Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0837

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Preparazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp)

/* KUMM/2011/0837 finali */

52011DC0837

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Preparazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) /* KUMM/2011/0837 finali */


Din il-komunikazzjoni u l-anness tagħha huma parti minn pakkett ta' proposti mill-Kummissjoni dwar l-azzjoni esterna tal-UE fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) għall-perjodu bejn 2014-2020.

Huwa mistenni li l-Kroazja tkun daħlet fl-UE sal-1 ta' Jannar 2014 u tikkontribwixxi għall-11-il-FEŻ. Jekk ikun meħtieġ, it-test tal-Ftehim Intern propost se jkun modifikat skont l-Artikoli 1.7 u 8.4.

L-Unjoni Ewropea għandha relazzjonijiet privileġġati mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) fi ħdan il-grupp ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw skont il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE[1]. Ħamsa u għoxrin (25) Pajjiż u Territorju ekstra-Ewropej (OCTs) b'rabtiet kostituzzjonali mal-Istati Membri huma assoċjati mal-UE permezz ta' reġim ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Parti IV tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) u r-regoli u l-proċeduri dettaljati stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjonijiet Barranija (OAD) tas-27 ta' Novembru 2001[2].

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) huwa l-istrument prinċipali li jwassal l-għajnuna tal-UE għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp skont il-Ftehim ta' Kotonù mal-Istati tal-AKP u għall-iffinanzjar tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej skont id-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjonijiet ekstra-Ewropej. Il-FEŻ huwa ffinanzjat barra l-baġit tal-UE mill-Istati Membri tal-UE abbażi ta' koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni. Kull FEŻ huwa konkluż għal perjodu multiannwali. L-10 Ftehim Intern tal-FEŻ[3], li jistabbilixxi r-riżorsi tal-10 FEŻ u s-sehem tagħhom fis-sottokategoriji wesgħin, ikopri l-perjodu bejn l-2008 u l-2013, u jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-kontroll finanzjarju.

Fil-Komunikazzjoni tagħha "Baġit għall-Ewropa 2020"[4], il-Kummissjoni enfasizzat li fil-preżent ma kienx xieraq li tipproponi li l-FEŻ ikun integrat fil-baġit tal-UE ("il-baġitizzazzjoni tal-FEŻ") L-integrazzjoni tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-UE mal-Istati tal-AKP fil-baġit tal-UE hija prevista għall-2020, fi tmiem il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020, li jikkoinċidi mas-sena tal-iskadenza tal-Ftehim ta’ Kotonù.

Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-elementi ewlenin li jistgħu jidhru fil-Ftehim Intern tal-11-il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, għall-perijodu 2014-2020. Il-kontenut u l-kliem tal-Ftehim Intern se jiġu deċiżi mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.

L-adozzjoni ta' dan il-Ftehim Intern għandu jiġi segwit permezz tal-adozzjoni mill-Kunsill ta' Regolament ta' Implimentazzjoni u Regolament Finanzjarju għall-11-il-FEŻ.

1.           Qafas politiku u legali

Il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-UE

L-għanijiet prinċipali tal-politika ta' azzjoni esterna tal-UE huma deskritti fit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 21 TUE). Barra minn hekk, l-għan ewlieni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE (l-Artikolu 208 TFUE) huwa li jitnaqqas il-faqar, u maż-żmien, jinqered. F’dan il-kuntest l-UE għandha tikkonforma mal-impenji tagħha u tqis l-objettivi approvati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

Il-qafas politiku jinkludi l-"Kunsens Ewropew", Stqarrija Konġunta dwar il-Politika ta’ Żvilupp tal-Unjoni Ewropea, adottat fit-22 ta' Diċembru 2005 mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni[5], il-Komunikazzjoni "Iż-Żieda fl-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla"adottata mill-Kummissjoni fit-13 ta' Ottubru 2011[6], li toffri qafas politiku aġġornat għall-koperazzjoni għall-iżvilupp ġenerali tal-UE, kif ukoll kull komunikazzjoni futura li tistabbilixxi orjentazzjonijiet u prinċipji bażiċi għall-politika ta' żvilupp tal-Unjoni. Il-kuntest tal-politika jinkludi wkoll il-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-politika settorjali tal-Unjoni b’dimensjoni esterna u l-integrazzjoni ta’ politiki transettorjali bħal azzjoni klimatika.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Istati tal-AKP, dan il-qafas politiku u legali tal-UE huwa kkumplimentat mill-Ftehim ta' Kotonù, konkluż bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-AKP fuq naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra. Dan jgħodd għal perjodu ta' għoxrin sena minn Marzu 2000 sa Frar 2020, u daħal fis-seħħ f’April 2003. Kien imfassal biex titwaqqaf sħubija komprensiva, ibbażata fuq tliet pilastri kumplimentari: il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, u d-dimensjoni politika. Is-Sħubija bejn l-AKP u l-UE hija bbażata fuq l-għan li jitnaqqas u fl-aħħar jiġi elminat il-faqar, b'konsistenza mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u mal-integrazzjoni gradwali tal-Istati tal-AKP fl-ekonomija dinjija (l-Art. 1 tal-Ftehim ta' Kotonù).

