Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0490

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Novembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE dwar il-Kwalifiki Professjonali (2011/2024(INI))

ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 15–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 153/15


It-Tlieta 15 ta’ Novembru 2011
L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali

P7_TA(2011)0490

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE dwar il-Kwalifiki Professjonali (2011/2024(INI))

2013/C 153 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar il-ħolqien ta' tessera professjonali Ewropea għal min jipprovdi s-servizzi (2),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Jannar 2006 fil-kawża C-330/03, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos (Ġabra 2006),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE – "Inżarmaw l-ostakli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE " (COM(2010)0603),

wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2011 dwar id-Direttiva 2005/36/KE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-rapport ta' Mario Monti tad-9 ta' Mejju 2010 intitolat ‘Strateġija ġdida għas-Suq Uniku’,

wara li kkunsidra s-smigħ li għamel mal-parlamenti nazzjonali fis-26 ta' Ottubru 2010 dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE,

wara li kkunsidra r-riċerka kkommissjonata minnu dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (PE 447.514),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titlu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku, Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna" (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra r-rapport annwali SOLVIT 2010 dwar l-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-netwerk SOLVIT fl-2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar is-suq uniku għall-Ewropej (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 intitolata "L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja" (COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2011"Nimmodernizzaw id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali" (COM(2011)0367),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2011 dwar is-sommarju tar-risposti għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-modernizzar tad-Direttiva tal-Kwalifiki Personali (4),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2011 dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 u l-Artikolu 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0373/2011),

A.

billi t-tibdil demografiku qed irendi l-mobilità tal-professjonisti mal-Unjoni Ewropea kollha dejjem aktar importanti,

B.

billi tibdil fis-swieq tax-xogħol jitlob li jkun hemm aktar trasparenza, simplifikazzjoni u flessibilità fir-regoli tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,

C.

billi l-mobilità professjonali hija fattur ċentrali għall-iżvilupp ekonomiku u għall-irkupru ekonomiku sostenibbli;

D.

billi skont il-konklużjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), id-domanda għal ħaddiema kkwalifikati ħafna hija mistennija tiżdied b'aktar minn 16-il miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea bejn issa u l-2020;

E.

billi d-dritt li jiġi akkwistat ix-xogħol jew li jiġu provvduti servizzi fi Stat Membru ieħor, huwa dritt fundamentali skont it-Trattati u jikkonstitwixxi eżempju konkret ta' kif iċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw mis-Suq Uniku;

F.

billi l-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan l-UE u d-dritt tar-rikonoxximent tal-mertu u tal-ħiliet professjonali se jkunu jeżistu biss meta jitnaqqsu għal livell minimu l-barrieri inviżibbli li jeżistu llum u jkunu sparixxew ċerti regoli nazzjonali li attwalment ixekklu b'mod sproporzjonat l-użu tad-dritt ta' impjiegi bi kwalifiki;

G.

billi l-iżgurar li s-sistema għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tkun imfassla bl-aħjar mod possibbli huwa prerekwiżit biex kulħadd ikun jista' jgawdi b'mod sħiħ mill-benefiċċji tal-libertà tal-moviment;

H.

billi l-Att dwar is-Suq Uniku enfasizza l-fatt li l-modernizzar tas-sistema għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, huwa essenzjali biex itejjeb it-tkabbir ekonomiku u jagħti spinta lill-fiduċja tal-membri tal-professjonijiet u tal-pubbliku;

I.

billi waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-diffikultajiet fir-rikonoxximent tat-titoli akkademiċi u tal-kwalifiki professjonali hija n-nuqqas ta' fiduċja fil-kriterji użati tal-akkreditament u tal-għoti ta' kwalifiki akkademiċi tal-pajjiż tal-oriġini u għalhekk hemm ħtieġa urġenti li jittieħdu miżuri għar-rikonoxximent awtomatiku bit-tneħħija tal-preġudizzji u tal-ostakli nazzjonali formali għar-rikonoxximent;

J.

billi ttieħdu madwar 100 000 deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent skont id-Direttiva sa mill-2007, li rendew il-mobilità possibbli għal 85 000 professjonisti (6);

K.

billi l-professjonisti tas-saħħa huma l-aktar mobbli mill-professjonijiet irregolati fl-UE, b'madwar 57 200 tabib, infermier, dentist, spiżjar, qabla u veterinarji mogħtija r-rikonoxximent bejn l-2007 u l-2010;

L.

billi għad hemm qabża bejn l-aspettativi taċ-ċittadini u r-realtà, b'aktar minn 16 % tal-każijiet SOLVIT fl-2010 li jirrigwardaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (7);

