EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0668

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea

/* KUMM/2011/0668 finali */

52011DC0668




KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea

A. Introduzzjoni

a) Applikazzjoni għas-sħubija

Is-Serbja ppreżentat l-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Diċembru 2009. Sussegwentement, fil-25 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-Kummissjoni biex tressaq l-opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tiddikjara li "Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati b'din l-applikazzjoni . L-Istat applikant għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill li għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu . Għandu jittieħed kont tal-kriterji ta' eliġibbiltà miftiehma mill-Kunsill Ewropew".

L-Artikolu 2 jiddikjara li "L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi . Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel".

Dan huwa l-qafas legali li fih il-Kummissjoni tressaq l-Opinjoni preżenti.

Il-Kunsill Ewropew ta' Feira f'Ġunju 2000 kien għaraf li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li qed jieħdu sehem fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kienu 'kandidati potenzjali' għas-sħubija fl-UE. Il-perspettiva Ewropea ta' dawn il-pajjiżi kompliet tiġi kkonfermata mill-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki f'Ġunju 2003, li approva 'l-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent'. Din l-aġenda għadha l-bażi li fuqha hija mibnija l-politika tal-UE fir-rigward tar-reġjun.

Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 ġedded l-impenn tal-UE "li l-ġejjieni tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea" u tenna li "l-progress ta' kull pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea jiddependi fuq l-isforzi individwali tiegħu biex jikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen u mal-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Ir-rekord tal-passat sodisfaċenti ta' pajjiż fl-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ, huwa element essenzjali biex l-UE tikkunsidra kwalunkwe applikazzjoni għas-sħubija". Fil-laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li saret f'Sarajevo fit-2 ta' Ġunju 2010, l-UE tenniet l-impenn inekwivoku tagħha lejn il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent u li l-ġejjieni ta' dawn il-pajjiżi jinsab fl-Unjoni Ewropea.

B'konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat, l-evalwazzjoni ta' bħalissa hija magħmula skont it-termini tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà preskritti mill-Kunsill Ewropew. F'Kopenħagen f'Ġunju 1993, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li:

"L-adeżjoni se sseħħ hekk kif pajjiż ikun kapaċi jassumi l-obbligi tas-sħubija billi jissodisfa l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi rikjesti.

Is-sħubija tirrikjedi:

- li l-pajjiż kandidat ikun kiseb stabbiltà tal-istituzzjonijiet li tiggarantixxi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett lejn il-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom;

- l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li taħdem, kif ukoll il-kapaċita li l-pajjiż jiflaħ għall-pressjoni kompetittiva u għall-qawwiet tas-suq fl-Unjoni;

- il-kapaċità li jerfa' l-obbligi tas-sħubija, inkluża l-aderenza mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja" .

Il-kapaċità tal-Unjoni li tassorbi membri ġodda, filwaqt li żżomm għaddej il-momentum tal-integrazzjoni Ewropea, hija wkoll kunsiderazzjoni importanti fl-interess ġenerali kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-pajjiżi kandidati.

F'Diċembru 1995, il-Kunsill Ewropew ta' Madrid irrefera għall-ħtieġa "li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni gradwali u armonjuża tal-pajjiżi [applikanti], b'mod partikulari permezz tal-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq, l-aġġustament tal-istrutturi amministrattivi tagħhom u l-ħolqien ta' ambjent ekonomiku u monetarju stabbli".

Il-kundizzjonalitajiet tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA) ġew iddefiniti mill-Kunsill fil-31 ta' Mejju 1999. Dawn jinkludu l-koperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (l-International Criminal Tribunal for the Former Yugoslavia, ICTY) u l-koperazzjoni reġjonali. Bħala element fundamentali tal-PSA, dawn il-kundizzjonijiet huma integrati fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mas-Serbja, attwalment taħt ratifika, u kif ukoll fil-Ftehim Temporanju (FT) dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati miegħu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2010.

F'Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew qabel li "l-istrateġija tat-tkabbir imsejsa fuq il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni, imħallta mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda, tifforma l-bażi għal kunsens imġedded dwar it-tkabbir".

Fl-Opinjoni preżenti, il-Kummissjoni tanalizza l-applikazzjoni tas-Serbja fuq il-bażi tal-kapaċità tal-pajjiż li jissodisfa l-kriterji ffissati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993 u l-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Qed jiġi eżaminat ukoll ir-rekord tal-passat tas-Serbja fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati miegħu.

L-Opinjoni tħejjiet b'metodoloġija simili għal dik li ntużat f'Opinjonijiet li saru qabel. Il-Kummissjoni organizzat għadd ta' missjonijiet esperti fis-Serbja, li kienu kkonċentrati l-aktar fl-oqsma koperti mill-kriterji politiċi. Dan l-approċċ ippermetta li ssir evalwazzjoni tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet tas-Serbja u tal-mod kif tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni. Dan għen ukoll biex jiġu identifikati aħjar l-isfidi li għad baqa' u l-prijoritajiet għal azzjoni fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni analizzat kemm is-sitwazzjoni ta' bħalissa kif ukoll il-prospetti fuq medda medja ta' żmien. Għall-fini ta' din l-Opinjoni, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe data futura ta' adeżjoni, il-perspettiva fuq medda medja ta' żmien ġiet iddefinita bħala perjodu ta' ħames snin.

