Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0689

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi

/* KUMM/2011/0689 finali */

52011DC0689

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi /* KUMM/2011/0689 finali */


1. Reazzjoni Ewropea aktar qawwija għall-isfidi li ġejjin mid-drogi

Id-drogi illeċti[1] huma theddida mill-kbar għas-saħħa u s-sigurtà tal-individwi u tas-soċjetajiet fl-UE. Il-problema tad-drogi fl-Ewropa qed tevolvi b’ħeffa. B’rata li qatt ma rajna bħalha, qed ifeġġu sustanzi psikoattivi ġodda u li jagħmlu l-ħsara[2]. It-traffikanti tad-drogi qed jibdlu r-rotot u l-metodi biex jagħmlu l-kuntrabandu jew biex jirriċiklaw id-dħul mit-traffikar illeċtu tad-drogi.

Id-drogi jaffettwaw b’mod partikolari liż-żgħażagħ. L-użu tad-drogi huwa wieħed mill-kawżi maġġuri ta’ problemi ta’ saħħa fost iż-żgħażagħ u huwa wieħed mil-kawżi l-akar importanti ta' mewt evitabbli fost l-Ewropej żgħażagħ. L-Ewrobarometru 2011 "L-attitudnijiet taż-Żgħażagħ dwar id-drogi"[3] juri li ż-żgħażagħ jistgħu jiksbu faċilment fi żmien 24 siegħa anke l-iktar drogi li jagħmlu l-ħsara. L-istatistika turi li fl-Ewropa tmut persuna waħda fis-siegħa minħabba overdose ta’ droga[4]. L-użu tal-internet fil-bejgħ tad-drogi l-ġodda u fl-iskambju rapidu tal-informazzjoni dwar drogi ġodda permezz tan-netwerks soċjali jippreżenta sfidi ġodda għal-linji ta’ politika preżenti dwar il-kontroll tad-drogi u għall-metodi tradizzjonali ta’ prevenzjoni.

Irid isir aktar biex tiġi indirizzata l-problema tad-drogi. Trid tittieħed azzjoni fejn din tista’ tkun l-aktar tkun effettiva, fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà. L-azzjoni tal-UE għandha tkun iffukata fejn tikseb aktar valur miżjud. B’mod individwali, l-Istati Membri mhumiex kapaċi jrażżnu t-tixrid tad-drogi mingħajr kooperazzjoni effettiva: fis-suq intern il-prodotti, imma wkoll il-kriminalità, jiċċirkolaw liberament. Jekk Stat Membru wieħed jipprojbixxi sustanzi psikoattivi ġodda, il-kummerċjanti jiftħu ħwienet fl-Istati Membri fejn il-liġi tkun aktar permissiva. Operazzjonijiet ta’ infurzar mhux ikkoordinati jistgħu jġiegħlu lit-traffikanti li jispustjaw il-produzzjoni tad-droga lejn pajjiżi ġirien jew biex iċaqilqu r-rotot tat-traffikar, iżda dawn il-miżuri ma jistgħux iħarbtu t-traffikar b’mod sostenibbli.

Matul il-15-il sena li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea għenet biex tkun tista’ tiġi żviluppata reazzjoni tal-UE komprensiva u bbilanċjata, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2005-2012)[5]. Iż-żewġ strumenti legali prinċipali tal-UE fil-politika kontra d-drogi, wieħed dwar it-traffikar tad-droga[6] u l-ieħor dwar il-wasla ta’ drogi ġodda fis-suq (sustanzi psikoattivi ġodda)[7], saru fl-2004 u fl-2005, rispettivament. Madankollu, l-aħħar ftit snin ġabu magħhom sfidi ġodda: metodi ġodda ta’ traffikar tad-droga u sustanzi kimiċi użati għall-manifattura tagħhom ("Prekursuri tad-Droga"), il-wasla rapida ta’ drogi ġodda fis-suq u ta’ kanali ta’ distribuzzjoni innovattivi għal dawn is-sustanzi.

Fil-Pjan ta Azzjoni ta’ Stokkolma 2010-2014[8], il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha fuq miżuri biex issaħħaħ il-protezzjoni kontra l-kriminalità serja u organizzata. Bit-Trattat ta’ Lisbona issa fis-seħħ, ir-reazzjoni Ewropea għad-drogi jeħtieġ li tkun qawwija u deċiżiva, u li tindirizza kemm id-domanda għad-drogi kif ukoll il-provvista tad-drogi. Leġiżlazzjoni ġdida li tinvolvi l-Parlament Ewropew, u implimentata mill-Istati Membri, se tkun suġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni Ewropea u fl-aħħar mill-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni hija impenjata sabiex tagħti spinta ġdida lill-politika tal-UE kontra d-drogi. Fil-proposta tagħha ta’ Baġit għall-Ewropa 2020[9], il-Kummissjoni twiegħed appoġġ finanzjarju biex jiġu kkonfrontati l-isfidi futuri li jippreżentaw id-drogi. L-baġit tal-UE għandu jiffoka fuq il-finanzjament ta’ dawk l-azzjonijiet li għandhom valur miżjud ċar, li jinkludu: ħidma kontra drogi ġodda, li jiġu żviluppati prattiki innovattivi dwar il-prevenzjoni jew il-kura u l-kooperazzjoni transkonfinali ta’ infurzar tal-liġi, u t-taħriġ.