M.

billi huwa diffiċli li tiġi identifikata l-awtorità kompetenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u l-proċeduri tagħhom huma kumplessi;

N.

billi d-Direttiva dwar l-applikazzjoni tal-jeddijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa bejn il-fruntieri tirrikjedi li l-Istati Membri tat-trattament jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-jedd għall-eżerċizzju tal-professjonisti tas-saħħa elenkati fir-reġistri nazzjonali jew lokali, stabbiliti fit-territorju tagħhom, tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn, bi skambju ta' informazzjoni permezz tas-sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern;

O.

billi l-każijiet tas-SOLVIT relatati mal-kwalifiki professjonali ammontaw għal 220 fl-2010, filwaqt li aktar minn żewġ terzi minn dawn il-każijiet kienu ġejjin minn erba' Stati Membri biss;

P.

billi d-Direttiva 2005/36/KE ikkonsolidat ir-regoli li ġew stabbiliti fil-15-il direttiva preċedenti, li ġew adottati mis-sittinijiet 'il quddiem;

Q.

billi d-Direttiva 2005/36/KE ma ġietx trasposta fil-ħin mill-Istati Membri kollha, filwaqt li ġiet implimentata b'mod sħiħ biss tliet snin wara ż-żmien limitu oriġinali;

R.

filwaqt li l-applikazzjoni xierqa ta' din id-Direttiva se ssaħħaħ id-dimensjoni umana tas-Suq Uniku;

S.

billi l-introduzzjoni ta' tessera professjonali Ewropea tista' tissimplifika u tħaffef il-proċess għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali;

Simplifikazzjoni għaċ-ċittadini

1.

Jemmen li l-moviment liberu ta' għadd dejjem ikbar ta' persuni u ta' ħaddiema kkwalifikati ħafna huwa wieħed mill-vantaġġi fundamentali tal-kooperazzjoni Ewropea u ta' suq intern kompetittiv, fattur importanti fl-iżvilupp tal-ekonomiji tal-UE kollha u dritt li minnu jgawdi kull ċittadin tal-UE; jemmen bil-qawwa li l-mobilità tal-ħaddiema għandha tkun imsaħħa għaċ-ċittadini tal-UE u li l-ostakli indiretti għandhom jiġu eliminati, diment li jinsab bilanċ bejn il-mobilità u l-kwalità tal-kwalifiki professjonali;

2.

Jinkoraġġixxi l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-mobilità transfruntiera bħala mezz tal-funzjonament effiċjenti tas-swieq tax-xogħol u bħala mezz għaż-żieda tat-tkabbir ekonomiku u tal-kompetittività fl-UE; jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-modernizzazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE, li għandha tiggarantixxi qafas ġuridiku ċar u msaħħaħ;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jinkoraġġixxu l-mobilità fost il-professjonisti; isostni li n-numri relattivament baxxi ta' professjonisti mobbli huma raġuni għalfejn wieħed jitħasseb, u jissuġġerixxi li jitfasslu strateġiji biex tiġi indirizzata din il-problema; jenfasizza r-riżultat tal-istħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru, li skontu aktar minn 50 fil-mija taż-żgħażagħ fl-Ewropa huma lesti jew jixtiequ jaħdmu barra minn pajjiżhom (8);

4.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-benefiċċji tad-direttiva fost iċ-ċittadini u l-professjonisti tagħhom;

5.

Iqis li d-djalogu fost il-partijiet interessati bil-ħsieb li jiġu aġġornati regolarment ir-rekwiżiti għat-taħriġ inizjali, ir-rikonoxximent tal-esperjenza u l-iżvilupp professjonali kontinwu għandhom rwol essenzjali fl-armonizzazzjoni tat-taħriġ; iqis, barra minn hekk, li s-sovrapożizzjoni tat-"28 reġim" fuq is-sistemi nazzjonali ma tipprovdix mezz kif tiġi solvuta b'mod ċar u sodisfaċenti l-kwistjoni tad-differenzi fit-taħriġ;

6.

Jinnota li l-prinċipju tal-aċċess parzjali huwa kkunsidrat bħala mhux mixtieq mill-maġġoranza ta' dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, huwa diffiċli li jkun sorveljat fil-prattika u għandu jiġi kjarifikat; jenfasizza, madankollu, li l-aċċess parzjali jista' jkun ta' benefiċċju biss għal dawk il-professjonijiet fejn il-kompiti jistgħu jiġu demarkati b'mod ċar; jitlob biex ikun hemm evalwazzjoni dettaljata tal-prinċipju u biex dan ikun japplika fuq bażi ta' każ b'każ, iżda filwaqt li jeskludi dawk il-professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet sanitarji u tas-sigurtà;

7.

