Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0494

    Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Novembru 2011 dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (2011/2146(INI))

    ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 51–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 153/51


    It-Tlieta 15 ta’ Novembru 2011
    Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali

    P7_TA(2011)0494

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (2011/2146(INI))

    2013/C 153 E/07

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 14 u 106 kif ukoll Protokoll Nru. 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2011, dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (COM(2011)0146),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali mill-2005 'l hawn u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika (SEC(2011)0397),

    wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni fl-2010 dwar ‧regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali‧,

    wara li kkunsidra ‧Il-gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikulari għal servizzi soċjali ta’ interess ġenerali‧ tas-7 ta' Diċembru 2010 (SEC(2010)1545),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (1),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE dwar Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku mogħtija lill-ċerti impriżi inkarigati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (2),

    wara li kkunsidra l-Qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku (3),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2001 dwar servizzi Ewropej ta' interess ġenerali (4),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 1996 dwar servizzi Ewropej ta' interess ġenerali (5),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta' Lulju 2011, dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (6),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2011 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (7),

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003 fil-kawża Altmark Trans GmbH u l-Kunsill governattiv ta' Magdeburg kontra Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH (8)

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (9), tal-14 ta' Marzu 2007 dwar is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea (10), tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni dwar servizzi ta' interess ġenerali (11), tal-14 ta' Jannar 2004 dwar il-Green Paper għas-Servizzi ta' Interess Ġenerali (12), tat-13 ta' Novembru 2001 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‧Servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa‧ (13) u tas-17 ta' Diċembru 1997 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‧Servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa‧ (14),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturi (A7-0371/2011),

    A.

    billi s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) huma ta' importanza fost il-valuri komuni tal-Unjoni, u jippromwovu d-drittijiet fundamentali u l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u għaldaqstant huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-soċjetà, kif ukoll dejjem aktar, għall-iżvilupp sostenibbli;

    B.

    billi s-SIEĠ jagħtu kontribut sinifikanti għall-kapaċitajiet ekonomiċi u l-kompetittività tal-Istati Membri u għaldaqstant mhux biss jgħinu fil-prevenzjoni u t-tegħlib tal-kriżijiet ekonomiċi, iżda jservu wkoll għall-benesseri ekonomiku ġenerali;

    C.

    billi l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 hija megħjuna mill-forniment ta’ SIEĠ u billi dawn is-servizzi jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri ta’ tkabbir, b'mod partikulari fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-integrazzjoni soċjali, bl-għan aħħari li jinkiseb il-livell għoli stabbilit ta’ produttività, impjiegi u koeżjoni soċjali;

    D.

    billi soluzzjonijiet kosteffikaċi minn impriżi privati kompetituri huma meħtieġa fl-interess taċ-ċittadin u huma essenzjali fl-isfond tas-sitwazzjoni baġitarja;

    E.

    billi s-SIEĠ huma servizzi li mingħajr l-intervent mill-istat ma jistgħux jingħataw dejjem jew ma jingħatawx b'mod adegwat;

    F.

    billi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ) għandhom rwol importanti billi jiżguraw id-drittijiet fundamentali u jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex ikun hemm opportunitajiet indaqs;

    G.

    billi l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE tipprevedi eżenzjoni minn notifika għal sptarijiet u djar għall-każijiet soċjali, jiġifieri SIEĠ li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali bażiċi;

    H.

    billi l-Artikoli 106 u 107 TFUE jipprovdu l-bażi legali għar-riformi tar-regoli għall-għajnuna mill-istat għas-SIEĠ, u l-Artikolu 14 TFUE jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill billi jaġixxu permezz ta' regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistabbilixxu l-prinċipji u l-kundizzjonijiet għall-operat ta' SIEĠ, partikularment kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri.

    I.

    billi l-Protokoll Nru. 26 TFUE jistabbilixxi li s-SIEĠ għandhom ikunu ta' livell għoli f'termini ta' kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà ekonomika, trattament indaqs u l-promozzjoni tal-aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti u b'mod espliċitu jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tagħhom;

    J.

    billi l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex iservu liċ-ċittadini tagħhom kif xieraq u għaldaqstant huma responsabbli sabiex jiddeterminaw sa liema punt u b'liema mod is-SIEĠ għandhom jiġu pprovduti, u billi l-Artikolu 1 ta' Protokoll Nru. 26 tat-Trattat ta' Lisbona jirrikonoxxi b'mod espliċitu s-setgħat ta' diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jamministrawhom, jikkummissjonawhom u jorganizzawhom;

    K.

    billi l-ħlasijiet ta' kumpens jinkludu kull benefiċċju mogħti fi kwalunkwe forma mill-istat jew minn fondi statali;

    1.