2. It-traffikar tad-drogi

Is-suq illeċitu tad-drogi qiegħed jevolvi b’mod kontinwu biex ikun jista’ jaħrab il-kontrolli u l-konfiski[10]. It-teknoloġiji l-ġodda jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ metodi innovattivi għal kuntrabandu lejn u mill-UE. It-traffikanti jużaw metodi tekniċi avvanzati biex jaħbu d-drogi, pereżempju, billi jħalltu l-kokaina likwida f’oġġetti kummerċjali (ħwejjeġ, likwidi, plastik), jikkonvertuha fi trab tal-kokaina f’laboratorji fl-Ewropa, jew billi jneħħulha kull riħa. Jużaw monitoraġġ remot tal-produzzjoni u tas-siti tal-ħażna. Biex tiżdied ir-reżistenza, it-traffikanti jiddiversifikaw in-negozju tagħhom billi jifirxu l-interess tagħhom fuq diversi drogi (jibdew jagħmlu kuntrabandu ta’ diversi drogi jew sustanzi illeċiti li jagħmlu l-ħsara għas-saħħa tal-atleti), kif ukoll iwettqu diversi attivitajiet illeċti.

In-netwerks kriminali jibdlu r-rotot tat-traffikar tagħhom b’mod frekwenti sabiex jaħarbu l-kontrollli. L-importanza dejjem tikber tar-rotta tal-Afrika tal-Punent biex isir il-kuntrabandu tal-kokaina mill-Amerika Latina lejn l-Ewropa hija prova li n-netwerks huma kapaċi jegħlbu l-kontrolli tul il-kosta Atlantika u hija indikazzjoni li hemm il-ħtieġa ta' Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri effettiva.

Il-Patt Ewropew dwar it-traffikar internazzjonali tad-drogi adottat mill-Kunsill fit-3 ta’ Ġunju 2010[11], kif ukoll il-Patt Ewropew kontra d-drogi sintetiċi, li dalwaqt jitlesta, inizjat mill-Presidenza Pollakka, għandhom l-għan li jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-inizjattivi varji mnedija biex irażżnu t-traffikar tad-drogi[12].

It-traffikar tad-droga huwa wieħed mill-akbar sfidi transkonfinali ta’ infurzar tal-liġi fl-UE. Sa mill-2004, il-Eurojust ittrattat aktar każijiet ta’ traffikar tad-drogi minn kwalunkwe tip ieħor ta’ kriminalità. L-għadd ta’ każijiet ta’ traffikar tad-droga riferuti lill-Eurojust żdied b’aktar minn tliet darbiet matul dan il-perjodu, minn 77 sa 254[13], u din it-tendenza qed tkompli fl-2011. Fl-2010, madwar terz tal-appoġġ operazzjonali pprovdut mill-Europol lil aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġijiet kien relatat mat-traffikar illeċitu tad-droga[14]. Il-Eurojust u l-Europol qegħdin dejjem aktar jgħinu fil-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-UE, u ma’ pajjiżi terzi.

It-Trattat ta’ Lisbona jiddefinixxi t-traffikar tad-drogi bħala wieħed mir-“reati partikolarment gravi b’dimensjoni transkonfinali” li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ direttivi li jistabbilixxu regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet[15]. Dan huwa pass maġġuri ’il quddiem li se jagħmilha possibbli għall-UE biex tipprovdi reazzjoni aktar kuraġġuża, b’involviment aktar qawwi tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti nazzjonali.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar it-traffikar tad-drogi, jiġifieri d-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI, li tipprovdi definizzjoni tal-UE tar-reati ta’ traffikar tad-droga u regoli minimi dwar is-sanzjonijiet, hija l-ewwel pass importanti biex jiġi żgurat approċċ Ewropew, iżda għandha n-nuqqasijiet tagħha. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas[16] uriet li dan l-istrument ftit li xejn ġab xi allinjament tal-miżuri nazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Ma kkontribwiex biżżejjed sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’każijiet ta’ traffikar tad-droga.

Pereżempju, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, it-traffikar tal-prekursuri kimiċi huwa kopert direttament bil-liġi kriminali tal-istat rispettiv. Madankollu, f’xi Stati Membri dan jaqa’ biss taħt ir-reat ta’ għajnuna u kompliċità fit-traffikar tad-drogi. Bħala konsegwenza l-ġudikatura tista’ tħabbatha ma’ ostakli biex effettivament twettaq il-prosekuzzjoni ta’ dan l-att kriminali. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ ċirkustanzi aggravanti (li jiġġustifikaw pieni kriminali partikolarment għolja) mniżżla f’din id-Deċiżjoni Qafas mhumiex suffiċjenti: ma jinkludux iċ-ċirkustanzi aggravanti kollha[17] elenkati fi strumenti preċedenti tal-UE jew tan-NU.

Regoli komuni minimi huma essenzjali sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ fiduċja neċessarju biex tittejjeb il-kooperazzjoni fost il-ġudikaturi tal-Istati Membri.. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona issa jippermetti t-tisħiħ legali u politiku ta’ dan l-istrument legali importanti.

Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, biex madwar l-UE tara li jkun hemm approssimazzjoni aktar effettiva fejn jidħlu offiżi u sanzjonijiet marbuta mat-traffikar tad-drogi. Il-proposta l-ġdida:

(1)        Tkun immirata lejn it-traffikar transkonfinali tad-droga u lejn netwerks ta’ kriminalità organizzata, billi jiġu esplorati ċirkostanzi minimi komuni aggravanti jew mitiganti.

(2)        Ittejjeb id-definizzjoni ta’ offiżi u sanzjonijiet, possibbilment billi taqsam b’mod aktar dettaljat is-sanzjonijiet.

(3)        Tintroduċi obbligi ta’ rrappurtar aktar qawwija għall-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni u l-impatti tal-leġiżlazzjoni.

Barra minn kapaċitajiet qawwija fil-ġbir ta' dejta dwar in-naħa tad-domanda, it-titjib tal-ġbir tad-data fil-qasam tal-provvista tad-drogi huwa essenzjali għall-valutazzjoni tal-iżviluppi fis-suq tad-drogi. In-nuqqas ta’ indikaturi jagħmilha diffiċli li dawn l-iżviluppi jiġu vvalutati, li jiġi stmat il-piż fuq is-soċjetà tal-kriminalità relatata mad-droga u biex jiġu evalwati l-impatt u l-effettività tat-tnaqqis fil-forniment tad-droga.

Billi tibni fuq il-ħila teknika żviluppata fiċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Europol, se tippreżenta indikaturi ewlenin għall-monitoraġġ tas-swieq tad-droga, tal-kriminalità relatata mad-droga u t-tnaqqis fil-provvista tad-drogi. Dawn għandhom jgħinu sabiex tittejjeb l-effettività tar-reazzjonijiet fil-qasam tal-provvista tad-drogi.

3. Il-Prekursuri tad-droga

It-traffikar ta’ sustanzi kimiċi użati għall-manifattura tad-drogi hija kwistjoni li tqanqal tħassib kbir. It-trasformazzjoni ta’ oppju pur f’eroina, pereżempju, teħtieġ kwantitajiet sinifikanti ta’ prekursuri tad-droga. Dawn is-sustanzi kimiċi jkollhom diversi użi industrijali leġittimi, iżda jistgħu jiġu ddevjati mill-kummerċ leġittimu lejn il-produzzjoni ta’ drogi illeċiti. Dawn jiċċirkolaw bil-kuntrabandu fi ħdan l-UE, kif ukoll bejn l-UE u reġjuni differenti tad-dinja. Ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-imsieħba kummerċjali dwar il-kontroll tal-prekursuri tad-droga jipprovdu pjattaforma qawwija għall-koordinazzjoni tal-politiki u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-traffikar tal-prekursuri tad-droga. L-UE diġà ffirmat ftehimiet bħal dawn mat-Turkija, mal-Messiku, maċ-Ċili, mal-Istati Uniti, maċ-Ċina u mal-pajjiżi fir-reġjun Andin.

Biex ikunu jistgħu jevadu l-kontrolli, it-traffikanti jibdlu l-metodi tal-produzzjoni, jittrasformaw il-prekursuri f’sustanzi differenti (preprekursuri) li minnhom jiġu rkuprati fi stadju aktar tard, jew jiksbuhom minn preparati farmaċewtiċi.

Kwalunkwe miżura maħsuba għal kontra d-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga għandha toħloq bilanċ bejn l-iżgurar ta’ kontroll effettiv tad-devjazzjoni mingħajr ma ttellef l-attività legali f’dawn is-sustanzi. Kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet - inklużi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-awtoritajiet tas-saħħa/mediċi nazzjonali u l-atturi ekonomiċi - hija kruċjali f’dan ir-rigward.

Fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni[18] tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga[19] kien hemm diversi rakkomandazzjonijiet, fosthom: it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti u possibbilment l-introduzzjoni ta’ reġoli aktar stretti għal ċerti sustanzi kimiċi (bħal fil-każ tal-prekursur prinċipali fil-produzzjoni tal-eroina, l-anidrid aċetiku) u l-iżgurar ta’ kontroll xieraq ta’ preparati farmaċewtiċi li jkun fihom sustanzi użati għall-produzzjoni tal-metamfetamina.

Il-Kummissjoni qed teżamina modi kif issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-kontroll tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi li jinkudu diversi kategoriji ta’ sustanzi u aġenti ta’ reazzjoni li jintużaw ta’ spiss fil-manifattura ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikoattivi, u sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u uniformi ta' dawn ir-regoli. Bħalissa hija qiegħda tevalwa l-impatti ta’ diversi għażliet ta’ politika, bil-għan li tippreżenta proposti leġiżlattivi biex tiżdied l-effiċjenza tar-regoli li jipprevjenu d-diverżjoni illeċta, filwaqt li jippermettu kummerċ leġittimu fil-prekursuri mingħajr piż amministrattiv eċċessiv. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-prekursur tal-eroina, l-anidrid aċetiku, u lill-preparazzjonijiet farmaċewtiċi li jkun fihom l-efedrina u l-psewdoefedrina, użati għall-produzzjoni tal-metamfetamina.

