Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0666

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012

    /* KUMM/2011/0666 finali */

    52011DC0666

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012 /* KUMM/2011/0666 finali */


    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012

    1. Introduzzjoni

    Il-proċess ta' tkabbir tal-Unjoni Ewropea daħal f'fażi ġdida. Il-konklużjoni tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja, li fetħet it-triq għas-sħubija f'nofs l-2013, tiġġustifika l-politika adottata fil-perjodu ta' wara l-kunflitti devastanti tas-snin disgħin fil-Balkani, bil-għan li ġġib il-paċi, l-istabbiltà, id-demokrazija u fl-aħħarnett sħubija fl-UE lir-reġjun kollu. Bħala evidenza tal-qawwa li għandha l-politika ta' tkabbir tal-UE li tittrasforma, hija tagħti momentum ġdid għar-riforma fil-pajjiżi kollha tat-tkabbir.

    Il-politika ta' tkabbir tal-UE, kif stabbilita fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[1], hija t-tweġiba għall-aspirazzjoni leġittima taċ-ċittadini tal-kontinent tagħna biex jissieħbu mal-isforzi favur Ewropa magħquda. L-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant matul dawn l-aħħar għaxar snin uriet li t-tkabbir jibbenefika lill-UE kollha kemm hi u jippermettilha tkun f'qagħda aħjar biex tindirizza l-isfidi globali.

    Il-politika ta' tkabbir tat prova li hi għodda qawwija għat-trasformazzjoni tas-soċjetà. Dawk il-pajjiżi diġà ingħaqdu mal-UE u dawk li jinsabu fit-triq biex jingħaqdu għaddew minn tibdiliet impressjonanti permezz ta' riformi demokratiċi u ekonomiċi mmotivati mill-adeżjoni. L-impenn, il-kundizzjonalità u l-kredibbiltà tpoġġew fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni u tas-suċċess tiegħu.

    Il-konsensus imġedded dwar it-tkabbir, maqbul mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, u bbażat fuq il-prinċipji tal-konsolidazzjoni tal-impenji, kundizzjonalità ġusta u rigoruża u komunikazzjoni tajba mal-pubbliku, flimkien mal-kapaċità tal-Kummissjoni li tintegra membri ġodda, għadu l-qafas tal-politika ta' tkabbir tal-UE.

    Permezz tal-politika ta' tkabbir, l-UE testendi ż-żona tagħha ta' paċi, stabbilità, demokrazija u prosperità; kunċetti li akkwistaw relevanza mġedda, fid-dawl ta' żviluppi reċenti:

    · L-avvenimenti drammatiċi fin-Nofsinhar tal-Mediterran u fl-Lvant Nofsani, kif ukoll il-fraġilità tas-sitwazzjonijiet li ġew wara, jenfasizzaw l-importanza ta' punt ta' riferiment ta' stabbiltà u demokrazija fix-Xlokk tal-Ewropa, li huwa ankrat sew fil-proċess ta' tkabbir tal-UE.

    · Il-kriżi finanzjarja reċenti u d-diffikultajiet attwali fiż-Żona Ewro xeħtu dawl fuq il-interdipendenza bejn l-ekonomiji nazzjonali kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE. Dawn l-avvenimenti jenfasizzaw l-importanza li l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tiġi kkonsolidata iktar filwaqt li jitkattar it-tkabbir, ukoll fil-pajjiżi tat-tkabbir. Il-proċess ta' tkabbir huwa għodda qawwija lejn dan il-għan.

    Mill-adozzjoni tal-aħħar pakkett ta' tkabbir, seħħew żviluppi pożittivi ulterjuri fil-Balkani tal-Punent. L-arrest u t-trasferiment għat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) ta' Ratko Mladić u Goran Hadžić warrbu ostakolu importanti mir-rotta Ewropea tas-Serbja u mmarkaw pass importanti lejn ir-rikonċiljazzjoni. Ġie stabbilit djalogu bejn Belgrad u Pristina, li fost l-oħrajn jimmira biex jinkiseb progress fit-triq lejn l-UE, u dan ta l-ewwel riżultati. Jista' jiġi rrappurtat progress fir-riformi relatati mal-UE fil-maġġoranza tal-pajjiżi tat-tkabbir. Ġie konċess l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini ta' żewġ pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent, l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina.

    Madanakollu, f'għadd ta' pajjiżi riformi importanti ddewmu, ħafna drabi minħabba żviluppi u kunflitti interni. Id-dewmien u l-ostakoli kienu partikolarment serji fil-Bosnja-Ħerzegovina u fl-Albanija. Il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, il-kapaċità amministrattiva, il-qgħad, ir-riforma ekonomika u l-inklużjoni soċjali għadhom sfidi importanti fil-maġġoranza tal-pajjiżi. Kien hemm għadd ta' żviluppi ta' tħassib fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni fil-midja. Id-differenzi dwar l-istatus qed ikomplu jkollhom effett negattiv kemm fuq il-Kosovo[2] kif ukoll fuq ir-reġjun. L-avvenimenti reċenti fil-Kosovo tat-Tramunata joħolqu tħassib serju. Il-kwistjoni dwar l-isem ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għadha mhix riżoluta.

    Matul din l-aħħar sena l-proċess ta' adeżjoni tal-Islanda għamel ħafna progress. Il-progress fin-negozjati huwa dovut għall-fatt li l-istrutturi fl-Islanda huma diġà integrati sew minħabba li d-demokrazija ilha stabbilita għal żmien twil, is-sħubija tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea u ż-żona Schengen, u amministrazzjoni pubblika ta' kalibru għoli.

    Fit-Turkija l-proċess ta' adeżjoni għadu l-iktar qafas effettiv għall-promozzjoni ta' riformi relatati mal-UE, għall-iżvilupp ta' djalogu dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà, għat-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika u għad-diversifikazzjoni tal-forniment tas-sorsi tal-enerġija. Fin-negozjati dwar l-adeżjoni, huwa ħasra li għal iktar minn sena ma kienx possibbli li jinfetaħ kapitolu ieħor ta' negozjar. Jeħtieġ li tinbeda fazi kostruttiva ġdida fir-relazzjonijiet mat-Turkija bbażata fuq passi konkreti ta' interess komuni.

    L-adeżjoni imminenti tal-Kroazja turi li l-proċess ta' tkabbir huwa mmirat biex jimmassimizza l-effetti ta' trasformazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati. It-titjib li nġieb fil-proċess permezz tal-konsensus imġedded tal-2006 dwar it-tkabbir tqiegħed fil-prattika mal-Kroazja u issa qed juri l-valur tiegħu. Negozjati li jinsabu għaddejjin u dawk futuri ma' pajjiżi oħra tat-tkabbir għandhom ikomplu jibnu fuq din l-esperjenza. B'mod partikolari, kapitoli ta' negozjar li huma diffiċli bħal dawk dawr il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u dwar il-ġustizzja, l-libertà u s-sigurtà għandhom jiġu ttrattati kmieni kemm jista' jkun sabiex il-pajjiż kandidat ikollu biżżejjed żmien jibni r-rekord tajjeb meħtieġ ta' riforma.

    L-adeżjoni tal-Kroazja se tkun pass importanti fil-proġett storiku tal-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fl-UE. L-UE b'mod konsistenti pproklamat l-inklussività tal-politika tagħha favur il-Balkani tal-Punent, l-ewwel bl-'approċċ reġjonali' ta' nofs id-disgħinijiet u b'mod iktar prominenti permezz tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li ġie varat fl-1999 u fis-samit ta' Thessaloniki fl-2003 li kkonferma li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fi ħdan l-UE. Mhux talli m'għandhiex toħloq firda fil-Balkani, iżda għandha sservi ta' inċentiv u katalista għall-kumplament tar-reġjun biex iħaffef ir-rotta tiegħu lejn l-UE. Fid-dawl tal-impenji tal-UE, kif ukoll tal-istorja u l-ġografija tar-reġjun, 'ix-xogħol mhux lest' se jibqa' sakemm ir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent jiġi inkluż, ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet.

    F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tibqa' marbuta mal-prinċipju tal-meriti proprji. Il-pass li bih kull pajjiż javvanza lejn is-sħubija jiddependi l-aktar mill-prestazzjoni tiegħu biex jissodisfa l-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti.

    L-esperjenza ta' suċċess tal-Kroazja tibgħat messaġġi qawwijin lill-pajjiżi l-oħra tat-tkabbir:

    · L-UE tagħti dak li impenjat ruħha għalih ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet.

    · Il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni jitolbu ħafna u l-implimentazzjoni tagħhom hija ssorveljata b'attenzjoni dejjem tiżdied. Madanakollu, dan mhuwiex ostakolu, iżda jirriżulta fil-fatt li l-pajjiż kandidat jikseb livell ogħla ta' tħejjija li mal-adeżjoni jibbenefika kemm lilu kif ukoll lill-UE.

    · Tilwim bilaterali mal-ġirien għandu u jista' jiġi indirizzat permezz ta' djalogu u kompromess, skont il-prinċipji stabbiliti.

    Il-kredibbiltà kontinwata tal-proċess ta' tkabbir hija element importanti biex jitmexxew 'il quddiem ir-riformi fil-pajjiżi tat-tkabbir u jkun żgurat l-appoġġ tal-Istati Membri L-iżviluppi matul is-sena li għaddiet ikkonfermaw li riżultati tanġibbli fit-triq lejn l-UE jistgħu jintlaħqu wkoll qabel l-adeżjoni, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet rispettivi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f'din il-Komunikazzjoni biex wieħed jgħaddi għall-istadji li jmiss tal-proċess ta' adeżjoni u l-estensjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina huma eżempji elokwenti. Min-naħa l-oħra, fejn m'hemmx biżżejjed jew m'hemmx rieda politika u l-impenn biex jinkisbu riżultati konkreti, il-proċess ta' adeżjoni ma għamilx progress u hemm il-periklu li jieqaf.

    Din il-komunikazzjoni tevalwa l-istat attwali tal-aġenda ta' tkabbir tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsisti fil-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-Islanda. Abbażi tal-analiżi dettaljata tal-pajjiż li takkumpanja[3], il-Komunikazzjoni teżmina x'kisbu dawn il-pajjiżi fit-tħejjija għas-sħubija, fejn jinsabu llum, tevalwa l-prospetti tagħhom għas-snin li ġejjin u f'dan ir-rigward tagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet. Bħal fis-snin ta' qabel, tingħata attenzjoni partikolari lil għadd ta' sfidi ewlenin.

    2. Sfidi Ewlenin

    2.1. Iktar attenzjoni fuq it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika

    It-tisħiħ tal-istat tad-dritt ġie identifikat bħala sfida maġġuri dejjem tkompli u bħala kundizzjoni kruċjali għal pajjiżi li qed jimxu lejn sħubija mal-UE. Din il-kwistjoni ngħatat iktar attenzjoni f'dawn l-aħħar snin f'kull stadju tal-proċess ta' adeżjoni, skont il-konsensus imġedded dwar it-tkabbir.

    Din l-enfasi fuq l-istat tad-dritt kienet riflessa fil-kunsiderazzjoni wiesgħa li ngħatat lil dawn il-kwistjonijiet matul in-negozjati tal-adeżjoni mal-Kroazja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kapitoli ta' negozjar dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Il-piż li għandhom il-kwistjonijiet rigward l-istat tad-dritt fil-prijoritajiet ewlenin stabbiliti bħala kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' negozjati mal-Albanija u l-Montenegro għall-adeżjoni huwa ezempju ieħor ta' prijoritizzazzjoni f'dan il-qasam qabel in-negozjati nfushom.

    L-esperjenza li nkisbet min-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Kroazja se tkun ta' benefiċċju għan-negozjati li jinsabu għaddejjin u dawk futuri mal-pajjiżi l-oħra. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tipproponi approċċ ġdid rigward il-kwistjonijiet relatati mal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u mal-ġustizzja u l-affarijiet interni. Dawn għandhom jiġi ttrattati kmieni fil-proċess ta' adeżjoni u għaldaqstant jinfetħu l-kapitoli korrispondenti abbażi tal-pjani ta' azzjoni, minħabba li jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekords konvinċenti. Il-Kummissjoni se tirrapporta b'mod regolari, f'kull stadju tal-proċess, dwar il-progress miksub f'dawn l-oqsma tul l-istadji ewlenin definiti fil-pjani ta' azzjoni flimkien, fejn xieraq, mal-miżuri korrettivi meħtieġa. Il-fondi tal-IPA se jiġu mmirati biex isostnu dan il-proċess.

    Fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi lill-pajjiżi biex jibnu ġudikaturi indipendenti u effiċjenti u biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet eżistenti. F'dan ir-rgward, il-Kroazja tejbet is-sistema tagħha tal-ħatra tal-imħallfin, is-Serbja varat analiżi tal-proċedura tal-ħatra mill-ġdid tal-imħallfin u tal-prosekuturi, il-Montenegro bdiet analiżi tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali ewlenin rigward il-ġudikatura. Il-Kosovo lesta l-proċess ta' skrutinju tal-imħallfin u l-prosekuturi.

    Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija waħda mill-isfidi ewlenin għall-istat tad-dritt fil-maġġoranza tal-pajjiżi tat-tkabbir. Il-korruzzjoni għadha problema serja, li għandha impatt mhux biss fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini f'oqsma essenzjali bħas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni. Għandha wkoll impatti negattivi serji fuq l-investimenti u l-attivitajiet kummerċjali u tagħmel ħsara lill-baġits nazzjonali, speċjalment rigward l-appalti pubbliċi u l-privatizzazzjoni. F'dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni żiedet l-attenzjoni tagħha fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tat-tkabbir.

    L-esperjenza importanti li nkisbet permezz tal-ħidma mal-pajjiżi tat-tkabbir tat kontribut għall-iżvilupp tal-approċċ tal-UE nnifisha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, matul l-oqsma kollha tal-politika, kemm interni kif ukoll esterni[4]. Filwaqt li l-Kummissjoni qed tistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ dwar il-korruzzjoni għall-Istati Membri, se tkompli tagħti prijorità għolja lill-monitoraġġ ta' politiki kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tat-tkabbir, b'enfasi fuq ir-riżultati u s-sostenibbiltà, sa mill-fażijiet bikrin tat-tħejjijiet għall-adeżjoni. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn donaturi internazzjonali biex tiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi.

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għadha prijorità importanti għall-pajjiżi tat-tkabbir. Hija marbut mill-qrib mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mat-twaqqif ta' ġudikaturi indipendenti. In-natura transkonfinali ta' ħafna attivitajiet kriminali tippreżenta sfida kbira lill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-koperazzjoni reġjonali bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, inkluż il-ħolqien ta' netwerks professjonali, hija ta' importanza partikolari biex tiġi indirizzata din l-isfida. Il-Kummissjoni qed tappoġġa wkoll il-ħolqien ta' netwerk ta' prosekuturi reġjonali li huwa megħjun minn esperti ssekondati mill-Istati Membri, kif ukoll mill-aġenziji relevanti Ewropej. Il-Kummissjoni tassisti wkoll fit-twaqqif ta' sistemi kkoordinati ta' protezzjoni tax-xhieda fir-reġjun.

    Matul din l-aħħar sena, il-Kummissjoni intensifikat id-djalogu tagħha dwar l-istat tad-dritt mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-għan huwa li ssaħħaħ it-tħejjijiet fl-istadji bikrin tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni, ibbażat fuq analiżi dettaljata tas-setturi tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni. Għal dak il-għan, twettqu missjonijiet ta' esperti fil-maġġoranza tal-pajjiżi tat-tkabbir. Il-Kummissjoni saħħet il-koperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-aġenziji relevanti tal-UE, inkluż l-Europol, Il-Frontex, l-Eurojust, u ċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, kif ukoll ma' inizjattivi reġjonali, il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Meta xieraq, il-parametri ta' referenza ġew applikati matul l-istadji bikrin tal-proċess. Ġie varat Djalogu Strutturat dwar il-ġustizzja mal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kummissjoni tipproponi djalogu simili mal-Kosovo dwar l-istat tad-dritt bil-għan li jindirizza l-isfidi f'dan il-qasam u jagħti appoġġ lir-riforma ġudizzjarja.

    Ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, li timmira biex issaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effettività, li huma essenzjali għall-istat tad-dritt u għad-demokrazija, tibqa' prijorità kruċjali fil-kriterji politiċi fil-maġġoranza tal-pajjiżi tat-tkabbir. Proċeduri amministrattivi adegwati, inkluż rigward ir-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-acquis. Jeħtieġ li l-pajjiżi jżidu l-isforzi tagħhom biex tejbu l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom fuq il-bażi ta' strateġiji nazzjonali globali.

    Fi wħud mill-pajjiżi tat-tkabbir, hemm evidenza dejjem tiżdied li r-rwoli distinti tal-partiti fil-gvern u tal-istat mhumiex rispettati biżżejjed. Hemm ir-riskju li tali prattiki jimminaw l-istat tad-dritt u t-tħaddim tad-demokrazija.

    2.2. L-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni fil-midja

    Il-libertà tal-espressjoni huwa dritt fundamentali, li huwa salvagwardat mil-liġi internazzjonali u tifforma parti integrali mill-funzjonament ta' demokrazija pluralistika. Għall-proċess ta' adeżjoni, l-iżgurar ta' din il-libertà hija element qofol tal-kriterji politiċi ta' Kopenħagen għas-sħubija.

    Il-pajjiżi tat-tkabbir huma kkaratterizzati kollox ma' kollox minn xeni medjatiċi li huma pluralistiċi. Madanakollu, f'għadd ta' pajjiżi, dan l-aħħar wieħed seta' josserva zviluppi negattivi. Dan iqajjem tħassib serju. Il-Kummissjoni kompliet teżamina l-libertà tal-espressjoni fir-rapporti li jakkumpanjaw, li jagħtu ħarsa lejn il-qagħda f'kull pajjiż.

    L-isfidi għal-libertà tal-espressjoni u tal-midja jinkludu: indħil politiku, li xi drabi jidher ukoll permezz tas-sistema legali; il-pressjoni ekonomika; l-użu tal-kriminalità u tal-korruzzjoni biex issir influwenza fuq il-midja; u protezzjoni mhux suffiċjenti tal-ġurnalisti kontra l-intimidazzjoni jew anke attakki vjolenti. L-isfidi ekonomiċi jirrigwardaw in-nuqqas ta' trasparenza u l-konċentrazzjoni tas-sjieda, in-nuqqas ta' kompetizzjoni ġusta, u n-nuqqas ta' indipendenza tar-regolaturi tas-suq. F'għadd ta' pajjiżi tat-tkabbir, l-implimentazzjoni globali tal-leġiżlazzjoni dwar il-midja mhix sodisfaċenti. Għadd ta' każi ta' attakki fuq ġurnalisti, inkluż qtil, għadhom mhux solvuti, ħafna snin wara li seħħew. Fit-Turkija, il-qafas legali għadu ma jagħtix salvagwardja biżżejjed lil-libertà tal-espressjoni. In-numru għoli ta' kawżi legali u investigazzjonijiet kontra ġurnalisti u pressjoni mhux dovuta fuq il-midja jqajmu tħassib serju.

