EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0024

Politika tal-UE sostenibbli għat-Tramuntana Estrema Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema (2009/2214 (INI))

ĠU C 136E, 11.5.2012, p. 71–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 136/71


Il-Ħamis 20 ta’ Jannar 2011
Politika tal-UE sostenibbli għat-Tramuntana Estrema

P7_TA(2011)0024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema (2009/2214 (INI))

2012/C 136 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta’ Diċembru 1982 u li ilha fis-seħħ mis-16 ta’ Novembru 1994,

wara li kkunsidra l-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Blata Kontinentali,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Popli Indiġeni tat-13 ta’ Settembru 2007,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Iistabbiliment ta’ Kunsill tal-Artiku (KA), iffirmat fid-19 ta’ Settembru 1996,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari r-Raba’ Parti tiegħu u l-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Koperazzjoni fir-Reġjun Barents-Ewro-Artiku ffirmat f’Kirkenes fil-11 ta’ Jannar 1993,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku (COM(2008)0763),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza tal-Artiku (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku tat-8 ta’ Diċembru 2009 (2) u dwar l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku tat-8 ta’ Diċembru 2008 (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ilulissat adottata fit-28 ta’ Mejju 2008 fil-Konferenza tal-Oċean Artiku,

wara li kkunsidra t-Tratta bejn in-Norveġja, l-istati Uniti tal-Amerika, id-Danimarka, Franza, l-Italja, il-Ġappun, il-Pajjiżi Baxxi, il-Gran Brettanja, l-Irlanda, id-Dominji Brittaniċi ta’ Barra u l-Isvezja dwar Spitsbergen/Svalbard tad-9 ta’ Frar 1920,

wara li kkunsidra l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-Sħubijiet tagħha, kif ukoll l-Ispazji Komuni UE/Russja,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija UE-Greenland, 2007-2012,

wara li kkunsidra l-Ħames, is-Sitt u s-Sebgħa Programmi ta’ Qafas tal-UE għar-riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottata fis-27 ta’ Ġunju 1989,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nordika Sami f’Novembru 2005,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 61/295 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Settembru 2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 6/12 tat-28 ta’ Settembru 2007, 6/36 tal-14 ta’ Diċembru 2007, 9/7 tal-24 ta’ Settembru 2008, 12/13 tal-1 ta’ Ottubru 2009 u 15/7 tal-5 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidra l-istrateġja tal-Finlandja għar-Reġjun Artiku adottata fl-4 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Svediż dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008)0763 (4),

wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tad-Danimarka u Greenland għall-Artiku fi żmien ta’ tranżizzjoni ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Gvern Norveġiż għat-Tramuntana Estrema tal-2007, u s-segwitu tagħha ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidra r-Rapport Nordregio 2009:2, “Strong, Specific and Promising – Towards a Vision for the Northern Sparsely Populated Areas in 2020”,

wara li kkunsidra l-programm ta’ Kooperazzjoni Artika tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku 2009-2011, il-programm tal-Kunsill Barents Euro-Artiku (BEAC) u l-Programm ta’ Presidenzi tal-KA,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Kanadiża għat-Tramunatana ta’ Awissu 2009 u d-dikjarazzjoni ta’ segwitu dwar il-Politika Barranija għall-Artiku tal-Kanada tal -20 ta’ Awissu 2010,

wara li kkunsidra l-Att Kanadiż sabiex jemenda l-Att għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Ilmiet tal-Artiku ta’ Awissu 2009,

wara li kkunsidra l-“Prinċipji fundamentali tal-politika tal-istat tal-Federazzjoni Russa fl-Artiku għall-perjodu sal-2020 u għal perspettiva ulterjuri” adottati fit-18 ta’ Settembru 2008 u l-istrateġja għas-sigurtà nazzjonali Russa sal-2020 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidra d-Direttiva Presidenzjali għas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana u d-Direttiva Presidenzjali tas-Sigurtà Interna tad-9 ta’ Jannar 2009,

wara li kkunsidra l-Att għall-Iżvilupp Responsabbli tal-Enerġija Artika tal-Istati Uniti tal- 2010,

wara li kkunsidra l-Att dwar Riċerka dwar it-Tixrid taż-Żejt tal-Istati Uniti tal-2009,

wara li kkunsidra l-Att ta’ Implimentazzjoni dwar Evalwazzjoni tat-Trasport Artiku ta’ Merkanzija Marittima tal-Istati Uniti tal-2009,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Monako ta’ Novembru 2008,

waar li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adotatta waqt l-Ewwel Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fi Brussell fis-26 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tad-Disa' Konferenza tal-Membri Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku tal-15 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku ġdid tan-NATO, approvat mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern fis-Samit ta’ Lisbona f’Novembru 2010, u l-implikazzjonijiet tiegħu vis-à-vis il-prospetti tas-sigurtà fir-reġjun Artiku, b’mod partikolari l-aspetti militari tat-Tramuntana Estrema,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0377/2010),

A.

billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi l-ewwel pass formali fir-reazzjoni għat-talba tal-Parlament Ewropew għall-formulazzjoni ta’ politika tal-UE għall-Artiku; billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet tal-Artiku għandhom jiġu rikonoxxuti bħala pass ieħor lejn definizzjoni ta’ politika tal-UE għall-Artiku,

B.

billi l-Parlament Ewropew kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-Kumitat Permanenti tal-Parlamentari Artiċi permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera, l-Islanda u n-Norveġja għal perjodu ta’ madwar għoxrin sena, li laħqu l-qofol tagħhom bil-Konferenza sħiħa tal-Parlamentari tal-Artiku ospitata fi Brussell f’Settembru 2010,

C.

billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi u kemm il-Finlandja kif ukoll l-Isvezja jinsabu parzjalment fiċ-Ċirku Artiku; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja kif ukoll tan-Norveġja u tar-Russja,

D.

billi l-applikazjoni tal-Islanda sabiex tissieħeb fl-UE se żżid l-bżonn li l-UE tqis r-reġjun Artiku fil-perspettiva ġeopolitika tagħha,

E.

billi n-Norveġja, sieħba affidabbli, hija assoċjata mal-UE permezz tal-Ftehim taż-ŻEE,

F.

billi kien hemm impenn tal-UE dejjiemi fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-Politika Komuni tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, in-Norveġja u l-Islanda inkluża t-Tieqa Artika tagħha, fil-kooperazzjoni ta’ Barents u b’mod partikolari fil-Kunsill Barents-Euro-Artiku, l-implikazzjonijiet tal-partnerjat strateġiku mal-Kanada, l-Istati Uniti u r-Russja, u l-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc attiv fil-KA,

