This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0705
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL Follow-up to the Council Decision 2011/xxx/EU of 12 July 2011 addressed to Greece, with a view to reinforcing and deepening fiscal surveillance and giving notice to Greece to take measures for the deficit reduction judged necessary to remedy the situation of excessive deficit (October 2011)
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/xxx/UE tat-12 ta' Lulju 2011 indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza tal-finanzi pubbliċi u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (Ottubru 2011)
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/xxx/UE tat-12 ta' Lulju 2011 indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza tal-finanzi pubbliċi u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (Ottubru 2011)
/* KUMM/2011/0705 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/xxx/UE tat-12 ta' Lulju 2011 indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza tal-finanzi pubbliċi u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (Ottubru 2011) DAħLA Din il-Komunikazzjoni trimestrali tivvaluta l-miżuri implimentati u ppjanati mill-Greċja sabiex tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2011. L-azzjoni meħuda sal-aħħar tal-Ġunju tal-2011 kienet ivvalutata fil-Komunikazzjoni bid-data tal-1 ta' Lulju 2011[1]. Flimkien mar-Rapport tal-Konformita tal-persunal tal-Kummissjoni, li tħejja f'kollegament mal-BĊE[2], il-Komunikazzjoni tikkontribwixxu wkoll għall-valutazzjoni tal-konformità mal-MPEF u l-Memorandum ta' Ftehim[3], fil-kuntest tal-ftehim dwar il-faċilità ta' self bejn il-Greċja u l-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-ewro. Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-missjoni li saret mill-persunal tal-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-persunal tal-FMI u tal-BĊE fil-kuntest tal-programm ta' aġġustament ekonomiku u r-rapport trimestrali trażmess mill-Ministeru Grieg għall-Finanzi fid-19 ta' Awwissu 2011. ID-DEċIżJONI TAL-KUNSILL TAT-12 TA' LULJU Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta Deċiżjoni[4], skont l-Artikoli 126(9) u 136 tat-TFUE, indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza tal-finanzi pubbliċi u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2014. Din id-Deċiżjoni riformulat id-Deċiżjoni ta' Mejju 2010, li kienet ġiet emendata kemm-il darba. Id-Deċiżjoni titlob lill-Greċja tadotta għadd ta' miżuri speċifiċi bil-għan li żżomm id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika taħt il-limiti massimi li ġejjin: - EUR 17 065 miljun (7,8 fil-mija tal-PDG, abbażi tal-aħħar previżjonijiet) fl-2011; - EUR 14 916-il miljun (7,0 fil-mija tal-PDG) fl-2012; - EUR 11 399 miljun (5,3 fil-mija tal-PDG) fl-2013 u - EUR 6 385 miljun (2,9 fil-mija tal-PDG) fl-2014[5].,[6] Id-Deċiżjoni tikkjarifika li d-dħul mill-privatizzazzjoni ma għandux jitqies fl-isforz biex jiġu rispettati l-limiti. Dawn il-limiti massimi għad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika nżammu bla ma nbidlu fid-deċiżjoni riformulata. ESEKUZZJONI TAL-BAġIT SA SETTEMBRU 2011 Fil-kuntest tal-programm ta' aġġustament ekonomiku, il-Greċja impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta' prestazzjoni trimestrali fuq il-bilanċ tal-flus tal-amministrazzjoni pubblika u fuq in-nefqa primarja tal-istat kif ukoll il-kriterju indikattiv fuq l-akkumulazzjoni tal-arretrati lill-fornituri[7]. Il-kriterji ta' prestazzjoni għat-tmiem Lulju kienu ssodisfati. In-nefqa primarja tal-istat kienet ta' EUR 33,5 biljun imqabbla mal-kriterju ta' EUR 34,7 biljun. Il-bilanċ tal-flus tal-amministrazzjoni pubblika kien ta' -4,9 biljun imqabbel mal-kriterju ta' EUR -5,1 biljun. Il-kriterju indikattiv fuq l-akkumulazzjoni tal-arretrati ma ġiex issodisfat, minħabba li l-arretrati akkumulati sat-tmiem Lulju 2011 kienu jammontaw għal EUR 6,5 biljun. S'issa għad m'hemmx dejta kompluta għall-perjodu sa Settembru. Madankollu, l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-mira għall-bilanċ tal-flus primarju għall-amministrazzjoni pubblika ma ntlaħqitx b'marġni żgħira. Il-kriterju huwa ta' EUR -5,0 biljun. Il-mira indikattiva għan-nuqqas ta' akkumulazzjoni tal-arretrati domestiċi x'aktarx ġiet issuperata għaliex hemm indikazzjonijiet li l-arretrati dovuti min-naħa tal-istat u tal-isptarijiet pubbliċi baqgħu jiżdiedu. Il-kriterju dwar in-nefqa primarja tal-istat (EUR 44,5 biljun) intlaħaq. It-tabelli 1A u 1B fihom informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-baġit minn Jannar sa Lulju 2011, kif ukoll xi dejta dwar l-esekuzzjoni tal-baġit tal-istat għal Settembru 2011. Tabella 1A: Implimentazzjoni tal-baġit (Jannar - Lulju 2011) 2010 | 2011 | abbażi ta' pagamenti (miljuni ta' EUR) | Jannar - Lulju | Bidla f’% Jannar - Lulju | Dħul totali | 29 947 | 28 020 | -6.4% | Dħul qabel ir-rifużjonijiet | 31 356 | 29 940 | -4.5% | Rifużjonijiet tat-taxxa | 2 688 | 3 113 | 15.8% | Dħul kapitali | 1 276 | 1 173 | -8.1% | Spejjeż tan-NATO | 3 | 20 | Nefqa totali | 42 396 | 43 588 | 2.8% | Nefqa primarja | 28 784 | 30 173 | 4.8% | Dejn passat tal-isptarijiet | 190 | 434 | Pagamenti militari u tan-NATO | 228 | 118 | Garanziji msejħa għall-pagament (mhux tal-amministarzzjoni pubblika) | 80 | 25 | -68.8% | Imgħax | 8 913 | 10 218 | 14.6% | Nefqa kapitali | 4 201 | 2 620 | -37.6% | Bilanċ tal-baġit tal-Istat | - 12 449 | -15 568 | 25.1% | Bidla fl-arretrati | - | 84 | Infiq primarju tal-Istat | 33 483 | 33 454 | -0.1% | Bilanċ tal-gvernijiet lokali (*) | - | 622 | - | Bilanċ tas-sigurtà soċjali (*) | - | -101 | - | Oħrajn | - | -24 | - | Bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika (immodifikat) | - | -15 155 | - | Bilanċ primarju tal-amministrazzjoni pubblika (immodifikat) (**) | - | -4 937 | - | Sors: Uffiċċju Ġenerali tal-Kontabbiltà, il-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja u kalkoli proprji. (*) Abbażi tal-istatistika bankarja tal-Bank tal-Greċja. (**) B'esklużjoni tal-intrapriżi tal-Istat u l-biċċa l-kbira tal-fondi ekstrabaġitarji. | Tabella 1B: Implimentazzjoni tal-baġit (Jannar – Settembru 2011) 2010 | 2011 | abbażi ta' pagamenti (miljuni ta' EUR) | Jannar - Settembru | Bidla f’% Jannar -Sett | Dħul totali | 37 855 | 36 856 | -2.6% | Dħul qabel ir-rifużjonijiet | 39 758 | 38 898 | -2.2% | Rifużjonijiet tat-taxxa | 3 259 | 3 942 | 21.0% | Dħul kapitali | 1 348 | 1 877 | 39.2% | Spejjeż tan-NATO | 8 | 23 | Nefqa totali | 54 506 | 56 020 | 2.8% | Nefqa primarja | 36 757 | 37 807 | 2.9% | Dejn passat tal-isptarijiet | 300 | 434 | Pagamenti militari u tan-NATO | 255 | 182 | Garanziji msejħa għall-pagament (mhux tal-amministarzzjoni pubblika) | 104 | 32 | -69.2% | Imgħax | 11 652 | 14 033 | 20.4% | Nefqa kapitali | 5 438 | 3 532 | -35.0% | Bilanċ tal-baġit tal-Istat | - 16 651 | - 19 164 | 15.1% | Infiq primarju tal-Istat | 42 854 | 41 987 | -2.0% | Sors: Uffiċċju Ġenerali tal-Kontabbiltà, il-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja u kalkoli proprji | 4. Prospetti għall-2011 kumplessivament u għall- 2012-2014 Fil-qafas tal-Istrateġija Fiskali fit-Terminu Medju (Medium-Term Fiscal Strategy - MTFS) adottata f'Ġunju, il-gvern ippjana miżuri addizzjonali għat-tnaqqis fid-defiċit ta' kważi 3 % tal-PDG fl-2011 minbarra l-miżuri ta' qrib it-3 % tal-PDG diġà mdaħħlin fil-baġit għall-2011. Il-miżuri addizzjonali saru neċessarji bir-riżultat tal-previżjonijiet li wrew li l-mira tad-defiċit tal-2011 setgħet ma tintlaħaqx b'marġni wiesa', l-aktar minħabba dħul sostanzjalment inqas minn dak li kien ippjanat iżda wkoll minħabba ċerti kategoriji ta' nfiq li ssuperaw il-limiti massimi baġitarji. Għalkemm f'Ġunju dawn il-miżuri kienu kkunsidrati bħal suffiċjenti biex jiggarantixxu li d-defiċit tal-2011 jibqa' allinjat skont il-mira, il-previżjonijiet tal-persunal tal-Kummissjoni, tal-FMI u tal-BĊE fil-kuntest tal-missjoni dwar il-ħames reviżjoni tal-programm ta' aġġustament ekonomiku żvelaw għal darb'oħra differenza kbira għad-defiċit tal-2011. Il-previżjonijiet urew ukoll differenzi kbar ħafna mill-2012 sal-2014. Kienu bosta l-fatturi li kkawżaw din id-differenza ġdida. F'Ġunju l-ekonomija se tiċkien b'mod aktar serju milli kien previst. Għall-2011, l-istima attwali tas-servizzi tal-Kummissjoni hija li l-PDG reali ser jiċkien bi 5,5 fil-mija meta mqabbel mat-3,8 % tal-programm preċedenti. Għall-2012, l-ekonomija mistennija tiċkien aktar meta mqabbla mal-projezzjonijiet ta' qabel ta' tkabbir pożittiv moderat. Barra minn hekk, ċerti miżuri li kienu ġew miftiehma qabel fil-qafas tal-MTFS jew ma ġewx implimentati jew id-dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom irriżulta fi tnaqqis fir-renditi mistennija għall-2011 u għall-2012. It-Tabella 2 turi fil-qosor il-miżuri varji adottati jew imħabbra mill-Greċja biex il-pajjiż jikkonforma mal-limiti massimi tad-defiċit. It-Tabella 3 tikkwantifika n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni skont is-settur għall-2011 u għall-2012, wara l-monitoraġġ li sar matul il-missjoni. [pic] Tabella 3. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni: Ir-rendiment effettiv tal-miżuri miftiehma f'Ġunju 2011 [pic] (*) Il-proporzjonijiet għall-PDG f'din il-kolonna huma kkalkolati fuq il-bażi tal-aħħar ċifri tal-PDG. Sors : Servizzi tal-Kummissjoni Minħabba dawn id-diskrepanzi u issa li wasal tmiem is-sena mhix realistika li wieħed jistenna li tintlaħaq il-mira tal-finanzi pubbliċi għall-2011. Madankollu, il-gvern huwa impenjat li jadotta mizuri li għandhom iżommu d-defiċit għall-2011 fil-firxa ta' bejn 0,7 u 1,5 fil-mija tal-PDG 'l fuq mill-mira. Għall-2012, sabiex tintlaħaq il-mira d-diskrepanzi fil-finanzi pubbliċi se jiġu kkoreġuti. B'mod aktar speċifiku, bil-għan li jkun minimizzat kwalunkwe defiċit li jista' jaqbeż il-limitu