L-analiżi ddettaljata li fuqha hija msejsa din l-Opinjoni tinsab f'dokument għalih ( Analytical Report accompanying the Opinion on Serbia's application for membership of the European Union )[1]. B'konformità mal-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, ir-rapport analitiku jipprovdi stimi inizjali tal-impatt tal-adeżjoni futura tas-Serbja f'ċerti oqsma ewlenin ta' politika. Il-Kummissjoni se tipprovdi evalwazzjonijiet aktar iddettaljati tal-impatt għal dawn l-oqsma ewlenin ta' politika fi stadju aktar tard tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni. Barra minn dan, trattat ta' adeżjoni għas-Serbja jkun jinvolvi adattament tekniku tal-istituzzjonijiet tal-UE fid-dawl tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

b) Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja żviluppaw wara l-bidliet demokratiċi tal-2000, fil-bidu mar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u wara, mill-2003 'l quddiem, mal-Unjoni tal-Istati tas-Serbja u l-Montenegro. L-UE kompliet ir-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika tas-Serbja, bħala s-suċċessur tal-Unjoni tal-Istati, meta l-Montenegro saret indipendenti fl-2006.

Is-Serbja qed tipparteċipa fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jipprovdi qafas ta' impenji reċiproċi dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet politiċi, kummerċjali u ekonomiċi. Dan ġie ffirmat f'April 2008 flimkien mal- Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati miegħu. Il-ministri tal-UE qablu li jissottomettu l-FSA lill-parlamenti tagħhom biex jiġi ratifikat u l-UE qablet li timplimenta l-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati miegħu hekk kif il-Kunsill iddeċieda li s-Serbja kienet qed tikopera b'mod sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja. Fl-1 ta' Jannar 2009, is-Serbja bdiet timplimenta l-Ftehim Temporanju. Il-Ftehim Temporanju daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2010. Waqt il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ġunju 2010, il-ministri qablu li jissottomettu l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lill-parlamenti tagħhom biex jiġi ratifikat. Il-proċess għadu għaddej. F'termini ġenerali, is-Serbja bniet rekord tal-passat pożittiv dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi imposti mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Temporanju. Kull meta kien hemm xi problemi, is-Serbja ħadet approċċ kostruttiv u trasparenti biex issolvihom malajr u b'mod effettiv.

Sħubija Ewropea mas-Serbja ġiet adottata mill-Kunsill fl-2004 u ġiet aġġornata fl-2006 u l-2008[2].

Mill-2003 'l hawn saru laqgħat ta' djalogu politiku f'livell ministerjali. Id-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tas-Serbja kien qed iseħħ fil-qafas tad-Djalogu Permanenti Msaħħaħ (DPM) mill-2003. Mill-2006 'l hawn, annwalment saru laqgħat interparlamentari bejn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-parlament tas-Serbja. Il-Kumitat Temporanju taħt l-FT u numru ta' sottokumitati jiltaqgħu annwalment, notevolment dwar is-suq intern, il-kompetizzjoni, it-traffiku ta' tranżitu, il-kummerċ, id-dwana, it-tassazzjoni, l-agrikoltura u s-sajd. Diversi laqgħat sotto-DPM qed ikopru l-oqsma kollha tal-FSA li mhumiex inklużi fil-Ftehim Temporanju, bħall-enerġija, l-ambjent, il-politika soċjali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà.

Is-Serbja tipparteċipa fi djalogu ekonomiku mal-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE. F'dan il-qafas, is-Serbja ppreżentat f'Jannar 2011 aġġornament tal-Programm Ekonomiku u Fiskali (PEF) annwali tagħha.

Il- liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tas-Serbja li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen ġiet mogħtija mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mid-19 ta' Diċembru 2009. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq progress sostanzjali fl-oqsma tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u l-kisba ta' kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-pjan ta' direzzjoni għall-liberalizzazzjoni tal-viża. Ir-regoli dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża ġew irrispettati mill-maġġoranza tal-vjaġġaturi. Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni kontinwa tal-impenji, ġie stabbilit mekkaniżmu ta' kontroll b'segwitu tal-liberalizzazzjoni tal-viżi minħabba ż-żieda fin-numru ta' dawk li jfittxu l-asil mir-reġjun. F'Ġunju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport ta' monitoraġġ tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja dwar ir-riammissjoni ilu fis-seħħ minn Jannar 2008.

Is-Serbja ffirmat it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija f'Ottubru 2005 u l-ftehim dwar Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA) f'Ġunju 2006.

