Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0484

    Proċedimenti ta' insolvenza fil-kuntest tad-dritt tal-kumpanniji tal-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Novembru 2011 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti ta' insolvenza fil-kuntest tad-dritt tal-kumpaniji tal-UE (2011/2006(INI))
    ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI

    ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 153/1


    It-Tlieta 15 ta’ Novembru 2011
    Proċedimenti ta' insolvenza fil-kuntest tad-dritt tal-kumpanniji tal-UE

    P7_TA(2011)0484

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti ta' insolvenza fil-kuntest tad-dritt tal-kumpaniji tal-UE (2011/2006(INI))

    2013/C 153 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tas-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment (1) (ir-Regolament dwar il-proċedimenti ta' falliment),

    wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Mejju 2006 (2), tal-10 ta' Settembru 2009 (3), u tal-21 ta' Jannar 2010 (4),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0355/2011),

    A.

    billi differenzi bejn liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza joħolqu vantaġġi jew żvantaġġi kompetittivi u diffikultajiet għall-kumpaniji li jwettqu attivitajiet transkonfinali li jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għar-ristrutturar ta' suċċess ta' kumpaniji insolventi; billi dawn id-differenzi jinkoraġġixxu t-tfittxija għall-aktar ġurisdizzjoni vantaġġjuża (forum-shopping); billi l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ugwali jkun ta' benefiċċju għas-suq intern;

    B.

    billi għandhom jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni tal-abbuż u ta' kwalunkwe tixrid tal-fenomenu tal-forum-shopping, u billi għandhom jiġu evitati proċedimenti ewlenin konkorrenti,

    C.

    billi anki jekk il-ħolqien ta' leġiżlazzjoni sostantiva dwar l-insolvenza fil-livell tal-UE mhuwiex possibbli, l-armonizazzjoni ta' ċerti oqsma tal-liġi dwar l-insolvenza hija vallapena u tista' tinkiseb;

    D.

    billi teżisti konverġenza progressiva fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza tal-Istati Membri;

    E.

    billi r-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment ġie adottat fl-2000 u issa ilu aktar minn disa' snin fis-seħħ; billi l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2012;

    F.

    billi r-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment huwa r-riżultat ta' proċess ta' negozjati twil ħafna, u dan wassal għall-fatt li tħallew barra ħafna kwistjonijiet sensittivi u li l-approċċ fuq numru ta' kwistjonijiet kien diġà bla rilevanza fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu;

    G.

    billi, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment, seħħew ħafna bidliet: 12-il Stat saru Membri tal-Unjoni, u l-fenomenu tal-gruppi ta' kumpaniji żdied b'mod kunsiderevoli;

    H.

    billi l-insolvenza tħalli impatt negattiv mhux biss fuq l-impriżi kkonċernati iżda wkoll fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri, u billi l-objettiv għaldaqstant għandu jkun dak ta' salvagwardja tal-partijiet interessati ekonomiċi kollha, tal-kontribwenti u ta' min iħaddem kontra r-riperkussjonijiet tal-insolvenza;

    I.

    billi l-approċċ f'dak li jikkonċerna l-proċedimenti ta' insolvenza huwa kkonċentrat aktar fuq is-salvataġġ korporattiv bħala alternattiva għall-istralċ;

    J.

    billi l-liġi dwar l-insolvenza għandha tkun strument għas-salvataġġ ta' kumpaniji fil-livell tal-Unjoni; billi salvataġġ bħal dan, meta dan ikun possibbli, huwa fl-interess tad-debitur, tal-kredituri u tal-impjegati;

    K.

    billi l-proċedimenti ta' insolvenza ma għanhomx jintużaw b'abbuż minn kreditur biex jevita azzjoni konġunt għall-irkupru tad-dejn, u billi jeħtieġ għalhekk li jiġu introdotti salvagwardji proċedurali adegwati;

    L.

    billi għandu jiġi stabbiliti qafas ġuridiku li jkun aktar adatt għall-każijiet tal-kumpaniji li huma temporanjament insolventi;

    M.

