EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0878

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Rapport dwar l-Implimentazzjoni u l-Effett tad-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid (2001/84/KE)

/* COM/2011/0878 finali/2 */

52011DC0878

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Rapport dwar l-Implimentazzjoni u l-Effett tad-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid (2001/84/KE) /* COM/2011/0878 finali/2 */


WERREJ

1. Introduzzjoni 3

1.1. L-għanijiet tad-Direttiva 3

1.2. L-għan ta’ dan ir-Rapport 3

1.3. Kwistjonijiet proċedurali u konsultazzjoni tal-partijiet interessati 4

2. L-Effetti tad-Direttiva 4

2.1. Sfond – is-Suq Globali tal-Arti 4

2.2. Il-kompetittività tas-suq fl-arti moderna u kontemporanja fl-UE fir-rigward tas-swieq rilevanti li ma japplikawx id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid 5

2.2.1. Il-bejgħ b’irkant tax-xogħlijiet ta’ artisti ħajjin 5

2.2.2. Il-bejgħ b’irkant tax-xogħlijiet ta’ artisti mejtin fi żmien 70 sena mid-data tal-bejgħ 6

2.3. L-Impatt fuq is-Suq Intern 6

2.3.1. Il-bejgħ b’irkant tax-xogħlijiet ta’ artisti ħajjin u mejtin 6

2.3.2. Tibdiliet fl-ishma kumplessivi tas-suq 7

2.4. Fatturi li jaffettwaw l-iżvilupp tas-swieq tal-arti 7

2.4.1. Il-mobilità fil-kategoriji ta’ prezzijiet ogħla 8

2.4.2. Il-piż amministrattiv fil-kategoriji ta’ prezzijiet aktar baxxi 8

3. Kwistjonijiet ta’ Implimentazzjoni fil-Livell Nazzjonali 8

3.1. Ir-rati tar-royalties 8

3.2. Proċeduri ta’ ġestjoni 9

3.2.1. Spejjeż amministrattivi 9

3.2.2. Spejjeż għas-soċjetajiet kolletturi 10

3.2.3. L-"effett ta’ kaskata" 10

4. L-Impatt fuq l-Artisti 10

4.1. Il-benefiċċji u l-ispejjeż għall-artisti 10

5. Konklużjonijiet 11

5.1. Il-kompetittività tas-swieq Ewropej 11

Anness 1 13

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Rapport dwar l-Implimentazzjoni u l-Effett tad-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid (2001/84/KE)

INTRODUZZJONI

L-għanijiet tad-Direttiva

Id-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid (2001/84/KE tas-27 ta’ Settembru 2001) (' id-Direttiva' ) tfasslet għal żewġ għanijiet ewlenin: biex "jassigura li l-awturi ta’ xogħlijiet tal-arti [grafiċi] u figurattivi jaqsmu s-suċċess ekonomiku tax-xogħlijiet oriġinali tal-arti tagħhom"[1] u min-naħa l-oħra, biex tarmonizza l-applikazzjoni tad-dritt madwar l-UE kollha. Kien meqjus li "L-applikazzjoni jew nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dritt bħal dan għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent kompetittiv fi ħdan is-suq intern, minħabba li l-eżistenza jew nuqqas ta’ obbligazzjoni għal ħlas fuq il-bażi tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid hija element li għandu jingħata każ tiegħu minn kull individwu li jixtieq ibiegħ xogħol tal-arti. Dan id-dritt huwa għalhekk fattur li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tgħawwiġ fil-kompetizzjoni kif ukoll l-ispjazzament ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità."[2].

Id-Direttiva, li hija konsistenti ma’ dawn il-miri, ippromwoviet l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet sostantivi għall-applikazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid: (i) l-eliġibbiltà u t-tul ta’ żmien tal-protezzjoni; (ii) il-kategoriji tax-xogħlijiet tal-arti li għalihom japplika d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid; (iii) il-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti li għandhom ikunu koperti, jiġifieri l-atti kollha li jinvolvu negozjanti f’xogħlijiet tal-arti; (iv) ir-rati tar-royalties applikabbli fil-meded bi prezzijiet definiti; (v) il-limitu massimu għal prezz minimu ta’ bejgħ mill-ġdid li għalih japplika d-dritt (EUR 3 000); u (vi) dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li huma intitolati jirċievu r-royalties. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006.

Fiż-żmien li ntlaħaq ftehim dwar id-Direttiva, 4 minn fost 15-il Stat Membru ta’ dak iż-żmien ma applikawx id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fil-liġi nazzjonali: l-Awstrija, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit. Dawn l-Istati Membri gawdew minn perjodu tranżizzjonali sal-1 ta’ Jannar 2010, li matulu setgħu jagħżlu li ma japplikawx id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għax-xogħlijiet ta’ artisti mejtin eliġibbli. Dawn l-Istati Membri, flimkien ma’ Malta, għamlu użu minn din id-dispożizzjoni, u mill-għażla li jestendu l-perjodu tad-deroga għal sentejn oħra. Din id-deroga tiġi fi tmiemha fl-1 ta’ Jannar 2012, meta d-Direttiva trid tkun implimentata b’mod sħiħ fl-Istati Membri kollha.

L-għan ta’ dan ir-Rapport

L-Artikolu 11 tad-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-implimentazzjoni u l-effett tad-Direttiva. Dan ir-rapport iwieġeb għal dik il-ħtieġa. B’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11, dan ir-Rapport jeżamina b’mod partikolari l-impatt tad-Direttiva fuq is-suq intern u l-effett tal-introduzzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid f’dawk l-Istati Membri li ma applikawx id-dritt fil-liġi nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Huwa jagħti attenzjoni partikolari għall-pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward tas-swieq rilevanti li ma japplikawx id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, jivvaluta l-irwol tad-Direttiva fit-trawwim tal-kreattività artistika u janalizza s-sitwazzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta’ ġestjoni fl-Istati Membri.