Il-Ftehim ta' Kotonù jistipula klawżola ta' reviżjoni li tbassar li l-ftehim ikun adattat kull ħames snin. It-tieni reviżjoni ġiet adottata f'Ġunju 2010 mill-AKP-UE il-Kunsill tal-Ministri u ġiet applikata fuq bażi proviżorja minn Novembru 2010 lil hawn; il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-konklużjoni tal-ftehim rivedut wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

OCT/Assoċjazzjoni tal-UE

L-OCT/Assoċjazzjoni tal-UE isserraħ fuq diversi bażijiet legali. Fil-leġiżlazzjoni primarja tal-UE, hija bbażata fuq il-Parti IV tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). L-għan tal-Assoċjazzjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-OCTs (il-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej) u li tistabilixxi relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejn l-OCTs u l-UE bħala entità sħiħa (l-Artikolu 198 TFUE). Ir-regoli u l-proċeduri dettaljati ġew stabbiliti f'Deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill, li l-aħħar waħda minnhom hija d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE. Din tapplika għall-OCTs kollha elenkati fl-Anness II mat-Trattat, ħlief għal Bermuda, u hija ffinanzjata mill-FEŻ. Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013, u l-Kummissjoni qed tħejji proposta għal Deċiżjoni ġdida tal-Kunsill li għandha tidħol fis-seħħ nhar l-1 ta' Jannar 2014, u li se tikkostitwixxi l-qafas politiku u legali għall-implimentazzjoni tal-11-il-FEŻ dwar l-OCTs.

2            Tibdil prinċipali kkomparat mal-ftehim intern għall-10 FEŻ

Ma hemm l-ebda bidla kbira proposta meta mqabbla mal-istruttura tal-10 FEŻ. L-oqsma ewlenin proposti għat-tibdil huma kif ġej:

2.1 Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “Il-Baġit għall-Ewropa 2020”, huwa propost l-allinjament tal-koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri skont il-FEŻ mal-koeffiċjenti użati għall-baġit tal-UE. Il-koeffiċjenti proposti fl-Artikolu 1(2)(a) huma għalhekk eqreb lejn il-koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni tal-baġit milli kienu meta ġie mfassal l-10 FEŻ.

2.2 Pakketti finanzjarji

Il-volumi globali proposti fl-Artikolu 1(2)(a) fil-11-il-FEŻ għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-AKP u l-OCTs tħabbru fil-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020” fi prezzijiet għall-2011. Fl-abbozz propost tal-ftehim intern mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni, il-pakketti finanzjarji tal-FEŻ huma espressi fi prezzijiet attwali li jirriflettu l-inflazzjoni matul il-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju multiannwali b'mod aktar preċiż.

Għan-nefqa ta’ appoġġ, il-finanzjament mitlub jirrappreżenta 5 % tal-krediti tal-FEŻ li se jkunu amministrati mill-Kummissjoni. Dan jirrifletti x-xewqa tal-Kummissjoni li tikkunsidra aktar bis-sħiħ in-nefqa reali ta' appoġġ għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ, inklużi l-ispejjeż assoċjati mad-devoluzzjoni tal-implimentazzjoni tal-għajnuna u permezz ta' titjib fil-monitoraġġ.

Dwar il-kooperazzjoni intra-AKP u dik interreġjonali, l-Artikolu 2(b) jipproponi li jżomm l-istess sehem minn riżorsi tal-AKP bħal dak fl-10 FEŻ. Dan il-pakkett ser ikun użat biex jiffinanzja parti mill-iskema ġdida li tassorbi x-xokkijiet imbassra sat-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Kotonù (ara hawn taħt).

Wara konsultazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, jidher li ma hemmx ħtieġa li tiġi rifornita l-Faċilità tal-Investiment, billi hemm biżżejjed fondi disponibbli minn rimborsi mill-allokazzjonijiet tad-9 u l-10 FEŻ, minħabba n-natura ċirkolattiva ta’ din il-faċilità. Madankollu, dan ma jirrigwardax għotjiet għall-finanzjament ta' sussidji fuq ir-rata tal-interessi u fuq għajnuna teknika relatata ma' proġetti, li għalihom huwa propost li tingħata allokazzjoni miżjuda (meta mqabbla mal-10 FEŻ) fl-Artikolu 2(d) u 3(1), biex jindirizzaw il-livell insuffiċjenti ta' finanzjament skont l-10 FEŻ, biex tiżdied l-iskala ta' attivitajiet attwali u biex jippermettu tipi oħra possibbli ta' mekkaniżmi ta' kkombinar.

2.3 Pakketti-B reġjonali u l-iskema li tassorbi x-xokkijiet

It-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Kotonù ibassar il-ħolqien ta’ pakketti-B reġjonali sabiex ikopru bżonnijiet mhux previsti b'dimensjoni reġjonali (l-Artikolu 9(2) tal-Anness IV mal-Ftehim ta' Kotonù rivedut). Dan jipprovdi wkoll għall-ħolqien ta’ skemi li jassorbu x-xokkijiet biex jissostitwixxu l-Flex attwali u skemi oħra ad-hoc li jassorbu x-xokkijiet. Dawn l-iskemi ġodda għandhom jibnu fuq l-esperjenza ta' V-Flex u l-Faċilità tal-Ikel (l-Artikoli 60 u 68 tal-Ftehim ta' Kotonù rivedut) u jiffokaw fuq impatti eżoġeni b'dimensjoni transkonfinali. L-Artikolu 2(c) għalhekk jipproponi li jinkludi dawn il-bidliet fil-ftehim intern għall-11-il-FEŻ.

2.4 Kumitat tal-FEŻ

Sistema proposta ta' piż tal-votazzjoni fil-11-il il-Kumitat tal-FEŻ hija inkluża fl-Artikolu 8(2), ibbażata fuq il-koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni proposti.

3.           KONKLUŻJONI

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-abbozz anness tal-Ftehim Intern li jirregola l-implimentazzjoni ta' għajnuna tal-UE lill-Istati tal-AKP u l-OCTs għall-perijodu 2014-2020.