    billi fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM (2010) 2020), il-Kummissjoni, fir-rigward tal-lakuni u d-diffikultajiet li qed jostakolaw il-ksib ta' suq uniku għas-seklu 21, iddikjarat kif ġej: “L-aċċess tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju għandu jittejjeb. L-intraprenditorija għandha tiġi żviluppata permezz ta' inizjattivi ta' politika konkreti, fosthom simplifikazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji (il-proċeduri ta' falliment, l-istatut ta' kumpaniji privata, eċċ.), u inizjattivi li jippermettu lill-imprendituri biex jerġgħu jibdew wara l-falliment ta' negozju”;

    N.

    billi l-liġi dwar l-insolvenza għandha tistabbilixxi wkoll regoli għall-istralċ ta' kumpanija bl-anqas mod dannuż u bl-aktar mod favorevoli għall-parteċipanti kollha ladarba jkun jidher ċar li s-salvataġġ korporattiv x'aktarx mhux se jirnexxi jew ma rnexxiex;

    O.

    billi f'kull każ speċifiku, ir-raġunijiet għall-insolvenza ta' impriża jridu jiġu eżaminati, jiġifieri għandu jiġi aċċertat jekk id-diffikultajiet finanzjarji tal-impiżi humiex biss tranżitorji jew jekk l-impriża hijiex kompletament insolventi; billi prinċipalment dan jirrigwarda l-istabbiliment tal-assi kollha ta' debitur u l-obbligazzjonijiet tiegħu, sabiex tiġi valutata l-kapaċità tiegħu ta' solvenza jew ta' insolvenza;

    P.

    billi l-gruppi ta' kumpaniji huma fenomenu komuni iżda l-insolvenza tagħhom għadha ma ġietx indirizzata fil-livell tal-Unjoni; billi l-insolvenza ta' grupp ta' kumpaniji x'aktarx tirriżulta fil-ftuħ ta' diversi proċedimenti ta' insolvenza separati f'ġurisdizzjonijiet differenti fir-rigward ta' kull membru tal-grupp insolventi; billi sakemm dawn il-proċedimenti ma jistgħux jiġu kkoordinati, huwa improbabbli li l-grupp jista' jiġi ristrutturat fit-totalità tiegħu u jista' jkun li jkollu jinqasam f'diversi partijiet, u dan jinvolvi telf għall-kredituri, l-azzjonisti u l-impjegati,

    Q.

    billi f'każ tal-insolvenza ta' gruppi ta' impriżi, huwa diffiċli li ssir riabilitazzjoni minħabba r-regolamenti differenti tal-Istati Membri fl-UE u b'hekk qegħdin ikunu pperikolati eluf ta' postijiet tax-xogħol,

    R.

    billi l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tal-insolvenza li twassal għall-ħolqien ta' bażi tad-data tal-UE aċċessibbli u komprensiva tal-proċedimenti ta' insolvenza tkun tippermetti lill-kredituri, lill-azzjonisti, lill-impjegati u lill-qrati jiddeterminaw jekk infetħux proċedimenti ta' insolvenza fi Stat Membru ieħor u jaċċertaw id-dati ta' skadenza u d-dettalji għat-tressiq tal-pretensjonijiet; billi dan jippromwovi l-amministrazzjoni kosteffikaċi u jżid it-trasparenza filwaqt li jirrispetta l-protezzjoni tad-data;

    S.

    billi l-pjanijiet ta' likwidazzjoni (“living wills”) transfruntieri għandhom ikunu eżegwibbli ġuridikament fil-każ ta' istituzzjonijiet finanzjarji u li għandhom jiġu kkunsidrati għall-kumpaniji kollha sistemikament rilevanti, anke jekk mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji, bħala pass importanti fil-proċess biex jintlaħaq qafas transfruntier xieraq tal-insolvenza;

    T.

    billi d-dispożizzjonijiet għall-proċedimenti ta' insolvenza jridu jippermettu arranġamenti speċjali għas-separazzjoni ta' unitajiet vijabbli li jipprovdu servizzi essenzjali, bħal sistemi ta' ħlas u mekkaniżmi oħra definiti fil-pjanijiet ta' likwidazzjoni u, billi, f'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li d-dritt tagħhom dwar il-fallimenti jinkludu dispożizzjonijiet adegwati li jippermettu arranġamenti speċjali fil-livell tal-UE għas-separazzjoni tal-konglomerati transfruntieri insolventi f'unitajiet vijabbli;