    Dawn il-kwistjonijiet kollha jpoġġu restrizzjonijiet serji fuq l-espressjoni tal-opinjonijiet fuq il-midja li jikkritikaw il-gvernijiet u jiskoraġġixxu l-ġurnaliżmu investigattiv. Il-midja u l-ġurnalisti ħafna drabi jiġu sfurzati biex jagħmlu l-awtoċensura.

    Huwa essenzjali li l-pajjiżi tat-tkabbir jiggarantixxu xeni medjatiċi li huma miftuħa u pluralistiċi, li jippermettu kultura ta' ġurnaliżmu indipendenti u li jikkritika. Ix-Xandara tas-Servizz Pubbliku jeħtieġ itejbu l-qagħda ekonomika kif ukoll l-awtonomija tagħhom sabiex iwettqu r-rwol tagħhom. Fl-istess waqt, il-prefessjoni tal-midja għandha timpenja ruħha favur l-awtoregolamentazzjoni fuq il-bażi ta' kodiċijiet komprensivi ta' etika u standards professjonali.

    F'Mejju 2011, il-Kummissjoni organizzat konferenza dwar il-libertà tal-espressjoni, li laqqgħet flimkien partijiet interessati mill-midja u mis-soċjetà ċivili mill-Balkani tal-Punent u mit-Turkija. Din il-konferenza kellha l-għan li tilħaq, lil hinn mill-interlokuturi uffiċjali tal-gvern, lil dawk direttament involuti u tisma' l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom. Il-konklużjonijiet tal-konferenza se jkomplu jiġu inklużi fil-ħidma tal-Kummissjoni f'dan il-qasam.

    Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-qafas tal-ftehimiet eżistenti u tad-djalogi strutturati mal-pajjiżi tat-tkabbir. Se tkompli tintegra dawn il-kwistjonijiet fin-negozjati tal-adeżjoni, l-aktar fil-kapitolu dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali. Se tidentifika l-prijoritajiet u tinkoraġġixxi l-isforzi tal-gvernijiet biex jilħqu standards Ewropej fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni. Għal dan il-għan, il-koperazzjoni mal-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti se tissaħħaħ - b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koorperazzjoni fl-Ewropa. Id-djalogu mal-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom se jkompli jiġi żviluppat.

    2.3. It-tisħiħ tal-koperazzjoni reġjonali u tar-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent

    Il-koperazzjoni reġjonali u l-viċinat tajjeb huma elementi essenzjali tal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, bħala tali, huma ssorveljati mill-qrib mill-Kummissjoni f'kull stadju tal-proċess ta' adeżjoni. Il-koperazzjoni reġjonali tirfed u ssaħħaħ ir-rikonċiljazzjoni f'reġjun li fil-passat reċenti ġarrab kunflitti kbar. Il-koperazzjoni reġjonali u l-kummerċ jistgħu jġibu benefiċċji ulterjuri għar-reġjun. Dawn huma wkoll parti integrali mill-proċess ta' integrazzjoni fl-UE, li ħafna drabi jirrikjedi approċċi u miżuri reġjonali.

    Inkiseb progress sinifikanti f'dan ir-rispett matul dawn l-aħħar għaxar snin u wieħed jista' jirrapporta li f'din l-aħħar sena kienu saru passi ulterjuri importanti. Żjarat mill-mexxejja tar-reġjun, b'mod partikolari tas-Serbja u tal-Kroazja, lejn il-pajjiżi ġirien, kif ukoll dikjarazzjonijiet rigward il-kunflitti tas-snin disgħin taw kontribut sostanzjali għar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun. Il-proċess ta' Sarajevo dwar ir-ritorn tar-rifuġjati li jinvolvi lis-Serbja, il-Kroazja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro, se jintemm b'suċċess fil-granet li ġejjin. Inizjattivi minn NGOs u s-soċjetà ċivili, bħall-Inizjattiva taż-Żgħażagħ għad-Drittijiet tal-Bniedem, Il-Kummissjoni għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni (RECOM), u l-Inizjattiva Igman għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tar-rikonċiljazzjoni lil hinn mill-gvernijiet fost iċ-ċittadini tar-reġjun.

    Il-koperazzjoni fi ħdan setturi speċifiċi qed tiffunzjona tajjeb u qed timxi 'l quddiem, inkluż permezz tal-Komunità tal-Enerġija, l-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni, u taħriġ konġunt fl-Iskola Reġjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA) li issa hija operattiva għal kollox. F'Diċembru 2010, il-Kummissjoni għamlet proposta għal strateġija li tagħti spinta lill-iżvilupp fir-reġjun tad-Danubju u sussegwentement din ġiet ikkonfermata mill-Istati Membri[5]. Il-kummerċ reġjonali fi ħdan il-qafas tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) qed jiżdied u l-ftehim qed jiġi estiż għal oqsma bħall-politika tal-kompetizzjoni, it-tkomplija tal-abolizzjoni tal-ostakoli tariffarji, u l-liberalizzazzjoni tas-servizzi. Il-Kunsill għall-Koperazzjoni Reġjonali (KKR) beda jimplimenta l-istrateġija triennali u l-programm ta' ħidma tiegħu, li jimmiraw lejn azzjoni li hija orjentata iktar lejn ir-riżultati.

    Fl-istess ħin, kwistjonijiet li huma riżultat ta' kunflitti fil-passat, flimkien ma' kwistjonijiet bilaterali oħra li għadhom miftuħa għadhom l-isfidi ewlenin għall-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent li għandhom impatt fuq il-koperazzjoni reġjonali, fuq ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi, kif ukoll il-funzjonament intern u l-proċess ta' riforma. Huwa urġenti li dawn il-kwistjonijiet li għad fadal jiġu indirizzati. Ladarba jintlaħaq ftehim dwar dawn il-kwistjonijiet jitneħħa ostakolu kbir mit-triq tal-Balkani tal-Punent lejn l-UE.

    B'mod partikolari, it-tilwim relatat ma' kwistjonijiet ta' interetniċita jew status, l-aktar fil-Bosnja-Ħerzegovina, qed ikompli jostakola l-funzjonament normali tal-istituzzjonijiet, il-proċess ta' riforma u l-aġenda Ewropea u xi drabi jista' jkollu implikazzjonijiet reġjonali iktar wiesgħa. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-triq lejn l-UE hija l-aħjar waħda biex il-pajjiżi jindirizzaw dawn il-problemi. Żviluppi reċenti, b'mod partikolari l-progress li sar fid-djalogu ffaċilitat mill-UE bejn Pristina u Belgrad, huwa kruċjali f'dan il-kuntest. L-għaxar anniversarju minn meta ġie ffirmat il-Ftehim Qafas ta' Ohrid, li ġie ċċelebrat f'Awwissu, huwa tfakkira li kwistjonijiet etniċi diffiċli jistgħu jiġu indirizzati b'suċċess permezz tad-djalogu u l-kompromess.

    Dan l-aħħar inkisbu riżultati pożittivi biex jingħelbu problemi rigward il-funzjonament inklussiv ta' inizjattivi reġjonali li jirriżultaw minn differenzi ta' opinjoni rigward l-istatus tal-Kosovo, iżda jeħtieġ isir iktar. Intlaħaq ftehim fil-qafas tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina dwar l-aċċettazzjoni mis-Serbja tat-timbri doganali tal-Kosovo; dan għandu jippermetti r-restawr tal-kummerċ reġjonali fi ħdan il-qafas taċ-CEFTA. Qabel, kienu reġgħu bdew isiru l-laqgħat taċ-CEFTA u l-KKR bil-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha u ġiet iffirmata l-Konvenzjoni Pan-Ewro-Med dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini. Madanakollu, id-diverġenzi dwar l-istatus tal-Kosovo komplew jostakolaw l-iffinalizzar u l-iffirmar tat-Trattat Komunitarju għat-Trasport u l-estensjoni tal-Miżuri tal-Kummerċ Awtonomi għall-Kosovo u s-sħab l-oħra tal-Balkani tal-Punent. Dawn id-differenzi għadhom jostakolaw l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-UE u l-Kosovo.

    Fid-djalogu bejn Belgrad u Pristina ftehim komprensiv dwar kwistjonijiet ta' koperazzjoni reġjonali għadu pendenti. Il-kummissjoni ssejjaħ lill-partijiet kollha biex ikomplu jfittxu soluzzjonijiet prattiċi u prammatiċi biex jiżguraw l-inklussività tal-koperazzjoni reġjonali, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet differenti rigward l-istatus tal-Kosovo. Il-progress li sar matul l-aħħar sena juri li dan huwa possibbli.

    Il-konklużjoni tal-proċess biex issir ġustizzja rigward id-delitti li saru matul il-gwerer f'dik li kienet il-Jugoslavja hija essenzjali għar-rikonċiljazzjoni dejjiema. Koperazzjoni sħiħa mal-ICTY għadha kundizzjoni essenzjali għall-proċess ta' adeżjoni fil-Balkani tal-Punent. L-arrest u t-trasferiment lejn l-Aja tal-aħħar żewġ imputati tal-ICTY kienu passi importanti f'dik id-direzzjoni. Il-Kummissjoni ssejjaħ ukoll lill-gvernijiet ikkonċernati biex isegwu b'iktar forza l-andament xieraq tal-proċessi domestiċi ta' delitti tal-gwerra.

    Il-Kummissjoni tieħu b'serjetà kbira r-rapport approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f'Jannar (ir-rapport Marty) rigward id-delitti, inkluż il-ħsad ta' organi umani fil-perjodu matul u wara l-kunflitt fil-Kosovo. Hija tappoġġa bis-sħiħ l-investigazzjoni mmexxija mill-EULEX, tinnota l-importanza tal-protezzjoni tax-xhieda f'dan il-kuntest u tilqa' t-twaqqif ta' Task Force tal-EULEX ibbażat fi Brussell, kif ukoll il-koperazzjoni tal-gvernijiet relevanti ma' din it-Task Force.

    Kollox ma' kollox, huwa importanti li l-gvernijiet u l-organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun jagħmlu iktar biex jispjegaw liċ-ċittadini li r-rikonċiljazzjoni hija parti integrali mill-futur Ewropew tagħhom u li l-ġustizzja rigward id-delitti tal-gwerra hija element indispensabbli minn dan il-proċess. Il-mexxejja politiċi għandhom jevitaw milli jagħmlu dikjarazzjonijiet u jieħdu miżuri li jistgħu jitfgħu dubju fuq dawn il-prinċipji importanti.

    Rigward il-kwistjonijiet bilaterali miftuħa, dawn jeħtieġ tinstab soluzzjoni għalihom mill-partijiet ikkonċernati mill-aktar fis matul il-proċess ta' tkabbir, b'determinazzjoni, fi spirtu tajjeb ta' viċinanza u billi jikkunsidraw l-interessi globali tal-UE. Il-Kummissjoni tħeġġiġhom jagħmlu kull sforz biex isolvu t-tilwim pendenti dwar il-fruntieri skont prinċipji u mezzi stabbiliti, inkluż li jekk xieraq jirreferu kwistjonijiet lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Il-kwistjonijiet bilaterali m'għandhomx iwaqqfu l-proċess ta' adeżjoni. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tiffaċilita l-ħolqien tal-impetus politiku neċessarju fit-tfittxija għal soluzzjonijiet u biex tappoġġa inizjattivi relatati.

    Il-ftehim ta' arbitraġġ dwar il-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Kroazja, li l-implimentazzjoni tiegħu mistennija tibda iktar tard din is-sena, iwitti t-triq biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bilaterali. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa lill-partijiet fid-disputa dwar l-isem ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex iħaddmu l-istess spirtu kostruttiv fit-taħdidiet immexxija min-NU li jinsabu għaddejjin.

    2.4. L-irkupru sostenibbli tal-ekonomija u l-impenn favur l-Ewropa 2020

    Il-pajjiżi kollha tat-tkabbir issa bdew it-triq tal-irkupru, minkejja li f'ritmi differenti: It-Turkija ħarġet mill-kriżi b'ekonomija ikbar u t-tkabbir tagħha qed ikompli jkun impressjonanti, iżda hemm dejjem iktar sinjali ta' tkabbir żejjed. L-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent ukoll qed jibdew jirkupraw, iżda għad irid jgħaddi iktar zmien qabel jilħqu l-livelli ta' qabel il-kriżi L-ekonomija tal-Islanda qed tkompli toħroġ mit-taqlib kbir ekonomiku li ġarrbet matul il-kriżi.

    Madanakollu, il-pajjiżi tat-tkabbir huma ffaċċati bi sfidi soċjo-ekonomiċi importanti. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-qgħad għadu għoli u qed jiżdied. Il-qgħad fil-Kosovo, il-Bosnja-Ħerzegovina u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għadu l-ogħla fl-Ewropa. Ir-rata ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha baxxa, speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ u l-impjieg informali li hu mifrux ħafna għadu joffri sfida. L-esportazzjoni mill-Balkani tal-Punent, li qed tagħti kontribut għall-irkupru, għadha dominata minn prodotti b'valur miżjud baxx, inklużi prodotti bażiċi, li huma esposti għall-volatilità fil-prezzijiet u kompetizzjoni iebsa mis-swieq emerġenti.

    Il-maġġoranza tal-pajjiżi tat-tkabbir żammew kollox ma' kollox politiki makroekonomiċi prudenti. Il-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma tas-swieq tax-xogħol għadhom l-iktar prijoritajiet urġenti fit-terminu qasir, u jirriflettu ġeneralment sfidi simili għal dawk li bħalissa qed jiġu ffaċċati fl-UE. Jeħtieġ isiru iktar riformi strutturali biex tissaħħaħ il-kompetittività u titjieb il-klima fl-investiment, b'hekk jiġi attirat l-investiment dirett barrani, jitkattar il-ħolqien tal-impjiegi u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tat-tkabbir. Fil-Balkani tal-Punent, it-titjib fil-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika, u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż permezz tar-riforma fil-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni rampanti jippreżentaw sfidi partikolari. Progress f'dawn l-oqsma għandu jilħaq ukoll l-ambjent tan-negozju. Is-servizzi pubbliċi għan-negozju u l-investiment fl-infrastruttura għadhom skarsi.

    Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluża analiżi tas-sistemi tat-trasferiment tal-benefiċċji, kwistjonijiet dwar it-tassazzjoni u reviżjoni radikali tas-sistemi edukattivi, għandhom jikkontribwixxu biex jindirizzaw dgħufija strutturali importanti fil-Balkani tal-Punent

    Jintlaqgħu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020

    Ewropa 2020 hija l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE għad-deċenn attwali, li tiggwida lill-Unjoni lejn ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva f'dinja li qed tinbidel. Il-pajjiżi tat-tkabbir huma mħeġġa jassoċjaw ruħhom mal-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha[6]. Din tipprovdi ankra utili għar-riforma.

    L-għanijiet ta' Ewropa 2020 huma riflessi, kif xieraq, fid-djalogi bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi tat-tkabbir dwar il-politika ekonomika u dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali. Il-Kummissjoni ggwidat l-ipprogrammar tal-assistenza finanzjarja lejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020, l-aktar rigward l-iżvilupp soċjo-ekonomiku. Il-koperazzjoni tal-Kummissjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) tikkunsidra dawn l-għanijiet.

    Il-kriżi li tinsab għaddejja tad-dejn fl-Ewropa enfasizzat l-importanza ta' finanzi pubbliċi sodi u l-Kummissjoni qed taqsam uħud mill-mekkaniżmi ta' analiżi mill-pari mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali. Is-sorveljanza fiskali multilaterali mill-UE hija għodda importanti għal dan il-għan. Din se tiġi progressivament adattata għall-governanza ekonomika msaħħa fl-UE fil-futur qrib.

    Fil-qasam tal-iżvilupp tas-settur privat, il-koordinazzjoni tal-politiki mal-Balkani tal-Punent u mat-Turkija hija ggwidata mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tal-UE[7]. Din il-koordinazzjoni, ibbażata fuq evalwazzjonijiet regolari ma' punti ta' riferiment stabbiliti tal-UE, irriżultat f'rakkomandazzjonijiet ittestjati sew li jirriflettu l-partikolaritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tat-tkabbir. Il-Kummissjoni tipproponi li r-riżultati tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar jintuża bħala għodda ta' referenza għal attivitajiet futuri fir-reġjun relatati ma' Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SME).

    Fi ħdan il-Qafas ta' Investiment fil-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni tħeġġeġ Istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) sħab biex isostnu forom ġodda ta' finanzjament għall-SME, b'mod partikolari l-ekwità, il-kapital ta' riskju u l-mekkaniżmi ta' garanzija. Il-Kummissjoni se tikkofinanzja pjattaforma SME għall-Balkani tal-Punent, li għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament permezz ta' garanziji u kapital ta' riskju.

    Fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-koperazzjoni tal-pajjiżi ta' tkabbir mal-UE diġà mxiet 'il quddiem f'dik li hi eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni f'inizjattivi tal-UE. Il-pajjiżi tat-tkabbir jipparteċipaw fis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u fil-programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. L-indikaturi attwali, madanakollu, juru li fil-maġġoranza tal-każi dawn huma ħafna inqas mill-medja tal-UE f'termini ta' investimenti u żvilupp tal-politiki ta' riċerka u innovazzjoni. Il-mexxejja reġjonali, inkluż fil-konferenzi ministerjali li se jsiru dalwaqt, huma mħeġġa biex jagħmlu impenn li jżidu l-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kapital uman.

    Il-pajjiżi tat-tkabbir jeħtieġ ikunu iktar ippreparati biex jirreżistu l-bdil fil-klima u jallinjaw ruħhom mal-isforzi tal-UE biex tindirizza din l-isfida, inkluż permezz ta' sensibilizzazzjoni. Azzjoni progressiva dwar il-klima se ġġib benefiċċji permezz ta' żvilupp fil-karbonju baxx u tista' toħloq l-impjiegi.

    L-irkupru ekonomiku li għadu jibda għad irid ikun rifless f'qagħda soċjali aħjar. Il-proporzjon tal-popolazzjoni li qed tgħix taħt il-linja tal-faqar għadu għoli u fil-Balkani tal-Punent qed ikompli jiżdied. Ir-rata għolja ta' impjiegi informali qed ikollha impatt negattiv fuq il-qagħda soċjali, l-aktar rigward iż-żgħażagħ.

