This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0900
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A Quality Framework for Services of General Interest in Europe
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa
/* KUMM/2011/0900 finali */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa /* KUMM/2011/0900 finali */
1.
Introduzzjoni
Is-sitwazzjoni
ekonomika u finanzjarja attwali enfasizzat aktar minn qatt qabel ir-rwol
fundamentali tas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ) fl-Unjoni Ewropea (UE).
F’oqsma bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal jew il-kura għall-anzjani,
l-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà jew l-akkomodazzjoni soċjali, dawn
is-servizzi jipprovdu xibka ta’ sigurtà essenzjali għaċ-ċittadini[1] u jgħinu fil-promozzjoni
tal-koeżjoni soċjali. Is-servizzi ta’ interess ġenerali fil-qasam
tal-edukazzjoni, is-servizzi tat-taħriġ u l-impjiegi għandhom rwol ewlieni
fl-aġenda għat-tkabbir u l-impjiegi. Fl-ekonomija tal-għarfien, l-iskejjel,
iċ-ċentri ta’ taħriġ u l-universitajiet iridu jkunu tal-ogħla kwalità biex
jiggarantixxu li ż-żgħażagħ ikollhom ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda.
Fl-istess ħin, il-limitazzjonijiet tal-baġit li qed jaffaċċjaw attwalment
l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-bżonn ta’ konsolidazzjoni fiskali joħolqu
neċessità li jiġi żgurat li servizzi ta’ kwalità għolja jiġu kemm jista’ jkun
ipprovduti b’mod effiċjenti u kosteffikaċi. Il-Linji Gwida
Politiċi tal-President tal-2009[2]
diġà jirreferu għall-immodernizzar tas-settur tas-servizzi bħala mod ta’ kif
tista’ tingħata spinta lis-sorsi ġodda ta’ tkabbir u koeżjoni soċjali, u
jistqarru li "jeħtieġ li nagħtu spinta lill-iżvilupp globali tas-settur
tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, pereżempju billi jiġi stabbilit qafas ta’
kwalità għas-servizzi pubbliċi u soċjali, biex b’hekk tiġi rikonoxxuta
l-importanza tagħhom fil-mudell Ewropew tas-soċjetà".[3] L-Ewropa 2020[4] ikkonfermat mill-ġdid il-bżonn
li jiġu żviluppati servizzi ġodda, kemm fiżiċi u anki dawk onlajn, li
jiġġeneraw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi. Dan jista’ jinkludi servizzi
innovattivi ta’ interess ġenerali. Filwaqt li
t-Trattat dejjem żgura li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà li jipprovdu
servizzi ta’ kwalità ta’ dan it-tip, it-Trattat ta’ Lisbona introduċa
dispożizzjonijiet ġodda: L-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’
interess ġenerali. Ta ukoll lill-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali l-istess valur legali bħat-Trattati. Huwa f’dan il-kuntest li
l-Kummissjoni ddeċidiet li tiġbor flimkien f’qafas uniku ta’ kwalità s-sett
komprensiv ta’ azzjonijiet li hi qed twettaq fir-rigward tas-servizzi ta’
interess ġenerali. Dan se jiżgura li fis-snin li ġejjin l-ambjent regolatorju
fil-livell tal-UE jkompli jsaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku, biex
iqis aħjar in-natura speċifika ta’ dawn is-servizzi, u biex jilqa’ l-isfida
sabiex dawn is-servizzi jitwasslu b'mod li jkun jinkorpora l-valuri ta’
kwalità, sigurtà u affordabbiltà, it-trattament ugwali, l-aċċess universali u
d-drittijiet tal-utenti kif rikonoxxuti fil-Protokoll. L-għan ta’ din
il-Komunikazzjoni, li hi wkoll segwitu għall-Att dwar is-Suq Uniku[5], hu li tippreżenta l-qafas ta’
kwalità li jikkonsisti fi tliet fergħat ta’ azzjoni komplementari: –
It-tisħiħ taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali dwar kif
ir-regoli tal-UE japplikaw għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali
(SIEĠ), u r-reviżjoni tar-regoli meta jkun meħtieġ biex jiġi żgurat li
l-ħtiġiet speċifiċi jkunu indirizzati. Din ir-reviżjoni regolari hi essenzjali
minħabba n-natura li dejjem tevolvi ta’ dawn is-servizzi. Il-Kummissjoni
qiegħda tippreżenta flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni r-riformi ta’ żewġ
settijiet ewlenin tar-regoli - għal għajnuna mill-Istat għal servizzi ta’
interess ekonomiku ġenerali u għall-akkwisti pubbliċi – li t-tnejn se jżidu
l-flessibbiltà u s-simplifikazzjoni għall-Istati Membri meta jipprovdu dawn
is-servizzi. Dawn ir-riformi jimmiraw ukoll li jżidu l-konsistenza bejn iż-żewġ
politiki u jipprovdu assigurazzjoni akbar lill-partijiet interessati li
jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-akkwist pubbliku li, taħt ċerti kondizzjonijiet,
jissodisfaw ukoll ir-rekwiżit rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat skont
is-sentenza Altmark. Dan għandu jipprovdi aktar ċertezza legali u
simplifikazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi. –
L-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi essenzjali:
il-Kummissjoni se tmexxi ’l quddiem l-impenn tagħha biex tiżgura l-aċċess
għaċ-ċittadini kollha għas-servizzi essenzjali f’setturi speċifiċi filwaqt li
tibni fuq l-azzjonijiet riċenti fil-qasam bankarju bażiku, is-servizzi postali
u t-telekomunikazzjonijiet. –
Il-promozzjoni tal-kwalità: il-Kummissjoni se
ssaħħaħ l-impenn tagħha għall-promozzjoni tal-kwalità fil-qasam tas-servizzi
soċjali, u se tuża dawn il-kisbiet f’dan il-qasam bħala mudell għal servizzi
oħrajn ta’ interess ġenerali. Kunċetti bażiċi Id-dibattitu dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali
jbati minn nuqqas ta’ ċarezza dwar it-terminoloġija. Il-kunċetti jintużaw b’mod
alternanti u mhux preċiż. Il-partijiet interessati talbu lill-Kummissjoni biex
tipprovdi ċarezza. Madankollu, fit-twettieq ta’ dan, il-Kummissjoni hi marbuta
permezz tal-liġi primarja tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti. Barra minn hekk,
il-kunċetti huma dinamiċi u jevolvu. Servizz ta’ interess ġenerali (SIĠ): Is-SIĠ huma servizzi li l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jikklassifikaw
bħala dawk li jkunu ta’ interess ġenerali u, għalhekk, soġġetti għal obbligi
ta’ servizz pubbliku (OSP) speċifiċi. It-terminu jkopri kemm attivitajiet
ekonomiċi (ara d-definizzjoni ta’ SIEĠ hawn taħt) u servizzi mhux ekonomiċi.