F'Ottubru 2008, il-gvern tas-Serbja adotta l-Programm Nazzjonali għall-Integrazzjoni tas-Serbja fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2008-2012. Verżjoni riveduta u aġġornata ġiet adottata f'Diċembru 2009. F'Diċembru 2010, il-gvern adotta Pjan ta' Azzjoni dwar il-kisba tal-prijoritajiet stabbiliti fir-Rapport ta' Progress tal-2010 tal-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jżid aktar attenzjoni u jikseb riżultati addizzjonali dwar l-aġenda ta' riforma, qabel l-Opinjoni attwali.

Is-Serbja ilha tirċievi assistenza finanzjarja mill-UE mill-2001. B'mod globali, bejn l-2001 u l-2011, l-UE impenjat aktar minn EUR 2 biljun lis-Serbja fil-forma ta' għotjiet u EUR 5,8 biljun fil-forma ta' self b'rati baxxi. Mill-2001 sal-2006, is-Serbja bbenefikat minn assistenza mill-CARDS tal-UE li kienet tiswa EUR 1 045 miljun. Mill-2007 'l hawn, minflok il-CARDS iddaħħal l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li taħtu s-Serbja rċeviet assistenza li swiet EUR 974 miljun bejn l-2007 u l-2011. Din l-assistenza taħt l-IPA hi mfassla biex tappoġġja r-riformi li jsiru bħala parti mill-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, b'enfasi fuq l-istat tad-dritt, il-ħolqien tal-istituzzjonijiet, l-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE, l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku u soċjali u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili.

Is-Serbja tipparteċipa b'mod sħiħ f'numru ta' programmi tal-UE fil-perspettiva finanzjarja 2007-2013: is-7 Programm Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, PROGRESS, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, il-Programm Kultura, il-Programm Dwana u l-Programm Fiscalis. Il-fondi tal-IPA jintużaw biex jitħallsu parti mill-kostijiet tal-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi.

B. Kriterji għas-sħubija

KRITERJI POLITIċI

L-evalwazzjoni preżenti hija bbażata fuq il-kriterji ta' Kopenħagen li huma relatati mal-istabbiltà tal-istituzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett lejn il-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, u kif ukoll fuq il-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Is-Serbja hija demokrazija parlamentari. Il-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv tagħha huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu f'konformità mal-prinċipji u l-istandards Ewropej u l-istituzzjonijiet tagħha huma żviluppati tajjeb. Is-Serbja hi impenjata lejn l-objettiv tagħha ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea u mill-2008 ikkonċentrat dejjem aktar l-isforzi tagħha fuq l-aġenda ta' riforma relatata mal-UE. Il-gvern aġġorna wħud mill-proċeduri tiegħu u l-parlament sar ħafna aktar effettiv fl-attività leġiżlattiva tiegħu taħt il-leġiżlatura attwali. Il-proċess leġiżlattiv jista' jibbenefika aktar minn preparazzjoni aktar bir-reqqa u aktar enfasi fuq il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Rigward il-kapaċità għas-superviżjoni parlamentari u l-ippjanar, il-kordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-gvern għad fadal aktar żvilupp xi jsir. Is-Serbja waqqfet il-korpi regolatorji indipendenti neċessarji kollha. Ir-regoli li jiggvernaw ir-reviżjoni parlamentari tar-rapporti annwali tagħhom ġew ikkjarifikati anki jekk is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet minn korpi indipendenti u regolatorji jeħtieġ li jiġi msaħħaħ. L-amministrazzjoni pubblika b'mod ġenerali hija żviluppata tajjeb, b'mod partikolari fil-livell ċentrali. Il-prinċipju ta' sistema tal-karrieri bbażata fuq il-mertu għad irid jiġi implimentat b'mod sħiħ. Is-Serbja stabbiliet Statut għall-Provinċja ta' Vojvodina u impenjat ruħha li titrasferixxi ċerti kompetenzi fil-livell muniċipali.

Mill-2001, fis-Serbja saru elezzjonijiet b'mod konsistenti f'konformità mal-istandards internazzjonali. Il-leġiżlazzjoni elettorali dan l-aħħar saret kompatibbli mal-istandards Ewropej. Issa din tipprovdi li l-ħatra tal-MPs issegwi l-ordni tal-listi ppreżentati lill-votanti u ġġib fit-tmiem il-prattika ta' 'riżenja blank', li permezz tagħha l-MPs kienu qed jippreżentaw ittri ta' riżenja lill-partiti tagħhom fil-bidu tal-mandat tagħhom. Din tikkonsolida l-eżerċizzju liberu tal-mandati parlamentari, prinċipju li jeħtieġ li, eventwalment, jitniżżel fil-Kostituzzjoni.

Il-qafas legali u istituzzjonali għall- istat tad-dritt fis-Serbja, inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ġie mtejjeb, b'mod partikolari wara riformi sostanzjali tal-ġudikatura, it-twaqqif tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u ż-żieda tal-koperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali. Dan wassal għal riżultati inizjali. L-isfidi ewlenin jibqgħu fiż-żoni tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità orgnizzata. B'mod partikolari, għad irid ikun hemm approċċ proattiv fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni li jwassal għal rekord kredibbli dwar l-investigazzjonijiet miftuħa u kundanni finali. Qafas estensiv għall-kontroll ċivili tal-forzi tas-sigurtà jinsab fis-seħħ.