    Is-sikurezza fl-impjiegi u l-inklużjoni soċjali tal-gruppi vulnerabbli hija prijorità. Madanakollu, ftit sar investiment fis-settur soċjali u l-koperazzjoni mad-donaturi internazzjonali ffaċċat ostakoli fl-ippjanar strateġiku. Il-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq l-impjiegi u l-politiki soċjali fid-djalogu dwar il-politiki u tħeġġeġ lill-pajjiżi biex jistabbilixxu miri ċari u realistiċi f'dawn iż-żewġ oqsma u biex jagmlu miri u prijoritajiet aħjar fl-infiq soċjali. L-għanijiet tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali għandhom jiġu adottati kif xieraq mill-pajjiżi tat-tkabbir.

    Għandhom jiġu adottati miżuri sostenibbli għall-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli kollha fis-soċjetà inġenerali. Rigward il-minoranza Rom li hi partikolarment żvantaġġata, il-Kummissjoni stiednet lill-Balkani tal-Punent u lit-Turkija biex jikkoperaw fi ħdan il-pjattaformi Rom tal-UE, li sistematikament jissorveljaw l-inklużjoni u jipproponu azzjonijiet relatati. Il-Kummissjoni għamlet sensiela ta' seminars dwar il-kwistjonijiet tar-Rom biex tħeġġeġ il-pajjiżi tar-reġjun janalizzaw u jsaħħu l-pjani ta' azzjoni nazzjonali relevanti u l-implimentazzjoni tagħhom biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jtejbu l-integrazzjoni tar-Rom, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u s-saħħa. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-punent għandhom jagħmlu sforzi qawwija biex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni ċivili ta' persuni spustati.

    It-titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi kruċjali tal-bidla strutturali għal tkabbir sostenibbli u inklussiv. S'issa, l-investimenti fl-edukazzjoni, il-ħiliet u l-kwalifiki kienu tipikament baxxi u r-rikonoxximent reġjonali tal-kwalifiki nazzjonali mhuwiex suffiċjenti. Is-sistemi u l-infrastruttura tal-edukazzjoni statali jeħtieġu riforma u hemm bżonn ta' programmi vokazzjonali, edukattivi u ta' taħriġ li huma komparabbli ma' livelli internezzjonali biex jindirizzaw id-diskrepanzi attwali tal-ħiliet.

    Il-Kummissjoni fetħet il-qafas strateġiku ta' Edukazzjoni u Taħriġ 2020 għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi kandidati li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro għad iridu jissieħbu fih. Il-Kummissjoni pproponiet li tiżviluppa Pjattaforma tal-Balkani tal-Punent dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, ibbażata fuq il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, biex tippermetti għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha tat-tkabbir. Dan se jsaħħaħ id-djalogu dwar l-isfidi ewlenin tal-politiki u jiżgura implimentazzjoni u monitoraġġ. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jipparteċipaw fl-attivitajiet ċentralizzati tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE.

    2.5. Jiġu estiżi n-netwerks ta' trasport u l-enerġija

    Koperazzjoni mtejba fit-trasport u l-enerġija mal-pajjiżi tat-tkabbir għandha benefiċċju dirett fuq iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. L-interkonnessjoni tat-trasport u l-enerġija huma elementi qofol fil-koperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi ġirien kollha bil-għan li jitmexxa 'l quddiem it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-kummerċ u l-iskambju kulturali, l-impjiegi, kif ukoll jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien. Fil-każ tal-pajjiżi tat-tkabbir din il-koperazzjoni timmira wkoll li tħejjijhom biex jieħdu fuqhom u jimplimentaw l-acquis dwar it-trasport u l-enerġija.

    Permezz tal-pożizzjoni strateġika tagħha f'salib it-toroq bejn l-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Kawkasu, it-Turkija kostantement żviluppat u saħħet ir-rabtiet tagħha mal-UE – kif urew żviluppi reċenti fis-settur tal-avjazzjoni jew ir-rwol tagħha fit-twaqqif tal-Kuridur tal-Gass tan-Nofsinhar. L-iżvilupp ulterjuri ta' dawn ir-rabtiet ikun ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat. Il-Kuridur tal-Gass tan-Nofsinhar għandu jagħti kontribut lis-sigurtà tal-Ewropa rigward il-forniment tal-gass naturali, minħabba li dan jagħti kontribut konsiderevoli għall-espansjoni tar-rotot tal-provvista u jistimula l-kompetizzjoni fis-suq internazzjonali tal-gass. Il-Kummissjoni tagħti sostenn finanzjarju lit-Turkija għall-iżvilupp ulterjuri tan-netwerks ta' trasport tagħha, b'mod partikolari rigward il-konnessjonijiet ferrovjarji b'veloċità għolja u l-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet tal-port. Fl-istess waqt, it-Turkija għandha tkun imħeġġa tapprofondixxi s-suq tal-gass tagħha, b'hekk iżżid il-likwidità u l-flessibbiltà kuntrattwali. Tali proċess għandu jwassal biex jiġi żviluppat 'fus ta' enerġija', li l-eżistenza tiegħu għandha twassal għal iktar sigurtà fl-enerġija.

    Fil-Balkani tal-Punent, ġie definit netwerk reġjonali tat-trasport fi ħdan il-qafas tal-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa (SEETO) li jidentifika proġetti prijoritarji ta' interess reġjonali. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jipparteċipaw, flimkien mal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi Ewropej oħra, fil-Ftehim Ewropew dwar iż-Żona Komuni tal-Avjazzjoni, li ġie ffirmat fl-2006. Il-koperazzjoni fil-qasam tat-trasport hija prevista wkoll fl-Istrateġija tad-Danubju.

    Il-Kummissjoni ilha sa mill-2008 tinnegozja l-ħolqien ta' Kominutà tat-Trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li tistabbilixxi suq integrat għall-infrastruttura u għat-trasport fuq l-art, fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni u dak marittimu. In-negozjati huwa kważi lesti, iżda qed jinżammu lura minn differenzi dwar id-denominazzjoni tal-Kosovo. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet konċernati biex jieħdu l-passi meħtieġa li għandhom iwassluhom għal konklużjoni rapida tan-negozjati u l-iffirmar tat-Trattat.

    Il-Kummissjoni pproponiet analiżi tan-Netwerks trans-Ewropej tal-UE fil-qasam tat-trasport (TEN-T) bil-għan li ttejjeb il-konnessjonijiet mal-pajjiżi koperti mill-politika tat-tkabbir u tal-viċinat[8].

    Fil-qasam tal-enerġija, l-UE qed issegwi wkoll l-integrazzjoni tan-netwerks, l-aktar permezz ta' appoġġ għall-Komunità tal-Enerġija li tħaddan l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Balkani tal-Punent kollha kif ukoll xi pajjiżi tal-viċinat[9]. Il-Komunità tal-Enerġija, ibbażata fuq regoli tal-enerġija tal-UE, tistabbilixxi suq reġjonali miftuħ, trasparenti u kompetittiv li jgħin biex jiġu attirati l-investimenti. L-acquis dwar il-Komunità tal-Enerġija diġà jkopri s-suq intern tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll partijiet magħżula tal-acquis ambjentali, soċjali u dak dwar il-kompetizzjoni. Dan se jiġi estiż biex ikopri l-ħażniet obbligatorji taż-żejt, flimkien mas-swieq tal-elettriku u l-gass.

    3. Progress fil-pajjiżi tat-tkabbir u l-aġenda għall-2011-2012

    3.1. Il-Balkani tal-Punent

    Il-Kroazja

    Il-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Kroazja ingħalqu f'Ġunju. Dan irriżulta għaliex il-Kroazja ssodisfat il-punti ta' riferiment tal-għeluq fl-oqsma li kien għad fadal matul din l-aħħar sena, inkluż f'kapitoli diffiċli bħall-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-politika tal-kompetizzjoni. Il-Kroazja kisbet riżultati sostanzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, introduċiet sistema ġdida oġġettiva u trasparent fil-ħatra tal-imħallfin u l-prosekuturi, u tejjbet ħafna l-implimentazzjoni tal-programmi dwar l-akkomodazzjoni soċjali għar-rifuġjati li jirritornaw. Ir-ristrutturar tat-tarzni li kienu jinsabu f'diffikultà għamel progress sostanzjali.

    Ir-riżultat tan-negozjati dwar l-adeżjoni se jiġi inkorporat fi trattat ta' adeżjoni li, kif previst mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, għandu jiġi ffirmat sal-aħħar tas-sena. Dan għandu jippermetti li l-Kroazja tingħaqad mal-UE fl-1 ta' Lulju 2013 sakemm il-proċeduri ta' ratifika neċessarji jkunu ġew konklużi. Il-Kroazja kisbet livell għoli ta' tħejjija biex mal-adeżjoni tassumi r-responsabbiltajiet tas-sħubija. Hija tissodisfa l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen. Hija mistennija li tissodisfa l-kriterji ekonomiċi u dawk tal-acquis sal-1 ta' Lulju 2013. Dan il-momentum irid jinżamm.

    Hemm bżonn li l-Kroazja tkompli tibni fuq ir-riformi li implimentat u l-kapaċitajiet li żviluppat matul in-negozjati tal-adeżjoni. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib it-twettiq li l-Kroazja tagħmel rigward l-impenji li ħadet u t-tħejjijiet kontinwati biex mal-adeżjoni tassumi r-responsabbiltajiet tas-sħubija. Is-sorveljanza se tiffoka b'mod partikolari fuq l-impenji li ħadet il-Kroazja fl-oqsma li ġejjin: il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali; il-ġustizzja u s-sigurtà; kif ukoll il-politika tal-kompetizzjoni.

    Is-sorveljanza se tkun tikkonsisti fl-aġġornament regolari ta' tabelli ta' monitoraġġ, id-djalogu taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, missjonijiet ta' evalwazzjoni mill-pari, il-programm ekonomiku ta' qabel l-adeżjoni u notifiki fiskali. Sal-adeżjoni tal-Kroazja il-Kummissjoni se toħroġ evalwazzjonijiet kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-impenji li ħa l-pajjiż f'dawn il-kapitoli. Rapport ta' Monitoraġġ Komprensiv se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-ħarifa tal-2012.

    Jekk matul il-proċess ta' monitoraġġ jiġu identifikati kwistjonijiet ta' tħassib u dawn ma jiġux rimedjati mill-Kroazja, il-Kummissjoni, jekk meħtieġ, se tindirizza ittri bikrin ta' twissija lill-awtoritajiet Kroati u tista' tipproponi biex il-Kunsill jieħu l-miżuri xierqa diġà qabel l-adeżjoni. Barra minn hekk, bħal ma ġara fil-ħames tkabbir, it-trattat tal-adeżjoni se jkun jinkludi klawżola ekonomika ta' salvagwardja ġenerali, klawżola ta' salvagwardja dwar is-suq intern u klawżola ta' salvagwardja fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà.

    Il-Kroazja hija mistennija tkompli jkollha rwol attiv fil-koperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tistenna b'ħerqa l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' arbitraġġ dwar il-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Kroazja. Hija se tappoġġa t-twaqqif u t-tħaddim tat-Tribunal ta' Arbitraġġ, kif previst f'dan il-ftehim. Il-Kummissjoni tilqa' d-Dikjarazzjoni mill-Gvern Kroat biex jappoġġa lill-pajjiżi l-oħra tar-reġjun fi triqithom lejn is-sħubija fl-UE, u tħeġġeġ lill-Kroazja biex tindirizza l-kwistjonijiet bilaterali miftuħa pendenti mal-ġirien tagħha qabel l-adeżjoni. Fl-istess waqt, il-mexxejja politiċi għandhom jevitaw dikjarazzjonijiet li jistgħu jixħtu dubju fuq l-importanza tar-rikonċiljazzjoni jew jittraskuraw is-serjetà tad-delitti tal-gwerra.

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kienu ġeneralment skont standards internazzjonali u l-pajjiż kompla bir-riformi relatati mal-adeżjoni. Il-koalizzjoni tal-gvern kienet stabbli. Il-pajjiż qed ikompli jissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Sar xi progress rigward ir-riforma tal-parlament, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, minkejja li għad fadal sfidi kruċjali. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi b'mod partikolari rigward il-libertà tal-espressjoni fil-midja, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-forzi politiċi jeħtieġ isaħħu l-isforzi tagħhom biex jikkoperaw.

    Il-pajjiż qed ikompli jissodisfa l-impenji tiegħu taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA). Il-Kummissjoni żżomm il-proposta tagħha biex timxi għat-tieni stadju tal-assoċjazzjoni kif jipprovdi l-FSA u tħeġġeġ lill-Kunsill biex jaġixxi fuq dan mingħajr dewmien.

    Il-Kummissjoni tinnota li l-Kunsill ma setax isegwi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tmur lura sal-2009 għall-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. It-tmexxija tal-proċess ta' adeżjoni ta' dan il-pajjiż għall-fażi li jmiss għandha tagħmel tajjeb għall-momentum tar-riformi u għall-klima tar-relazzjonijiet inter-etniċi, u jkollha impatt pożittiv fuq ir-reġjun.

    Id-disputa bejn il-Greċja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fuq l-isem ta' din tal-aħħar baqgħet mhux solvuta għal kważi għoxrin sena. Djalogu taħt l-awspiċju tan-NU ilu għaddej mis-snin disgħin u mill-2009 kien kumplimentat minn kuntatti bilaterali, inkluż f'livell tal-Prim Ministri. Madanakollu, dawn il-proċessi għad iridu jagħtu l-frott. Iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat, inkluża soluzzjoni dwar il-kwistjoni tal-isem li hija negozjata u aċċettata miż-żewġ naħat, taħt l-awspiċju tan-NU, għadha essenzjali. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa biex l-isforzi jirduppjaw sabiex tinstab soluzzjoni mingħajr dewmien. Hija tfakkar ukoll li azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajba tal-viċinat għandhom jiġu evitati. Soluzzjoni dwar il-kwistjoni tal-isem messha ilha li nstabet.

    Il-Montenegro

    F'Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew ikkonċeda l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Montenegro u approva s-seba' prijoritajiet ewlenin biex jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni identifikati fl-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro għas-sħubija fl-UE.

    Mill-adozzjoni tal-Opinjoni 'l hawn, il-Montenegro għamel progress tajjeb biex jissodisfa l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen, u kiseb riżultati ġenerali sodisfaċenti, b'mod partikolari fil-prijoritajiet ewlenin identifikati. Il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali ġie mtejjeb bil-għan li jissaħħu x-xogħol tal-parlament, il-qafas elettorali, il-professjonaliżmu u d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-libertà tal-midja u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili. Hemm bżonn ta' sforzi kostanti, madanakollu, biex ikompli jiġi żviluppat rekord tajjeb fil-qasam tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari rigward il-korruzzjoni f'livell għoli u każi ta' kriminalità organizzata. Ittieħdu wkoll passi pożittivi fil-politiki kontra d-diskriminazzjoni u biex titjieb il-qagħda tal-persuni spustati. Din issa jeħtieġ tiġi tradotta fi tnaqqis ta' diskriminazzjoni rigward il-gruppi vulnerabbli, inklużi persuni spustati.

    Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lis-sorveljanza tal-progress tal-Montenegro fl-oqsma tal-istat tad-dritt u l-anti-diskriminazzjoni bil-għan li żżomm il-momentum tar-riformi f'dawn l-oqsma u se tkompli tappoġġa lill-Montenegro biex jimplimenta riformi relatati mal-UE.

    L-Albanija

    Ix-xena politika domestika tal-Albanija kienet ġeneralment iddominata mill-istaġnar politiku li kompla u iktar żviluppi ta' konfront. Konfront vjolenti bejn protestanti kontra l-gvern u l-pulizija wasslu għall-mewt ta' erba' persuni u awmentaw il-klima ta' nuqqas ta' fiduċja bejn il-forzi politiċi, kif ukoll rigward ċerti istituzzjonijiet statali. L-elezzjonijiet lokali f'Mejju, minkejja li ġew evalwati bħala kompetittivi u trasparenti, kienu deċiżament ikkaratterizzati minn nuqqasijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati. B'mod partikolari, il-kontroversja rigward l-għadd ta' voti li ġew spustati għas-sindku ta' Tirana żiedet il-kontroversja bejn il-maġġoranza fil-gvern u l-oppożizzjoni.

    Li l-forzi politiċi tal-Albanija jistabbilixxu mill-ġdid u jżommu livell ta' djalogu politiku li jippermetti t-tħaddim xieraq tal-istituzzjonijiet ewlenin demokratiċi l-aktar il-parlament, u l-progress fit-triq lejn integrazzjoni mal-UE issa sar każ ta' urġenza. In-nuqqasijiet sinifikanti identifikati f'dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet jitolbu għal riforma elettorali komprensiva u jibbenefikaw ħafna minn parir estern indipendenti u konsensus fost il-partiti politiċi.

    Iż-żewġ partiti politiċi ewlenin aċċettaw l-offerta tal-UE biex kostruttivament jimpenjaw ruħhom mill-ġdid favur il-prijoritajiet ta' integrazzjoni Ewropea tal-pajjiz. Issa huwa essenzjali li l-partiti politiċi tal-Albanija jagħmlu impenn favur proċess strutturat u sostnut biex jaħdmu flimkien fuq ir-riformi Ewropej. It-triq 'il quddiem għandha tinkludi proċess ta' analiżi konġunta u l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni u skeda għal riformi essenzjali, inkluż fuq il-ħidma parlamentari u l-elezzjonijiet.

    Kollox ma' kollox, l-Albanija għamlet progress limitat biex tissodisfa l-kriterji politiċi għas-sħubija u t-tnax-il prijorità biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni, kif identifikat fl-Opinjoni tal-Kummissjoni approvata mill-Kunsill f'Diċembru 2010. Sar xi progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità, fit-trattament ta' persuni f'detenzjoni fil-ħabsijiet, u rigward id-drittijiet tat-tfal, iżda għad irid isir progress rigward il-ġudikatura, il-politika kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet ta' proprjetà u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-komunità Rom flimkien max-xogħol meħtieġ rigward il-proċedura parlamentari u l-elezzjonijiet. L-Albanija bdiet timplimenta pjan ta' azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-Kummissjoni. Madanakollu, jeħtieġ isiru iżjed sforzi biex tkun żgurata l-effettività u l-kompletezza tal-azzjonijiet previsti, inkluż permezz ta' koperazzjoni mill-qrib mal-oppożizzjoni. L-Albanija se jkollha bżonn tagħmel sforzi kostanti biex tikseb progress li jidher f'dawn il-materji kollha qabel ma l-Kummissjoni tkun tista' tirrakkomanda l-istatus ta' kandidat u l-bidu ta' negozjati għall-adeżjoni mal-UE.