ANNESS: ABBOZZ TAL-FTEHIM INTERN Bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqa' fil-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea skont il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu bejn l-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji ekstra-Ewropej li għalihom tapplika r-Rabà Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, IMLAQQA' FIL-KUNSILL,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkonsultaw mal-Kummissjoni,

Wara li kkonsultaw mal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000[7] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE"), jistipula d-definizzjoni tal-protokolli finanzjarji għal kull perjodu ta' ħames snin.

(2) Fis-17 ta' Lulju 2006, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa' fil-Kunsill, adottaw Ftehim Intern dwar il-finanzjament ta' Għajnuna Komunitarja skont il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013, skont il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-KE, u dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji ekstra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat tal-KE[8].

(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej mal-Komunità Ewropea[9] (minn hawn 'il quddiem "Id-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi ekstra-Ewropej"), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.04.2007, p. 33), hija applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013. Għandha tkun adottata deċiżjoni ġdida qabel dik id-data.

(4) Sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE u d-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija, għandu jkun stabbilit il-11-il-FEŻ u għandha tiġi stipulata proċedura għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni ta' fondi u l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għal dawk il-fondi.

(5) L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, bi qbil mal-paragrafu 7 tal-Anness Ib tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE, għamlu reviżjoni tal-prestazzjoni, flimkien mal-Istati tal-AKP, fejn ivvalutaw affarijiet bħall-grad tal-attwazzjoni tal-impenji u l-ħlasijiet.

(6) Għandom ikunu determinati r-regoli tal-amministrazzjoni għall-kooperazzjoni finanzjarja.

(7) Għandu jitwaqqaf Kumitat ta' Rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kummissjoni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-"Kumitat tal-FEŻ"), u għandu jitwaqqaf Kumitat simili fil-BEI. Il-ħidma tal-Kummissjoni u tal-BEI dwar l-applikar tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni għandhom ikunu armonizzati,

(8) Il-politika tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija ggwidata mill-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta' Settembru 2000, inkluża kull modifikazzjoni sussegwenti.

(9) Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa' fil-Kunsill, adottaw il-Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna[10], li jafferma mill-ġdid il-ftehimiet skont id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (2005), il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp (2007), u l-Linji Gwida tal-UE għall-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni (2008). Fl-2011 il-Kunsill adotta wkoll pożizzjoni komuni tal-UE għal Forum ta' Livell Għoli IV f'Busan, fil-Korea t’Isfel, dwar l-effikaċja tal-għajnuna, u l-UE u l-Istati Membri tagħha qablu għad-Dokument tal-eżitu ta' Busan.

(10) Il-miri tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) li kien hemm referenzi għalihom fil-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu kkunsidrati. Fir-rappurtar tan-nefqa tal-FEŻ lill-Istati Membri u lill-Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp OECD, il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn l-attivitajiet tal-ODA u dawk li mhumiex tal-ODA.

(11) Fit-22 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri imlaqqa' fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni adottaw Stqarrija Konġunta dwar Politika ta’ Żvilupp tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsens Ewropew[11].

(12) Fit-13 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni "Iż-żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla"[12].

(13) Fit-22 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa' fil-Kunsill adottaw konklużjonijiet dwar ir-relazzjonijiet tal-UE ma' Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej (OCTs).

(14) L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna huma deskritti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427 UE.

(15) Biex issir eħfef li wieħed jintegra l-kooperazzjoni mal-Istati tal-AKP fil-Baġit Ġenerali tal-UE fil-futur u biex tiġi evitata kull interruzzjoni ta' fondi minn Marzu sa Diċembru 2020, huwa xieraq li l-perjodu ta' applikazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali tal-FEŻ ikun l-istess bħal dak tal-Baġit Ġenerali tal-UE għall-2014-2020. Huwa għalhekk iktar favorevoli li d-data finali għall-impenji tal-fondi tal-FEŻ tkun il-31 ta' Diċembru 2020 milli t-28 ta' Frar 2020, id-data finali tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Kotonù.

(16) Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni soċjoekonomika bejn ir-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda tal-UE u l-pajjiżi tal-AKP, kif ukoll il-Pajjiżi u t-Territorji Ekstra-Ewropej, fil-Karibew, l-Afrika tal-Punent, u l-Oċean Indjan, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u r-Regolamenti tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea jinkludu t-tisħiħ tal-allokazzjonijiet għall-2014-2020 għall-kooperazzjoni bejn dawn ir-Reġjuni u l-imsieħba barra l-Unjoni.

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

KAPITOLU 1

RIŻORSI FINANZJARJI

Artikolu 1

Riżorsi tal-11-il-FEŻ

1.           L-Istati Membri hawnhekk qed iwaqqfu il-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, minn issa 'l quddiem magħruf bħala "il-11-il-FEŻ."

2.           Il-11-il-FEŻ għandu jikkonsisti f’dan li ġej:

(a) Ammont sa EUR 34 275,6 miljun (fi prezzijiet kurrenti) ikkontribwiti mill-Istati Membri kif ġej:

|| Fattur tal-kontribuzzjoni || Kontribuzzjonijiet f'miljuni ta' EUR

il-Belġju || 3.23 % || 1 108.55

il-Bulgarija || 0.22 % || 75.38

ir-Repubblika Ċeka || 0.83 % || 284.58

id-Danimarka || 1.97 % || 674.70

il-Ġermanja || 20.54 % || 7 041.44

l-Estonja || 0.08 % || 28.82

l-Irlanda || 0.95 % || 324.16

il-Greċja || 1.57 % || 539.79

Spanja || 8.06 % || 2 762.43

Franza || 17.83 % || 6 110.88

l-Italja || 12.62 % || 4 324.33

Ċipru || 0.12 % || 39.74

il-Latvja || 0.11 % || 37.52

il-Litwanja || 0.18 % || 61.42

il-Lussemburgu || 0.26 % || 90.00

l-Ungerija || 0.69 % || 237.42

Malta || 0.04 % || 13.44

il-Pajjiżi l-Baxxi || 4.85 % || 1 662.01

l-Awstrija || 2.36 % || 810.04

il-Polonja || 2.17 % || 743.24

il-Portugall || 1.20 % || 410.17

ir-Rumanija || 0.72 % || 247.40

is-Slovenja || 0.23 % || 80.05

ir-Repubblika Slovakka || 0.38 % || 131.85

il-Finlandja || 1.51 % || 516.47

l-Isvezja || 2.94 % || 1 006.82

ir-Renju Unit || 14.33 % || 4 912.95

TOTAL || 100.00 % || 34 275.6

L-ammont ta’ EUR 34 275,6 miljun għandu jkun disponibbli mid-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju multiannwali, li minnhom