Dawn tal-aħħar mhumiex soġġetti għal leġiżlazzjoni speċifika tal-UE u mhumiex
koperti mir-regoli dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni tat-Trattat. Xi aspetti
ta’ kif dawn is-servizzi huma organizzati jistgħu jkunu soġġetti għal regoli
ġenerali oħra tat-Trattat, bħall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) Is-SIEĠ huma attivitajiet ekonomiċi li jipprovdu riżultati fl-oġġett
pubbliku globali li ma jkunux forniti (jew li jkunu forniti skont
kondizzjonijiet differenti f’termini ta’ kwalità, sigurtà, affordabbiltà,
trattament ugwali jew aċċess universali) mis-suq mingħajr l-intervent pubbliku.
L-OSP hu impost fuq il-fornitur permezz ta’ att ta’ fiduċja u fuq il-bażi ta’
kriterju ta’ interess ġenerali li jiżgura li s-servizz hu pprovdut skont
kondizzjonijiet li jippermettulu jwettaq il-missjoni tiegħu. Servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ): dawn jinkludu l-iskemi tas-sigurtà soċjali li jkopru r-riskji ewlenin
tal-ħajja u firxa ta’ servizzi essenzjali oħra li jingħataw direttament lill-persuna
u li jkollhom rwol preventiv u ta’ koeżjoni/inklużjoni soċjali[6]. Filwaqt li wħud mis-servizzi
soċjali (bħal skemi tas-sigurtà soċjali statutorji) mhumiex meqjusa mill-Qorti
Ewropea bħala attivitajiet ekonomiċi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tagħmilha ċara
li n-natura soċjali ta’ servizz mhuwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġi
kklassifikat bħala mhux ekonomiku[7].
It-terminu servizz soċjali ta’ interess ġenerali konsegwentement ikopri kemm
attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi. Obbligu ta’ Servizz Universali (OSU): L-OSU huma tip ta’ OSP li jistabbilixxu r-rekwiżiti mfassla biex
jiżguraw li ċerti servizzi jkunu disponibbli lill-konsumaturi u l-utenti kollha
fi Stat Membru, irrispettivament mil-lokazzjoni ġeografika tagħhom, bi kwalità
speċifikata u, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, bi prezz li
jista’ jintlaħaq. Id-definizzjoni ta’ OSU speċifiċi huma stabbiliti fil-livell
Ewropew bħala komponent essenzjali tal-liberalizzazzjoni tas-suq tas-setturi
tas-servizzi, bħall-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-posta u t-trasport. Servizz pubbliku:
It-terminu servizz pubbliku jintuża fl-Artikolu 93 tat-TFUE fil-qasam
tat-trasport. Madankollu, f’oqsma oħra, xi drabi dan jintuża b’mod ambigwu: dan
jista’ jkun relatat mal-fatti li servizz ikun offrut lill-pubbliku ġenerali
u/jew fl-interess pubbliku, jew jista’ jintuża għall-attività ta’ entitajiet bi
sjieda pubblika. Biex tiġi evitata kull ambigwità, din il-Komunikazzjoni ma
tużax it-terminu iżda minflok tuża t-terminoloġija "servizz ta’ interess
ġenerali" u "servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali".
2.
Il-Qafas Istituzzjonali: Bidliet introdotti permezz tat-Trattat ta’
Lisbona
It-Trattat ta’
Lisbona, il-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali u
l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jenfasizzaw biċ-ċar
l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali fl-UE, u jistabbilixxu
l-prinċipji li jiggwidaw l-approċċ tal-UE għal dawn is-servizzi. Dawn jipprovdu
bażi soda biex jitħaddem approċċ flessibbli u pragmatiku li hu essenzjali f’dan
il-qasam minħabba d-differenzi fil-ħtiġijiet u l-preferenzi li jirriżultaw minn
sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali u kulturali differenti. Il-Protokoll
jistabbilixxi, għall-ewwel darba fuq il-livell tal-liġi primarja, il-prinċipji
fundamentali li japplikaw għal servizzi ta’ interess ġenerali. Dan jagħmel ċar
li l-prinċipji jridu jiġu adattati għas-servizzi differenti involuti u,
għalhekk, l-ebda approċċ “ta' daqs wieħed għall-kulħadd” huwa possibbli. Dan
jikkonferma wkoll li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jaffetwawx
il-kompetenza tal-Istati Membri biex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw
servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Madankollu, jibqa’ l-bżonn li
ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u dawk mhux ekonomiċi, u kif
ukoll ta’ analiżi każ b’każ peress li n-natura ta’ dawn l-attivitajiet tevolvi
kontinwament. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni
kif spjegat fit-Taqsima III hawn taħt. Skont
l-Artikolu 14 tat-TFUE, "l-Unjoni u l-Istati Membri, skont
il-poteri rispettivi tagħhom u l-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, għandhom
jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u
kondizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom
iwettqu l-missjonijiet tagħhom". Dan l-Artikolu joħloq il-possibbiltà
għall-Unjoni biex tilleġiżla fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku
ġenerali billi tistabbilixxi l-prinċipji u l-kondizzjonijiet, b’mod partikolari
kondizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, li jippermettulhom jilħqu
l-missjonijiet tagħhom, bl-użu ta’ regolament u permezz tal-proċedura
leġiżlattiva ordinarja. Dan jagħmilha ċara li kwalunkwe tali regolament jrid
ikun "mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri skont
it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi”.
Dan jirrikonoxxi l-fatt li l-organizzazzjoni, l-għoti u l-iffinanzjar ta’ tali
servizzi jinvolvu primarjament deċiżjonijiet tal-Istati Membri fil-livell
nazzjonali, reġjonali jew lokali. Diversi konsultazzjonijiet pubbliċi u djalogu
kontienwu mal-partijiet interessati se jkomplu jeżaminaw il-ħtieġa ta’
leġiżlazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 14 tat-TFUE. Il-kunsens f’dan
l-istadju jidher li dan mhux prijorità immedjata[8].
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li approċċ settorjali, fejn jistgħu jinstabu
soluzzjonijiet adattati għal problemi konkreti u speċifiċi f’setturi
differenti, huwa iktar xieraq f’dan l-istadju[9]. Il-Kummissjoni se
żżomm taħt konsiderazzjoni l-ħtieġa li tirrevedi l-leġiżlazzjoni settorjali
eżistenti li tinkludi obbligi ta’ servizz universali, u l-ħtieġa possibbli biex
toħloq obbligi ta’ servizz universali ġodda f’setturi oħra. Il-Kummissjoni se
tanalizza wkoll kemm hu xieraq li jiġu stabbiliti l-prinċipji u
l-kondizzjonijiet li jippermettu servizzi pubbliċi speċifiċi biex jilħqu
l-missjonijiet tagħhom fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TFUE. Ir-rispett
tad-diversità eżistenti tas-servizzi u s-sitwazzjonijiet fi ħdan l-UE se jibqa’
prinċipju ta’ gwida fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni.
3.