Kwistjonijiet proċedurali u konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Fit-tħejjija ta’ dan ir-Rapport, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-kwistjonijiet ewlenin kollha identifikati fl-Artikolu 11, inkluż li tfittex informazzjoni mill-Istati Membri.

Waslu 503 reazzjonijiet għall-pubblikazzjoni. Il-maġġoranza kbira ta’ dawn (422) kienu minn ċittadini – suċċessuri tal-artisti fit-titolu (248, primarjament fi Franza u l-Italja) u artisti (174, primarjament minn Franza u r-Renju Unit). Waslu wkoll reazzjonijiet minn professjonisti fis-suq tal-arti (48), soċjetajiet kolletturi, assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-artisti u xi awtoritajiet pubbliċi.

L-EFFETTI TAD-DIRETTIVA

Sfond – is-Suq Globali tal-Arti

Is-suq globali tal-arti u tal-antikitajiet, inklużi kemm il-belle arti kif ukoll l-arti dekorattiva, kellu valur ta’ EUR 43 biljun fl-2010, sena meta rritorna għal-livell tiegħu tal-2008 wara sena ta’ "kriżi" fl-2009 (meta l-bejgħ kien naqas għal €28 biljun)[3].

L-UE kellha sehem mill-valur tas-suq globali ta’ 37% fl-2010, segwita mill-Istati Uniti (34%) u ċ-Ċina (23%)[4]. L-aktar tendenza notevoli fis-suq globali tal-arti u tal-antikitajiet matul l-aħħar sitt snin hija ż-żieda drammatika fis-sehem Ċiniż tas-suq minn 5% fl-2006 u l-waqgħa konkomitanti fl-ishma tas-suq tal-Istati Uniti u tal-UE (ara l-Figura 1 fl-Anness 1).

Il-bejgħ fis-suq tal-arti żdied bi 13% għal 35 miljun tranżazzjoni fl-2010. Il-bejgħ globali huwa maqsum bejn il-bejgħ b’irkant (49% fl-2010) u l-bejgħ minn negozjanti (51%). Fl-2010, il-bejgħ b’irkant laħaq valur globali ta’ madwar EUR 21 biljun, filwaqt li l-bejgħ mill-irkant tal-belle arti[5] laħaq valur ta’ madwar EUR 7 biljun. Ara t-Tabella 1 fl-Anness.

Is-suq tal-arti u tal-antikitajiet b’mod ġenerali jagħmel kontribuzzjoni sinjifikanti għall-ekonomija globali mhux biss f’termini ta’ fatturat, iżda wkoll f’termini tan-negozji li jsostni u l-impjiegi u l-ħiliet li jiġġenera direttament u indirettament. Arts Economics stmat li fl-2010 kien hemm madwar 400 000 negozju rreġistrat (postijiet fejn isiru l-irkanti, negozjanti) madwar id-dinja; u fl-UE kien hemm ’il fuq minn 59,000 negozju, inklużi 4,000 post tal-irkant u 55,000 negozjant li jimpjegaw kważi 270,000 ruħ u li b’mod konservattiv jappoġġjaw madwar 110,000 impjieg f’servizzi anċillari u ta’ appoġġ użati direttament mill-kummerċ tal-arti.

Il-kompetittività tas-suq fl-arti moderna u kontemporanja fl-UE fir-rigward tas-swieq rilevanti li ma japplikawx id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid

Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jaffettwa direttament biss il-kummerċ fil-belle arti Moderna u Kontemporanja, jiġifieri xogħlijiet minn artisti ħajjin mill-UE, jew minn artisti mejtin mill-UE fi żmien 70 sena mill-bejgħ tagħhom. Xogħlijiet soġġetti għad-dritt ta' bejgħ mill-ġdid fl-2010 globalment kienu jgħoddu għal madwar EUR 2.1 biljun f'bejgħ minn irkanti. Fl-UE dawn ix-xogħlijiet ammontaw għal 50% tal-valur tal-bejgħ bl-irkant ta’ belle arti fl-2010[6], imqabbla ma’ 35% tal-bejgħ fl-Istati Uniti, 25% fl-Isvizzera u 3% tal-bejgħ fil-bqija tad-dinja. Ara t-Tabella 1 fl-Anness.

Il-bejgħ b’irkant tax-xogħlijiet ta’ artisti ħajjin

Il-bejgħ b’irkant globali tax-xogħlijiet tal-arti tal-artisti ħajjin kollha fl-2010 kien jammonta għal madwar EUR 1 biljun, bl-UE tgħodd għal kważi terz ta’ dan il-bejgħ. Il-bejgħ b’irkant globali tax-xogħlijiet tal-artisti ħajjin fl-UE kien jammonta għal terz tal-valur tal-bejgħ tax-xogħlijiet tal-artisti ħajjin fl-2010 (EUR 340 miljun)[7].

Il-bejgħ b’irkant ta’ xogħlijiet tal-belle arti tal-artisti ħajjin kollha żdied b’136% fil-valur matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2010. It-tkabbir fl-Istati Uniti u fl-UE kien taħt il-medja (60% u 92% rispettivament) filwaqt li l-Isvizzera u ċ-Ċina t-tnejn irreġistraw rati ta’ tkabbir għolja ta’ 334% u 646% rispettivament[8].