(i) EUR 32 218,4 miljun għandhom jiġu allokati lill-Grupp ta' Stati tal-AKP;

(ii) EUR 343,4 miljun għandhom jiġu allokati lill-OCTs;

(iii) EUR 1713.8 miljun għandhom jiġu allokati lill-Kummissjoni għas-sostenn tan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 6, konnessi mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ.

(b) Il-fondi msemmija fl-Anness I u Ib mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u l-Anness II A u Aa tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija u allokati taħt id-9 u l-10 FEŻ biex jiffinanzjaw ir-riżorsi tal-Faċilità tal-Investiment skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u fl-Anness II C mad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija (minn hawn 'il quddiem il-"Faċilità għall-Investiment") mhumiex affettwati bid-Deċiżjoni 2005/446/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/792/KE u l-paragrafu 5 tal-Anness Ib tal-Ftehim ta' Kotonù li jistipula d-dati li lil hinn minnhom il-fondi tad-9 u l-10 FEŻ ma jistgħux jibqgħu aktar disponibbli. Dawn il-fondi għandhom jiġu trasferiti fil-11-il-FEŻ u jiġu ġestiti skont l-arranġamenti għall-implimentazzjoni fil-11-il-FEŻ, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu mill-2014 sal-2020 skont il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE, u mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-assistenza finanzjarja lill-OCTs għall-perjodu mill-2014 sal-2020, rispettivament.

3.           Wara l-31 ta' Diċembru 2013, jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu mill-2014 sal-2020 jekk din tinzerta aktar tard, il-bilanċi mill-10 FEŻ jew mill-FEŻ preċedenti ma jkunux aktar disponibbli, bl-eċċezzjoni tal-bilanċi u l-fondi mneħħija mill-impenn wara din id-data tad-dħul fis-seħħ u li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (Stabex) taħt il-FEŻ qabel id-9 FEŻ, u ta' dawk il-fondi msemmija fil-paragrafu 2(b).

4.           Il-fondi mhux użati fi proġetti skont l-10 FEŻ jew mill-FEŻ preċedenti wara l-31 ta' Diċembru 2013 ma għandhomx jibqgħu disponibbli, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kunsill b'mod unanimu, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-fondi mhux użati wara din id-data tad-dħul fis-seħħ li jirriżultaw minn sistemi li jiggarantixxu l-istabbiliment tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (Stabex) taħt il-FEŻ qabel id-9 FEŻ, li għandhom awtomatikament jiġu ttrasferiti għall-programmi indikattivi nazzjonali rispettivi msemmija fl-Artikolu 2(a)(i) u l-Artikolu 3(1) u dawk il-fondi li jiffinanzjaw ir-riżorsi tal-Faċilità ta' Investiment imsemmija fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu.

5.           L-ammont totali tar-riżorsi tal-11-il-FEŻ għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Il-fondi tal-11-il-FEŻ, u fil-każ tal-Faċilità tal-Investiment il-fondi li joħorġu minn flussi mill-ġdid, ma għandhomx jibqgħu disponibbli wara l-31 ta' Diċembru 2020, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni. Madankollu, il-fondi sottoskritti mill-Istati Membri taħt id-9 u l-10 FEŻ sabiex jiffinanzjaw il-Faċilità ta' Investiment għandhom jibqgħu disponibbli għall-infiq wara l-31 ta' Diċembru 2020.

6.           Dħul minn imgħax li jirriżulta minn operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-impenji li saru taħt l-FEŻ preċedenti u fuq il-fondi tal-11-il-FEŻ ġestiti mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkreditati f'kont bankarju wieħed jew aktar miftuħa f'isem il-Kummissjoni, u għandhom jintużaw skont it-termini tal-Artikolu 6. L-użu tad-dħul iġġenerat minn imgħax fuq il-fondi tal-11-il-FEŻ ġestiti mill-BEI se jiġi determinat fil-qafas tar-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2).

7.           Jekk Stat ġdid jissieħeb mal-UE, l-ammonti u l-koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) għandhom jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill li taġixxi b'mod unanimu, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

8.           Ir-riżorsi finanzjarji jistgħu wkoll jiġu aġġustati, permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu, partikolarment bi qbil mal-Artikolu 62(2) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE.

9.           Kull Stat Membru jista', mingħajr ħsara għar-regoli dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 8, jagħti lill-Kummissjoni jew lill-BEI kontribuzzjonijiet volontarji biex jappoġġa l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE. L-Istati Membri jistgħu wkoll jikkofinanzjaw proġetti jew programmi, eż. taħt inizjattivi speċifiċi mmexxija mill-Kummissjoni jew mill-BEI. Il-pussess ta' tali inizjattivi minn pajjiżi tal-AKP fil-livell nazzjonali għandu jkun garantit.

L-Implimentazzjoni u r-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10 għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-kofinanzjament mill-FEŻ, u dwar il-kofinanzjament tal-attivitajiet implimentati mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kunsill bil-quddiem dwar il-kontribuzzjoni volontarji tagħhom.