    L-Albanija kompliet timplimenta mingħajr skossi l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. F'Diċembru 2010, il-pajjiż ingħata aċċess ħieles mill-viża għaż-żona Schengen għaċ-ċittadini tiegħu, bħala riżultat tal-kisbiet sodisfaċenti fid-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

    Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tagħti appoġġ lill-Albanija biex tikseb riformi orjentati lejn l-UE u biex tissodisfa l-prijoritajiet ewlenin tal-Opinjoni.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina

    Fil-Bosnja-Ħerzegovina, l-azzjonijiet tar-rappreżentanti politiċi qed ikomplu jirriflettu nuqqas ta' ftehim komuni fuq id-direzzjoni ġenerali u l-futur tal-pajjiż u l-istruttura istituzzjonali tiegħu. Ma nstab ebda konsensus biex jiġi żgurat u mtejjeb il-funzjonament tal-istituzzjonijiet filwaqt li jiġu salvagwardati l-interessi tal-popli kostitwenti, speċjalment fid-dawl tal-aspirazzjonijiet favur l-UE mħaddna minn ħafna fil-pajjiż. Il-proċess biex jitwaqqfu awtoritajiet eżekuttivi u leġiżlattivi wara l-elezzjonijiet ta' Ottubru 2010 għad irid jitlesta billi jiġi ffurmat Gvern fil-livell ta' Stat. Dawn id-dewmien fit-tul qed ixekkel ir-riformi tant meħtieġa fil-Bosnja-Ħerzegovina li għandhom jippermettu lill-pajjiż jagħmel iktar progress lejn l-UE. Il-proċess ta' adeżjoni mal-UE jeħtieġ istituzzjonijiet li jiffunzjonaw fil-livelli kollha u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni effettiv għat-trattament mal-UE, biex il-pajjiż jitkellem b'vuċi waħda.

    Bħala riżultat ta' dan, il-pass ġenerali tar-riformi kien limitat ħafna. Inkisbu xi riżultati, l-aktar rigward kisbiet li wasslu biex f'Diċembru 2010 iċ-ċittadini tal-pajjiż ingħataw aċċess għall-UE ħieles mill-viża. F'Ġunju, il-mexxejja tal-pajjiż qablu li jidħlu fi Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja mal-UE taħt il-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bil-għan li tiġi żgurata sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u responsabbli.

    L-osservanza tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem hija rekwiżit importanti tal-Ftehim Interim u tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. F'dan ir-rigward, id-dewmien persistenti biex il-Kostituzzjoni tiġi armonizzata ma' deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-diskriminazzjoni etnika rigward ir-rappreżentazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż għadu kwistjoni ta' tħassib serju[10]. Hemm bżonn jiġi stabbilit proċess kredibbli biex jindirizza d-deċiżjoni tal-QEDB u Liġi dwar l-Għajnuna mill-Istat f'livell statali. Hemm bżonn isir progress ukoll lejn l-adozzjoni ta' liġi dwar il-konsensus f'livell ta' stat u biex tiżdied il-veloċità tar-riformi biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-pajjiż għall-integrazzjoni fl-UE. L-adozzjoni tal-Qafas Fiskali Globali hija prijorità għas-sostenibbiltà fiskali.

    Il-governanza fil-Bosnja-Ħerzegovina tkompli tinvolvi preżenza internazzjonali b'mandat eżekuttiv. Rigward id-Deċiżjoni Finali ta' Brčko, wieħed mill-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli[11], sar progress biex tiġi riżolta l-kwistjoni tal-elettriku. Hemm bżonn ta' iktar sforzi biex jiġu ssodisfati l-għanijiet pendenti, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn pajjiż b'sistema internazzjonali ta' governanza u segurtà lejn pajjiż b'istituzzjonijiet domestiċi li għandhom kontroll sħiħ tal-proċess politiku u leġiżlattiv – skont il-ħtiġiet ta' pajjiż li qed jaspirqa li jsir membru tal-UE. Tiġbor flimkien dawn il-kwistjonijiet kollha hemm il-ħtieġa ta' ambjent politiku stabbli.

    It-twaqqif ta' Djalogu Strutturat fuq il-Ġustizzja, kif ukoll l-esperjenza mir-riformi li saru taħt il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża juru t-triq 'il quddiem: bl-adozzjoni ta' approċċ Ewropew ta' djalogu u kompromess u billi jiffoka fuq l-aġenda tal-UE, il-pajjiż se jkun jista' gradwalment jimxi mill-paraliżi u l-konfront għall-koperazzjoni, u minn superviżjoni internazzjonali għall-futur tiegħu fl-UE.

    L-UE irrinfurzat ir-rwol tagħha fil-Bosnja-Ħerzegovina, billi ngħata l-ħatra l-ewwel rappreżentant uniku tal-UE fil-Bosnja-Ħerzegovina. L-UE se tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-istituzzjonijiet tal-pajjiż fl-implimentazzjoni tal-għanjiet tal-aġenda tal-UE, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2011.

    Is-Serbja

    B'mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat Opinjoni dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għal sħubija fl-UE. Il-konklużjonijiet u r-rakkkomandazzjoni tal-Opinjoni huma stipulati fl-anness ma' din il-Komunikazzjoni.

    Il-Kosovo

    F'perjodu ta' elezzjonijiet parlamentari bikrin u elezzjonijiet fit-tul mill-parlament għal President ġdid, ftit sar progress rigward l-aġenda għar-riforma. L-elezzjonijiet infushom kienu kkaratterizzati minn nuqqasijiet serji, li hemm bżonn jiġu indirizzati. Il-qorti kostituzzjonali kellha rwol pożittiv minħabba l-mod kif wettqet ir-responsabbiltajiet tagħha.

    Il-gvern il-ġdid wera impenn favur il-perspettiva Ewropea tal-Kosovo, inkluż permezz ta' sforzi kostanti f'oqsma bħall-viża, Il-kummerċ u t-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-UE. Dan l-aħħar il-parlament il-ġdid beda jgħaddi l-leġiżlazzjoni relevanti biex ivara riformi kruċjali. Hemm bżonn isir iżjed biex jiġu indirizzati l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. L-amministrazzjoni pubblika hija dgħajfa u l-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja għadha ta' sfida.

    Wara r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2010, ġie varat djalogu ffaċilitat mill-UE bejn Pristina u Belgrad. Id-djalogu għandu l-għan li jippromwovi l-koperazzjoni, jikseb progress fit-triq lejn l-UE, u jtejjeb l-għajxien tal-poplu. Dan tmexxa fi spirtu ġeneralment kostruttiv sa Settembru u wassal għal ftehim dwar diversi kwistjonijiet: il-moviment liberu tal-merkanzija u l-persuni, ir-reġistru ċivili u l-katast. Dawn l-isforzi kostruttuvi jeħtieġ ikomplu u jwasslu għal passi ulterjuri għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ta' bejniethom. Il-ftehimiet milħuqa hemm bżonn jiġu implimentati b'rieda tajba.

    L-integrazzjoni tas-Serbi Kosovari min-nofsinhar tax-xmara Ibër/Ibar tjiebet. Is-Serbi Kosovari ħadu sehem fiċ-ċensiment tal-Kosovo u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet ġenerali ta' dan l-aħħar żdiedet. Min-naħa l-oħra, fit-Tramuntana tal-Kosovo għad hemm tensjonijiet u inċidenti inter-etniċi. Strutturi Serbi separati, li għandhom appoġġ minn Belgrad, opponew iċ-ċensiment u inkoraġġew il-bojkott tal-elezzjonijiet organizzati mill-awtoritajiet Kosovari. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawk kollha kkonċernati fil-Kosovo biex itaffu t-tensjoni u biex jikkoperaw b'mod sħiħ mal-EULEX.

    L-unika bażi possibbli biex il-Kosovo jimxi 'l quddiem huwa d-djalogu, u r-rifjut ta' azzjonijiet unilaterali u tal-vjolenza. Il-Kummissjoni qed issejjaħ lill-atturi kollha biex jirrifjutaw il-vjolenza u jieqfu milli jieħdu miżuri li jheddu l-istabbiltà.

    Il-Kosovo jikkondividi l-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. F'Marzu, il-Kummissjoni ħarġet il-proposta tagħha għal ftehim qafas li jippermetti lill-Kosovo jipparteċipa fil-programmi tal-UE, wieħed mill-inizjattivi ewlenin imħabbra fil-Komunikazzjoni 2009 dwar il-Kosovo[12]. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-isforzi tal-Kosovo biex jikseb iż-żewġ għanijiet l-oħra – il-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża u ftehim kummerċjali mal-UE, kif ukoll sforzi oħra għar-riforma li jsaħħu l-perspettiva Ewropea tiegħu. Il-Kummissjoni se tanalizza l-Komunikazzjoni tal-2009 biex tiżgura li l-Kosovo jkun jista' jkompli jibbenefika mill-proċess ta' adeżjoni mal-UE. Il-Kummissjoni tipproponi li tvara djalogu strutturat mal-Kosovo dwar l-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll l-importanza li l-Kosovo jvara aġenda komprensiva għat-Tramuntana.

    3.2. It-Turkija

    Bl-ekonomija dinamika tagħha, rwol reġjonali importanti u l-kontribut tagħha għall-politika barranija u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE, it-Turkija hija pajjiż kruċjali għas-sigurtà u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea. Sa ċertu punt hija diġà tinsab integrata fl-UE f'termini ta' kummerċ u investiment barrani permezz tal-Unjoni Doganali. Il-pajjiż sar pjattaforma industrijali importanti għal għadd ta' kumpaniji Ewropej ewlenin, u għaldaqstant huwa komponent prezzjuż għall-kompetittività tal-Ewropa. It-tkabbir għoli tal-PDG tat-Turkija, li fl-2010 laħaq kważi d-9% u huwa mistenni li jilħaq is-6.1% din is-sena, kif ukoll is-sħubija tiegħu fil-G-20, ikomplu jkabbru s-sinifikat ekonomiku tal-pajjiż.

    Il-kontribut tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea f'għadd ta' oqsma kruċjali jista' jkun effettiv għal kollox biss permezz ta' proċess attiv u kredibbli. Dan il-proċess jeħtieġ jirrispetta l-impenji tal-UE u l-kundizzjonalità stbbilita.

    Jibqa' essenzjali li t-Turkija tkompli bir-riformi tagħha rigward il-kriterji politiċi tal-adeżjoni. Il-ħolqien ta' Ministeru speċifiku għall-affarijiet tal-UE huwa sinjal inkoraġġanti f'dan ir-rigward. Filwaqt li sar progress sostanzjali matul l-aħħar għaxar snin, jeħtieġ isiru iktar sforzi sisnifikanti biex fil-prattika jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali, l-aktar il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tan-nisa u l-liberta tat-twemmin. L-adozzjoni reċenti mit-Turkija tal-leġiżlazzjoni dwar il-Fondazzjonijiet Reliġjużi li tiffaċilita l-irkupru ta' proprjetà kkonfiskata ta' fondazzjonijiet reliġjużi, hija pass sinifikanti 'l quddiem. Il-Kummissjoni hija lest li tkompli tassisti lit-Turkija biex tmexxi 'l quddiem ir-riformi meħtieġa, inkluż proċess inklussiv ta' riforma kostituzzjoniali.

    It-Turkija qed tkompli żżid l-attività diplomatika tagħha wara l-iżviluppi madwar l-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Norsani. Hija għadha wkoll sieħeb kostruttiv fil-Balkani tal-Punent. Bħala stat stabbli b'istituzzjonijiet demokratiċi, ekonomija li qed tikber b'rata mgħaġġla u pajjiżi kandidat li qed jinnegozja l-adeżjoni tiegħu fl-UE, it-Turkija jista' jkollha rwol importanti billi tipproġetta stabbiltà u tappoġġa riformi fil-viċinat tagħha, li huwa wkoll il-viċinat tal-Unjoni Ewropea. L-UE qed tkompli tiżviluppa d-djalogu politiku tagħha mat-Turkija rigward kwistjonijiet ta' politika barranija li huma ta' interess reċiproku. Fil-kuntest attwali, huwa importanti li tali djalogu jkompli jiżviluppa b'mod komplimentari għall-proċess ta' adeżjoni u bil-għan ta' iktar koordinazzjoni.

    Fid-dawl tal-progress li nkiseb bejn il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet taħt il-bon offiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex tinstab soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru, it-Turkija hija mħeġġa biex iżżid f'termini konkreti l-impenn u l-kontribut tagħha f'dawn it-taħdidiet. Soluzzjoni komprensiva hija fl-interess tan-naħat kollha minħabba li din issaħħaħ l-istabbiltà fix-Xlokk tal-Mediterran, toffri opportunitajiet ekonomiċi ġodda u tagħti spinta qawwija lin-negozjati ta' adezjoni fl-UE, li waslu f'fażi kritika.

    Il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar it-tensjonijiet reċenti fir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u Ċipru. Hija tfakkar li l-Kunsill kien ħeġġeġ li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' theddid, sors ta' kunflitt jew azzjoni li tista' tagħmel ħsara lir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat u s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim. L-UE enfasizzat ukoll id-drittijiet sovrani kollha tal-Istati Membri tal-UE li jinkludu l-parteċipazzjoni fi ftehimiet bilaterali, skont l-acquis tal-UE u l-liġi internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU fuq il-Liġi tal-Baħar. B'konformità ma' pożizzjonijiet ripetuti li ħadu l-Kunsill u l-Kummissjoni fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni ttenni li huwa urġenti li t-Turkija tissodisfa l-obbligu tagħha li timplimenta għal kollox il-Protokoll Addizzjonali u tagħmel progress biex tinnormalizza r-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. Hija tħeġġeġ ukoll li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' theddid, sors ta' kunflitt jew azzjoni li tista' tagħmel ħsara lir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat u s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim. L-UE se tkompli ssegwi u tanalizza l-progress milħuq fuq dawn il-kwistjonijiet kollha skont id-deċiżjonijiet relevanti tal-Kunsill.

    Jeħtieġ li t-Turkija żżid l-isforzi tagħha biex issolvi kwistjonijiet bilaterali miftuħa, inkluż it-tilwim dwar il-fruntiera, mal-pajjiżi viċini tagħha. Għadd sostanzjali ta' lmenti formali rigward vjolazzjonijiet tal-ibħra territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħha saru mill-Greċja, inkluż rigward titjiriet fuq il-gżejjer Griegi.

    Il-Kummissjoni se taħdem biex tvara ċirku virtwuż ġdid fil-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija. Għandha tiġi żviluppata aġenda pożittiva bbażata fuq approċċ prammatiku u li jinkorpora passi konkreti f'oqsma ta' interess komuni, u għarfien konġunt tar-restrizzjonijiet u li wieħed ifittex li jsir progress fl-allinjament tat-Turkija mal-UE, li tippermetti relazzjoni iktar kostruttiva u pożittiva.

    Din l-aġenda għandha tkopri firxa wiesgħa ta' oqsma, inkluż djalogu u koperazzjoni fuq riformi politiċi intensifikati, il-viża, il-mobbiltà u l-migrazzjoni, l-enerġija, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-parteċipazzjoni ulterjuri tat-Turkija fil-programmi tal-Komunità bħall-"Ewropa għaċ-ċittadini", il-ġemellaġġ tal-ibliet, kif ukoll il-kummerċ u l-Unjoni Doganali li għandha l-għan li telimina ostakoli kummerċjali, tfittex koordinazzjoni iktar mill-qrib fin-negozjati dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles u tesplora toroq ġodda biex tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ekonomiku konġunt tal-UE u t-Turkija. Flimkien man-negozjati tal-adeżjoni, il-Kummissjoni bi ħsiebha ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mat-Turkija, b'appoġġ tal-isforzi tal-pajjiż li jsegwi r-riformi u l-allinjament mal-acquis, inkluż fuq il-kapitoli fejn in-negozjati dwar l-adeżjoni ma jistgħux jinfetħu għalissa. Il-Kummissjoni se tkompli tinforma lill-Kunsill hekk kif tikkunsidra li t-Turkija tkun issodisfat punti ta' riferiment relevanti[13].

    3.3. L-Islanda

    L-Islanda qed tkompli tirkupra mill-kollass finanzjarju u ekonomiku tal-2008/2009. Il-qagħda politika baqgħet stabbli, minkejja li l-gvern ta' koalizzjoni għadda minn diversi provi u ra l-maġġoranza Parlamentari tiegħi tonqos.

    Il-proċess ta' adeżjoni tal-Islanda kompla u l-iskrinjar tal-leġiżlazzjoni tal-Islanda qed jiġi konkluż. Il-livell għoli ta' integrazzjoni tal-pajjiż mal-UE matul firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika huwa ta' vantaġġ konsiderevoli f'dan il-proċess. Il-Kummissjoni tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet u l-aspettattivi tal-Islanda, fi ħdan l-approċċ eżistenti għan-negozjati dwar l-adeżjoni u tissalvagwardja għal kollox il-prinċipji u l-acquis tal-Unjoni. Ħidma kontinwata miftuħa u kostruttiva se tipproduċi soluzzjonijiet, li jirrifletti l-livell għoli ta' koperazzjoni bejn l-UE u l-awtoritajiet Islandiżi.

    Fuq din il-bażi, ġew varati n-negozjati tal-adeżjoni fuq kapitoli speċifiċi ta' negozjar. Infetħu erba' kapitoli li tnejn minnhom ingħalqu b'mod provviżorju. B'livell ġenerali tajjeb ta' allinjament b'mod partikolari fil-kapitoli koperti mill-ftehimiet dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u Schengen, in-negozjati għandhom jimxu 'l quddiem sew. L-Islanda se jkollha bżonn tindirizza l-obbligi eżistenti, bħal dawk identifikati mill-Awtorità ta' sorveljanza tal-EFTA taħt il-Fethim taż-ŻEE.

    Inbdew attivitajiet ta' komunikazzjoni li jippromwovu dibattitu infurmat rigward il-proċess ta' adeżjoni tal-Islanda. L-adeżjoni fl-UE għadha kwistjoni ta' kontroversja fl-Islanda. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ fil-qasam tal-informazzjoni u l-kuntatti persuna-ma'-persuna.