L-UE tilfet sehem fis-suq globali għal bejgħ b’irkant tax-xogħlijiet ta’ artisti ħajjin matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2010, bi tnaqqis minn 37% għal 30%, primarjament bħala riżultat tat-telf tar-Renju Unit mis-sehem fis-suq minn 27% għal 20%. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti kellhom telf mis-sehem fis-suq, bi tnaqqis minn 54% għal 37%, filwaqt li ċ-Ċina rreġistrat sehem ogħla b’żieda minn 8% għal 24%. Is-sehem fis-suq tal-Isvizzera żdied bi ftit minn 0.3% għal 0.5%.

L-UE kompliet titlef mis-sehem fis-suq fil-bejgħ ta’ xogħlijiet ta’ artisti ħajjin fl-UE matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2010[9]. Dan segwa sehem għoli mis-suq fir-Renju Unit ta’ 62% fl-2008, 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Fl-istess ħin, is-sehem fis-suq tal-Istati Uniti żdied b’5 punti perċentwali għal 28%; u xi Stati Membri li implimentaw id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fl-2006 għall-artisti ħajjin mill-UE wkoll raw l-ishma fis-swieq tagħhom jiżdiedu matul dan il-perjodu (l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Italja[10]). Ara t-Tabella 1. Meta nħarsu lejn id-dejta disponibbli fuq perjodu ta’ żmien itwal, is-sehem tal-UE mis-suq tax-xogħlijiet tal-artisti ħajjin mill-UE żdied minn 60% fl-2002 għal 66% fl-2010, u s-sehem fis-suq tar-Renju Unit żdied minn 40% għal 42%.

Fid-dawl tal-movimenti usa’ fis-swieq tal-arti Kontemporanja (u inġenerali), bħalissa ma hemmx biżżejjed evidenza li tindika li t-telf tas-sehem fis-suq tal-UE għal xogħlijiet ta’ artisti ħajjin matul il-perjodu inkwistjoni huwa direttament attribwit għall-armonizzazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fl-2006 (ara aktar dwar dan taħt it-Taqsima 2.4 ta’ hawn taħt).

Il-bejgħ b’irkant tax-xogħlijiet ta’ artisti mejtin fi żmien 70 sena mid-data tal-bejgħ

Il-bejgħ b’irkant globali ta’ xogħlijiet tal-arti "Moderna" (ta’ artisti mwielda bejn l-1875 u l-1945) kien jammonta għal madwar EUR 3.5 biljun fl-2010. Is-suq tal-"eredi" tal-UE (xogħlijiet ta’ artisti li mietu fi żmien 70 sena mid-data tal-bejgħ) kien jammonta għal EUR 1 biljun ta’ dan il-bejgħ.

B’mod ġenerali, is-suq kiber b’126% matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2010. Il-bejgħ fl-Isvizzera, l-Istati Uniti u l-UE żdied b’25%, 69% u 85% rispettivament kontra r-rata għolja ħafna ta’ tkabbir fiċ-Ċina ta’ aktar minn 1300%. L-UE kellha telf fis-sehem tas-suq globali, għal darba oħra l-aktar bħala riżultat tat-telf mis-sehem tas-suq tar-Renju Unit (minn 27% għal 20%), l-istess kif kellhom l-Istati Uniti u l-Isvizzera. Is-sehem Ċiniż tas-suq kellu żieda drammatika minn 4% għal 23%.

Fir-rigward tas-suq tal-"eredi" tal-UE, huwa innotat li r-Renju Unit ġarrab telf fis-sehem mis-suq, b’5 punti perċentwali għal 37%, matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2010 fin-nuqqas tal-applikazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għas-suq tal-"eredi" (u tabilħaqq, ir-Renju Unit ġarrab telf sinifikanti mis-sehem tas-suq fis-suq usa’ għall-artisti mejtin matul l-istess perjodu, minn 34% għal 20%). Is-sehem mis-suq tal-Istati Uniti żdied b’5 punti perċentwali fl-istess perjodu, filwaqt li l-ishma mis-suq ta’ Stati Membri oħrajn tal-UE (kemm jekk japplikaw jew ma japplikawx id-dritt għall-eredi) baqgħu stabbli. Bħalissa ma hemm ebda xejra dixxernibbli li tissuġġerixxi li l-Istati Membri li ma jimponux ir-royalties fuq ix-xogħlijiet ta’ artisti mejtin kellhom prestazzjoni aħjar matul il-perjodu minn dawk li jagħmlu dan. Ara t-Tabella 1 fl-Anness.

L-Impatt fuq is-Suq Intern

Fid-dawl tal-aspettattiva li l-applikazzjoni mhux armonizzata tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ikkontribwixxiet għal "spustament tal-bejgħ" fi ħdan l-UE, il-Kummissjoni fittxet li tidentifika jekk inħolqitx xi diverżjoni kummerċjali lil hemm minn dawk l-Istati Membri li introduċew id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għax-xogħlijiet ta’ artisti ħajjin l-ewwel darba fl-2006 u lejn Stati Membri oħrajn; u jekk dawk l-Istati Membri li għandhom deroga sal-1 ta’ Jannar 2012 dehrux li għandhom vantaġġ komparattiv fil-bejgħ tax-xogħlijiet ta’ artisti mejtin. Il-Kummissjoni stħarrġet is-settijiet ta’ dejta disponibbli għall-perjodu bejn l-2005 u l-2010.