10.         L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu, flimkien mal-Istati tal-AKP, u bi qbil mal-paragrafu 7 tal-Protokoll Finanzjarju fl-Anness Ic mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE, jiddeċiedu biex iwettqu reviżjoni tal-prestazzjoni, li tevalwa l-grad ta' attwazzjoni tal-impenji u l-infiq, u r-riżultati u l-impatt tal-għajnuna pprovduta. Ir-reviżjoni għandha ssir abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Riżorsi allokati għall-Istati tal-AKP

L-ammont ta' EUR 32 218,4 miljun imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(i) għandu jkun allokat bejn l-istrumenti ta' kooperazzjoni kif ġej:

(a)          EUR 27 658,2 miljun biex ikunu ffinanzjati programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali. Din l-allokazzjoni tintuża biex tiffinanzja

(i) programmi indikattivi nazzjonali tal-Istati tal-AKP skont l-Artikoli minn 1 sa 5 tal-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE;

(ii) programmi indikattivi reġjonali ta' appoġġ għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali u inter-reġjonali tal-Istati tal-AKP skont l-Artikoli minn 6 sa 11 tal-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE;

(b)          EUR 3 960,2 miljun għall-finanzjament ta' koperazzjoni fl-AKP kif ukoll interreġjonali bl-involviment ta' ħafna mill-Istati tal-AKP jew kollha kemm huma, skont l-Artikoli minn 12 sa 14 tal-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE. Dan il-pakkett għandu jinkludi l-appoġġ strutturali għaċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĊŻI) u ċ-Ċentru Tekniku ta’ Koperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) imsemmija fl-Anness III mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u ssorveljati skont ir-regoli u l-proċeduri stipulati f'dak l-Anness, u għall-Assemblea Parlamentari Konġunta msemmija fl-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE. Dan il-pakkett għandu wkoll ikopri l-għajnuna għat-tħaddim tan-nefqa tas-Segretarjat tal-AKP imsemmi fil-punti 1 u 2 tal-Protokoll 1 mehmuż mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE;

(c)          Parti mir-riżorsi msemmija taħt il-punti (a) u (b) jistgħu jintużaw biex ikopru ħtiġijiet mhux previsti u biex itaffu l-effetti fuq terminu qasir ta' xokkijiet eżoġeni negattivi, skont l-Artikoli 60, 66, 68, 72, 72a u 73 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u l-Artikoli 3 u 9 tal-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE, inkluż, kif xieraq, għajnuna umanitarja kumplimentarja għal żmien qasir u assistenza għall-emerġenza fejn tali appoġġ ma jistax jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni.

(d)          Il-BEI huwa allokat EUR 600 miljun sabiex jiffinanzja l-Faċilità ta' Investiment skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE, fil-forma ta’ għotjiet għall-iffinanzjar ta' sussidji fuq ir-rati tal-interessi u assistenza teknika marbuta ma' proġetti stipulati fl-Artikoli 1, 2 u 4 tal-Anness II mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE matul il-perjodu tal-11-il-FEŻ.

Artikolu 3

Riżorsi allokati għall-OCTs

1.           L-ammont ta' EUR 343,4 miljun imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(ii) għandu jiġi allokat skont Deċiżjoni tal-Kunsill li għandha tittieħed qabel il-31 ta' Diċembru 2013 għall-implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni mal-OCTs, li minnhom EUR 338,4 miljun jintużaw biex jiffinanzjaw programmi territorjali u reġjonali, u EUR 5 miljuni fil-forma ta' allokazzjoni lil l-BEI għall-finanzjament ta’ sussidji tal-interessi u ta' assistenza teknika skont id-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija.

2.           Meta OCT isir indipendenti u jissieħeb mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE, l-ammont indikat fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas u l-ammonti indikati fl-Artikolu 2(a)(i) għandu jiżdied skont dan, b'deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Self mir-riżorsi proprji tal-BEI

1. Mal-ammont allokat għall-Faċilità ta’ Investiment taħt id-9 FEŻ imsemmi fl-Artikolu 1(2)(b) u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 2(d) għandu jiżdied ammont indikattiv sa EUR 2 600 miljun fil-forma ta' self mogħti mill-BEI mir-riżorsi proprji tiegħu. Dawn ir-riżorsi għandhom jiġu allokati sal-ammont ta' EUR 2 500 miljun għall-iskopijiet stabbiliti fl-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u sal-ammont ta' EUR 100 miljun għall-iskopijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-istatuti tagħha u t-termini u l-kundizzjonijiet rilevanti għall-iffinanzjar tal-investimenti kif stipulati fl-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u id-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija.

2. L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jaġixxu bħala garanti għall-BEI skont il-proporzjon tal-kontribuzzjoni tagħhom mal-kapital tiegħu, waqt li jirrinunzjaw għad-dritt li joġġezzjonaw, fir-rigward tal-impenji finanzjarji kollha li jirriżultaw minn dawk li jissellfu fuq kuntratti ta' self konklużi mal-BEI mir-riżorsi proprji tiegħu skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni.

3. Il-garanzija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun ristretta għall-75 % tal-ammont totali tal-krediti miftuħa mill-BEI skont il-kuntratti kollha tas-self; għandha tkopri r-riskji kollha għal proġetti fis-settur pubbliku. Għal proġetti fis-settur privat, il-garanzija għandha tkopri r-riskji politiċi kollha, iżda l-BEI se jassumi r-riskju kummerċjali sħiħ.

4. L-impriżi msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom ikunu s-suġġett ta' kuntratti ta' garanzija bejn kull Stat Membru u l-BEI.