Qafas ta’ kwalità għas-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa
Matul is-snin,
id-domanda għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-mod kif jiġu pprovduti
nbidlu b’mod sinifikanti. Is-servizzi li l-Istat tradizzjonalment kien jagħti
b’mod dirett saru dejjem aktar esternalizzati minn awtoritajiet nazzjonali,
reġjonali u lokali, u issa huma ta’ spiss ipprovduti mis-settur privat (jew
għall-profitt jew mhux għall-profitt). Din il-bidla fl-approċċ hija mmexxijja
minn proċessi ta’ deregulazzjoni, minn bidliet fil-politiki tal-gvern, u
l-bidliet fil-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-utenti. Peress li ħafna minn dawn
is-servizzi huma ta’ natura ekonomika, ir-regoli tas-suq intern u
tal-kompetizzjoni japplikaw għalihom, sakemm l-applikazzjoni ta’ tali regoli ma
xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari
mogħtija lilhom. Tabilħaqq, li jkollhom aċċess għal firxa ta’ offerti fuq
il-prezz u l-kwalità tas-servizzi jista’ jġib għażla u benefiċċji sinifikanti
għall-awtoritajiet pubbliċi. Filwaqt li xi partijiet interessati huma
kkonċernati dwar l-impatt ta’ dawn ir-regoli, b’mod partikolari dwar
is-servizzi soċjali, il-Kummissjoni hija konvinta li jistgħu jiġu applikati
b’mod li jqis il-bżonnijiet speċifiċi u li jtejjeb il-provvista tas-servizzi.
Ir-regoli għandhom ovvjament jiġu riveduti fuq bażi kontinwa biex jiżguraw li
jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu l-flessibbiltà neċessarja għall-awtoritajiet
pubbliċi biex jirrispondu għall-ħtiġijiet li jevolvu tas-soċjetà u jibqgħu
aġġornati mal-bidla teknoloġika. L-approċċ tal-Kummissjoni
biex tipprovdi qafas ta’ kwalità huwa bbażat fuq tliet linji ta’ azzjoni:
l-ewwel, tiżdied iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali dwar ir-regoli tal-UE li
japplikaw għal dawn is-servizzi; it-tieni, tkun provduta l-għodda li
tippermetti lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess
għas-servizzi essenzjali u jirrevedu s-sitwazzjoni fuq bażi regolari; u
t-tielet, il-promozzjoni ta’ inizjattivi tal-kwalità b’mod partikolari
għas-servizzi soċjali li jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet importanti. 1. Il-linja
1: Tiżdied iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali Il-Kummissjoni
għandha l-għan li tiżgura li l-qafas regolatorju tal-UE, li għandu impatt fuq
il-mod ta’ kif is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jiġu organizzati,
iffinanzjati u mogħtija, jippermettilhom jirrealizzaw il-missjoni tagħhom ta’
servizz pubbliku. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha djalogu kontinwu
mal-partijiet interessati mis-setturi kollha biex tidentifika l-oqsma fejn
il-qafas legali jista’ jeħtieġ li jiġi ċċarat jew emendat. Żewġ eżempji ta’ dan
l-impenn huma r-reviżjonijiet tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u r-regoli dwar l-akkwist
pubbliku li jakkumpanjaw din il-Komunikazzjoni. F’dawn ir-riformi,
il-Kummissjoni fittxet li tikseb iktar konsistenza bejn il-politiki dwar
l-għajnuna mill-Istat u l-politiki dwar l-akkwist pubbliku għall-benefiċċju
tal-partijiet interessati. Safejn kien possibbli, il-Kummissjoni ħolqot qafas
iktar koerenti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, l-konformità sħiħa mal-proċeduri
ta’ akkwist pubbliku miftuħa jew ristretti mogħtija fuq il-bażi jew tal-irħas
prezz jew, taħt ċerti kondizzjonijiet, tal-aktar offerta ekonomikament
vantaġġjuża, tfisser li l-kuntratt jingħata bl-"inqas kost għall-komunità"
kif titlob il-Qorti bħala waħda mill-kondizzjonijiet biex tkun eskluża
l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. 1.1.
Ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal servizzi ta’ interess
ekonomiku ġenerali Ir-regoli tal-UE
li japplikaw għall-finanzjament pubbliku tas-servizzi ta’ interess ekonomiku
ġenerali adottati mill-Kummissjoni fl-2005 wrew li kienu effikaċji. Madankollu,
il-Kummissjoni u l-partijiet interessati jaqblu li dawn jistgħu jiġu ċċarati u
s-simplifikati aktar, u jsiru aktar proporzjonati biex tkun żgurata
applikazzjoni aktar faċli, b’hekk l-għoti ta’ servizzi ta’ kwalità għolja jsir
b’mod aktar effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Ir-riforma għandha tliet
għanijiet: biex tiċċara l-kunċetti bażiċi rilevanti għas-SIEĠ, biex
tissimplifika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal servizzi żgħar
organizzati fuq livell lokali u li jkollhom effett limitat fuq il-kummerċ bejn
l-Istati Membri, u biex tintroduċi trattament aktar immirat ta’ servizzi oħra,
sabiex tagħmel differenza aħjar bejn servizzi ta’ daqs medju u servizzi
soċjali, fuq naħa waħda, u, min-naħa l-oħra, attivitajiet fuq skala kbira
b’dimensjoni mifruxa mal-UE b’mod ċar li se jkunu soġġetti għal skrutinju aktar
effikaċji rigward il-kompetizzjoni. Fuq il-bażi ta’
dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni adottat jew ipproponiet numru ta’ bidliet
importanti: ·
L-ewwel, Komunikazzjoni ġdida tindirizza għadd ta’
kwistjonijiet li qajmu mistoqsijiet ta’ interpretazzjoni fil-livell nazzjonali,
reġjonali u lokali. ·
It-tieni, fil-ġejjieni numru akbar ta’ servizzi
soċjali se jiġu eżentati (irrispettivament mill-ammont ta’ kumpens) minn
notifika ex-ante u mill-proċess ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni, jekk dawn
jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet bażiċi ta’ trasparenza, ta’ definizzjoni
korretta u li ma jkunx hemm kumpens żejjed. Din il-lista issa tinkludi,
flimkien mal-isptarijiet u l-akkomodazzjoni soċjali, is-servizzi ta’ interess
ekonomiku ġenerali li jilħqu l-ħtiġijiet soċjali fir-rigward tas-saħħa u l-kura
fit-tul, il-kura tat-tfal, l-aċċess għal u r-reintegrazzjoni fis-suq
tax-xogħol, u l-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli. ·
It-tieletnett, se jkun hemm skrutinju aktar profond
u ffukat ta’ miżuri ta’ għajnuna kbar, pereżempju fil-qasam tal-industriji
tan-netwerk, li jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tas-Suq
Intern. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri se jiġu mitluba jinkludu
fil-mekkaniżmu ta’ kumpens inċentivi għal titjib fl-effiċjenza tul iż-żmien
tal-kuntratt, mfassla skont il-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi. ·
Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni qed tipproponi regola de
minimis ġdida speċifikament għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali
li se teskludi l-eżistenza ta’ għajnuna u, għalhekk, il-ħtieġa għall-iskrutinju
tal-Kummissjoni għal ammonti ta’ għajnuna sa EUR 500 000 fuq perjodu
ta’ tliet snin. Għal ċerti setturi, b’mod partikolari tat-trasport u tax-xandir
pubbliku, se jibqgħu japplikaw ir-regoli settorjali. 1.2. Ir-riforma
tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet Il-Kummissjoni qed
tipproponi wkoll riforma sinifikanti tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u
l-konċessjonijiet li se tippromwovi kwalità aħjar fl-għoti tas-servizzi ta’
interess ekonomiku ġenerali. L-ewwel,
ir-riforma tipprevedi trattament speċifiku għas-servizzi soċjali u tas-saħħa.
