Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0025

    Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (2010/2087(INI))

    ĠU C 136E, 11.5.2012, p. 81–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.5.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 136/81


    Il-Ħamis 20 ta’ Jannar 2011
    Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed

    P7_TA(2011)0025

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (2010/2087(INI))

    2012/C 136 E/15

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Sinerġija tal-Baħar l-Iswed – Inizjattiva ta’ Kooperazzjoni Reġjonali Ġdida” (COM(2007)0160),

    wara li kkunsidra l-Konklużjoniet tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tal-14 ta’ Mejju 2007,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed (1),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-żona estiża madwar il-Baħar l-Iswed, adottata fi Kiev fl-14 ta’ Frar 2008,

    wara li kkunsidra r-“Rapport dwar l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tas-sinerġija tal-Baħar l-Iswed” tal-Kummissjoni, adottat fid-19 ta’ Ġunju 2008 (COM(2008)0391),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta li nediet is-Sħubija Ambjentali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (Brussell, 16 ta’ Marzu 2010),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726) u l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippreżenta r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fl-2011,

    wara li kkunsidra s-Sħubija għall-Adeżjoni mat-Turkija,

    wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni konklużi mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, u n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni l-ġodda, kif ukoll il-Pjanijiet ta’ Azzjoni rispettivi tal-PEV,

    wara li kkunsidra r-Rapporti ta’ Progress tal-PEV dwar l-Armenja, l-Azerbajġan, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Ġeorġja u l-Ukraina adottati mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Mejju 2010,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Kooperazzjoni kunkluż mal-Federazzjoni Russa, u n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2008 bl-isem “Is-Sħubija tal-Lvant” (COM(2008)0823),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009,

    wara li kkunsidra l-progress reċenti fid-djalogu dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi mal-pajjiżi mir-reġjun,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, il-Federazzjoni Russa, it-Turkija, l-Ukraina u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, kif ukoll dwar il-Politika Marittima Integrata,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0378/2010),

    A.

    billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed hu pont strateġiku li jgħaqqad lill-Ewropa maż-żona tal-Baħar Kaspju, l-Ażja Ċentrali u l-Lvant Nofsani u anke max-Xlokk tal-Ażja u taċ-Ċina, u hu kkaratterizzat b'rabtiet mill-qrib u potenzjal kbir, imma anke b'diversitajiet u rivalitajiet; billi r-reġjun jinkludi l-Bulgarija, il-Greċja u r-Rumanija, li huma Stati Membri tal-UE, it-Turkija li huwa pajjiż kandidat, u l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorgja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina li huma sħab tal-PEV, kif ukoll il-Federazzjoni Russa bħala sieħba strateġika,

    B.

    billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed huwa ta’ importanza strateġika għall-UE; billi l-Baħar l-Iswed huwa parzjalment intern għall-UE u ġeografikament, fil-parti l-kbira tiegħu, baħar Ewropew, u dan iwassal kemm għal sfidi u opportunitajiet kondiviżi għall-UE u l-pajjiżi tar-reġjun, kif ukoll għal ħtieġa komuni li jiġi żgurat li jkun hemm spazju ta’ paċi, demokrazija, sigurtà, stabilità, kooperazzjoni reġjonali u prosperità sostenibbli madwar il-Baħar l-Iswed, billi, fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, hemm bżonn ta’ approċċ koeżiv, sostenibbli u strateġiku,

    C.

    billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed hu ambjent soċjalment, kulturalment u reliġjożament għani fejn id-djalogu interkulturali u interreliġjuż għandu jiżvolġi rwol ċentrali,

    D.

    billi s-Sinerġja tal-Baħar l-Iswed (SBI) kellha l-mertu li tirrikonoxxi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed bħala wieħed strateġiku għall-UE, kif ukoll il-bżonn li jissaħħaħ l-involviment tal-UE f'din iż-żona; billi r-riżultati tal-SBI s'issa kienu pjuttost limitati u ma teżisti l-ebda stampa ċara u komprensiva tar-riżultati tal-implimentazzjoni attwali tal-SBI, u dan qiegħed iwassal biex l-UE tkun esposta għall-kritika li m'għandhiex viżjoni strateġika għar-reġjun u li qed tapplika approċċ frammentat fir-rigward tal-implimentazzjoni,

    E.

    billi ma tfassal l-ebda Pjan ta’ Azzjoni li jistipula objettivi u punti ta’ referenza konkreti, u mekkaniżmi ta’ rappurtaġġ, monitoraġġ, valutazzjoni u segwitu kif kien talab il-Parlament saħansitra fl-ewwel riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Baħar l-Iswed,

    F.

    billi ħareġ biss rapport ta’ progress wieħed, fl-2008, li ma ġie segwit bl-ebda mekkaniżmu ta’ rappurtaġġ regolari; billi ma twettqux ħafna proġetti u s'issa tnediet biss Sħubija dwar l-Ambjent,