Artikolu 5

Operazzjonijiet immexxija mill-BEI

1. Pagamenti magħmula mill-BEI fir-rigward ta' self speċjali mogħti lill-Istati tal-AKP, lill-OCTs u lid-dipartiment Franċiżi barranin, flimkien mal-introjtu u d-dħul mill-operazzjonijiet ta' kapital ta' riskju, taħt il-FEŻ qabel id-9 FEŻ għandhom ikunu kreditati lill-Istati Membri proporzjonalment mal-kontribuzzjonijiet tagħhom lejn il-FEŻ li minnu jkunu rriżultaw is-somom, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix, b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jpoġġi dawn f'risreva jew li jallokahom għal xi skopijiet oħrajn.

2. Kull kummissjoni dovuta lill-BEI għall-amminstrazzjoni tas-self u l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun imnaqqsa bil-quddiem mill-ammonti li għandhom jiġu kkreditati lill-Istati Membri.

3. L-introjtu u d-dħul akkwistati mill-BEI minn operazzjonijiet taħt il-Faċiltà tal-Investiment taħt id-9, l-10 u l-11-il-FEŻ għandhom ikunu użati għal aktar operazzjonijiet taħt dik il-Faċilità, skont l-Artikolu 3 tal-Anness II tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u wara t-tnaqqis ta' spejjeż u responsabbilitajiet eċċezzjonali li jirriżultaw b'konnessjoni mal-Faċilità tal-Investiment.

4. Il-BEI għandu jiġi mħallas b'garanzija sħiħa għat-tmexxija tal-operazzjonijiet tal-Faċilità tal-Investiment imsemmija fil-paragrafu 3 skont l-Artikolu 3(1a) tal-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni riveduta tal-Assoċjazzjoni Barranija.

Artikolu 6

Riżorsi riservati għan-nefqa tal-appoġġ tal-Kummissjoni marbuta mal-FEŻ

1.           Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom ikopru l-ispejjeż tal-miżuri ta' appoġġ. Ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(iii) u l-Artikolu 1(6) għandu jkopri kwalunkwe spiża marbuta mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ li mhijiex neċessarjament koperta minn karti ta' strateġija u programmi indikattivi multiannwali msemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 10(1).

2.           Ir-riżorsi għal miżuri ta' appoġġ jistgħu jkopru l-infiq tal-Kummissjoni assoċjat ma':

(a) preparazzjoni, segwitu, monitoraġġ, kontabbiltà, verifika u attivitajiet ta’ evalwazzjoni meħtieġa direttament għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ;

(b) il-kisba tal-għanijiet tal-FEŻ, permezz ta' attivitajiet ta’riċerka għall-iżvilupp tal-politika, studji, laqgħat, tagħrif, attivitajiet li jqajmu l-għarfien, taħriġ u attivitajiet ta' pubblikazzjoni, inkluża d-dispożizzjoni ta’ tagħrif u attivitajiet ta' komunikazzjoni dwar il-FEŻ. Il-baġit allokat għall-komunikazzjoni skont dan il-Ftehim għandu jkopri wkoll komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea b'relazzjoni għall-FEŻ; kif ukoll

(c) in-netwerks tal-kompjuter għall-iskambju ta' tagħrif, u kwalunkwe nfiq għall-assistenza amministrattiva jew teknika oħra għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ.

Għandhom ikopru wkoll in-nefqa kemm fil-Kwartieri Ġenerali u fid-Delegazzjonijiet dwar l-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex jiġu pprogrammati u amministrati operazzjonijiet iffinanzjati skont il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u d-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija.

Dawn ma għandhomx ikunu assenjati għall-kompiti prinċipali tas-servizz pubbliku Ewropew.

KAPITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Kontribuzzjonijiet għall-11-il-FEŻ

1.           Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis il-previżjonijiet tal-BEI li jikkonċernaw l-amministrazzjoni u l-operat tal-Faċilità tal-Investiment, tistabbilixxi u tikkomunika lill-Kunsill sal-20 ta' Ottubru ta' kull sena dikjarazzjoni tal-impenji, il-ħlasijiet u l-ammont annwali tas-sejħiet għal kontribuzzjonijiet li għandhom isiru fis-sena baġitarja attwali kif ukoll fis-sentejn li jmiss. Dawn l-ammonti għandhom ikunu bbażati fuq il-kapaċità li jitwassal il-livell propost ta’ riżorsi b'mod effettiv.

2.           Fuq proposta mill-Kummissjoni, li tispeċifika ishma rispettivi għall-Kummissjoni u għal-BEI, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, kif stipulat fl-Artikolu 8, dwar il-limitu għall-kontribuzzjoni annwali għat-tieni sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+2) u, fi ħdan il-limitu massimu deċiż fis-sena preċedenti, dwar l-ammont annwali għas-sejħa għall-kontribuzzjonijiet għall-ewwel sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+1).

3.           Jekk il-kontribuzzjonijiet deċiżi skont il-paragrafu 2 ivarjaw mill-ħtiġijiet attwali tal-FEŻ matul is-sena finanzjarja inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill il-proposti għall-emendar tal-ammonti ta' kontribuzzjoni fil-limitu msemmi fil-paragrafu 2; il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni permezz ta' maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8.

4.           Is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet ma jistgħux jaqbżu l-limitu msemmi fil-paragrafu 2, u lanqas ma jista' jiżdied il-limitu ħlief meta jkun deċiż hekk mill-Kunsill permezz ta' maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8 f'każijiet ta' bżonnijiet speċjali li jirriżultaw minn ċirkostanzi eċċezzjonali jew imprevisti, bħalma huma sitwazzjonijiet ta' wara l-kriżi. F'dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jikkorrispondu mal-ħlasijiet mistennija.