    Jinnota li l-miri tar-riforma tal-Kummissjoni li tinħoloq aktar ċarezza għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għas-SIEĠ jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversità tagħhom;

    2.

    Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta kjarifika tar-relazzjoni bejn ir-regoli tas-suq intern u l-forniment ta’ servizzi pubbliċi u li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fid-definizzjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ servizzi pubbliċi;

    3.

    Jenfasizza t-titjib fl-applikazzjoni u l-intelliġibilità li ntlaħaq permezz tal-miżuri li ttieħdu fl-2005, l-hekk imsejjaħ Pakkett Altmark; jindika li madankollu mill-konsultazzjonijiet pubbliċi rriżulta li l-istrumenti legali għandhom ikunu saħansitra aktar ċari, sempliċi, proporzjonali u effikaċi;

    4.

    Jenfasizza li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jindikaw ukoll li, minbarra l-piż amministrattiv, fatturi bħal inċertezzi u interpretazzjonijiet ħżiena, b’mod partikulari fir-rigward ta’ kunċetti ewlenin għar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għas-SIEĠ, bħalma huma l-att ta' fiduċja, il-qligħ adegwat, l-intraprenditorija, is-servizzi ekonomiċi u mhux ekonomiċi u r-rilevenza għas-suq intern, setgħu kkontribwixxew għan-nuqqas tal-applikazzjoni tar-regoli;

    5.

    Jilqa' b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tispjega aktar id-distinzjoni bejn l-attivitajiet mhux ekonomiċi u dawk ekonomiċi fl-ambitu tas-SIEĠ, sabiex b’mod ġenerali jkun hemm aktar ċertezza legali u jiġu evitati rikorsi quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kif ukoll il-proċeduri ta’ ksur imnedija mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar kjarifika dwar ir-raba' kriterju li ddikjarat il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark u tiżgura li l-metodu ta' kalkolu ta' profitt raġonevoli jkun ċar biżżejjed u adegwat għad-diversità tas-SIEĠ; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tevita lista magħluqa; jissuġġerixxi li filwaqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni m’għandhiex tillimita ruħha għar-ripetizzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, iżda għandha tipprovdi kriterji determinanti li jgħinu fil-fehma u fl-applikazzjoni tal-kunċetti użati; jitlob lill-Kummissjoni telabora l-fehma tagħha ta' SIEĠ ġenwini;

    6.

    Huwa mħasseb dwar ir-rekwiżiti addizzjonali li l-Kummissjoni trid tintroduċi sabiex tiżgura li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx affettwat kontra l-interessi tal-Unjoni, u jemmen li dawn se jwasslu għal inċertezza legali;

    7.

    Jenfasizza li l-'att ta' fiduċja' huwa garanzija ta’ trasparenza li trid tinżamm sabiex iċ-ċittadini jkollhom aktar viżibiltà iżda li għandu jissaħħaħ l-ambitu għall-mandat (att ta’ fiduċja), partikularment permezz tal-applikazzjoni aktar flessibbli tar-regoli; jitlob biex proġett akkumpanjat minn ‧kuntratt ta’ objettivi‧ jitqies bħala att ta' fiduċja eliġibbli;

    8.

    Jenfasizza li r-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat trid tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni partikulari tas-SIEĠ u tosserva strettament il-prinċipju ta' sussidjarjetà, hekk kif ir-responsabbiltà primarja għad-disponibilità, forniment, finanzjament u organizzazzjoni tas-SIEĠ skont il-Protokoll Nru. 26 TFUE hija tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom, li għandhom marġni ta' diskrezzjoni wiesa' f'dan ir-rigward u libertà ta' għażla;

    9.

    Jenfasizza li fir-rieżami tar-regoli għandu jingħata importanza partikulari biex jiġi żgurat li l-kunċetti u t-termini Komunitarji użati jkunu mfassla apposta għan-natura tas-servizzi pubbliċi kif ukoll għad-diversità tal-forom ta’ organizzazzjoni u tal-partijiet interessati involuti, u li jikkunsidraw b'mod adegwat ir-riskju reali ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri;

    10.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn in-natura speċifika tas-SIEĠ fil-livell reġjonali u lokali, li ma taffettwax il-kompetizzjoni fis-suq intern, u li għandha tippermetti proċedura simplifikata u trasparenti li tħeġġeġ l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

    11.

