Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0835

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEWU LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażilAġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka

/* KUMM/2011/0835 finali */

52011DC0835

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEWU LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażilAġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka /* KUMM/2011/0835 finali */


Introduzzjoni

Is-solidarjetà hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kienet prinċipju ta’ gwida tal-Politika Ewropea Komuni dwar l-Ażil mill-bidu tal-iżvilupp tagħha fl-1999. Issa hija mnaqqxa fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[1].

Is-solidarjetà ġiet rikonoxxuta bħala komponent essenzjali tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) sa mill-bidu nett. Il-ħtieġa biex is-solidarjetà tissarraf f’miżuri konkreti toħroġ mir-realtajiet prattiċi peress li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri kollha huma interdipendenti. Sistema mgħobbija żżejjed jew li ma tiffunzjonax tajjeb fi Stat Membru wieħed ikollha impatt ċar fuq l-oħrajn kollha, inkluż permezz ta’ movimenti sekondarji. Il-flussi tal-ażil mhumiex kostanti, u lanqas ma huma mqassma ndaqs madwar l-UE. Dawn varjaw minn 425 000 applikazzjoni, li kienet l-ogħla livell għall-Istati tal-UE-27 fl-2001, sa taħt l-200 000 applikazzjoni fl-2006, b’żieda kbira mistennija din is-sena. Żieda fil-flussi tal-ażil tista’ ddgħajjef il-kapaċità ta’ xi Stati Membri biex ilaħħqu. Hi r-responsabbiltà tal-Unjoni li tassisti lil dawn l-Istati Membri, anke sabiex tirrispetta l-valuri komuni u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni billi tiżgura akkoljenza, għal dawk li jfittxu ażil u r-refuġjati, u aċċess għall-protezzjoni, adegwati.

Madankollu, is-solidarjetà għandha tkun abbinata mar-responsabbiltà. L-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi tagħhom ikunu kapaċi jissodisfaw l-istandards stabbiliti fil-liġijiet internazzjonali u Ewropej, notevolment il-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati ta’ Ġinevra tal-1951, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-ħtieġa li Stat Membru jkun responsabbli sabiex jiġu evitati impatti fuq Stati Membri oħra hija aspett ewlieni tas-solidarjetà. Dan l-aspett jeħtieġ ukoll li jittejjeb sabiex jinħoloq ambjent ta’ fiduċja reċiproka, li jikkontribwixxi għal aktar żvilupp tal-assistenza reċiproka. Huwa fundamentali li tiżdied il-fiduċja sabiex tissaħħaħ is-solidarjetà. L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà teħtieġ impenn ġenwin mill-Istati Membri. Is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli għall-UE u l-Istati Membri tagħha tagħmel dan ferm aktar importanti. L-UE diġà żviluppat sensiela ta’ għodda ta’ solidarjetà li jikkostitwixxu bażi soda. Kull waħda tistà titjieb u jistgħu jiġu stabbiliti komponenti ġodda sabiex jiġu provduti l-mezzi flessibbli għall-ħtiġijiet ta’ solidarjetà differenti.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ is-solidarjetà intra-UE dwar l-ażil madwar erba’ punti kruċjali: il-koperazzjoni prattika u l-assistenza teknika, is-solidarjetà finanzjarja, l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet, u t-titjib tal-għodda għall-governanza tas-sistema tal-ażil. Din il-Komunikazzjoni timmira wkoll biex tikkontribwixxi għall-iffinalizzar tal-"pakkett tal-ażil” peress li l-ftit xhur li ġejjin se jkun kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-2012, li għalih id-dimensjoni tas-solidarjetà trid tagħmel il-parti tagħha.

1. It-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-koperazzjoni prattika u l-assistenza teknika 1.1. Il-koperazzjoni prattika bħala pilastru kostituttiv tas-SEKA

F’dawn l-aħħar snin saru ħafna miżuri ta’ koperazzjoni prattika, fosthom dan l-aħħar permezz tal-ħolqien ta’ Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO), li ser ikompli jsaħħaħ il-koperazzjoni prattika fil-qasam tal-ażil. L-Uffiċċju ta’ appoġġ se jiżgura li l-koperazzjoni prattika tista’ ssir pilastru importanti għas-sistema ta’ ażil tal-Unjoni. L-esperjenza inizjali tas-SEKA uriet li l-azzjoni prattika hi meħtieġa biex tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni biex b’hekk tinħoloq kunfidenza fejn l-Istati Membri kollha jwettqu l-istess ħidmiet b’mod simili u b’riżultati simili.

L-EASO ġie inawgurat f’Ġunju 2011. Dan se jipprovdi struttura biex jagħti aktar valur għall-arranġamenti ta’ koperazzjoni eżistenti. Pereżempju, il-Kurrikulu Ewropew dwar l-Ażil għandu l-potenzjal li jsir standard komuni għall-caseworkers madwar l-UE. Dan se jkompli jtejjeb b’mod sinifikanti l-fiduċja dwar il-fatt li l-prattiki fost l-Istati Membri huma ħafna l-istess u li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod konsistenti. L-EASO għandu jkejjel l-impatt ta’ dawn il-miżuri permezz ta’ objettivi speċifiċi, mifruxa mal-Unjoni.

Is-sistemi tal-ażil se jitjiebu permezz ta’ interazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni tal-UE, il-koperazzjoni prattika mtejba u l-użu intelliġenti tal-mekkaniżmi tal-fondi tal-UE. Hekk kif l-Unjoni tadotta standards komuni aktar armonizzati u mtejba billi tadotta l-pakkett leġiżlattiv dwar l-ażil, l-Istati Membri se jkollhom għodda aħjar għall-implimentazzjoni komuni għad-dispożizzjoni tagħhom, li huma pprovduti mill-attivitajiet tal-uffiċċju ta’ appoġġ li se jappoġġjaw l-isforzi nazzjonali għat-tnaqqis tal-ispejjeż. L-EASO se jkun ukoll kapaċi jidentifika u jxerred l-aħjar prassi f’aspetti bħall-aċċess għall-proċedura, każijiet li jittrattaw dwar applikanti l-aktar vulnerabbli, il-qsim ta’ aspetti tekniċi u l-ġestjoni ta’ każijiet pendenti. L-għodda u l-aħjar prattiki komuni, bl-appoġġ mill-fondi tal-UE, se jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw l-istandards komuni li qed jevolvu. L-EASO se jikkontribwixxi b’mod utli wkoll għal ġestjoni trasparenti u strateġika tas-SEKA, inkluż permezz tal-ħruġ tar-rapport annwali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni.

L-impatt tal-EASO se jiddependi fuq ir-rieda tal-Istati Membri biex jużaw il-possibbiltajiet li dan joffri u fuq l-impenn tagħhom li jipparteċipaw f’tali kollaborazzjoni. Se jkun meħtieġ li titwaqqaf prattika regolari ta’ kollaborazzjoni Ewropea bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-ażil.

Waħda mill-għodda komuni li l-EASO jeħtieġ jinvestiga, kif ġie mistieden jagħmel mill-Progamm ta’ Stokkolma, huma l-proċeduri li jiffaċilitaw l-issekondar ta’ uffiċjali bejn l-Istati Membri biex jiġu megħjuna l-Istati Membri li jiffaċċjaw pressjonijiet partikolari. Għal dan il-għan, l-EASO għandu joħloq riżerva ta’ esperti, case workers u interpreti li jistgħu jkunu mmobbilizzati fi żmien qasir sabiex jipprovdu assistenza lil Stat Membru fil-bżonn.