    G.

    billi mill-2008 ma saret l-ebda konferenza ministerjali, fatt li jenfasizza n-nuqqas ta’ viżibilità tal-SBI u ta’ viżjoni strateġika u gwida politika għaliha,

    H.

    billi l-isforzi li saru s'issa, filwaqt li ta’ min ifaħħarhom, kienu mxekkla b'mod serju minħabba organizzazzjoni amministrattiva fqira, nuqqas ta’ impenn istituzzjonali u politiku, u nuqqas ta’ riżorsi umani u riżorsi finanzjarji dedikati,

    I.

    billi seħħew ħafna żviluppi fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed mill-2008, u minkejja li jidher li l-kooperazzjoni reġjonali qiegħda tavvanza f'ċerti oqsma tekniċi bħalma huma l-ambjent, l-edukazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija, kif ukoll fl-approssimazzjoni normattiva, għadd ta’ sfidi bħalma huma l-kunflitti mtawla fil-Kawkasu u t-Transnistrija, is-sigurtà marittima u l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, il-militarizzazzjoni, il-popolazzjonijiet spustjati u d-deterjorament tat-tmexxija demokratika għadhom jippersistu u saħansitra żdiedu fl-intensità,

    J.

    billi l-missjoni tal-Presidenza Franċiża, flimkien ma’ azzjoni mal-Istati Membri, uriet l-impenn tal-UE li trażżan u ssolvi l-kunflitt fil-Ġeorġja,

    K.

    billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandu importanza ġeostrateġika għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE fir-rigward, b'mod partikolari, tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija,

    L.

    billi inizjattivi oħrajn tal-UE li jinvolvu l-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed m'għandhomx jitqiesu bħala kompetizzjoni għall-SBI, iżda aktar bħala komplementari,

    M.

    billi l-Kummissjoni ntalbet tiżviluppa Strateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, li għandha tqis l-interkonessjoni mill-qrib tiegħu mar-reġjun tal-Baħar l-Iswed,

    1.

    Jikkunsidra li, minħabba l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-UE u r-riżultati pjuttost limitati tal-SBI, għandha titnieda strateġija li ssaħħaħ il-koerenza u l-viżibilità tal-azzjoni tal-UE fir-reġjun u li l-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed tal-UE għandha tkun parti integrali mill-viżjoni tal-politika dwar is-sigurtà u l-affarijiet barranin aktar estiża tal-UE;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ifasslu strateġija għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, b'mod parallel mar-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, biex b'hekk jiġi definit approċċ integrat u komprensiv tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tar-reġjun, bi pjan ta’ azzjoni dettaljat, objettivi ċari, inizjattivi eżemplari u punti ta’ referenza; jemmen li l-istrateġija se tiżgura l-koordinazzjoni effettiva tal-attivitajiet u t-tqassim tax-xogħol;

    3.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u s-SEAE biex regolarment jerġgħu jeżaminaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija billi jistabbilixxi mekkaniżmi konkreti ta’ monitoraġġ, valutazzjoni, segwitu u rappurtaġġ; iħeġġeġ li l-kumitati tal-Parlament Ewropew rilevanti jiġu kkonsultati fl-istadji ewlenin ta’ dan il-proċess;

    4.

    Jirrakkomanda li hemm bżonn li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-politika fil-livell tal-UE u l-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    5.

    Jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE għandhom jaqblu rigward prijoritajiet ċari biex sussegwentement jkun jista' jitfassal pjan ta’ azzjoni realistiku u finanzjarjament sod, flimkien ma’ sistema korrispondenti għall-evalwazzjoni tal-effikaċità tiegħu;

    6.

    Jenfasizza li jridu jiġu ddedikati r-riżorsi umani adegwati biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija l-ġdida, b'mod partikulari billi dik l-istrateġija titqies b'mod viżibbli fl-istruttura organizzattiva u l-persunal tas-SEAE;

    7.

    Jilqa' t-tnedija tal-Programm Operattiv Konġunt għall-Kooperazzjoni Transkonfinali fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija u jemmen li l-ammont kbir ta’ applikazzjonijiet li waslu jirrifletti livell għoli ta’ interess fil-proġetti konġunti ta’ kooperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; ifaħħar l-approvazzjoni ta’ 16-il proġett ġdid mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ f'Novembru 2010; jemmen, madankollu, li r-rata batuta tal-funzjonament tal-programm tirrifletti n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament attwali; jindika, b'mod partikolari, id-diffikultajiet legali marbutin mal-ħtieġa li jiġu ffinanzjati l-parteċipanti permezz ta’ strumenti finanzjarji differenti u jistieden lill-Kummissjoni taħseb f'soluzzjonijiet biex telimina tali ostakoli; hu tal-fehma li anke l-proġetti ta’ investiment jistgħu jiġu koperti mill-programm;

    8.