    4. Apoġġ għall-proċess ta' tkabbir

    4.1. Assistenza finanzjarja

    Il-Kummissjoni tipprovdi sostenn finanzjarju u tekniku lill-pajjiżi tat-tkabbir fit-tħejjija tagħhom għall-adeżjoni. L-assistenza essenzjalment tingħata taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) li taħtu l-allokazzjoni totali matul il-perjodu 2007-2013 hija ta' € 11.6 biljun[14].

    Mill-2010 'l hawn il-Kummissjoni qegħda gradwalment tmexxi l-assistenza finanzjarja minn sostenn għal proġetti individwali għal approċċ iktar globali u mifrux fuq settur, iffukat iktar fuq oqsma qofol tal-aġenda ta' riforma tal-pajjiżi benefiċjarji. Il-gvernijiet fil-pajjiżi tat-tkabbir huma mħeġġa jadottaw politiki komprensivi u sostenibbli f'setturi prijoritarji bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-amministrazzjoni pubblika, l-iżvilupp tas-settur privat, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-iżvilupp soċjali, l-agrikultura u l-iżvilupp rurali.

    Id-dokumenti indikattivi ta' ppjanar multiannwali (MIPDs) għall-perjodu 2011-2013 jidentifikaw is-setturi kruċjali f'kull pajjiż, skont il-qagħda speċifika ta' kull pajjiż u l-progress fil-proċess ta' adeżjoni. Tingħata attenzjoni speċjali lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u l-libertà tal-espressjoni. Madwar 10% tal-fondi disponibbli tal-IPA se jiġu allokati lil proġetti li jinvolvu iktar minn pajjiż wieħed matul il-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Il-Kummissjoni llum adottat il-Qafas Finanzjarju Indikattiv Multiannwali annwali rivedut għall-assistenza taħt l-IPA, li jkopri s-snin 2012-13.

    B'konformità mal-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2011 dwar "Baġit għal Ewropa 2020"[15], il-Kummissjoni issa qed tħejji qafas legali biex tipprovdi assistenza ta' qabel l-adeżjoni taħt il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss li se jkopri l-perjodu 2014-2020, bħala parti minn pakkett ta' strumenti fil-qasam tal-azzjoni esterna.

    L-assistenza taħt ir-Regolament attwali tal-IPA wriet ruħha effiċjenti u effettiva. Il-proposta għal strument finanzjarju ġdid li se tiġi ppreżentata f'Diċembru 2011 se tieħu mill-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-istrument attwali. Hekk kif se jkompli jibni fuq dan, l-istrument se jkopri kemm appoġġ biex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-adeżjoni kif ukoll sostenn għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku.

    Fi djalogu mal-pajjiżi benefiċjarji, id-donaturi l-oħra u s-soċjetà ċivili u filwaqt li tieħu mill-esperjenza miksuba s'issa, il-Kummissjoni qed tirrifletti fuq kif tista' ssaħħaħ ir-rabta bejn l-assistenza finanzjarja u l-prijoritajiet identifikati fl-istrateġija tat-tkabbir, kif ukoll kif tista' tagħmel l-assistenza finanzjarja iktar strateġika, iktar iffukata, iktar flessibbli u l-proċeduri iktar sempliċi. F'dan il-kuntest, l-elementi kkunsidrati jinkludu ppjanar iktar fit-tul u komprensiv għall-assistenza li tkopri l-oqsma tal-politiki kollha, iffukar iktar fuq il-ħtiġiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi benefiċjarji, il-progress tal-għotjiet fil-proċess tal-adeżjoni, l-użu tal-fondi tal-IPA għall-ingranaġġ ta' iktar fondi minn donaturi oħra u s-settur privat u t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili.

    4.2. Il-liberalizzazzjoni tal-viża u l-mobbiltà

    Il-ksib ta' vvjaġġar lejn l-UE ħieles mill-viża huwa tal-ogħla importanza għaċ-ċittadini tas-sħab kollha tat-tkabbir u hija parti mill-proċess ta' adeżjoni. Madanakollu, il-passi lejn il-liberalizzazzjoni huma suġġetti għall-issodisfar mill-pajjiżi kkonċernati tal-kundizzjonijiet li jiġu salvagwardati s-sigurtà interna u l-interessi tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni.

    l-Islanda diġà hija parti miż-żona Schengen. Fil-Balkani tal-Punent, iċ-ċittadini Kroati dejjem ivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr il-viża. Iċ-ċittadini ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tas-Serbja ngħataw il-ħelsien mill-viża għall-ivvjaġġar lejn iż-żona Schengen f'Diċembru 2009 u l-istess status ingħata sena wara liċ-ċittadini tal-Albanija u tal-Bosnja-Ħerzegovina.

    Id-deċiżjonijiet reċenti biex tintemm il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent kienu bbażati fuq li dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-punti ta' riferiment tal-pjani ta' direzzjoni li ġew stabbiliti fil-kuntest tad-djalogi għal-liberalizzazzjoni tal-viża mmexxijin mill-Kummissjoni. Id-djalogi aġixxew ta' inċentiv qawwi għal riformi sabiex jinkisbu standards fil-livell tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-aktar fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà tad-dokumenti, iżda wkoll fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda transnazzjonali kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-migrazzjoni illegali.

    Madanakollu, wara li tneħħa r-rekwiżi ta' viża, xi Stati Membri tal-UEW raw żjieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet għall-asil ta' ċittadini mill-pajjiżi kkonċernati, b'mod partikolari mis-Serbja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ħaġa li kienet tindika abbuż tar-reġim ħieles mill-viża. Bi tweġiba, minn Jannar 2011 'l hawn il-Kummissjoni waqqfet mekkaniżmu ta' sorveljanza għal wara l-liberalizzazzjoni tal-viża taħt il-qafas tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u ngaġġat fi djalogu mal-pajjiżi kkonċernati biex tevalwa l-implimentazzjoni konsistenti tar-riformi u miżuri ta' rimedju effettivi. Il-pajjiżi kkonċernati minn dakinhar saħħew il-kontrolli fil-post u varaw kampanji ta' informazzjoni biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' vvjaġġar mingħajr viża. Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati sabiex jieħdu l-miżuri kollha ulterjuri meħtieġa biex ir-reġim ħieles mill-viża jiffunzjona kif suppost. Is-suċċess ta' tali miżuri se jkun jeħtieġ ukoll jiġi kkomplimentat b'iktar appoġġ u kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar għall-gruppi kkonċernati l-iktar vulnerabbli, inklużi r-Rom.

    F'reviżjoni usa' tal-politika tal-UE dwar il-viża, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill abbozz ta' emenda għar-regolament dwar il-viża li għandu jippermetti għas-sospensjoni temporanja tar-reġim kurrenti ħieles mill-viża ma' pajjiż terz f'każ li jkun hemm fluss f'daqqa ta' persuni[16].

    Il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo għandha tikkonkludi dan il-proċess għall-Balkani tal-Punent. F'Diċembru 2010, il-Kunsill ikkonferma din il-prospettiva ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha. Biex jindirizza dawn il-kundizzjonijiet, il-Kosovo adotta qafas legali għar-riammissjoni u ffirma ftehimiet bilaterali għar-riammissjoni mat-13-il Stat taż-żona Schengen. Il-Kosovo adotta pjani ta' integrazzjoni mill-ġdid u kompla l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għaldaqstant se tvara djalogu dwar il-viża mal-Kosovo lejn l-aħħar tas-sena.

    Il-UE u t-Turkija bdew jintensifikaw il-koperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet tal-viża, filwaqt li l-Kummissjoni daħlet fi djalogu mat-Turkija dwar il-viża, il-mobbiltà u l-migrazzjoni, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Frar 2011. Dan il-proċess beda jagħti riżultati kemm fil-ħruġ tal-viżi għal vjaġġaturi Torok kif ukoll fl-indirizzar tal-immigrazzjoni irregolari lejn l-UE u se jgħin biex jiġu identifikati l-passi konkreti li jridu jittieħdu mit-Turkija fid-dawl tal-liberalizzazzjoni futura tal-viża. F'dan il-kuntest, ikun pass importanti jekk it-Turkija tieħu l-azzjoni meħtieġa għal konkluzjoni rapida tal-ftehim dwar ir-riammissjoni.

    4.3. Informazzjoni u komunikazzjoni

    L-appoġġ pubbliku huwa l-qofol tas-suċċess tal-politika tat-tkabbir. L-awtoritajiet fl-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom rwol ċentrali għal dan il-għan fl-isforzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni.

    Il-Kummissjoni tinsab impenjata biex tiffaċilita dibattitu pubbliku infurmat rigward il-proċess tat-tkabbir, ibbażat fuq informazzjoni fattwali li tinftiehem minn kulħadd imwassla fuq il-mezzi kollha tal-midja. Bħala prijorità dawn jeħtieġ jindirizzaw liż-żgħażagħ u opinjonisti ewlenin bħall-ġurnalisti u rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-negozju. L-iskambji parlamentari jistgħu wkoll ikollhom rwol importanti fit-tkattir ta' dibattitu infurmat u fehim reċiproku tal-proċess ta' tkabbir.

    Għaż-żmien li ġej, se jiġu diskussi l-passi li jmiss fil-proċess ta' adeżjoni mal-pajjiżi tat-tkabbir. Ir-riżultati tanġibbli huma l-aqwa reklam għall-politika tat-tkabbir tal-UE. Ir-riżultat tajjeb tan-negozjati mal-Kroazja jista' jkun eżempju qawwi, kif inhuma wkoll ir-reżiljenza ekonomika tal-Ewropa tax-Xlokk u l-kisbiet konkreti rigward kwistjonijiet kruċjali bħall-provvista tal-enerġija jew in-netwerks tat-trasport. Huwa essenzjali li jiġi spjegat lill-pubbliku kif jekk tiġi segwita l-aġenda tat-tkabbir dan ikun jista' jgħin lill-UE tikseb l-għanijiet tagħha li huma marbuta mal-kriżi ekonomika, l-impjiegi, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-sikurezza, u l-migrazzjoni filwaqt li fl-istess ħin tiġi aċċellerata l-aġenda ta' riforma u jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi tat-tkabbir.

    5. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    Ibbażat fuq l-analiżi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

    1. It-tkabbir tal-UE jimmira li jestendi ż-żona ta' paċi, stabbilità, demokrazija u prosperità tal-UE. It-tkabbir huwa ta' benefiċċju għall-UE fit-totalità tagħha u jippermettilha tkun f'pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi globali. Mal-konklużjoni tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja f'Ġunju, il-proċess ta' tkabbir tal-Unjoni Ewropea daħal f'fażi ġdida.

    2. Il-politika ta' tkabbir tat prova li hi għodda qawwija għat-trasformazzjoni tas-soċjetà. Dawk il-pajjiżi diġà ngħaqdu mal-UE u dawk li jinsabu fit-triq biex jingħaqdu għaddew minn tibdiliet impressjonanti permezz ta' riformi demokratiċi u ekonomiċi mmotivati mill-adeżjoni. L-iżvilupp tal-Kroazja minn meta mbarkat fuq triqitha lejn l-adeżjoni jipprovdi evidenza ġdida għal din il-qawwa ta' trasformazzjoni li għandha l-UE.

    3. Permezz tal-politika tat-tkabbir tagħha, ibbażat fuq il-konsensus imġedded approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, l-UE tapplika kundizzjonalità eżiġenti u tissorvelja l-progress b'iktar attenzjoni. Dan jirriżulta f'li l-Istati li jippromettu jilħqu livell għoli ta' tħejjija li se jibbenefikaw minnu kemm huma kif ukoll l-UE.

    4. L-esperjenza miksuba min-negozjati mal-Kroazja se titpoġġa għall-benefiċċju ta' negozjati li jinsabu għaddejjin u dawk futuri. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tipproponi approċċ ġdid rigward il-kwistjonijiet relatati mal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u mal-ġustizzja u l-libertà u s-sigurtà. Dawn għandhom jiġu ttrattati kmieni fil-proċess ta' adeżjoni u għaldaqstant jinfetħu l-kapitoli korrispondenti abbażi tal-pjani ta' azzjoni, minħabba li jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekords konvinċenti. Il-Kummissjoni se tirrapporta b'mod regolari, f'kull stadju tal-proċess, dwar il-progress miksub f'dawn l-oqsma tul l-istadji ewlenin definiti fil-pjani ta' azzjoni flimkien, fejn xieraq, mal-miżuri korrettivi meħtieġa. Il-fondi tal-IPA se jiġu mmirati biex isostnu dan il-proċess.

    5. Proċess kredibbli ta' tkabbir, li jipprovdi perspettiva ċara tal-adeżjoni bbażata fuq kondizzjonalità stretta, hija l-qofol għat-tisħiħ tar-riformi fil-pajjiżi tat-tkabbir u jipprovdi liċ-ċittadini tal-pajjiżi tat-tkabbir b'riżultati tanġibbli diġà fi triqithom lejn l-UE. Il-kundizzjonalità għall-avvanz lejn l-UE tipprovdi inċentivi qawwija biex wieħed jimbarka fuq riformi diffiċli. Hija wkoll kruċjali biex jiġi żgurat l-appoġġ għat-tkabbir fl-Istati Membri.

    6. Il-perkors Ewropew b'suċċess tal-Kroazja juri t-triq għall-pajjiżi l-oħra tat-tkabbir. Hekk kif l-ewwel pajjiż tal-Balkani tal-Punent jidħol fl-UE, il-futur Ewropew tar-reġjun qed isir realtà.

    7. It-tisħiħ tal-istat tad-dritt għadu sfida ewlenija għall-maġġoranza tal-pajjiżi tat-tkabbir u huwa kundizzjoni kruċjali għall-progress lejn is-sħubija fl-UE. Il-Kummissjoni qed tkompli tagħti prijorità lir-riforma fil-ġudikatura u fl-amministrazzjoni pubblika, lill-ġlieda kontra l-kriminalità orgnizzata u l-korruzzjoni, inkluż permezz ta' monitoraġġ regolari, djalogi strutturati, analiżi mill-pari, il-bini tal-istituzzjonijiet, il-ġemellaġġ, u l-assistenza finanzjarja.

    8. F'għadd ta' pajjiżi tat-tkabbir, kien hemm żviluppi negattivi fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni. Huwa essenzjali li l-pajjiżi tat-tkabbir jiggarantixxu xeni medjatiċi li huma miftuħa u pluralistiċi, li jippermettu ġurnaliżmu li jikkritika u indipendenti. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi f'dan il-qasam u se tkompli tintegra dawn il-kwistjonijiet fin-negozjati għall-adeżjoni, notevolment taħt il-kapitolu li jirrigwarda l-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali.

    9. Il-koperazzjoni reġjonali, li tirfed ir-rikonċiljazzjoni u l-integrazzjoni fl-UE, tibqa' element essenzjali tal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Filwaqt li din il-koperazzjoni ikkaratterizzat progress ulterjuri f'għadd ta' oqsma, il-kwistjonijiet li joħorġu l-aktar minn kunflitti fil-passat qed ikomplu jħallu effetti negattivi u jisfidaw l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent. Huwa urġenti li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati. Il-ksib b'mod partikolari tal-inklussività fil-koperazzjoni reġjonali hija prijorità urġenti. Dan għandu jkun possibbli, irrispettivament mid-differenzi dwar l-istatus tal-Kosovo, mill-partijiet kollha li jadottaw approċċ kostruttiv u prammatiku.

    10. Il-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu solvuti mill-partijiet ikkonċernati, b'determinazzjoni, fi spirtu tajjeb ta' viċinat filwaqt li jqisu l-interessi globali tal-UE. Dawn għandhom jiġu indirizzati kmieni kemm jista' u għandhomx iżommu lura l-proċess tal-adeżjoni. Ostakoli marbuta ma' kwistjonijiet bilaterali jistgħu jikkompromettu l-qawwa trasformattiva tal-proċess tat-tkabbir. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex jagħmlu kull sforz għal soluzzjoni tat-tilwim pendenti dwar il-fruntiera skont prinċipji u mezzi stabbiliti, inkluż li jekk xieraq jirreferu kwistjonijiet lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Ir-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien jibqgħu fundamentali. L-UE tinsab lesta li tiffaċilita t-tiftix għal soluzzjonijiet u li tappoġġa inizjattivi relatati.

    11. Il-ksib ta' vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE hija tal-ogħla importanza għaċ-ċittadini kollha tal-imsieħba involuti fil-proċess tat-tkabbir. F'Diċembru 2010 Sar iktar progress rigward il-liberalizzazzjoni tal-viża, bħala parti tal-proċess ta' adeżjoni, permezz tat-tneħħija tal-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini mill-Bosnja- Ħerzegovina u l-Albanija, ladarba ż-żewġ pajjiżi kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiżi Balkani tal-Punent biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji kontra l-abbuż tas-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni saħħet il-monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża permezz tat-twaqqif ta' mekkaniżmu għad-djalogu mal-pajjiżi kkonċernati, inklużi miżuri għar-rimedju tal-abbuż.

    12. B'kunsiderazzjoni għall-progress tal-Kosovo rigward ir-riammissjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni li jirritornaw u skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni se tniedi djalogu dwar il-viża mal-Kosovo lejn tmiem is-sena. Mat-Turkija, l-UE intensifikat il-koperazzjoni dwar kwistjonijiet tal-viża u l-Kummissjoni daħlet fi djalogu mat-Turkija dwar il-viża, il-mobilità u l-migrazzjoni u se tidentifika l-passi konkreti meħtieġa mit-Turkija fid-dawl ta' liberalizzazzjoni futura tal-viża. Ikun pass importanti li t-Turkija tieħu l-azzjoni meħtieġa għall-konklużjoni rapida u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' riammissjoni.

    13. Wara l-kriżi ekonomika globali, il-pajjiżi tat-tkabbir issa imbarkaw fuq it-triq ta' rkupru ekonomiku, għalkemm b'ritmi differenti. It-Turkija ħarġet mill-kriżi b'ekonomija akbar u t-tkabbir tagħha qed ikompli jkun impressjonanti. Madankollu, lill-pajjiżi kollha involuti fit-tkabbir qed jaffaċċjaw sfidi importanti. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-qgħad għadu għoli u qed jiżdied. Il-konsolidazzjoni fiskali, ir-riforma strutturali, u t-titjib fl-ambjent kummerċjali, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-riforma tas-suq tax-xogħol, huma prijoritajiet ewlenin biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-irkupru u jinkiseb tkabbir inklużiv. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tistieden lill-pajjiżi tat-tkabbir biex jużaw l-objettivi tal-Ewropa 2020 bħala ankra tar-riforma.