Dawn se jkunu soġġetti għal reġim eħfef li jieħu inkonsiderazzjoni r-rwol u
l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Dawn se jkunu soġġetti għal limiti ogħla u
se jkollhom jikkonformaw biss mal-obbligi tat-trasparenza u trattament ugwali.
Barra dan, sabiex tinkoraġġixxi approċċ ta’ kwalità, ir-riforma tippromwovi
l-użu tal-kriterju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża li jfisser li
l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jagħtu tali servizzi fuq il-bażi
tal-prezz l-aktar baxx biss. It-tieni, issa
hemm ċertezza legali akbar dwar kif ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE
japplikaw għar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi.
Il-"kooperazzjoni bejn oqsma pubbliċi differenti" tikkonċerna
sitwazzjonijiet fejn entitajiet pubbliċi bħal awtoritajiet lokali jikkooperaw
sabiex iwettqu l-kompiti pubbliċi. Filwaqt li l-istatus pubbliku/natura legali
tal-partijiet għal kuntratt pubbliku mhix fiha nnifisha suffiċjenti biex
teskludi kuntratti relatati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi
tal-akkwist pubbliku tal-UE, ir-riforma tiċċara, skont il-ġurisprudenza
tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-każijiet fejn tali kuntratti ma jkunux
koperti minn regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw
li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku mhux se itellef
il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex jiddeċiedu kif jorganizzaw u jwettqu
l-kompiti tagħhom ta’ servizz pubbliku. Imbagħad, hemm dispożizzjonijiet biex
jiżguraw li l-kooperazzjoni bejn oqsma pubbliċi differenti ma tikkawżax
distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi privati. It-tielet,
ir-riforma tirrikonoxxi l-importanza f’ċerti ċirkostanzi ta’ proċedura
b’negozjati u pubblikazzjoni minn qabel meta jingħataw kuntratti
għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u żgurat li din
tkun parti mis-sett ta’ għodda disponibbli għall-awtoritajiet li jagħtu
l-kuntratti. Similarment, il-Kummissjoni pproponiet li tippermetti
lil-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu inkonsiderazzjoni bħala kriterji
tal-għoti, iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, servizzi jew xogħlijiet mitluba.
Din ir-riforma se tgħin ukoll biex tiżgura li l-kuntratti ma jingħatawx biss
abbażi tal-irħas prezz iżda jirriflettu b’mod xieraq iż-żieda
tal-konsiderazzjonijiet ambjentali u tas-soċjeta. Finalment,
ir-riforma se tintroduċi reġim awtonomu ġdid għall-konċessjonijiet. Dan huwa
partikolarment importanti għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali peress
li l-kuntratti ta’ konċessjoni tradizzjonalment jintużaw biex iwasslu servizzi
pubbliċi jew obbligi ta’ utilitajiet. Il-fatturi ewlenin tar-riforma
tal-akkwist pubbliku se japplikaw ukoll għall-konċessjonijiet, u se jkun hemm
regoli ġodda dwar il-modifikazzjoni ta’ kuntratti eżistenti, kif hemm
għall-kuntratti ta’ akkwist. F’ċerti setturi, il-konċessjonijiet jistgħu
jingħataw minn 20 sa 100 sena u, bħala konsegwenza hu aktar probabbli li jkunu
jeħtieġu li jiġu rreveduti matul ħajjithom. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti,
il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda li jispeċifikaw
taħt liema kondizzjonijiet tkun tistà ssir modifikazzjoni tat-termini ta’
kuntratt ta' konċessjoni mingħajr ma ssir sejħa għall-offerti kompetittiva
ġdida, u dispożizzjonijiet li jiżguraw il-konformità mal-prinċipji ta’
trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni. Ir-riforma
tar-regoli tal-akkwist pubbliku, li hi waħda mit-tnax-il azzjoni ta’ prijorità
tal-Att dwar is-Suq Uniku li l-Kummissjoni kkonfermat fl-Istħarriġ dwar
it-Tkabbir Annwali tal-2012, għandha ssir bla dewmien. Il-Kummissjoni għalhekk
tistieden lill-Parlament u lill-Istati Membri biex jilħqu ftehim dwar dawn
il-proposti sa tmiem l-2012. 1.3.
Komunikazzjoni u azzjonijiet informattivi dwar kif għandhom jiġu applikati
r-regoli tal-UE Il-Kummissjoni
hija impenjata, biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri
tas-servizzi, l-utenti u l-partijiet interessati oħra sabiex jifhmu aħjar u
japplikaw ir-regoli tal-UE għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bi
tweġiba għall-mistoqsijiet u t-talbiet għal spjegazzjonijiet li tqajmu minn
partijiet interessati. Il-Kummissjoni ħadet numru ta’ azzjonijiet f’dan
ir-rigward. Fi tmiem l-2010,
il-Kummissjoni ppubblikat gwida ġdida[10]
li tkopri tliet kwistjonijiet ewlenin: –
kif l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw dawn
is-servizzi f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; –
kif l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw ir-regoli
dwar l-akkwist pubbliku u, fl-istess ħin, jiżguraw l-kwalità, l-innovazzjoni,
il-kontinwità u l-komprensività tas-servizzi soċjali, –
kif ir-regoli tas-Suq Intern u, b’mod partikolari,
id-Direttiva tas-Servizzi, japplikaw għas-servizzi soċjali mingħajr ma
jimpedixxu lill-Istati Membri milli jirregolawhom biex jiggarantixxu l-kwalità
u l-aċċessibbiltà. Din il-gwida ssostitwixxiet id-dokument dwar il-Mistoqsijiet Frekwenti
u tqis l-iżviluppi fil-ġurisprudenza, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni,
il-bidliet fil-qafas leġiżlattiv, id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat
tal-Protezzjoni Soċjali (KPS)[11]
u l-mistoqsijiet riċevuti mill-partijiet interessati permezz tas-Servizz ta’
Informazzjoni Interattiv (SII)[12].