G.

billi l-formulazzjoni gradwali tal-politika tal-UE għall-Artiku għandha tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-oqsfa legali internazzjonali, multilaterali u bilaterali eżistenti bħalma huwa s-sett ta’ regoli komprensivi stipulati fl-UNCLOS u bosta ftehimiet settorjali, bilaterali u multilaterali li diġà jirregolaw ċerti kwistjonijiet importanti tal-Artiku,

H.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut maġġuri fir-riċerka fl-Artiku, u billi l-programmi l-UE, inkluż is-Seba’ Programm Qafas attwali, jappoġġjaw proġetti tar-riċerka maġġuri fir-reġjun,

I.

billi huwa stmat li parti waħda minn kull ħamsa tar-riżorsi dinjin ta’ idrokarbonju li għadhom ma ġewx skoperti jinsabu fir-reġjun tal-Artiku, għalkemm hija meħtieġa riċerka aktar estensiva biex tistabbilixxi b’mod aktar preċiż kemm hemm gass u żejt fir-reġjun u kemm huwa vijabbli ekonomikament li jiġu sfruttati dawn ir-riżervi,

J.

billi jeżisti interess qawwi globali wkoll f’riżorsi oħra Artiċi rinnovabbli u mhux rinnovabbli bħal minerali, foresti, ħut u pajsaġġi verġni għat-turiżmu,

K.

billi l-interess dejjem akbar fir-reġjun Artiku ta’ atturi oħrajn mhux mill-Artiku bħalma huma ċ-Ċina - kif juri l-ikkomissjonar miċ-Ċina tal-ewwel vapur għall-qtugħ tas-silġ - l-allokazzjoni tagħhom ta’ finanzjament għal riċerka polari u, mhux anqas minn hekk, l-applikazzjonijiet mill-Korea t’Isfel, iċ-Ċina, l-Italja, l-UE, il-Ġappun u Singapore għall-istejtus ta’ osservaturi permanenti fil-KA, jindika apprezzament ġeopolitiku differenti tal-Artiku fuq skala kbira,

L.

billi l-awtogovernanza stabbilita reċentement fi Greenland rigward oqsma ta’ politika relevanti li jinkludu l-leġiżlazzjoni u r-riżorsi ambjentali u l-aġġornament reċenti tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u Greenland wasslet għal żieda fl-interess fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi fi Greenland u l-blata Kontinentali tagħha,

M.

billi l-effetti tat-tibdil fil-klima li joriġinaw l-aktar minn barra l-Artiku u l-globalizzazzjoni tal-ekonomija dinjija se jkollhom impatt fuq ir-reġjun; billi b’mod partikolari l-irtirar tas-silġ fil-baħar, kif ukoll il-potenzjal għar-riżorsi u l-użu possibbli ta’ teknoloġiji ġodda, aktarx li se jkollu effetti u riperkussjonijiet ambjentali mhux prevedibbli f'partijiet oħra tal-pjaneta kif ukoll żieda fit-trasport ta’ merkanzija marittimu b’mod paritikolari bejn l-Ewropa, l-Ażja u l-Amerika ta’ Fuq, fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali, l-aktar il-gass, iż-żejt u minerali oħrajn, iżda wkoll riżorsi naturali bħalma huma l-ħut, u l-esplorazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi marittimi, żieda fl-attivitajiet ta’ estrazzjoni u ta’ qtugh ta’ sigar u żieda fit-turiżmu u attivitajiet ta’ riċerka; billi dawk l-effetti se jipproduċu sfidi ġodda iżda wkoll opportunitajiet ġodda fl-Artiku u bnadi oħra,

N.

billi t-tibdil fil-klima huwa ġestit minn metodi ta’ monitoraġġ, mitigazzjoni u adattazzjoni; billi l-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli bl-użu ta’ riżorsi naturali u bil-bini ta’ infrastrutturi ġodda hija ġestita minn proċessi ta’ ppjanar strateġiku,

L-EU u l-Artiku

1.

Ifakkar li tliet Stati Membri tal-UE – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja – huma Stati Artiċi; jirrikonoxxi li l-UE s'issa m'għandha l-ebda kosta mal-Oċean Artiku; jerġa' jafferma l-interess leġittimu tal-UE u ta’ pajjiżi terzi oħrajn bħala partijiet interessati bis-saħħa tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-impenn tagħha għal politiki ambjentali, klimatiċi u oħrajn u l-finanzjament, l-attivitajiet ta’ riċerka u l-interessi ekonomiċi tagħha, inkluż it-tbaħħir u l-isfruttament tar-riżorsi naturali; barra minn hekk ifakkar li l-UE għandha żoni kbar ta’ art fl-Artiku fil-Finlandja u fl-Isvezja li huma abitati mill-uniku grupp ta’ popolazzjoni indiġena fl-Ewropa, is-Sami;

2.

Iqis li permezz tal-Istati Membri Nordiċi u l-pajjiżi kandidati, l-UE hija affettwata mill-politiki Artiċi u bl-istess mod għandha impatt fuq il-politiki Artiċi, u tirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja f’diversi sħubiji tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, politika komuni tal-UE mar-Russja, man-Norveġja u mal-Islanda;

3.

Jenfasizza li ċerti politiki li huma relevanti għall-Artiku huma ta’ kompetenza esklussiva tal-Unjoni, bħalma hija l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd, filwaqt li politiki oħrajn huma maqsumin ma’ Stati Membri oħrajn;

4.

Jenfasizza li l-UE hija impenjata li tfassal ir-rispons ta’ politika tagħha fl-Artiku fuq il-bażi tal-aħjar għarfien u fehim xjentifiku disponibbli tal-proċessi li jaffettwaw l-Artiku, u għal dan diġà qed tiddedika sforzi kbar fir-riċerka biex tiġġenera evidenza xjentifika soda biex tgħin fit-tfassil tal-politika;

5.