Il-Kummissjoni ser tieħu azzjoni sabiex tikber il-kooperazzjoni internazzjonali kontra d-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga. Hija qiegħda f’negozjati dwar ftehim mar-Russja dwar il-prekursuri tad-drogi, bil-għan li tiffirmah fix-xhur li ġejjin, bħala materja urġenti. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u se tkompli bil-kooperazzjoni maċ-Ċina, li magħha l-UE diġà għandha ftehimiet bħal dawn.

4. Il-konfiska u l-irkupru ta’ assi kriminali

Il-mottiv ewlieni tal-kriminalità organizzata transkonfinali huwa l-qligħ finanzjarju. Sabiex ikun effikaċi, kwalunkwe tentattiv sabiex tali kriminalità, inkluż it-traffikar tad-drogi, tiġi mtellfa u miġġielda għandu jiffoka fuq it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati mill-kriminalità. Il-gruppi kriminali organizzati qegħdin jisfruttaw dejjem aktar il-vantaġġi ta’ Ewropa mingħajr fruntieri interni biex ikunu jistgħu jakkwistaw assi f'diversi Stati Membri tal-UE, u ħafna drabi jaħbuhom f'pajjiżi terzi. Huma jibdlu wkoll il-metodi għall-ħasil tal-flus.

L-intraċċar, l-iffriżar u l-konfiska tal-assi ta’ netwerks kriminali hija sfida maġġuri. L-UE adottat ħames strumenti leġiżlattivi (Deċiżjonijiet ta’ qafas) mfassla biex lit-traffikanti ċċaħħadhom mill-qligħ tagħhom[20]. Dawn l-istrumenti ma kinux effettivi biżżejjed. B’mod partikolari, huma ma ppermettewx li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jikkonfiskaw ammonti kbar ta’ merkanzija. Huwa kruċjali li jkun hemm netwerk ta’ uffiċċji ta’ rkupru ta’ assi fl-Ewropa, li jkun jaħdem tajjeb, sabiex tiddgħajjef il-qawwa finanzjarja ta' netwerks kriminali u sabiex fil-mira jkun hemm b'mod effettiv ir-rikavat u l-assi tagħhom.

Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, aktar b’saħħitha, dwar il-konfiska, l-irkupru ta’ assi kriminali u r-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska. L-għan huwa li jiġi żgurat ħtif aktar effiċjenti tar-rikavati mill-kriminalità u biex ma tħallix li jiġu investiti mill-ġdid fl-ekonomija leċta jew użati biex jitwettqu delitti oħra. Il-pakkett ta’ leġiżlazzjoni li hemm il-ħsieb li jitfassal dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi se jkun ikopri wkoll it-traffikar tad-drogi. L-għan tiegħu hu li jitfasslu regoli minimi armonizzati u li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Il-Kummissjoni se tirrevedi it-tielet Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, sabiex tkompli ssaħħaħ id-difiżi tal-UE kontra l-ħasil tal-flus iġġenerat mill-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tad-droga.

5. Sustanzi psikoattivi ġodda

Matul l-aħħar snin feġġew ta’ spiss fl-UE sustanzi psikoattivi ġodda, li jimitaw id-drogi illeċti. Sa mill-2005, l-Istati Membri rrappurtaw 115 sustanza psikoattiva ġdida permezz tas-sistema tat-twissija bikrija tal-UE[21]. Dawn jinbiegħu fi ħwienet “speċjalizzati” jew fuq l-internet, iżda xi wħud huma disponibbli minn bejjiegħa tad-drogi illeċti. Biex jevitaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn id-drogi ta’ spiss ikollhom it-tikketta “mhux għall-konsum mill-bniedem”. Ir-rapidità li biha jkunu varati fis-suq hija ta’ sfida għall-ħila tal-awtoritajiet biex jirrispondu.

Fl-2010 ġie rrappurtat numru rekord ta’ sustanzi ġodda (41), li jiġu madwar terz tas-sustanzi kollha notifikati mill-2005. Żewġ sustanzi, il-BZP u l-mefedron[22], kienu suġġetti għall-istima tar-riskju fil-livell tal-UE, u wara dan il-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, issottoponihom għal miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw dawn is-sustanzi bħala drogi illeċti, jintroduċu miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom f’konformità ma’ Konvenzjonijiet tan-NU.

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru 2011[23], 5% taż-żgħażagħ intervistati madwar l-UE użaw sustanzi bħal dawn. Il-prezz ta’ dawn is-sustanzi (li huwa orħos minn dak tad-drogi illeċti) u l-fatt li dawn “mhumiex illegali” - u għalhekk aċċessibbli faċilment ħafna – jistgħu jispjegaw il-firxa veloċi tagħhom f’ħafna Stati Membri. Madankollu, minħabba l-livell ta' tossiċità tagħhom, u l-potenzjal li għandhom li jwasslu għad-dipendenza, dawn jistgħu jkunu ta’ theddida għas-saħħa, theddida li tista’ titqabbel ma’ dik ġejja mid-drogi illeċti.

Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem mill-qrib ma’ aġenziji tal-UE biex tgħolli l-livell ta' għarfien ta’ din il-problema u biex tidentifika risposti aktar effettivi, inkluż fil-qasam tal-prevenzjoni. Il-leġiżlazzjoni li għandha bħalissa l-UE ma tindirizzax din l-isfida b’mod xieraq. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI[24] dwar sustanzi psikoattivi ġodda kkonkludiet li din għandha tliet nuqqasijiet prinċipali:

· Ma tistax tindirizza ż-żieda kbira fin-numru ta’ sustanzi psikoattivi ġodda, peress li tindirizza s-sustanzi waħda waħda, permezz ta’ proċess fit-tul.

· Hija reattiva: is-sustanzi suġġetti għal miżuri ta’ kontroll jinbidlu malajr b’oħrajn ġodda li jkollhom effetti simili.

· M’għandhiex għażliet biżżejjed għal miżuri regolatorji u ta’ kontroll.

Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE aktar qawwija fuq sustanzi psikoattivi ġodda. Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi mgħaġġla f’dan il-qasam, kif ukoll l-evidenza xjentifika dwar ir-riskji li jippreżentaw dawn is-sustanzi, il-proposta l-ġdida:

(1)        Ittejjeb il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ sustanzi, billi testendi l-appoġġ għall-analiżi forensika, l-istudji tossikoloġiċi, farmakoloġiċi u epidemjoloġiċi.

(2)        Tipprovdi risposti aktar malajr u aktar sostenibbli hekk kif ifeġġu dawn is-sustanzi, possibbilment billi tesplora metodi kif tindirizza gruppi ta’ sustanzi, minkejja l-ħtieġa li tiġi determinata b’mod xjentifiku l-ħsara li s-sustanza individwali tagħmel lis-saħħa.

(3)        Tippermetti reazzjoni aktar malajr hekk kif ifeġġu sustanzi ġodda, inkluż, possibbilment, projbizzjonijiet temporanji għal sustanzi li jippreżentaw riskji immedjati.

(4)        Ittejjeb l-allinjament tal-liġijiet fil-qasam tal-kontroll tad-droga, tas-sikurezza tal-prodotti u tal-ikel, il-ħarsien tal-konsumatur u l-mediċini biex tkun koperta varjetà wiesgħa ta’ sustanzi li jfeġġu.

6. It-tnaqqis tad-domanda

Madwar l-UE jeżistu diversi miżuri biex titnaqqas id-domanda għad-drogi. Dawn għandhom l-għan li jżommu n-nies milli jibdew jużaw id-drogi, biex ma jsirux dipendenti, biex jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi tal-użu tad-droga li jolqtu s-saħħa kif ukoll lir-rabtiet soċjali, u biex jipprovdu servizzi ta’ kura, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni soċjali. Madankollu, it-tibdil fix-xejriet fl-użu tad-droga u ż-żieda fil-konsum ta’ diversi sustanzi flimkien, bħal drogi illeċiti flimkien mal-alkoħol jew mediċini bir-riċetta, qed tkun ta’ sfida għall-metodi preżenti tal-prevenzjoni u tat-trattament.

Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin żdied il-provvediment tal-kura għad baqa’ differenzi maġġuri madwar l-UE fil-kopertura u l-kwalità ta’ servizzi marbuta mad-droga. Madwar 670 000 Ewropew jirċievu trattament ta’ sostituzzjoni għad-dipendenza fuq l-eroina – jiġifieri biss madwar nofs dawk fil-bżonn li jingħataw kura. F’xi pajjiżi tal-UE, id-disponibbiltà tal-kura hija limitata. F’ċerti Stati Membri, l-effettività ta’ ħafna programmi ta’ edukazzjoni, ta’ prevenzjoni u ta’ kura għadu mhux evalwat.

Miżuri bħal ma huma programmi ta’ skambju ta’ labar u siringi li permezz tagħhom nies li jinjettaw id-droga jiġu pprovduti b’aċċess għal labar u siringi biex dawn ma joqogħdux jiskambjaw bejniethom l-apparat tal-injezzjonijiet kienu ta’ għajnuna biex jitnaqqas it-tixrid tal-HIV u infezzjonijiet oħra li jinġarru mid-demm fost min jagħmel użu mid-droga. Madankollu, is-suċċess ta’ dawn il-miżuri jitlob li jkun hemm strateġiji sostenibbli u integrati madwar l-UE biex tiġi evitata l-firxa ta' infezzjonijiet marbuta mad-droga li jinġarru mid-demm[25].

Hemm ħtieġa ċara għall-estensjoni u t-titjib tas-servizzi relatati mad-droga, sabiex jiġi żgurat li l-prevenzjoni taħdem, u li dawk li jkunu qed isegwu kura jkunu jistgħu jirkupraw u jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll implimentazzjoni mtejba tal-indikaturi kruċjali fil-qasam tat-tnaqqis tad-domanda għad-drogi, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu servizzi aktar effettivi.