Is-SII hu servizz onlajn li jipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini, il-fornituri
tas-servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati oħra u
jippermettilhom isaqsu mistoqsijiet dwar il-liġi tal-UE u servizzi ta’ interess
ekonomiku ġenerali. Mindu beda jopera f’Jannar 2008, is-servizzi
tal-Kummissjoni wieġbu għal kważi 200 mistoqsija permezz ta’ dan is-servizz. Il-Kummissjoni
ppubblikat ukoll gwida dwar "ix-xiri soċjali"[13] li hi għodda biex tgħin
lill-awtoritajiet pubbliċi biex jixtru oġġetti u servizzi b’mod soċjalment
responsabbli f’konformità mar-regoli tal-UE. Din tenfasizza l-kontribuzzjoni li
l-akkwist pubbliku jista’ jagħmel għall-politika soċjali. Id-dokument fih
eżempji prattiċi dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet soċjali, bħall-promozzjoni
tal-opportunitajiet indaqs u l-opportunitajiet ta’ impjieg, it-titjib
tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali ta’ persuni vulnerabbli,
bħalma huma persuni b’diżabbiltà, u l-konformità fis-sustanza
mad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. Edizzjoni ġdida
ta’ "Ixtri għal Ambjent Aħjar! Manwal tal-akkwist pubbliku favur
l-ambjent"[14]
ġiet ippubblikata f’Ottubru 2011. Il-manwal jipprovdi gwida dwar kif
jistgħu jonqsu l-impatti ambjentali mill-konsum tas-settur pubbliku u dwar kif
jista’ jintuża l-akkwist pubbliku ekoloġiku biex tkun imħeġġa l-innovazzjoni
fit-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi ambjentali. Id-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn oqsma pubbliċi
differenti[15]
jiġbor fil-qosor u jispjega l-ġurisprudenza tal-QEĠ dwar kif ir-regoli
tal-akkwist pubbliku japplikaw għal sitwazzjonijiet fejn entitajiet pubbliċi
bħal muniċipalitajiet jikkooperaw sabiex iwettqu l-kompiti pubbliċi konferiti
lilhom (ara hawn fuq fit-Taqsima 1.2). Dan għandu jikkontribwixxi għal
għarfien aħjar tad-dispożizzjonijiet legali sabiex jonqsu r-riskji legali dwar
din il-forma ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika
lis-settur tas-servizzi soċjali. Ir-rapporti biennali dwar is-servizzi
soċjali ta’ interess ġenerali[16]
ppubblikati fl-2008 u l-2010 mmonitorjaw l-iżviluppi fis-settur tas-servizzi
soċjali u rawwmu djalogu fuq il-livell Ewropew. . Il-Kummissjoni għenet ukoll
lill-Presidenzi tal-Kunsill suċċessivi fl-organizzar tal-fora dwar is-SSIĠ li
kienu essenzjali għall-qsim tal-informazzjoni u l-promozzjoni tad-djalogu u
l-għarfien aħjar tar-regoli fost il-partijiet interessati. Il-Kummissjoni hija
impenjata biex tappoġġja l-Presidenzi rotatorji futuri tal-Kunsill biex
jorganizzaw ir-4 Forum Ewropew dwar is-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali
f’madwar tnax-il xahar ieħor. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fi ħdan
il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali li, filwaqt li jaħdem mal-partijiet
interessati istituzzjonali u tas-soċjetà ċivili rilevanti kollha, se jipprepara
rapport sa tmiem l-2013 dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għas-SSIĠ. 2. Il-linja
2: Jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi essenzjali Il-leġiżlazzjoni
settorjali adottata fil-livell tal-UE dejjem ibbilanċjat bil-għaqal il-ħtieġa
biex jiżdiedu l-kompetizzjoni u l-użu tal-mekkaniżmi tas-suq mal-ħtieġa li
tingħata garanzija li kull ċittadin ikompli jgawdi mill-aċċess għas-servizzi
essenzjali ta’ kwalità għolja bi prezzijiet li jista' jifilaħ għalihom. Dan
kien il-każ, pereżempju, fl-industriji tan-netwerks minn servizzi
tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta sa t-trasport u l-enerġija. Barra minn
hekk, it-Tabella annwali ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur
mill-Kummissjoni[17]
tagħmel monitoraġġ tal-prestazzjoni ta’ madwar 30 suq tas-servizzi fir-rigward
tal-komparabbiltà, il-fiduċja, il-problemi u l-ilmenti, is-sodisfazzjon
ġenerali, il-bidla tal-fornitur u l-għażla. Minħabba li
l-ħtiġijiet tal-utenti u t-teknoloġiji jevolvu kontinwament, huwa neċessarju li
ssir reviżjoni regolari kemm tal-obbligi tas-servizzi universali eżistenti u
anki tal-ħtieġa li jiġu introdotti oħrajn ġodda. L-eżempji ta’ hawn taħt juru
l-approċċ proattiv li l-Kummissjoni tieħu f’dan il-qasam. L-Istati Membri
jibqgħu ħielsa li jestendu l-obbligi tas-servizzi universali eżistenti, jew li
jintroduċu oħrajn ġodda, sakemm il-miżuri jikkonformaw mal-liġi tal-UE. 2.1. Servizzi
postali It-Tielet
Direttiva Postali[18]
hija pass importanti fir-riforma tas-swieq postali fl-Ewropa li bdiet fl-1992.
Din ġabet magħha ħafna benefiċċji liċ-ċittadini, inkluż titjib fil-kwalità
tas-servizz u servizzi ġodda u innovattivi tal-kunsinna postali. Id-Direttiva
tiddefinixxi r-rekwiżiti minimi rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu
tas-servizz universali: servizz postali ta’ kwalità għolja għandu jingħata
(mill-inqas) ħamest ijiem fil-ġimgħa, fit-territorju kollu, bi prezzijiet li
jifilħu l-utenti kollha għal ittri bażiċi u pakketti ta’ ċerti piżijiet, u għal
oġġetti reġistrati u assigurati. Din tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex
jiżguraw il-kwalità għolja tas-servizz universali postali u l-Kummissjoni qed
tagħmel monitoraġġ ta’ kif din qed tiġi implimentata. Riċentament stabbilixxiet
il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Posta (GREP)[19] li jaħdem fir-rigward ta’
kwistjonijiet bħall-iffinanzjar tal-obbligu tas-servizz universali u
l-monitoraġġ tar-riżultati tas-suq[20].
Il-Kummissjoni ħolqot ukoll Forum tal-Utenti dwar il-Posta, li kellu l-ewwel
laqgħa tiegħu f’Diċembru 2011 u laqqa’ flimkien utenti aħħarin – kemm
konsumaturi individwali u anki negozji – ma’ partijiet interessati oħra inkluż
operaturi u trejdjunjins, biex iħarsu lejn il-ħtiġijiet tal-konsumatur li qed
jevolvu f’ambjent tal-komunikazzjoni li qed jinbidel u bil-ħsieb li jkun hemm
żvilupp sostenibbli tas-settur. Fil-kuntest
tal-ħidma tagħha dwar il-kummerċ elettroniku l-Kummissjoni se tippreżenta Green
Paper dwar il-kunsinna tal-pakketti transkonfinali fl-2012. Din se tiffoka
fuq kwistjonijiet bħall-kwalità tas-servizzi ta’ kunsinna postali
transkonfinali u l-ipprezzar tagħhom biex jiġu identifikati soluzzjonijiet
għall-ostakli esperjenzati mill-konsumaturi u n-negozji. Il-Kummissjoni
biħsiebha wkoll tippreżenta r-riżultati ta’ żewġ studji dwar is-sitwazzjoni
tal-ipprezzar mill-operaturi postali u l-effetti ta’ dan fuq is-swieq, u
l-prinċipji biex ikun ikkalkolat il-kost nett tal-obbligu tas-servizz postali
universali (OSU). Sa tmiem l-2013 se tippreżenta r-Raba’ Rapport dwar
l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Posta. 2.2. Servizzi
bankarji bażiċi L-aċċess għal
servizzi bażiċi ta’ ħlas taħt kondizzjonijiet ġusti huwa importanti
għall-inklużjoni finanzjarja u soċjali u biex jippermetti lill-konsumatur
jibbenefika bis-sħiħ mis-suq uniku. Fil-bidu tal-2011, il-Kummissjoni għamlet
valutazzjoni tal-impatt biex teżamina jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE kinitx
meħtieġa f’dan il-qasam. Wara li kkunsidrat l-għażliet kollha, il-Kummissjoni
Ewropea ddeċidiet, f’dan l-istadju, li tipproponi Rakkomandazzjoni[21]. Din timmira biex tiżgura li
servizzi bażiċi ta’ ħlas u ta’ kard tal-ħlas ikunu offruti lil kull ċittadin u
resident tal-UE li għad ma għandux kont ta’ ħlas fl-Istati Membri fejn dan ikun
jixtieq jiftaħ wieħed. Dan il-kont ta’ ħlas bażiku għandu jiġi pprovdut jew bla
ħlas jew bi ħlas raġonevoli minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas. Ir-Rakkomandazzjoni
tibgħat messaġġ ċar lill-Istati Membri u l-fornituri dwar x’inhu mistenni
filwaqt li tippermetti flessibbiltà fil-livell nazzjonali dwar kif dan
jintlaħaq. Ir-Rakkomandazzjoni
tipprovdi wkoll kriterji għall-valutazzjoni ta’ kif l-Istati Membri implentawha
u biex tara jekk hemmx bżonn ta’ aktar azzjoni. Il-Kummissjoni se tiddeċiedi
jekk hemmx bżonn ta’ aktar azzjoni f’dan il-qasam skont ir-reviżjoni u
l-valutazzjoni tal-impatt li se twettaq fl-2012. 2.3.