JIlqa' s-suċċess ġenerali tal-proċedura awtomatika ta' rikonoxximent; jenfasizza, madankollu, li l-proċess tar-rikonoxximent skont is-sistema ġenerali bbażat fuq l-esperjenza professjonali huwa kumpless iżżejjed u jieħu ħafna ħin, kemm għall-awtoritajiet kompetenti u għal dawk li għandhom ċerti professjonijiet;

8.

Jinnota, filwaqt li jissottolinja l-importanza tas-sistema ta' dikjarazzjoni preċedenti, li tqajmu diversi preokkupazzjonijiet fil-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-2011, u li għalhekk il-miżuri biex itejbu l-mobilità temporarja tal-professjonisti għandhom jiffurmaw aspett prinċipali tar-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali; jitlob kjarifika ulterjuri tal-kunċett tal-provvista temporarja u okkażjonali tas-servizzi, filwaqt li għandu jiġi kkunsidrat li jkun impossibli li tiġi żviluppata definizzjoni waħda li tkopri l-professjonijiet kollha u li dan inaqqas is-sussidjarjetà;

9.

Jargumenta li l-awtoritajiet kompetenti jiffaċċjaw diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-reġim tad-dikjarazzjoni preċedenti, peress li m'hemmx approċċ konsistenti għall-valutazzjoni tan-natura temporanja u okkażjonali ta' servizz u li huwa estremament diffiċli li jiġu ssorveljati fil-post l-attivitajiet tal-fornitur tas-servizz; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa d-dispożizzjonijiet attwali stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-direttiva u biex tkompli tispjega l-mistoqsija tal-ġurisprudenza eżistenti, speċifikament fir-rigward tal-professjonijiet tas-saħħa pubblika u fl-implikazzjonijiet tas-sikurezza; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament;

10.

Jenfasizza li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jwettqu kontrolli minn qabel tal-kwalifiki għal dawk il-professjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza u li mhumiex diġà koperti bir-rikonoxximent awtomatiku, huwa meqjus essenzjali minn maġġoranza kbira ta' partijiet interessati; jisħaq, madankollu, li sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, l-Istati Membri għandhom jiċċaraw liema professjonijiet iqisu li għandhom implikazzjonijiet għas-saħħa u s-sikurezza;

11.

Jaqbel mal-Kummissjoni li d-definizzjoni ta' ‘edukazzjoni u taħriġ irregolati’ hija restrittiva wisq u tista' taffettwa b'mod mhux raġonevoli l-mobilità temporanja għall-professjonisti; iqis li d-definizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe taħriġ li jippermetti li wieħed jipprattika professjoni fl-Istat Membru ta' oriġini;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħmilha ċara li dikjarazzjoni għall-finijiet tal-mobilità temporanja għandha tkun valida fit-territorju kollu ta' Stat Membru u biex jevalwaw jekk hemmx il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni annwali;

13.

Jitlob li l-fornituri ta' servizzi li jipprovdu servizzi b'mod esklużiv lil konsumaturi akkumpanjati minnhom fi Stati Membri oħrajn, u li għalhekk ma jkollhom l-ebda kuntatt ma' konsumaturi lokali fl-Istat Membru ospitanti (pereżempju gwidi ta' tours, trainers, persunal mediku li jakkumpanja lill-atleti) jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' dikjarazzjoni bil-quddiem skont l-Artikolu 7; isostni dan fil-każ tas-servizzi kollha li ma jikkonċernawx is-saħħa u s-sikurezza pubblika;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina u tikkonsolida d-diversi sorsi tal-informazzjoni li attwalment huma disponibbli fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali – inklużi l-Punti Nazzjonali tal-Kuntatt (NCPs) u l-korpi professjonali – flimkien mal-portal L-Ewropa Tiegħek, li jimmarka l-punti uniċi ta' kuntatt skont id-Direttiva dwar is-Servizzi; jargumenta li dan se jipprovdi l-professjonisti, bil-lingwa tagħhom stess, b'interface pubblika fejn huma jistgħu iniżżlu d-dokumenti, ikollhom aċċess għal u jistampaw it-tessera professjonali tagħhom, u jakkwistaw informazzjoni aġġornata dwar il-proċess ta' rikonoxximent u jakkwistaw informazzjoni amministrattiva dwar l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi professjonali u d-dokumenti għas-sottomissjoni;

15.