    14. F'Diċembru 2011, il-Kummissjoni se tippreżenta l-qafas li jipprovdi għall-assistenza finanzjarja tal-preadeżjoni taħt il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020, ibbażat fuq l-esperjenza pożittiva mill-istrument attwali. Minn dak li ħadet minn din l-esperjenza, il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-rabta bejn l-assistenza u l-prijoritajiet tal-istrateġija tat-tkabbir, b'enfasi fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku, żieda fil-flessibilità tal-assistenza u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri.

    15. L-appoġġ pubbliku huwa l-qofol tas-suċċess tal-politika tat-tkabbir. L-awtoritajiet fl-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom rwol ċentrali għal dan il-għan fl-isforzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li tiffaċilita dibattitu pubbliku infurmat dwar il-proċess tat-tkabbir, ibbażat fuq informazzjoni fattwali li tinftiehem minn kulħadd. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili attiva bħala element essenzjali tad-demokrazija, ukoll bħala faċilitatur ta' dibattitu infurmat dwar it-tkabbir tal-UE.

    16. Il-Kummissjoni adottat Opinjoni favorevoli dwar l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE, mill-1 ta' Lulju 2013. Il-Kroazja għamlet possibbli t-tlestija tan-negozjati dwar l-adeżjoni billi ssodisfat il-punti ta' referenza tal-aħħar li kienu għadhom pendenti, inkluż il-kapitoli diffiċli bħall-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-politika tal-kompetizzjoni. Il-Kroazja teħtieġ tkompli tikkonsolida r-riformi tagħha, skont l-impenji li ħadet waqt in-negozjati għall-adeżjoni. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib it-tħejjijiet ulterjuri tal-Kroazja biex mal-adeżjoni tassumi r-responsabilitajiet tas-sħubija. Il-Kroazja mistennija li tkompli tappoġġja l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent.

    17. Bl-ekonomija dinamika tagħha u r-rwol importanti reġjonali tagħha, it-Turkija hija pajjiż ewlieni għall-Unjoni Ewropea. Dan ġie enfasizzat mill-iżviluppi politiċi u ekonomiċi reġjonali u globali attwali. It-Turkija kompliet bir-riformi rilevanti rigward l-UE, iżda hemm bżonn ta' iktar sforzi sinifikanti, inkluż li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali ewlenin. Sfortunatament, in-negozjati dwar l-adeżjoni ma ċċaqalqu xejn għal aktar minn sena. Il-Kummissjoni se taħdem għal aġenda pożittiva mġedda fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, waħda li se tkompli tappoġġja r-riformi, partikolarment il-proċess inklussiv tar-riforma kostituzzjonali, u integrazzjoni ekonomika. Din l-aġenda tista' tkopri firxa wiesgħa ta' oqsma ta' interess komuni inklużi r-riformi politiċi, id-djalogu dwar il-politika barranija, l-allinjament mal-acquis tal-UE, il-viżi, il-mobilità u l-migrazzjoni, l-enerġija, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kummerċ u l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE. Il-kontribuzzjoni tal-pajjiż lejn l-UE se tkun kompletament effettiva biss fi prospettiva ta' adeżjoni kredibbli u attiva.

    Il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar it-tensjoni reċenti fir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u Ċipru. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Kunsill ħeġġeġ lit-Turkija biex tastjeni minn kwalunkwe tip ta' theddida, sorsi ta' twegħir jew azzjoni, li jistgħu jolqtu b'mod negattiv ir-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u soluzzjoni paċifika ta' tilwim dwar il-fruntieri. Barra minn hekk, l-UE enfasizzat id-drittijiet sovrani kollha tal-Istati Membri tal-UE li jinkludu il-parteċipazzjoni fi ftehimiet bilaterali, skont l-acquis tal-UE u l-liġi internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU fuq il-Liġi tal-Baħar.

    L-UE ripetutament enfasizzat l-urġenza li t-Turkija tissodisfa l-obbligu tagħha ta' implimentazzjoni sħiħa mingħajr diskriminazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ta' progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. Dan jista' jagħti spinta sinifikanti lill-proċess ta' adeżjoni. L-UE ser tkompli ssegwi u teżamina l-progress rigward kwistjonijiet koperti mid-Dikjarazzjoni tal-21 ta' Settembru 2005, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill relevanti. Fin-nuqqas ta' progress, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-UE żżomm il-miżuri tagħha mill-2006.

    18. Fir-rigward tal-kwistjoni ta' Ċipru, il-mexxejja tal-komunità Griega Ċiprijotta u dik Torka Ċiprijotta intensifikaw in-negozjati dwar soluzzjoni komprensiva taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni tappoġġja bil-qawwa l-isforzi tagħhom u tipprovdi pariri tekniċi dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE. Il-Kummissjoni tħeġġeġ liż-żewġ mexxejja biex issa jagħmlu l-kompromessi neċessarji biex iwasslu n-negozjati għal konklużjoni tajba u tħeġġeġ lill-atturi kollha involuti biex jiffokaw l-isforzi u l-attenzjoni kollha fuq soluzzjoni komprensiva f'Ċipru. Matul it-taħdidiet dwar Ċipru li jinsabu għaddejjin minn fażi intensiva, huwa essenzjali li l-partijiet kollha kkonċernati jeżerċitaw trażżin u jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jiżguraw klima pożittiva li tiffaċilita l-konklużjoni b'suċċess tal-proċess, u tikkontribwixxi f'termini konkreti għal soluzzjoni komprensiva.

    19. Il-proċess ta' adeżjoni mal-Islanda qed iżid il-momentum u ngħata bidu għal negozjati dwar kapitoli speċifiċi tal-acquis. Il-livell għoli ta' integrazzjoni mal-UE li għandu l-pajjiż f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika huwa ta' vantaġġ konsiderevoli. Il-Kummissjoni tqis l-ispeċifitajiet u l-aspettattivi tal-Islanda, filwaqt li tirrispetta b'mod sħiħ l-approċċ stabbilit rigward in-negozjati tal-adeżjoni u tissalvagwardja l-prinċipji u l-acquis tal-Unjoni, kif ukoll il-qafas tan-negozjati. Il-Kummissjoni se tkompli tforni d-dibattitu pubbliku dwar l-adeżjoni fl-Islanda b'informazzjoni fattwali dwar sħubija fl-UE.

    20. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għadha tissodisfa l-kriterji politiċi. Sar xi progress fir-riformi ewlenin. Madanakollu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata, il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni fil-midja, it-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, u l-ġlieda kontra korruzzjoni jkomplu jippreżentaw sfidi sinifikanti.

    Il-Kummissjoni ttenni r-rakkomandazzjoni tagħha li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-Kummissjoni ttenni wkoll il-proposta tagħha biex jimxu għat-tieni stadju tal-Assoċjazzjoni kif provdut mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, mingħajr aktar dewmien.

    Huwa essenzjali li jinżammu relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluża soluzzjoni negozjata u aċettata miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċju tan-NU. Ma għandhiex tintilef sena oħra.

    21. Il-Montenegro indirizza b'suċċess il-prijoritajiet ewlenin stabbiliti fl-2010 mill-UE bħala prerekwiżit biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni. Il-pajjiż ikkonsolida kunsens nazzjonali dwar l-Integrazzjoni Ewropea. Fid-dawl tal-progress li sar, il-Kummissjoni tqis li l-Montenegro kiseb il-grad meħtieġ ta' konformità mal-kriterji tas-sħubija u b'mod partikolari l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen. Madanakollu, li jinżamm il-momentum tar-riforma, b'enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki fil-qasam tal-istat tad-dritt, jibqa' essenzjali. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi biex fil-każ tal-Montenegro tapplika l-approċċ il-ġdid għal kapitoli tan-negozjati dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġustizzja, libertà u sigurtà msemmija fil-punt 4 hawn fuq.

    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet u filwaqt li tqis il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni mal-Montenegro.

    22. Matul l-aħħar sena, ix-xena politika domestika tal-Albanija kienet dominata l-aktar mill-istaġnar politiku bejn il-maġġoranza fil-gvern u l-oppożizzjoni u aktar żviluppi ta' konfrontazzjoni. Issa huwa urġenti li, filwaqt li jibnu fuq sinjali reċenti inkoraġġanti, il-forzi politiċi fl-Albanija jistabbilixxu mill-ġdid u jsostnu livell ta' djalogu politiku li jippermetti l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi ewlenin, it-titjib tal-qafas elettorali, u l-implimentazzjoni ta' riformi essenzjali. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-atturi ewlenin biex flimkien jistabbilixxu metodi konkreti biex jingħelbu d-differenzi domestiċi sabiex titwettaq il-prospettiva Ewropea tagħha.

    23. Il-Kummissjoni llum ippreżentat l-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tas-Serbja. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill Ewropew għandu jagħti lis-Serbja l-istatus ta' pajjiż kandidat, filwaqt li jieħu kont tal-progress miksub sa issa u fid-dawl tal-fatt li s-Serbja qed tkompli d-djalogu mal-Kosovo u timxi b'mod mgħaġġel biex timplimenta b'rieda tajba l-ftehimiet li laħqet sa issa.

    Is-Serbja tinsab miexja tajjeb biex tissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u l-kundizzjonijiet tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, diment li tkompli l-progress u jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi mal-Kosovo.

    Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu mas-Serbja hekk kif din tikseb aktar progress sinifikanti biex tilħaq din il-prijorità ewlenija li ġejja:

    – Aktar passi biex tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-Kosovo f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni billi: tirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipji tal-koperazzjoni reġjonali inklużiva; tirrispetta b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; issib soluzzjonijiet għat-telekomunikazzjonijiet u l-aċċettazzjoni reċiproka tad-diplomi; tkompli timplimenta b'rieda tajba l-ftehimiet milħuqa; u tikkopera b'mod attiv mal-EULEX sabiex din teżerċità l-funzjonijiet tagħha fil-partijiet kollha tal-Kosovo.

    Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni mis-Serbja tal-prijorità ewlenija ta' hawn fuq hekk kif ikun sar progress suffiċjenti.

    24. L-UE se tkompli tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina għall-promozzjoni tal-koperazzjoni, jinkiseb progress fit-triq lejn l-UE u titjieb il-ħajja tan-nies. Id-djalogu s'issa wera li hu mezz prezzjuż biex jiġu indirizzati d-differenzi bejn iż-żewġ partijiet u wassal għal diversi ftehimiet f'oqsma inkluż il-moviment liberu tal-oġġetti u tal-persuni, ir-reġistru ċivili u l-katast.

    25. F'sena mmarkata minn proċessi elettorali twal fil-Kosovo, il-progress miksub permezz tal-aġenda ta' riforma kien limitat. Il-President u l-gvern urew impenn favur il-prospettiva Ewropea tal-Kosovo. Dan ipproduċa xi riformi inizjali. Għad baqa' sfidi importanti rigward il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, kif ukoll it-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni tipproponi li tvara djalogu strutturat mal-Kosovo dwar l-istat tad-dritt bil-għan li dan jindirizza dawn l-isfidi u jappoġġa r-riforma ġudizzjarja.

    Filwaqt li l-integrazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo tjiebet fin-Nofsinhar, tensjonijiet fit-Tramuntana tal-Kosovo żdiedu. Iċ-ċittadini fit-Tramuntana wkoll jeħtieġ jibbenefikaw mill-prospettiva Ewropea. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li l-Kosovo jniedi aġenda komprensiva għat-Tramuntana.

    Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-isforzi tal-Kosovo biex ikompli jissodisfa l-prospettiva Ewropea tiegħu, l-aktar fir-rigward tal-viżi, ftehim kummerċjali, u l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-UE, b'konformità mal-programm Komunikazzjoni 2009. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tanalizza l-Komunikazzjoni tal-2009 biex tiżgura li l-Kosovo jkun jista' jkompli jibbenefika mill-proċess ta' adeżjoni mal-UE. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-isforzi biex jingħelbu l-ostakoli għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo kkawżati mid-differenzi dwar l-istatus tal-Kosovo.

    26. Fil-Bosnja-Ħerzegovina l-istaġnar politiku u istituzzjonali kompla, u pperpetwa l-ostakoli fil-funzjonament tal-istat u fl-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE. Il-formazzjoni ta' gvern fil-livell ta' Stat hija prijorità urġenti li tiżgura governanza effettiva fil-livell ta' stat. Biex javvanza lejn l-UE l-pajjiż għad irid jemenda l-Kostituzzjoni tiegħu f'konformità ma' sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jelimina d-diskriminazzjoni etnika rigward ir-rappreżentazzjoni f'istituzzjonijiet statali, kif ukoll jadotta Liġi dwar l-Għajnuna mill-Istat. Liġi dwar iċ-Ċensiment għad trid tiġi adottata. L-involviment tal-pajjiż fi Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja taħt il-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni juri t-triq 'il quddiem, permezz tad-djalogu u l-kompromess kif ukoll l-iffukar fuq l-aġenda tal-UE.

    Għadu essenzjali li jsir progress biex jiġu ssodisfati l-għanijiet u l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti biex jingħalaq l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli. Il-ħatra tal-ewwel rappreżentant uniku tal-UE fil-Bosnja-Ħerzegovina ssaħħaħ il-preżenza tal-UE u l-appoġġ tagħha għall-pajjiż fi triqtu minn sorveljanza internazzjonali għall-ġejjieni Ewropew tiegħu, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2011.

    27. Il-politika tat-tkabbir tal-UE ġġenerat trasformazzjonijiet demokratiċi u ekonomiċi profondi fil-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu. Ir-rekord ta' din l-aħħar sena jenfasizza l-valur ta' politika tat-tkabbir li hija kredibbli. Min-naħa l-oħra, fejn m'hemmx biżżejjed jew m'hemmx rieda politika u l-impenn biex jinkisbu riżultati konkreti, il-proċess ta' adeżjoni mhux se jagħmel progress u hemm il-periklu li jieqaf. L-indirizzar ta' riformi diffiċli jġib pajjiżi ta' tkabbir li huma stabbli, ppreparati aħjar, u iktar prosperi eqreb lejn l-UE.

    ANNESS 1

    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet mill-opinjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjonijiet tas-sħubija mis-Serbja

    Fid-dawl ta' riformi sostanzjali matul dawn l-aħħar snin, is-Serbja għamlet progress konsiderevoli biex tissodisfa l-kriterji politiċi relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiiet tal-bniedem u r-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Is-Serbja għandha qafas kostituzzjonali, leġiżlattiv u istituzzjonali komprensiv li b'mod ġenerali jikkorrispondi għall-istandards Ewropej u internazzjonali. Taħt il-leġiżlatura attwali l-parlament sar aktar effettiv fl-attività leġiżlattiva tiegħu. Il-qafas legali u istituzzjonali għall-istat tad-dritt huwa komprensiv, inkluż fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fejn inkisbu riżultati inizjali. Il-qafas legali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi huwa żviluppat tajjeb u beda jiġi implimentat. Is-Serbja laħqet livell totalment sodisfaċenti fil-koperazzjoni tagħha mal-ICTY u ħadet rwol dejjem aktar attiv fil-ħolqien tar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun. Is-Serbja qablet dwar u pparteċipat fi proċess ta' djalogu mal-Kosovo biex tiffaċilita l-ħajja tan-nies li wassal għal diversi ftehimiet (il-moviment liberu tan-nies u l-oġġetti, ir-reġistru ċivili u l-katast) u s-Serbja għamlet l-ewwel passi għall-implimentazzjoni.

    Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, is-Serbja għamlet passi importanti lejn it-twaqqif ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kisbet ċertu grad ta' stabbiltà makroekonomika minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Madankollu, se jkun hemm bżonn ta' aktar sforzi għar-ristrutturar tal-ekonomija u t-titjib tal-ambjent tan-negozju, b'mod partikolari billi jissaħħaħ l-istat tad-dritt u titneħħa l-burokrazija żejda, tittejjeb il-kompetizzjoni u r-rwol tas-settur privat kif ukoll tiġi indirizzata r-riġidità fis-suq tax-xogħol. Sabiex l-ekonomija tkun tista' tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq terminu medju, is-Serbja teħtieġ twettaq riformi strutturali biex taġġorna l-kapaċità produttiva tal-ekonomija u toħloq klima favorevoli għal aktar investiment barrani.

    Is-Serbja bniet rekord pożittiv fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha imposti mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Temporanju.

    Is-Serbja għandha tkun f'qagħda li terfa' l-obbligi tas-sħubija fuq terminu medju, fi kważi l-oqsma kollha tal-acquis, sakemm il-proċess ta' allinjament ikompli u jsiru sforzi ulterjuri biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u l-kontroll finanzjarju. Il-konformità sħiħa mal-acquis fil-qasam tal-ambjent u t-tibdil fil-klima tista' tinkiseb biss fuq medda twila ta' żmien u tkun titlob livelli ogħla ta' investiment.

    Skont stimi preliminari, l-adeżjoni tas-Serbja għandu jkollha impatt ġenerali limitat fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea u mhux se jkollha effett fuq il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm u tapprofondixxi l-iżvilupp tagħha stess.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill għandu jagħti lis-Serbja l-istatus ta' pajjiż kandidat, filwaqt li jieħu kont tal-progress miksub sa issa u fid-dawl tal-fatt li s-Serbja qed tkompli d-djalogu mal-Kosovo u timxi b'mod mgħaġġel biex timplimenta b'rieda tajba l-ftehimiet li laħqet sa issa.

    Is-Serbja tinsab miexja tajjeb biex tissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u l-kundizzjonijiet tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, diment li tkompli l-progress u jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi mal-Kosovo.

    Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu mas-Serbja hekk kif din tikseb aktar progress sinifikanti biex tilħaq din il-prijorità ewlenija li ġejja:

    – Aktar passi biex tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-Kosovo f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni billi: tirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipji tal-koperazzjoni reġjonali inklużiva; tirrispetta b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; issib soluzzjonijiet għat-telekomunikazzjonijiet u l-aċċettazzjoni reċiproka tad-diplomi; tkompli timplimenta b'rieda tajba l-ftehimiet milħuqa; u tikkopera b'mod attiv mal-EULEX sabiex din teżerċità l-funzjonijiet tagħha fil-partijiet kollha tal-Kosovo.

    Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni mis-Serbja tal-prijorità ewlenija ta' hawn fuq hekk kif ikun sar progress suffiċjenti.

    Is-Serbja hi mħeġġa żżomm il-momentum tar-riformi biex tkompli tikseb il-livell neċessarju ta' konformità mal-kriterji ta' sħubija, b'attenzjoni partikolari lejn l-istat tad-dritt, u biex tkompli l-involviment kostruttiv tagħha fil-koperazzjoni reġjonali u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien. L-implimentazzjoni tal-Ftehim Temporanju, u mid-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, huma mistennija li jitkomplew. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja dawn l-isforzi permezz tal-istrument finanzjarju tal-IPA.