It-Trasport L-obbligi
tas-servizz pubbliku fis-settur tat-trasport huma stabbiliti f’partijiet
speċifiċi tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi tal-ajru, t-trasport fuq l-art u
t-trasport marittimu[22].
Din il-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur tistabbilixxi l-prinċipji li
l-Istati Membri għandhom isegwu meta jiddefinixxu l-obbligi tas-servizz
pubbliku f’kull mezz ta’ trasport. Il-White Paper
tal-2011[23]
dwar it-trasport tgħid li sehem akbar tal-ivvjaġġar bit-trasport kollettiv,
flimkien ma’ obbligi minimi tas-servizz, jgħinu biex jikbru d-densità u
l-frekwenza tas-servizz, u b’hekk jinħoloq ċirku virtwuż għall-modi
tat-trasport pubbliku. L-attribuzzjoni
ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku li tiddefinixxi l-obbligi tas-servizz
pubbliku fil-modi tat-trasport differenti trid tirrispetta l-prinċipji ta’
trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-għoti wara proċedura ta’ sejħa
għall-offerti kompetittiva. Dan jista’ jinkiseb l-aħjar permezz ta’ proċeduri
tal-offerti pubbliċi miftuħa. Il-kwalità tas-servizzi tat-trasport
tal-passiġġieri se tkun ta’ importanza dejjem akbar fis-snin li ġejjin,
minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-ħtieġa li jkun żġurat li t-trasport
pubbliku (kollettiv) ikun alternattiva attraenti flok it-trasport individwali,
sabiex b’hekk jinkisbu l-għanijiet ta’ effiċjenza tar-riżorsi u s-sigurtà
tal-fjuwil. Il-ħolqien ta’ suq ferrovjarju miftuħ u dinamiku għandu jġib
benefiċċji sinifikanti għall-passiġġieri f’termini ta’ kwalità, effiċjenza u
volum tas-servizzi offruti, u għall-awtoritajiet pubbliċi u dawk li jħallsu
t-taxxi permezz ta’ tnaqqis tal-finanzjament pubbliku għal kuntratti ta’
servizz pubbliku. Fl-2012,
il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel proposta dwar il-ftuħ tas-suq għal servizzi
nazzjonali tal-passiġġieri fl-2012. Din issegwi l-ftuħ tas-suq għas-servizzi
tal-merkanzija u għas-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri. Il-Kummissjoni
se tqis ukoll li tirrevedi r-regolament tas-servizz pubbliku għat-trasport
bl-art fl-2012 biex toħloq proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti kompetittivi
għall-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi pubbliċi fis-settur tal-ferroviji.
Filwaqt li l-Istati Membri għandhom marġinu ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex
jidentifikaw oqsma fejn ikun meħtieġ li jiġu imposti obbligi ta’ servizz
pubbliku għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, sabiex dawn ikunu
sostenibbli jeħtieġ li jkunu effiċjenti, ta’ kwalità għolja u li jingħataw
f’kuntest finanzjarju stabbli. Offerti mandatorji għandhom jgħinu sabiex
jiżguraw dan. 2.4. Enerġija It-Tielet Pakkett
tal-Enerġija daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Marzu 2011. Dan
jiddefinixxi l-obbligi ta’ servizz universali, fih dispożizzjonijiet ċari dwar
l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-konsumatur kemm
għall-elettriku u anki għall-gass naturali u jipprovdi għall-protezzjoni ta’
klijenti vulnerabbli kontra l-faqar marbut mal-enerġija[24]. Il-miżuri adottati fuq
il-bażi ta’ dawn id-Direttivi għandhom ikunu fl-interess ġenerali, definiti
b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli, u jiggarantixxu
l-aċċess ugwali għall-kumpaniji tal-gass u l-elettriku tal-UE lill-konsumaturi
nazzjonali tal-UE u viċi versa. Sabiex tippromwovi
l-implimentazzjoni ta’ swieq bl-imnut kompetittivi, b’użu effiċjenti
tal-enerġija u ġusti, fl-2008 l-Kummissjoni stabbiliet il-Forum taċ-Ċittadini
dwar l-Enerġija[25]
bħala pjattaforma regolatorja bbażata fuq l-esperjenza miksuba f’fora
preċedenti. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Politika
dwar l-Enerġija għall-Konsumaturi"[26]
qies il-benefiċċji li jipprovdu l-miżuri tal-politika dwar l-enerġija eżistenti
għall-konsumaturi. Huwa identifika firxa ta’ inizjattivi leġislattivi u
politiċi tal-UE li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għat-titjib
tal-benesseri tal-konsumaturi fis-settur tal-enerġija. F’konformità
mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri
għandhom jimplimentaw it-Tielet Pakkett tal-Enerġija bis-sħiħ u mill-aktar fis
possibbli. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza f’dan il-kuntest biex
l-Istati Membri jiddefinixxu biċ-ċar il-kunċett ta’ klijenti vulnerabbli.
Il-Kummissjoni tippjana li torganizza l-5 laqgħa tal-Forum taċ-Ċittadini dwar
l-Enerġija f’Novembru 2012 biex tkompli trawwem id-djalogu tal-partijiet
interessati dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-protezzjoni ta’ klijenti vulnerabbli,
l-aħjar mudell tas-suq bl-imnut, it-trasparenza tal-prezzijiet, u l-benefiċċji
possibbli ta’ smart meters fil-ġestjoni tad-domanda għall-enerġija. 2.5.
Komunikazzjonijiet elettroniċi Id-Direttiva dwar
is-Servizz Universali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi[27] tipprovdi salvagwardja soċjali
meta l-forzi tas-suq waħedhom ma jwasslux aċċess għall-bwiet ta’ kulħadd għal
servizzi bażiċi għall-konsumaturi, b’mod partikolari fejn dawn jgħixu f’żoni li
huma diffiċli jew li jinvolvu kostijiet kbar biex jingħataw servizz, jew li
jkollhom dħul baxx jew diżabbiltajiet. Il-kunċett ta’ salvagwardja jkopri tliet
għanijiet speċifiċi: id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà.