massimu tad-defiċit ta' EUR 17 065 miljun għall-2011, u li d-defiċit tal-2012 jonqos għal taħt il-EUR 14 916-il miljun, il-Gvern Grieg huma impenjat li qabel is-sitt żborż jadotta u jimplimenta l-miżuri li ġejjin: - Tnaqqis fl-eżenzjonijiet tat-taxxa, b'mod partikolari l-limiti fuq l-introjtu personali mhux taxxabbli, bil-għan li d-dħul jiżdied b'tal-anqas EUR 2 831 miljun fl-2012; - Imposta permanenti fuq il-proprjetà immobbli, li titħallas permezz tal-kontijiet tal-elettriku, bil-għan li jinġabru mill-anqas EUR 1 667 miljun fl-2011, u l-ammonti jiżdiedu fis-snin sussegwenti; - Implimentazzjoni immedjata tal-grilja riveduta tal-pagi tal-ħaddiema tas-servizz ċivili, li għanda tikkontribwixxi għal tnaqqis fin-nefqa b'tal-anqas EUR 101 miljun fl-2011, u b'riport ta' mill-anqas EUR 552 miljun għall-2012, li jiżdiedu mal-iffrankar mill-MTFS (l-istrateġija fiskali fit-terminu medju ta' Ġunju 2011 sal-2015). Din ir-riforma għandha taffettwa l-impjegati tal-gvern kollha, għajr dawk li jkunu koperti minn sistemi speċjali ta' pagi (il-militar u l-pulizija, l-imħallfin u l-persunal politiku, il-persunal tal-univeristajiet u t-tobba). Dan l-iffrankar nett iqis l-impatt ta' din il-miżura fuq it-taxxa fuq id-dħul u fuq il-ġbir tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-bonusis li għandhom jitħallsu lil kategoriji speċifiċi ta' impjegati; - Tnaqqis fil-pensjonjiet prinċipali u supplementari, kif ukoll fil-ħlasijiet ta' somma f'daqqa mal-irtirar mix-xogħol, bil-għan li jiġu ffrankati ta' mill-anqas EUR 219-il miljun fl-2011 b'riport ta' EUR 446 miljun fl-2012 li jiżdiedu mal-iffrankar previst fl-MTFS; - Limitu fuq l-infiq mill-Fond Ekoloġiku, li huwa ffinanzjat minn multi fuq stabbilimenti mhux awtorizzati u s-saldu tal-ippjanar, bil-għan li fl-2012 jiġu ffrankati EUR360 miljun; Barra minn hekk, il-Gvern se jadotta u jimplimenta wkoll il-miżuri li ġejjin u li kienu inklużi fl-MTFS: - Id-deċiżjonijiet jew iċ-ċirkolarijiet ministerjali dwar il-miżuri għas-sisa fuq il-gass naturali, għaż-żejt tat-tisħin u għat-taxxa fuq il-vetturi kif stipulati fl-MTFS - Deċiżjonijiet Ministerjali bil-għan li jirregolaw b'uniformità l-benefiċċji għas-saħħa mill-fondi kollha tas-sigurtà soċjali, u sabiex jiżdiedu l-kontributi obbligatorji u dawk supplementari għall-pensjonijiet għall-benefiċjarji tal-ETAA. - Leġiżlazzjoni bil-għan li tinġabar l-hekk imsejħa 'taxxa tas-solidarjetà' permezz ta' tnaqqis fuq id-dħul; - Deċiżjonijiet Ministerjali bil-għan li r-riżerva tal-ħaddiema ssir effettiva, u biex l-iskema tiġi estiża biex tinkludi l-ħaddiema kollha tal-amministrazzjoni pubblika, u l-ħruġ ta' ittri lill-impjegati biex dawn jiġu ttrasferiti fir-riżerva ta' ħaddiema. - Jiġu addotati Deċiżjonijiet Ministerjali bil-għan li jagħtu bidu għall-għeluq, għall-fużjoni jew għat-tnaqqis sustanzjali fid-daqs tal-entitajiet. Dawn jaffettwaw lil KED, ETA, ODDY, l-Istitut Nazzjonali taż-Żgħażagħ, EOMEX, IGME, OSK, DEPANOM, THEMIS, ETHYAGE u ERT; - Deċiżjoni Ministerjali li tiddefinixxi l-kriterji tad-diżabbiltà konsistenti mal-ksib tal-miri tal-iffrankar tal-MTFS. - Adozzjoni ta' lista pożittiva ta' farmaċewtiċi li tistabbilixxi l-prezzijiet iddebitati għall-fondi tas-sigurtà soċjali. 6. PROGRESS BIR-RIFORMI STRUTTURALI Qiegħed isir progress fil-qasam tar-riformi strutturali tal-finanzi pubbliċi, għalkemm f'xi każijiet dan kien aktar kajman milli ppjanat. Ir-riformi fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa qegħdin iżidu l-momentum b'għadd ta' azzjonijiet fis-seħħ. L-azzjoni meħuda s'issa mill-gvern tikkonċerna l-aktar il-leġiżlazzjoni biex jitjiebu l-effiċjenza u l-kontrolli tal-amministrazzjoni tat-taxxa, l-istabbiliment ta' maniġment tal-proġetti effettiv u l-implimentazzjoni ta' strateġija kontra l-evażjoni ħalli tiġi rrestawrata d-dixxiplina fit-taxxi u titjieb il-konformità. Ir-riformi fl-istituzzjonijiet baġitarji qed jipproċedu flimkien mar-riorganizzazzjoni tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Kontabbiltà. Sar ukoll progress fl-iżgurar tal-forniment f'waqtu tad-dejta tal-finanzi pubbliċi, għalkemm il-kwalità u l-ambitu jeħtieġ li jitjiebu aktar. Jeħtieġ li titjieb ukoll l-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit, partikolarment fir-rigward tar-reġistru tal-impenji f'kull ministeru u fl-entitajiet l-oħra tal-istat. Għalkemm il-pubblikazzjoni tad-dejta dwar l-arretrati issa saret parti integrali tal-istatistika tal-finanzi pubbliċi fil-Greċja, għad hemm lok għal titjib fil-forniment f'waqtu tad-dejta. 