    U.

    billi l-proċedimenti ta' insolvenza għandhom iqisu t-trasferimenti fi ħdan il-grupp, bil-għan li jiġi żgurat li, meta jkun xieraq, l-attiv ikun rekuperabbli f'livell transfruntier, sabiex jinkiseb riżultat ekwu;

    V.

    billi xi kumpaniji ta' investiment, b'mod partikolari l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, ma jistgħux jiġu xolti b'mod improvviżat u jeħtieġu riżultat li jikseb distribuzzjoni ekwa tal-attiv maż-żmien; billi t-trasferimenti kummerċjali, "run-off" kif ukoll it-tkomplija tal-operazzjonijiet ma għandhomx jiġu mxekkla u jistgħu jitolbu trattament prijoritarju;

    W.

    billi d-deċiżjoni li jiġu inklużi gruppi sħaħ minflok entitajiet ġuridiċi individwali fi proċedimenti ta' insolvenza, għandha tkun orjentata lejn ir-riżultati u għandhom jiġu kkunsidrati konsegwenzi possibbli, bħar-rikors awtomatiku għal strumenti ta' likwidazzjoni differenti jew l-impatt fuq skemi ta' garanzija li jkopru diversi marki fi ħdan grupp wieħed;

    X.

    billi jkun xieraq li d-definizzjoni ta' proċeduri ta' "bail-in" armonizzati u l-istandards għall-konglomerati transfruntieri tiġi eżaminata, inkluż b'mod partikolari l-kapitalizzazzjoni tad-dejn (debt-to-equity swaps);

    Y.

    billi għalkemm il-liġi tal-impjiegi taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-liġi dwar l-insolvenza jista' jkollha impatt fuq il-liġi tal-impjiegi, u billi fil-kuntest tal-globalizzazzjoni li qiegħda tinfirex, u anke tal-kriżi ekonomika, il-kwistjoni ta' nuqqasijiet fil-qasam tal-insolvenza għandhom jitqiesu mill-perspettiva ġuridika dwar l-impjiegi, peress li definizzjonijiet differenti ta' "impjieg" u "impjegat" fl-Istati Membri ma għandhomx jikkompromettu d-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' insolvenza; billi, madankollu, kwalunkwe dibattitu dwar il-kwistjoni speċifika tal-insolvenza ma għandux awtomatikament jintuża bħala pretest għar-regolamentazzjoni tal-liġi tal-impjiegi fil-livell tal-UE;

    Z.

    billi l-objettiv tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom (5) huwa li jiġi żgurat livell minimu ta' protezzjoni għall-impjegati f'każ ta' insolvenza, filwaqt li tinżamm flessibbiltà adegwata għall-Istati Membri; billi d-differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni jeżistu u dawn id-differenti għandhom jiġi kkunsidrati;

    AA.

    billi d-Direttiva 2008/94/KE tinkludi espliċitament fl-ambitu tagħha l-impjegati part-time, l-impjegati b'kuntratt għal perjodu fiss u l-impjegati b'relazzjoni ta' impjieg temporanja; billi għandha wkoll tingħata aktar protezzjoni fil-każ ta' insolvenza lill-impjegati li qegħdin fuq kuntratti mhux standard;

    AB.

    billi n-nuqqas attwali ta' armonizzazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kredituri jnaqqas il-previdibbiltà tal-eżiti tal-proċedimenti ġudizzjarji; billi jeħtieġ li tiżdied il-prijorità tal-pretensjonijiet tal-impjegati meta mqabbla mal-pretensjoni ta' kredituri oħrajn;

    AC.

    billi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94/KE, b'mod partikolari t-tifsira ta' “pretensjonijiet pendenti”, hija wiesgħa wisq, peress li għadd ta' Stati Membri japplikaw definizzjoni dejqa ta' remunerazzjoni (eż. bl-esklużjoni ta' ħlas dovut għal sensja, bonus, arranġamenti ta' rimborż, eċċ.) u dan jista' jirriżulta f'għadd kunsiderevoli ta' pretensjonijiet mhux sodisfatti;