Billi huwa konxju tal-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-ambjent fraġli tal-Artiku, jenfasizza l-importanza tal-istabilità ġenerali u l-paċi fir-reġjun; jenfasizza li l-UE għandha ssegwi politiki li jiżguraw li l-miżuri biex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali jikkunsidraw l-interessi tal-abitanti tar-reġjun Artiku, inklużi l-popli indiġeni tiegħu, għall-protezzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun; jenfasizza s-similarità tal-approċċ, l-analiżi u l-prijoritajiet bejn il-Komununikazzjoni tal-Kummissjoni u d-dokumenti ta’ politika fl-Istati Artiċi; jenfasizza l-bżonn li jiġu segwiti politiki li jirrispettaw l-interess f'ġestjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fuq l-art u fil-baħar, rinnovabbli u mhux tar-reġjun Artiku, li min-naħa tagħhom jipprovdu riżorsi importanti għall-Ewropa u huma sors maġġuri ta’ dħul ekonomiku għall-abitanti tar-reġjun;

6.

Jenfasizza l-fatt li adeżjoni futura tal-Islanda mal-UE tbiddel l-Unjoni f'entità tal-kosta Artika, filwaqt li jinnota li l-istatus tal-Islanda bħala pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE jenfasizza l-ħtieġa għal politika Artika koordinata fil-livell tal-UE u huwa opportunità strateġika għall-UE biex ikollha rwol aktar attiv u tikkontribwixxi għal governanza multilaterali fir-Reġjun Artiku; iqis li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE tikkonsolida aktar il-preżenza tal-UE fil-Kunsill Artiku;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-interazzjoni mal-komunitajiet Artiċi u tal-appoġġ ta’ programmi fil-bini tal-kapaċitajiet sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet indiġeni u lokali fir-reġjun u jiġi akkwistat aktar fehim tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-kulturi ta’ dawn il-komunitajiet; jistieden lill-UE biex tippromwovi djalogu aktar b’saħħtu mal-popli indiġeni u l-abitanti lokali Artiċi;

8

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika tal-UE maqgħuda u koordinata dwar ir-reġjun Artiku, fejn il-prijoritajiet tal-UE u l-isfidi potenzjali u l-istrateġija jkunu definiti b’mod ċar;

Rotot ġodda ta’ trasport dinjin

9.

Jenfasizza l-importanza maġġuri tas-sikurezza u s-sigurtà ta’ rotot ġodda tat-trasport dinjin permezz tal-baħar fl-Artiku, b’mod partikolari għall-UE u l-ekonomiji tal-Istati Membri, meta dawn il-pajjiżi jikkontrollaw 40 % tat-trasport kummerċjali bil-baħar tad-dinja; jilqa’ x-xogħol magħmul mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fuq Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu u x-xogħol tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-KA, partikolarment it-Taskforce għat-Tfittix u Salvataġġ (SAR); jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw b’mod attiv il-libertà tal-ibħra u d-dritt tal-passaġġ liberu mill-mogħdijiet internazzjonali tal-ilma;

10.

Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ ferroviji u kurituri għat-trasport ġodda fiż-Żona Barents-Ewro-Artiku tat-Trasport (Beata) biex jiġi ffaċilitat il-bżonn li qed jikber għal kummerċ internazzjonali, xogħol fil-minjieri u żvilupp ekonomiku ieħor, kif ukoll konnessjonijiet bl-ajru fit-Tamuntana Estrema; jiġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward għas-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana l-Ġdida dwar it-Trasport u l-Loġistika;

11.

Jissuġġerixxi li nazzjonijiet tat-trasport marittimu mhux Artiċi importanti li jużaw l-Oċean Artiku għandhom jiġu inklużi fir-riżultati tal-Inizjattiva ta’ Ħidma ta’ Tiftix u Salvataġġ tal-KA; għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill, flimkien mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza Marittima (EMSA), jikkoordinaw il-politiki tal-UE u tal-Istati Membri f’dak il-qasam partikolari fl-IMO, il-KA u organizzazzjonijiet oħra;

12.

Jindika li minkejja l-isforzi dwar Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu tista’ tinstab soluzzjoni aktar mgħaġġla għall-kwistjoni tas-sikurezza tat-trasport marittimu Artiku permezz ta’ koordinazzjoni u armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u jistieden lill-EMSA biex tittratta kemm tista' t-trasport marittimu Artiku;

13.

Jilqa’ inizjattivi oħrajn ta’ kooperazzjoni rigward sikurezza u sigurtà fit-trasport marittimu fl-Artiku u aċċess aħjar għad-diversi rotot tal-baħar tat-Tramuntana; jenfasizza li dan jikkonċerna mhux biss it-traffiku kummerċjali iżda wkoll volum kbir u li qed jikber ta’ trasport marittimu tat-turisti li jġorr ċittadini tal-UE; jitlob li ssir aktar riċerka dwar l-effett li t-tibdil fil-klima għandu fuq in-navigazzjoni fl-Artiku u fuq ir-rotot tat-tbaħħir; jitlob bl-istess mod li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt taż-żieda fin-navigazzjoni u fl-attivitajiet kummerċjali, inklużi attivitajiet lil hinn mill-kosta, fuq l-ambjent Artiku u fuq l-abitanti tiegħu;

14.

Jistieden lill-Istati fir-reġjun biex jassiguraw li kwalunkwe rotot tat-trasport attwali – u dawk li jistgħu jitfaċċjaw fil-futur – ikunu miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali u li jżommu lura milli jintroduċu piżijiet unilaterali u arbitrarji, kemm finanzjarji kif ukoll amministrattivi, li jistgħu jfixklu t-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra l-miżuri maqbula internazzjonalment immirati biex tiżdied is-sigurtà jew għall-protezzjoni tal-ambjent;

Ir-riżorsi naturali

15.

Huwa konxju tal-bżonn tar-riżorsi għal popolazzjoni dinjija li dejjem qed tikber u jirrikonoxxi ż-żieda fl-interess fihom, kif ukoll id-drittijiet sovrani taħt il-liġi internazzjonali tal-Istati Artiċi; jirrakkomanda li kwalunkwe parti involuta tieħu passi sabiex tiżgura l-aktar standards għoljin ta’ sikurezza, u standards soċjali u ambjentali fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali;

16.

Jenfasizza l-fatt li l-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) kif ukoll il-proċessi tal-valutazzjoni tal-impatt strateġiku u soċjali se jkunu għodod ċentrali fil-ġestjoni ta’ proġetti u programmi konkreti fl-Artiku; jiġbed l-attenzjoni għad-Direttiva 2001/42/KE (5) dwar l-Istima Ambjentali Strateġika (SEA) u għall-fatt li l-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja rratifikaw il-Konvenzjoni UNECE dwar l-EIA f’Kuntest Transkonfinali (il-Konvenzjoni Espoo), li se tipprovdi bażi tajba għall-promozzjoni attiva tal-proċeduri tal-istima tal-impatt fl-Artiku; jirreferi f’dan ir-rigward wkoll għall-Istqarrija Bergen maħruġa mil-Laqgħa Ministerjali tal-Kummissjoni OSPAR tat-23 u l-24 ta’ Settembru 2010;

17.