Jargumenta li d-djalogu u l-iskambji ta' informazzjoni f'kull professjoni individwali għandhom jissaħħu, u li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-NCPs, kemm fuq il-livell nazzjonali u wkoll fuq il-livell ta' bejn l-Istati Membri, għandhom jittejbu; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita n-netwerks ta' awtoritajiet kompetenti u korpi professjonali għall-aktar professjonijiet mobbli, tiskambja informazzjoni ġenerali dwar il-proċessi nazzjonali u r-rekwiżiti edukattivi u biex taqsam l-aħjar prattika u tinvestiga l-possibilitajiet għal kooperazzjoni approfondita, bħal pjattaformi komuni; jikkunsidra li l-awtoritajiet pubbliċi u s-sħab soċjali għandhom jinvolvu ruħhom fi djalogu strutturat dwar kif għandha titjieb l-integrazzjoni professjonali taż-żgħażagħ;

16.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-effikaċja li biha l-awtoritajiet pubbliċi jipprovdu l-informazzjoni relattiva kemm għad-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll għall-proċeduri ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, b'mod li titrażżan kull burokrazija skoraġġanti fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobilità;

17.

Jitlob lill-Istati Membri, għalhekk, biex jużaw teknoloġiji tal-komunikazzjoni moderni, inkluż bażijiet ta' data u proċeduri ta' reġistrazzjoni onlajn, sabiex jiżguraw li jinżammu ż-żminijiet limitu stabbiliti mis-sistema ġenerali ta' rikonoxximent u sabiex isir titjib sinifikanti f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-informazzjoni u l-għarfien tal-proċeduri;

18.

Jitlob li jkun hemm obbligu mandatorju għall-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu informazzjoni ta' kuntatt aġġornata lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fil-professjoni partikolari tagħhom;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida rigward il-perjodu ta' żmien li fih individwu li jkun ippreżenta dossier sħiħ għandu jistenna deċiżjoni mill-awtorità kompetenti; it-tqassir ta' dan il-perjodu ta' żmien permezz ta' użu akbar mill-IMI u l-ottimazzjoni tal-proċeduri jiffaċilita wkoll il-mobilità; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed riżorsi biex jiżguraw rikonoxximent professjonali sa perjodu raġonevoli ta' żmien;

20.

Jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni jipprovdu aktar trasparenza biex l-applikanti jew il-persuni affettwati jkunu jistgħu jingħataw spjegazzjoni sħiħa tar-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent tad-diploma jew tal-kwalifika professjonali tagħhom;

21.

Jisħaq li l-proċedura attwali għan-notifika ta' diplomi ġodda hija kumplessa wisq; jistieden lill-Kummisjoni tiffaċilita n-notifika ta' diplomi ġodda u taġġorna l-Anness V tad-Direttiva b'mod aktar f'waqtu;

22.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni jiżguraw li r-rikonoxximent tad-diplomi u taċ-ċertifikati jkun fl-istess livell bħar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, biex jinħoloq suq uniku ġenwin fil-livell Ewropew u internazzjonali u b'hekk jiġi evitat li jiġi rregolat dak li hu diġà rregolat;

23.

Jenfasizza li l-miżuri ta' kumpens, li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jimponu test tal-abilità jew perjodu ta' adattament sa tliet snin, u li jilgħabu rwol imprezzabbli biex jiżguraw is-sikurezza tal-konsumaturi u tal-pazjenti, għandhom jiġu rieżaminati biex jiġi vvalutat kemm huma xierqa u jiġu solvuti problemi eżistenti; jitlob spjegazzjonijiet aħjar u evalwazzjoni tal-Kodiċi tal-Kondotta biex jassisti lill-awtoritajiet kompetenti;

24.

Jitlob li jkun hemm linji gwida mhux vinkolanti tal-UE dwar l-applikazzjoni ta' miżuri ta' kumpens, li għandhom jitfasslu f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, mal-korpi professjonali, mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew;

25.

Jenfasizza li huwa partikolarment ikkumplikat u li jiswa ħafna flus għall-awtoritajiet sabiex jeżaminaw il-livelli ta' kwalifiki skont l-Artikolu 11, u huwa diffiċli ħafna għaċ-ċittadini li jifhmu; jissuġġerixxi li l-ħames livelli ta' kwalifiki skont l-Artikolu 11 ta' spiss iwasslu għal konfużjoni mat-tmien livelli tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki; jaqbel mal-Kummissjoni li t-tħassir tal-Artikolu 11 u tal-Annessi II u III jkun ifisser li l-awtoritajiet kompetenti ma jibqgħux jintalbu jiddeterminaw l-eliġibilità ta' applikant skont livelli predefiniti ta' kwalifiki iżda jiffukaw fuq l-identifikazzjoni ta' jekk hemmx differenzi sinifikanti fit-taħriġ biex jiddeċiedu jekk humiex meħtieġa miżuri ta' kumpens; jinnota, għalhekk, li t-tħassir ta' livelli ta' kwalifiki, inklużi l-Annessi II u III, jissimplifika b'mod konsiderevoli l-proċess ta' rikonoxximent;

26.