    AD.

    billi l-Istati Membri huma kompetenti li jiddefinixxu "remunerazzjoni" u "paga", sakemm huma konformi mal-prinċipji ġenerali ta' ugwaljanza u nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema, bir-riżultat li kwalunkwe sitwazzjoni ta' insolvenza li tippreġudika potenzjalment lil dawn tal-aħħar għandha titqies għall-iskop li jingħatalhom kumpens b'konformità mal-objettiv soċjali tad-Direttiva 2008/94/KE u l-livelli minimi ta' kumpens li għad iridu jiġu stabbiliti;

    AE.

    billi, minħabba l-kuntratti ta' impjieg fl-UE kollha u d-diversità ta' tali kuntratti fost l-Istati Membri, attwalment mhuwiex possibbli tinstab definizzjoni ta' “impjegat” fuq livell Ewropea;

    AF.

    billi, kemm jista' jkun, għandhom ikunu evitati eżenzjonijiet mill-ambitu ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94/KE;

    AG.

    billi l-azzjoni leġiżlattiva rikjesta f'din ir-riżoluzzjoni għandha tkun imsejsa fuq valutazzjonijiet dettaljati tal-impatt, kif rikjest mill-Parlament;

    1.

    Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, fuq il-bażi tal-Artikolu 50, l-Artikolu 81(2) jew l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta jew aktar dwar qafas tal-UE tal-insolvenza korporattiva, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness, sabiex tiġi żgurata parità tal-kundizzjonijiet ugwali, ibbażata fuq analiżi fil-fond tal-alternattivi vijabbli kollha;

    2.

    Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    3.

    Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti bl-allokazzjonijiet baġitarji xierqa;

    4.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.


    (1)  ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1.

    (2)  Kawża C-341/04 Eurofood IFSC Ltd [2006] Ġabra I-3813.

    (3)  Kawża C-97/08 P Akzo Nobel et. vs il-Kummissjoni [2009] Ġabra I-8237.

    (4)  Kawża C-444/07 MG Probud Gdynia sp. z o.o. [2010] Ġabra I-417.

    (5)  ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36.


    It-Tlieta 15 ta’ Novembru 2011
    ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI

    RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

    Parti 1:     Rakkomandazzjonijet dwar l-armonizzazzjoni ta' aspetti speċifiċi tad-dritt tal-insolvenza tal-kumpaniji

    1.1.   Rakkomandazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-aspetti speċifiċi tal-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza

    Il-Parlament Ewropew jipproponi l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li direttiva għandha tarmonizza aspetti tal-ftuħ tal-proċedimenti b'tali mod li:

    il-proċedimenti ta' insolvenza jistgħu jitressqu kontra d-debituri li huma persuni fiżiċi, ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet;

    il-proċedimenti ta' insolvenza għandhom jiġu introdotti kmieni biżżejjed, sabiex jiġi ffaċilitat is-salvataġġ tal-impriża li qed issib ruħha f'diffikultajiet;

    il-proċedimenti ta' insolvenza jistgħu jinfetħu fir-rigward tal-assi tad-debituri msemmija hawn fuq, l-assi tal-entitajiet mingħajr personalità ġuridika (eż. grupp Ewropew ta' interess ekonomiku), il-beni ta' dixxendenti u l-assi ta' komunità ta' proprjetà;

    kull impriża tista', f'każ ta' insolvenza temporanja, tapplika għall-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza għall-protezzjoni tagħha stess;

    il-proċedimenti ta' insolvenza jistgħu jinfetħu wara x-xoljiment ta' entità ġuridika jew ta' entità mingħajr personalità ġuridika, sakemm id-distribuzzjoni tal-assi tkun għadha ma saritx jew sakemm ikun għad hemm assi disponibbli;

    il-proċedimenti ta' insolvenza jistgħu jinfetħu minn qorti jew minn awtorità responsabbli oħra fuq talba bil-miktub mill-kreditur jew id-debitur; it-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti tista' tiġi rtirata sakemm il-proċedimenti jkunu għadhom ma nfteħux jew it-talba ma tkunx inċaħdet mill-qorti;