Jistieden lill-Istati fir-reġjun biex isolvu kull konflitt attwali jew futur dwar l-aċċess għal riżorsi naturali fl-Artiku permezz ta’ djalogu kostruttiv, possibilment fi ħdan l-KA, li tikkostitwixxi forum tajjeb għal diskussjoni bħal din; jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Limiti tal-Blata Kontinentali (CLCS) biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti bejn l-Istati Artiċi dwar id-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom;

18.

Jindika b’mod partikolari r-responsabilità tal-Istati Artiċi biex jiġi żgurat li l-kumpaniji taż-żejt li jippjanaw li jkunu involuti fit-tħaffir għaż-żejt fil-baħar ġewwa l-fruntieri marittimi rispettivi tagħhom ikollhom it-teknoloġija u l-ħila esperta tas-sikurezza meħtieġa u li huma mħejjija finanzjarjament biex jipprevjenu u jirrispondu għad-diżastri tar-riggijiet taż-żejt u t-tixrid taż-żejt; jinnota li l-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-fraġilità ekoloġika kbira tar-reġjun Artiku jeżiġu li l-kumpaniji taż-żejt involuti jiżviluppaw ħila esperta speċjali fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tat-tixrid taż-żejt fir-reġjun;

19.

Jilqa’ l-ftehim ġdid ta’ delimitazzjoni (6) bejn in-Norveġja u r-Russja, b’mod partikolari r-rieda espressa favur koperazzjoni aktar mill-qrib rigward l-ġestjoni konġunta tar-riżorsi, u l-ġestjoni konġunta kontinwa tal-istokk tal-ħut tal-Baħar Barents, inklużi dispożizzjonijiet rigward sostenibilità; iqis b’mod partikolari l-kooperazzjoni bilaterali bejn in-Norveġja u r-Russja bħala xempju ta’ applikazzjoni konġunta tal-aqwa standards tekniċi disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent fit-tfittxija għaż-żejt u l-gass fil-Baħar Barents; jindika b’mod partikolari l-importanza tal-iżvilupp kontroversjali ta’ teknoloġiji ġodda żviluppati speċjalment għall-ambjent Artiku, bħat-teknoloġija tal-installazzjoni taħt qiegħ il-baħar;

20.

Huwa konxju tal-interpretazzjonijiet differenti tat-Trattat ta’ Svalbard/Spitsbergen fir-rigward tal-applikabilità tiegħu għall-blata kontinentali u ż-żoni marittimi ta’ Svalbard/Spitsbergen u, meta titqies l-aċċessibilità relattivament tajba tar-riżorsi fil-blata kontinentali, jilqa' ftehim dwar l-istatus legali tal-blata li jirrikonoxxi d-drittijiet u d-dmirijiet legali tal-istati tal-blata kostali; huwa fiduċjuż li kwalunkwe tilwim li jista’ jinqala’ se jiġi ttrattat b’mod kostruttiv;

21.

Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE bħala l-konsumatur prinċipali tar-riżorsi naturali tal-Artiku, kif ukoll fl-involviment tal-parteċipanti ekonomiċi Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli timpenja ruħha fis-sedqa tal-kooperazzjoni u t-trasfriment tat-teknoloġija sabiex tiżgura l-ogħla standards u proċeduri amministrattivi adegwati, sabiex tiġi stabbilità bażi xjentifika soda għat-tendenzi futuri u l-bżonnijiet ta’ governanza tar-riżorsi Artiċi, bħalma huwa s-sajd, ix-xogħol tal-minjieri, il-forestrija u t-turiżmu u sabiex tagħmel użu sħiħ mill-kompetenzi ta’ regolazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward; peress li l-attivitajiet ekonomiċi fl-Artiku se jiżdiedu, jistieden lill-UE tippromowovi l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli fih;

22.

Jinsisti li qabel jinfetaħ sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku, iridu jitwettqu valutazzjonjiet xjentifiċi tal-istokkijiet li jkunu affidabbli u ta’ prekawzjoni biex jiġu ddeterminati l-livelli ta’ sajd li jippreservaw l-istokkijiet ta’ ħut immirati u ma jwasslux għall-eżawriment ta’ speċi oħrajn jew għal ħsara serja għall-ambjent tal-baħar, u li kwalunkwe sajd fl-ibħra miftuħa għandu jiġi rregolat minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd li tirrispetta l-pariri xjentifiċi u jkollha programm sod ta’ kontroll u ta’ sorveljanza biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri ta’ ġestjoni, filwaqt li s-sajd fiż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi (ŻEE) għandu jissodisfa l-istess standards;

23.

Iqis li l-ħolqien u l-infurzar ta’ żoni tal-baħar protetti ta’ daqs u diversità suffiċjenti huma għodda importanti fil-konservazzjoni tal-ambjent marittimu;

It-tibdil fil-klima u l-effetti tat-tniġġis fuq l-Artiku

24.

Jirrikonoxxi li l-UE, bħal żoni żviluppati oħrajn fid-dinja, tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għat-tibdil fil-klima u għalhekk għandha responsabbiltà speċjali u għandu jkollha rwol prinċipali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

25.

Jirrikonoxxi li l-aħjar protezzjoni għall-Artiku jkun ftehim ambizzjuż fuq perjodu ta’ żmien twil u dwar il-klima globali, iżda jirrealizza li t-tisħin rapidu tal-Artiku jagħmilha neċessarja li, barra minn hekk, jaħdem fuq miżuri oħra possibbli fuq perjodu ta’ żmien qasir biex jiġi limitat it-tisħin tal-Artiku;

26.

Iqis l-Artiku bħala reġjun sensittiv fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima huma viżibbli b'mod speċjali, hekk li għandhom riperkussjonijiet fuq reġjuni oħrajn tad-dinja; jappoġġa għalhekk il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar żieda fil-kooperazzjoni mal-UNFCCC u man-Netwerks ta’ Sostenn għall-Osservazzjoni tal-Artiku (SAON) u l-isforzi biex tinħoloq is-Sistema ta’ Osservazzjoni Integrata ta’ Svalbard (SIOS) u l-komponenti Artiċi tal-Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta’ Qiegħ il-Baħar (EMSO), peress li dawn l-inizjattivi jiżguraw kontribut Ewropew uniku biex ikun hemm fehim tat-tibdil fil-klima u fl-ambjent fir-reġjun tal-Artiku;

27.