Se jkun neċessarju li ssir reviżjoni regolari tal-mandat u l-bażi legali tal-EASO sabiex jiġi determinat jekk humiex adegwati biex jirrispondu għall-isfidi differenti ta’ solidarjetà, kemm jekk ikunu ta’ żmien qasir u kemm jekk strutturali, u għal forom ġodda ta’ flussi tal-ażil.

1.2. Il-korrezzjoni tan-nuqqas ta’ protezzjoni internazzjonali fir-reazzjoni tal-Unjoni għall-kriżijiet ta’ migrazzjoni u ażil

L-irwol tal-EASO hu li jassisti lill-Istati Membri li jiffaċċjaw pressjoni partikolari. Meta dan jissarraf f’azzjoni speċifika, l-EASO jista’ jsir attur prinċipali fil-ġestjoni tal-emerġenzi ta’ ażil u migrazzjoni. Il-kapaċità li jintbagħtu Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ażil mill-EASO fuq pjanijiet operattivi, fl-Istati Membri li jkunu għamlu tali talba, se jkun assi ġdid għas-solidarjetà fil-qasam tal-ażil.

Għandhom jittieħdu lezzjonijiet mir-rispons tal-Unjoni għall-konsegwenzi migratorji tal-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran. L-Unjoni kienet kapaċi tidentifika malajr riżorsi finanzjarji addizzjonali biex tgħin lill-Istati Membri milquta, u tibgħat mezzi operattivi kkordinati mill-Frontex għal operazzjonijiet ta’ kontroll tal-fruntieri, fejn ġew megħjuna wkoll l-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ marittimi. Il-Frontex assistiet fl-iskrining ta’ dawk li jkunu kif waslu, u billi pprovdiet informazzjoni. Madankollu, miżuri operattivi ta’ solidarjetà speċifikament relatati mal-protezzjoni internazzjonali ma setgħux jintużaw, notevolment għaliex l-EASO kien għadu mhux operattiv biżżejjed.

Filwaqt li l-EASO jieħu passi biex jiżgura li jkun lest li jimla dan il-vojt f’każ ta’ ħtiġijiet futuri, waħda mill-aspetti essenzjali li għandu jikkunsidra hi l-kordinazzjoni ma’ Aġenziji oħra. L-EASO, il-Frontex, u potenzjalment l-Europol għandhom jagħmlu arranġamenti speċifiċi, flimkien mal-Kummissjoni, biex jiżguraw li jkun hemm ċarezza dwar ir-rwoli rispettivi individwali tagħhom u biex jiżguraw li l-proċeduri operattivi ta’ emerġenza jkunu rapidi u effettivi. Tali proċeduri jistgħu jinkludu l-użu ta’ timijiet ikkordinati.

Il-ħtieġa ta’ koperazzjoni bejn l-aġenziji tapplika ugwalment għar-reazzjoni għall-emerġenzi u għax-xogħol proattiv, bħall-analiżi tar-riskju u l-kapaċità ta’ twissija bikrija. Barra minn hekk, l-EASO għandu jappoġġja l-integrazzjoni tal-aspetti ta’ protezzjoni internazzjonali fix-xogħol tal-Frontex, fid-dawl tal-emendi għall-bażi legali tal-Frontex miftiehma riċentement li jsaħħu l-mekkaniżmi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-Frontex. Dan jista’ jsir ukoll f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali.

Matul l-avvenimenti reċenti fil-Mediterran, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà li tuża l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili biex tassisti lill-Istati Membri li kienu qed jiffaċċjaw flussi migratorji eċċezzjonali li kienu qed jegħlbu l-kapaċitajiet nazzjonali ta’ reazzjoni. Fuq talba tal-Istati Membri, il-Mekkaniżmu jista’ jintuża, taħt kundizzjonijiet ferm speċifiċi, biex jikkordina l-immappjar ta’ offerti u għoti ta’ appoġġ mhux finanzjarju.

Il-punti ewlenin ta’ azzjoni

¤    L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-attivitajiet u l-assi tal-EASO u jagħmlu l-aħjar użu tal-għodda reċiproka tal-EASO.

¤    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kmieni fl-2012 mira kwantitattiva għall-uffiċjali ta’ ażil tagħhom biex sal-2014 ikunu mħarrġa bl-użu tal-Kurrikulu Ewropew dwar l-Ażil.

¤    L-EASO għandu jipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar l-ażil.

¤    L-EASO, fl-2012 għandu jirrevedi l-proċeduri li se jiffaċilitaw l-issekondar tal-uffiċjali biex jgħinu lill-Istati Membri li jiffaċċjaw pressjonijiet partikolari fuq is-sistemi tal-ażil tagħhom, u għandu joħloq riżerva ta’ esperti, case workers u interpreti li jistgħu jkunu mmobbilizzati fi żmien qasir f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

¤    L-EASO għandu jtejjeb l-effiċjenza meta jintbagħtu l-esperti permezz ta’ evalwazzjoni tal-metodoloġija tal-Pjan Operattiv u tal-esperjenza inizjali tat-Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ażil fil-Greċja.

¤    Il-Kummissjoni, fl-2013 għandha tevalwa l-impatt tal-EASO fuq il-koperazzjoni prattika fil-qasam tal-ażil u fuq is-SEKA u għandha tipproponi miżuri addizzjonali possibbli meqjusa meħtieġa sabiex tiżgura s-solidarjetà effettiva u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet.

¤    L-EASO u l-Frontex, fl-2012 għandhom jilħqu ftehim dwar arranġamenti ta’ koperazzjoni ċari biex jimmassimizzaw l-analiżi, l-assistenza teknika u l-għoti tal-mezzi u tal-esperti biex itejbu l-kapaċità tal-UE biex taġixxi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

¤    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-użu tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili fl-eventwalità ta’ flussi migratorji eċċezzjonali li jegħlbu l-kapaċitajiet nazzjonali ta’ reazzjoni meta l-kundizzjonijiet speċifiċi jkunu sodisfatti.

2. It-tisħiħ tal-valur miżjud tal-istrumenti ta’ solidarjetà finanzjarja li jappoġġjaw il-politika tal-ażil 2.1. L-immassimizzar tal-użu tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati sal-2013

Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER) wera kif permezz ta’ ħidma flimkien bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jista’ jinħoloq valur miżjud sinifikanti. Minn mindu nħoloq fl-2000, il-Fond għen lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tas-sistemi ta’ ażil tagħhom. Pereżempju, il-Fond għen lill-Italja twaqqaf sistema ta’ akkoljenza tal-ażil. Hu għen lill-Istati Membri tal-UE-10+2 li qabel l-adeżjoni ma kellhomx tradizzjoni stabbilita ta’ għoti tal-ażil biex jiżviluppaw aktar is-sistemi tagħhom. Dan ippermetta wkoll lill-Istati Membri biex jagħtu bidu għal politiki ta’ integrazzjoni tar-refuġjati u kkontribwixxa għal proġetti innovattivi. Dan serva wkoll ta’ ispirazzjoni għall-Istati Membri biex jibdew attivitajiet ġodda inklużi r-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni. Fi snin reċenti, dan ipprovda għajnuna ta’ emerġenza li kienet tant meħtieġa għall-Belġju, il-Greċja, l-Italja u Malta.