Il-bejgħ b’irkant tax-xogħlijiet ta’ artisti ħajjin u mejtin

Is-swieq tal-arti madwar l-UE jvarjaw minn xulxin fin-natura u fl-istruttura tagħhom. Pereżempju, filwaqt li r-Renju Unit għandu l-ogħla sehem mis-suq tal-UE skont il-valur tal-bejgħ b’irkant f’xogħlijiet li huma eliġibbli għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid (64% fl-2010), segwit minn Franza (12%) u l-Ġermanja (5%), l-akbar volum ta’ tranżazzjonijiet kien fi Franza (26%)[11].

B’kollox, kien hemm madwar 65,000 tranżazzjoni ta’ irkant li kienu eliġibbli għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fl-2010, li madwar żewġ terzi minnhom kienu bejgħ ta’ xogħlijiet ta’ artisti mejtin u t-terz l-ieħor bejgħ ta’ xogħlijiet ta’ artisti ħajjin. Ara t-Tabella 1 fl-Anness.

Jekk inħarsu kemm lejn il-valur kif ukoll lejn il-volum tal-bejgħ b’irkant ta’ xogħlijiet minn artisti ħajjin matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2010, ma jista’ jiġi stabbilit ebda mudell ċar li jindika li kien hemm diverżjoni kummerċjali sistematika fi ħdan l-UE, lil hemm minn dawk l-Istati Membri li introduċew id-dritt għall-artisti ħajjin fl-2006.

Ir-Renju Unit tilef sehem mis-suq meta mqabbel mal-2005 għal bejgħ ta' xogħlijiet ta’ artisti kemm ħajjin kif ukoll mejtin. Ir-Renju Unit tilef ukoll mis-sehem tas-suq tal-UE bejn l-2008 u l-2010 għal xogħlijiet ta’ artisti ħajjin eliġibbli għal bejgħ mill-ġdid, għalkemm is-sehem mis-suq tar-Renju Unit laħaq il-quċċata f’valur għoli ta’ 61% fl-2008, jiġifieri tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Madankollu, Stati Membri oħrajn li implimentaw id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-ewwel darba (l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Italja) kisbu wkoll sehem mis-suq għas-spejjeż tar-Renju Unit matul dan il-perjodu. Huwa nnotat ukoll li r-Renju Unit tilef mis-sehem mis-suq tal-UE għax-xogħlijiet ta’ artisti mejtin kemm matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2010 kif ukoll bejn l-2008 u l-2010. Mill-Istati Membri li diġà implimentaw id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, kemm Franza kif ukoll il-Ġermanja żiedu ftit is-sehem mis-suq tal-arrtisti ħajjin fl-UE matul l-2008-2010 (minn 5% għal 7% u minn 3% għal 4% rispettivament), filwaqt li "l-bqija tal-UE" baqgħet stabbli bi 2%. Fir-rigward ta' xogħlijiet ta' artisti mejtin, l-ishma mis-suq baqgħu l-istess. Ara t-Tabella 1 fl-Anness.

Tibdiliet fl-ishma kumplessivi tas-suq

Bl-istess mod, fir-rigward tas-sehem fis-suq kollu kemm hu (lil hinn mill-irkanti) matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2010, ma jistgħu jiġu stabbilit l-ebda xejriet ċari. L-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Italja raw żieda żgħira fis-sehem mis-suq tal-UE għax-xogħlijiet ta’ artisti ħajjin, filwaqt li s-sehem tar-Renju Unit naqas b’mod sinjifikanti, l-istess bħall-kontrazzjoni tas-suq usa’ tar-Renju Unit.

Il-bidliet fl-ishma tas-suq għan-negozju fix-xogħlijiet ta’ artisti mejtin juru stampa mħallta simili. Is-sehem mis-suq tar-Renju Unit naqas bl-istess grad bħall-kontrazzjoni tas-suq usa’; l-ishma tas-suq tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi naqsu bi ftit; filwaqt li dawk ta’ Franza, tal-Awstrija u tal-Italja żdiedu.

Fatturi li jaffettwaw l-iżvilupp tas-swieq tal-arti

Ħafna partijiet interessati enfasizzaw il-fatt li l-karatteristiċi tas-swieq differenti tal-arti, l-iżvilupp tagħhom u l-kompetittività relattiva tas-swieq jiddependu fuq firxa wiesgħa ta’ fatturi. Is-sistema tat-tassazzjoni usa’, inkluża l-applikazzjoni tal-VAT, jista’ jkollha rwol sinjifikanti. Fl-UE huwa nnotatt li r-rati tal-VAT ivarjaw ħafna minn 15% sa 25%. Issemmew ir-rati ta’ kummissjoni u l-ispejjeż amministrattivi, inklużi dawk relatati mal-amministrazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

Hemm kwistjonijiet oħrajn li huma rilevanti. Is-swieq tal-arti huma suxxettibbli għal bidliet fil-gosti u għal bidliet fil-perċezzjoni tal-valur tal-investiment fl-arti. F’dan il-kuntest, id-disponibbiltà ta’ għarfien espert, l-ispeċjalizzazzjoni ta’ kwalunkwe suq partikolari, il-fiduċja u l-kuntatti jibqgħu fatturi importanti. L-iżviluppi fit-tqassim globali tal-ġid jistgħu jkunu rilevanti, kif turi b’mod partikolari ż-żieda tas-swieq Ċiniżi tal-arti. Fl-istess ħin, issemmiet ukoll il-mobilità tas-suq tal-arti, inkluża l-attrazzjoni dejjem tikber ta’ fieri nazzjonali u internazzjonali tal-arti fis-settur tan-negozjanti.