Wara l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali fl-2006, saru riformi sostanzjali tal-ġudikatura fis-Serbja u ġew intensifikati fl-2009 u l-2010. L-indipendenza u l-amministrazzjoni awtonoma ġew imsaħħa bit-twaqqif tal-Kunsill Ġudizzjarju Għoli u l-Kunsill Statali tal-Prosekuzzjoni, li ilhom jiffunzjonaw fil-kompożizzjonijiet permanenti tagħhom minn April 2011. F'Diċembru 2009 saret proċedura ta' ħatra mill-ġdid għall-imħallfin u l-prosekuturi kollha, b'mod partikolari sabiex jogħlew l-istandards professjonali u ta' integrità tagħhom. In-nuqqasijiet sinifikanti inizjali li ġew identifikati f'din il-proċedura qed jiġu indirizzati permezz ta' proċess ta' reviżjoni skont linji gwida ċari li jeżistu għall-dan il-proċess. Il-proċess ta' reviżjoni għad irid jitlesta b'mod sodisfaċenti u trasparenti f'konformità ma' dawn il-linji gwida. Reviżjoni tal-irwol mogħti mill-Konstituzzjoni lill-parlament dwar il-ħatriet u t-tkeċċijiet fil-ġudikatura trid issir fi żmien xieraq, sabiex jonqos aktar ir-riskju ta' influwenza politika mhux xierqa. Saru diversi passi biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. In-netwerk tal-qorti ġiet ristrutturata u n-numru tal-qrati tnaqqas, li wassal għal distribuzzjoni aħjar tax-xogħol. Ġiet imwaqqfa Qorti Amministrattiva u ġiet adottat Liġi dwar l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti f'Mejju 2011. Għad jeħtieġ aktar sforzi biex jitjieb il-funzjonament tal-ġudikatura, jinkisbu l-benefiċċji kollha tar-ristrutturar tan-netwerk tal-qrati u biex finalment tiżdied il-fiduċja pubblika. Għandhom iseħħu sforzi biex tissaħħaħ l-eżekuzzjoni tas-sentenzi u jkompli jitnaqqas in-numru konsiderevoli ta' każijiet pendenti.

B'mod ġenerali, il-qafas legali u istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jinsab fis-seħħ fis-Serbja. Ġiet imwaqqfa Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u hija kompetenti fl-oqsma tal-integrità tal-uffiċjali pubbliċi u l-kontroll tal-iffinanzjar tal-partiti. Dan l-aħħar ġew miżjuda aktar ir-riżorsi tagħha. Qafas imtejjeb għall-kontroll tal-iffinanzjar tal-attivitajiet u l-kampanji elettorali tal-partiti politiċi twaqqaf skont l-istandards Ewropej. Il-Ministru tal-Ġustizzja ġie maħtur bħala koordinatur għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-awtoritajiet taw bidu għal reviżjoni tal-pjan ta' strateġija u azzjoni għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni li kellu bżonn jiġi aġġornat. L-Istituzzjoni Statali tal-Verifika bdiet tagħti sehem importanti fil-kontroll tan-nefqa pubblika u s-sejba tal-irregolaritajiet. L-amministrazzjoni doganali u l-pulizija żiedu l-kontrolli interni tagħhom u dan irriżulta f'numru akbar ta' każijiet li ġew investigati u ssanzjonati. Ittieħdu wkoll passi biex ikun hemm speċjalizzazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u numru akbar ta' każijiet ġew proċessati. Il-korruzzjoni għadha prevalenti f’ħafna oqsma u għadha problema serja. Rieda politika akbar hi essenzjali biex titjieb b'mod sinifikanti l-prestazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Kapaċità u kordinazzjoni mtejba ta' investigazzjoni tal-korpi tal-infurzar tal-liġi huma indispensdabbli. Ir-rekord tal-passat tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni finali fil-każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli kollha jrid jinbena b'mod sinifikanti u gradwalment. Hemm tħassib ukoll rigward is-superviżjoni tal-akkwist pubbliku, il-privatizzazzjoni, il-ġestjoni tat-territorju u l-permessi tal-kostruzzjoni.

Fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-qafas legali żviluppat mis-Serbja b'mod ġenerali huwa adegwat u l-kapaċità tjiebet, inkluż dwar il-koperazzjoni internazzjonali. Dan wassal għal riżultati sinifikanti, bħall-eliminazzjoni ta' ċrieki tat-traffikar tad-drogi internazzjonali kbar. Il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-drogi huma oqsma ewlenin ta' tħassib u r-rekord tal-passat tal-investigazzjonijiet u l-kundanni jrid jinbena aktar. Il-kapaċità għal investigazzjonijiet proattivi u kkoordinati aħjar u l-koperazzjoni mtejba fil-livelli reġjonali u internazzjonali jridu wkoll jiġu żviluppati aktar. Il-kapaċità teknika biex jitwettqu miżuri ta' investigazzjoni speċjali trid tiġi żviluppata fi ħdan il-korpi tal-infurzar tal-liġi, taħt il-kontroll dirett tal-ġudikatura.