Jirrimarka li għad hemm disparitajiet kbar bejn is-sistemi ta' edukazzjoni fl-Istati Membri; huwa tal-fehma, għalhekk, li għal dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien minimu ta' skola meħtieġ għal ċertu taħriġ, jeħtieġ ukoll jitqiesu perjodi ġeneralment segwiti fl-iskejjel professjonali fil-qafas ta' sistemi ta' taħriġ b'alternanza;

27.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, iniedu studji bil-ħsieb li tiġi stabbilita tassonomija Ewropea tal-Kompetenzi, Kwalifiki u Okkupazzjonijiet biex jiġi aċċertat jekk il-kwalifiki formali, u l-okkupazzjonijiet, jikkorrispondux għall-istess ħiliet u kwalifiki fid-diversi Stati Membri u biex tiġi żviluppata għodda analitika Ewropea;

28.

Huwa tal-fehma li l-Kodiċi ta' Kondotta għandu jiġi ċċirkolat b'mod usa' biex jiġi żgurat li d-direttiva tiġi implimentata b'mod aktar effikaċi peress li dan jippromwovi l-uniformità fil-mod li bih jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tagħha;

L-aġġornament ta’ dispożizzjonijiet attwali

29.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' ddaħħal il-mekkaniżmi għad-djalogu fost l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi professjonali bil-ħsieb li taġġorna, skont l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi, ir-rekwiżiti minimi tat-taħriġ għall-professjonijiet settorjali sabiex jirriflettu l-prattika professjonali attwali, taġġorna l-klassifika attwali tal-attivitiajiet ekonomiċi abbażi tal-esperjenza professjonali u tistabbilixxi mekkaniżmu sempliċi biex taġġorna kontinwament ir-rekwiżiti minimi tat-taħriġ; filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi futuri tal-Proċessi ta' Bolonja u ta' Copenhagen, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-introduzzjoni ta' approċċ ibbażat fuq il-kompetenza billi tiddefinixxi r-rekwiżiti minimi tat-taħriġ mhux biss f'termini ta' dewmien, iżda wkoll f'termini ta' eżiti tat-tagħlim;

30.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tifframmentax il-proċess tal-modernizzazzjoni tar-rikonoxximent awtomatiku, kif inhu suġġerit fil-Green Paper, u biex tiżgura li l-Parlament jingħata sorveljanza xierqa meta jsiru bidliet sostanzjali fid-direttiva;

31.

Jilqa' r-riformi riċenti mwettqa bħala parti mill-proċess ta' Bolonja u l-benefiċċji li dan il-proċess jipprovdi għall-istudenti Ewropej f'termini ta' mobilità u impjegabilità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tgħin lill-Istati Membri sabiex dawn jagħmlu l-Iskema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment tal-Krediti (ECTS) aktar trasparenti u kumparabbli sabiex l-ECTS issir għodda essenzjali li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u fl-aħħar mill-aħħar il-mobilità;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-importanza tal-eżiti standardizzati tat-tagħlim u tal-kompetenzi kliniċi meta twaqqaf rekwiżiti minimi ta' taħriġ;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibilità li testendi aktar il-kamp ta' applikazzjoni tar-rikonoxximent awtomatiku fil-futur;

34.

Jitlob li tiġi ċċarata aktar il-proposta li jittawwal iż-żmien tal-edukazzjoni ġenerali bħala rekwiżit ta' dħul għat-taħriġ tal-infirmiera u tal-qwiebel;

35.

Jitlob kjarifika ulterjuri tat-tħassir propost tal-Artikolu 21(4) tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali

36.

Jistieden lill-Istati Membri jqabblu r-rekwiżiti minimi ta' taħriġ u jorganizzaw skambji aktar regolari fosthom, u wkoll fost l-awtoritajiet kompetenti, bil-ħsieb li r-rekwiżiti minimi tat-taħriġ jinġiebu aktar qrib xulxin;

37.