Il-Kummissjoni se tgħin fl-iżvilupp ta’ standards minimi ta’ kwalità, sabiex ittejjeb l-effettività tal-prevenzjoni tad-droga, it-trattament u t-tnaqqis tal-ħsara fl-UE. L-għan huwa li jiġu stabbiliti standards għal kwalità fl-għoti ta’ servizzi relatati mad-droga, pereżempju permezz ta’ ppjanar bir-reqqa tal-kura f’konformità mal-ħtiġijiet individwali tal-pazjent jew dwar ir-rekwiżiti għall-kwalifikazzjoni tal-persunal. Dawn l-istandards għandhom jiġu żviluppati flimkien mal-EMCDDA, l-Istati Membri u dawk involuti fil-prattika tas-servizzi relatati mad-droga, u se jqisu s-sistemi tas-saħħa u l-kapaċitajiet differenti madwar l-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja u tippromwovi miżuri biex titnaqqas il-ħsara għas-saħħa u l-ħsara soċjali assoċjati mad-dipendenza fuq id-drogi, inkluż bit-tisħiħ tal-prevenzjoni edukattiva u b’appoġġ sa minn kmieni biex tiġi evitata d-dipendenza, interventi biex jiġu evitati u kkontrollati l-infezzjonijiet fost nies li jinjettaw id-drogi, u biex jiġu evitati mwiet relatati mad-droga[26]. Se tkompli tappoġġja miżuri biex tgħin fir-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni ta’ dawk dipendenti fuq l-użu tad-droga fis-soċjetà[27]. Hija beħsiebha tippreżenta t-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2003 dwar it-tnaqqis tal-ħsara[28], maħsub biex jevalwa l-effettività tal-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ ħsara għas-saħħa assoċjata mad-dipendenza fuq id-drogi.

7. Is-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi

Ħafna inċidenti fit-toroq fl-UE huma kkawżati minn sewwieqa taħt l-influwenza ta’ sustanzi psikoattivi. L-istudji juru li s-sewqan taħt l-influwenza ta’ droġi illeċti jżid ir-riskju li tiġi kkawżata diżgrazzja fatali tat-traffiku. Madankollu, peress li d-dejta mhix miġbura b’mod sistematiku fil-livell tal-UE, l-effett negattiv fuq is-sikurezza fit-toroq tas-sewqan taħt l-effett tad-drogi jeħtieġ aktar studju. L-izvilupp ta’ risposti effettivi u proporzjonati fil-konfront tas-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi jippreżenta sfida maġġuri, kif jintqal fil-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport[29].

Il-Kummissjoni qed tesplora azzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE biex tindirizza s-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, bil-għan li tiżdied is-sikurezza fit-toroq. Abbażi tar-riżultati tal-proġett DRUID ffinanzjat mill-UE[30], li evalwa l-impatt tad-drogi illeċti fuq is-sikurezza fit-toroq, l-effettività ta’ apparat tal-ittestjar u r-risposti possibbli, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex tindirizza din il-problema b’mod effettiv. Dawn ir-risposti jistgħu jinkludu modi kif titjieb l-affidabilità ta’ strumenti użati għal ittestjar maġenb it-triq, jew jipprovdu appoġġ għal taħriġ xieraq ta’ uffiċjali tat-traffiku.

8. Il-kooperazzjoni internazzjonali

L-UE għandha rwol ewlieni fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar id-drogi illeċti. Hija impenjata fi djalogu attiv mal-pajjiżi ta’ produzzjoni u ta’ tranżitu u tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju u tekniku. Risposta aktar qawwija għad-droġi illeċti tkun tirrekjedi li l-UE tkabbar l-impenn tagħha ma’ pajjiżi ġirien, ma’ sħab strateġiċi u matul ir-rotot ta’ drogi lejn l-UE, abbażi ta’ approċċ bilanċjat u komprensiv b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem.

Apparti mid-drogi illeċti li joriġinaw fl-UE, hemm żewġ rotot ewlenin tad-drogi li permezz tagħhom jidħlu d-drogi fl-UE. Dawn huma “r-rotta tal-kokaina” (tibda mill-Amerika Latina, tgħaddi mill-Afrika tal-Punent, lejn l-UE) u “r-rotta tal-eroina” (tibda mill-Afganistan u tgħaddi jew mill-Balkani tal-Punent jew mill-Asja Ċentrali lejn l-UE). L-approċċ tal-UE fil-ġlieda internazzjonali kontra d-drogi illegali huwa bbażat fuq tliet linji:

Komprensiva - it-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi opportunità għall-UE li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha dwar l-infurzar tal-liġi ma’ pajjiżi terzi biex tgħinhom itejbu l-ħiliet tas-sistemi ġudizzjarji u biex jippromwovu l-istat tad-dritt, fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE tiffoka fuq it-tiftix ta’ soluzzjonijiet għat-tul, pereżempju billi tippromwovi qligħ tal-għajxien alternattiv għal bdiewa li jkabbru d-droga f'oqsma rurali, f'pajjiżi bħall-Afganistan, u billi titnaqqas id-domanda fil-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu. L-UE hija impenjata li taħdem mill-qrib sew ma’ pajjiżi ta’ tranżitu kif ukoll ma’ dawk ta’ produzzjoni, peress li t-tnejn li huma jbatu minn żieda fl-użu tad-droga fost il-popolazzjonijiet tagħhom, minn sfidi relatati għas-saħħa pubblika kif ukoll minn ħiliet istituzzjonali limitati biex jikkonfrontaw il-problema.