Il-mobilità fil-kategoriji ta’ prezzijiet ogħla

Barra minn hekk, is-suq globali tal-arti huwa kkaratterizzat minn ftit "ċentri globali tas-suq" fejn tinxtara u tinbiegħ arti tal-ogħla valur – ’il fuq minn EUR 50 000. Dawn iċ-ċentri, li għandhom l-akbar sehem tal-bejgħ fil-meded ta’ prezzijiet ogħla, jinkludu l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Renju Unit. Dan huwa kkonfermat mill-prezzijiet tal-bejgħ ogħla mill-medja f’dawn il-pajjiżi (Ara l-Figura 2 fl-Anness), u mill-fatt li għadd żgħir ta’ bejgħ jammonta għal perċentwal għoli tal-valur tat-tranżazzjonijiet.

Ħafna minn dawk li wieġbu nnotaw li l-bejgħ tax-xogħlijiet bi prezz ogħla huwa aktar suxxettibbli għal pressjonijiet kompetittivi internazzjonali, u li huwa aktar probabbli li l-imposti marbuta ma’ tali bejgħ iwasslu lill-bejjiegħa biex jiddevjaw il-bejgħ lejn swieq fejn l-ispejjeż kumplessivi tat-tranżazzjoni jkunu aktar baxxi, anki meta jitqiesu l-ispejjeż tat-trasport[12]. F’dan ir-rigward, id-djar tal-irkant innotaw każijiet ta’ klijenti li jagħżlu li jirrilokaw il-bejgħ lejn New York u semmew id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid bħala fattur ta’ spiża f’dik id-deċiżjoni. Is-settur tan-negozjanti nnota tendenza li t-tranżazzjonijiet jiċċaqalqu lejn waħda mill-fieri internazzjonali tal-arti li qegħdin dejjem jiżdiedu, b’Art Basel tissemma bħala eżempju. Fil-qosor, il-bejjiegħa ovvjament jieħdu n-negozju tagħhom f’dawk is-swieq fejn it-tranżazzjoni tkun tal-akbar benefiċċju, u d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid huwa wieħed minn għadd ta’ fatturi li għandhom irwol fl-għażla tal-post fejn isir il-bejgħ.

Il-piż amministrattiv fil-kategoriji ta’ prezzijiet aktar baxxi

L-akbar volum ta’ kummerċ bla dubju ta' xejn isir fit-tarf l-aktar baxx tas-suq, jiġifieri primarjament is-swieq "domestiċi" li għandhom it-tendenza li jaraw volum għoli ta’ bejgħ b’valur baxx. Dawn is-swieq jistgħu jkunu nazzjonali jew jistgħu jaħdmu b'mod parallel ma’ swieq internazzjonali (Londra hija eżempju ta’ dan) u huma komunament ibbażati fuq volum għoli ta’ bejgħ b’valur aktar baxx, fil-biċċa l-kbira pprovdut lokalment u fil-maġġoranza tagħhom mibjugħa lil xerrejja lokali (ara l-Figura 3 fl-Anness). Kien innotat li dawn is-swieq għandhom it-tendenza li jkunu ddominati minn negozji iżgħar li huma vulnerabbli għal piżijiet regolatorji li jżidulhom l-ispejjeż. Din il-kwistjoni hija esplorata fit-Taqsima 3 hawn taħt.

KWISTJONIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI FIL-LIVELL NAZZJONALI

Ir-rati tar-royalties

Il-mira prinċipali tad-Direttiva kienet l-armonizzazzjoni tar-rati tar-royalties applikabbli f’ħames meded identifikati bil-għan li tiġi armonizzata l-applikazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid minħabba li d-disparitajiet kienu joħolqu distorżjoni tat-termini tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Ma kien hemm ebda parti interessata li indikat li għandhom jiġu emendati l-meded u r-rati tar-royalties, jew li għandha titneħħa r-rata diskrezzjonarja ta’ 5% għall-bejgħ b’valur inqas minn EUR 5,000.

Fir-rigward tal-limitu minimu għall-applikazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, ir-rati jvarjaw bejn EUR 15 u EUR 3 000. Ma ġiet ippreżentata ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-varjazzjonijiet fil-livell nazzjonali kellhom effett negattiv fuq il-kummerċ ġewwa l-UE.

Proċeduri ta’ ġestjoni

Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għall-ġestjoni kollettiva obbligatorja jew fakultattiva tar-royalty għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri jipprovdu għall-ġestjoni kollettiva obbligatorja tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, għadd sinjifikanti oħrajn għażlu li jmorru għal ġestjoni kollettiva fakultattiva. Il-partijiet interessati ma kkontestawx il-kamp ta’ applikazzjoni għall-approċċi differenti għall-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi.

Lil hinn minn dan, id-Direttiva ma tgħid xejn dwar l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tad-dritt. Fis-sistemi nazzjonali hemm diverġenzi sinifikanti li jirriżultaw f’differenzi f’termini ta’ faċilità u spiża tal-amministrazzjoni, kemm għall-professjonisti fis-suq tal-arti kif ukoll għas-soċjetajiet kolletturi li jamministraw id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

Spejjeż amministrattivi

Bosta professjonisti fis-suq tal-arti qajmu l-kwistjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni. Kien enfasizzat li b’mod partikolari l-SMEs, li normalment ikollhom sehem ogħla fis-suq f’termini ta’ volum milli f’termini ta’ valur, isofru minn spejjeż amministrattivi għoljin li jinħolqu minn kull tranżazzjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li kien hemm aktar minn 65,000 tranżazzjoni ta’ bejgħ b’irkant eliġibbli fl-2010 biss. L-ispejjeż għall-amministrazzjoni tad-dritt kienu stmati li jlaħħqu sa EUR 50 għal kull tranżazzjoni. Dawn huma primarjament spejjeż tal-persunal assoċjati ma’ (i) id-determinazzjoni tal-artisti li jikkwalifikaw; (ii) id-determinazzjoni u l-ittraċċar tal-eredi u ta’ detenturi oħrajn tad-dritt u (iii) l-ipproċessar ta' omissjonijiet u rifużjonijiet; flimkien mal-ispejjeż tas-sistema tal-IT.