Jindika li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE teħtieġ id-definizzjoni ta' lista ta' ċertifikati jew kwalunkwe prova oħra ta' kwalifika formali li huma rikonoxxuti f'tal-inqas Stat Membru wieħed iżda m'humiex rikonoxxuti fi Stati Membri oħra; din il-lista għandha tinkludi wkoll il-każijiet taċ-ċittadini li ġabu diploma fi Stat Membru li mhux l-istat tal-oriġini tagħhom u meta jirritornaw pajjiżhom, id-diplomi tagħhom ma jiġux rikonoxxuti fl-Istat Membru tagħhom;

38.

Jenfasizza n-numru kbir ta' professjonijiet regolati fl-Unjoni Ewropea u jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jikkunsidraw il-ġustifikazzjoni għall-klassifika ta' ċerti professjonijiet biex jiġi aċċertat jekk il-kwalifiki formali u l-okkupazzjonijiet jikkorrispondux għall-istess ħiliet u kwalifiki fl-Istati Membri kollha; jikkunsidra li t-tnaqqis tan-numru totali ta' professjonijiet regolati fl-UE se jżid l-mobilità; jinnota, madankollu, li l-klassifika tista' tkun ġustifikata għal raġunijiet ta' ħarsien tal-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-professjonijiet mediċi, legali u tekniċi;

39.

Jisħaq li l-aktar mod effikaċi kif isir possibbli l-moviment ħieles tal-professjonisti jkun li jitnaqqas in-numru ta' professjonijiet regolati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'direttiva riveduta mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw id-dispożizzjonijiet regolatorji tagħhom, minbarra dawk relatati mal-professjonijiet tal-kura tas-saħħa, u jneħħuhom jekk ma jkunux proporzjonati;

Aġġornament tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà

40.

Jargumenta li l-protezzjoni tas-sigurtà tal-konsumatur u tal-pazjent hija objettiv vitali fil-kuntest tar-reviżjoni tad-direttiva u li s-suċċess ta' din id-direttiva jiddependi ħafna fuq l-iżgurar tal-mobilità filwaqt li tkun garantita s-sikurezza; jiġbed l-attenzjoni għall-istatus speċjali tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa;

41.

Jenfasizza li kien hemm problemi serji assoċjati ma' professjonisti li baqgħu jipprattikaw fl-UE minkejja li ġew sospiżi jew inqatgħu;

42.

Jitlob biex jiġi stabbilit, fi ħdan il-qafas tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), u għal dawk il-professjonisti li għadhom mhumiex koperti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi, mekkaniżmu ta' allert proattiv, li jagħmilha obbligatorja li jinħareġ allert għall-Istati Membri kollha meta tittieħed azzjoni regolatorja kontra r-reġistrazzjoni ta' professjonist jew id-dritt tiegħu li jipprovdi servizzi, bil-kundizzjoni li s-sistema ta' allert ma tinkludi l-ebda informazzjoni oħra, tirrispetta l-presunzjoni tal-innoċenza u tkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

43.

Jirrimarka li l-pazjenti u l-pubbliku jeħtieġu assigurazzjonijiet aħjar li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jibbenefikaw mir-rikonoxximent żammew ħiliethom u l-għarfien tagħhom aġġornati;

44.

Jenfasizza t-talba tal-partijiet interessati biex issir aktar enfasi fuq l-iżvilupp professjonali kontinwu (ŻPK), inkluż tagħlim formali, mhux formali u informali (tul il-ħajja) u dwar il-ħtieġa li jiġi vvalutat; jirrimarka li l-kompetizzjoni globali u l-orjentament lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien qed joħolqu sfidi ġodda għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-edukazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tesplora l-metodi ta' dokumentazzjoni tal-edukazzjoni kollha, forsi permezz ta' Passaporti Ewropej tal-Ħiliet u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki kif ukoll l-IMI, u biex tfassal tabella li tqabbel id-diversi sistemi tal-ŻPK li jeżistu fl-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miżuri ta' kumpens ikunux soluzzjoni xierqa għal-livelli li jvarjaw ta' ŻPK għall-ħaddiema tas-saħħa; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu informazzjoni dwar l-ŻPK waqt il-proċess ta' rikonoxximent, biex jiskambjaw l-aħjar prattiki f'dan il-qasam u jiskambjaw informazzjoni dwar l-ŻPK, speċjalment fir-rigward ta' dawk is-setturi u Stati Membri fejn huwa obbligatorju;

45.

Jenfasizza l-importanza li t-taħriġ kontinwu jkun imfassal b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol f'kull wieħed mill-Istati Membri biex jiġi żgurat użu aħjar tar-riżorsi tat-taħriġ għal dawk li għandhom impjieg;

46.