    ANNESS 2

    Konklużjonijiet dwar il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo[17], it-Turkija u l-Islanda

    Il-Kroazja

    Wara li l-Kroazja ssodisfat il-punti ta' riferiment tal-għeluq, f'Ġunju 2011 ġew konklużi n-negozjati tal-adeżjoni. Il-Kroazja issa teħtieġ tibni fuq il-grad għoli ta' allinjament li kisbet u tiffoka fuq ix-xogħol li għad baqa' qabel l-adeżjoni. Dan ir-Rapport ta' Progress huwa parti tal-monitoraġġ tal-Kummissjoni tat-twettiq li l-Kroazja kisbet tal-impenji kollha meħuda fin-negozjati għall-adeżjoni u preparazzjonijiet kontinwati tagħha biex mal-adeżjoni tassumi r-responsabbiltajiet tas-sħubija.

    Il-Kroazja qed tkompli tissodisfa l-kriterji politiċi. Sar progress sostanzjali fl-oqsma kollha, inkluż l-istat tad-dritt, u riżultati qed isiru tanġibbli. Għandhom ikomplu l-isforzi jikkonsolidaw dawn ir-riżultati.

    Id-demokrazija u l-istat tad-dritt ġew imsaħħa ulterjorment. Il-gvern kif ukoll il-parlament komplew jiffunzjonaw b'mod effettiv. Fil-qasam tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex jikkonsolidaw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-qafas legali biex jiġi ffinalizzat il-bini ta' servizz pubbliku modern, affidabbli, depolitiċizzat u orjentat lejn iċ-ċittadin.

    Il-Kroazja għamlet progress tajjeb rigward il-ġudikatura. Leġiżlazzjoni ġdida kompliet issaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja u ttieħdu bosta miżuri biex titjieb l-effiċjenza tal-ġudikatura. Ġiet stabbilita sistema ġdida għall-ħatra tal-uffiċjali ġudizzjarji. Għad fadal xi sfidi, speċjalment il-ħtieġa li tkompli tiżdied l-effiċjenza ġudizzjarja, u tiġi żgurata l-implimentazzjoni prattika ta' miżuri ġodda relatati mal-indipendenza, l-imparzjalità u r-responsabbiltà tal-ġudikatura. Sar progress rigward il-ġestjoni imparzjali ta' ġurijiet għal delitti tal-gwerra. L-erba' kmamar speċjalizzati fid-delitti tal-gwerra saru esklussivament kompetenti għall-każijiet ġodda kollha u r-rwol tagħhom għandu jissaħħaħ aktar għall-każijiet pendenti. Il-Ministeru tal-Ġustizzja adotta strateġija biex tiġi indirizzata l-impunità, speċjalment fil-każijiet fejn il-vittmi kienu Serbi etniċi jew l-awturi allegati kienu membri tal-forzi tas-sigurtà Kroati.

    Sar progress sostanzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-isforzi kontra l-korruzzjoni tħaffew b'riżultati pożittivi; sar titjib fil-leġiżlazzjoni u ssaħħew l-awtoritajiet relevanti. Ir-rekord tat-trattament effettiv ta' każi ta' korruzzjoni jeħtieġ jiġi żviluppat aktar, speċjalment fejn tidħol il-korruzzjoni f'livell għoli, korruzzjoni f'livell lokali u inklużi każi marbuta mal-akkwist pubbliku u l-ġudikatura. Tinħtieġ iktar esperjenza fil-prattika rigward l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku preventiv li kien adottat reċentement filwaqt li l-istrutturi implimentattivi iridu jiġu msaħħa aktar.

    Id-drittijiet tal-bniedem għadhom ġeneralment rispettati sew u sar aktar progress fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi. Il-Kroazja kompliet tieħu diversi miżuri biex tqajjem il-kuxjenza pubblika u ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Rigward l-aċċess għall-ġustizzja, l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali kompliet titjieb, speċjalment permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri. Fir-rigward tas-sistema tal-ħabs, ix-xogħol fuq l-espansjoni tal-faċilitajiet ta' detenzjoni eżistenti kompla, iżda l-ħabsijiet fil-Kroazja għadhom iffullati wisq. Rigward it-trattament ħażin, l-Ombudsman baqa' jirċievi ilmenti dwar l-użu eċċessiv ta' forza mill-pulizija li jridu jiġu segwiti b'mod adegwat.

    Il-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, hija prevista fil-liġi Kroata u hija ġeneralment rispettata. Sar iktar progress rigward it-trasparenza tas-sjieda tal-midja, iżda rigward l-investigazzjoni ta' każijiet, mis-snin preċedenti, ta' intimidazzjoni ta' ġurnalisti li jkunu qed jaħdmu fuq każi ta' korruzzjoni u l-kriminalità organizzata il-progress kien limitat. Madankollu, ftit każijiet ġodda ġew rapportati. Il-pressjonijiet ekonomiċi, partikolarment, qed ifixklu l-iżvilupp ta' rappurtar investigattiv. Għad hemm problemi ta' ndħil politiku fil-livell lokali. Il-libertà ta' assemblea teħtieġ attenzjoni kontinwata f'termini tal-immaniġġar tad-dimostrazzjonijiet.

    Sar xi progress rigward id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Madankollu, il-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ma nbidlitx b'mod sinjifikanti u l-persentaġġ ta' nisa qiegħda għadu għoli. Sar progress limitat dwar id-drittijiet tat-tfal. L-Ombudsman għat-Tfal sar aktar attiv f'każijiet fejn il-vjolenza kontra t-tfal ma kinitx qed tiġi indirizzata kif jixraq mill-awtoritajiet rilevanti.

    Kien hemm progress limitat rigward l-inklużjoni ta' gruppi soċjalment vulnerabbli u ta' persuni b'diżabbiltajiet. Il-kapaċità tal-Uffiċċju tal-Ombudsman għal Persuni b'Diżabilità qed tiġi msaħħa. Il-kriterji li bihom jiġu stipulati l-intitolamenti mhumiex applikati b'mod ugwali u l-leġiżlazzjoni li tirregola d-drittijiet speċifiċi hija frammentata. It-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal servizzi ta' kura bbażati fil-komunità mxiet bil-mod. Id-drittijiet tax-xogħol u dawk sindakali huma ġeneralment rispettati.

    Il-Kroazja bdiet tiżviluppa rekord ta' implimentazzjoni tal-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni u tal-leġiżlazzjoni dwar delitti ta' mibegħda. Ittieħdu diversi miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-Uffiċċju tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem qed jiġi msaħħaħ. Il-korpi tal-infurzar tal-liġi inizjaw għadd ta' kawżi taħt il-leġiżlazzjoni tal-kriminalità marbuta mal-mibegħda. Madankollu, ir-rekord jeħtieġ li jkun żviluppat aktar u sentiment soċjetali omofobiku u ksenofobiku jrid jiġi indirizzat.

    Sar xi progress rigward ir-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet kulturali. Komplew isiru dikjarazzjonijiet pubbliċi mil-livelli għoljin ta' impenn favur id-drittijiet tal-minoranzi, li jaffermaw posthom fis-soċjetà Kroata. Ġie assigurat finanzjament għall-organizzazzjonijiet tal-minoranzi. L-investigazzjonijiet tal-pulizija f'inċidenti kontra l-minoranzi tjiebu. Ittieħdu passi biex titjieb l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-impjiegi fl-att kostituzzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u ġie adottat pjan għall-impjieg tal-minoranzi li issa jeħtieġ jiġi implimentat. Madankollu, jeħtieġ li l-Kroazja tkompli tinkoraġġixxi spirtu ta' tolleranza lejn il-minoranzi, partikolarment is-Serbi Kroati. Għad hemm każijiet ta' diskriminazzjoni, partikolarment fil-livell lokali tas-settur pubbliku. Sar titjib fl-edukazzjoni għall-minoranza Rom, partikolarment fl-edukazzjoni ta' qabel l-iskola. Kompla jsir titjib fl-infrastruttura għal xi komunitajiet Rom. Għad hemm problemi bil-parteċipazzjoni tal-komunità Rom fis-sistema edukattiva. Hemm lok għal titjib fejn ir-Rom jagħmlu użu minn miżuri li huma favurihom. Aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, il-ħarsien soċjali u s-servizzi tas-saħħa għadhom problemi għar-Rom u l-qgħad għadu għoli ħafna.

    Sar progress tajjeb rigward kwistjonijiet ta' ritorn tar-refuġjati. Ir-refuġjati komplew jirritornaw lejn il-Kroazja. Sar progress fil-kwistjonijiet rigward l-akkomodazzjoni, partikolarment billi ġiet ipprovduta akkomodazzjoni taħt programmi ta' assistenza għad-djar lil persuni rimpatrijati. Il-volum ta' appelli pendenti kontra applikazzjonijiet miċħuda għar-rikostruzzjoni tad-djar tnaqqas ukoll. Sar progress fir-rikostruzzjoni tal-proprjetajiet l-oħrajn. Tkompliet l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-validazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni. Madankollu, jeħtieġ li l-Kroazja tagħmel progress biex tipprovdi akkomodazzjoni għal madwar 2,500 applikant għal akkomodazzjoni soċjali li għad fadal. Jeħtieġ li jiġu aċċelerati l-isforzi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali meħtieġa għal ritorn sostenibbli tar-refuġjati.

    Rigward il-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali, il-Kroazja qed tkompli tikkopera mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY). It-task force interaġenzjali tal-gvern esplorat toroq ġodda importanti fl-investigazzjonijiet tagħha mmirati li jillokaw jew jiddeterminaw id-destin tad-dokumenti tal-artillerija nieqsa mitluba mill-Uffiċċju tal-prosekutur tal-ICTY. Il-Kroazja, madankollu, ma setgħetx tagħti kont tad-dokumenti militari nieqsa għal kollox. Il-mexxejja politiċi għandhom jevitaw ukoll dikjarazzjonijiet u miżuri li jistgħu jixħtu dubju fuq l-importanza tar-rikonċiljazzjoni u tal-ħtieġa tal-qadi tal-ġustizzja permezz tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra.

    Sar progress sinifikanti rigward il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo. Wara l-laqgħat ta' Ġunju u Settembru 2011, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja, qablu fuq numru ta' kwistjonijiet, inkluż it-test ta' dikjarazzjoni konġunta li għandha tiġi ffirmata fil-konferenza ministerjali ta' Novembru 2011 f'Belgrad.

    F'Lulju, il-gvern Kroat adottata u ttrażmetta lill-parlament għall-adozzjoni dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni tal-valuri Ewropej fl-Ewropa tax-Xlokk li tiddikjara impenn sod mill-Kroazja li kwistjonijiet bilaterali, bħal kwistjonijiet tal-fruntieri, ma għandhomx ixekklu l-adeżjoni ta' pajjiżi kandidati mal-UE mill-bidu tal-proċess ta' adeżjoni sakemm it-Trattat tal-Adeżjoni jidħol fis-seħħ.

    Il-Kroazja kompliet tieħu sehem attiv f'inizjattivi reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Koperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), il-Kunsill tal-Koperazzjoni Reġjonali (RCC), u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Ir-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħra tat-tkabbir u l-Istati Membri ġirien tal-UE qed ikomplu jiżviluppaw, inkluż mas-Serbja, iżda xi kwistjonijiet jeħtieġu attenzjoni, l-aktar rigward il-koperazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra. Ir-relazzjonijiet mas-Slovenja komplew jitjiebu, bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Arbitraġġ dwar il-Fruntiera.

    L-ekonomija tal-Kroazja kienet għadha f'riċessjoni fl-2010 u l-ewwel kwart tal-2011 minkejja l-irkupru fl-ekonomiji tal-UE u msieħba kummerċjali oħra. Hemm, madankollu, sinjali ta' żieda fl-attività ekonomika mir-rebbiegħa 'l hawn. Il-qgħad, id-defiċit u d-dejn pubbliku komplew jiżdiedu. Id-dejn barrani għoli għadu l-vulnerabbiltà ewlenin tal-ekonomija.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Kroazja hija ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Il-Kroazja għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni, diment li hija timplimenta l-programm tagħha ta' riforma komprensiva b'determinazzjoni sabiex tnaqqas id-dgħufijiet strutturali.

    Il-kunsens politiku wiesa' dwar il-fatturi fundamentali ta' ekonomija tas-suq inżamm. Minħabba r-restrizzjonijiet eżistenti, il-politika makroekonomika, kollox ma' kollox, kienet tajba biżżejjed biex tindirizza l-isfidi tar-reċessjoni. Il-bank ċentrali rnexxielu jħares ir-rata tal-kambju u l-istabbiltà finanzjarja filwaqt li żamm politika monetarja akkomodanti hekk kif il-pressjonijiet sottostanti tal-inflazzjoni baqgħu baxxi. Is-settur bankarju baqa' reżiljenti għax-xokkijiet. Fil-qasam fiskali, l-awtoritajiet għamlu sforzi biex jikkontrollaw id-defiċit dejjem jogħla billi rażżnu l-infiq. L-qafas baġitarju għall-ksib tas-sostenibbiltà fiskali għall-perijodu medju ġie mtejjeb. Id-defiċit tal-kont kurrenti kompla jonqos hekk kif kibret l-esportazzjoni filwaqt li t-tnaqqis fid-domanda domestika żamm l-importazzjoni baxxa. Inkiseb xi progress, għalkemm limitat, fir-riformi strutturali fil-qafas tal-Programm ta' Rkupru Ekonomiku.

    Madankollu, f'termini ġenerali ir-ritmu tar-riformi strutturali baqa' bil-mod, mhux l-anqas rigward il-privatizzazzjoni u r-ristrutturar ta' impriżi li kienu qed jagħmlu telf. L-ambjent tal-investiment baqa' jbati minn piżijiet regolatorji kbar, mill-imprevedibbiltà ta' deċiżjonijiet amministrattivi partikolarment fil-livell lokali u minn diversi tariffi mhux mit-taxxi. Riformi ppjanati tas-suq tax-xogħol li huwa riġidu ħafna kienu limitati ħafna u r-rati baxxi ta' impjieg u parteċipazzjoni li kienu diġà baxxi komplew jiddeterjoraw. It-trasferimenti soċjali, li jirrappreżentaw sehem relattivament għoli tal-baġits pubbliċi, baqgħu mhux immirati tajjeb. Il-proċess baġitarju jista' jitjieb aktar meta wieħed jikkunsidra l-bżonn li tinkiseb sostenibbiltà fiskali fil-perijodu medju. It-titjib fl-effiċjenza tal-infiq pubbliku għadu sfida ewlenija.

    Rigward il-ħila tal-Kroazja li tassumi l-obbligi tas-sħubija, it-tħejjijiet biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-UE komplew jagħmlu progress tajjeb, u hemm grad għoli ta' allinjament mar-regoli tal-UE f'bosta mis-setturi. Fil-maġġoranza tal-oqsma kien hemm aktar progress, inkluż f'dawk il-kapitoli fejn il-livell ta' allinjament huwa diġà għoli. Jinħtieġu sforzi addizzjonali f'ċerti oqsma biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni adegwata tal-acquis. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mxiet mingħajr skossi.

    Sar progress tajjeb fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija. Il-koverġenza mal-acquis f'dan il-kapitolu tinsab fi stadju avanzat ħafna. Madanakollu, hemm bżonn ta' iktar sforzi, partikolarment fuq il-bqija reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni orizzontali u fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-Approċċ il-Ġdid u l-Qadim sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali issir konformi għal kollox mal-acquis.

    Kompla jsir progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u t-tħejjijiet għall-applikazzżjoni tal-acquis jinsabu fit-triq it-tajba. Għandha tingħata attenzjoni kontinwata għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva rigward il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

    Sar aktar progress fil-qasam tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fejn, in ġenerali, l-allinjament mal-acquis huwa sodisfaċenti. Hemm ħtieġa ta' xogħol kontinwat fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi sabiex jinkiseb allinjament komplet kif ukoll tkompli tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tar-regolatur tas-servizzi postali.

    Kompla jsir progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital rigward l-acquis dwar is-servizzi tal-ħlas, l-liberalizzazzjoni tal-movimenti kapitali u kontra l-ħasil tal-flus. L-allinjament leġiżlattiv jinsab kważi lest.

    Kompla l-progress fil-qasam tal-akkwist pubbliku. L-allinjament mal-acquis jinsab fuq it-triq it-tajba u dalwaqt jitlesta. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tallinja l-leġiżlazzjoni sekondarja mal-liġi l-ġdida tal-akkwist pubbliku, u biex jissaħħu l-istituzzjonijiet f'dan is-settur permezz ta' taħriġ u żvilupp professjonali kontinwu tal-persunal tagħhom.

    Jista' jiġi rrapporat progress fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. L-allinjament mal-acquis jinsab fit-triq it-tajba. Inkiseb aktar progress fil-qasam tal-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-allinjament mal-acquis laħaq livell għoli ħafna. Hemm bżonn li l-għarfien pubbliku dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġi msaħħaħ aktar.

    Inkiseb progress sostanzjali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, partikolarment bl-approvazzjoni ta' pjanijiet għar-ristrutturar tat-tarzni. Madankollu, l-ebda wieħed mill-kuntratti ta' privatizzazzjoni ma ġie ffirmat. Inkiseb livell għoli ta' konverġenza leġiżlattiva. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tkompli tiżviluppa r-rekord tal-infurzar tal-Aġenzija Kroata għall-Kompetizzjoni kontra l-kartelli wara li daħal fis-seħħ l-Att tal-Kompetizzjoni l-ġdid.

    Sar progress tajjeb fis-servizzi finanzjarji, kemm rigward l-allinjament leġiżlattiv kif ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva. L-allinjament jinsab f'livell għoli.

    Il-Kroazja għamlet progress tajjeb rigward is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja u kisbet livell għoli ta' allinjament mal-acquis. Huma meħtieġa aktar sforzi favur is-sostenn tal-liberalizzazzjoni tas-segmenti kollha tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex titmexxa 'l quddiem l-indipendenza tax-xandar tas-servizz pubbliku.

    Jista' jiġi rrappurtat progress tajjeb fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, b'mod partikolari dwar it-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' aġenzija tal-ħlas u sistema integrata tal-amminstrazzjoni u l-kontroll u fuq l-organizzazzjoni tas-suq komuni. Globalment, it-tħejjijiet jinsabu fit-triq it-tajba. Il-Kroazja teħtieġ tkompli bi sforzi konsiderevoli f'dawn l-oqsma kollha sabiex ikollha stabbiliti sistemi kompletament operazzjonali u konformi. Sforzi kontinwi huma wkoll meħtieġa rigward l-allinjament tas-sistema ta' appoġġ agrikolu mal-acquis. Jeħtieġ li l-Kroazja żżid il-kapaċità ta' assorbiment tagħha tal-fondi tal-iżvilupp rurali mingħajr dewmien.