7. Privatizzazzjoni Ittieħdu passi importanti fl-implimentazzjoni tal-programm tal-privatizzazzjoni mal-ħolqien ta' fond għall-privatizzazzjoni ġestit b'mod professjonali. Madankollu, minħabba dewmien fil-preparazzjoni tal-assi għall-privatizzazzjoni, u sa ċertu punt minħabba l-kondizzjonijiet tas-suq li marru għall-agħar, id-dħul fl-2011 se jkun anqas milli mistenni. Il-gvern għadu impenjat li sa tmiem l-2014 jilħaq il-mira tad-dħul ta' EUR 35 biljun u ta' EUR 50 biljun sa tmiem l-2015. L-aderenza mal-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u l-pjanijiet tal-privatizzazzjoni se tikkontribwixxi biex il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-gvern jinġieb fuq perkors sostenibbli. Għalkemm il-Greċja ser ikollha żżomm l-awsterità tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn se jieħu ħafna snin, l-inflessjoni fil-propozjon tad-dejn mal-PDG għandha tikkontribwixxi biex titjieb il-fiduċja tas-suq fl-ekonomika Griega. Tabella 4: Il-pjan għall-privatizzazzjoni: it-tranżazzjonijiet s'issa Assi | Data tal-ftehim | Ishma mibjugħin | L-ishma li fadal u li huma l-proprjetà tal-Gvern Grieg | Miġbura (miljuni ta' EUR) | Għandhom jinġabru (miljuni ta' EUR) | OTE | July 2011 | 10% | 4% | 392 | -- | OPAP 1 (estensjoni tal-liċenzja 2020-30) | Ottubru 2011 | - | - | 0 | 375 (sa tmiem Novembru) + 5 fil-mija fuq id-dħul gross fuq il-logħob matul il-perjodu tal-estensjoni (valur preżenti stmat għal EUR 86 miljun). | OPAP 2 (bejgħ ta' liċenzji ġodda għall-VLTs) | Ottubru 2011 | - | - | 0 | 474 (sa tmiem Novembru) + 86 (sa Q4-2013) | Tabella 5: Irċevuti previsti mill-privatizzazzjoni Sa tmiem: | Irċevuti mill-privatizzazzjoni | (miljuni ta' EUR) | 2011 Q4 | 1 700 | 2012 Q1 | 5 000 | Q2 | 7 000 | Q3 | 9 000 | Q4 | 11 000 | 2013 Q1 | 15 000 | Q2 | 17 000 | Q3 | 18 000 | Q4 | 20 000 | 2014 | 35 000 | 2015 | 50 000 | Nota: Il-privatizzazzjoni mill-ġdid tal-ishma tal-banek li l-istat jew l-HFSF jista' jakkwista fil-kuntest tal-kapitalizzazzjonijiet mill-ġdid mhumiex inklużi fl-irċevuti previsti mill-privatizzazzjoni. | 8. KONKLUżJONI Il-limitu tad-defiċit tal-gvern (abbażi tal-ESA95) għall-2011 stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, x'aktarx li se jinqabeż. Għall-2012, il-gvern elabora previżjoni tal-baġit li l-mira tagħha kienet iż-żamma tal-mira stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kunsill u adotta miżuri li għandhom jiżguraw tnaqqis addizzjonali fid-defiċit fis-snin sussegwenti. Kollox ma' kollox, minkejja d-diskrepanzi fil-finanzi pubbliċi fl-2011, il-Greċja qiegħda tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timplimenta l-politiki neċessarji u tibqa' fid-direzzjoni t-tajba, bil-mira li d-defiċit eċċessiv jispiċċa sal-2014, kif meħtieġ mid-Deċiżjoni tal-Kunsill. ANNESS I: MIŻURI MEĦTIEĠA MID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL, LI JRIDU JIĠU ADOTTATI SAL-AĦĦAR TA' SETTEMBRU 2011. Miżuri (kif meħtieġa bl-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill) | Stat ta' progress | “Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Lulju 2011: | (a) tippreżenta fil-parlament grilja tal-pagi tas-settur pubbliku li tkun unifikata u aktar effiċjenti li għandha tapplika għas-settur statali, l-awtoritajiet lokali u l-aġenziji l-oħra, b’remunerazzjonijiet li jirriflettu l-produttività u x-xogħlijiet u li tidħol f'fażijiet tul 3 snin; | Ossservata wara dewmien. L-abbozz dwar il-grilja tal-pagi unifikata tressaq quddiem il-Parlament fil-bidu ta' Ottubru. | (b) pjan fit-terminu medju għall-persunal għall-perjodu sal-2015 f’konformità mar-regola ta’ reklutaġġ 1 għal kull 5 ħaddiema li jitilqu (1 għal kull 10 fl-2011). Il-pjan għandu jinkludi regoli aktar stretti għall-persunal temporanju, il-kanċellazzjoni ta’ karigi vakanti u r-riallokazzjoni ta’ persunal kwalifikat għal oqsma prijoritarji u jikkunsidra l-estensjoni tas-sigħat tax-xogħol għas-settur pubbliku; | Mhux osservata. Ir-regola tar-reklutaġġ 1 għal kull 5 ħaddiema li jitilqu (1 għal kull 10 fl-2011) hija l-politika uffiċjali tal-gvern u hija mnaqqxa fil-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-pjanijiet tar-reklutaġġ li għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija tar-riallokazzjoni tal-persunal għadhom ma ġewx ippreparati. Minħabba l-għadd ta' ħaddiema li telqu mix-xogħol għall-2010 (53 336), ir-regola 1-għal-10 għandha tippermetti reklutaġġi ta' 5 333 matul is-sena 2011 kollha. Madankollu, fl-ewwel u fit-tieni trimestri tal-2011, in-numru ta' persuni rreklutati huwa stmat għal 10 862. | (c) pjan ta’ azzjoni dettaljat bi programmazzjoni għall-ikkompletar u l-implimentazzjoni ta’ sistema simplifikata tar-remunerazzjoni, simili għall-pagi fis-settur privat, li jwassal għal tnaqqis fin-nefqa totali fuq il-pagi. Dan il-pjan għandu jissejjes fuq ir-riżultati tar-rapport ippublikat mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Awtorità Unika ta’ Pagament. Il-leġiżlazzjoni għal sistema simplifikata ta’ rimunerazzjoni għandha tiddaħħal fuq tliet (3) snin. Il-pagi tal-impjegati tal-intrapriżi statali għandhom ikunu konformi mal-grilja ġdida tal-pagi għas-settur pubbliku. | Osservata parzjalment, b'xi dewmien. L-abbozz li jimplimenta s-sistema simplifikata tar-remunerazzjoni tressaq quddiem il-Parlament fil-bidu ta' Ottubru u mistenni li dalwaqt jiġi adottat. | (d) rinfurzar