B'mod globali, il-qafas legali u politiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi fis-Serbja huwa skont l-istandards Ewropej. Il-Kostituzzjoni tiggarantixxi firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali u tirrikonoxxi l-possibbiltà li jitressaq appell Kostituzzjonali bħala l-aħħar rimedju għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni trid titħaffef. Taħriġ avvanzat tal-amministrazzjoni, il-pulizija u l-ġudikatura għad irid jiġi żviluppat biex tkun żgurata applikazzjoni aktar attiva u konsistenti tal-istandards f'dan il-qasam.

B'mod ġenerali fis-Serbja d-drittijiet tal-bniedem huma rrispettati. L-Ombudsman u l-Kummissarju għall-aċċess għall-informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta qed ikollhom sehem dejjem aktar effettiv fis-sorveljanza tal-amministrazzjoni. Il-qafas legali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ġie mtejjeb b'mod sostanzjali u ġew stabbiliti mekkaniżmi għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tiegħu, li għadha fi stadju bikri. L-awtoritajiet kienu wkoll qed jagħtu attenzjoni akbar għas-salvagwardja tar-rispett tal-libertà tal-assemblea u ta' assoċjazzjoni u tar-rwol tas-soċjetà ċivili. L-istrateġija tal-midja li għadha kemm ġiet adottata timmira biex tikkjarifika b'mod sostanzjali l-ambjent legali u tas-suq li l-organizzazzjonijiet tal-midja joperaw fih. Azzjoni aktar komprensiva u proattiva hi mistennija mill-istituzzjonijiet rilevanti f'każijiet ta' theddid u vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-midja, li jsiru notevolment minn gruppi radikali. Il-kundizzjoni tal-ħabsijiet fil-preżent hi kwistjoni ta' tħassib serju. Liġi li kienet ilha mistennija dwar ir-restituzzjoni u kif ukoll liġi ġdida dwar il-proprjetà pubblika ġew adottati. L-implimentazzjoni trasparenti u nondiskriminatorja taż-żewġ liġijiet trid tkun żgurata u jridu jittieħdu aktar miżuri biex tkun stabbilita b'mod sħiħ iċ-ċarezza legali dwar id-drittijiet tal-proprjetà. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn il-liġijiet.

Il-qafas legali u istituzzjonali għar-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi fis-Serbja jinsab fis-seħħ. Il-Kostituzzjoni tiggarantixxi drittijiet speċifiċi lill-membri tal-minoranzi nazzjonali flimkien mad-drittijiet garantiti liċ-ċittadini kollha u tipprovdi bażi legali għall-Kunsilli Nazzjonali tal-Minoranzi. Ir-rappreżentazzjoni politika tal-minoranzi hi żgurata. Fil-livell tal-Istat, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Ugwaljanza qed jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom f'dan il-qasam. Is-Serbja stabbiliet strateġija komprensiva għall-integrazzjoni tar-Rom u attwalment qed tagħmel progress fl-implimentazzjoni tagħha. Ittieħdu miżuri ta' inklużjoni soċjali attiva, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u d-djar. Riċentement ittieħdu miżuri biex jittaffew l-ostakli għar-reġistrazzjoni ta' 'persuni legalment inviżibbli' li se jtejbu l-aċċess tagħhom għad-drittijiet bażiċi. Aktar sforzi serji, inluż riżorsi finanzjarji, huma meħtieġa sabiex jitjiebu l-istatus u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tar-Rom, li għadhom l-aktar minoranza vulnerabbli u marġinalizzata, kif jidher ċar min-numru kbir ta' insedjamenti illegali. Is-sitwazzjoni tar-refuġjati u l-persuni spustati internament għadha inkwetanti, anki jekk inkiseb progress sinifikanti f'dawn l-aħħar snin fit-tnaqqis tan-numru taċ-ċentri kollettivi.

B'mod ġenerali s-Serbja tissodisfa l-kundizzjonijiet tal- Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni . Il-koperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja tjiebet ħafna mill-2008 u issa laħqet livell kompletament sodisfaċenti, kif jidher sew bl-arresti u t-trasferimenti lejn it-tribunal ta' The Hague ta' Radovan Karadzic fl-2008, u Ratko Mladic u Goran Hadzic fl-2011. Is-Serbja hi impenjata biex tkompli din il-koperazzjoni fuq l-istess livell. Hi tipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi reġjonali u ħadet passi sinifikanti biex issaħħaħ ir-rikonċiljazzjoni. Il-ftehim li ntlaħaq mal-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja u l-Montenegro fil-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo dwar soluzzjonijiet dewwiema għar-refuġjati u l-persuni spustati internament huwa kisba kbira. Is-Serbja għamlet progress tajjeb fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma' pajjiżi oħra tat-tkabbir, b'mod partikolari mal-Kroazja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro, filwaqt li b'mod ġenerali kompliet iżżomm relazzjonijiet tajba ma' Stati Membri tal-UE ġirien. Għad fadal numru ta' kwistjonijiet pendenti bilaterali mal-ġirien tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tad-demarkazzjoni tal-fruntieri.

