Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0504

    Konferenza dwar il-Klima f'Durban Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta' Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP17)

    ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 83–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 153/83


    L-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2011
    Konferenza dwar il-Klima f'Durban

    P7_TA(2011)0504

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP17)

    2013/C 153 E/10

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kyoto għall-UNFCCC,

    wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f'Bali fl-2007 kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali (Deċiżjoni 1/COP 13),

    wara li kkunsidra l-ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet (COP15) tal-UNFCCC u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP5) li saret f'Kopenħagen, fid-Danimarka, mis-7 sat-18 ta' Diċembru 2009, u l-Ftehim ta' Kopenħagen,

    wara li kkunsidra s-sittax-il Konferenza tal-Partijiet (COP16) tal-UNFCCC u s-sitt Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP6) li saret f'Cancun, il-Messiku, mid-29 ta' Novembru sal-10 ta' Diċembru 2010, u l-Ftehimiet ta' Cancun,

    wara li kkunsidra s-sbatax-il Konferenza tal-Partijiet (COP17) tal-UNFCCC li jmiss kif ukoll is-seba' Konferenza tal-Partijiet li se sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP7) li se jsiru f'Durban, fl-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta’ Diċembru 2011,

    wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-Komunità (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (2), tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP15) (3) u tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Cancun (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar "l-2050: Il-ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima" (5),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar "l-adattament għat-tibdil fil-klima: lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni" (COM(2009)0147) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 (6) dwarha, kif ukoll ir-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) rigward is-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli u l-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima tad-9 ta' Mejju 2011 (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE: il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima (8),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2011 dwar is-segwitu għall-Konferenza ta' Cancun, u l-Konklużjonijiet tal-ECOFIN tas-17 ta' Mejju 2011 dwar it-Tibdil fil-Klima,

    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-Għaxar Konferenza tal-Partijiet (COP10) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) b'mod partikolari d-Deċiżjoni dwar il-Ġeoinġinerija COP10 (2010),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' Diċembru 2005 mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: "Il-Konsensus Ewropew", u b'mod partikolari l-punti 22, 38, 75, 76 u 105 tagħha (9),

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat tal-Verifika Ambjentali tal-House of Commons bit-titolu "L-impatt tal-għajnuna barranija tar-Renju Unit fuq il-ħarsien tal-ambjent u fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-trażżin tiegħu", ippubblikat fid-29 ta' Ġunju 2011,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li fasslet l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala għanijiet stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali biex jinqered il-faqar,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ambjent fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Najrobi tal-25-29 ta' Mejju 2009 dwar il-Proċess Afrikan għall-Ġlieda kontra t-Tibdil fil-Klima,

    wara li kkunsidra l-mistoqsijiet parlamentari tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-konferenza ta' Durban dwar it-tibdil fil-klima (COP 17) indiriati lill-Kunsill (O-000216/2011 – B7-0639/2011) u lill-Kummissjoni (O-000217/2011 – B7-0640/2011),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-evidenza xjentifika turi mingħajr dubju l-eżistenza tat-tibdil fil-klima u tal-impatti tiegħu, b'mod li tagħmilha importanti ħafna li tittieħed azzjoni internazzjonali biex tintlaqa' waħda mill-isfidi l-kbar tas-seklu 21 u lil hinn minnu,

    B.

    billi ftehim internazzjonali li jorbot legalment u li jkun konsistenti mal-prinċipju ta' "responsabilità komuni iżda divrenzjata" għandu jibqa' l-għan ġenerali, biex b'hekk jiġi rikonoxxut ir-rwol ta' tmexxija li għandu jkollhom il-pajjiżi żviluppati u l-kontribut xieraq li għandu jingħata mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    C.

    billi l-impenji u l-wegħdiet eżistenti li saru skont il-Ftehim ta' Kopenħagen u li ġew formalizzati fil-Ftehimiet ta' Cancun mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv li ż-żieda kunplessiva fit-temperatura medja annwali fuq wiċċ id-dinja tiġi limitata għal 2 °C ("l-objettiv ta' 2 °C"),

    D.

    billi l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 li jistabbilixxi miri fuq żmien twil jikkonferma mill-ġdid l-objettiv tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 80-95 % sal-2050 sabiex iżżomm it-tibdil tal-klima taħt iż-2 °C filwaqt li jikkonkludi li 80 % tat-tnaqqis sal-2050 irid jirriżulta internament fl-UE,

    E.

    billi huwa importanti li wieħed jibni fuq il-fiduċja u t-trasparenza li reġgħu ġew stabbiliti matul il-Konferenza tal-COP16 f'Cancun, biex jinżamm il-momentum politiku meħtieġ biex titwitta t-triq għal ftehim internazzjonali komprensiv b'għanijiet konkreti u miżuri ta' politiki korrispondenti,

    F.

    billi l-Ftehimiet ta' Cancun iħeġġu lill-pajjiżi żviluppati jżidu l-ambizzjoni tal-objettivi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom, bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra aggregati tagħhom għal livell konsistenti mal-medda bejn il-25 % u l-40 % tal-IPCC għall-2020, meta mqabbla mal-livelli tal-1990,

    G.

    billi jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis kollettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-pajjiżi żviluppati li jinsabu fil-faxxa għolja AR4 (bejn 25 u 40 %) tal-IPCC għall-2020, meta mqabbel mal-livelli tal-1990, biex jintlaħaq l-objettiv ta' 2 °C bi grad ta' probabilità ta' 50 % biss,

    H.

    billi jeħtieġ li jitqiesu tibdiliet radikali fid-dinja ġeopolitika li seħħew matul l-aħħar deċennji, li wasslu sabiex xi pajjiżi li qed jiżviluppaw issa huma parteċipanti ekonomiċi u politiċi ewlenin, xi ħaġa li għandha twassal għal bilanċ ġdid fil-poter u fl-influwenza, li jissarraf fi rwoli ġodda u f'responsabilitajiet ġodda,

    I.

    billi l-pajjiżi Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma' għażliet kritiċi biex iħarsu s-sigurtà u l-prosperità tagħhom fil-ġejjieni, u billi l-bidla għal objettiv nazzjonali ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra li jkun allinjat mal-objettivi tal-UE dwar il-klima tista' tintrabat ma' ekonomija aktar b'saħħitha u ma' żieda fl-impjiegi ħodor u fl-innovazzjoni,

    J.

    billi skont l-istess stimi n-nisa jirrappreżentaw 70 % tal-fqar fid-dinja, jaħdmu żewġ terzi tas-sigħat tax-xogħol iżda huma sidien ta' anqas minn 1 % tal-proprjetajiet, u għaldaqstant huma anqas kapaċi li jadattaw, u huma aktar vulnerabbli, għat-tibdil fil-klima,

    K.

    billi l-Artikolu 7 tal-Ftehimiet ta' Cancun jenfasizza li "l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa u tal-popli indiġeni huma importanti biex ikun hemm azzjoni effettiva fl-aspetti kollha tat-tibdil fil-klima",

    L.