Għall-kumplament tas-sentejn ta’ operazzjoni tal-FER (2008-2013), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jagħmlu użu sħiħ tal-opportunitajiet disponibbli taħt il-Fond. Dan għandu jibda billi jikkonformaw mar-rekwiżiti formali kollha sabiex il-fondi kollha jkunu jistgħu jiġu żborżati. Hu importanti ferm li l-Istati Membri jużaw il-FER biex jiffinanzjaw investimenti li jrendu benefiċċji fit-tul għas-sistemi ta’ ażil tagħhom. Il-Fond mhux iddisinjat biex sempliċement iżid il-baġits operattivi nazzjonali għall-ażil. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni riċentament ħeġġet lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aktar strateġiku tal-FER fl-2012 u l-2013.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-implimentazzjoni effettiva tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-ażil, flimkien ma’ proġetti innovattivi ta’ koperazzjoni prattika, għandha tnaqqas l-ispejjeż tal-proċessi tal-ażil. L-ażil hu qasam politiku fejn l-investiment irendi tfaddil fit-tul, kemm finanzjarji u soċjali. Huwa għal din ir-raġuni li l-FER għandu jintuża b’mod partikolari biex jappoġġja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-leġiżlazzjoni dwar is-SEKA.

2.2. Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni aktar flessibbli, integrat u mmirat mill-2014 sal-2020

Mill-2014, l-Istati Membri se jkollhom Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni ġdid[2] (FAM) għad-dispożizzjoni tagħhom. Kif propost mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Novembru 2011, dan se jġib għadd ta’ titjib evoluzzjonarju importanti li għandhom jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE u jiġġeneraw valur miżjud tal-UE aktar sinifikanti.

Innovazzjoni importanti hi d-djalogu mifrux dwar il-politika tal-affarijiet interni ma’ kull Stat Membru rigward l-użu tagħhom tal-Fond il-ġdid, li għandu jippreċedi l-ipprogrammar multiannwali. Dan id-djalogu se jistabbilixxi l-għanijiet li l-Istati Membri jixtiequ jiksbu fil-qasam tal-politika u l-għanijiet speċifiċi li għandhom jinkisbu permezz tar-riżorsi tal-Fond. Flimkien ma dan se jsir ukoll rappurtar annwali mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Fond.

Fl-istess waqt, il-Fond il-ġdid se jkun aktar flessibbli. L-approprjazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kummissjoni se jiġu ttrattati bħala pakkett uniku, li jintefaq skont l-iżviluppi tal-politika jew is-sitwazzjoni fl-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi. Il-Fond il-ġdid se jiżgura wkoll li l-flus se jmorru fejn huma l-aktar meħtieġa. Il-kriterji dwar l-użu tal-allokazzjonijiet mill-Istati Membri huma maħsuba biex ikunu aktar immirati u huma mfassla biex jiżguraw li jkun hemm solidarjetà mal-Istati Membri taħt pressjoni partikolari, jew dawk li għad għandhom l-akbar ħtieġa biex jiżviluppaw il-kapaċità. Il-Fond il-ġdid se jkun kapaċi jqis il-varjazzjonijiet sinifikanti fin-numru ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri, inkluż dawk trasferiti skont il-Konvenzjoni ta’ Dublin, u se jalloka riżorsi addizzjonali għall-Istati Membri fil-bżonn fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu. Sistema ta’ ġestjoni ssimplifikata hi prevista biex tnaqqas il-piż amministrattiv involut.

Il-Fond jipproponi li jagħti inċentiv finanzjarju lill-Istati Membri, simili għal dak użat attwalment għar-risistemazzjoni ta’ kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati (gruppi vulnerabbli u persuni li ġejjin mill-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali), biex jikkumpensa lil dawk l-Istati Membri li jaqblu li jirrilokaw benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor.

Fl-aħħarnett, sabiex isir użu aktar effettiv tal-kompetenza u l-għarfien espert tal-aġenziji għall-affarijiet interni tal-Unjoni, il-proposta tipprevedi wkoll li jsir użu mill-possibbiltà offruta mir-Regolament Finanzjarju biex tiġi fdata, skont ir-riżorsi disponibbli taħt il-Fond, l-implimentazzjoni tal-kompiti speċifiċi f’idejn l-aġenziji, skont il-qafas tal-missjonijiet tagħhom u b’mod kumplimentari mal-programmi ta’ ħidma tagħhom. Dan huwa mingħajr preġudizzju għat-tnaqqis globali previst tal-persunal.

2.3. L-isfruttar tal-komplementarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji għal impatt massimu

Is-solidarjetà finanzjarja għall-għanijiet ta’ ażil tista’ tibbenefika wkoll, kemm b’mod dirett u indirett, minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE. Pereżempju, il-Fond Soċjali Ewropew jipprovdi assistenza għal programmi ta’ taħriġ vokazzjonali li jistgħu jassistu lil dawk li jfittxu l-ażil u lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali biex jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol jew biex iżidu l-ħiliet tagħhom. Fondi Strutturali oħra, notevolment il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, jistgħu wkoll jintużaw biex jassistu reġjuni eliġibbli fl-Istati Membri biex, pereżempju, jibnu l-infrastruttura bħal ċentri ta’ akkomodazzjoni. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-użu ta’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE b’mod ikkordinat u komprensiv. Dan jeħtieġ ipprogrammar strateġiku u kordinazzjoni interministerjali robusta.

Il-punti ewlenin ta’ azzjoni

¤    L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu tal-programmi tal-FER tal-2011, l-2012 u l-2013, inklużi l-miżuri ta’ emerġenza. Fl-2013, l-ipprogrammar għandu jkun użat b’mod aktar strateġiku, pereżempju, biex jappoġġja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata fil-qafas tal-pakkett dwar l-ażil għall-2012.

¤    Il-koleġiżlaturi għandhom jilħqu ftehim malajr dwar l-istrumenti speċifiċi tal-MFF li jappoġġjaw il-politika tal-ażil ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Novembru 2011.

¤    L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kordinazzjoni u l-komplementarjetà ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE biex isaħħu l-kapaċità tagħhom ta’ ġestjoni tal-flussi tal-ażil.

3. Il-ħidma rigward il-kwistjoni tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet 3.1. Il-bżonn ta’ riforma għar-Regolament ta’ Dublin

L-objettiv tar-Regolament ta’ Dublin, li r-responsabbiltà għal kull persuna li tfittex l-ażil tiġi assenjata lil Stat Membru partikolari, għadu fil-qalba tas-SEKA. Mekkaniżmu sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-applikazzjonijiet għall-ażil jibqa’ meħtieġ sabiex jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat, mingħajr ma jiġi kompromess l-għan tal-ipproċessar rapidu tal-applikazzjonijiet għall-ażil, u jipprevjeni l-abbuż f’każ li l-istess persuna tissottometti aktar minn applikazzjoni waħda f’diversi Stati Membri.