Jenfasizza li l-estensjoni tal-proċedura ta' rikonoxximent biex tkopri kwalifiki ta' terzi pajjiżi tista' twassal għal abbużi tas-sistema fil-forma tal-forum shopping, u tista' tkun estremament perikoluża għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti;

47.

Jinsisti li, għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, il-kapaċità li jikkomunikaw mal-kollegi u mal-pazjenti hija fundamentali biex jiġu evitati sitwazzjonijiet perikolużi jew li potenzjalment jafu jkunu ta' theddida għall-ħajja;

48.

Huwa tal-fehma li l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2005/36/KE, dwar ir-rekwiżiti tal-lingwa għandu jiġi ċċarat, peress li hemm kontroversja għaddejja dwar l-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Istati Membri; jitlob, għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu r-reġim tar-rekwiżiti tal-lingwa għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, billi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bil-flessibilità neċessarja biex jaċċertaw u, jekk ikun meħtieġ biss, jittestjaw il-ħiliet tekniċi u lingwistiċi tal-konversazzjoni tal-professjonisti bħala parti mill-proċess tar-rikonoxximent; jikkunsidra li, mingħajr ma jippreġudikaw il-kapaċità ta' min iħaddem li jissodisfaw lilhom infushom rigward il-kompetenza lingwistika tal-professjonisti qabel ma jireklutawhom għal kariga partikolari, f'dan ir-rigward għandu jiġi applikat bi skruplu l-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex testijiet bħal dawn ma jsirux barriera addizzjonali;

49.

Jargumenta li l-kompetenza tal-lingwa hija kruċjali biex tiffaċilita l-integrazzjoni ta' professjonista f'pajjiż ieħor, filwaqt li tiżgura l-kwalità tas-servizzi provduti u tipproteġi s-sikurezza tal-konsumatur u tal-pazjent;

50.

Jenfasizza li, biex jiġu protetti l-pazjenti, il-prattikanti li jipprovdu servizzi ta' saħħa elettroniċi għandhom joffru l-istess standards ta' kwalità u ta' sikurezza bħal dawk applikabbli għall-għoti ta' servizzi tal-kura tas-saħħa mhux elettroniċi; għandu għalhekk jiġi ċċarat li r-rekwiżiti ta' din id-direttiva u, jekk ikun meħtieġ, oħrajn addizzjonali, għandhom japplikaw għal min jagħti servizzi ta' saħħa elettroniċi;

51.

Jinnota li l-iżvilupp tal-e-saħħa u l-iżvilupp ta' sistema ta' kura tas-saħħa mill-bogħod jeħtieġu li, wara t-taħriġ tagħhom, l-infermieri u t-tobba jkunu f'qagħda li jistgħu jagħtu kura lil pazjenti b' nazzjonalitajiet differenti u ikun neċessarju, għalhekk, li jkun hemm il-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn iċ-ċentri ta' taħriġ, l-isptarijiet u l-universitajiet fil-pajjiżi differenti għall-professjonisti u l-gradwati li jkunu qed jagħtu l-kura lill-pazjenti b'dawn l-istrumenti;

L-integrazzjoni tal-professjonisti u l-injettar tal-kunfidenza fis-sistema

52.

Jilqa' r-riżultati ta' proġetti pilota dwar it-tessera professjonali li ġew imħabbra fil-Forum dwar is-Suq Uniku fi Krakovja; jinsisti li kwalunkwe tessera professjonali għandha tkun volontarja, għandha tiċċertifika l-esperjenza akkademika u professjonali li ġiet akkwistata u għandha tkun konnessa mas-sistema tal-IMI; jemmen li tessera professjonali tista' tkun għodda utli biex tgħin il-mobilità ta' xi professjonijiet, tissimplifika proċeduri amministrattivi u ttejjeb is-sikurezza; jitlob lill-Kummissjoni, qabel l-introduzzjoni ta' kull tessera, biex tipprovdi evidenza tal-valur miżjud possibli għall-proċess ta' rikonoxximent; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' kull tessera għandha tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi dwar is-sikurezza u l-protezzjoni tad-data u jinsisti li għandhom jiġu stabbiliti s-salvagwardji neċessarji kontra l-abbuż u l-frodi;

53.

Itenni li jekk l-UE għandha tnaqqas l-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali fis-27 pajjiż tal-UE, l-Istati Membri kollha jeħtieġ li jkollhom aktar fiduċja fis-sistemi ta' xulxin.

54.