5.           Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis il-previżjonijiet tal-BEI, tikkomunika lill-Kunsill sal-20 Ottubru ta' kull sena l-istimi tagħha għall-impenji, il-ħlasijiet u l-kontribuzzjonijiet għat-tliet snin tal-baġit li ġejjin.

6.           F'dak li jirrigwardja l-fondi trasferiti mill-FEŻ preċedenti lejn il-11-il-FEŻ skont l-Artikolu 1(2)(b), il-kontribuzzjonijiet ta' kull Stat Membru għandhom ikunu ikkalkulati proporzjonalment mal-kontribuzzjonijiet minn kull Stat Membru għall-FEŻ inkwistjoni.

Fir-rigward ta' kwalunkwe fondi tal-10 FEŻ u fondi tal-FEŻ preċedenti li mhumiex trasferiti fil-11-il-FEŻ, l-impatt tal-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat proporzjonalment mal-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru lejn l-10 FEŻ.

7.           Ir-regoli dettaljati għall-ħlasijiet ta' kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għandhom jiġu determinati permezz tar-Regolament Finanzjarju imsemmi fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 8

Il-Kumitat Ewropew għall-Fond tal-Iżvilupp

1.           Kumitat (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat tal-FEŻ") li jikkonsisti f'Rappreżentanti tal-Istati Membri għandu jkun stabbilit fil-Kummissjoni għar-riżorsi tal-11-il-FEŻ li jkun amministrat mill-Kummissjoni. Il-Kumitat tal-FEŻ għandu jkollu l-presidenza tar-rappreżentant tal-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat tiegħu. Fil-ħidma tal-Kumitat, jista' jipparteċipa rappreżentant tal-BEI.

2.           Fi ħdan il-Kumitat tal-FEŻ, il-voti tal-Istati Membri għandu ikollhom il-piż kif ġej:

Stat Membru || Voti tal-UE-27

il-Belġju || 32

il-Bulgarija || 2

ir-Repubblika Ċeka || 8

id-Danimarka || 20

il-Ġermanja || 205

l-Estonja || 1

l-Irlanda || 9

il-Greċja || 16

Spanja || 80

Franza || 178

l-Italja || 126

Ċipru || 1

il-Latvja || 1

il-Litwanja || 2

il-Lussemburgu || 3

l-Ungerija || 7

Malta || 1

il-Pajjiżi l-Baxxi || 48

l-Awstrija || 24

il-Polonja || 22

il-Portugall || 12

ir-Rumanija || 7

is-Slovenja || 2

is-Slovakkja || 4

il-Finlandja || 15

l-Isvezja || 29

ir-Renju Unit || 143

Total UE-27 || 998

3.           Il-Kumitat tal-FEŻ għandu jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata ta' 720 vot minn 998, bl-espressjoni ta' vot favur ta' mill-anqas 14-il Stat Membru. Il-minoranza li timblokka għandha tikkonsisti f'279 vot

4.           Jekk Stat ġdid jissieħeb mal-UE, il-piż stabbilit fil-paragrafu 2 u l-maġġoranza kwalifikata msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu emendati permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b 'mod unanimu.

5.           Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 9

Il-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment

1.           Kumitat (minn hawn il-quddiem imsejjaħ "il-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment") li jikkonsisti minn Rapreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri u minn rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun stabbilit taħt l-awspiċji tal-BEI. Il-BEI għandu jipprovdi s-segretarjat tal-Kumitat u s-servizzi ta' appoġġ. Il-President tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment għandu jkun elett mill-membri tal-Kumitat u minn fosthom.

2.           Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment, li jaġixxi b'mod unanimu.

3.           Il-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment għandu jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata, kif stipulat fl-Artikolu 8(2) u 8(3).

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

1.           Mingħajr ħsara għall-Artikolu 8 ta' dan il-Ftehim u skont id-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tar-Regolament ta' Implimentazzjoni għall-10 FEŻ u għar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2304/2002 li jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2001/822/KE rigward għajnuna lill-OCTs għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm issir l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Regolament tal-Implimentazzjoni għall-11-il-FEŻ u għar-regoli ta' implimentazzjoni għal Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija riveduta. Ir-Regolament tal-Implimentazzjoni għall-11-il-FEŻ għandu jiġi deċiż permezz tal-unanimità, ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsulta mal-BEI. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għall-assistenza finanzjarja mill-UE lill-OCTs għandhom ikunu adottati wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija riveduta mill-Kunsill b'mod unanimu u b'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-11-il-FEŻ u r-regoli ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija riveduta għandhom jinkludu l-modifiki u t-titjib xierqa għall-ipprogrammar u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, biex ikomplu jarmonizzaw il-proċeduri tal-Unjoni u tal-FEŻ kemm jista' jkun. Ir-Regolament ta' Implementazzjoni tal-11-il-FEŻ għandu, barra minn hekk, iżomm ċerti proċeduri ta' ġestjoni għall-Faċilità għall-Paċi. Bil-ħsieb li l-assistenza finanzjarja u teknika għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11b tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE se tkun iffinanzjata minn strumenti speċifiċi għajr dawk maħsuba għall-finanzjament tal-Kooperazzjoni bejn l-AKP u l-UE, l-attivitajiet żviluppati skont dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu li jiġu approvati minn qabel permezz ta' proċeduri ta’ ġestjoni baġitarji speċifikati.

Ir-Regolament ta' Implementazzjoni tal-11-il-FEŻ għandu jkun fih miżuri xierqa sabiex jippermetti t-tqabbil tal-finanzjament ta' krediti mill-FEŻ u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jiġu ffinanzjati proġetti ta' kooperazzjoni bejn ir-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda tal-UE u l-Pajjiżi tal-AKP, kif ukoll il-Pajjiżi u t-Territorji Ekstra-Ewropej, fil-Karibew, l-Afrika tal-Punent, u l-Oċean Indjan, b'mod partikolari mekkaniżmi simplifikati għall-ġestjoni konġunta ta' tali proġetti.