    Jappoġġja l-kunċett ta’ limiti għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika fil-każ ta’ ħlasijiet ta' kumpens statali għas-SIEĠ u sussegwentement it-tnaqqis fil-piż amministrattiv; jissuġġerixxi, fuq il-bażi tal-konsultazzjonijiet li saru, li jogħlew il-limiti li jiddeterminaw l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tas-SIEĠ;

    12.

    Jenfasizza li fl-Artikolu 14 TFUE u fil-Protokoll Nru. 26 anness mat-Trattat ta’ Lisbona tiġi rikonoxxuta n-natura speċifika tas-SIEĠ, u jirrikonoxxi r-rwol partikulari tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f'dan ir-rigward; jenfasizza li r-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat għas-SIEĠ tirrappreżenta biss parti mill-kjarifika neċessarja tad-dispożizzjonijiet legali li japplikaw għas-SIEĠ permezz ta' qafas legali konsistenti Ewropew; jinnota li kwalunkwe strument legali jkollu jiżgura ċertezza legali sodisfaċenti; jistieden lill-Kummissjoni tressaq komunikazzjoni sal-aħħar tal-2011 b'miżuri mfassla sabiex jiżguraw li s-SIEĠ u s-SSIĠ għandhom qafas li jippermettilhom jaqdu l-kompiti tagħhom, kif impenjat ruħha li tagħmel fl-Att dwar is-Suq Uniku;

    13.

    Jenfasizza li pubbliċi skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-impriżi inkarigati bl-operat ta’ servizzi ta' interess ġenerali huma suġġetti għar-regoli li jipprojbixxu u jikkontrollaw l-għajnuna mill-istat sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax legalment jew realment it-twettiq tal-kompiti partikulari fdati lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali; jenfasizza f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 14 TFUE jistabbilixxi b’mod ċar li l-Unjoni u l-Istati Membri skont is-setgħat rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattat, għandhom jiżguraw li tali servizzi joperaw skont prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom; jitlob għalhekk biex għar-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat ikunu kkunsidrati ż-żewġ Artikoli u jkun żgurat li l-kumpens mogħti għas-SIEĠ ma jikkawżax spejjeż eċċessivi għall-finanzi pubbliċi jew ibaxxi l-kwalità tas-servizzi pprovduti;

    14.

    Iqis li l-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-Bonds tal-Proġett tal-UE 2020 tista’ u għandha tkun it-triq ewlenija għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ interess ġenerali kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-proċeduri stabbiliti b'dan l-għan għandhom jiġu stabbiliti b’mod espliċitu f’qafas għall-eliġibilità ta’ proġett li għandu jiġi definit wara li ssir il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

    15.

    Iqis li huwa estremament importanti li l-ħlasijiet ta' kumpens għas-SIEĠ ma jgħawwġux il-kompetizzjoni jew jagħmlu ħsara lil kumpaniji oħra li ma ngħatawx kumpens, li joperaw fl-istess setturi jew swieq;

    16.

    Jindika li l-aċċess għall-kumpens għall-ispiża netta tal-forniment tas-servizzi pubbliċi huwa fost il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji meħtieġa sabiex l-impriżi inkarigati mill-operat ta' servizzi pubbliċi jwettqu kif jixraq il-kompiti partikulari mogħtija lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ kriżi, li fih is-servizzi pubbliċi għandhom rwol kruċjali bħala stabilizzatur awtomatiku, li jipproteġu l-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-pubbliku u għalhekk jgħinu biex jittaffa l-impatt soċjali tal-kriżi;

    17.

    Jenfasizza hawnhekk li l-iżvilupp tal-kooperazzjoni pubblika-pubblika, permezz ta' ġbir ta' riżorsi, joffri potenzjal kbir biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi pubbliċi u biex jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ġodda taċ-ċittadini fiż-żoni lokali tagħhom; jenfasizza wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni transkonfinali;

    18.