tal-ispettorat tax-xogħol, li għandu jkollu biżżejjed impjegati kkwalifikati u jkollu miri kwantitattivi dwar in-numru ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu; | Mhux osservata. Il-proġett pilota għal studju ekonomiku għad ma ġiex imħejji. | (e) att li jirrevedi l-parametri ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet sabiex tiġi limitata ż-żieda fin-nefqa tas-settur pubbliku fuq il-pensjonijiet matul il-perijodu 2009-2060 għal inqas minn 2,5 % tal-PDG, jekk il-previżjonijiet fit-tul juru li ż-żieda prevista fin-nefqa pubblika tal-pensjonijiet tkun ser taqbeż dan l-ammont; L-Awtorità Attwarjali Nazzjonali (AAN) għandha tkompli bil-preżentazzjoni tal-previżjonijiet fit-tul tan-nefqa tal-pensjonijiet sal-2060 skont ir-riforma adottata. Il-previżjonijiet għandhom jinkludu l-iskemi (awżiljari) supplementarji ewlenin (ETEAM, TEADY, MTPY), abbażi ta’ dejta komprensiva miġbura u elaborata mill-AAN; | Tinsab għaddejja. L-AAN qed tipproduċi previżjonijiet għal terminu twil għall-pensjonijiet supplimentari ewlenin. L-istudji attwarjali għall-pensjonijiet supplimentari kollha u l-previżjonijiet tal-Pensjonijiet għall-fondi tal-penjonijiet ewlenin u supplimentari għandhom ikunu ppreżentati lill-AWG sal-25 ta' Ottubru 2011 u r-reviżoni bejn il-pari se ssir f'Novembru. | (f) reviżjoni tal-lista ta’ professjonijiet intensivi u diffiċli sabiex il-kopertura tagħha titnaqqas għal mhux iktar minn 10 % tal-impjieg; il-lista l-ġdida ta’ impjiegi diffiċli u perikolużi għandha tapplika b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2011 għall-impjegati attwali u futuri kollha; | Tinsab għaddejja b'xi dewmien. Kumitat analizza l-kriterji tal-pajjiżi l-oħra tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-professjonijiet perikolużi u rreveda l-lista kurrenti fil-Greċja filwaqt li ppropona t-tneħħija ta' professjonijiet varji mil-lista. L-ewwel parti mil-lista l-ġdida għandha tiġi ppubblikata sa Ottubru 2011. L-awtoritajiet indikaw li l-lista ta' professjonijiet perikolużi għandha tikkorrispondi għal anqas minn 9 % tal-impjiegi. | (g) leġiżlazzjoni li tistabbilixxi Awtorità Unika għall-Akkwist Pubbliku (AUAP) bil-mandat, l-objettivi, il-kompetenzi, is-setgħat u l-iskeda għad-dħul fis-seħħ, b'konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni; | Osservata. Il-liġi 4013/2011 li tistabbilixxi l-Awtorità Ċentrali għall-Akkwist Pubbliku ġiet adottata fis-6 a' Settembru u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika Nru 204 fil-15/9/2011. | (h) miżuri addizzjonali għall-promozzjoni tal-użu ta’ mediċini ġeneriċi permezz ta': preskrizzjoni obbligatorja skont is-sutstanza attiva u fejn disponibbli ta' ġeneriċi li jqumu anqas flus; rabta ta’ rata iżgħar ta’ kondiviżjoni tal-kost mal-mediċini ġeneriċi li jkollhom prezz konsiderevolment orħos mill-prezz referenzjarju (anqas minn 60 fil-mija tal-prezz referenzjarju) abbażi tal-esperjenza ta’ Stati Membri oħra tal-UE; l-iffissar tal-prezz massimu tal-ġeneriċi għal 60 fil-mija tal-mediċina tad-ditta b'sustanza attiva simili; | Għadhom ma sarux għalkemm il-prezzijiet ġeneriċi issa jinsabu għal 63 % tal-mediċina tal-produttur tal-formulazzjoni oriġinali u politika ġdida tistabbilixxi l-prezz tal-mediċini tal-formulazzjoni oriġinali li mhumiex koperti bi privattiva għal 75 % tal-prezz bi privattiva. | (i) pubblikazzjoni ta' inventarju tal-assi tal-istat, fosthom interessi f'intrapriżi elenkati u mhux elenkati u proprjetà immobbli u art kummerċjalment vijabbli; għandu jiġi stabbilit Segretarjat Ġenerali tal-Iżvilupp tal-Proprjetà immobbli bil-għan tat-titjib fil-ġestjoni tal-assi tal-proprjetà immobbli, billi jeħlishom mit-tixkil u jippreparahom għall-privatizzazzjoni; | Osservata parzjalment. Qed jiġi kkompilat inventarju tal-assi fil-pussess tal-istat. Is-segretarjat ġie stabbilit legalment (Il-liġi 3965/2011) iżda l-ebda termini ta' referenza ma ntbagħtu dwar ir-rwol operattiv ta' din l-entità ġdida. Ir-rwol tiegħu għad irid jiġi stabbilit fid-dettalji tiegħu. | (j) l-istrateġija fiskali fit-terminu medju (minn hawn 'il quddiem imsejħa SFTM) sal-2015 kif deskritta fl-Anness I għal din id-deċiżjoni u fl-abbozzi ta’ implimentazzjoni rispettivi. L-SFTM għandha telabora dwar miżuri permanenti ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi li jiżguraw li l-limitu massimu tad-defiċit għall-2011-15 kif stabilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ma jinqabiżx u li l-proporzjon tad-dejn-PDG jitpoġġa f'perkors sostenibbli ta’ tnaqqis; | Osservata parzjalment. | (k) privatizzazzjoni ta' assi b'valur ta' mill-inqas EUR 390 miljun; adozzjoni ta’ programm ta’ privatizzazzjoni bil-għan li jinġabru tal-anqas EUR 15-il biljun sa tmiem l-2012 EUR 22 biljun sa tmiem l-2013, EUR 35 biljun sa tmiem l-2014 u tal-anqas EUR 50 biljun sa tmiem l-2015; rikavat mill-bejgħ tal-assi (proprjetà immobbli, konċessjonijiet u assi finanzjarji) għandhom jintużaw