    billi jeżistu differenzi sostanzjali fl-ambitu, fl-istruttura u fil-kunċett bejn ir-rappurtar dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF) fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-UNFCCC u l-kunsiderazzjoni tal-LULUCF fil-qafas tal-Protokoll ta' Kyoto, li jipperikolaw l-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil tal-klima mwettqa mill-Partijiet,

    M.

    billi l-kunsiderazzjoni tal-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-foresti, li huwa responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet tas-settur LULUCF, hija volontarja fil-qafas tal-Protokoll ta' Kyoto,

    N.

    billi r-Rapport tal-Iżvilupp Dinji tal-2010 stima li l-prezz inkrementali globali tal-mitigazzjoni u tal-adattament fil-pajjiżi foqra se jkun bejn USD 170 biljun u USD 275 biljun kull sena sal-2030,

    O.

    billi kwalunkwe ftehim dwar it-tibdil fil-klima għandu jqis il-proċessi eżistenti ta' żvilupp kemm fil-livell internazzjonali (jiġifieri l-MDGs u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-effettività tal-għajnuna) kif ukoll fil-livell nazzjonali (Proġetti ta' Azzjoni Nazzjonali ta' Adattament),

    P.

    billi l-għajnuna tal-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li qed żviluppaw ineħħu gradwalment l-iżvilupp b'livell għoli ta’ użu tal-karbonju u jibnu infrastruttura b'użu baxx tal-karbonju, u billi l-għajnuna tal-UE għandha tappoġġja wkoll l-iżvilupp ekonomiku lokali, l-impjiegi ħodor u t-tnaqqis tal-faqar u m'għandhiex tkun marbuta man-negozji Ewropej jew tintuża biex tissussidjahom,

    Q.

    billi l-iskala attwali tas-self tal-Bank Dinji bħala sostenn għall-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-fjuwils fossili trid tkun konformi mal-objettiv tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra,

    R.

    billi l-membri parlamentari, speċjalment dawk mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jista' u għandu jkollhom rwol kruċjali f'din l-aġenda, billi jiżguraw ir-responsabilità u l-effettività tal-gvern kif ukoll billi jipprovdu rabta importanti ta' għarfien mal-kostitwenti, ladarba ż-żewġ aspetti huma importanti biex jiżguraw il-kapaċità ta' rkupru ta' pajjiż meta dan iħabbat wiċċu ma’ tibdil fil-klima,

    S.

    billi l-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti huma kumplessi u frammentati; billi l-impenn li jingħata 0,7 % tal-PNG għall-ODA sabiex jintlaħqu l-MDGs għadu ma ġiex irrispettat mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi donaturi; u billi l-mekkaniżmi finanzjarji tal-UNFCCC jiddependu fuq kontribuzzjonijiet volontarji minn donaturi,

    T.

    billi t-titjib fil-governanza tal-foresti huwa rekwiżit fundamentali għal tnaqqis dejjiemi tad-deforestazzjoni; u billi hemm bżonn li n-negozjati dwar il-klima jirriflettu esperjenzi mgħoddija biex jiġu indirizzati l-problemi tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti, bħall-Pjan ta' Azzjoni FLEGT tal-UE, maħsub biex jitnaqqas il-qtugħ illegali tas-siġar billi tiġi indirizzata l-governanza tal-foresti,

    U.

    billi għandha titwaqqaf sistema komuni biex timmonitorja l-medda kollha ta' finanzjamenti disponibbli, biex jiġu ffinanzjati miżuri ta' adattament, bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm sistema responsabbli u trasparenti ta' finanzjament,

    Objettivi Ewlenin

    1.

    Iħeġġeġ lill-Partijiet jiżguraw il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali komprensiv, ġust, ambizzjuż u li jorbot legalment għal wara l-2012, li jibni fuq is-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli tal-Protokoll ta' Kyoto, bi qbil mal-objettiv ta' 2 °C u lħuq ta' livell massimu ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra nazzjonali kemm jista' jkun malajr;

    2.

    Jistieden lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern madwar id-dinja biex juru tmexxija politika u rieda reali waqt in-negozjati u jagħtu lil din il-kwistjoni l-ogħla prijorità;

    3.

    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tikkonferma b'mod pubbliku u mhux ekwivoku l-impenn qawwi tagħha favur il-Protokoll ta' Kyoto u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tevita kwalunkwe interruzzjoni bejn il-perjodi ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto; jistieden għalhekk lill-Unjoni Ewropea tiddikjara apertament qabel il-Konferenza ta' Durban li hija lesta tkompli bit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto u tiddefinixxi wkoll il-passi konkreti biex tingħalaq il-"gigatonne gap", jiġifieri d-differenza bejn il-livelli attwali ta' ambizzjoni u dawk meħtieġa biex it-tisħin dinji jinżamm taħt iż-2 °C; jistieden lill-UE tiżgura li dan id-distakk jiġi identifikat u kkwantifikat f'Durban u li tistinka għal miżuri biex dan jingħalaq;

    4.

    Jirrikonoxxi, madankollu, li jinħtieġ progress kumparabbli fil-binarju tal-Konvenzjoni biex jiġi żgurat ftehim internazzjonali ġust, ambizzjuż u li jorbot legalment li jissodisfa l-objettiv ta' 2 °C; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-alleanzi (subglobali) mal-aktar stati progressivi bħala l-mod kif jingħata impuls ulterjuri lill-proċess ta' negozjati; jistieden lill-COP tistabbilixxi mandat ta' żmien limitat sabiex mill-aktar fis, u mhux aktar tard mill-2015, jiġi implimentat ftehim li jorbot legalment fil-qafas tal-Konvenzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward li l-pajjiżi industrijalizzati jeħtieġ li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'25-40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2020 filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala grupp, għandhom jiksbu devjazzjoni sostanzjali taħt it-tbassir attwali tar-rata taż-żieda fl-emissjonijiet, fir-reġjun ta' 15-30 % sal-2020;

    5.

    Iħeġġeġ lis-sħab internazzjonali kollha jagħlqu l-gigatonne gap li teżisti bejn ir-riżultati xjentifiċi u l-wegħdiet attwali tal-Partijiet u jieħdu impenji u azzjonijiet favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu aktar ambizzjużi minn dawk li jinsabu fil-Ftehim ta' Kopenħagen, imsejsa fuq il-prinċipju ta' "responsabilità komuni iżda divrenzjata", u jindirizzaw l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu u l-HFCs sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettiv ta' 2 °C; jinnota li l-komunikazzjoni ddettaljata lill-Partijiet dwar fejn il-wegħdiet attwali se jwassluna, u x'jeħtieġ li jsir aktar, hija pass importanti biex titqajjem il-kuxjenza fost il-Partijiet u biex jiġi żgurat li jkun hemm wegħdiet aktar sostanzjali;

    6.