Jirrikonoxxi l-impatt sproporzjonalment kbir ta’ tisħin tal-Artiku kkawżat mill-emissjonijiet ta’ karbonju iswed mill-UE u minn reġjuni oħra fl-emisfera tat-Tramuntana, u jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed fil-qafas regolatorju relevanti tal-UNECE u tal-UE, bħall-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Medda Wiegħa u d-Direttiva tal-Limiti Massimi Nazzjonali tal-Emissjonijiet;

28.

Jilqa’ għalhekk il-projbizzjoni tal-użu u l-ġarr ta’ żejt tal-fjuwil tqil fuq vapuri li joperaw fiż-Żona tal-Antartiku, approvata mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO (MEPC), li għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2011; jenfasizza li projbizzjoni simili tista’ tkun xierqa fl-ibħra Artiċi biex tnaqqas ir-riskji lill-ambjent f’każ ta’ aċċidenti

29.

Jappoġġja kooperazzjoni ikbar ma’ stati Artiċi u dawk li mhumiex dwar l-iżvilupp ta’ Netwerks ta’ Sostenn għall-Osservazzjoni tal-Artiku (SAON) u jħeġġeġ l-Aġenzija Ewropea Ambjentali biex tkompli bil-ħidma siewja tagħha u biex tippromwovi l-kooperazzjoni permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) billi tuża l-prinċipji gwida tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS);

30.

Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-UE u n-nazzjonijiet ċirkumpolari fit-tnaqqis tat-tniġġis fir-reġjun tal-Artiku kkawżat minn trasport fuq distanzi twal, bħal pereżempju t-trasport marittimu; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea bħar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (7); jindika l-fatt li l-bidliet klimatiċi fl-Artiku se jkollhom impatt maġġuri fuq ir-reġjuni kostali tal-Ewropa u mkejjen oħrajn u fuq setturi dipendenti fuq il-klima fl-Ewropa bħalma huma l-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli, it-trobbija ta’ merħliet tar-renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;

Żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli

31.

Jirrikonoxxi li l-effetti tas-silġ li qed jinħall u t-temperaturi aktar moderati mhux biss qed jispostjaw il-popli indiġeni u b’hekk jiġi mhedded il-mod ta’ ħajja indiġena, iżda qed joħolqu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun Artiku; jirrikonoxxi x-xewqa tal-abitanti u tal-gvernijiet tar-reġjun Artiku bi drittijiet u responsabilitajiet sovrani li jkomplu jfittxu żvilupp ekonomiku sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu sorsi tradizzjonali tal-għajxien tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi tal-Artiku, meta titqies l-esperjenza tagħhom fl-użu u l-iżvilupp tar-riżorsi varji tar-reġjun b’mod sostenibbli; jirrakkomanda li jiġu applikati l-prinċipji ta’ ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema biex jiġi kkonsolidat l-għarfien ekoloġiku xjentifiku mal-valuri u l-ħtiġijiet soċjali;

32.

Jenfasizza li huwa importanti li l-UE flimkien ma’ rappreżentanti tar-reġjuni fiż-żona jiddiskutu l-importanza tal-Fondi Strutturali għall-iżvilupp u l-koperazzjoni sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi globali futuri bil-ħsieb li jsir progress u biex ikun jista’ jiġi sfruttat il-potenzjali tal-iżvilupp taż-żona;

33.

Huwa tal-opinjoni li sabiex jiġi identifikat il-potenzjal speċifiku ta’ kull post u biex jiġu żviluppati strateġiji adegwati ta’ soluzzjoni dwar differenzi reġjunali, ikun jeħieġ proċess inklussiv bil-għajnuna tal-livelli nazzjonali u tal-UE; jemmen li s-sħubiji u d-djalogu bejn il-livelli kkonċernati ta’ awtorità jassiguraw li l-politiki jistgħu jiġu implimentati fil-livell l-aktar effettiv;

34.

Jinnota l-pożizzjoni speċjali u jagħraf id-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Artiku u jindika b’mod partikulari s-sitwazzjoni legali u politika tal-popli indiġeni fl-Istati Artiċi u fir-rappreżentanza tagħhom fil-Kunsill Artiku; jitlob li jkun hemm involviment akbar tal-popli indiġeni fit-tfassil tal-politiki; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri speċjali biex jiġu salvagwardati l-kultura, il-lingwa u d-drittijiet tal-art tal-popli indiġeni kif definit fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO; jitlob li jkun hemm djalogu regolari bejn ir-rappreżentanti tal-popli indiġeni u l-istituzzjonijiet tal-UE u jistieden barra minn hekk lill-UE tqis il-ħtiġijiet speċjali ta’ żoni periferali skarsament popolati f'termini ta’ żvilupp reġjonali, għajxien u edukazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati attivitajiet li jippromwovu l-kultura, il-lingwa u d-drawwiet tal-popli indiġeni;

35.

Jinnota li l-ekonomiji tal-popli indiġeni jiddependu ħafna fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u għalhekk it-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu u d-dritt tal-poplu indiġenu għal ambjent naturali mhux imniġġes huma wkoll kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem;

36.

Jilqa’ l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-poplu indiġenu u tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

37.

Jilqa’ t-tlestija b’suċċess mill-Mekkaniżmu Espert tar-rapport ta’ progress tiegħu dwar l-istudju fuq il-popli indiġeni u d-dritt li jipparteċipaw fit-tfassil tad-deċiżjonijiet;

38.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri Artiċi biex jimpenjaw ruħhom fin-negozjati li jwasslu għal Konvenzjoni ġdida ratifikata dwar is-Sami Nordiċi;

39.

Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi b’mod attiv id-drittijiet tal-kultura u l-lingwa tal-poplu Finno-Ugric fir-Russja tat-Tramuntana;

40.

Jieħu nota tal-iżviluppi legali reċenti rigward il-projbizzjoni ta’ prodotti tal-foki, b’mod partikolari l-azzjoni miġjuba għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 (8) (Kawża T-18/10, Inuit Tapiriit Kanatami vs il-Parlament u l-Kunsill) pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali; jinnota l-proċedura ta’ konsultazzjoni taħt l-awspiċju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) mitluba mill-Kanada u n-Norveġja; jesprimi t-tama tiegħu li nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet jista' jingħeleb skont is-sentenzi tal-ECJ u r-riżultat tal-proċeduri tad-WTO;

41.