L-akbar fattur waħdieni jidher li huwa d-determinazzjoni tal-artisti li jikkwalifikaw. Filwaqt li s-soċjetajiet kolletturi f’xi Stati Membri jżommu reġistri eċċellenti, hemm oħrajn li jonqsu milli jżommu din id-dejta jew li jagħmluha disponibbli b’mod effiċjenti. Xi soċjetajiet kolletturi jippubblikaw listi ta’ detenturi tad-drittijiet li jkunu kkonkludew kuntratt magħhom u li huma intitolati biex jirċievu royalties għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Fl-Istati Membri fejn ir-reġistrazzjoni tal-artist ma’ soċjetà kollettriċi hija prekondizzjoni għall-ħlas tar-royalties għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, is-soċjetajiet kolletturi jistgħu jipprovdu lista sħiħa ta’ benefiċjarji potenzjali.

Meta s-soċjetajiet kolletturi ma jagħmlux l-informazzjoni disponibbli b’mod sistematiku u komprensiv, il-kompitu jidher li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-professjonisti tas-suq biex jagħmlu r-riċerka huma stess. Is-sitwazzjoni fir-rigward tad-disponibbiltà transfruntiera u l-aċċessibbiltà għar-reġistri tal-eliġibbiltà hija waħda irregolari.

Iż-żamma ta’ reġistri komprensivi u riċerkabbli tal-artisti eliġibbli ssemmiet bħala ħtieġa ewlenija għat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi assoċjati mad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Approċċ ieħor jidher li huwa l-użu ta’ sistema fakultattiva u simplifikata għall-ħlas ta’ somma f’daqqa. Fi Stat Membru wieħed, ftehim transindustrijali (id-detenturi tad-drittijiet, l-industrija) dwar l-implimentazzjoni tad-dritt u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT kompatibbli, issemmew bħala elementi ewlenin fl-iżgurar ta’ ġestjoni effiċjenti tad-dritt.

Spejjeż għas-soċjetajiet kolletturi

Is-soċjetajiet kolletturi semmew l-ispejjeż tal-amministrazzjoni f’firxa ta’ bejn 10% u 20% tar-royalties miġbura. L-ispejjeż tal-amministrazzjoni tas-soċjetajiet kolletturi normalment jitnaqqsu qabel jitqassmu r-royalties u għalhekk jinġarru mill-benefiċjarji.

Fi Stati Membri fejn is-soċjetajiet kolletturi jistgħu biss jiġbru r-royalties tad-drittijiet tal-bejgħ mill-ġdid fuq il-bażi ta’ mandati individwali, normalment ikunu jistgħu jitqassmu r-royalties kollha miġbura. Fi Stati Membri b’sistemi oħra, xi drabi ma jkunux jistgħu jinstabu l-benefiċjarji. F’dawn il-każijiet, sa 5% tar-royalties miġbura ma jitqassmux.

L-"effett ta’ kaskata"

In-negozjanti tal-arti kkritikaw ukoll l-hekk imsejjaħ "effett ta’ kaskata" tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, li jfisser li r-royalties iridu jitħallsu għal kull tranżazzjoni u ma jistgħux – kuntrarju għall-VAT – jiġu rimborżati għat-tranżazzjonijiet bejn in-negozjanti. Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandu effett kumulattiv fuq xogħlijiet tal-arti li jinbiegħu bosta drabi. Fl-Istati Membri fejn mhux biss il-bejjiegħ iżda wkoll ix-xerrej jista’ jkun obbligat li jħallas ir-royalty, negozjant tal-arti involut f’żewġ tranżazzjonijiet konsekuttivi jista’ jħallas ir-royalty darbtejn wara xulxin għall-istess biċċa xogħol ta’ arti (l-ewwel bħala xerrej u mbagħad bħala bejjiegħ).

L-IMPATT FUQ L-ARTISTI

Il-benefiċċji u l-ispejjeż għall-artisti

Il-Kummissjoni fittxet informazzjoni mis-soċjetajiet kolletturi li huma responsabbli mill-ġbir u d-distribuzzjoni tar-royalty tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fuq (a) l-għadd ta’ artisti li bbenifikaw mid-dritt kull sena bejn l-2005 u l-2010; u (b) l-ammont imqassam. Għaxar soċjetajiet kolletturi setgħu jipprovdu din l-informazzjoni, jiġifieri 10 minn 27 Stat Membru[13]. Ara s-sommarju fit-Tabella 3 fl-Anness. F’dawn l-10 Stati Membri, tqassmu madwar EUR 14-il miljun royalty fl-2010, fost 6,631 artist u l-eredi tagħhom, Figura pjuttost stabbli meta mqabbla ma’ EUR 14,4 miljun royalty mqassma lil 7,107 artisti u l-eredi tagħhom fl-2007. Madwar nofs ir-royalties inġabru fi Franza weħidha. Is-soċjetajiet kolletturi f’erba’ Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, Franza u s-Slovakja) setgħu jipprovdu klassifikazzjoni tad-distribuzzjonijiet bejn l-artisti ħajjin u dawk mejtin għall-perjodu bejn l-2006 u l-2010. F’dawn l-erba’ Stati Membri tqassmu 22% tar-royalties skont il-valur u 41% tar-royalties skont il-volum lil artisti ħajjin matul il-perjodu.