    Jenfasizza l-importanza li jsir progress fil-Konferenza ta' Durban fir-rigward tal-implimentazzjoni ulterjuri tal-Ftehimiet ta' Cancun u tal-istabbiliment tad-data meta l-emissjonijiet globali għandhom jilħqu l-quċċata tagħhom u ta' mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2050, li tiddefinixxi mogħdija ċara lejn l-2050 inklużi miri globali intermedji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, kif ukoll biex ikun hemm qbil dwar strumenti ta' politika li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti u fir-rigward tal-indirizzar tal-kwistjoni ġenerali tal-forma futura tal-impenji kemm tal-pajjiżi żviluppati kif ukoll ta' dawk li qed jiżviluppaw; itenni li, skont l-evidenza xjentifika ppreżentata mill-IPCC, l-objettiv ta' 2 °C jeħtieġ li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jilħqu l-quċċata sa mhux aktar tard mill-2015 u jitnaqqsu b'mill-anqas 50 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2050 u li wara dawn ikomplu jonqsu;

    7.

    Jistieden lill-Konferenza ta' Durban tniedi proċess li jindirizza l-adegwatezza tal-wegħdiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet abbażi tas-sena kulminanti, tal-objettiv ta' tnaqqis tal-2050 kif ukoll tal-objettiv taż-2 °C;

    8.

    Jilqa' l-pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 li jistabbilixxi miri fuq żmien twil filwaqt li jikkonferma mil-ġdid l-objettiv tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 80 %-95 % fl-2050 sabiex iżżomm it-tibdil tal-klima taħt iż-2 °C; jinnota li 80 % tat-tnaqqis sal-2050 irid jiġi pprovdut internament fi ħdan l-UE u li tnaqqis lineari jagħmel sens mil-lat ekonomiku;

    9.

    Itenni li l-emissjonijiet kumulattivi huma deċiżivi għas-sistema klimatika; jinnota li anke meta tilħaq il-miri tal-2050 tal-pjan direzzjonali mfassal mill-Kummissjoni, l-UE xorta tkun għadha responsabbli, fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, għal madwar id-doppju tas-sehem tagħha per capita tal-baġit globali tal-karbonju kompatibbli mal-objettiv ta’ 2 °C, u li dewmien fit-tnaqqis tal-emissjonijiet iżid b'mod sinifikanti s-sehem kumulattiv;

    10.

    Jilqa' l-aħħar komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-analiżijiet tagħha dwar kif jista' jinkiseb tnaqqis ta' 30 %; jappoġġja l-fehma murija fiha li, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati internazzjonali, huwa fl-interess tal-UE li timmira għal objettiv ta' protezzjoni klimatika ta' aktar minn 20 %, peress li dan ikollu l-effett simultanju li joħloq impjiegi ħodor, tkabbir u sigurtà;

    11.

    Abbażi ta' aspettattivi realistiċi fir-rigward tal-eżitu probabbli tal-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima f'Durban, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkonkludu kemm jista' jkun ftehimiet parzjali, pereżempju dwar xjenza, trasferiment tat-teknoloġija u LULUCF, sabiex jinżamm progress ġenerali pożittiv fin-negozjati, u b'hekk tingħata ċertezza għal politiki u negozjati futuri dwar tibdil fil-klima;

    12.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw prinċipju ta' "ġustizzja tal-klima"; jinsisti li l-akbar inġustizzja sseħħ jekk l-UE ma' tittrattax it-tibdil fil-klima minħabba li fuq kollox se jkunu n-nies foqra fil-pajjiżi fqar li se jbatu b'mod partikolari;

    13.

    Ifakkar li l-pajjiżi foqra huma l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima u huma l-anqas kapaċi li jadattaw;

    14.

    Jirrimarka li r-risposti għat-tibdil fil-klima għandhom impatt fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm soluzzjonijiet vantaġġjużi għal kulħadd u sabiex l-inugwaljanzi ma jiġux aggravati, il-prospettiva tal-ġeneru għandha tkun inkluża fil-politiki dwar il-klima, b'konformità mal-ftehimiet globali dwar l-integrazzjoni tal-ġeneru u l-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa;

    L-Istrateġija tal-UE

    15.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' żvilupp usa' u effikaċi tad-diplomazija klimatika tal-UE mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE qabel Durban, (b'mod partikolari rigward ir-relazzjonijiet UE-Afrika), li għandha tfittex li tippreżenta profil aktar ċar tal-UE rigward il-politika klimatika, filwaqt li ġġib dinamika ġdida fin-negozjati klimatiċi internazzjonali u tinkoraġġixxi lis-sħab fid-dinja kollha jintroduċu huma wkoll tnaqqis vinkolanti fl-emissjonijiet, u miżuri xierqa ta' adattament u mitigazzjoni tat-tibil fil-klima, b'mod partikulari fir-rigward tal-proposta tal-UE għal dekarbonizzazzjoni sħiħa sal-2050;

    16.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea tassumi rwol ta' mexxej u tippromwovi politika klimatika ambizzjuża tal-UE, u b'hekk tnaqqas it-tibdil fil-klima, biex turi l-vantaġġi ta' tali politika u biex tħeġġeġ lil pajjiżi oħra jsegwuha;

    17.

    Jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li l-Unjoni Ewropea, bħala parteċipant ewlieni, titkellem b'vuċi waħda biex jintlaħaq ftehim internazzjonali ambizzjuż u livell għoli ta' ambizzjoni fin-negozjati tal-COP17 u tibqa' magħquda f'dak ir-rigward;

    18.

    Jenfasizza l-pożizzjoni unika tal-Unjoni Ewropea bħala entita' sopranazzjonali li - sabiex tiggarantixxi metodi ta' ħidma aktar effettivi - qalbet mill-unanimità għall-maġġoranza kwalifikata, li tista' tkun ukoll mod ta' avvanz fil-ġejjieni anke għall-UNFCCC;

    19.

    Jenfasizza li sabiex in-negozjati futuri jingħataw impuls ġdid u jiġu influwenzati, għandha ssir enfasi akbar fuq il-fatt li t-tibdil fil-klima joffri possibiliatjiet ekonomiċi u triq lejn soċjetajiet b'mod ġenerali aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

    20.

    Huwa tal-opinjoni li l-bini tal-kapaċità - mhux biss fir-rigward tat-trasferiment tat-teknoloġiji, iżda b'mod ġenerali - huwa ta' importanza kbira u li jinħtieġu approċċ integrat u arkitettura istituzzjonali aktar razzjonalizzata li jinkuraġġixxu s-sinerġiji u l-koordinament;

    21.

    Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni sistematika tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kwistjoni trasversali fl-istruttura governattiva u l-linji gwida operazzjonali tal-fond tal-klima;

    22.

    Jirrimarka li l-parteċipazzjoni bbilanċjata mil-lat ta' ġeneru fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-fażijiet u l-aspetti kollha hija essenzjali; jistieden lill-UE tistinka għal rappreżentanza tan-nisa ta' mill-anqas 40 % fil-korpi kollha rilevanti;

    23.

    Jenfasizza li jekk l-UE toqgħod lura milli tipproċedi għal perjodu ieħor ta' impenn fil-qafas tal-Protokoll ta' Kyoto, ikun qed jingħata messaġġ negattiv ħafna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    Nibnu fuq il-Ftehimiet ta' Cancun fil-Konferenza ta' Durban

    24.

