieġa li jinħolqu diversi modi li jtejbu l-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-ambjent onlajn; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw il-programmi edukattivi bl-għan li jżidu l-ħiliet tal-ICT tal-konsumaturi u jnaqqsu l-esklużjoni diġitali; |
21. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tistieden lir-rappreżentanti tal-konsumaturi u lis-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod attiv u ugwali mar-rappreżentanti tal-industrija fid-diskussjonijiet rigward il-futur tal-internet fl-UE; |
*
* *
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 308, 18.12.2009, p. 2.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0322.