Is-Serbja ma tirrikonoxxix id-dikjarazzjoni unilaterali tal-indipendenza tal-Kosovo[3]. Hi żżomm l-istrutturi tagħha fil-Kosovo u organizzat elezzjonijiet parzjali muniċipali paralleli f'Mejju 2008, u dan mhuwiex konsistenti mal-UNSCR 1244/1999. Fuq il-bażi tar-reżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li ġiet adottata fid-9 ta' Settembru 2010, li kienet elenkata b'mod konġunt mis-Serbja u s-27 Stat Membru tal-UE, f'Marzu beda proċess ta' djalogu bejn Belgrad u Pristina. B'mod ġenerali, dan kien qed isir fi spirtu kostruttiv sa Settembru u wassal għal ftehimiet dwar diversi kwistjonijiet: il-moviment ħieles tal-persuni, ir-reġistru ċivili u l-katast. Il-ftehimiet li ntlaħqu sa issa jridu jiġu implimentati b'rieda tajba. Aktar riżultati għad iridu jinkisbu sabiex, qabel kollox, jiġu implimentati l-prinċipji ta' koperazzjoni reġjonali inklussiva u li tiffunzjona u jiġu provduti soluzzjonijiet sostenibbli dwar kwistjonijiet relatati mal-acquis tal-UE f'setturi bħall-enerġija u t-telekomunikazzjoni. Il-partijiet kollha jridu jagħtu s-sehem tagħhom biex tonqos it-tensjoni fit-tramuntana tal-Kosovo u jippermettu l-moviment ħieles tal-persuni u l-oġġetti, għall-benefiċċju tan-nies fir-reġjun.

KRITERJI EKONOMIċI

L-evalwazzjoni preżenti hija magħmula fuq il-bażi tal-kriterji ta' Kopenħagen li għandhom x'jaqsmu mal-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona , kif ukoll mal-kapaċità li l-pajjiż ilaħħaq mal- pressjoni kompetittiva u mal-qawwiet tas-suq fl-Unjoni.

Fis-Serbja hemm konsensus politiku wiesa' dwar il-bażi ta' ekonomija tas-suq u jeżisti wkoll rekord tal-passat tal-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi. Is-Serbja kisbet grad ta' stabbiltà makroekonomika li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jieħdu deċiżjonijiet fi klima fejn wieħed jista' jbassar. Il-politiki ekonomiċi tal-aħħar deċennju appoġġjaw tkabbir kostanti ta' kważi 5% bħala medja, tnaqqis tal-inflazzjoni b'mod gradwali u titjib ġenerali fl-istandards tal-għajxien. Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali esponiet il-vulnerabbiltajiet ta' sistema ta' tkabbir, li kienet ibbażata fuq id-domanda domestika ffinanzjata l-aktar minn self minn barra, kif ukoll il-limitazzjonijiet li jirriżultaw biex it-taħlita politika tirrispondi b'mod effettiv għal xokkijiet esterni serji. Riċentement, sar progress sostanzjali lejn it-tisħiħ tal-qafas finanzjarju u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi, li jkun jirfed kambjament lejn tkabbir aktar sostenibbli u bbilanċjat, immexxi mill-esportazzjonijiet u l-investimenti. L-interazzjoni ħielsa tal-qawwiet tas-suq żviluppat, minkejja r-ritmu kajman u mhux uniformi, permezz tal-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-prezzijiet. Inkiseb progress fl-iffaċilitar tad-dħul u l-ħruġ fis-suq. L-integrazzjoni ekonomika mal-UE hi għolja.

Għad fadal numru ta' dgħufijiet strutturali u jfixklu l-prestazzjoni ekonomika. L-influwenza tal-istat fl-ekonomija għadha għolja minħabba l-progress kajman tal-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-prezzijjiet. Minkejja l-passi li ttieħdu biex tkun stabbilita l-prevedibbiltà legali u titneħħa l-burokrazija żejda, l-ambjent tan-negozju għadu ristrett minħabba l-inċertezza legali. Proċeduri ta' infurzar twal fid-deċiżjonijiet tal-qrati jimminaw il-fiduċja fis-sistema legali. Nuqqas ta' kompetizzjoni f'ċerti setturi u konġestjonijiet sinifikanti fl-infrastruttura huma problema oħra għall-potenzjal ekonomiku. L-investiment dirett barrani kien relattivament qawwi qabel l-2008 u, wara li kien naqas b'mod sostanzjali waqt il-kriżi ekonomika, reġa' beda jirkupra bil-mod, iżda s-Serbja trid ittejjeb aktar il-klima tal-investiment. Fil-konfront ta' rkupru ekonomiku modest, il-qgħad għadu għoli u s-sitwazzjoni soċjali għadha f'tensjoni. Is-Serbja trid tindirizza b'mod urġenti r-riġidità strutturali fis-suq tax-xogħol, inkluż id-differenza bejn id-domanda u l-provvistà ta' ħaddiema tas-sengħa. L-ekonomija informali għadha sfida kbira.