    Jilqa' s-suċċess fl-ilħuq tal-Ftehimiet ta' Cancun fil-COP16 fl-2010, billi ġiet rikonoxxuta l-problema globali u urġenti tat-tibdil fil-klima u ġew stabbiliti miri u mezzi biex tiġi indirizzata, filwaqt li reġgħet ġiet stabbilita l-fiduċja fil-proċess tal-UNFCCC bħala l-mezz biex tinstab soluzzjoni globali għat-tibdil fil-klima; jitlob lill-parteċipanti kollha jżommu l-atmosfera pożittiva tan-negozjati f'Cancun u jistenna bil-ħerqa l-Konferenza ta' Durban biex isir avvanz ulterjuri lejn il-kontinwazzjoni u t-tisħiħ tar-reġim klimatiku multilaterali regolamentat;

    25.

    Ifakkar b'mod partikolari fir-rikonoxximent tal-objettiv ta' 2 °C fil-Ftehimiet ta' Cancun (inkluż ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-ewwel rieżami, it-tisħiħ tal-mira globali fuq perjodu twil ta' żmien abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku disponibbli, fir-rigward ta' żieda ta' 1,5 °C fil-medja tat-temperatura globali), u t-twaqqif ta' proċess għad-definizzjoni tad-data meta l-emissjonijiet globali għandhom jilħqu l-quċċata tagħhom u mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali għall-2050, kif ukoll miżuri politiċi li jagħmluha possibbli li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti;

    26.

    Jistieden lill-Partijiet jużaw il-Konferenza ta' Durban biex jibdew iħaddmu l-mekkaniżmi miftiehma meħtieġa, jiġifieri l-Fond Ekoloġiku għall-Klima u l-Kumitat għall-Adattament, kif ukoll jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-Mekkaniżmu Teknoloġiku (inklużi ċ-Ċentru u n-Netwerk tat-Teknoloġija Klimatika) u r-reġistru fejn jitniżżlu l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jfittxu appoġġ internazzjonali, kif ukoll sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet importanti pendenti u jantiċipaw il-kwistjoni tal-forma ġuridika ta' qafas post-2012, inkluż kalendarju għat-twettiq tiegħu;

    27.

    Jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp ulterjuri, waqt il-Konferenza ta' Durban, tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenji, mal-azzjonijiet u mas-sostenn u l-ħtieġa li jintlaħaq ftehim dwar programm ta' ħidma ċar fir-rigward tagħhom, li jkun jinkludi l-Kejl, ir-Rappurtar u l-Verifika (MRVs);

    28.

    Jinnota li għad hemm diskrepanzi f'approċċi settorjali u f'approċċi li mhumiex ibbażati fuq is-suq, u jenfasizza l-ħtieġa b'mod partikolari li jiġu indirizzati l-produzzjoni u l-konsum tal-HFCs skont il-Protokoll ta' Montreal; jinnota li hemm ħtieġa ta' approċċ internazzjonali komprensiv dwar l-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tas-CO2 li huma rilevanti għall-klima, anke għaliex il-kost tat-tnaqqis ta' dawn l-emissjonijiet huwa anqas minn dak għat-tnaqqis previst fis-settur tal-karbonju anke meta jitqies il-prezz attwali tal-karbonju; jitlob li ssir riforma fil-mekkaniżmi bbażati fuq il-proġetti, bħal CDM u JI, biex jiġi evitat li jkun hemm rikors għal infrastruttura b'użu għoli ta' karbonju minħabba l-użu inadegwat tal-mekkaniżmi flessibbli, li jwassal għal prezz globali ogħla biex jintlaħaq l-objettiv tad-dekarbonizzazzjoni, permezz tal-introduzzjoni ta' standards ta' kwalità stretti għall-proġetti li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tnaqqis supplementari fl-emissjonijiet li jkun affidabbli, verifikabbli u reali, u li jkunu jappoġġaw ukoll l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; japprova, barra minn hekk, il-fehma tal-Kummissjoni li għandu jsir ftehim, għall-perjodu ta' wara l-2012, dwar mekkaniżmi settorjali għall-pajjiżi li huma l-aktar ekonomikament avvanzati fost il-pajjżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li s-CDM ta' kwalità għolja għandu jibqa' disponibbli għall-LDCs; jitlob li l-mekkaniżmi l-ġodda ta' kreditar ta' kumpens settorjali internazzjonali jiżguraw l-integrità ambjentali u jinkorporaw il-benefiċċju klimatiku lil hinn mid-devjazzjoni ta' 15-30 % mis-sitwazzjoni normali;

    29.

    Jitlob li l-effettività ambjentali tal-Anness I dwar l-objettivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tkun il-prinċipju li jiggwida l-approċċ tal-UE fir-rigward tar-regoli internazzjonali tal-kontabilità dwar l-immaniġġjar tal-foresti, fir-rigward ta’ mekkaniżmi flessibbli, u biex kwalunkwe suċċess akbar milli kien mistenni matul l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto jiġi mfaddal favur l-għanijiet tal-perjodu post-2012;

    30.

    Jirrikonoxxi l-importanza ta' adattament proattiv għall-konsegwenzi inevitabbli tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fir-reġjuni tad-dinja l-aktar milquta minn klima li qed tinbidel u b'mod speċjali biex jiġu protetti l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetajiet; għalhekk jitlob li jintlaħaq ftehim f'Durban li jkollu impenji politiċi u finanzjarji qawwija li jgħinu lil dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jibnu l-kapaċitajiet;

    Il-finanzjament

    31.

    Ifakkar li l-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom li jipprovdu riżorsi ġodda u supplementari minn sorsi pubbliċi u privati li tal-anqas jammontaw għal USD 30 biljun fil-perjodu 2010-2012 u għal USD 100 biljun kull sena sal-2020, b'enfasi speċjali fuq il-pajjiżi vulnerabbli u dawk l-anqas żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jonoraw l-impenji li ħadu u jiggarantixxu li r-riżorsi għall-adattament u l-mitigazzjoni jkunu apparti l-objettiv ta' 0,7 % tal-ODA u jispeċifikaw kemm minn dawn l-impenji se jiġu minn fondi pubbliċi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu mobilizzati riżorsi kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali mill-għejun kollha possibbli biex jagħtu kontribut għall-ilħuq ta' dan il-għan u biex jinstab mod kif jiżdiedu l-finanzjamenti favur il-klima mill-2013 sal-2020; jitlob, barra minn hekk, lill-Konferenza tal-Partijiet tiddefinixxi qafas għall-finanzjament favur il-klima waqt il-perjodu intermedju 2013-2020; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li dan il-finanzjament jingħata abbażi ta' regoli ġusti, trasparenti u mhux diskriminatorji u li jkun akkumpanjat b'bini ta' kapaċità effettiv, bit-tnaqqis tal-ostakoli tariffarji u mhux tariffarji fuq prodotti, servizzi u investimenti relatati mal-ambjent, appoġġ konkret għall-infrastruttra b'emissjonijiet baxxi u regoli definiti sewwa u li jistgħu jitbassru;

    32.

    Jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm varjetà ta' sorsi, u jistieden lill-Partijiet biex jesploraw sorsi ulterjuri ta' finanzjament fuq żmien twil li jfornu l-flussi finanzjarji addizzjonali, adegwati u prevedibbli meħtieġa;

    33.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw rappurtar komprensiv u trasparenti dwar l-implimentazzjoni tal-finanzjament rapidu, kif ukoll fi żmien opportun, bil-għan li jkun ta' appoġġ għat-twettiq tal-azzjonijiet ta' mitigazzjoni u ta' adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li jkun hemm defiċit finanzjarju wara l-2012 (meta jintemm il-perjodu tal-finanzjament rapidu) u biex jaħdmu biex jiġi identifikat mod kif jiżdiedu l-finanzjamenti favur il-klima mill-2013 sal-2020;

    34.

    Jenfasizza l-importanza ta' statistika affidabbli dwar l-emissjonijiet b'data komparabbli u rapporti regolari ta' evalwazzjoni;

    35.

    Jistieden lill-Konferenza ta' Durban tieħu passi konkreti biex timplimenta l-Ftehimiet ta' Cancun fir-rigward tal-finanzjament fuq żmien twil, inklużi s-sorsi u ż-żieda bis-saħħa tal-finanzjament rapidu mill-2013; f'dan il-kuntest, jitlob li jintużaw sorsi innovattivi ta' finanzjament u li tiġi stabbilita taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji f'livell internazzjonali u biex id-dħul jintuża b'mod partikulari għall-appoġġ tal-azzjoni dwar il-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw konformement mal-objettivi stabbiliti fl-ambitu tal-UNFCCC;

    36.

    Jistieden lill-Partijiet iniedu l-operat sħiħ tal-Fond Aħdar għall-Klima fil-Konferenza ta' Durban u biex jiżviluppawh b'mod li jiżgura li l-fond il-ġdid ikun kapaċi jsostni t-tranżizzjoni lejn żvilupp b'użu baxx tal-karbonju u reżistenti għall-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    37.

    Jistieden lill-Konferenza tal-Partijiet tispeċifika definizzjoni tal-prinċipju "ġdid u addizzjonali";

    38.

    Jenfasizza l-importanza tal-prevedibilità u l-kontinwità fil-finanzjamenti tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jappella għal trasparenza sħiħa u għal miżuri adegwati biex jiżguraw iż-żieda fil-finanzjamenti tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bejn l-2013 u l-2020; f'dan ir-rigward jappella biex il-kontabilità b'entrati doppji tintemm;

    39.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi, mill-aktar fis, proċeduri u strumenti għall-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tas-sehem tas-settur privat fil-kontribut tal-finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet definiti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, li huma strument fundamentali biex jinkuraġġixxi s-sehem tas-settur privat fit-tifrix tat-teknoloġiji ġodda, ma jkunux soġġetti għad-diskussjoni;

    41.

    Ifakkar li l-flussi finanzjarji attwali dedikati għall-klima lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minkejja li qed jikbru, ikopru biss parti żgħira (anqas minn 5 %) tal-ammonti li huma stmati li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom bżonn matul diversi għexieren ta' snin;

    42.

    Jinsisti dwar il-ħtieġa li f'Durban tinbena infrastruttura finanzjarja koerenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikulari biex jiġi ggarantit li ma jkun hemm l-ebda lakuna finanzjarja wara l-2012; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jinħtieġu kemm riżorsi ġodda (jiġifieri t-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, il-ħruġ ta' Drittijiet Speċjali ta' Ġbid, il-levies li jikkonċernaw it-tbaħħir/l-avjazzjoni, eċċ.) kif ukoll mekkaniżmi effettivi ta' kunsinna;

    43.

    Huwa favur it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' konformità li jiżgura r-rispett aktar effettiv tal-impenji meħuda fir-rigward tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra, finanzjament, teknoloġija u bini ta' kapaċità;

    44.

    Jistieden lid-donaturi jwiegħdu ammonti ta' fondi biex ifornu mill-ġdid il-Fond Globali għall-Ambjent u, fi ħdan dan il-qafas, ikomplu jagħtu prijorità għolja lill-pajjiżi Afrikani u biex jallokaw riżorsi finanzjarji bbażati fuq il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi;

    45.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jibnu rabtiet aħjar bejn l-MDGs u t-tibdil fil-klima billi jinkorporaw l-impatti tat-tibdil fil-klima, u l-adattamenti għalih, fil-proġetti u l-programmi maħsuba biex jintlaħqu l-MDGs, u fl-istrateġiji usa' kollha għat-tnaqqis tal-faqar u għall-politiki ta' żvilupp; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-istrument ta' rappurtar finanzjarju tagħha biex tiffaċilita l-analiżi tal-impenji tal-UE li jirrigwardaw il-klima kif ukoll biex ittejjeb l-inklużjoni tal-perspettiva tal-klima fil-politiki ta' żvilupp tagħha;

    46.

    Ifakkar li l-finanzjament pubbliku biss huwa kruċjali biex jintlaħqu l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli, li qed jitħabtu biex jadattaw għat-tibdil fil-klima, u biex il-pajjiżi foqra jiġu megħjuna jadottaw strateġiji ta' żvilupp sostenibbli; jenfasizza wkoll li l-Kummissjoni u l-gvernijet tal-Istati Membri jridu jiżguraw li dan il-finanzjament ikun apparti mill-objettivi eżistenti ta' għajnuna, b'konformità mal-Artikolu 4.3 tal-UNFCCC; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi, skont il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali ta' Diċembru 2007, kriterji ta' "finanzjament addizzjonali favur il-klima" b'mod li jista' jitkejjel, jiġi rrappurtat u jiġi vverifikat;

    47.

    Ifakkar li l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas għandu l-għan li jħalli effett pożittiv biex jitnaqqas it-tniġġis, madankollu hemm diffikultajiet biex jiġi implimentat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ, għaldaqstant, sabiex il-finanzjament favur il-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizza din il-kwistjoni b'aktar dettall;

    48.

    Jistieden lill-Bank Dinji jiżgura li l-portafoll tiegħu jkun "intelliġenti mil-lat ta' klima";

    49.

    Jenfasizza li l-bilanċ tal-ġeneru fil-korpi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-finanzjament favur il-klima għandu jkun iggarantit, anke fil-Bord tal-Fond Aħdar dwar il-Klima u f'sottokumitati eventwali għal "twieqi" individwali ta' finanzjament; jenfasizza li l-membri tas-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-gruppi femminili, għandhom jingħataw opportunitajiet għal parteċipazzjoni attiva fil-ħidma tal-Bord GCF u tas-sottokumitati kollha tiegħu;

    50.