Il-prinċipji tar-Regolament ta’ Dublin, li l-Kummissjoni pproponiet li żżomm fil-proposta tagħha tal-2008 biex tirrevedi r-Regolament, mhumiex purament biex jirritornaw lil dawk li jfittxu ażil lura lejn l-Istat tal-ewwel dħul. Diversi klawżoli jevitaw dan il-kriterju. F’ċerti sitwazzjonijiet, it-trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin jistgħu jegħlbu l-kapaċità ta’ Stat Membru taħt pressjoni, għad-detriment mhux biss ta’ dak l-Istat Membru, iżda wkoll tad-drittijiet tal-applikanti.

Il-ġurisprudenza evolventi qajmet kwistjonijiet fundamentali dwar kif is-sistema ta’ Dublin tista’ tkun operata b’mod effettiv fiċ-ċirkostanzi kollha u kif jista jiġi żgurat li l-miżuri meħuda skont l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet funadmentali, bl-aktar każ notevoli jkun dak tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ M.S.S. kontra l-Belġju u l-Greċja tal-2011[3]. Fi ftit xhur, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE se tipprovdi wkoll aktar gwida li jeħtieġ tkun ikkunsidrata fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-SEKA.

Sabiex titħares l-integrità tagħha, għandu jsir titjib fl-effiċjenza tas-sistema ta’ Dublin u fil-livell ta’ salvagwardji għall-applikanti. In-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 żvelaw il-ħtieġa għal titjib tal-fiduċja reċiproka fis-sistema ta’ Dublin. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li jiżdiedu l-monitoraġġi u l-miżuri ta’ riżoluzzjoni tal-problemi biex isir intervent fl-istadji tal-bidu permezz tal-evalwazzjoni u l-mezzi ta’ twissija bikrija. Dan issa għandu jingħata prijorità fl-aħħar fażi tan-negozjati bil-ħsieb li tintlaħaq l-iskadenza tal-2012 (ara t-taqsima 4.2 hawn taħt).

Minħabba li sistema ta’ Dublin li tiffunzjona tajjeb hija essenzjali għas-SEKA, il-prinċipji u l-funzjonament tagħha għandhom ikunu riveduti regolarment hekk kif komponenti oħra tas-SEKA u l-għodda ta’ solidarjetà tal-UE ikunu qed jinbnew. Għandha ssir verifika komprensiva billi ssir reviżjoni bbażata fuq l-evidenza li tkopri l-effetti legali, ekonomiċi u soċjali tas-sistema ta’ Dublin, inklużi l-effetti tagħha fuq id-drittijiet fundamentali.

3.2. L-iżvilupp ulterjuri tar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali

Ir-rilokazzjoni tikkonsisti fit-trasferiment tal-benefiċjarji jew l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor, fejn l-Istat Membru riċevitur jassumi r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni jew għall-miżuri ta’ integrazzjoni.

L-idea ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali qabel ma l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tagħhom ikunu vvalutati hija kontenzjuża. Ċerti partijiet interessati jarawha bħala miżura utli jew anke bħala miżura neċessarja. Hemm xi Stati Membri li huma favur anke tar-rilokazzjoni tal-migranti irregolari, filwaqt li oħrajn jikkontestaw din l-idea. Għad baqa’ ħafna domandi dwar kif tali azzjoni tista’ taħdem mas-sistema ta’ Dublin, dwar l-użu fil-prattika u l-kosteffettività tagħha meta mqabbla ma’ forom oħra ta’ solidarjetà, u l-impatt fuq l-applikanti nfushom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li f'dan l-istadju ma jkunx utli li jiġi propost mekkaniżmu tal-UE għar-rilokazzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ħolqot l-ambitu għall-kofinanzjament mill-Unjoni ta’ tali attivitajiet fil-proposta tal-FMA, li tikkonsolida u tiżviluppa aktar dak li huwa diġà possibbli taħt il-FER. Dan se jiffaċilita inizjattivi ġodda mill-Istati Membri li jkunu lesti li jinvolvu ruħhom fi proġetti volontarji, fejn l-EASO tieħu rwol kordinattiv. Tali kofinanzjament jista’ jkun utli wkoll f’emerġenza.

B’kuntrast, hemm kunsens li r-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali tista' tkun kemm utli u anke xierqa. F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni pproponiet proġett pilota mifrux mal-UE, l-EUREMA (Il-Proġett ta’ Malta dwar ir-Rilokazzjoni fl-UE), ikkofinanzjat mill-FER. Il-proġett tlesta fis-sajf tal-2011, fejn 227 benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali ġew risistemati minn Malta għal sitt Stati Membri oħra.

Il-proġett pilota kien esperjenza importanti għall-parteċipanti kollha involuti. Matul il-proġett, l-Istati Membri kienu kreattivi fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal bosta kwistjonijiet legali u prattiċi li jikkonċernaw, pereżempju, l-għoti ta’ status xieraq jew l-miżuri effettivi ta’ integrazzjoni. Dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jgħinu lill-EASO jipprepara l-attivitajiet ta’ appoġġ għar-rilokazzjoni li huma mitluba skont il-bażi legali tal-EASO, bħal miżuri preparatorji operattivi, is-sensibilizzazzjoni, u l-kordinament tal-eżekuzzjoni. Is-suċċess tal-proġett wassal għat-tnedija tat-tieni fażi tiegħu permezz ta’ konferenza dwar l-impenji fit-12 ta’ Mejju 2011 fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Għalkemm it-total tal-postijiet li ġew impenjati kien aktar minn dak tal-ewwel fażi - total ta’ kważi 340 – l-ammont xorta għadu baxx. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu aktar postijiet, speċjalment minħabba l-ammont ta’ wasliet ġodda ta’ persuni li jfittxu l-ażil f’Malta fis-sajf tal-2011.

Il-Kummissjoni appoġġjat bil-qawwa r-rilokazzjoni billi tat bidu u mexxiet il-proġett pilota. Abbażi tal-esperjenza taż-żewġ fażijiet tal-proġett, u b’kunsiderazzjoni tal-appoġġ futur tal-EASO għall-attivitajiet ta’ rilokazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi skema volontarja u permanenti, soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt ulterjuri. Din tkun tippermetti lill-Istati Membri jitolbu assistenza permezz tar-rilokazzjoni, inkluż f’emerġenza.

Żvilupp aktar riċenti huwa l-adozzjoni tad-Direttiva emendata[4] dwar id-drittijiet ta’ residenza fit-tul, li tagħti ċertu drittijiet, trattament ugwali u d-dritt ta’ moviment għal Stat Membru ieħor wara ħames snin ta’ residenza, lil dawk li jkunu rikonoxxuti bħala benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Fija nnifisha din mhijiex miżura ta’ solidarjetà, iżda tista’ tipprovdi ċertu għajnuna biex titaffa l-pressjoni fuq ċerti Stati Membri jekk numru ta’ benefiċjarji rikonoxxuti jagħżlu li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor skont ċerti kondizzjonijiet.

3.3. L-istħarriġ tal-fattibbiltà ta’ ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet fuq it-territorju tal-Unjoni

Il-kwistjoni dwar l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil fuq it-territorju tal-Unjoni ġiet imqajma l-ewwel darba fil-Programm tal-Aja. Il-Programm ta’ Stokkolma stieden lill-Kummissjoni biex tiffinalizza l-istudju tagħha dwar il-fattibbiltà u l-implikazzjonijiet legali u prattiċi biex tistabbilixxi l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil.