Huwa konxju mill-interess dejjem jiżdied fl-esplojtazzjoni tar-riżorsi; f’dak ir-rigward jindika l-ħtieġa għal approċċi wiesgħa b’bażi li tħaddan l-ekosistema kollha li aktarx ikunu kapaċi jittrattaw l-isfidi multipli li jiffaċċja l-Artiku relatati mat-tibdil fil-klima, it-trasport marittimu, perikli u kontaminanti ambjentali, is-sajd u attivitajiet oħra tal-bniedem, skont il-Politika Marittima Integrata tal-UE jew il-Pjan ta’ Ġestjoni Integrat tan-Norveġja għall-Baħar Barents u żoni tal-baħar tal-Gżejjer Lofoten; jirrakkomanda lill-Istati Membri biex japprovaw il-Linji gwida tal-Kunsill Artiku dwar iż-Żejt u l-Gass Offshore tal-2009;

Il-Governanza

42.

Jirrikonoxxi l-istituzzjonijiet u l-qafas wiesa' ta’ liġijiet u ftehimiet internazzjonali li jirregolaw oqsma ta’ importanza fl-Artiku bħalma huma UNCLOS (inklużi l-prinċipji bażiċi tal-libertà tan-navigazzjoni u ta’ mogħdija innoċenti), l-IMO, il-Konvenzjoni OSPAR (9), il-Kumitat tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC), CITES (10) u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, kif ukoll il-ftehimiet u l-oqsfabilaterali numerużi attwali, flimkien mar-regolamenti nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Artiki; għalhekk jasal għall-konklużjoni li r-reġjun Artiku ma jistax jitqies bħala vakum legali iżda żona b’għodod ta’ governanza żviluppati tajjeb; madankollu jindika l-fatt li minħabba l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ekonomiku li qed jiżdied, dawk ir-regoli eżistenti jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar, imsaħħa u implimentati mill-partijiet kollha konċernati;

43.

Jenfasizza li, minkejja li l-Istati għandhom rwol prinċipali fit-tmexxija tal-Artiku, atturi oħra – bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali, persuni indiġeni u lokali u awtoritajiet ta’ taħt l-istat – għandhom rwoli importanti wkoll; jindika li huwa importanti li tiżdied il-fiduċja fost dawk b’interessi leġittimi fir-reġjun billi jittieħed approċċ partiċipattiv u jintuża d-djalogu bħala mezz ta’ żvilupp ta’ viżjoni komuni għall-Artiku;

44.

Jemmen li l-impressjoni mogħtija minn osservaturi oħrajn għall-hekk imsejħa ġirja għall-Artiku ma tgħinx biex isseddaq fehim kostruttiv u koooperazzjoni fir-reġjun; jindika li l-Istati tal-Artiku bosta drabi ddikjaraw li l-impenn tagħhom favur risoluzzjoni u f’xi każijiet ħadmu biex isolvu konflitti ta’ interess possibbli skont prinċipji tal-liġi internazzjonali;

45.

Jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-KA bħala l-aqwa forum reġjunali għall-kooperazzjoni għar-reġjun kollu tal-Artiku; ifakkar li, apparti l-Istati Membri tal-UE: id-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja u l-Istat Kandidat: l-Islanda, li huma Membri tal-Kunsill Artiku, l-Istati Membri: il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Olanda, Spanja u l-Polonja huma osservaturi permanenti attivi; jafferma l-impenn tiegħu li ma jappoġġax arranġamenti li jeskludu kwalunkwe Stati Membri Artiċi tal-UE, pajjiżi kandidati Artiċi jew stati Artiċi taż-ŻEE/EFTA; jirrikonoxxi l-ħidma konkreta magħmula mill-gruppi ta’ ħidma tal-KA bl-involviment tal-osservaturi u jistieden lill-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE biex ikompli jimpenjaw ruħhom attivament fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti kollha kulmeta jkun possibbli; huwa favur li tissaħħaħ il-bażi legali u ekonomika tal-KA;

46.

Jirrikonoxxi li l-isfidi li qiegħed jaffaċċja l-Artiku huma globali u għandhom għalhekk jinkludu lill-parteċipanti rilevanti kollha;

47.

Jilqa’ r-riżultati tar-rapporti prinċipali li l-gruppi ta’ ħidma tal-KA ipprovdew fl-aħħar snin dwar iż-żejt u l-gass Artiku, l-impatti tat-tisħin u l-ħtiġijiet ta’ rispons ta’ emerġenza;

48.

Jilqa’ l-livell tal-organizzazzjoni politika tal-interessi indiġeni fil-Parlamenti tas-Sami u mbagħad saru l-Kunsill tas-Sami fl-Ewropa tat-Tramuntana u l-koperazzjoni fost diversi organizzazzjonijiet indiġeni fuq bażi ċirkumpolari u jirrikonoxxi r-rwol uniku tal-KA rigward l-involviment tal-popli indiġeni; jirrikonoxxi d-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Artiku kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mill-EIDHR għall-benefiċċju tal-għoti tal-poter lill-poplu indiġenu Artiku;

49.

Jilqa' l-kooperazzjoni wiesgħa dwar kwistjonijiet bħalma huma l-protezzjoni tal-ambjent marittimu Artiku (il-Grupp ta’ Ħidma PAME), mhux biss fil-livell reġjunali imma wkoll fil-livell bilaterali u internazzjonali; rigward dan jinterpreta x-xogħol magħmul fuq l-SAR fil-KA bħala l-ewwel pass lejn mekkaniżmi li jieħdu wkoll deċiżjonijiet vinkolanti;

50.

Jilqa’ l-evalwazzjoni kontinwa tal-KA tal-ambitu u l-istruttura tal-ħidma tiegħu u jinsab fiduċjuż li se jkompli jwessa’ l-bażi għal proċessi li jsawru d-deċiżjonijiet biex jinkludu atturi li mhumiex fil-KA;

51.

Jesprimi t-tama tiegħu li l-KA jkompli jiżviluppa aktar ix-xogħol importanti tiegħu u jwessa' l-bażi tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex jinkludu atturi oħra tal-Artiku li qed ikabbru l-preżenza taħghom fir-reġjun Artiku u b’hekk jinvolvi l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom u jagħti kunsiderazzjoni lill-interessi leġittimi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin, l-importanza akbar b’mod sinifikanti tal-interessi tal-Istati Artiċi għandha tiġi enfasizzata; jilqa’ l-proċedura interna fi ħdan il-KA rigward reviżjoni tal-istejtus ta’ osservaturi u tal-futur possibbli tal-ambitu tal-kompiti tal-KA;

52.