L-ABBILTÀ TAL-PAJJIż LI JASSUMI L-OBBLIGI TAS-SħUBIJA

L-abbiltà tas-Serbja li tassumi l-obbligi tas-sħubija ġew evalwati skont l-indikaturi li ġejjin:

l-obbligi preskritti fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

il-progress li sar fl-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal- acquis tal-UE.

B'mod sħiħ, is-Serbja implimentat mingħajr skossi l-obbligi imposti mill-Ftehim Proviżorju u b'mod ġenerali qed tirrispetta l-impenji tagħha taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Fl-2008, is-Serbja adottat Programm Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, li huwa pjan komprensiv u ambizzjuż għall-perjodu 2008-2012 li jipprovdi għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal- acquis tal-UE. Minn dak iż-żmien, sar progress sinifikanti fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni allinjata mal- acquis tal-UE, b'mod partikolari dwar is-suq intern, l-istatistika, id-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ, id-dwana u t-tassazzjoni. B'mod ġenerali l-kapaċità amministrattiva hi żviluppata tajjeb u s-sistema ġudizzjarja għaddejja minn tiġdid sinifikanti. Madanakollu, il-pajjiż għandu quddiemu sfidi fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Matul iż-żmien, se tkun mistennija attenzjoni partikolari u sostnuta biex tkun miġġielda l-korruzzjoni. Il-pajjiż se jkollu bżonn jagħmel sforzi addizzjonali sabiex jassumi l-obbligi tas-sħubija f'medda medja ta' żmien.

Jekk tibqa' għaddejja bl-isforzi tagħha, is-Serbja għandha, fuq medda medja ta' żmien, ikollha l-kapaċità li tikkonforma mar-rekwiżiti tal- acquis fl-oqsma li ġejjin:

- Il-liġi tal-kumpaniji;

- Is-sajd;

- It-tassazzjoni

- Il-politika ekonomika u monetarja;

- L-istatistika;

- Il-politika industrijali u imprenditorjali;

- Ix-xjenza u r-riċerka;

- L-edukazzjoni u l-kultura;

- L-unjoni doganali;

- Ir-relazzjonijiet esterni;

- Il-politika dwar l-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża;

- Id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji.

Is-Serbja se jkollha tagħmel aktar sforzi sabiex tallinea mal- acquis u timplimentah b'mod effettiv fuq medda medja ta' żmien fl-oqsma li ġejjin:

- Il-moviment ħieles tal-oġġetti;

- Il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema;

- Id-dritt li wieħed jistabbilixxi ruħu u l-libertà li wieħed jipprovdi servizzi;

- Il-moviment ħieles tal-kapital;

- L-akkwist pubbliku;

- Il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali;

- Il-politika dwar il-kompetizzjoni;

- Is-servizzi finanzjarji;

- Is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja;

- Il-politika dwar is-sikurezza tal-ikel, veterinarja u fitosanitarja;

- Il-politika dwar it-trasport;

- L-enerġija;

- Il-politika soċjali u x-xogħol;

- In-netwerks trans-Ewropej;

- Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali;

- Il-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa.

Fl-oqsma msemmijin hawn fuq, jeħtieġ li jsiru aktar aġġustamenti tal-qafas legali u istituzzjonali u b'mod partikulari li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' amministrazzjoni u ta' implimentazzjoni.

Is-Serbja se jkollha tagħmel sforzi konsiderevoli u sostnuti sabiex tallinea mal-acquis tal-UE u timplimentah b'mod effettiv fuq medda medja ta' żmien fl-oqsma li ġejjin:

- Il-biedja u l-iżvilupp rurali;

- Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali;

- Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà;

- Il-kontroll finanzjarju.

F'dawn l-oqsma jeħtieġ li jsiru aġġustamenti konsiderevoli tal-qafas legali u istituzzjonali u tisħiħ sinifikanti tal-kapaċitajiet ta' amministrazzjoni u ta' implimentazzjoni.

Rigward l-ambjent u l-bidla fil-klima, se jkun hemm bżonn li jsiru sforzi kkordinati u sostnuti sabiex iseħħ allineament mal-acquis tal-UE u sabiex dan jiġi implimentat b'mod effettiv. Dawn għandhom jinkludu investimenti sostanzjali u tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni sabiex tinkiseb konformità rigward l-aktar kwistjonijiet importanti, fosthom it-tibdil fil-klima, fuq medda medja ta' żmien. Il-konformità sħiħa mal-acquis tista' tinkiseb biss fuq medda twila ta' żmien u tkun titlob livelli ogħla ta' investiment.