Il-Kummissjoni riċentement adottat Komunikazzjoni dwar is-servizzi universali fil-komunikazzjonijiet
elettroniċi[28]
li tirrapporta dwar ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika fl-2010 u t-tielet
reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tas-servizz universali
fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Waħda mill-mistoqsijiet ewlenin indirizzati
hi r-rwol li għandu jkollhom l-obbligi tas-servizz universali biex jinkiseb
l-għan ta’ "broadband għal kulħadd". Skont l-analiżi, il-Kummissjoni
tikkonkludi li attwalment mhemmx ħtieġa li jiġi mmodifikat il-kamp ta’
applikazzjoni tal-obbligu tas-servizz universali fil-livell tal-UE. L-analiżi
tikkonkludi wkoll li hemm bżonn ta’ aktar gwida dwar kif għandhom jiġu
implimentati r-regoli dwar is-servizz universali minħabba r-riskju ta’ approċċi
nazzjonali diverġenti u l-implikazzjonijiet finanzjarji potenzjali
għall-industrija. Il-Kummissjoni se tressaq din il-gwida fl-2012 u se tgħin
biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-esklużjoni soċjali filwaqt li tippermetti,
skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali
differenti, il-bżonn li jitnaqqsu d-distorsjonijiet fis-suq, u li jiġi evitat
piż sproporzjonat fuq is-settur[29]. 3. Il-linja
3: Promozzjoni tal-kwalità – l-eżempju ta’ servizzi soċjali ta’ interess
ġenerali Is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali għandhom rwol ewlieni fis-soċjetajiet
Ewropej billi jikkontribwixxu għall-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali.
Fl-istess waqt, id-domanda għal dawn is-servizzi qed tikber filwaqt li
l-kapaċità li jiġu ffinanzjati qed issir aktar diffiċli, attwalment b’riżultat
tal-kriżi ekonomika, u f’terminu itwal, minħabba t-tixjiħ demografiku.
Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati li jirrappreżentaw
l-utenti u l-fornituri tas-servizzi għamlu numru ta’ inizjattivi riċenti
fil-qasam tal-kwalità tas-servizzi soċjali. Fl-2007[30],
il-Kummissjoni ħabbret strateġija biex tappoġġja l-kwalità tas-servizzi soċjali
madwar l-UE. Bħala segwitu, il-Kummissjoni appoġġjat, permezz tal-programm
PROGRESS[31],
inizjattivi Ewropej sabiex tiżviluppa l-għodda għad-definizzjoni u l-kejl
tal-kwalità u appoġġjat l-iżvilupp ta’ Qafas ta’ Kwalità Ewropew volontarju
għas-servizzi soċjali fi ħdan il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. 3.1. Proġetti
appoġġjati mill-programm PROGRESS Mill-2008 sal-2010, il-programm PROGRESS iffinanzja tmien proġetti biex
tiġi żviluppata l-għodda għad-definizzjoni, l-kejl, il-valutazzjoni u t-titjib
tal-kwalità tas-servizi soċjali b’enfasi speċjali fuq il-kura fit-tul.
Il-proġetti kollha kellhom sħubijiet transnazzjonali u saret kondiviżjoni
tal-prassi t-tajba fost l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tas-servizzi u
atturi oħra bi sfondi kulturali differenti u li jittrattaw ma’ kuntesti legali
u amministrattivi differenti u kondizzjonijiet soċjoekonomiċi differenti.
Prattikalment, il-proġetti kollha enfasizzaw l-importanza li jkunu involuti
l-utenti fid-definizzjoni u l-evalwazzjoni tal-kwalità tas-servizzi soċjali[32]. Fl-2012
il-Kummissjoni se tappoġġja għadd ta’ proġetti transnazzjonali ġodda permezz
tal-programm PROGRESS immirati għall-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità
Ewropew volontarju fi Stati Membri differenti u f’varjetà ta’ setturi; 3.2. Il-Kumitat
tal-Protezzjoni Soċjali: il-Qafas ta’ Kwalità Ewropew volontarju għas-servizzi
soċjali F’Ottubru 2010, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali adotta Qafas ta’
Kwalità Ewropew volontarju għas-servizzi soċjali. Dan jimmira li joħloq
għarfien komuni tal-kwalità ta’ dawn is-servizzi fi ħdan l-UE. Dan hu mfassal
biex ikun flessibbli biżżejjed biex jiġi applikat għall-varjetà ta’ servizzi
soċjali fil-kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri kollha u
biex ikun kompatibbli mal-approċċi tal-kwalità nazzjonali eżistenti. Huwa
jidentifika l-prinċipji u l-kriterji li servizz soċjali għandu jikkonforma
magħhom biex jindirizza l-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-utenti tas-servizz.
Il-Qafas jinkludi wkoll elementi għal metodoloġija li għandhom jgħinu
lill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżviluppaw fil-livell xieraq għodda ta’
kwalità (standards jew indikaturi) għad-definizzjoni, l-kejl u l-evalwazzjoni
tal-kwalità tas-servizzi soċjali. Il-qafas jinkludi enfażi fuq id-drittijiet u
jista’ jgħin, pereżempju, sabiex tiżdied il-protezzjoni tad-drittijiet
tat-tfal, meta jimxu minn kura tat-tfal istituzzjonali għal-sistemi ta’ kura
alternattivi. 3.3. Statut għal Fondazzjoni Ewropea Il-fondazzjonijiet li jkollhom l-għoti ta’ benefiċċju pubbliku bħala
l-missjoni tagħhom għandhom rwol dejjem akbar biex jipprovdu u jiffinanzjaw
servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-UE. Madankollu, dawn xorta jiffaċċjaw
diffikultajiet meta jiġu biex jistabbilixxu rwieħhom fi Stati Membri oħra jew
biex jiġbru flimkien l-assi tagħhom fuq bażi transkonfinali. Hemm bżonn li
l-fondazzjonijiet ta’ interess ġenerali jitħallew jiġu stabbiliti, joperaw u
jiffinanzjaw lilhom infushom fuq bażi transkonfinali, filwaqt li jkunu soġġetti
għal sorveljanza kif xieraq. Dan ikun jippermettilhom li jnaqqsu l-piżijiet
amministrattivi kkawżati mill-kumplessità tat-tħaddim tal-operazzjonijiet fi
Stati Membri differenti. Konsegwentement dan iwassal għal aktar riżorsi lura
f’idejhom biex jippromwovu l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Biex twassal dawn il-benefiċċji, il-Kummissjoni se tressaq proposta
fl-2012 biex toħloq Statut għall-Fondazzjonijiet Ewropej, li se jkun jeżisti
flimkien mal-formoli nazzjonali u jkun fakultattiv.
4.
Konklużjonijiet
Il-kriżi ekonomika
u finanzjarja attwali hija tfakkira tar-rwol ċentrali li s-servizzi ta’
interess ġenerali jaqdu fl-iżgurar tal-koeżjoni soċjali u territorjali.