Huwa tal-opinjoni li KA msaħħaħ għandu jkollu rwol ta’ tmexxija fil-kooperazzjoni dwar l-Artiku u għalhekk jilqa' kapaċitajiet imtejba politikament u amministrattivament tal-KA, pereżempju s-segretarjat permanenti li qiegħed jiġi diskuss bħalissa, qsim aktar ugwali tal-ispejjeż, laqgħat ministerjali aktar frekwenti u Samit Artiku Annwali fl-Ogħla Livell, kif propost mill-Ministru għall-affarijiet Barranin tal-Istat membru tal-UE, il-Finlandja, li hija wkoll membru tal-Kunsill tal-Artiku; jilqa' wkoll involviment akbar tad-Deputati tal-Artiku biex tiġi enfasizzata d-dimensjoni parlamentari u biex wieħed ikun żgur li jiġu inklużi parteċipanti rilevanti mhux Artiċi; barra minn hekk jinsisti li laqgħat kontinwi ta’ livell għoli bejn qalba aktar ġewwinija ta’ Stati jwasslu biss biex idgħajfu l-istejtus u l-irwol tal-KA kollu kemm hu; jixtieq li l-KA jżomm l-approċċ tiegħu miftuħ u inklussiv u b’hekk jibqa’ miftuħ għal dawk kollha interessati;

53.

Iqis id-Dimensjoni tat-Tramuntana bħala punt fokali għall-koperazzjoni reġjunali fl-Ewropa tat-Tramuntana; jinnota li l-erba’ sħab, jiġifieri l-UE, l-Islanda, in-Norveġja u l-Federazzjoni Russa, kif ukoll il-Kunsill Artiku, il-Kunsill Barents-Ewro-Artiku, il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), il-Bank Ewropew ta’ Investiment (EIB), il-Bank Nordiku ta’ Investiment (NIB) u l-Bank Dinji (IBRD), huma parteċipanti fid-Dimensjoni tat-Tramuntana u li kemm il-Kanada u wkoll l-Istati Uniti għandhom stejtus ta’ osservatur fid-Dimensjoni tat-Tramuntana; jenfasizza l-ħtieġa ta’ allinjament mill-qrib bejn il-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u l-politika għall-Artiku tal-UE li qed tevolvi; jinnota t-Tieqa Artika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana; jenfasizza l-esperjenza siewja tas-sħubijiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, b'mod partikolari s-Sħubija l-ġdida tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport u l-Loġistika u l-benefiċċji tagħha għall-kooperazzjoni fl-Artiku;

54.

Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għal stejtus ta’ osservatur permanenti għall-UE fil-KA; jirrikonoxxi li l-Istati Membri tal-UE huma involuti fil-ħidma tal-KA permezz tad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali (bħall-IMO, l-OSPAR, l-NEAFC u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma) u jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza fil-politiki kollha tal-UE għall-Artiku; jitlob lill-Kummissjoni sabiex iżżomm lill-Parlament informat kif dovut dwar laqgħat u xogħol fil-KA u l-Gruppi ta’ Ħidma tiegħu; jenfasizza sadanittant li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma diġà preżenti bħala membri jew osservaturi f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn b’relevanza għall-Artiku, bħalma huma l-IMO, l-OSPAR, l-NEAFC u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u għalhekk għandhom jiffokaw b’mod aktar koerenti fuq ix-xogħol f’dawn l-organizzazzjonijiet; jenfasizza f'dan ir-rigward b'mod partikolari l-ħtieġa ta’ koerenza fil-politiki kollha tal-UE fir-rigward tal-Artiku; iħeġġeġ lill-KA biex jinvolvi li-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi aktar mill-qrib bħala osservaturi ad hoc;

55.

Iqis il-Kunsill Barents-Ewro-Artiku (BEAC) bħala hub importanti għall-koperazzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea; jinnota x-xogħol tal-BEAC fl-oqsma tas-saħħa u kwistjonijiet soċjali, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-enerġija, tal-kultura u tat-turiżmu; jinnota r-rwol konsultattiv tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Popli Indiġeni (WGIP) fi ħdan il-BEAC;

Konklużjonijiet u talbiet

56.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa l-Grupp Inter-Servizzi eżistenti fi struttura permanenti fost is-servizzi sabiex tiżgura approċċ għall-politiki li jkun koerenti, koordinat u integrat fl-oqsma kollha ta’ politiki kruċjali li huma relevanti għall-Artiku, bħalma huma l-ambjent, l-enerġija, it-trasport u s-sajd; jirrakkomanda li jassenja t-tmexxija konġunta ta’ din l-istruttura lill-EEAS u lid-DG MARE, dan tal-aħħar jagħmilha ta’ koordinatur trasversali fi ħdan il-Kummissjoni; jirrakkomanda wkoll f'dan is-sens il-ħolqien ta’ unità Artika fl-EEAS;

57.

Jitlob lill-Kummissjoni, biex waqt in-negozjati ta’ ftehim bilaterali, jiġi kkunsidrat il-fatt li l-ekosistema Artika sensittiva għandha tiġi protetta, l-interessi tal-popolazzjoni Artika, inklużi l-gruppi ta’ popolazzjoni indiġena tagħha, għandhom jiġu mħarsa u r-riżorsi naturali tal-Artiku għandhom jintużaw b’mod sostenibbli, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiġi ggwidata minn dawn il-prinċipji b’rabta mal-attivitajiet kollha;

58.

Jinnota li d-data xjentifika turi b’mod ċar li l-ekosistema Artika attwalment għaddejja minn bidliet massivi relatati mal-klima u li din is-sitwazzjoni teħtieġ li jittieħed approċċ ta’ prekawzjoni u xjentifikament robust għal kwalunkwe żvilupp fl-Artiku fil-ġejjieni; jitlob għal aktar studji xjentifiċi fil-qafas ta’ ftehim multilaterali li għandu jiġi kkompletat biex il-komunità internazzjonali tkun infumata biex tifhem l-ekosistema Artika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwarha qabel jinbeda kull żvilupp maġġuri ieħor;

59.