Hemm ħafna aspetti tal-ipproċessar konġunt li jeħtieġ li jiġu ċċarati. Id-domandi essenzjali jinkludu valutazzjoni tat-tip ta’ sitwazzjonijiet fejn l-ipproċessar konġunt jista’ jkun utli. Kwistjonijiet legali u amministrattivi li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu l-kompatibbiltà mal-liġi tal-UE, il-bażi legali fit-Trattati, il-kwistjoni ta’ rimedju effettiv, l-istatus tal-persuni soġġett għall-ipproċessar konġunt, min għandu jkollu l-kompetenza li jieħu d-deċiżjonijiet, ir-rabta għat-trasferiment tal-protezzjoni u/jew ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil, u r-rikonċiljazzjoni mas-sistema ta’ Dublin. Il-kwistjonijiet finanzjarji jinkludu l-ispejjeż mqabbla ma’ proċedura purament nazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament. Kwistjonijiet prattiċi li għandhom jiġu studjati jinkludu fost oħrajn il-post fejn l-ipproċessar konġunt jista’ jseħħ u l-użu potenzjali ta’ ħidma mill-bogħod. L-ipproċessar konġunt irid naturalment jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-applikanti.

L-ipproċessar konġunt fuq it-territorju tal-Unjoni jista’ jsir għodda utli għas-solidarjetà. Dan jista’ jgħin lill-Istati Membri taħt pressjoni fit-tnaqqis tal-każijiet pendenti, b’hekk jakkumpanja s-sistema ta’ Dublin. Dan jista’ jkun mezz għat-tixrid tal-aqwa prattika u għall-kondiviżjoni tat-tekniki, għal darb’ oħra bil-ħsieb li jiġu armonizzati s-sistemi tal-ażil billi tiżdied il-fiduċja fis-sistemi tal-ażil ta’ xulxin. Minħabba l-varjazzjoni fl-ammont ta’ wasliet ta’ dawk li jitolbu ażil, xi Stati Membri jgħaddu minn perjodi ta’ pressjoni relattivament baxxa u jista’ jkollhom kapaċità ta’ persunal li tista’ sservi ta’ għajnuna għal Stati Membri oħra. Huwa importanti li jiġi investigat jekk ir-riżorsi jistgħux jiġu mislufa jew kondiviżi skont il-kapaċità bejn l-Istati Membri, possibbilment b’rabta mal-proċeduri għall-issekondar tal-uffiċjali li għandhom jiġu żviluppati mill-EASO.

Il-Kummissjoni se tniedi studju biex tikkunsidra dawn il-kwistjonijiet fil-fond. Ir-riżultat jista’ jkun disponibbli fi tmiem l-2012.

3.4. L-iżgurar ta’ allokazzjoni tar-responsabbiltà xierqa f’ċirkostanzi eċċezzjonali

Minbarra l-komponent ta’ emerġenza ta’ skema tar-rilokazzjoni futura u permanenti, fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati, il-Kummissjoni se tikkunsidra dejjem l-użu tal-mekkaniżmu tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja meta l-kondizzjonijiet jiġu ssodisfati. Din id-Direttiva hi għodda utli f'sitwazzjoni eċċezzjonali. Din tipprovdi għal status xieraq għall-benefiċjarji tagħha, filwaqt li jittaffa l-piż fuq is-sistema tal-ażil u toħloq mekkaniżmu strutturat, iżda madankollu volontarju, għat-trasferiment tal-benefiċjarji bejn l-Istati Membri. Fl-istess ħin, il-kriterji għall-użu tagħha huma definiti strettament: dan jista’ jseħħ biss fil-każ ta’ influss bil-massa jew influss bil-massa imminenti ta’ persuni spostati li ma jkunux jistgħu jerġgħu jmorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema, b’mod partikolari jekk ikun hemm ukoll ir-riskju li s-sistema tal-ażil ma tkunx kapaċi tipproċessa dan l-influss mingħajr effetti negattivi għall-operat effiċjenti tagħha. Influss bil-massa tfisser il-wasla fl-Unjoni ta’ numu kbir ta’ persuni spostati, li jkunu ġejjin minn pajjiż speċifiku jew żona speċifika, kemm jekk il-wasla tagħhom fl-Unjoni kienet spontanja kif ukoll jekk megħjuna, pereżempju permezz ta’ programm ta’ evakwazzjoni. L-Unjoni ilha ma tkun f’sitwazzjoni ta’ influss ta’ persuni spostati bil-massa mill-kriżi tal-1999 tar-refuġjati tal-Kosovo. L-avvenimenti tal-2011 fin-Nofsinhar tal-Mediterran ma wasslux għal influss ta’ persuni fl-UE ta’ livell komparabbli.

Il-wasla ta’ numru kbir ta’ persuni li jfittxu ażil u migranti irregolari fuq il-fruntiera esterna tan-Nofsinhar tal-UE ħafna drabi tagħti lok għal sitwazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. L-Istati Membri huma marbuta b’obbligi skont il-liġi internazzjonali biex jassistu kwalunkwe persuna f’diffikultà fuq il-baħar u biex jiżguraw inżul f’post ta’ sigurtà mill-aktar fis possibbli. Il-prinċipju ta’ non-refoulement irid jiġi rrispettat b’mod sħiħ. Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għall-pajjiżi terzi tat-tluq. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw l-aħjar koperazzjoni u kordinazzjoni possibbli bejniethom biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Filwaqt li dawn huma obbligi assoluti fejn il-ħajja u s-saħħa tal-persuni huma importantissimi, ma jistax jiġi nnegat li mingħajr miżuri meħuda fil-livell tal-UE, numru kbir ta’ wasliet ikun ipoġġi pressjoni serja fuq il-kapaċitajiet u r-responsabbiltajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri, inkluż fir-rigward tar-ritorn. L-impatt pożittiv ta’ miżuri bħar-rilokazzjoni, kif deskritt fit-taqsima preċedenti, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala mezz ta’ kif jista’ jiġi indirizzat il-piż li jaf jirriżulta mill-iżbark ta’ persuni salvati li japplikaw u jikkwalifikaw għall-protezzjoni internazzjonali.

Il-punti ewlenin ta’ azzjoni

¤    Il-koleġiżlaturi għandhom iħaffu n-negozjati għar-riforma tar-Regolament ta’ Dublin biex tintlaħaq l-iskadenza tal-2012.

¤    Il-Kummissjoni għandha tniedi valutazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin fl-2014.

¤    L-Istati Membri għandhom iżidu l-impenji tagħhom fil-kuntest tal-estensjoni tal-proġett pilota ta’ rilokazzjoni għal Malta, kif enfasizzata waqt il-Konferenza Ministerjali tat-12 ta’ Mejju 2011.

¤    Soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ulterjuri, il-Kummissjoni, fl-2012 għandha tipproponi skema tar-rilokazzjoni volontarja u permanenti għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

¤    L-EASO għandu jimpenja ruħu fl-appoġġ u l-iffaċilitar tar-rilokazzjoni, kif previst fir-Regolament tal-EASO, abbażi tal-esperjenza tal-EUREMA.

¤    Il-Kummissjoni għandha tniedi studju dwar il-fattibbiltà u l-implikazzjonijiet legali u prattiċi biex tistabbilixxi l-ippoċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil, kif previst fil-Programm ta’ Stokkolma, biex tikseb riżultati qabel tmiem l-2012.