    kreditur jista' jitlob il-ftuħ ta' proċedimenti jekk huwa għandu interess legali fihom u juri b'mod kredibbli li huwa għandu pretensjoni;

    jistgħu jinfetħu proċedimenti jekk id-debitur huwa insolventi, jiġifieri mhuwiex kapaċi li jissodisfa l-obbligi ta' ħlas; jekk issir talba mid-debitur, il-proċedimenti jistgħu jinfteħu wkoll jekk l-insolvenza tad-debitur hija imminenti, jiġifieri jekk id-debitur x'aktarx mhuwiex kapaċi li jissodisfa l-obbligi ta' ħlas;

    għal dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni obbligatorja għall-falliment, il-proċedimenti jkollhom jinfetħu f'terminu ta' żmien ta' bejn xahar u xahrejn wara l-waqfien ta' ħlasijiet, sakemm il-qorti ma tkunx bdiet proċedimenti preliminari jew xi miżuri adegwati oħra biex jipproteġu l-assi, diment li jkunu disponibbli assi adegwati biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' insolvenza;

    l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jrendu d-debitur responsabbli fil-każ fejn ma ssirx dikjarazzjoni jew id-dikjarazzjoni ma tkunx korretta u jipprevedu wkoll sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

    1.2.   Rakkomandazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-aspetti speċifiċi tat-tressiq tal-pretensjonijiet

    Il-Parlament Ewropew jipproponi l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom għandhom jitressqu l-pretensjonijiet waqt il-proċedimenti ta' insolvenza. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li direttiva għandha tarmonizza aspetti tat-tressiq tal-pretensjonijiet b'tali mod li:

    id-data għad-determinazzjoni tal-pretensjonijiet pendenti hija d-data li fiha min iħaddem isir insolventi, jiġifieri d-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza jew id-data li fiha l-ftuħ tal-proċedimenti ġie rifjutat għar-raġunijiet ta' nuqqas ta' kopertura tal-ispejjeż;

    il-kredituri jressqu l-pretensjoni tagħhom lil-likwidatur bil-miktub f'perjodu ta' żmien partikolari;

    l-Istati Membri jkollhom jiffissaw il-perjodu ta' żmien imsemmi hawn fuq fi żmien xahar sa tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta' falliment;

    il-kreditur ikun meħtieġ jippreżenta d-dokumentazzjoni insostenn tal-pretensjoni tiegħu;

    il-liikwidatur jistabbilixxi tabella tal-pretensjonijiet imressqa kollha u din it-tabella tintwera fil-qorti kompetenti fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment;

    tressiq tard, jiġifieri tressiq minn kreditur wara d-data ta' skadenza għat-tressiq tal-pretensjoni, jista' jiġi vverifikat iżda jista' jinvolvi spejjeż addizzjonali għall-kreditur inkwistjoni.

    1.3.   Rakkomandazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-aspetti ta' azzjonijiet ta' evitar

    Il-Parlament Ewropew jipproponi l-armonizzazzjoni ta' aspetti ta' azzjonijiet ta' evitar b'tali mod li:

    il-liġijiet tal-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà li jiġu kkontestati atti magħmula qabel il-ftuħ tal-proċedimenti li huma askapitu tal-kredituri;

    atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta' azzjoni ta' evitar huma tranżazzjonijiet f'sitwazzjoni ta' insolvenza imminenti, il-ħolqien ta' drittijiet ta' sigurtà, tranżazzjonijiet ma' partijiet konnessi u tranżazzjonijiet imwettqa bl-intenzjoni li l-kredituri jiġu ffrodati;

    il-perjodi li matulhom att jista' jiġi kkontestat minn azzjoni ta' evitar ivarjaw skont in-natura tal-att inkwistjoni; il-perjodi jibdew mid-data tat-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti; il-perjodi jistgħu jkunu ta' tliet xhur sa disa' xhur għat-tranżazzjonijiet f'sitwazzjoni ta' insolvenza imminenti, ta' sitt xhur sa tnax-il xahar għall-ħolqien ta' drittijiet ta' sigurtà, ta' sena sa sentejn għat-tranżazzjonijiet ma' partijiet konnessi, u ta' tliet snin sa ħames snin għat-tranżazzjonijiet imwettqa bl-intenzjoni li l-kredituri jiġu ffrodati;