    Jitlob sabiex jitfassal Programm Operattiv Konġunt tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed għall-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss biex jiġu indirizzati u jitkomplew bi sħiħ l-isforzi biex jinkisbu l-objettivi kollha ddikkjarati fid-Dokument ta’ Strateġija għall-kooperazzjoni transkonfinali tal-ENPI għall-2007-2013; jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti termini uniformi għar-regolar tal-applikazzjonijiet, biex b'hekk kull entità legali f'kull stat parteċipanti fiż-żona koperta mill-programm tingħata l-opportunità li tapplika bħala l-parteċipant ewlieni; jikkunsidra li l-pajjiżi kollha fil-Programm Operattiv Konġunt tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed għandhom ikunu involuti u inkoraġġuti attivament biex jipparteċipaw fil-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss;

    9.

    Huwa konvint, għaldaqstant, li s-suċċess tal-istrateġija jiddependi fuq l-għoti ta’ finanzjament xieraq u identifikabbli; jitlob li tinħoloq linja baġitarja speċifika għall-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed, u għall-Iżvilupp ta’ metodi ta’ ħlas effiċjenti, imfassla għall-karatteristiki speċifiċi tar-reġjun, u ta’ kontrolli tal-użu tal-fondi; jinkoraġġixxi l-finanzjament prijoritarju ta’ proġetti ta’ żvilupp fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni u lir-reġjuni jippromwovu l-proġetti bejn in-nies (“people-to-people”) fil-qafas tal-kooperazzjoni transkonfinali u jipprovdu għall-istrument ta’ finanzjament għall-Fond għal Proġetti Żgħar u jsaħħuħ;

    10.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ ibbażat fuq il-proġetti bl-intenzjoni li jiġu inklużi l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet kummerċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra fid-disinn, is-sjieda konġunta u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed; jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed permezz tad-definizzjoni ta’ punti ta’ referenza jew ta’ indikaturi xierqa oħra;

    11.

    Iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sinerġiji fost il-politiki varji tal-Unjoni involuti fl-Istrateġija, b'mod partikulari l-Fondi Strutturali, il-Programm Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp u n-Netwerks Trans-Ewropej ta’ Trasport, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-azzjonijiet iffinanzjati; b'dan il-mod, l-opportunitajiet maħluqa minn inizjattiva ta’ żvilupp ekonomiku waħda jkunu jistgħu jiġu adottati minn inizjattiva komplementari oħra;

    12.

    Iqis l-inklussività u s-sjieda reġjonali bħala prinċipji importanti tal-approċċ tal-UE fir-rigward tar-reġjun u jikkunsidra t-Turkija u r-Russja bħala sħab li idealment għandhom ikunu involuti b'mod xieraq fil-kooperazzjoni reġjonali tal-Baħar l-Iswed; jemmen li r-rwol doppju tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Greċja bħala Stati tax-xtut u Stati Membri tal-UE huwa essenzjali għas-suċċess tal-politika tal-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    13.

    Jikkunsidra li sabiex tiġi pprovduta viżibilità, gwida strateġika u koordinament ta’ livell għoli, il-laqgħat ministerjali bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed għandhom jiġu organizzati fuq bażi regolari u għandhom jinkudu l-atturi u l-pajjiżi kollha fir-reġjun, flimkien mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed (BSEC), il-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġis, il-BERŻ u l-BEI; jinsab konvint li djalogu istituzzjonali li jressaq flimkien l-UE u l-BSEC jista' jkun pass lejn ħolqien ta’ sħubija ġenwina fir-reġjun; madankollu, jinnota li attwalment jidher li l-BSEC qed tiffaċċja diffikultajiet strutturali u teħtieġ tixtil u riforma sabiex issir sieħba reġjonali effiċjenti;

    14.

    Jiddeplora l-fatt li l-Forum tal-Baħar l-Iswed għad-Djalogu u s-Sħubija ġie affettwat b'mod negattiv bit-tensjonijiet reġjonali u, b'riżultat ta’ dan, għadu ma ġiex stabbilit; jikkunsidra li tali Forum jista' jkollu rwol fil-ġenerazzjoni ta’ ideat u fit-trawwim ta’ djalogu fost l-atturi reġjonali;

    15.

    Jemmen li l-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed għandha tiġi żviluppata fil-livelli kollha tal-kooperazzjoni reġjonali; jilqa' l-kooperazzjoni parlamentari bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed,

    16.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrateġija, minħabba r-rabtiet qawwija tagħhom mat-territorju u man-nies lokali; jitlob, għalhekk, li jiġu identifikati l-bżonnijiet tagħhom u li jkunu kompletament involuti fl-istrateġija;

    17.