biex jinfeda d-dejn u mhux se jnaqqas l-isforzi tal-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi għall-konformità tal-limiti massimi tad-defiċit fl-Artikolu 1(2); | Mhux osservata. Il-mira għall-ġbir tar-rikavat mill-privatizzazzjoni sa tmiem Lulju ntlaħqet bis-saħħa tal-bejgħ ta' 10 fil-mija tal-kapital azzjonarju tal-OTE, il-kumpanija tat-telekomunikazzjonijiet. Madankollu, il-kriterju tal-prestazzjoni għat-tmiem Settembru ma ntlaħqx, u l-previżjonijiet jissuġġerixxu li lanqas il-mira għat-tmiem Diċembru 2011 (EUR 5 biljun) mhu se tintlaħaq. | (l) l-istabiliment ta’ fond ta’ privatizzazzjoni b'governanza tajba biex jiġi aċċellerat il-proċess ta’ privatizzazzjoni u ikunu ggarantiti l-irriversibbiltà u l-maniġment professjonali tiegħu; Il-Fond jikseb il-pussess legali tal-assi li ser jiġu privatizzati. Il-Fond ma jistax jippleġġja l-assi tiegħu b'tali mod li jfixkel l-għan tiegħu, jiġifieri l-privatizzazzjoni tal-assi; | Osservata. Il-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi tar-Repubblika Ellenika (Hellenic Republic Asset Development Fund - HRADF) ilu jopera għal kważi xahrejn. | (m) tressiq ta' leġiżlazzjoni għall-għeluq, għall-fużjoni jew għat-tnaqqis fid-daqs tal-entitajiet mhux vijabbli; | Osservata parzjalment. Il-Gvern effettivament adotta leġiżlazzjoni li se twassal għall-għeluq, għall-fużjoni jew għat-tnaqqis fid-daqs ta' dawn l-entitajiet. Madanakollu, l-iffrankar li huwa mistenni minn din ir-riforma huwa anqas mill-proġettat mill-MTFS. | (n) miżuri li jsaħħu l-kontroll tan-nefqa: deċiżjoni li tispeċifika l-kwalifika u r-responsabilitajiet tal-uffiċjali tal-kontabbiltà li għandhom jinħatru fil-ministeri rilevanti kollha bir-responsabilità li jiżguraw kontrolli finanzjarji affidabbli; | Osservata. | (o) kriterji u termini ġodda għall-konklużjoni ta’ kuntratti mill-fondi tas-sigurtà soċjali mal-fornituri tal-kura tas-saħħa kollha, bil-għan li tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis fl-infiq; jingħata bidu għax-xiri konġunt tas-servizzi u oġġetti mediċi biex jintlaħaq tnaqqis sostanzjali fin-nefqa ta’ mill-anqas 25 fil-mija meta mqabbel mal-2010 permezz ta’ ftehimiet ta’ prezz marbut mal-volum; | Tinsab għaddejja. | (p) pubbblikazzjoni ta' linji gwida vinkolanti għat-tobba dwar il-preskrizzjonijiet abbażi ta' linji gwida internazzjonali biex ikun żgurat l-użu kosteffettiv tal-mediċini; pubblikazzjoni u aġġornament kontinwu tal-lista pożittiva tal-mediċini rimburżati; | Tinsab għaddejja b'xi dewmien. Ġie żviluppat għadd kbir ta' linji gwida għall-preskrizzjonijiet u issa jonqos l-approvazzjoni finali mill-Kunsill Nazzjonali tas-Saħħa. Madankollu, mhumiex vinkolanti u ma ġewx ippubblikati. Dan jista' jhedded l-effettività tagħhom. Wara xi dewmien u wara sensiela ta' ħafna konsultazzjonijiet u tibdiliet, il-kriterju għal-lista pożittiva tal-prezzijiet u s-sistema ta' prezz referenzjarju għar-rimborż ġie ppubblikat f'Settembru 2011. Mistennija li ssegwi l-implimentazzjoni tas-sistema tal-prezz referenzjarju u tal-lista pożittiva. | (q) preparazzjoni ta' pjan għar-riorganizzazzjoni u r-ristrutturar tal-isptarijiet fuq terminu qasir u medju bil-għan tat-tnaqqis fl-ineffiċjenzi eżistenti, billi jintużaw ekonomiji ta' skala u ta' ambitu, u titjib fil-kwalità tal-kura tal-pazjenti. L-għan huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-isptarijiet b'tal-anqas 10 fil-mija fl-2011 u b'5 fil-mija addizzjonali fl-2012 minbarra t-tnaqqis tas-sena preċedenti. | Tinsab għaddejja. Il-ġestjoni kondiviża tal-isptarijiet ġiet intordotta u dan naqqas in-numru tal-bordijiet tal-isptarijiet għal 81. Il-ġestjoni kondiviża hija l-ewwel pass lejn ir-ristrtturar u r-riorganizzazzjoni tal-isptarijiet. Issa jeħtieġ li l-awtoritajiet jibdew jikkonċentraw u jispeċjalizzaw fuq l-isptarijiet u fid-dpartimenti tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, billi jirrevedu u jiżguraw il-mobbiltà tal-persunal bil-għan li jkun hemm iffrankar aktar sostanzjali. Dan għadu biss qed jibda u jeħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ fis-sena li ġejja, possibbilment billi jintuża pjan propost minn grupp ta' ħidma ddedikat għal dan il-għan. | Miżuri (kif meħtieġa bl-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill) | Stat ta' progress | "Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Settembru 2011: | (a) baġit għall-2012 f'konformità mal-SFTM u l-objettiv tal-osservanza tal-limiti massimi tad-defiċit stabilit bl-Artikolu 1(2); | Osservata [għaliex ippreżentaw abbozz ta' baġit] | (b) mitigazzjoni tal-ostakli tat-taxxa għal fużjonijiet u xiri; | Mhux osservata. Fil-Memorandum ta' Ftehim ta' Ottubru 2011 dan ir-rekwiżiti huwa soġġett għall-kwantifikazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-finanzi pubbliċi. | (c) simplifikazzjoni tal-proċess tal-ikklerjar doganali għall-esportazzjonijiet u għall-importazzjonijiet; | Qed titwettaq Il-Gvern għadda Deċiżjoni