    l-oneru tal-prova biex jiġi kkonstatat jekk att jistax jiġi kkontestat jaqa' fil-prinċipju fuq il-parti li qed titlob il-kontestazzjoni tal-att; għat-tranżazzjonijiet ma' partijiet konnessi, l-oneru tal-prova jaqa' fuq il-persuna konnessa.

    1.4.   Rakkomandazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-aspetti ġenerali tal-eżiġenzi fir-rigward tal-kwalifiki u tax-xogħol tal-likwidatur

    il-likwiditur irid ikun approvat minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew maħtur minn qorti ta' ġurisdizzjoni kompetenti ta' Stat Membru, irid igawdi minn reputazzjoni tajba u jkollu livell ta' edukazzjoni meħtieġ għal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu;

    il-likwiditur għandu jkun kompetenti u kkwalifikat sabiex jevalwa s-sitwazzjoni tal-entità tad-debitur u jieħu f'idu x-xogħol ta' ġestjoni tal-kumpanija;

    meta jinfetħu l-proċedimenti prinċipali ta' insolvenza, il-likwiditur għandu, fi żmien sitt xhur, ikollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-protezzjoni tal-assi b'effett retroattiv, f'każ li l-kumpaniji tkun ittrasferew il-kapital tagħhom;

    il-likwidatur irid ikollu s-setgħa li, permezz ta' miżuri adegwati u prijoritarji, jirkupra l-ammonti ta' djun dovuti lill-impriżi qabel is-saldu mal-kredituri u bħala alternattiva għat-trasferimenti tal-pretensjonijiet;

    il-likwidatur għandu jkun indipendenti mill-kredituri u partijiet interessati oħra fil-proċedimenti ta' insolvenza;

    fil-każ ta' kunflitt ta' interessi, il-likwidatur għandu jirriżenja mill-kariga tiegħu;

    1.5.   Rakkomandazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-aspetti ta' pjanijiet ta' ristrutturar

    Il-Parlament Ewropew jipproponi l-armonizzazzjoni tal-aspetti tal-istabbiliment, l-effetti u l-kontenut ta' pjanijiet ta' ristrutturar b'tali mod li:

    minflok josservaw ir-regoli statutorji, id-debituri jew il-likwidaturi jistgħu jippreżentaw pjan ta' ristrutturar;

    il-pjan għandu jinkludi regoli li jirrigwardaw il-ħlas tal-kredituri u r-responsabbiltà tad-debitur wara li l-konklużjoni tal-proċedimenti ta' insolvenza;

    il-pjan għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti l-kredituri jiddeċiedu jekk dawn jistgħux jaċċettaw il-pjan;

    il-pjan għandu jkun approvat jew irrifjutat skont proċedura speċifika quddiem il-qorti rilevanti;

    kredituri privileġġjati li jibbenefikaw minn ħlas integrali jew il-partijiet li mhumiex affettwati minn dan il-pjan, ma għandux ikollhom dritt ta' vot dwar dan il-pjan jew għallanqas ma għandhomx ikollhom id-dritt li jużaw veto għalih;

    Parti 2:     Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment

    2.1.   Rakkomandazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment għandu jitwessa' sabiex tinkludi l-proċedimenti ta' insolvenza li matulhom id-debitur jibqa' fil-pussess jew jiġi maħtur likwidatur preliminari. L-Anness A tar-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment għandu jiġi rivedut f'dan is-sens.

    2.2.   Rakkomandazzjoni dwar id-definizzjoni taċ-'ċentru tal-interessi prinċipali'

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li r-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment għandu jinkludi definizzjoni tat-terminu ‧ċentru tal-interessi prinċipali‧ formulat b'tali mod li jipprevjeni "forum-shopping" frawdolenti. Il-Parlament Ewropew jissuġġerixxi li għandha tiġi inkluża definizzjoni formali, ibbażata fuq it-test tal-premessa 13, li tikkunsidra r-rikonoxxibbiltà objettiva minn terzi.