    Jilqa' l-ħolqien tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Baħar l-Iswed u jinkoraġġixxi l-koperazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet legali, is-soċjetà ċivili u n-negozju; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ imsaħħaħ lis-soċjetà ċivili, inkluż l-appoġġ lin-netwerks tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza r-rwol li għandu s-settur mhux governattiv biex jiżgura kemm l-implimentazzjoni effikaċi tal-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed u s-suċċess tal-miżuri li jibnu l-fiduċja;

    18.

    Jisħaq fuq in-natura komplementari tal-SBI u s-Sħubija tal-Lvant, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu pożittiv mill-approċċi differenti taż-żewġ inizjattivi u tiċċara, fil-livelli kollha, kif dan il-grad sostanzjali ta’ komplementarjetà għandu jiġi sfruttat; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jiżgura li s-SEAE jikkoordina b'mod effikaċi l-inizjattivi u l-istrumenti varji użati mill-UE fir-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed;

    19.

    Jilqa' l-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, li għandha titlesta sal-aħħar ta’ din is-sena, u jitlob li tiġi approvata u biex fl-ewwel parti tal-2011 tinbeda l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi estiża l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju lejn ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jirrimarka li l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tad-Danubju se jkompli jsaħħaħ l-importanza ġeostrateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; konsegwentement, filwaqt li jirrikonoxxi n-natura differenti tar-reġjuni u l-fokus ġeografiku distint taż-żewġ strateġiji, jikkunsidra li għandhom ikunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

    20.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar l-Iswed għandu jkun it-twaqqif ta’ spazju ta’ paċi, demokrazija, prosperità u stabilità, imsejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdi għal sigurtà tal-enerġija għall-UE; jikkunsidra li l-governanza tajba, l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali għandhom jikkostitwixxu azzjonijiet prijoritarji;

    Is-sigurtà u l-governanza tajba

    21.

    Ifakkar li r-reġjun tal-Baħar l-Iswed jeħtieġ politiki attivi u soluzzjonijiet dewwiema biex jegħleb l-isfidi reġjonali u transnazzjonali konsiderevoli li qed jaffaċawh, bħal pereżempju kunflitti mtawwla, popolazzjonijiet spustjati, tilwim bilaterali, fruntieri magħluqa u rivalitajiet strateġiċi li jwasslu għall-militarizzazzjoni u l-proliferazzjoni tal-armi, governanza u istituzzjonijiet dgħajfa, u d-deterjorament tat-tmexxija demokratika, il-kriminalità u t-traffikar transkonfinali, l-immaniġġjar tal-fruntieri u tal-movimenti u sigurtà u sikurezza marittima fqar;

    22.

    Jisħaq fuq l-importanza vitali li jiġu stabbiliti, imħeġġa u żviluppati relazzjonijiet ta’ ġirien tajba bejn il-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed bħala prekundizzjoni għall-kooperazzjoni ta’ suċċess, u jqis li hi xi ħaġa inaċċettabbli li r-reġjun għadu qed jiffaċċja l-problema ta’ fruntieri magħluqa bejn il-pajjiżi ġirien;

    23.

    Jemmen li l-UE tista' u għandha tiżvolġi rwol aktar attiv fit-tiswir tal-ambjent ta’ sigurtà tal-Baħar l-Iswed; jitlob involviment imsaħħaħ tal-UE fid-djalogu strateġiku reġjonali u kooperazzjoni tal-UE mas-sħab stateġiċi tagħha dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u dwar prevenzjoni ta’ kunflitti u r-riżoluzzjoni tagħhom, f'konformità mal-liġi internazzjonali; jenfasizza li l-iżvilupp sħiħ tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed hu marbut ukoll mal-progress konkret fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti attwalment mhux riżolti; jistieden, għaldaqstant, lill-UE tinvolvi ruħha b'mod aktar dirett u tieħu rwol mexxej fin-negozjati u l-proċessi għall-paċi, sabiex tintensifika l-miżuri għall-bini tal-fiduċja u l-programmi ta’ assistenza bl-intenzjoni li tistabbilixxi l-bażi għal soluzzjonijiet dewwiema u komprensivi u li ttaffi l-konsegwenzi tal-kunflitti għan-nies lokali; ifaħħar il-ħidma tal-EUBAM u tal-EUMM;

    24.

    Jitlob lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jintensifika l-isforzi sabiex jinkoraġġixxi lir-Russja tikkonforma mal-Pjan fuq sitt punti ta’ Sarkozy biex il-kunflitt fil-Ġeoġja jiġi stabbilizzat u riżolt;

    25.

    Jindika l-ħtieġa li jissaħħu s-sistemi ta’ monitoraġġ u jistieden lill-UE tiżviluppa sistema ta’ avviż bikri bħala mezz għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-fiduċja fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, sabiex jiġu evitati d-destabbilizzazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-kunflitti; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lil każijiet konkreti minflok espressjonijiet ġenerali ta’ tħassib; jitlob li jingħata l-kunsiderazzjoni lill-miżuri li jibnu l-fiduċja bħal pereżempju l-iżvelar pubbliku tal-bejgħ tal-armi u tal-attivitajiet militari navali; jesprimi tħassib partikulari dwar l-estensjoni tal-ftehim portwali għall-Flotta tal-Baħar l-Iswed tar-Russja fil-Krimea u l-impatt li jista' jkollu fuq l-istabilità fir-reġjun;

    26.