Jenfasizza l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-kontributuri prinċipali għar-riċerka relevanti tal-Artiku, il-kooperazzjonai reġjunali u l-iżvilupp ta’ teknoloġija relevanti għar-reġjun u lilhinn minnu, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilitajiet sabiex jiġu żviluppati inizjattivi ta’ kofinanzjament ċirkopolari u koprogrammazzjoni sabiex jiffavorixxu kooperazzjoni aktar effettiva bejn esperti mill-pajjiżi involuti; jitlob lill-UE tippromwovi attivitajiet ta’ koperazzjoni mal-USA, mal-Kanada, man-Norveġja, mal-Islanda, mal-Groenlandja u mar-Russja fil-qasam tar-riċerka multidixxiplinarja tal-Artiku, biex b'hekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ finanzjament koordinat; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq mezz biex taħdem direttament ma’ Stati Membri Artiċi, organizzazzjonijiet indiġeni u istituti Artiċi ta’ riċerka sabiex jgħinu fl-informazzjoni lill-UE dwar kwistjonijiet relevanti, suġġetti importanti ta’ riċerka, u kwistjonijiet li jikkonċernaw lil dawk li qed jgħixu u jaħdmu fl-Artiku biex jgħinu t-twaqqif ta’ attivitajiet futuri ta’ riċerka;

60.

L-opinjoni tiegħu hi li l-UE għandha tiżviluppa aktar il-kapaċitajiet tagħha u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tesplora u tirrapporta dwar it-twaqqif kif ukoll il-kontinwazzjoni ta’ attivitajiet tal-UE fl-Artiku bħalma hu l-finanzjament ta’ programm ta’ riċerka konġunta multilaterali ċirkopolari li jipprevedi kooperazzjoni eħfef u anqas burokratika u proġetti konġunti tal-komuniutà tar-riċerka; jitlob lill-Kummissjoni tesplora bħala prijorità ewlenija t-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku bħala impriża konġunta f'netwerk, filwaqt li tqis proposti adattati; jinnota l-proposta mill-Università ta’ Lapland f'dan ir-rigward; iqis li ċentru bħal dan jeħtieġ li jkun kapaċi kemm li jorganizza avviċinament permanenti mill-UE lejn il-parteċipanti ewlenin rilevanti għall-Artiku kif ukoll li jidderieġi l-informazzjoni u s-servizzi Artiċi lejn l-Istituzzjonijiet u l-partijiet interessati tal-UE;

61.

Jenfasizza li sabiex jiġu determinati b’mod oġġettiv in-natura u r-rata tal-bidliet li jseħħu fl-ambjent naturali tal-Artiku, huwa vitali li t-tims internazzjonali tax-xjentisti jingħataw aċċess sħiħ biex titwettaq ir-riċerka f’dan il-qasam partikolarment sensittiv tal-pjaneta tagħna; jindika li l-UE qed iżżid il-preżenza u l-involviment tagħha, partikolarment fis-settur Ewropew tal-Artika, billi tibni infrastruttura konġunta għar-riċerka u żżid in-numri ta’ programmi tar-riċerka mwettqa fl-Artiku; jappoġġa b'mod partikolari t-timijiet ta’ riċerka magħmula minn xjentisti minn ħafna oqsma differenti u li jirrappreżentaw il-pajjiżi kollha involuti; jilqa' l-kooperazzjoni li ta’ spiss tkun tajba u miftuħa fir-riċerka u huwa tal-opinjoni li din ir-riċerka għandha tkun miftuħa, xi ħaġa li tkun fl-interess tal-komunità internazzjonali kollha kemm hi u li tippermetti li din tkun disponibbli għall-użu minnha;

62.

Jenfasizza l-kontribuzzjoni tal-objettiv tal-Koperazzjoni Ewropea Territorjali tal-UE, bħala valur ċar miżjud Ewropew, b’mod partikolari l-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali ta’ Kolartic u Karelia kif ukoll il-programm tas-CBC tal-Baċin tal-Baħar Baltiku, li jinkludi r-reġjun ta’ Barents; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora kif Programm imsaħħaħ tal-Periferija tat-Tramuntana jista’ jkollu impatt simili fuq Strateġija Artika fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

63.

Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi biex jinħolqu malajr u b'mod effiċjenti l-osservatorji SIOS u EMSO bħala kontributuri uniċi għal fehim u ħarsien aħjar tal-ambjent Artiku;

64.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti dwar kif il-Proġett Galileo jew progetti bħall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà li jista' jkollhom impatt fuq l-Artiku jistgħu jiġu żviluppati sabiex ikun hemm navigazzjoni aktar sikura u ta’ malajr fl-ibħra tal-Artiku u b’hekk isir investiment fis-sikurezza u l-aċċessibilità tal-Passaġġ tat-Tramunatana-Lvant b’mod partikolari, sabiex jikkontribiwixxu għal predittibilità aħjar tal-moviment tas-silġ, kif ukoll immappjar aħjar ta’ qiegħ il-baħar Artiku u fehim tal-proċessi ġeodinamiċi prinċipali fil-qasam, li huma ta’ importanza maġġuri għall-ġeodinamika tad-Dinja u għaċ-ċiklu tal-ilma fir-reġjuni polari u sabiex jittejjeb l-għarfien tagħna dwar ekosistemi uniċi;

65.

Jitlob lill-gvernijiet kollha fir-reġjun Artiku, speċjalment dak tar-Russja, biex jadottaw u japprovaw id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2007;

66.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-ftehimiet prinċipali kollha rigward id-drittijiet tal-popli indiġeni, bħall-Konvenzjoni 169 tal-ILO;

67.

Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipproponu, bħala parti mill-ħidma li għadha għaddejja tal-IMO dwar Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu, li l-emissjonijiet ta’ nugrufun u żejt tal-fjuwil tqil għandhom ikunu regolati b’mod speċifiku; fil-każ li tali negozjati ma jħallux frott, jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar regoli għall-vapuri li jidħlu fil-portijiet tal-UE wara jew qabel vjaġġi minn ġo ibħra Artiċi, bil-għan li jiġi impost reġim strett li jillimita l-emissjonijiet ta’ nugrufun u l-użu u l-ġarr ta’ żejt tal-fjuwil tqil;

*

* *

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun tal-Artiku.


(1)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 41.

(2)  L-2985 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin.

(3)  L-2914 laqgħa tal-Kunsill.

(4)  2009/10:UU4.

(5)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

(6)  Iffirmat fil-15 ta’ Settembru 2010.

(7)  ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.

(8)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36.

(9)  Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal tal-Atlantiku.

(10)  Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi Pperikolati ta’ Fawna u Flora Selvaġġi.


Top