Dawn il-figuri kienu sostnuti sew mir-riċerka mwettqa minn Arts Economics. Fl-2010, il-bejgħ eliġibbli b’irkant kien ta' xogħlijiet minn aktar minn 5,000 artist ħaj u laħaq 19,000 tranżazzjoni u valur ta’ EUR 225 miljun. Il-werrieta ħadu porzjon ħafna akbar mil-bejgħ eliġibbli għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, fejn li kien jagħmel 82% tal-bejgħ eliġibbli skont il-valur, 71% skont il-volum u 63% tal-benefiċjarji (ara t-Tabella 4 fl-Anness).

45% tal-artisti ħajjin li għamlu bejgħ eliġibbli fl-2010 (2,271) kienu jaqgħu fil-kategorija tal-prezzijiet taħt EUR 3,000, li għandhom rata ta’ royalty sa EUR 150. 39% oħrajn kienu jaqgħu fil-kategorija tal-prezzijiet sa EUR 50,000, li għandhom rata ta’ royalty sa EUR 2,030. Il-maġġoranza kbira tal-artisti u s-suċċessuri fit-titolu li kkontribwew għall-konsultazzjoni laqgħu s-sistema tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid bħala waħda li tagħmel differenza, kemm finanzjarjament kif ukoll f’termini ta’ rikonoxximent. Xi soċjetajiet kolletturi għandhom ukoll skemi li permezz tagħhom isir tnaqqis għal skopijiet kulturali (10% tad-dħul mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid) li jintuża speċifikament sabiex jappoġġja artisti żgħażagħ. F’xi Stati Membri, is-soċjetajiet kolletturi esprimew dispjaċir għall-fatt li l-armonizzazzjoni tar-rati applikabbli skont id-direttiva dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid irriżultat f’rata ta’ royalty aktar baxxa milli kien il-każ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel l-introduzzjoni tal-limitu massimu ta’ EUR 12 500, u l-valur dejjem jonqos tar-royalty, pereżempju fil-Ġermanja, fejn qabel kienet tapplika rata fissa ta’ 5% għall-bejgħ kollu.

KONKLUżJONIJIET

Il-kompetittività tas-swieq Ewropej

Ma tista’ tiġi stabbilita ebda xejra ċar li torbot it-telf tas-sehem tal-UE mis-suq globali għall-arti moderna u kontemporanja mal-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fl-UE fl-1 ta’ Jannar 2006. Bħalissa lanqas ma jistgħu jiġu stabbiliti xejriet ċari li jindikaw diverżjoni sistematika tan-negozju fl-UE 'l hemm minn dawk l-Istati Membri li introduċew id-dritt għall-artisti ħajjin fl-2006. Madankollu, jidher b’mod ċar li hemm pressjonijiet fuq is-swieq tal-arti Ewropej, fil-firxiet tal-prezzijiet kollha, u kemm għas-setturi tal-irkant kif ukoll tan-negozjanti, u qed jiġi mfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ser ikun imwessa’ b’mod sinjifikanti wara t-tmiem tad-deroga għax-xogħlijiet tal-artisti mejtin fl-1 ta’ Jannar 2012.

Fl-istess ħin, il-kwalità tal-amministrazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tidher li tvarja b’mod konsiderevoli madwar l-UE u qed jinħolqu spejjeż kemm għall-professjonisti kif ukoll għall-artisti fis-suq tal-arti. Il-piż jista’ jkun partikolarment għoli għal dawk fit-tarf l-aktar baxx tas-suq li huma proporzjonalment aktar affettwati mill-ispejjeż sabiex jiġi amministrat dan id-dritt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li f’xi Stati Membri l-amministrazzjoni ineffiċjenti tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tippreżenta piż pjuttost sinjifikanti fuq il-professjonisti fis-suq tal-arti u tista’ wkoll twassal għal tnaqqis għoli bla bżonn mir-royalties li huma dovuti lill-artisti u s-suċċessuri tagħhom.

- Fid-dawl tas-sinjifikat ekonomiku tas-settur, il-Kummissjoni tqis li l-iżviluppi fis-suq għandhom jinżammu taħt analiżi. Il-Kummissjoni ser twettaq eżerċizzju ieħor ta’ rappurtar u tippreżenta r-riżultati tagħha fl-2014.

- Il-Kummissjoni ser issegwi wkoll l-impenn tagħha li tipperswadi pajjiżi terzi biex jimplimentaw id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

- Fid-dawl tal-volum ta’ tranżazzjonijiet soġġetti għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, il-Kummissjoni Ewropea tqis ukoll li ser ikun hemm benefiċċju fl-iskambju tal-aħjar prassi fil-livell Ewropew bil-għan li jkunu ġestiti u minimizzati l-ispejjeż amministrattivi fl-Istati Membri kollha. Għal dan il-għan, hija għandha l-ħsieb li tistabbilixxi Djalogu bejn il-Partijiet Interessati, li jkollhom ir-responsabbiltà li jagħmlu rakkomandazzjonijiet għat-titjib tas-sistema tal-ġbir u d-distribuzzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fl-UE.