Fl-istess ħin, il-kriżi qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-settur pubbliku
hekk kif il-finanzi qed jingħasru, u huwa essenzjali li jsir kull sforz sabiex
dawn is-servizzi jibqgħu jingħataw filwaqt li titjieb il-kwalità tagħhom. Din
il-Komunikazzjoni turi li t-Trattati jipprovdu lill-istituzzjonijiet Ewropej u
l-Istati Membri bl-għodda legali neċessarja biex iwettqu dan. Il-Kummissjoni
Ewropea hija impenjata bis-sħiħ biex taqdi r-rwol tagħha billi ddaħħal fis-seħħ
qafas ta’ kwalità għal dawn is-servizzi, kif ħareġ miż-żewġ proposti dwar
ir-reviżjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat applikabbli għal servizzi ta’
interess ekonomiku ġenerali u dwar l-akkwisti pubbliċi u l-konċessjonijiet li
hija ressqet flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. Se tipprovdi wkoll serje ta’
azzjonijiet oħra fix-xhur li ġejjin li meħuda flimkien se jagħtu lill-UE qafas
tajjeb ta' kwalità għas-SIĠ fis-snin li ġejjin. Se tiżvolġi din il-ħidma bħala
parti mill-impenn usa’ tagħha biex tpoġġi l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni
soċjali fil-qalba tal-ħidma tagħha skont l-istrateġija Ewropa 2020, kif deher
l-aktar reċentement fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali[33] tagħha li tappoġġja l-iżvilupp
ta’ metodi ġodda u soċjalment innovattivi ta’ kif isir in-negozju u jiġu
pprovduti s-servizzi. [1] Teżisti leġiżlazzjoni tal-UE, notevolment fil-qasam
tal-migrazzjoni, li tiżgura li - soġġett għal ċerti kondizzjonijiet - ċerti
kategoriji ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi residenti b’mod
legali jgawdu minn trattament ugwali bħall-persuni nazzjonali f’dak li
jirrigwarda l-aċċess għal u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi li huma
disponibbli għall-pubbliku. [2] "Linji
gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss". Brussell,
it-3 ta’ Settembru 2009. [3] "Linji
gwida politiċi …", paġna 24. [4] "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti,
sostenibbli u inklużiv", COM(2010) 2020. [5] "Att
dwar is-Suq Uniku: tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar
tal-fiduċja", (COM(2011) 206) [6] "L-Implimentazzjoni
tal-programm Komunitarju ta’ Lisbona: Is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali
fl-Unjoni Ewropea", (COM(2006) 177 finali
tas-26 ta’ April 2006). [7] Il-Kawżi
Magħquda C-180/98 sa C-184/98 Pavlov u Oħrajn [2000] ECR I-6451,
il-paragrafu 118; Il-Kawża C-218/00 Cisal u INAIL [2002]
ECR I-691, il-paragrafu 37; u l-Kawża C-355/00 Freskot
[2003] I-5263. [8] Eżempju
reċenti huwa r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-ġejjieni tas-servizzi soċjali ta’
interess ġenerali (2009/2222 (INI)), il-punt 48: "Iqis li
regolament ta’ qafas tal-UE dwar is-SIEĠ, li huwa permess skont
l-Artikolu 14 tat-TFUE, mhuwiex kwistjoni ċentrali attwalment". [9] Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 14 tat-TFUE
jagħmel ċar li l-applikazzjoni tiegħu hija mingħajr preġudizzju
għall-Artikoli 93, 106 u 107 tat-TFUE li jistabbilixxu r-rwol
tal-Kummissjoni Ewropea fil-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u
l-kondizzjonijiet taħt liema jistgħu jingħataw derogi mill-applikazzjoni ta’
dan il-kontroll għas-SIEĠ. Dan huwa spjegat aktar fil-Komunikazzjoni dwar
l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istati Ewropej għall-kumpens
mogħti għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali
(C(2011)9404) adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. [10] Il-gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar
l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għal servizzi ta’
interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari għas-servizzi soċjali ta’
interess ġenerali (SEC(2010) 1545. [11] "Ir-Rapport mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali
dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja għas-SSIĠ"
ta’ Novembru 2008 [12] Ara: http://ec.europa.eu/services_general_interest/index_en.htm [13] http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6457&langId=mt [14] Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/gpp/buying_handbook_en.htm [15] Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE
tal-akkwist pubbliku għar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kontraenti
("Kooperazzjoni bejn oqsma pubbliċi differenti")
SEC(2011) 1169 finali, tal-4 ta’ Ottubru 2011. [16] L-SWD – L-Ewwel u t-Tieni Rapporti Biennali dwar
is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, SEC(2008) 2179 u
(SEC(2010) 1284 [17] http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/editions/docs/6th_edition_scoreboard_en.pdf. Għal uħud minn dawn is-servizzi, bħall-elettriku jew il-kontijiet
bankarji, il-Kummissjoni wettqet studji fil-fond tas-suq (disponibbli fuq
l-istess websajt). [18] Id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar
it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji [19] Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tal-10 ta’ Awwissu 2010 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi
Ewropej għas-Servizzi tal-Posta, il-ĠU C 217. [20] Id-dokumenti huma disponibbli fuq il-websajt tal-GREP: http://ec.europa.eu/internal_market/ergp/index_en.htm [21] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għal
kont bażiku ta’ ħlas (C(2011)4977). [22] Ir-Regolament
(KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’
servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar
id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta
jivvjaġġaw bl-ajru; Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi
tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar
ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70; Ir-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li
japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport
marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu). [23] White Paper - Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea
tat-Trasport Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod
effiċjenti. COM(2011) 144 [24] Id-Direttiva
2009/72/KE dwar l-elettriku u 2009/73/KE dwar il-gass naturali. [25] http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/forum_citizen_energy_en.htm [26] SEC(2010) 1407 finali,
tal-11 ta’ Novembru 2010. [27] Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u
d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’
komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif emendata
permezz tad-Direttiva 2009/136/KE. [28] "Servizz universali fil-komunikazzjonijiet
elettroniċi: rapport dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika u t-tielet
reviżjoni perjodika tal-kamp ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva
2002/22/KE" (COM(2011) 795 finali
tat-23 ta’ Novembru 2001). [29] Innota li l-paragrafi 20 sa 30 tal-Linji Gwida
Komunitarji għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
fir-rigward tal-għoti malajr ta’ netwerks tal-broadband (Il-ĠU C 235 tat-30 ta’ Settembru 2009,
p. 7) jagħmlu referenza speċifika għad-definizzjoni tas-SIEĠ fis-settur
tal-komunikazzjoni elettronika. [30] “Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi
soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid"
(COM(2007) 725 finali tal-20 ta’ Novembru 2007). [31] PROGRESS huwa programm tal-UE għall-impjiegi u
s-solidarjetà soċjali li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni
tal-għanijiet tal-Aġenda Soċjali tal-Unjoni Ewropea. [32] Id-Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "It-Tieni Rapport Biennali dwar
is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali"
(SEC(2010) 1284 finali, tat-22 ta’ Ottubru, pp. 59-66. [33] "L-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – sabiex jinħoloq
ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali, partijiet interessati ewlenin
fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni" (COM(2011) 682 finali
tal-25 ta’ Ottubru 2011)