    Jirrimarka li l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-aċċess għar-riżorsi, inklużi l-kreditu, is-servizzi ta' estensjoni, l-informazzjoni u t-teknoloġija, iridu jitqiesu fl-iżvilupp ta' attivitajiet ta' mitigazzjoni; jenfasizza li l-isforzi ta' adattament għandhom jindirizzaw b'mod sistematiku u effettiv l-impatti speċifiċi għall-ġeneru tat-tibdil fil-klima fl-oqsma tal-enerġija, tal-ilma, tas-sigurtà tal-ikel, tal-biedja u tas-sajd, tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistemi, tas-saħħa, tal-industrija, tal-postijiet fejn jgħammar il-bniedem, tal-immaniġġjar tad-diżastri, kif ukoll tal-kunflitti u tas-sigurtà;

    Trasformazzjoni lejn ekonomija u industrija sostenibbli

    51.

    Jenfasizza li ħafna pajjiżi qed jimxu b'pass mgħaġġel lejn ekonomija favur l-ambjent ġdida, minħabba diversi raġunijiet li jinkludu l-ħarsien tal-klima, l-iskarsezza u l-effiċjenza tar-riżors, is-sigurtà tal-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota bħala eżempju l-kobor tal-programmi ta’ investiment dedikati għat-tranżizzjoni enerġetika f’pajjiżi bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina, u l-Korea t’Isfel; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza tali programmi inklużi l-livelli tagħhom ta’ ambizzjoni u tivvaluta r-riskju li l-UE titlef it-tmexxija;

    52.

    Jilqa' dawn l-inizjattivi internazzjonali u jtenni li l-azzjoni kkoordinata fil-livell internazzjonali tgħin biex jiġi indirizzat it-tħassib minħabba l-emissjonijiet tal-karbonju tas-setturi rilevanti kkonċernati, b'mod partikulari s-setturi b'użu intensiv tal-enerġija; jitlob li jintlaħaq ftehim li jiżgura kundizzjonijiet internazzjonali ugwali għall-industriji li jużaw il-karbonju b'mod intensiv;

    53.

    Huwa mħasseb li l-kriżi finanzjarja u baġitarja li qed tolqot il-biċċa l-kbira tal-ekonomiji industrijalizzati naqqset mill-attenzjoni li l-gvernijiet jagħtu lin-negozjati dwar il-klima internazzjonali f'Durban; iqis li l-isforz tal-UE biex tittrasforma l-ekonomija tagħha m'għandux jittaffa, pereżempju sabiex jiġi evitat li jintilfu l-impjiegi, speċjalment l-impjiegi ħodor, u li l-UE trid tikkonvinċi s-sħab dinjija tagħha, inklużi ċ-Ċina u l-Istati Uniti, li t-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa possibbli mingħajr ma jintilfu l-kompetittività u l-impjiegi, partikularment jekk dan jitwettaq b'mod kollettiv;

    54.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata b'mod urġenti strateġija olistika għall-materja prima u r-riżorsi inkluża l-effiċjenza fir-riżorsi fis-setturi kollha tal-ekonomija kemm fil-pajjiżi żviluppati kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex f'dan ir-rigward imexxu bl-eżempju tagħhom; jistieden ukoll lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kemm fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali billi jagħmlu disponibbli għarfien dwar it-tħaffir sostenibbli fil-minjieri, effiċjenza akbar fir-riżorsi u użu mill-ġdid u riċiklaġġ;

    55.

    Iqis li l-approċċi settorjali flimkien ma’ limiti fuq l-ekonomija kollha fil-pajjiżi industrijalizzati jistgħu jikkontribwixxu biex isseħħ ir-rikonċiljazzjoni tal-azzjoni dwar il-klima mal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku; jenfasizza l-importanza li jiġi adottat approċċ olistiku, orizzontali u settorjali għall-emissjonijiet tal-industrija bħala valur miżjud b’rabta man-negozjati internazzjonali u l-miri Ewropej ta’ CO2; jittama li tali approċċ ikun jista’ jagħmel parti minn qafas internazzjonali post-2012 għal azzjoni favur il-klima;

    56.

    Jissottolinja r-rwol tas-CDM għall-industrija Ewropea fil-ksib tat-tnaqqis fl-emissjonijiet u fl-aċċellerazzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija; ifakkar li s-CDM jeħtieġ ikun irriformat biex ikun jirrikjedi proġetti ta' kwalità stretta sabiex ikun iggarantit li tali proġetti jkollhom standard għoli, bi tnaqqis affidabbli, verifikabbli u tabilħaqq addizzjonali tal-emissjonijiet li jappoġġja wkoll l-iżvilupp sostenibbli f'pajjiżi bħal dawn; iqis li fil-ġejjieni s-CDM għandu jkun limitat għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati;

    57.

    Ifakkar li suq dinji tal-karbonju jkun bażi soda biex jinkisbu kemm tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet u kundizzjonijiet ugwali għal-industrija; jistieden lill-UE u lis-sieħba tagħha jsibu, fil-futur immedjat, l-aktar mod effikaċi biex jippromwovu rabtiet bejn l-EU ETS u skemi oħra ta' skambji li jkollhom l-għan ta' suq globali tal-karbonju, li jiżguraw diversità ikbar fil-possibilitajiet ta' tnaqqis, titjib fil-likwidità u fid-daqs tas-suq, trasparenza u finalment l-allokazzjoni iktar effiċjenti tar-riżorsi;

    Ir-Riċerka u t-Teknoloġija

    58.

    Jilqa’ l-ftehim milħuq f’Cancun dwar il-Qafas ta’ Adattament ta’ Cancun għat-titjib tal-azzjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima; dwar it-twaqqif ta’ Mekkaniżmu ta’ Teknoloġija, inkluż il-Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija u ċ-Ċentru u n-Netwerk tat-Teknoloġija tal-Klima, għat-titjib tal-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, għall-ksib tal-ekwilibriju t-tajjeb bejn l-adattament u l-mitigazzjoni u l-jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali ħalli din il-faċilità ssir kompletament operattiva;

    59.

    Jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi huma fatturi kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, fil-persważjoni tas-sħab tal-UE madwar id-dinja li t-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa fattibbli mingħajr telf fil-kompetittività u fl-impjiegi; jitlob li jkun hemm impenn internazzjonali biex jiżdiedu l-investimenti fir-R&Ż f'teknoloġiji innovattivi fis-setturi rilevanti; iqis li hu essenzjali li l-Ewropa tmexxi bl-eżempju billi żżid b’mod sostanzjali n-nefqa ddedikata għar-riċerka dwar teknoloġiji industrijali u enerġetiċi li jkunu enerġetikament effiċjenti u favur il-klima, u li l-Ewropa għandha tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib f’dan il-qasam mas-sieħba internazzjonali, bħalma huma l-pajjiżi BRIC u l-Istati Uniti;

    60.

    Iqis li l-innovazzjoni hija essenzjali sabiex it-tisħin dinji jinżamm taħt iż-2 °C u jinnota li hemm modi differenti biex titħeġġeġ l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-mekkaniżmi varji biex jiġu ppremjati n-negozji ta' fuq quddiem nett li huma differenti skont il-ħila tagħhom li jqanqlu l-innovazzjoni u jittrasferixxu u jimpjegaw it-teknoloġiji b’mod globali;

    61.