    Jistieden lill-UE tieħu passi biex tistabbilixxi qafas legali reġjonali u mekkaniżmi li jindirizzaw il-proliferazzjoni tal-armi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    27.

    Jitlob li l-kriminalità u t-traffikar transkonfinali, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drogi u l-bnedmin, jiġu indirizzati fl-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll li l-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-movimenti tkompli tissaħħaħ;

    28.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u minnu permezz tat-tisħiħ tal-integrazzjoni politika, ekonomika u soċjali tal-immigranti, ibbażata fuq il-prinċipji tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni tal-UE;

    29.

    Jinnota ż-żieda fl-għadd ta’ inċidenti fil-baħar f'dawn l-aħħar snin, li laqtu bnedmin u għamlu danni ambjentali, u l-fatt li l-istati tax-xtut ma rnexxilhomx iwettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ koordinati u ta’ suċċess; f'dan ir-rigward jitlob lill-UE tuża l-Politika Marittima Integrata biex tikkoordina l-attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ u ta’ prevenzjoni tal-inċidenti fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jitlob għall-istabbiliment ta’ strateġija ta’ sorveljanza tal-Baħar l-Iswed;

    30.

    Jemmen li strateġija ta’ sigurtà għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandha tinkorpora wkoll l-objettivi tat-titjib tal-governanza, it-tmexxija demokratika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-kapaċitajiet statali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jintegraw fil-kurrent dominanti l-inizjattivi għall-bini tal-istituzzjonijiet u l-governanza demokratika li huma indispensabbli għal kwalunkwe stat li jixtieq jiżviluppa b'suċċess; jenfasizza li l-objettiv li jitjiebu l-governanza, l-istat tad-dritt u l-istrutturi tal-istat fl-ex stati Sovjetiċi fir-reġjun, hu fih innifsu strateġija ta’ sigurtà, billi l-falliment totali jew parzjali min-naħa tal-istat u l-istaġnar politiku joħolqu l-kundizzjonijiet għal interferenza esterna u theddid transnazzjonali;

    31.

    Jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed trid tqiegħed enfasi kbira fuq id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tad-demokrazija fir-reġjun kollu, li għandu jinkludi l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess fost l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tagħha;

    32.

    Jinnota li r-rispett dejjem jikber għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja huwa fost il-prijoritajiet tal-UE; jindika li vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iseħħu ta’ kuljum fl-Ossezja t'Isfel u l-Abkhazia okkupati; jistieden lill-UE, u b'mod partikolari lis-SEAE, għalhekk, jirreaġixxu b'mod attiv għal kull forma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    33.

    Jenfasizza r-rwol importanti li għandha l-OSKE fir-reġjun u jqis li hu essenzjali li l-UE tikkoopera mal-OSKE fl-oqsma tal-bini tal-istituzzjonijiet, l-istat tad-dritt, l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, il-libertà medjatika u d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

    L-enerġija, it-trasport u l-ambjent

    34.

    Jikkunsidra, minn naħa waħda, li r-reġjun tal-Baħar l-Iswed hu ta’ importanza strateġika għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE u, f'dan ir-rigward, itenni l-importanza urġenti ta’ strateġija koerenti għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; min-naħa l-oħra, jikkunsidra li l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u l-ambjent huma kruċjali għall-iżvilupp armonjuż u sostenibbli tar-reġjun; jilqa' t-tnedija tas-Sħubija Ambjentali, filwaqt li jistenna bil-ħerqa t-tnedija taż-żewġ sħubiji oħra, fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija; jitlob li jiġu implimentati malajr u b'mod effiċjenti; hu tal-fehma li l-iżvilupp ta’ qafas legali komuni fil-livell reġjonali jkun ta’ benefiċċju kbir f'termini ta’ kooperazzjoni u sinerġiji iktar effikaċi dwar dawn il-kwistjonijiet; jemmen li t-twaqqif ta’ netwerks professjonali u istituzzjonali u s-sostenn għalihom jistgħu isaħħu l-kapaċità għal teħid ta’ deċiżjonijiet b'mod kooperattiv u effiċjenti;

    35.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali tal-enerġija fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed li l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u t-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija jipprovdu l-prinċipji ewlenin għaliha; jappoġġja l-integrazzjoni sħiħa tas-suq u l-integrazzjoni regolatorja sħiħa abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija u l-ambjent u jħeġġeġ lill-pajjiżi fir-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed jieħdu sehem fit-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija u fl-assistenza mill-UE, mill-BEI u mill-BERŻ għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    36.

    Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jadottaw approċċ komuni fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, bl-għan li jinkiseb l-objettiv fit-tul tal-UE ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-istabilità fil-viċinat tagħha;

    37.

    Ifakkar fil-ħtieġa ta’ azzjoni aktar enerġika mill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-miżuri għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass u għal qafas normattiv komuni għall-promozzjoni ta’ suq tal-gass trasparenti, kompetittiv u bbażat fuq ir-regoli; jistieden lill-UE tiżviluppa, fl-istess ħin, b'mod attiv kooperazzjoni mal-Istati fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u toffrilhom opportunitajiet akbar biex jappoġġjaw proġetti tal-enerġija ta’ interess għall-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna mal-Komunità tal-Enerġija;

    38.

    Jenfasizza l-urġenza li tiġi stabbilita l-Assemblea Parlamentari Euronest, li se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant u għalhekk se jkollha impatt pożittiv fuq il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija;

    39.

    Ifakkar fl-għan tal-UE li tiddiversifika r-rotot u s-sorsi ta’ provvista, kif ukoll it-tfassil ta’ politika tal-enerġija komuni tal-UE; itenni l-importanza tal-proġetti tal-Kuritur ta’ Nofsinhar, b'mod partikulari l-importanza fundamentali għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa tal-proġett prijoritarju strateġiku ta’ Nabucco u tat-twettiq ta’ malajr tiegħu; jieħu nota tal-proġett South Stream; jenfasizza, ulterjurment, is-sinifikat tat-trasport tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) lejn l-Ewropa, fil-forma tal-proġett AGRI u l-iżvilupp tat-terminals tal-LNG fil-portijiet tal-Baħar l-Iswed u tas-Sistema ta’ Pajpijiet taż-Żejt Pan-Ewropea Constanta-Trieste;

    40.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet mal-pajjiżi fornituri potenzjali għas-sistema tal-pajpijiet ta’ Nabucco sal-aħħar tal-2011;

    41.

    Jikkunsidra li l-Pakkett tal-Infrastruttura tal-Eneġija li jitressaq dalwaqt mill-Kummissjoni irid ipoġġi enfasi kbira fuq il-proġetti tal-enerġija proposti fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rotot ta’ tranżitu li jgħaddu mill-istati fir-reġjun jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista tal-UE;

    42.

    Jenfasizza l-potenzjal li joffru s-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li jistgħu jagħtu kontribut kbir għal ġejjieni b'sigurtà tal-provvista tal-enerġija f'livell globali u għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tax-xtut tal-Baħar l-Iswed jisfruttaw dan il-potenzjal;

    43.

    Jitlob li s-sħubija UE-reġjun tal-Baħar l-Iswed tinkludi t-trasferiment ta’ għarfien u teknoloġija fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll l-appoġġ tekniku għat-tfassil tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, u jirrimarka li l-iffrankar tal-enerġija huwa ċentrali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista; jappoġġa riċerka dwar sorsi tal-enerġija alternattivi u, b'mod partikulari, dwar l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, li huma essenzjali jekk irridu nindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima u nikkontribwixxu għall-isforzi globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta’ serra;

    44.

    Jappoġġa l-iżvilupp kontinwu ta’ inizjattivi taħt il-programmi TRACECA u INOGATE; jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-proġetti ta’ infrastruttura fir-reġjun, direttament u permezz tal-koordinament ta’ kontributuri u investituri oħrajn;

    45.

    Jikkunsidra li, għall-finijiet tal-kummerċ internazzjonali u t-trasport tal-idrokarburi fir-reġjun, huwa essenzjali li jiġu żviluppati l-portijiet tal-UE fil-Baħar l-Iswed u dawk marittimi tad-Danubju, inklużi t-terminals taż-żejt u tal-gass u l-arranġamenti ta’ trasport intermodali; Jikkunsidra li hemm bżonn tiġi mmodernizzata l-infrastruttura fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u li jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet mal-kurituri ta’ trasport Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu t-tlestija tal-proġetti prijoritarji tat-trasport trans-Ewropew fuq il-linja tal-assi 7, 18, 21 u 22, kif previst fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE dwar il-linji gwida Komunitarji sabiex jiġi żviluppat network trans-Ewropew tat-trasport, u l-assimilazzjoni kif progressiva tagħhom fil-kuritur TRACECA, l-assi ċentrali, l-assi tax-Xlokk u r-rotot tat-trasport marittimu internazzjonali, kif definiti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “L-estensjoni tal-assi tat-trasport trans-Ewropej prinċipali għall-pajjiżi ġirien - Linji Gwida għat-trasport fl-Ewropa u fir-reġjuni ġirien” (COM(2007)0032) u tal-Kurituri ta’ Trasport Pan-Ewropej nri 8 u 9;

    46.