Ministerjali għas-simplifikazzjoni fil-proċeduri tal-esportazzjonijiet (Il-Gazzetta Nazzjonali 1868/B/24-08-2011). Barra minn hekk, sa mill-ewwel ġimgħa ta' Ottubru 2011, Deċiżjoni Ministerjali dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċeduri simplifikati għall-importazzjonijiet tinsab pendenti għall-pubblikazzjoni. | (d) żieda oħra fir-rati ta’ assorbiment tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni; | Osservata parzjalment. Il-mira semiannwali għall-preżentazzjoni ta' 5 applikazzjonijiet ta' proġetti kbar intlaħqet. Madankollu, il-mira semiannwali tal-assorbiment tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni tal-UE ma ntlaħqitx b'EUR 478 miljun. Madankollu, huwa mistenni li l-mira annwali tal-assorbiment ta' EUR 3,35 biljun għad tista' tintlaħaq, parzjalment bis-saħħa ta' żieda fir-rata tal-kofinanzjament. Ingħatat ukoll informazzjoni dwar in-nefqa għal miżuri ta' għajnuna tal-istat de minimis li ma kinux mmirati. It-talbiet għall-pagamenti mressqa lill-fondi strutturali tal-UE fl-ewwel nofs tal-2011 kienu taħt il-mira. | (e) l-implimentazzoni sħiħa tal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi b’20 % (meta mqabbel mal-2008); | Osservata. Mill-ewwel ġimgħa ta' Ottubru 2011, ġie introdott l-abbozz tal-liġi lill-Parlament. L-abbozz tal-liġi li ġie vvalutat mis-servizzi tal-Kummissjoni ma kienx jinkludi r-riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni bħala għodda ta' regolamentazzjoni aħjar, u lanqas ma jistipula l-pubblikazzjoni ta' rapport annwali dwar regolamentazzjoni aħjar. Fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt, l-abbozz tal-liġi ma jistipulax evalwazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt minn awtorità indipendenti. Minbarra dan, l-abbozz huwa b'mod ġenerali f'konformità mar-rekwiżiti fil-Memorandum ta' Ftehim. | (f) leġiżlazzjoni għall-għeluq, għall-fużjoni jew għat-tnaqqis fid-daqs tal-entitajiet kbar mhux vijabbli; | Osservata parzjalment. Il-Gvern effettivament adotta leġiżlazzjoni li twassal għall-għeluq, għall-fużjoni jew għat-tnaqqis fid-daqs ta' dawn l-entitajiet. Madankollu, l-iffrankar mistenni minn din ir-riforma huwa anqas milli kien ipproġettat fl-MTFS. | (g) miżuri li jagħmlu possibbli tnaqqis fl-akkwist u fl-ispejjeż fuq partijiet terzi f'intrapriżi statali, aġġornament tat-tariffi, u ħolqien ta' linji ġodda ta' negozju, u tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal billi l-pjan tat-tnaqqis fl-impjiegi jitlesta u jiġi implimentat. Persunal żejjed li ma jistax jitneħħa permezz tar-regola li jiġi rreklutat 1 għal kull 5 impjegati li jitilqu (1 għal kull 10 fl-2011) għandu jiġi indirizzat permezz ta’ sensji u assenza fit-tul mhux volontarji (riżerva ta’ ħaddiema). Din ir-regola hija mingħajr eċċezzjonijiet settorjali; għandha tapplika wkoll għall-persunal trasferit minn intrapriżi pubbliċi għal entitajiet pubbliċi oħra wara l-eżami tal-kwalifiki professjonali mill-ASEP skont il-kriterji regolari ta’ evalwazzjoni tagħha. Persunal fir-riżerva ta’ ħaddiema għandu jitħallas 60 fil-mija tal-paga bażika tiegħu għal mhux aktar minn 12-il xahar, u wara dan għandhom jingħataw is-sensja. | Tinsab għaddejja Il-liġi li tistabbilixxi r-riżerva ta' ħaddiema ġiet adottata fil-Parlament. Madankollu, s'issa, l-ebda entità pubblika ma rilaxxat il-persunal tagħha għar-riżerva ta' ħaddiema. | (h) qafas legali li jippermetti l-assenjar veloċi tal-użu tal-art u jaċċellera r-registrazzjoni tas-sjieda tal-art tal-istat. | Tinsab għaddejja. | (i) att li jippermetti l-promozzjoni tal-investiment fis-settur tat-turiżmu (kumplessi turistiċi u residenzi sekondarji għat-turisti), bil-ħsieb li, flimkien mal-abbozz dwar l-użu tal-art, jippermetti għall-aċċellerazzjoni tal-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-plottijiet tal-art ġestiti mill-Aġenzija Griega tal-Immobiljari Turistiċi (ETA). | Osservata. l-att iddaħħal fit-Tieni Abbozz ta' Implimentazzjoni, li ġie adottat f'Awwissu 2011. | (j) finalizzazzjoni tar-reviżjoni funzjonali tal-programmi soċjali eżistenti; valutazzjoni mill-gvern tar-riżultati tat-tieni u l-aħħar fażi tar-reviżjoni funzjonali indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali; leġiżlazzjoni u miżuri għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet operattivi tal-ewwel fażi tar-reviżjoni funzjonali tal-amministrazzjoni pubblika fuq livell ċentrali u tar-reviżjoni sħiħa tal-programmi soċjali eżistenti; | Tardiv. Ir-rapport imħejji mill-OECD huwa disponibbli. Il-valutazzjoni tar-riżultati tinsab għaddejja permezz tal-preparazzjoni ta' pjan ta' azzjoni. | (k) reviżjoni dettaljata tal-funzjonament tal-fondi tal-pensjoni pubblika sekondarja/supplimentari, inkluż fondi tal-protezzjoni soċjali u skemi tal-ħlas ta’ somma f'daqqa. L-għan tar-reviżjoni huwa li tiġi stabilizzata n-nefqa tal-pensjonijiet, tiġi ggarantita n-newtralità baġitarja ta' dawn l-iskemi u tiġi żgurata