Jappoġġa l-estensjoni tal-IMI għal professjonijiet li għadhom mhumiex koperti minn din is-sistema ta' informazzjoni, kif stipulat fil-proposta għal Regolament dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (9) (‘ir-Regolament tal-IMI’), u għall-professjonijiet li mhumiex koperti bid-Direttiva 2005/36/KE;

55.

Jitlob biex ikun hemm introduzzjoni mandatorja tal-IMI għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva proattiva u jissimplifikaw il-proċeduri ta' rikonoxximent; iqis li l-IMI tista' tissaħħaħ iktar, pereżempju billi jiġu estiżi l-karatteristiċi disponibbli biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tibda tħaddem miżuri ta' taħriġ u ta' appoġġ tekniku ta' akkumpanjament biex tiżgura li jsir użu sħiħ mill-gwadanji potenzjali fl-effiċjenza li toffri s-sistema;

56.

Jitlob għall-mobilità tal-gradwati u għal konformità mal-ġudizzju fil-każ Morgenbesser (10); jargumenta li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu esperjenza prattika sorveljata bi ħlas għall-gradwati minn Stati Membri oħra, jekk dawn joffru din il-possibilità liċ-ċittadini tagħhom; jenfasizza barra minn hekk li l-esperjenza professjonali miksuba matul il-prattika sorveljata għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru ta' oriġini;

57.

Jenfasizza l-fatt li l-kunċett tal-pjattaformi komuni, kif spjegat fl-Artikolu 15 tad-direttiva, ma rnexxiex peress li attwalment ma jeżistux pjattaformi bħal dawn; isostni li għandhom il-potenzjal li jkunu għodod utli fil-faċilitazzjoni tal-mobilità u li għandhom jiġu ddefiniti u kkontrollati mill-professjonisti nfushom; jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni biex ittejjeb dan il-kunċett f'artikolu rivedut; jitlob lill-Kummissjoni tippermetti l-Istati Membri l-flessibilità meħtieġa biex jagħżlu jekk jiħdux sehem jew le f'xi pjattaforma komuni u biex jitbaxxa l-limitu għall-parteċipazzjoni tal-Istat Membru;

58.

Jargumenta li l-introduzzjoni ta' kull pjattaforma għandha tiddependi minn test tas-suq intern u għandha tkun suġġetta għal sorveljanza parlamentari;

59.

Jenfasizza l-fatt li din id-Direttiva għandha tintegra l-protezzjoni tad-data, bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE, u li r-reviżjonijiet ta' din id-direttiva għandhom jinkludu wkoll l-iżviluppi fid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data; jinnota li għandu jkun hemm informazzjoni ta' kuntatt aġġornata għall-parti tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ġestjoni tad-data, u politiki ċari rigward il-ħżin u l-użu tad-data ta' professjonist, kif ukoll linji gwida għall-korrezzjoni ta' informazzjoni żbaljata

60.

Jinnota li n-negozjati bejn l-UE u l-Isvizzera wasslu għal ftehim rigward l-emendar tal-Anness III tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa minnhom, u l-Konfederazzjoni Svizzera, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni biex tiġi inkluża d-Direttiva 2005/36/KE; jinnota li l-ftehim jipprevedi applikazzjoni proviżorja tal-parti l-kbira tad-Direttiva, bl-eċċezzjoni tat-Titolu II, li jirrikjedi adattamenti fl-Isvizzera u li d-Deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-ftehim hawn fuq imsemmi se taqa' jekk l-Isvizzeri jonqsu milli jinnotifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni fi żmien 24 xhar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni; huwa impenjat li jsegwi fid-dettall l-iżviluppi dwar din il-kwistjoni;

61.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li kull direttiva riveduta għandha tiġi trasposta kif suppost saż-żmien limitu stabbilit; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu d-direttiva l-prijorità meħtieġa;

*

* *

62.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(2)  ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 42.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0145.

(4)  http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/docs/news/20110706-summary-replies-public-consultation-pdq_en.pdf.

(5)  http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/docs/news/20110706-evaluation-directive-200536ec_en.pdf.

(6)  Kummissjoni Ewropea, "Valutazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali", Brussell, 5 ta' Lulju 2011.

(7)  Kummissjoni Ewropea, DG MARKT, Rapport SOLVIT 2010: L-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-netwerk SOLVIT fl-2010, (2011).

(8)  Kummissjoni Ewropea - Ewrobarometru Flash, ‘Żgħażagħ Attivi: Rapport Analitiku’, Mejju 2011.

(9)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’), (COM(2011)0522).

(10)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 2003, Każ C-313/01, Morgenbesser, ECR I-13467.


Top