    Jistieden lill-istati tax-xtut tal-Baħar l-Iswed jikkonkludu memorandum ta’ fehim dwar l-iżvilupp tal-kurituri marittimi tal-Baħar l-Iswed u jitlob lill-Kummissjoni tiftaħ linja baġitarja tat-TEN-T b'finanzjament għall-kurituri marittimi tal-Baħar l-Iswed simili għal dawk li diġà jeżistu għall-kurituri marittimi tal-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran;

    47.

    Jilqa l-azzjoni meħuda biex l-Ispazju Komuni tal-UE għall-Avjazzjoni jiġi estiż għall-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed; jistieden lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu mar-Repubblika tal-Moldova rigward il-liberalizzazzjoni tat-trasport tal-ajru tagħha u tiftaħ malajr in-negozjati għall-aċċess tar-Repubblika tal-Moldova għall-Ispazju Komuni tal-UE għall-Avjazzjoni;

    48.

    Jenfasizza l-importanza tal-Baħar l-Iswed bħala riżorsa naturali u jesprimi tħassib kbir dwar il-qagħda ambjentali fir-reġjun; jenfasizza l-ħtieġa biex jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-ħarsien ambjentali, u l-ħtieġa għal approċċ komuni għal din l-isfida, u għaldaqstant jisħaq fuq il-ħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġis;

    49.

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-enerġija u l-ħarsien tal-ambjent u l-klima meta tkun qiegħda tiffinanzja proġetti infrastutturali, li għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni ambjentali pożittiva; ifakkar fl-isfidi li jirriżultaw mill-effetti tat-tibdil fil-klima għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed u għalhekk iħeġġeġ biex ikun hemm aktar kooperazzjoni fost il-pajjiżi tax-xtut tal-Baħar l-Iswed, speċjalment fil-qasam tal-prevenzjoni tal-emerġenzi;

    50.

    Jistieden lill-UE tinkludi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed fil-Politika Marittima Integrata u b'mod partikolari fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fuq livell ugwali ma’ baċiri Ewropej oħra; l-UE għandha tagħmel l-isforzi diplomatiċi meħtieġa kollha biex tikkonvinċi lill-istati tal-Baħar l-Iswed li mhumiex fl-UE jikkonformaw kemm jista' jkun mal-prinċipji tal-PKS; jenfasizza l-importanza li jinħoloq korp separat għall-ġestjoni ta’ stokks komuni għall-Baħar l-Iswed u li jiġi applikat il-mekkaniżmu tal-pjanijiet għall-ġestjoni multiannwali;

    L-iżvilupp ekonomiku, soċjali u uman

    51.

    Jemmen li għandu jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u uman tar-reġjun b'mod ġenerali; jagħti importanza partikolari lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fir-reġjun; jindika li r-reġjun għandu riżorsi naturali straordinarji li jistgħu jinkuraġġixxu tkabbir ekonomiku mgħaġġel; jenfasizza li l-ġestjoni xierqa ta’ dawn ir-riżorsi hija vitali għall-faċilitazzjoni ta’ dan l-iżvilupp;

    52.

    Jenfasizza li aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-intensifikazzjoni tal-kummerċ intrareġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun; jenfasizza l-importanza għall-popolazzjoni lokali u s-sħab kummerċjali tar-reġjun li jiġi stabbilit spazju ta’ opportunità ekonomika u prosperità fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jenfasizza l-ħtieġa li r-reġjun isir aktar attraenti għall-investituri permezz tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu u tal-iżvilupp tal-portijiet u tal-kosta; jappoġġa l-Politika Marittima Integrata tal-UE, li l-għan tagħha hu l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni marittimi, iżda iqis b'dispjaċir li d-dimensjoni tagħha tal-Baħar l-Iswed ftit hija żviluppata; jilqa' r-riżultati miksuba fil-qasam ta’ kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija; għal darb'oħra jappoġġa l-għan li jiġu promossi l-iżvilupp soċjali u soċjetà ċivili b'saħħitha; jenfasizza li l-UE għandha tkompli sejra bid-djalogu tagħha dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi mal-pajjiżi tar-reġjun;

    53.

    Jinsab konvint li l-UE għandha tiżvolġi rwol akbar fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed billi toffri lill-pajjiżi fir-reġjun aktar prospetti għal integrazzjoni aktar mill-qrib mal-politiki tal-UE; jenfasizza li l-opportunitajiet għal-liberalizzazzjoni kummerċjali u l-ħolqien ta’ spazju ta’ kummerċ ħieles skont il-prinċipji tad-WTO għandhom jitqiesu b'attenzjoni, jiġu eżaminati u promossi bir-reqqa;

    54.

    Jiġbed l-attenzjoni għas-sħubija strateġika li ilha teżisti bejn l-UE u r-Russja u l-interess komuni taż-żewġ pajjiżi fit-tisħiħ tal-investiment u l-kummerċ bilaterali, fl-iffaċilitar u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-ekonomija globali u fit-tisħiħ u l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, inkluż fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    55.