Ġeografika - l-UE se tkompli tikkonsolida l-approċċ tagħha fejn jidħlu “ir-rotot tad-drogi”, li permezz tiegħu tkun tista’ tikkonfronta l-problema b’mod komprensiv, mill-kultivazzjoni tal-pjanti tad-drogi sad-dħul tad-drogi fis-suq tal-UE. Il-Pajjiżi tal-Viċinat Ewropew (PVE) se jibqgħu ta’ prijorità. Se jibqa’ jingħata appoġġ lill-pajjiżi involuti fit-tkabbir fejn jidħol il-bini tal-ħiliet sabiex ikunu jistgħu jikkonfrontaw it-traffikar u l-abbuż tad-drogi, speċjalment permezz tal-Istrument għall-Assitenza ta’ qabel l-Adezjoni (IPA). L-UE se ssaħħaħ l-impenn tagħha mal-pajjizi tal-Amerika Latina[31], il-Karibew u l-Afrika kif ukoll ma' organizzazzjonijiet reġjonali relevanti, billi tibni fuq is-suċċess tal-pjattaformi ta' kooperazzjoni ta' uffiċjali ta' kuntatt fl-Afrika tal-Punent, biex tkun tista’ tikkoordina l-bini tal-ħiliet.

Kooperazzjoni ma’ sħab strateġiċi - l-UE se tkompli tibni fuq l-involviment tagħha ma’ sħab strateġiċi b'interess komuni li jiġġieldu kontra d-drogi illeċti. Il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti dwar id-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) kienet ta' siwi partikolari fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi. L-UE u l-Istati Uniti qed jesploraw modi biex jistabbilixxu netwerk konġunt ta' infurzar tad-drogi fejn jidħol it-traffikar tad-drogi u biex jikkoordinaw proġetti ta’ bini ta’ ħiliet fil-Afrika tal-Punent, fl-Amerika Latina u fil-Karibew. L-UE qed issaħħaħ l-isforzi tagħha mal-Istati Uniti u mar-Russja biex jitnaqqas it-traffikar tad-drogi u jiġi evitat l-abbuż tad-droga fl-Asja Ċentrali. Qed taħdem ukoll ma’ sħab internazzjonali biex ittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali biex tikkonfronta l-ekonomija bbażata fuq id-drogi fl-Afganistan, li tissupplixxi sa 90% tal-eroina kollha tad-dinja.

Se jiġu kkunsidrati aktar miżuri għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-drogi fil-kuntest tal-evoluzzjoni li għadha għaddejja tal-Istrateġija dwar id-Drogi u tal-Pjani ta’ Azzjoni tal-UE.

9. Konklużjonijiet

Il-politika Ewropea dwar id-drogi għandha l-għan li tipproteġi u ttejjeb il-ġid tas-soċjetà u tal-individwu, li tipproteġi s-saħħa pubblika, li toffri livell għoli ta’ sigurtà għall-pubbliku inġenerali u li tadotta approċċ ibbilanċjat u integrat għall-problema tad-drogi. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u ż-żarmar tal-istruttura tal-pilastri fit-tfassil tal-politiki tal-UE jipprovdu opportunitajiet ġodda għal integrazzjoni aħjar tal-oqsma tal-politiki kollha rilevanti għall-problema tad-droga. L-iskala tal-problema tad-drogi tal-Ewropa, u n-natura dejjem tinbidel tagħha, titlob azzjoni ħafifa, qawwija u effettiva mill-UE. Il-Kummissjoni hija ddeterminata li tkabbar ir-risposta tagħha għad-drogi illeċti u għal sustanzi psikoattivi ġodda li jimitaw l-effetti tagħhom (l-aktar id-drogi sintetiċi l-ġodda)[32], bl-użu tal-opportunitajiet ġodda pprovduti mit-Trattat ta’ Lisbona.

Il-Kummissjoni se tipproponi; bħala proposti leġiżlattivi:

(1) Pakkett leġiżlattiv dwar id-drogi, li jkun jinkludi proposta għal reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar it-traffikar tad-droga u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar sustanzi psikoattivi ġodda;

(2) Proposti leġiżlattivi dwar il-prekursuri tad-drogi;

(3) Proposti leġiżlattivi dwar il-konfiska u l-irkupru ta’ assi kriminali u fuq it-tisħiħ ta’ rikonoxximent reċiproku tal-iffriżar u l-konfiska ta’ ordnijiet;

(4) Miżuri leġiżlattivi ġodda biex jikkumbattu l-ħasil tal-flus.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippreżenta:

(5) Indikaturi biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu ssorveljati: il-provvista tad-drogi, il-kriminalità relatata mad-droga u t-tnaqqis fil-provvista tad-drogi, biex jgħinu fit-titjib tal-effettività ta’ miżuri ta’ tnaqqis tal-provvista;

(6) Standards minimi ta’ kwalità biex tittejjeb il-prevenzjoni tad-droga, it-trattament u servizzi għat-tnaqqis tal-ħsara.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lis-soċjetà ċivili u lil partijiet involuti oħra importanti biex jieħdu sehem f’dibattitu dwar risposti effettivi għad-drogi illeċti u sustanzi psikoattivi ġodda. Sabiex dawk kollha interessati jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal dan id-dibattitu, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika bl-internet dwar kif l-aħjar li jiġu indirizzati d-drogi illeċiti u l-emerġenza ta’ sustanzi ġodda li jimitawhom.