2.           Għandu jiġi adottat Regolament Finanzjarju mill-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata kif stabbilita fl-Artikolu 8, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni u wara li tkun ingħatat opinjoni mill-BEI dwar dawk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernawh, kif ukoll mill-Qorti tal-Awdituri.

3.           Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti tagħha għar-regolamenti msemmija fil-paragrafi (1) u (2) waqt li tagħmel dispożizzjoni, inter alia, għall-possibbiltà li tiddelega l-implimentazzjoni tal-kompiti lil partijiet terzi.

Artikolu 11

L-implimentazzjoni finanzjarja, il-kontabbiltà, il-verifika u r-rilaxx

1.           Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb l-implimentazzjoni finanzjarja tal-pakketti li tamministra u partikolarment l-eżekuzzjoni finanzjarja ta' proġetti u programmi, skont ir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2). Dwar l-irkupru ta' somom imħallsa indebitament, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu infurzabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-UE skont l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

2.           Il-BEI għandu jamministra l-Faċilità tal-Investiment u jwettaq operazzjonijiet stabbiliti hemmhekk f'isem l-Unjoni, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2). Meta jagħmel dan, il-BEI ikun qed jaġixxi għar-riskju tal-Istati Membri. Xi drittijiet li jirriżultaw minn tali operazzjonijiet, partikolarment id-drittijiet bħala kreditur jew padrun, għandhom ikunu mogħtija lill-Istati Membri.

3.           Il-BEI għandu jieħu ħsieb, skont l-istatuti u l-aħjar prattika bankarja, l-implimentazzjoni finanzjarja ta’ operazzjonijiet permezz ta’ self mir-riżorsi proprji tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 4, meta applikabbli flimkien ma’ sussidji fuq ir-rata tal-interessi meħuda minn riżorsi tal-għotjiet tal-FEŻ.

4.           Għal kull sena finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tfassal u tapprova l-kontijiet tal-FEŻ u tibgħathom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

5.           Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 disponibbli għall-Qorti tal-Awdituri sabiex din tal-aħħar tkun tista' twettaq il-verifiki dwar l-għajnuna pprovduta mir-riżorsi tal-FEŻ, abbażi tal-evidenza dokumentarja.

6.           Kull sena, il-BEI għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ir-Rapport Annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ li huwa jamministra.

7.           Soġġett għall-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Awdituri għandha teżerċita s-setgħat konferiti lilha permezz tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE dwar l-operazzjonijiet tal-FEŻ. Il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti tal-Awdituri teżerċita l-poteri tagħha għandhom ikunu stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2).

8.           Ir-rilaxx tal-amministrazzjoni finanzjarja tal-FEŻ, esklużi l-operazzjonijiet amministrati mill-BEI, għandu jkun mogħti lill-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata kif stabbilit fl-Artikolu 8.

9.           L-operazzjonijiet finanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ u ġestiti mill-BEI, għandhom ikunu soġġetti għall-kontroll u l-proċeduri tar-rilaxx stabilliti permezz tal-Istatut tal-BEI għall-operazzjonijiet kollha tiegħu.

Artikolu 12

Klawsola ta’ reviżjoni

L-Artikolu 1(3) u l-Artikoli li jinsabu fil-Kaptolu II, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 8, jistgħu jiġu emendati mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-BEI għandu jkun assoċċjat mal-proposta tal-Kummissjoni dwar materji li jirrigwardjaw l-attivitajiet tiegħu u dawk tal-Faċilità tal-Investiment.

Artikolu 13

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427 UE, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Artikolu 14

Ratifika, dħul fis-seħħ u t-tul tal-Ftehim

1.           Kull Stat Membru għandu japprova dan il-Ftehim skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu stess. Il-gvern ta' kull Stat Membru għandu jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea meta l-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim ikunu twettqu.

2.           Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara n-notifika ta' approvazzjoni ta' dan il-Ftehim tal-aħħar Stat Membru.

3.           Dan il-Ftehim huwa konkluż għall-istess tul ta' żmien skont il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 anness mal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u t-tul tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija (2014-2020). Madankollu, minkejja l-Artikolu 1(4), dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ sabiex l-operazzjonijiet kollha ffinanzjati permezz tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-UE u d-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija u l-qafas finanzjarju multiannwali jkunu twettqu kompletament.

Artikolu 15

Lingwi awtentiċi

Dan il-Ftehim, imfassal f’oriġinal wieħed bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana u Ungeriża, bit-test ta’ kull waħda ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-gvernijiet tal-Istati firmatarji.

[1]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim kif emendat mill-Ftehimiet iffirmati fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4) u f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

[2]               ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.04.2007, p. 33).

[3]               L-10 Ftehim Intern tal-FEŻ (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32) ġie ffirmat f’Lulju 2006 mir-Rappreżentanti tal-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-10 FEŻ (ir-Regolament tal-Kunsill Nru 617/2007) u r-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ (ir-Regolament tal-Kunsill Nru 215/2008) ġew adottati f'Mejju 2007 u fi Frar 2008 rispettivament. L-10 FEŻ daħal fis-seħħ fl-1.7.2008 bid-dħul fis-seħħ tal-ewwel reviżjoni tal-Ftehim ta' Kotonù.

[4]               COM (2011) 500.

[5]               ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

[6]               COM (2011) 637.

[7]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim kif emendat mill-Ftehimiet iffirmati fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4) u f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

[8]               ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

[9]               ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

[10]             Id-dokument tal-Kunsill 18239/10 tal-11 ta' Jannar 2011.

[11]             ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

[12]             COM(2011) 637.

Top