s-sostenibilità tas-sistema fit-terminu medju u twil. Ir-reviżjoni għandha twassal għal: tnaqqis aktar fl-għadd ta’ fondi eżistenti; l-eliminazzjoni tal-iżbilanċi f'dawk il-fondi b'defiċits; l-istabilizzazzjoni tal-infiq kurrenti f'livell sostenibbli, permezz ta’ aġġustamenti xierqa li għandhom isiru mill-1 ta’ Jannar 2012; is-sostenibilità fit-tul ta’ skemi sekondarji permezz ta’ rabta stretta bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji. | Tinsab għaddejja b'xi dewmien. Il-gvern qed jistenna t-tlestija tal-istudji attwarjali għall-fondi tal-pensjonijiet supplimentari biex jibda bil-proċess leġiżlattiv tar-riforma tal-pensjonijiet supplimentari skont il-Memorandum ta' Ftehim. Il-proċess leġiżlattiv mistennii li jiġi ffinalizzat sa tmiem din is-sena u r-regoli l-ġodda għandhom ikunu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2012. Sadanittant, il-gvern beda jdaħħal tnaqqis fil-pensjonijiet ewlenin, dawk awżiljarji u tal-ħlasijiet tas-somma f'daqqa. | (l) identifikazzjoni tal-iskemi li għalihom l-ħlasijiet ta’ somma f'daqqa mal-irtirar mix-xogħol ma jirriflettix il-kontribuzzjonijiet imħallsa bil-għan li l-ħlas jiġi aġġustat sa tmiem Diċembru 2011. | (m) aktar miżuri biex jiġu estiżi b'mod kosteffettiv il-preskrizzjonijiet b'mod elettroniku tal-mediċini, id-dijanjożi u r-referti mit-tobba għall-fondi kollha tas-sigurtà soċjali, iċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet. F'konformità mar-regoli tal-akkwist tal-UE, il-gvern għandu jwettaq il-proċeduri neċessarji tal-offerti biex jimplimenta sistema tal-kura tas-saħħa komprensiva u uniformi (sistema ta' saħħa-e) | Tinsab għaddejja. Numru ta' proposti għal proġetti tas-saħħa-e ġew approvati mill-Programm tal-Konverġenza Diġitali u dawn għandhom jiġu mnedija fix-xhur li ġejjin. Ir-reviżjoni li jmiss se tivverifka jekk dawn tnidux jew le. | (n) aktar miżuri biex jiġi żgurat li tal-inqas 30 fil-mija tal-volum tal-mediċini użati mill-isptarijiet pubbliċi jkunu kkostitwiti minn ġeneriċi bi prezz orħos minn dak ta’ prodotti simili tad-ditta u mediċini mhux koperti bi privattiva, partikolarment billi jagħmlu obbligatorju li l-isptarijiet pubbliċi kollha jakkwistaw prodotti farmaċewtiċi skont is-sustanza attiva. | Għadhom għaddejjin. L-użu ġeneriku fl-isptarijiet qed jiżdied u jikkostitwixxi 17 % tan-nefwa totali fuq il-farmaċewtiċi fl-isptarijiet. Għad hemm firxa kbira ta' varjazzjoni bejn l-isptarijiet (bejn anqas minn 10 % u aktar minn 60 %). Il-gvern nieda l-ewwel sejħa elettronika għal mediċini skont is-sustanza attiva u li tista' twassal għal frankar potenzjali kbir u għal użu akbar tal-ġeneriċi fl-isptarijiet | (o) deċiżjonijiet li jistipulaw l-istituzzjoni u l-istabiliment ta’ karigi għall-persunal tal-AUAP (Awtorità Unika għall-Akkwist Pubbliku), kif ukoll għar-riorganizzazzjoni tar-riżorsi umani u s-servizzi tal-Awtorità skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-AUAP; jinħatru l-membri tal-AUAP. | Tinsab għaddejja. Il-Gvern Grieg ikkomunika li l-abbozzi ta' dawn id-Deċiżjonijiet Ministerjali għandhom jitlestew sa tmiem Ottobru 2011. | (p) pubblikazzjoni ta’ dejta mensili dwar il-movimenti tal-persunal (ġodda, dawk li spiċċaw, trasferimenti fost l-entitajiet) fil-bosta dipartimenti tal-gvern; | Osservata parzjalment. Dejta trimestrali dwar il-movimenti tal-persunal hija disponibbli. | [1] COM(2011) 422 finali. [2] ‘The Economic Adjustment Programme for Greece – Fifth Review,’ [Il-Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja – Il-Ħames Analiżi] European Economy–Occasional Paper . Il-qarrej huwa rreferut għal dak id-dokument għal valutazzjoni aktar dettaljata tal-iżviluppi fir-riforma makroekonomika, finanzjarja, fiskali u strutturali. [3] Memorandum of Economic and Financial Policies, and Memorandum of Understanding of Specific Economic Policy Conditionality [Memorandum ta' Politiki Ekonomiċi u Finanzjarji, u Memorandum ta' Ftehim dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika] tat-3 ta' Mejju, aġġornati fit-2 ta' Lulju 2011. [4] Għadha mhix ippubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali . [5] Dawn il-proporzjonijiet tal-PDG huma indikattivi. Fid-Deċiżjoni tal-Kunsill, il-proporzjonijiet tal-PDG jirreferu għaċ-ċifri nominali tal-PDG li kienu disponibbli f'Lulju 2011: 7,6, 6,5, 4,8 u 2,6 fil-mija tal-PDG mill-2011 sal-2014, rispettivament. [6] Id-Deċiżjoni tirrikjedi wkoll li ż-żieda annwali fid-dejn gross konsolidat tal-amministrazzjoni pubblika ma taqbiżx EUR 17 365 miljun fl-2011: EUR 15 016-il miljun fl-2012; EUR 11 599 miljun fl-2013 u EUR 7 885 miljun fl-2014. [7] Jeżistu wkoll kriterji ta' prestazzjoni fuq l-irċevuti mill-privatizzazzjoni, fuq il-garanziji mogħtija mill-amministrazzjoni pubblika, fuq id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika u fuq l-arretrati tad-dejn estern. Dawn ma ġewx diskussi f'din il-Komunikazzjoni. Ara r-Rapport dwar il-Konformità msemmi hawn fuq.