    Jirrikonoxxi li l-kriżi finanzjarja globali laqtet lir-reġjun tal-Baħar l-Iswed ħażin, peress li waqqfet ħesrem kemm perjodu ta’ tkabbir li kellu medja ta’ 6 % fis-sena, kif ukoll l-influss ta’ kapital barrani meħtieġ għall-iżvilupp ekonomiku ulterjuri tal-Istati tal-Baħar l-Iswed, u qiegħdet lis-sistema finanzjarja reġjonali taħt pressjoni qawwija; jenfasizza li dan kollu jeħtieġ jiġi indirizzat permezz tat-tisħiħ tar-regolamenti finanzjarji u bankarji, it-titjib tal-kredibilità u t-trasparenza fiskali, il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxi, l-evażjoni tat-taxxi u l-korruzzjoni, l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni fost organizzazzjonijiet reġjonali bħall-BSEC;

    56.

    Iħeġġeġ l-iżvilupp, fil-kuntest tal-Istrateġija, ta’ approċċ integrat u l-użu tal-prinċipji stabbiliti sew tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Politika tal-Viċinat tal-UE, li jistgħu jgħinu biex jinkisbu riżultati effikaċi filwaqt li jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ bini tal-kapaċitajiet għar-reġjuni li għadhom lura; jemmen, b'mod partikulari, li l-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni għandha tissaħħaħ, sabiex jiġu indirizzati problemi komuni permezz ta’ azzjoni koordinata; jinnota li r-Raggruppament Ewropew għal Kooperazzjoni Territorjali (REKT) joffri qafas xieraq ta’ kooperazzjoni għal governanza strutturata u f'diversi livelli; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modijiet kif jistgħu jiġu kkoordinati aħjar l-istrumenti Ewropej varji li jipprovdu għall-kooperazzjoni transkonfinali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni;

    57.

    Jirrimarka li l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn ir-reġjuni huwa ta’ importanza kruċjali għall-oqsma ta’ kooperazzjoni kollha, peress li reġjuni b'esperjenza twila fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti jistgħu jgħinu lil reġjuni oħrajn itejbu l-prestazzjoni tagħhom;

    58.

    Iqis li t-titjib tal-kapaċità amministrattiva tal-partijiet interessati lokali u reġjonali kollha fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed huwa vitali sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni effiċjenti u ġestjoni finanzjarja tajba tal-proġetti tal-UE, trasparenza u responsabbiltà ikbar u żvilupp territorjali bbilanċjat madwar ir-reġjun;

    59.

    Jenfasizza l-importanza tal-faċilitazzjoni tal-viżi u l-mobilità tal-persuni fir-reġjun u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi skemi preferenzjali tal-viżi għan-negozjanti, għall-persunal akkademiku, għaż-żgħażagħ, għall-uffiċjali lokali u gruppi oħra bil-għan li jissaħħu l-kuntatti tul ir-reġjun kollu u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-bini tal-fiduċja; iħeġġeġ l-iżvilupp taħt il-patronċinju tal-UE ta’ proġetti konġunti relatati mal-promozzjoni tal-wirt kulturali u t-turiżmu fir-reġjun;

    60.

    Jemmen li programmi li jippromwovu djalogu interkulturali u bejn ir-reliġjonijiet jeħtieġu inkuraġġiment sostnut sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni fir-reġjun, li inizjattivi konġunti fil-qasam tal-edukazzjoni u l-midja huma meħtieġa ħafna sabiex jinħolqu u jiġu kkonsolidati r-rabtiet sinifikattivi bejn il-poplu u dawk li jinfluwenzaw l-opinjonijiet fir-reġjun u li inizjattivi bħan-Netwerk ta’ Universitajiet tal-Baħar l-Iswed jipprovdu eżempji tajbin ta’ kif l-interazzjoni akkademika tista' tqanqal sinerġiji pożittivi fir-reġjun; jitlob li jissaħħu n-netwerks akkademiċi u tal-istudenti, l-infrastrutturi elettroniċi u l-proġetti ta’ riċerka kollaborattiva; jilqa' l-inizjattiva biex jitwaqqaf u jiġi appoġġjat Kulleġġ tal-Baħar l-Iswed biex irawwem fl-iżvilupp ta’ klassi elitista reġjonali li tqis il-kooperazzjoni bħala metodu naturali kif jiġu indirizzati l-isfidi komuni;

    61.

    Jirrikonoxxi r-riżultati tal-proġett tal-Interkonnessjonijiet tal-Baħar l-Iswed bit-twaqqif ta’ netwerk reġjonali ta’ riċerka u edukazzjoni fir-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed u r-rabta tiegħu mal-GEANT u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa proġetti ta’ riċerka fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed bħalma huma l-proġetti HP-SEE, SEE-GRID, SCENE, CAREN u BSRN;

    *

    * *

    62.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed.


    (1)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 64.

    (2)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.


    Top