    Il-Parlament Ewropew iqis li d-definizzjoni għandha tikkunsidra fatturi bħall-post, rikonoxxibbli minn barra, li fih isiru l-attivitajiet ewlenin tal-impriża, il-post fejn jinsabu l-beni, iċ-ċentru tal-attivitajiet operattivi u produttiri, il-post tax-xogħol tal-impjegati, eċċ.

    2.3.   Rakkomandazzjoni dwar id-definizzjoni ta' "stabbiliment" fil-kuntest ta' proċedimenti sekondarji

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li r-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment għandu jinkludi definizzjoni tat-terminu "stabbilment" kif ġej: kwalunkwe post ta' operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b'mezzi umani u oġġetti u servizzi.

    2.4.   Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-Artikolu 32 tar-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment għandu jipprevedi dmir ċar ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni mhux biss bejn il-likwidituri, iżda wkoll bejn il-qrati.

    F'każ ta' ftuħ ta' proċedimenti prinċipali jew sekondarji ta' insolvenza, it-termini għal dawn il-proċeduri għandhom jiġu armonizzati u mqassra.

    2.5.   Rakkomandazzjonijiet dwar ċerti aspetti tal-azzjonijiet revokatorji

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-Artikolu 13 tar-Regolament dwar il-proċedimenti ta' falliment għandu jiġi rivedut, sabiex dan ma jinċentivax azzjonijiet revokatorji transtruntieri, iżda jikkontribwixxi biex jipprevjeni l-eżitu pożittiv ta' dawn tal-aħħar permezz ta' klawżoli dwar il-liġi applikabbli.

    F'kull każ, fir-reviżjoni tar-regoli li jirregolaw l-azzjonijiet revokatorji, għandu jiġi kkunsidrat li l-impriżi sussidjarji "b'saħħithom" ta' holding insolventi ma għandhomx jiġu mġiegħla f'insolvenza permezz ta' azzjonijiet revokatorji, minflok ma dawn jinbiegħu bħala impriżi operattivi, fl-interess tal-kredituri.

    Parti 3:     Rakkomandazzjonijiet dwar l-insolvenza ta' gruppi ta' kumpaniji

    Minħabba l-livelli differenti ta' integrazzjoni li jistgħu jeżistu fost grupp ta' kumpaniji, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta flessibbli għar-regolamentazzjoni tal-insolvenza ta' gruppi ta' kumpaniji, fid-dawl tal-punti li ġejjin:

    1.

    Kull meta l-istruttura funzjonali jew l-istruttura tas-sjieda tippermettih, l-approċċ li ġej għandu japplika:

    A.

    Il-proċedimenti għandhom jinfetħu fl-Istat Membru li fih tinsab is-sede operattiva tal-grupp. Ir-rikonoxximent tal-ftuħ tal-proċedimenti għandu jkun awtomatiku.

    B.

    Il-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali għandu jwassal għal sospensjoni tal-proċedimenti miftuħa fi Stat Membru ieħor kontra membri tal-grupp oħra.

    C.

    Għandu jinħatar konsulent uniku fil-qasam tal-insolvenza.

    D.

    F'kull Stat Membru li fih infetħu proċedimenti anċillari, għandu jitwaqqaf kumitat sabiex jiddefendi u jirrappreżenta l-interessi tal-kredituri u l-impjegati lokali.

    E.

    Jekk mhuwiex possibli li jiġi determinat liema assi huma ta' liema debitur, jew li jiġu valutati il-pretensjonijiet fi ħdan il-grupp, għandu jsir rikors, f'każijiet eċċezzjonali, għall-aggregazzjoni tal-attivi.

    2.

    Għall-proċedimenti ta' insolvenza fir-rigward ta' gruppi deċentralizzati, l-istrument għandu jipprevedi dan li ġej:

    A.