- B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea hija kkonċernata li s-soċjetajiet kolletturi għandhom joperaw fi standard għoli ta’ governanza u trasparenza fir-rigward tal-membri tagħhom u tal-utenti kummerċjali, għaldaqstant matul l-2012 ser tressaq proposta f’dan ir-rigward biex tkun applikata b’mod ugwali għas-soċjetajiet kolletturi li jamministraw id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

Anness 1

Figura 1 – Tibdil fl-ishma tas-suq tal-arti globali 2006-2010

[pic]

Tabella 1 – Bejgħ b’irkant 2008 u 2010

Bejgħ b’irkant 2008 (€m) | Bejgħ b’irkant 2010 (€m) |

Artisti ħajjin | 225 | 5,072 | 18,670 |

Artisti Ewropej b’werrieta eleġibbli | 1,032 | 8,814 | 46,380 |

Total | 1,257 | 13,886 | 65,050 |

Artisti ħajjin bħala % tat-total | 18% | 37% | 29% |

Figura 2

[pic]

Figura 3

[pic]

Tabella 3 – Għadd ta’ artisti li jibbenefikaw, u valur ta’ royalties distribwiti fl-2005-2010, għażla ta' Stati Membri tal-UE

| 2005 |2006 |2007 |2008 |2009 |2010 | | |Għadd |Valur €m |Għadd |Valur €m |Għadd |Valur €m |Għadd |Valur €m |Għadd |Valur €m |Għadd |Valur €m | |AT | | |19 |0,038 |27 |0,07 |43 |0,111 |39 |0,093 |38 |0,11 | |BE |291 |0,256 |413 |0,505 |448 |0,51 |545 |0,623 |508 |0,46 |513 |0,554 | |DK | | |1604 |0,225 |2071 |1,346 |1989 |1,403 |1511 |0,742 |1894 |0,857 | |EE | |0,007 |10 |0,018 |14 |0,021 |13 |0,011 |9 |0,01 |11 |0,004 | |FR |1991 |2,934 |2191 |5,2 |2233 |6,51 |1985 |6,68 |1959 |6,06 |2054 |6,848 | |DE |878 |2,351 |1020 |2,751 |1191 |3,47 |1157 |3,374 |1112 |4,319 |1021 |3,427 | |NL | | |46 |0,06 |39 |0,053 |54 |0,067 |44 |0,056 |58 |0,105 | |PT | | | | |4 |0,001 |6 |0,005 |19 |0,027 |26 |0,026 | |SK |76 |0,021 |110 |0,025 |135 |0,037 |152 |0,049 |132 |0,038 |50 |0,022 | |UK | | |414 |0,987 |945 |2,99 |1123 |3,45 |913 |2,594 |966 |2,696 | |Total | |5,569 |5827 |9,809 |7107 |15,008 |7067 |15,773 |6246 |14,399 |6631 |14,649 | |

[1] Premessa (3) tad-Direttiva

[2] Premessa (9) tad-Direttiva

[3] Iċ-ċifri kollha huma bbażati fuq id-dejta pprovduta minn Arts Economics b’dejta minn Artnet.

[4] Id-dejta pprovduta minn Arts Economics dwar is-sehem Ċiniż tas-suq tal-arti u tal-antikitajiet tinkludi iċ-Ċina kontinentali, Ħong Kong, il-Makaw u t-Tajwan.

[5] jiġifieri minbarra l-arti dekorattiva

[6] Id-dejta dwar il-bejgħ tal-arti bl-irkant tintuża hawnhekk bħala l-bażi primarja għad-diskussjoni tal-movimenti fis-swieq globali tal-arti, minħabba li l-bejgħ huwa materja ta’ reġistru pubbliku, u ttieħed f’kunsiderazzjoni l-perjodu bejn l-2005 u l-2010, meta wieħed iqis li d-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006. Id-dejta dettaljata dwar ix-xogħlijiet soġġetti għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid hija disponibbli biss għall-perjodu bejn l-2008 u l-2010.

[7] Kuntrarju għal swieq oħrajn fejn il-bejgħ bl-irkant jista’ jkun maqsum indaqs, ħafna artisti ħajjin ibiegħu x-xogħlijiet tagħhom primarjament permezz tan-negozjanti u huma inqas dawk li jagħmlu dan permezz ta’ irkant. Il-bejgħ minn negozjanti jista’ jkun relattivament ogħla f’dan is-settur, u huwa stmat li jlaħħaq id-doppju tal-valur tal-bejgħ b’irkant.

[8] Il-paraguni għandhom jiġu ttrattati b’attenzjoni, minħabba l-interess qawwi fiċ-Ċina, pereżempju, fl-arti tradizzjonali Ċiniża.

[9] Din id-dejta għandha tiġi ttrattata b’attenzjoni: hija ma tkoprix il-perjodu ta’ qabel u wara l-armonizzazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Il-perjodu bejn l-2008 u l-2010 kien ukoll perjodu bla preċedenti ta’ prosperità u falliment f’daqqa.

[10] L-Italja implementat fil-prattika d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fl-2006.

[11] Il-valur għoli tal-bejgħ tar-Renju Unit huwa dovut għal għadd żgħir ta’ bejgħ bi prezz għoli ħafna. Fl-2010, pereżempju, 54% tal-valur tas-suq tal-arti kienu fil-medda tal-prezz ta’ EUR 2 miljuni (li jirrappreżentaw biss 0.5% tat-tranżazzjonijiet).

[12] Ara, pereżempju, "The impact of artist resale rights on the art market in the UK", Toby Froschauer, Jannar 2008.

[13] Xi soċjetajiet kolletturi setgħu jipprovdu l-ammont ta’ royalties imqassma, iżda mhux l-għadd ta’ artisti li bbenifikaw minnhom; oħrajn taw ammont totali, iżda ebda dejta annwalizzata; soċjetà waħda pprovdiet l-għadd ta’ artisti li bbenifikaw, iżda ebda valur. Soċjetajiet fi tmien Stati Membri ma setgħu jipprovdu ebda informazzjoni.

Top