C. Konklużjoni u rakkomandazzjoni

Fid-dawl ta' riformi sostanzjali matul dawn l-aħħar snin, is-Serbja għamlet progress konsiderevoli biex tissodisfa l-kriterji politiċi relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiiet tal-bniedem u r-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Is-Serbja għandha qafas kostituzzjonali, leġiżlattiv u istituzzjonali komprensiv li b'mod ġenerali jikkorrispondi għall-istandards Ewropej u internazzjonali. Taħt il-leġiżlatura attwali l-parlament sar aktar effettiv fl-attività leġiżlattiva tiegħu. Il-qafas legali u istituzzjonali għall-istat tad-dritt huwa komprensiv, inkluż fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fejn inkisbu riżultati inizjali. Il-qafas legali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi huwa żviluppat tajjeb u beda jiġi implimentat. Is-Serbja laħqet livell totalment sodisfaċenti fil-kooperazzjoni tagħha mal-ICTY u ħadet rwol dejjem aktar attiv fil-ħolqien tar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun. Is-Serbja qablet dwar u ipparteċipat fi proċess ta' djalogu mal-Kosovo biex tiffaċilita l-ħajja tan-nies li wassal għal diversi ftehimiet (il-moviment ħieles tan-nies u l-oġġetti, ir-reġistu ċivili u l-katast) u s-Serbja għamlet l-ewwel passi għall-implimentazzjoni.

Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, is-Serbja għamlet passi importanti lejn it-twaqqif ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kisbet ċertu grad ta' stabbiltà makroekonomika minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Madankollu, se jkun hemm bżonn ta' aktar sforzi għar-ristrutturar tal-ekonomija u t-titjib tal-ambjent tan-negozju, b'mod partikolari billi jissaħħaħ l-istat tad-dritt u titneħħa l-burokrazija żejda, tittejjeb il-kompetizzjoni u r-rwol tas-settur privat kif ukoll tiġi indirizzata r-riġidità fis-suq tax-xogħol. Sabiex l-ekonomija tkun tista' tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq terminu medju, is-Serbja teħtieġ twettaq riformi strutturali biex taġġorna l-kapaċità produttiva tal-ekonomija u toħloq klima favorevoli għal aktar investiment barrani.

Is-Serbja bniet rekord pożittiv fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha imposti mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Temporanju.

Is-Serbja għandha tkun f'qagħda li terfa' l-obbligi tas-sħubija fuq terminu medju, fi kważi l-oqsma kollha tal- acquis , sakemm il-proċess ta' konverġenza jkompli u jsiru sforzi ulterjuri biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u l-kontroll finanzjarju. Il-konformità sħiħa mal- acquis fil-qasam tal-ambjent u l-bidla fil-klima tista' tinkiseb biss fuq medda twila ta' żmien u tkun titlob livelli ogħla ta' investiment.

Skont stimi preliminari, l-adeżjoni tas-Serbja għandu jkollha impatt ġenerali limitat fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea u mhux se jkollha effett fuq il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm u tapprofondixxi l-iżvilupp tagħha stess.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill għandu jagħti lis-Serbja l-istatus ta' pajjiż kandidat, filwaqt li jieħu kont tal-progress miksub sa issa u fid-dawl tal-fatt li s-Serbja qed tkompli d-djalogu mal-Kosovo u timxi b'mod mgħaġġel biex timplimenta b'rieda tajba l-ftehimiet li laħqet sa issa.

Is-Serbja tinsab miexja tajjeb biex tissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u l-kundizzjonijiet tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, diment li tkompli l-progress u jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi mal-Kosovo.

Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu mas-Serbja hekk kif din tikseb aktar progress sinifikanti biex tilħaq din il-prijorità ewlenija li ġejja:

- Aktar passi biex tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-Kosovo f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni billi: tirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipji tal-kooperazzjoni reġjonali inklużiva; tirrispetta b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; issib soluzzjonijiet għat-telekomunikazzjonijiet u l-aċċettazzjoni reċiproka tad-diplomi; tkompli timplimenta b'rieda tajba l-ftehimiet milħuqa; u tikkopera b'mod attiv mal-EULEX sabiex din teżerċità l-funzjonijiet tagħha fil-partijiet kollha tal-Kosovo.

Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni mis-Serbja tal-prijorità ewlenija ta' hawn fuq hekk kif ikun sar progress suffiċjenti.

Is-Serbja hi mħeġġa żżomm il-momentum tar-riformi biex tkompli tikseb il-livell neċessarju ta' konformità mal-kriterji ta' sħubija, b'attenzjoni partikolari lejn l-istat tad-dritt, u biex tkompli l-involviment kostruttiv tagħha fil-kooperazzjoni reġjonali u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien. L-implimentazzjoni tal-Ftehim Temporanju, u mid-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, huma mistennija li jitkomplew. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja dawn l-isforzi permezz tal-istrument finanzjarju tal-IPA.

[1] SEC(2011) 1208.

[2] Il-ĠU L 80, it-18.3.2008, p. 46.

[3] Skont UNSCR 1244/1999

Top