    Regoli vinkolanti għall-koordinament u l-kooperazzjoni bejn il-qrati, bejn il-qrati u r-rappreżentanti ta' insolvenza u bejn ir-rappreżentanti ta' insolvenza.

    B.

    Regoli dwar ir-rikonoxximent immedjat ta' sentenzi li jirrigwardaw il-ftuħ, l-iżvolġiment u l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza u sentenzi mogħtija fil-kuntest ta' proċedimenti bħal dawn.

    C.

    Regoli dwar l-aċċess għall-qrati mil-likwidaturi u l-kredituri.

    D.

    Regoli li jiffaċilitaw u jippromwovu l-użu ta' diversi forom ta' kooperazzjoni bejn il-qrati sabiex jiġu kkoordinati l-proċedimenti ta' insolvenza u jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet u l-garanziji li għandhom japplikaw għal dawk il-forom ta' kooperazzjoni. Dawn jaffettaw l-iskambju ta' informazzjoni, il-koordinament ta' operazzjonijiet u l-formulazzjoni ta' soluzzjonijiet komuni:

    komunikazzjoni ta' informazzjoni bejn il-qrati permezz ta' kwalunkwe mezz,

    koordinament tal-amministrazzjoni u s-sorveljanza tal-assi u l-affari tad-debitur

    in-negozjati, l-approvazzjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehim ta' insolvenza fir-rigward tal-koordinament tal-proċedimenti,

    il-koordinament tas-seduti ta' smigħ.

    E.

    Regoli li jippermettu u jippromwovu l-ħatra ta' likwidatur komuni għall-proċedimenti kollha, maħtur mill-qrati involuti u assistit mir-rappreżentanti lokali li fformaw kumitat ta' tmexxija; u regoli li jistabbilixxu l-proċedura li tirregola l-kooperazzjoni bejn il-membri tal-kumitat ta' tmexxija.

    F.

    Regoli li jippermettu u jippromwovu ftehimiet transkonfinali ta' insolvenza li jindirizzaw l-allokazzjoni ta' responsabbiltà għall-aspetti varji tal-iżvolġiment u l-amministrazzjoni tal-proċedimenti bejn il-qrati differenti involuti u bejn ir-rappreżentanti ta' insolvenza, inklużi:

    l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-partijiet tal-ftehim;

    id-disponibbiltà u l-koordinament tas-salvataġġ;

    il-koordinament tal-irkupru ta' assi għall-benefiċċju tal-kredituri b'mod ġenerali;

    it-tressiq u t-trattament tal-pretensjonijiet;

    il-metodi ta' komunikazzjoni, inklużi l-lingwa, il-frekwenza u l-mezzi;

    l-użu u ċ-ċessjoni tal-assi;

    il-koordinament u l-armonizzazzjoni tal-pjanijiet tal-organizzazzjoni mill-ġdid;

    il-kwistjonijiet relatati speċifikament mal-ftehim, inklużi l-modifika u t-terminazzjoni, l-interpretazzjoni, l-effikaċja u s-soluzzjoni tat-tilwim;

    l-amministrazzjoni tal-proċedimenti, b'mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni tal-proċedimenti jew il-ftehimiet bejn il-partijiet biex ma jirrikorrux għal ċerti azzjonijiet ġuridiċi;

    is-salvagwardji;

    l-ispejjeż u d-drittijiet.

    Parti 4:     Rakkomandazzjoni dwar il-ħolqien ta' reġistru tal-UE tal-insolvenzi

    Il-Parlament Ewropew jipproponi l-ħolqien ta' reġistru tal-UE tal-insolvenzi fil-kuntest tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, li għandu jinkludi, għal kull insolvenza transkonfinali, tal-anqas:

    id-digrieti u s-sentenzi ġudizzjarji rilevanti,

    il-ħatra tal-likwidatur u d-dettalji ta' kuntatt tiegħu,

    id-dati ta' skadenza għat-tressiq tal-pretensjonijiet.

    It-trażmissjoni ta' din id-data lir-reġistru tal-UE mill-qrati għandha tkun obbligatorja.

    L-informazzjoni għandha tkun disponibbli fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih infetħu l-proċedimenti kif ukoll bl-Ingliż.


    Top