[1]               Id-drogi illeċti huma dawk is-sustanzi psikoattivi li l-kultivazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċ u l-pussess mhux liċenzjati tagħhom – ħlief għal skopijiet mediċi u xjentifiċi – huma pprojbiti.

[2]               Sustanzi psikoattivi ġodda huma drogi narkotiċi jew psikotropiċi li jistgħu jkunu ta‘ theddida għas-saħħa pubblika, kumparabbli ma’ drogi illeċti, u li feġġew biss reċentement fis-suq u li mhumiex ipprojbiti. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-sustanzi huma sintetiċi.

[3]               Il-Kummissjoni Ewropea, Flash Eurobarometer nr. 330, Youth attitudes on Drugs

[4]               EMCDDA, Rapport Annwali 2010 dwar l-Istat tal-Problema tad-Droga fl-Ewropa.

[5]               Il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni esterna tal-Istrateġija tal-UE kontra d-Drogi (2005-2012) li se titlesta sa tmiem l-2011.

[6]               Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/JHA tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti tar-reat u l-pieni kriminali fil-qasam tat-traffikar illegali tad-droga ĠU L 335, 11.11.2004, pp 8–11.

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda, ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32–37.

[8]               Il-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta’ Diċembru 2009 adotta l-Programm ta' Stokkolma, qafas komprensiv fuq inizjattivi fil-ġustizzja u affarijiet interni. Sabiex tikkonverti dawn l-għanijiet politiċi fi proposti konkreti, il-Kummissjoni għażlet għadd ta’ azzjonijiet kruċjali biex jiġu adottati bejn l-2010 u l-2014. COM(2010) 171 finali.

[9]               COM(2011) 500.

[10]             L-Europol, Valutazzjoni tat-Theddida tal-Krimimalità Organizzata OCTA 2011.

[11]             http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/jha/114889.pdf.

[12]             Fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tas-27 u t-28 ta’ Ottubru 2011.

[13]             Rapport Annwal tal-Eurojust, 2010.

[14]             Europol, Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Europol 2010.

[15]             L-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

[16]             COM(2009) 669 u SEC(2009) 1661.

[17]             Pereżempju dwar il-vittimizzazzjoni jew l-użu tal-minuri, kif previst mill-Artikolu 3.5(f) tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċtu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 1996 dwar is-sentenzi għal kontra t-traffikar tad-drogi illeċti serji, ĠU C 10, 11.1.1997, p. 3 – 4.

[18]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004, ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1-10; Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 273/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1-10.

[19]             COM(2009) 709.

[20]             Tliet Deċiżjonijiet Qafas għandhom l-għan li jarmonizzaw il-miżuri nazzjonali għall-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali (2001/500, 2005/212, 2007/845) u tnejn minnhom għandhom x’jaqsmu mal-għarfien reċiproku tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri biex jiġu ffriżati u kkonfiskati assi kriminali (2003/577, 2006/783).

[21]             SEC(2011) 912.

[22]             Il-BZP fl-2008 (ĠU L 63, 7.3.2008, p. 45 – 46) u l-mefedrona fl-2010 (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 44 – 45).

[23]             Il-Kummissjoni Ewropea, Flash Eurobarometer nr. 330, Youth attitudes on Drugs

[24]             COM(2011) 430.

[25]             EMCDDA, Rapport Annwali 2010 dwar l-Istat tal-Problema tad-Droga fl-Ewropa.

[26]             Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-UE u l-pajjiżi ġirien, COM (2009) 569

[27]             Inizjattivi bħal dawn se jkomplu jiġu ffinanzjati minn programmi finanzjarji tal-UE, inkluż bil-Programm ta' Informazzjoni dwar id-Droga u l-Prevenzjoni tagħha, il-Programm tas-Saħħa kif ukoll il-Fond Soċjali Ewropew.

[28]             ĠU L165, 03.07.2003, p. 31 – 33

[29]             COM(2011) 144.

[30]             Sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, l-alkoħol u mediċini. http://www.druid-project.eu.

[31]             Il-programm COPOLAD jipprovdi qafas solidu biex inkunu nistgħu nkomplu bl-isforzi tagħna mal-pajjiżi tal-Amerika Latina fl-indirizzar tal-aspetti kollha tal-politiki kontra d-droga. Barra minn hekk, fl-Amerika Latina u l-Karibew, ser jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sigurtà relatata mad-droga, fid-dawl tal-preokkupazzjoni dejjem tikber f’dan il-qasam.

[32]             L-ewwel inizjattiva tal-UE dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda kienet Azzjoni Konġunta 97/396/JHA tas-16 ta’ Ġunju 1997 dwar l-iskambju tal-informazzjoni, l-istima tar-riskju u l-kontroll tad-droga sintetika l-ġdida. Sustanzi psikoattivi ġodda huma l-aktar drogi sintetiċi ġodda imma jinkludu wkoll sustanzi organiċi. L-Azzjoni Konġunta ġiet mibdula bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI ta' l-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda.

Top