    Jenfasizza l-importanza li tinbena kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Ewropa u l-LDCs; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tressaq, fi żmien utli qabel il-Konferenza ta' Durban, ideat għal programmi komuni ta' riċerka dwar sorsi alternattivi tal-enerġija u dwar kif l-UE tista' tħeġġeġ il-kooperazzjoni fi ħdan diversi setturi industrijali bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, b'enfasi speċjali fuq l-Afrika;

    62.

    Iħeġġeġ it-twaqqif ta' qafas istituzzjonali li jindirizza l-aspetti kollha tal-iżvilupp u t-trasferiment teknoloġiku billi, partikularment, jagħti attenzjoni speċjali fuq l-hekk imsejħa Teknoloġija Adegwata (Appropriate technology - AT) li hija mfassla b'kunsiderazzjoni speċjali tal-aspetti ambjentali, etiċi, kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi tal-komunità li għaliha tkun maħsuba; il-ħolqien ta' pools ta' privattivi fejn għadd ta' privattivi miżmuma minn diversi entitajiet, bħal kumpaniji, universitajiet jew istituti ta' riċerka, jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' oħrajn f'pool komuni għall-produzzjoni jew l-iżvilupp ulterjuri tar-riċerka; u d-dritt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jużaw bis-sħiħ il-flessibilitajiet tat-TRIPS;

    63.

    Jinnota l-potenzjal enormi tal-enerġija li tiġġedded f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw il-proġetti tal-enerġija li tiġġedded fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jipprovdu teknoloġija, għarfien espert u investiment;

    64.

    Iqis li, sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata sewwa, jeħtieġ li jkun hemm riċerka adegwata dwar il-migrazzjoni b'riżultat tat-tibdil fil-klima;

    L-Enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi

    65.

    Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija mhux jiġi trattat adegwatament b'mod internazzjonali u fl-UE, jisħaq li l-iffrankar tal-enerġija jippermetti l-ħolqien tal-impjiegi, l-iffrankar ekonomiku u s-sigurtà enerġetika, il-kompetittività u t-tnaqqis fl-emissjonijiet; jistieden lill-UE tagħti aktar attenzjoni lill-iffrankar tal-enerġija fin-negozjati internazzjonali, fit-taħdit dwar it-trasferiment tat-teknoloġiji, il-pjanijiet ta’ żvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew l-assistenza finanzjarja;

    66.

    Iqis li huwa tal-akbar importanza, għall-finijiet tan-negozjati dwar il-klima, li l-pajjiżi industrijalizzati jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom meħuda f'Kopenħagen u f'Cancun; jitlob li jkun hemm implementazzjoni malajr u koordinata internazzjonalment tal-objettiv tal-G-20 ta' Pittsburgh ħalli jitneħħew gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili ineffiċjenti fuq perjodu medju ta' żmien, billi dan ikun juri kontribut siewi għall-ħarsien tal-klima u jkun partikolarment relevanti fil-kuntest ta’ bħalissa ta’ defiċit pubbliku f’bosta pajjiżi;

    67.

    Jirrimarka li huwa stmat li mad-dinja kollha għad hemm 2 biljun ruħ li għadhom bla aċċess għal enerġija sostenibbli li jifilħu jħallsu għaliha; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-faqar fl-enerġija f'konformità mal-objettivi tal-politika dwar il-klima; jinnota li t-teknoloġiji enerġetiċi huma disponibbli, u li dawn jittrattaw kemm il-protezzjoni ambjentali globali u kemm l-eżiġenzi tal-iżvilupp lokali;

    68.

    Iqis li l-Ewropa għandha tappoġġja l-isforzi tal-Afrika t'Isfel li jippermettu lill-pajjiżi Afrikani jsibu sieħba u finanzjament għall-investimenti fl-enerġija li tiġġedded u fit-teknoloġiji favur l-ambjent;

    L-użu tal-Art, il-Bidla fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF)

    69.

    Jitlob li f'Durban jintlaħaq ftehim dwar regoli rigorużi dwar il-LULUCF li jsaħħu l-livell ta' ambizzjoni tal-Partijiet għall-Anness I, li jkunu mfassla biex iwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet mill-forestrija u mill-użu tal-art, li jeħtieġu li l-Partijiet għall-Anness I jiġġustifikaw kwalunkwe żieda fl-emissjonijiet mil-LULUCF, u li jkunu konsistenti mal-impenji eżistenti tal-Partijiet li jipproteġu u jtejbu l-bjar u l-ġibjuni naturali tal-gassijiet b'effett ta' serra biex jiżguraw l-integrità ambjentali tal-kontribuzzjoni tas-settur għal tnaqqis fl-emissjonijiet; apparti kontabilità soda min-naħa tal-LULUCF, jitlob li jiġu definiti miżuri tal-politika sabiex jiġi rikonoxxut il-valur tal-karbunju maħżun fil-prodotti tal-injam maqtugħ;

    70.

    Iqis li r-rappurtar tal-LULUCF għandu jirreferi għal sena/perjodu storiku ta' bażi fiss u applikat għall-proċedimenti tal-Protokoll ta' Kyoto u tal-Konvenzjoni;

    71.

    Jappella, f'dan ir-rigward, għall-inklużjoni obbligatorja tal-emissjonijiet (tneħħija u rilaxxi) mill-immaniġġjar tal-foresti fl-Anness I tal-impenji tal-Partijiet dwar it-tnaqqis tal-LULUCF wara l-2012;

    72.

    Jistieden, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-Partijiet kollha, biex jaħdmu fil-Korp Sussidjarju għall-Pariri Xjentifiċi u Teknoloġiċi kif ukoll f'fora internazzjonali oħra biex jistabbilixxu definizzjoni tan-NU ġdida tal-foresti li tkun ibbażata fuq il-bijoma, u li tkun tirrifletti d-differenzi wiesgħa li hemm fil-bijodiversità kif ukoll il-valuri tal-karbonju tal-bijomi differenti, filwaqt li tiddistingwi b'mod ċar bejn foresti nattivi u foresti ddominati mill-monokulturi tas-siġar u minn speċijiet mhux endemiċi;

    73.

    Jinnota bi tħassib li l-kalkoli tal-UNFCCC jassumu li l-bijomassa użata għal finijiet ta' enerġija hija newtrali mil-lat ta' karbonju; jappella biex jiġu stabbiliti regoli ta' kalkolu ġodda aktar robusti li jqisu l-potenzjal reali, f'termini ta' ffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra, tal-bijoenerġija;

    74.

    Jinkuraġġixxi t-twaqqif ta' fond biex jippremja jew jipprovdi inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta' prattiki sostenibbli tal-immaniġġjar tal-art, inklużi l-konservazzjoni tal-foresti, l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti, l-evitar tad-deforestazzjoni, l-afforestazzjoni u l-agrikultura sostenibbli;

    75.