¤    L-UE għandha tagħmel użu mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja meta l-kriterji u s-sitwazzjonijiet ikunu ssodisfati.

4. Il-fiduċja reċiproka fil-qalba ta’ sistema ta’ governanza mġedda 4.1. Il-lezzjonijiet mill-Greċja: il-komplementazzjoni tal-proċedimenti ta’ ksur

Il-Kummissjoni enfasizzat kemm-il darba li l-istandards mhux ċari fl-acquis tal-ażil attwali jikkontribwixxu għal livell inkonsistenti fl-implimentazzjoni u diffikultajiet fil-monitoraġġ. L-istrumenti tas-SEKA emendati proposti mill-Kummissjoni għandhom itejbu b’mod sinifikanti ċ-ċarezza u l-preċiżjoni u jippermettu lill-Kummissjoni tissorvelja aħjar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

Fl-istess ħin, sabiex ikunu żgurati l-funzjonament tajjeb u r-reżiljenza tas-sistemi tal-ażil ta’ kull Stat Membru f’kull waqt, l-istrumenti tradizzjonali tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-acquis (bħal proċedimenti ta’ ksur u evalwazzjonijiet regolari ta’ strumenti legali) għandhom jiġu kkumplimentati b’miżuri addizzjonali, preferibbilment preventivi, ibbażat fuq livell xieraq ta’ fiduċja reċiproka. Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu primarjament responsabbli, hemm bżonn rispons aktar komprensiv, b’mod speċjali peress li l-Unjoni mhux biss għandha d-dmir lejn l-Istat Membru tagħha, iżda wkoll lejn l-applikanti għall-ażil. L-iżviluppi fil-Greċja kienu esperjenza importanti f’dan ir-rigward peress li l-Unjoni pprovdiet reazzjoni komprensiva għas-sistema tal-ażil Griega li kienet sejra ħażin, li wriet xi sinjali ta’ titjib għalkemm għad fadal ħafna xi jsir.

Wara allegazzjonijiet li l-Greċja ma kinitx implimentat il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil b’mod korrett u ċerti aspetti tas-sistema tal-ażil tagħha kienu dgħajfa ħafna, inkluż kundizzjonijiet inumani fiċ-ċentri tad-detenzjoni, il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Greċja fl-2009. Madankollu, minħabba l-aspett umanitarju tal-ażil, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien neċessarju li tipprovdi forom differenti ta’ assistenza lill-Greċja biex ittejjeb is-sitwazzjoni.

Għalhekk, fl-istess waqt tal-proċedimenti ta’ ksur, il-Kummissjoni impenjat ruħha fi djalogu mal-awtoritajiet Griegi. Hi għenet lill-Greċja tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni. Hi kkordinat l-assistenza tal-esperti minn Stati Membri oħra. Hi pprovdiet ukoll finanzjament ta’ emerġenza mill-FER, ikkumplimentat minn sorsi oħra ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE. Wara t-talba magħmula mill-Greċja, f’April 2011 l-EASO flimkien mal-awtoritajiet Griegi żviluppaw Pjan Operattiv ta’ sentejn biex jintbagħtu Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ażil, li bdew xogħolhom fuq l-art.

Flimkien ma’ bidliet magħmula mill-gvern Grieg, notevolment permezz tal-adozzjoni ta’ liġijiet ġodda, jistgħu jiġu identifikati numru ta’ żviluppi pożittivi li huma relatati mal-Pjan ta’ Azzjoni . B’mod partikolari, kien hemm żieda fir-rati ta’ rikonoxximent tal-ażil (minn inqas minn 1% għal 12.35%) u l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet tjiebet. Għalkemm huwa meħtieġ aktar progress u għad hemm tħassib serju f’ċerti oqsma, bħaċ-ċentri ta’ detenzjoni u l-aċċess għal ċerti drittijiet, dan huwa eżempju fejn l-Istat Membru jibqa’ responsabbli tal-affarijiet interni tiegħu, iżda huwa mogħti kemm assistenza finanzjarja u anke prattika biex ikun jista’ jagħmel dan.

F’ċertu punt, il-monitoraġġ irid imur lil hinn mill-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-acquis, peress li wara ċertu żmien, l-akkumulazzjoni ta’ problemi ta’ kapaċità u l-għażliet ta’ ġestjoni problematiċi jistgħu iwasslu potenzjalment ukoll għal ksur serju tad-drittijiet fundamentali u għad-distabilizzazzjoni tas-SEKA, inkluż tas-sistema ta’ Dublin.

4.2. It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistema ta’ Dublin

Riċentement, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri iddiskutew dwar kif jista’ jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri kollha u kif jistgħu jinstabu u jiġu indirizzati l-problemi emerġenti qabel ma jwasslu għal kriżijiet u proċedimenti ta’ ksur. L-idea ta’ evalwazzjoni u mekkaniżmu ta’ twissija bikrija tidher li tista’ tkun soluzzjoni tajba.

Tali mekkaniżmu jista’ jkollu żewġ funzjonijiet: l-ewwel, il-monitoraġġ kontinwu tal-Istati Membri kollha biex tiġi aċċertata l-preparatezza kostanti tagħhom; it-tieni, pjan ta’ azzjoni strutturat u sekwenzjali biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet qabel ma jikbru fi kriżi.

Fil-prattika, proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ twissija bikrija jista’ jkopri aspetti differenti ta’ governanza tas-sistema tal-ażil ta’ kull Stat Membru, inkluż pereżempju l-organizzazzjoni ġeografika u baġitarja tas-sistema tal-ażil, l-impatt tat-trasferimenti ta’ Dublin, l-użu xieraq tal-għodda ta’ solidarjetà tal-UE, il-parteċipazzjoni f’inizjattivi ta’ solidarjetà tal-UE eċċ. Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-valutazzjoni jkunu jipprovdu twissija bikrija dwar problemi potenzjali. Dawn jistgħu jintużaw ukoll biex jiġu kkordinati aħjar il-miżuri ta’ solidarjetà mmirati lejn l-Istat Membru, inkluż ipprogrammar aħjar tal-fondi tal-UE u tal-prijoritajiet tal-attivitajiet ta’ koperazzjoni prattika tal-EASO. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan il-proċess ikun jeħtieġ li jinstabu l-aħjar mezzi u arranġamenti proċedurali.

Passi ta’ segwitu speċifiċi jeħtieġ li jiġu previsti biex jiżguraw li r-riżultati tal-valutazzjoni jiġu mmonitorjati b’mod xieraq. Il-pjan jista’ jinkludi talbiet għal miżuri ta’ solidarjetà kkordinati biex tkun appoġġjata l-azzjoni meħtieġa mill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni temmen li tali proċess jista’ jtejjeb b’mod sostanzjali l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma spiss kritiċi tas-sistema ta’ Dublin.

4.3. Il-ħolqien tal-fiduċja reċiproka permezz ta’ oqsma oħra tal-ġestjoni tal-migrazzjoni

Il-fiduċja reċiproka hi fundamentali biex il-koperazzjoni fil-qasam tal-ażil tiffunzjona tajjeb. Żieda fil-fiduċja twassal għal żieda fis-solidarjetà, li hija r-raġuni għaliex huwa daqstant importanti li tissaħħaħ il-fiduċja. Għalkemm l-objettivi ta’ kull politika rrelatata mal-migrazzjoni huma differenti, ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fil-forma ta’ ġestjoni aħjar tal-fruntiera u l-politika dwar il-viżi jista’ jkollhom ukoll impatt pożittiv fuq it-titjib tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ażil.