    Jisħaq b’mod qawwi li s-servizzi pubbliċi jridu jkunu ta’ kwalità għolja u aċċessibbli għat-taqsimiet tal-popolazzjoni kollha; jinnota bi tħassib f’dan il-kuntest l-attitudni restrittiva tal-Kummissjoni, fejn fir-rigward ta' għajnuna statali għal assoċjazzjonijiet ta' akkomodazzjoni soċjali, din tikklassifika s-servizzi offruti minn tali assoċjazzjonijiet bħala SSIĠ biss f’każijiet meta s-servizzi jkunu riservati għal ċittadini jew gruppi soċjalment żvantaġġati, peress li interpretazzjoni daqshekk limitata tal-kunċett tmur kontra l-għan primarju ta’ taħlit soċjali adegwat u aċċess universali;

    19.

    Huwa tal-fehma li servizzi ta’ kwalità għolja huma bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini Ewropej; u li dan l-approċċ bbażat fuq id-drittijiet għandu jissaħħaħ;

    20.

    Ifakkar fil-ħtieġa ta' investiment sostanzjali għat-titjib tal-infrastruttura, b'mod partikulari fir-reġjuni fejn l-iktar li hemm nuqqasijiet, u b'mod partikulari fl-oqsma tal-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u t-trasport pubbliku, sabiex tkun possibbli provvista ta' servizzi futuri tal-enerġija intelliġenti jew servizzi ta' broadband;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, waqt li jitqiesu l-ispejjeż għall-ħlasijiet ta' kumpens, l-ispejjeż ta' investiment għall-infrastruttura li huma essenzjali għall-funzjonament tas-SIEĠ; ifakkar lill-Kummissjoni li l-forniment tas-SIEĠ kultant huwa bbażat fuq għajnuna għall-investiment pubbliku fuq perjodu twil aktar milli fuq ħlasijiet ta' kumpens annwali;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex fin-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali taċċetta d-dispożizzjonijiet tas-settur pubbliku ta’ SIEĠ u SSIĠ fil-pajjiżi msieħba;

    Simplifikazzjoni/Proporzjonalità

    23.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura, permezz ta’ approċċ aktar diversifikat għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, li l-piż amministrattiv tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-fornituri tas-servizzi jkunu proporzjonali mal-effett potenzjali tal-miżura rispettiva fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern;

    24.

    Jitlob għaldaqstant sabiex id-dispożizzjonijiet ikunu mfassla b'mod li jiżgura l-applikazzjoni korretta tagħhom u li ma jkunux ta' piż mhux neċessarju għall-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi inkarigati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, biex b'hekk ikunu jistgħu jaqdu bi sħiħ il-kompiti speċifiċi fdati lilhom; jitlob lill-Kummissjoni f'dak il-kuntest tiffaċilita l-intelliġibilità tar-regoli u tipprevedi l-obbligi fir-rigward tal-ħlasijiet ta' kumpens pubbliċi għas-SIEĠ u b'hekk tinkiseb ċertezza legali akbar għall-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri tas-servizzi;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni, fl-isfond tas-simplifikazzjoni maħsuba għar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, tintroduċi aktar flessibilità u trasparenza fil-monitoraġġ ta' kumpens ulterjuri u b'mod partikulari ttejjeb il-miżuri biex jiġi evitat kumpens ulterjuri; jipproponi għaldaqstant fil-każ ta’ kuntratti multi annwali, li l-kontrolli għall-kumpens ulterjuri għandu jsir biss fi tmiem tal-perjodu tal-kuntratt u fi kwalunkwe każ f'intervalli ta' mhux aktar minn tliet snin u li għandhom jiġu stabbiliti kriterji trasparenti għall-kalkolu ta' ħlasijiet ta' kumpens għas-SIEĠ, għaliex dawn se jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż kemm lill-fornituri tas-servizzi kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni taċċerta ruħha mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-operaturi jekk 'Il-gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajuna mill-istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikulari għal servizzi soċjali ta’ interess ġenerali', tas-7 ta' Diċembru 2010 jissodisfax l-għan tiegħu b'mod effettiv; jitlob lill-Kummissjoni, jekk jitqies neċessarju, tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-operaturi b'għodda edukattiva li twassalhom għall-applikazzjoni xierqa ta' dawn ir-regoli;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissimplifika r-regoli għall-mandat; jitlob li sejħa għal proposti akkumpanjata minn kuntratt ibbażat fuq objettivi għandha titqies li tikkostitwixxi mandat;

    Servizzi Soċjali

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal arranġamenti de minimis speċjali għas-SSIĠ, fejn mhuwiex mistenni li jkun ta’ detriment sustanzjali għall-kummerċ bejn l-Istati Membri; jipproponi għaldaqstant, li għal din ix-xorta ta’ servizzi soċjali, jiġu proposti limiti xierqa u ogħla;

    29.