    Ifakkar li sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti, jeħtieġ li naqilbu mill-proċess dejjaq tal-kwantifikazzjoni tal-flussi tal-karbonju tal-foresti għal approċċ usa', li jinkludi l-identifikazzjoni tal-fatturi diretti u fundamentali li jwasslu għad-deforestazzjoni, skont proċess konsultattiv li jkun jixbah lill-proċess konsultattiv tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja;

    It-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti

    76.

    Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' ċertezza regolatorja fil-mekkaniżmu ta' finanzjament fit-tul għar-REDD+; iħeġġeġ lill-Konferenza tal-Partijiet tiddefinixxi mekkaniżmu biex jimmobilizza aktar finanzjament għar-REDD+ minn sorsi pubbliċi kif ukoll privati;

    77.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar azzjoni fil-COP17 biex jiġi implimentat ir-REDD+ (it-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti) u li jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas f'dan ir-rigward, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament fuq żmien twil u sistemi solidi u trasparenti ta' monitoraġġ forestali u, partikolarment dwar il-konsultazzjoni effikaċi mal-partijiet u l-komunitajiet indiġeni u lokali;

    78.

    Jenfasizza li d-disinjar tal-mekkaniżmu REDD+ għandu jiżgura vantaġġi konsiderevoli għall-bijodiversità u servizzi vitali tal-ekosistemi lil hinn mill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-drittijiet u t-titjib tal-mezzi ta' sussistenza tal-persuni dipendenti mill-foresti, partikolarment tal-komunitajiet indiġeni u lokali;

    79.

    Huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu ta' finanzjament għar-REDD għandu jkun ibbażat fuq kriterji ta' prestazzjoni, fosthom dwar il-governanza tal-foresti, u jqis l-objettivi tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011, li dwaru kien hemm qbil fis-CBD COP10 f'Nagoya;

    80.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffef il-finanzjament pubbliku tal-azzjonijiet tal-mekkaniżmu REDD+ ibbażati fuq il-prestazzjoni u li jiġi ppremjat it-tnaqqis tad-deforestazzjoni, meta mqabbel mal-kriterji nazzjonali ta' referenza, bil-għan li titwaqqaf id-deforestazzjoni tropikali gravi sa mhux aktar tard mill-2020;

    81.

    Jiddispjaċih li l-finanzjament tar-REDD huwa bbażat fuq definizzjoni daqstant wiesa' tal-foresti li saħansitra tista' tinkludi pjantaġġuni ta' monospeċijiet ta' speċijiet mhux endemiċi; iqis li din id-definizzjoni tista' (tipprovdi inċentiv pervers biex) tiddevja l-finanzjament mill-protezzjoni tant meħtieġa tal-foresti antiki għall-pjantaġġuni kummerċjali ġodda;

    82.

    Jistieden ukoll lill-UE tiżgura li r-REDD+ ikun jinkludi mekkaniżmi ta' salvagwardja li jiżguraw li d-drittijiet tal-popli li jgħixu fil-foresti ma jkunux miksura u li jitwaqqaf b'mod effiċjenti t-telf tal-foresti; b'mod partikulari, jinsisti li r-REDD+ m'għandux jipperikola l-progress li twettaq s'issa permezz tal-FLEGT (Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ), speċjalment fir-rigward tal-governanza, tal-kjarifika u tal-għarfien tal-użanzi tad-drittijiet tal-art;

    It-trasport marittimu u l-avjazzjoni internazzjonali

    83.

    Jilqa' l-progress riċenti fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (ILO) rigward l-introduzzjoni ta' miżuri obbligatorji għall-effiċjenza enerġetika għat-tbaħħir internazzjonali iżda jinnota li dan jista' jitqies biss bħala l-ewwel pass; jistieden lill-UE tistinka għal objettivi ambizzjużi għal tnaqqis fl-emissjonijiet mit-tbaħħir biex l-IMO titħeġġeġ tagħmel aktar progress u tieħu l-passi meħtieġa biex ikun hemm tnaqqis vinkolanti fl-emissjonijiet mit-trasport marittimu fi ħdan il-UNFCCC;

    84.

    Jenfasizza li, minħabba ż-żieda fit-traffiku tal-baħar, l-emissjonijiet mit-trasport marittimu se jiżdiedu minkejja dawn il-miżuri minħabba li japplikaw biss għall-vapuri l-ġodda; għaldaqstant huwa tal-opinjoni li f'dan ir-rigward jeħtieġ li jiġu enfasizzati approċċi alternattivi (jiġifieri l-iffissar tal-prezz tal-karbonju, miżuri ulterjuri bbażati fuq it-teknoloġija anki għall-vapuri eżistenti);

    85.

    Jistieden lill-UE tiżgura li l-impatt sħiħ tal-avjazzjoni jitqies fi ftehim internazzjonali fil-forma ta' miri vinkolanti ta' tnaqqis għall-avjazzjoni u jħeġġeġ lill-atturi kollha jiżguraw li dawn l-objettivi jkunu sostnuti minn strutturi ta' infurzar; jemmen li s-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni saret aktar urġenti u jappoġġja l-inklużjoni tal-avjazzjoni fis-sistema Ewropea tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet;

    86.

    Jirrikonoxxi l-prinċipju ta "responsabilitajiet komuni iżda divrenzjati" u huwa favur l-introduzzjoni ta' strumenti internazzjonali b'miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet globali biex inaqqsu l-impatt fuq il-klima tal-avjazzjoni internazzjonali u tat-trasport marittimu;

    Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

    87.

    Jemmen li d-delegazzjoni tal-UE għandha rwol importanti ħafna fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima, u għaldaqstant ma jistax jaċċetta li l-membri tal-Parlament Ewropew ma setgħux jattendu l-laqgħat ta' koordinament tal-UE waqt il-Konferenzi tal-Partijiet preċedenti; jistenna li tal-anqas il-Presidenti tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew jitħallew jattendu l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Durban;

    88.

    Jinnota li, bi qbil mal-Ftehim Qafas konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew f'Novembru 2010, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-inklużjoni ta' Membri tal-Parlament Ewropew bħala osservaturi f'delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jinnegozjaw ftehimiet multilaterali; ifakkar li, skont it-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 218 TFUE), il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal ftehimiet li jsiru bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    89.

    Ifakkar fl-obbligi tal-Partijiet għall-UNFCCC li jinkoraġġixxu l-akbar parteċipazzjoni possibbli fil-proċess tal-UNFCCC, fosthom dik ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi; jitlob il-parteċipazzjoni, waqt in-negozjati tal-COP17, tal-Forum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni, peress li dawn il-popli huma affettwati b'mod partikolari mit-tibdil fil-klima u mill-adattament għat-tibdil fil-klima;

    *

    * *

    90.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-partijiet kontraenti kollha li mhumiex parti mill-UE.


    (1)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

    (2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 1.

    (3)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 25.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0442.

    (5)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.

    (6)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 115.

    (7)  http://srren.ipcc-wg3.de/report

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0226.

    (9)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.


    Top