Il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ tibdiliet għall-governanza ta’ Schengen fis-16 ta’ Settembru 2011, immirati biex jissalvagwardjaw il-libertà tal-moviment billi ttejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Il-proposti se jtejbu l-ġestjoni komuni ta’ Schengen permezz ta’ reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen. Billi jiżguraw aħjar l-applikazzjoni xierqa tal-acquis ta’ Schengen, il-proposti jżidu l-kunfidenza fil-kapaċità tal-Unjoni li tikkontrolla l-problemi fuq il-fruntiera b’mod komuni u fi spirtu ta’ solidarjetà, li jagħmluha wkoll eħfef għall-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ solidarjetà fil-qasam tal-ażil.

Fir-rigward tal-politika dwar il-viżi, waħda mill-emendi għar-Regolament tal-Viżi[5] proposti mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Mejju 2011 tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-effiċjenza tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri. L-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ salvagwardja tal-viżi, bħala l-aħħar miżura, tkun tippermetti s-sospensjoni tal-moviment liberu mingħajr viża minn pajjiż terz fejn ikun hemm evidenza li dan wassal, inter alia, għal abbuż tas-sistema tal-ażil.

Dan il-mekkaniżmu jkun jippermetti b’mod partikolari lill-Unjoni biex iżżomm bilanċ bejn il-ġestjoni aħjar tal-moviment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-iżgurar li l-ivjaġġar ħieles mill-viża ma jwassalx għal irregolaritajiet jew abbuż. Għalhekk, l-Unjoni se tkompli, fuq naħa, takkumpanja l-liberalizzazzjoni tal-viżi b’mekkaniżmi protettivi għall-Istati Membri, filwaqt li titgħallem mill-esperjenzi bħall-'mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għal wara l-liberalizzazzjoni tal-viżi' stabbilit biex jassigura l-operazzjoni bla xkiel tar-reġim ħieles mill-viżi mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Min-naħa l-oħra, l-UE se tattiva wkoll mezzi biex tipprovdi soluzzjonijiet għal dawk l-Istati Membri li jiffaċċjaw fluss speċifiku ta’ persuni li jfittxu l-ażil minn pajjiżi terzi. Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ta’ wara l-liberalizzazzjoni tal-viżi ppermetta lill-Kummissjoni tikseb l-informazzjoni meħtieġa u tipproponi miżuri orjentati lejn il-prevenzjoni ta’ influssi ta’ immigranti irregolari sussegwenti li jabbużaw mir-reġim ħieles mill-viżi.

Il-punti ewlenin ta’ azzjoni

¤    L-UE għandha tilħaq il-mira tal-2012 għall-pakkett dwar l-ażil.

¤    L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġi tal-UE u l-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjonijiet regolari u ssegwi proċedimenti ta’ ksur.

¤    Il-Greċja għandha ssegwi l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, billi tagħmel użu sħiħ tal-miżuri ta’ solidarjetà disponibbli, biex tilħaq kull skadenza stabbilita fil-Pjan.

¤    Il-koleġiżlaturi għandhom jiffinalizzaw in-negozjati dwar ir-Regolament ta’ Dublin flimkien ma’ dispożizzjonijiet riinfurzati biex jappoġġjaw il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u twissija bikrija biex jiskopru problemi bikrija.

¤    Il-koleġiżlaturi għandhom japprovaw il-pakkett ta’ Schengen tas-16 ta’ Settembru 2011 biex itejbu l-governanza tal-ġestjoni tal-fruntieri.

¤    Il-koleġiżlaturi għandhom japprovaw l-emenda għar-Regolament dwar il-Viżi li pproponiet il-Kummissjoni fl-24 ta’ Mejju 2011..

Konklużjoni

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom sett ta’ miżuri ta’ solidarjetà, flessibbli u li dejjem jevolvu, għad-dispożizzjoni tagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jintużaw flimkien jew separatament. Kif propost minn din il-Komunikazzjoni, uħud jistgħu jittejbu u miżuri ġodda jistgħu jiġu żviluppati.

Aspetti oħra dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni jistgħu jgħinu wkoll jikkonsolidaw is-solidarjetà bejn l-UE fil-qasam tal-ażil. L-UE għandu jkollha politika effiċjenti dwar ir-ritorni biex tissalvagwardja l-kredibbiltà u l-integrità tas-sistemi tal-ażil. Din hi kwistjoni li l-Kummissjoni se tindirizza f’Komunikazzjoni separata fl-2013. Ħidma għal aktar konverġenza fil-politika dwar il-migrazzjoni legali tista’ wkoll tappoġġja s-solidarjetà, b’mod partikolari biex ikun żgurat li l-politika tal-ażil, inklużi l-aspetti ta’ solidarjetà tagħha, ma ssofrix il-konsegwenzi ta’ ġestjoni ineffettiva tal-migrazzjoni legali.

Il-Koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b’mod speċjali pajjiżi ta’ oriġini u tranżitu tar-refuġjati, jekk titmexxa sewwa mill-UE b’mod sħiħ, tista’ tgħin ukoll biex ikun hemm ġestjoni jew prevenzjoni tal-flussi tal-ażil. Tali koperazzjoni għandha tinkludi, pereżempju, għajnuna biex jitjieb l-ispazju ta’ protezzjoni f’reġjuni oħra tad-dinja, jew l-offerta ta’ numru akbar ta’ postijiet ta’ risistemazzjoni ġewwa l-UE. Tali koperazzjoni tista’ sservi wkoll bħala mezz ta’ espressjoni ta’ solidarjetà ma’ pajjiżi terzi, li spiss ikunu taħt pressjoni ħafna ogħla minn dik fuq l-UE, kif riċentament deher mill-kriżi ta’ migrazzjoni relatata mal-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran, u kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà[6].

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni dejjem jibqagħla l-possibbiltà li tagħmel proposti fuq il-bażi tal-Artikolu 78(3) tat-TFUE f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kkaratterizzati minn influss f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sabiex tadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istati Membri kkonċernati jekk l-istrumenti li jinsabu diġà disponibbli ma jipprovdux il-possibbiltajiet u l-bażi legali meħtieġa.

Is-suċċess tal-miżuri ta’ solidarjetà tal-Unjoni jiddependu fuq l-involviment u l-koperazzjoni tal-partijiet interessati kollha. L-Unjoni għandha tkompli tiddiskuti dwar is-solidarjetà fil-qasam tal-ażil, inkluż fuq livelli politiċi għoljin, fuq bażi regolari biex ittejjeb u tirrevedi s-sett ta’ miżuri ta’ solidarjetà dwar l-ażil. Il-Kummissjoni se tagħmel rapport dwar il-progress miksub fir-rapporti annwali bil-‘metodu ta’ ttraċċjar’ dwar l-immigrazzjoni u l-ażil li jmiss.