    Favur iż-żamma tal-eżenzjoni eżistenti mingħajr limiti għal sptarijiet u akkomodazzjoni soċjali; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li teskludi iktar oqsma tas-SSIĠ mill-obbligu li l-għajnuna li tingħatalhom hija suġġetta għan-notifika; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħlasijiet ta' kumpens għas-SIEĠ kollha li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali bażiċi kif definiti mill-Istati Membri, bħal kura tal-anzjani u ta’ nies bi bżonnijiet speċjali, il-kura u l-inklużjoni soċjali ta' gruppi vulnerabbli, il-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ, il-kura tas-saħħa u l-aċċess għas-suq tax-xogħol huma eżentati mill-obbligu ta' notifika;

    30.

    Jikkunsidra li l-kompitu speċifiku u l-karattru tas-SSIĠ għandu jiġi protett u definit b’mod ċar; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tevalwa liema jista' jkun l-aktar mod effettiv għall-kisba ta' din il-mira, filwaqt li tikkunsidra l-possibbiltà ta' regoli speċifiċi skont is-settur;

    Servizzi Lokali

    31.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi regolazzjoni ‧de minimis‧ fir-rigward ta' għajnuna mill-istat għall-impriżi inkarigati bl-operat tas-SIEĠ, f’każ li l-attività tkun limitata lokalment u għalhekk l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri mistenni li jkun insinifikanti, u fejn jiġi żgurat li l-kumpens se jintuża esklussivament għall-operat tas-SIEĠ inkwistjoni; jitlob lill-Kummissjoni teżamina jekk s-SIEĠ fil-qasam tal-kultura u l-edukazzjoni għandhomx ikunu suġġetti għal arranġament speċjali;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi limiti xierqa għar-regolazzjoni ‧de minimis‧ għal ħlasijiet ta' kumpens lill-impriżi inkarigati bl-operat tas-SIEĠ sabiex dawn is-servizzi jkunu ttrattati bi proċedura ssimplifikata u jitnaqqas il-piż amministrattiv konsiderevoli għall-fornituri tas-servizzi mingħajr ma jkun hemm impatti negattivi fuq is-suq uniku; jipproponi bħala referenza possibbli f’dan ir-rigward l-indiċi kombinat tal-ammont ta' ħlas ta' kumpens u l-livell ta' dħul tal-impriża inkarigata bl-operat tas-servizz mill-awtorità lokali; jikkunsidra barra minn hekk li limitu għal perjodu ta' tliet snin finanzjarji jista' jkun iżjed xieraq sabiex tiġi żgurata l-flessibilità neċessarja;

    33.

    Ifakkar li l-fornituri tas-SIEĠ għandhom varjetà ta' status differenti, bħal assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, organizzazzjonijiet volontarji u komunitarji, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u intrapriżi soċjali; ifakkar li xi wħud minn dawn li joperaw esklussivament fil-livell lokali, ma jieħdux sehem f’attivitajiet kummerċjali u jerġgħu jinvestu lokalment kwalunkwe profitt mis-servizzi ta’ interess ġenerali;

    Aspetti ta' kwalità u effiċjenza

    34.

    Jenfasizza l-importanza li s-SIEĠ ikunu ta’ kwalità għolja u l-ħtieġa li jkunu hemm aċċess universali; jindika f'dan ir-rigward li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, skont ir-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-TFUE, hija ristretta għall-monitoraġġ tal-għajnuna statali għall-forniment tas-SIEĠ, u li dawn ma jipprovdux bażi legali għall-istabbiliment ta' kriterji għall-kwalità u l-effiċjenza fuq livell Ewropew; jikkunsidra li d-definizzjoni ta' kwalità u effiċjenza għas-SIEĠ għandhom ikunu stabbiliti filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' sussidjarjetà;

    *

    * *

    35.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

    (2)  ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

    (3)  ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4.

    (4)  ĠU C 17, 19.01.2001, p. 4.

    (5)  ĠU C 281, 26.9.1996, p. 3.

    (6)  ĠU C 259, 2.9.2011, p. 40.

    (7)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 149.

    (8)  Każ C-280/00, [2004] ECR I-07747.

    (9)  Testi adottati, P7_TA(2011)0319.

    (10)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 140.

    (11)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 277.

    (12)  ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 294.

    (13)  ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 153.

    (14)  ĠU C 14 19.1.1998, p. 74.


    Top