ANNESS

L-istatistika dwar l-ażil

Bejn l-1998 (l-ewwel data li għaliha hija disponibbli dejta fuq il-livell tal-UE) u l-2010, in-numru totali tal-applikazzjonijiet għall-ażil fis-27 Stat Membru tal-UE inbidel kif ġej. Fl-ewwel nofs tal-2011, in-numru tal-applikazzjonijiet għall-ażil żdied b’14 % meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2010 (innota li d-dejta mill-Greċja u l-Lussemburgu għadha mhix disponibbli kollha).

Sors: Eurostat.

L-applikazzjonijiet għall-ażil fl-ewwel nofs tal-2011 mqabbla mal-ewwel nofs tal-2010

|| H1 2010 || Sena sħiħa 2010 || H1 2011* || Bidla H1 2010-2011* || 2011M01 || 2011M02 || 2011M03 || 2011M04 || 2011M05 || 2011M06

BE || 11 445 || 26 550 || 14 790 || +29 % || 2 335 || 2 365 || 2 825 || 2 525 || 2 420 || 2 320

BG || 500 || 1 030 || 465 || -7 % || 115 || 90 || 70 || 65 || 60 || 65

CZ || 465 || 785 || 370 || -20 % || 65 || 55 || 70 || 60 || 75 || 45

DK || 2 310 || 5 105 || 1 830 || -21 % || 365 || 290 || 325 || 290 || 290 || 270

DE || 18 455 || 48 595 || 22 890 || +24 % || 4 245 || 3 735 || 4 075 || 3 365 || 3 875 || 3 595

EE || 20 || 35 || 35 || +75 % || 5 || 5 || 5 || 5 || 10 || 5

IE || 1 025 || 1 940 || 685 || -33 % || 135 || 125 || 125 || 85 || 100 || 115

EL || 4 705 || 10 275 || 3 800* || +3 %* || 605 || 920 || 1 005 || 455 || 815 || :

ES || 1 210 || 2 745 || 1 950 || +61 % || 240 || 335 || 365 || 430 || 365 || 215

FR || 25 925 || 52 725 || 28 835 || +11 % || 4 400 || 4 640 || 5 295 || 5 125 || 5 010 || 4 365

IT || 5 370 || 10 060 || 10 865 || +102 % || 590 || 1 625 || 1 775 || 1 460 || 3 305 || 2 110

CY || 1 235 || 2 870 || 895 || -28 % || 185 || 145 || 125 || 125 || 165 || 150

LV || 25 || 60 || 110 || +340 % || 5 || 20 || 5 || 15 || 40 || 25

LT || 195 || 505 || 185 || -5 % || 35 || 35 || 35 || 20 || 30 || 30

LU || 295 || 780 || 770* || +208 %* || 115 || 145 || 230 || 145 || 135 || :

HU || 1 405 || 2 095 || 775 || -45 % || 115 || 90 || 135 || 165 || 110 || 160

MT || 60 || 170 || 1 650 || +2 650 % || 10 || 15 || 30 || 1 130 || 365 || 100

NL || 7 280 || 15 110 || 7 105 || -2 % || 1 255 || 1 090 || 1 155 || 1 095 || 1 295 || 1 215

AT || 5 065 || 11 060 || 5 830 || +15 % || 885 || 910 || 970 || 980 || 1 000 || 1 085

PL || 2 920 || 6 535 || 2 865 || -2 % || 365 || 450 || 520 || 430 || 550 || 550

PT || 80 || 160 || 95 || +19 % || 10 || 20 || 15 || 15 || 20 || 15

RO || 475 || 880 || 560 || +18 % || 50 || 85 || 125 || 95 || 95 || 110

SI || 90 || 250 || 205 || +128 % || 35 || 35 || 30 || 15 || 35 || 55

SK || 295 || 540 || 205 || -31 % || 35 || 45 || 30 || 20 || 35 || 40

FI || 2 025 || 3 665 || 1 315 || -35 % || 240 || 210 || 240 || 195 || 210 || 220

SE || 14 110 || 31 940 || 12 620 || -11 % || 1 970 || 1 965 || 2 310 || 2 040 || 2 375 || 1 960

UK || 11 875 || 23 740 || 12 690 || +7 % || 2 140 || 1 995 || 2 230 || 2 020 || 2 070 || 2 235

* Ħlief EL u LU. Għal dawn iż-żewġ Stati Membri, il-valuri assoluti għall-ewwel nofs tal-2011 u l-paragun huma kkalkolati għall-ewwel ħames xhur. Dejta estratta fit-3 ta’ Ottubru 2011, sors: Eurostat.

L-applikazzjonijiet għall-ażil (A) u l-benefiċjarji ġodda ta’ protezzjoni (B) għas-sena sħiħa 2010

Is-sena sħiħa 2010: L-applikazzjonijiet u l-benefiċjarji ġodda għal kull 1 000 000 tal-popolazzjoni

Is-sena sħiħa 2010: L-applikazzjonijiet u l-benefiċjarji ġodda għal kull 1 000 km2 tal-wiċċ tal-art

Is-sena sħiħa 2010: L-applikazzjonijiet u l-benefiċjarji ġodda għal kull 1 000 unità tal-PDG

Popolazzjoni: mill-1 ta’ Jannar 2010. Wiċċ tal-art: L-aħħar dejta disponibbli (fl-2010 jew qabel għal ċertu Stati Membri). PDG: Standard tal-Poter tal-Akkwist (unità tal-valuta artifiċjali li telimina l-effett tad-differenzi fil-livell tal-prezzijiet fost l-Istati Membri[7]) għas-sena sħiħa 2010. Dejta estratta fit-3 ta’ Ottubru 2011, sors: Eurostat.

Paragun tal-ewwel nofs 2011/2010: l-applikazzjonijiet għal kull 1 000 000 tal-popolazzjoni

Paragun tal-ewwel nofs 2011/2010: l-applikazzjonijiet għal kull 1 000 km2 tal-wiċċ tal-art

Paragun tal-ewwel nofs 2011/2010: l-applikazzjonijiet għal kull 1 000 unità tal-PDG

Popolazzjoni: mill-1 ta’ Jannar 2010. Wiċċ tal-art: L-aħħar dejta disponibbli (fl-2010 jew qabel għal ċertu Stati Membri). PDG: Standard tal-Poter tal-Akkwist għas-sena sħiħa 2010. Id-dejta għal El u LU ma kinitx disponibbli għal Ġunju 2011 u ġiet estrapolata abbażi tal-5 xhur disponibbli. Dejta estratta fit-3 ta’ Ottubru 2011, sors: Eurostat.

Refuġjati risistemati mill-Istati Membri minn pajjiżi terzi bejn l-2006 u l-2010

Sors: UNHCR għall-2006-2007, Eurostat (estratta fit-8 ta’ Diċembru 2009) għall-2008 ħlief UK:UNHCR, Eurostat (estratta fl-1 ta’ Awwissu 2011) għall-2009 u l-2010.

[1]               Din il-Komunikazzjoni ma tindirizzax oqsma ta’ solidarjetà marbuta ma’ politiki biex jeliminaw il-migrazzjoni irregolari, għalkemm hemm rabta bejn politiki oħra dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u sistema tal-ażil li taħdem tajjeb.

[2]               Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, COM(2011) 751.

[3]               Applikazzjoni Nru 30696/09, tal-21.1.2011.

[4]               Id-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE [dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul] biex testendi l-ambitu tal-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

[5]               COM(2011) 290.

[6]               COM(2011) 743.

[7]               Ara http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/purchasing_power_parities/introduction.

Top