    Jista' jiġi rrapurtat progress tajjeb fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, partikolarment dwar it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni. It-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni qed toqrob lejn tmiemha f'diversi setturi. Il-Kroazja teħtieġ tkompli bl-isforzi tagħha fuq it-titjib u l-monitoraġġ tal-istituzzjouinjiet, it-twaqqif ta' punti ta' spezzjoni fuq il-fruntiera, il-monitoraġġ is-settur tal-prodotti sekondarji mill-annimali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u ta' kontroll tagħha.

    Il-Kroazja kompliet tagħmel progress tajjeb fl-allinjament mal-acquis fil-qasam tas-sajd. It-tħejjijiet ġenerali huma avanzati sew. Il-Kroazja teħtieġ tkompli l-isforzi tagħha fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, partikolarment rigward l-ġestjoni tal-flotta, l-ispezzjoni u l-kontroll u l-politika strutturali.

    Inkiseb aktar progress u l-livell ta' allinjament fil-qasam tal-politika tat-trasport huwa tajjeb. Huma meħtieġa aktar sforzi, partikolarment biex ikompli x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-Ftehim dwar iż-Żona Komuni Ewropea għall-Avjazzjoni, biex jitlesta l-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni u biex jiġi żgurat it-tħaddim sħiħ tal-awtorità dwar is-sikurezza ferrovjarja u tas-sistema tal-informazzjoni dwar il-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti.

    Sar xi progress fil-qasam tal-enerġija, fejn il-livell ta' allinjament huwa għoli. Huma meħtieġa aktar sforzi, l-aktar dwar il-ftuħ tas-swieq tal-elettriku u tal-gass u biex jintlaħqu l-miri tal-UE għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fl-enerġija. Hemm bżonn li proċeduri amministrattivi relatati ma' proġetti tal-enerġija rinnovabbli jkunu ssimplifikati u l-kapaċità amministrattiva msaħħa.

    Sar xi progress fil-qasam tat-tassazzjoni. Il-livell ta' allinjament leġiżlattiv tal-Kroazja huwa għoli ħafna, iżda huma meħtieġa aktar sforzi, l-aktar fil-qasam tal-VAT u d-dazji tas-sisa. Il-Kroazja għandha tkompli taħdem fuq it-tħejjijiet għall-interkonnettività tal-IT.

    Sar xi progress fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja u l-allinjament mal-acquis f'dan il-qasam issa huwa lest. Sforzi kontinwati biex titjieb il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkunu ta' ġid.

    Sar progress tajjeb fil-qasam tal-istatistika. Inkiseb livell tajjeb ta' konveġenza. Jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex l-istatisika Kroata tiġi allinjata għal kollox mar-rekwiżiti tal-UE.

    Sar xi progress fil-qasam tal-politika soċjali u l-impjiegi. Hemm livell tajjeb ta' allinjament mal-acquis. Madankollu, għad fadal xi lakuni fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni, l-aktar fuq it-trasponiment tad-direttivi dwar il-liġi tax-xogħol barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol, u fl-oqsma tal-anti-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Għandha tingħata l-attenzjoni dovuta sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-funzjonament tad-djalogu soċjali u l-bini tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali. Il-kapaċità amministrattiva teħtieġ tisħiħ kontinwu fl-oqsma kollha.

    Il-Kroazja għamlet xi progress fil-qasam tal-politika imprenditorjali u industrijali. Il-koverġenza mal-acquis f'dan il-kapitolu tinsab fi stadju avanzat ħafna. Sforzi sostnuti ulterjuri jeħtieġ jiffokaw fuq it-titjib tal-ambjent tan-negozju, billi jitnaqqas il-piż amministrattiv, u fuq l-innovazzjoni u l-ħiliet. L-allinjament tad-definizzjoni tal-SMEs mal-acquis jeħtieġ titlesta. Sforzi għall-istrutturar mill-ġdid tal-industrija tal-bini tal-vapuri jeħtieġ ikomplu jiġu segwiti.

    Il-Kroazja għamlet iżjed progress fil-qasam tan-netwerks Transewropej, fejn l-allinjament mal-acquis tlesta.

    Sar progress tajjeb fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali. Il-Kroazja qiegħda fi stadju avanzat rigward it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fl-oqsma kollha. Aktar sforzi sostenibbli jeħtieġ li jiffukaw fuq iż-żieda tal-kapaċità amministrattiva tal-Kroazja għall-implimentazzjoni futura tal-politika ta' koeżjoni u biex tiġi żviluppata sensiela ta' proġetti maturi.

    Il-Kroazja għamlet progress sostanzjali rigward il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali. Ir-riforma tal-ġudikatura kompliet bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida u li kompliet issaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja u tnaqqis tal-każi pendenti. Ir-riforma ġudizzjarja teħtieġ attenzjoni kostanti, speċjalment fejn tidħol l-effiċjenza ġudizzjarja u l-implimentazzjoni prattika ta' miżuri ġodda li jirrigwardaw l-indipendenza, l-imparzjalità u r-responsabbiltà tal-ġudikatura. Il-Kroazja kompliet ittejjeb l-immaniġġjar ta' każi domestiċi ta' delitti tal-gwerra. Il-kwistjoni tal-impunità jeħtieġ li tiġi indirizzata bir-reqqa. L-isforzi kontra l-korruzzjoni ġew aċċellerati b'riżultati pożittivi, partikolarment permezz ta' leġiżlazzjoni mtejba u t-tisħiħ tal-awtoritajiet rilevanti. Ir-rekord tat-trattament effettiv ta' każi ta' korruzzjoni jeħtieġ jiġi żviluppat aktar, speċjalment fejn tidħol il-korruzzjoni f'livell għoli, korruzzjoni f'livell lokali, u inklużi każi marbuta mal-akkwist pubbliku u l-ġudikatura. Hija meħtieġa aktar esperjenza prattika fl-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku preventiv adottat reċentement. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġiet imsaħħa, iżda teħtieġ aktar titjib fil-prattika, speċjalment fil-konfront tal-minoranzi u r-refuġjati.

    Jista' jiġi rrappurtat progress tajjeb fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, fejn il-livell globali tal-allinjament mal-acquis huwa avvanzat. Il-qafas legali dwar l-ażil, ġie msaħħaħ. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni biex titjieb l-integrazzjoni ta' persuni mogħtija protezzjoni fil-Kroazja, kif ukoll il-protezzjoni ta' migranti minorenni irregolari. L-allinjament mal-acquis tal-UE dwar il-viżi jeħtieġ li titkompla. Sar progress rigward il-fruntieri esterni. It-tisħiħ tal-Pulizija tal-Fruntieri kompla fir-rigward tal-persunal u t-tagħmir. Il-Kroazja teħtieġ tiffoka fuq l-implimentazzjoni f'waqtha tal-Pjan ta' Azzjoni Integrat għall-Ġestjoni tal-Fruntieri. Sar progress fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali. Jista' jiġi rrappurtat ukoll progress tajjeb fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u kontra d-drogi.

    Kompla l-progress fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka, il-livell ta' allinjament huwa għoli, iżda għadhom meħtieġa sforzi fir-rigward tal-livell ta' investiment fir-riċerka u f'riċerkaturi ta' kwalità u d-drittijiet tagħhom. Għandhom jiġu kkunsidrati tħejjijiet għal Unjoni ta' Innovazzjoni.

    Sar progress tajjeb fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-kultura. Hemm livell tajjeb ta' allinjament mal-acquis. Il-Kroazja ilha tipparteċipa fil-programmi ta' Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni sa minn Jannar 2011. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti jeħtieġu attenzjoni kontinwa.

    Sar progress fil-qasam tal-ambjent. Globalment, it-tħejjijiet tal-Kroazja waslu biex jistlestew kemm rigward L-allinjament kif ukoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kwalità tal-ilma u s-sustanzi kimiċi. L-implimentazzjoni tal-acquis orizzontali, u partikolarment il-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, jeħtieġ li jiġu mtejba. Għadhom meħtieġa sforzi sinifikanti biex tkompli tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, speċjalment fir-rigward tal-ħarsien tan-natura u t-tibdil fil-klima. Rigward it-tibdil fil-klima, għad hemm bżonn ta' aktar sforzi sinifikanti biex jitlesta l-allinjament leġiżlattiv u sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-avjazzjoni, l-allokazzjoni ħielsa, ir-registri u l-irkant.

    Sar xi progress fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa. L-allinjament mal-acquis u preparazzjonijiet fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur huma avanzati sew. Huma meħtieġa sforzi kostanti biex jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti fil-qasam tas-saħħa pubblika.

    Il-Kroazja kompliet tagħmel progress tajjeb fil-qasam tal-unjoni doganali. L-allinjament leġiżlattiv f'dan il-qasam hija għolja ħafna u nkisbet aktar konverġenza matul il-perjodu. Il-Kroazja kompliet issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u operattiva tagħha billi aġġornat it-tagħmir għall-kontrolli fiżiċi u tejbet il-kapaċità tagħha tal-analiżi tar-risjku. It-tħejjijiet fil-qasam tal-interkonnettività tal-IT jinsabu wkoll fi stadju avanzat u għandhom jipproċedi. Sforzi huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-oqsma tal-kontrolli interni u l-ġestjoni tar-riskju u wara l-approvazzjoni.

    Il-Kroazja kompliet tagħmel progress fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, fejn laħqet livell avanzat ta' allinjament u qed tkompli tikkoordina u tallinja l-pożizzjonijiet tagħha ma' dawk tal-UE f'organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, il-Kroazja għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex iġġib il-ftehimiet internazzjonali tagħha konformi mal-acquis tal-UE u tkompli ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-oqsma tal-politika tal-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

    Il-Kroazja kompliet tagħmel progress fil-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża. Kompliet tipparteċipa f'diversi missjonijiet PSDK tal-UE. F'dan il-qasam il-Kroazja laħqet livell għoli ta' allinjament. Il-Kroazja teħtieġ tkompli ssaħħaħ l-infurzar tal-kontroll tal-armi, inkluż it-trasparenza ta' informazzjoni relatata mal-armi.

    Il-Kroazja għamlet iżjed progress fil-qasam tal-kontroll finanzjarju, fejn laħqet livell avanzat ta' allinjament. Hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex fil-Kroazja jitjieb il-kontroll finanzjarju intern pubbliku ġenerali u l-verifika esterna fil-livelli ċentrali u lokali.

    Jista' jiġi rrappurtat progress tajjeb fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. L-infrastruttura amministrattiva u l-proċeduri għall-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji mal-adeżjoni huma ġeneralment f'posthom.

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed tkompli tissodisfa l-kriterji politiċi. Il-pajjiż kompla bir-riformi marbuta mal-adeżjoni, għalkemm għad hemm sfidi importanti. L-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju kienu ġeneralment konformi ma' standards internazzjonali. Il-koalizzjoni l-ġdida fil-gvern ġiet ifformata malajr. Sar xi progress fl-oqsma tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika, l-aktar rigward il-qafas legali. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva, b'mod partikolari dwar il-libertà tal-espressjoni u l-media, ir-riforma ġudizzjarja u amministrattiva u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Id-djalogu bejn il-gvern u l-oppożizzjoni jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-istituzzjonijiet.

    Il-Qafas tal-Ftehim Ohrid (OFA), li laħaq l-għaxar anniversarju tiegħu, jibqa' element essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż. Kien hemm xi progress fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-lingwi, dwar id-diċentralizzazzjoni u r-rappreżentanza ekwa. Huwa meħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex jindirizzaw l-isfidi attwali bħall-edukazzjoni u sabiex jiġu żgurati relazzjonijiet armonjużi bejn il-komunitajiet kollha.

    Kien hemm titjib fit-tmexxija tal-elezzjonijiet li kienu kompetittivi u ġestiti tajjeb madwar il-pajjiż. L-gvern jeħtieġ jindirizza l-lakuni u jimplimenta bis-sħiħ il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali OSCE/ODIHR. Ir-riżorsi tal-parlament jeħtieġ jiżdiedu biex ikun jista' jwettaq ir-rwol tiegħu. Il-bojkott mill-oppożizzjoni xekkel il-funzjonament tal-parlament minn Jannar sal-elezzjonijiet. Wara l-elezzjonijiet l-oppożizzjoni issa hija preżenti fil-parlament il-ġdid. Sar xi progress rigward ir-riforma tal-parlament. L-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-lingwi u r-regoli tal-proċedura mxiet 'il quddiem. Id-djalogu politiku jeħtieġ jissaħħaħ iktar.

    Il-gvern ta' koalizzjoni għeleb id-diffikultajiet u saħħaħ il-koperazzjoni interna tiegħu. Il-gvern il-ġdid ta spinta ġdida lill-proċess ta' riforma tal-UE. Rigward il-gvern lokali, il-qafas finanzjarju dwar it-twassil ta' servizz lokali jeħtieġ ikun aktar trasparenti u ekwu.

    Kien hemm progress rigward il-qafas għall-amministrazzjoni pubblika bil-ħolqien ta' Ministeru responsabbli għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Is-servizzi e-Gvern avvanzaw biex b'hekk tjiebu s-servizzi għaċ-ċittadini. Madankollu, sar progress limitat fl-implimentazzjoni globali tar-riformi. Huma meħtieġa aktar sforzi sinfikanti, speċjalment rigward il-politika ta' reklutaġġ u r-rispett għall-prinċipji ta' trasparenza, il-professjonaliżmu u l-indipendenza tas-servizz ċivili. L-emendi għal-Liġi dwar proċeduri amministrattivi ġenerali ma jiżgurawx il-forniment effettiv ta' servizzi amministrattivi u l-protezzjoni taċ-ċittadini.

    Pakkett legali wiesa' ġie adottat biex isaħħaħ l-effiċjenza tal-ġudikatura, li partijiet minnu se jidħlu fis-seħħ bejn l-2012 u l-2015. Twaqqfet Qorti Għolja Amministrattiva, li timla lakuna fis-sistema ġudizzjarja. Id-drittijiet tal-vot tal-Ministru tal-Ġustizzja fil-Kunsill Ġudizzjarju ġew aboliti sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura. Iktar passi huma meħtieġa biex titjieb l-indipendenza u l-professjonaliżmu fil-prattika, partikolarment permezz tal-prattiki tar-reklutaġġ. L-implimentazzjoni tar-riformi preċedenti teħtieġ tissaħħaħ.

    Saru emendi ulterjuri fil-qafas legali tal-politika kontra l-korruzzjoni Ir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO ġew indirizzati u ingħata bidu għall-verifika sistematika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. Rekord tajjeb rigward it-trattament tal-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli għad irid jiġi stabbilit u l-verifika tad-dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitt ta' interess trid tiġi sistematizzata. It-trasparenza tan-nefqa pubblika u tal-finanzjament tal-partiti politiċi għadha insuffiċjenti. Il-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u għadha problema serja.

    Il-qafas legali u istituzzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi jinsab ġeneralment fis-seħħ. Id-drittijiet ċivili u politiċi huma b'mod ġenerali rispettati u sar aktar progress fuq skala limitata. Ċerti ħabsijiet ġew restawrati iżda l-pajjiż għad irid jiżviluppa strateġija nazzjonali effettiva għas-sistema tal-ħabsijiet. Għad hemm nuqqasijiet rigward il-ġlieda kontra l-impunità fi ħdan l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Ġie lanċjat djalogu dwar it-tħassib serju dwar in-nuqqas ta' libertà tal-espressjoni fil-midja. L-edituri u l-ġurnalisti rrappurtaw żieda fil-pressjoni u l-intimidazzjoni politika. L-għeluq ta' kanal televiżiv u ta' tliet gazzetti li jikkritikaw il-gvern, fuq akkużi ta' evażjoni tat-taxxa, qajjem tħassib dwar il-proporzjonalità u selettività tal-proċedura, li tnaqqas id-diversità fix-xena tal-midja. F'dan il-kuntest, il-ġurnalisti u l-politiki editorjali huma faċilment influwenzati, u dan jirriżulta f'awtoċensura mifruxa. Ix-xandâr pubbliku qed jonqos milli jaqdi rwol statutorju tiegħu.

    Id-drittijiet ekonomiċi u soċjali huma ftit jew wisq fis-seħħ, u sar ukoll ftit iktar progress. Ġew applikati kriterji ġodda għall-parteċipazzjoni rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Prevenzjoni tad-Delinkwenza tal-Minorenni u l-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni bdew joperaw. Għadu ma sarx allinjament sħiħ tal-Liġi kontra d-diskriminazzjoni mal-acquis, partikolarment rigward id-diskriminazzjoni fuq bażi ta' orjentament sesswali. Il-kapaċità tal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni teħtieġ tissaħħaħ.

    Inkiseb xi progress fil-qasam tad-drittijiet kulturali u tal-minoranzi. L-għaxar anniversarju tal-Ftehim tal-Qafas Ohrid ipprovda opportunità tajba għal djalogu msaħħaħ bejn il-komunitajiet fil-pajjiż. Il-President tar-Repubblika u l-Prim Ministru it-tnejn ipparteċipaw fl-avvenimenti biex jimmarkaw din il-ġrajja importanti. Fil-parlament, l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-lingwi mxiet 'il quddiem. Ir-rappreżentazzjoni tal-komunità etnika Albaniża fis-servizz ċivili hija skont il-proporzjon tagħha tal-popolazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-komunità Torka u dik Rom żdiedet. L-integrazzjoni tar-Rom fis-sistema edukattiva tjiebet, b'żieda fir-reġistrazzjonijiet għall-edukazzjoni sekondarja u universitarja. Huwa meħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex titrawwem il-fiduċja, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura u l-lingwi. Ir-Roma għadhom jiffaċjaw kundizzjonijiet tal-għajxien diffiċli ħafna u diskriminazzjoni.

    Rigward il-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali, il-pajjiż żamm kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (l-ICTY). F'Lulju, il-Parlament Ewropew adotta Liġi dwar l-Interpretazzjoni Awtentika tal-Amnestija li ddikjarat li l-amnestija għandha tkopri s-suspettati tal-każijiet kollha li mhux se jkunu pproċessati mill-ICTY. Rigward il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali mal-Istati Uniti dwar l-immunità ma huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u mal-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jikkonverġi l-pożizzjoni tiegħu ma' dik tal-UE.

    Il-pajjiż kompla jieħu sehem attiv f'inizjattivi reġjonali ta' koperazzjoni, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC), u fiż-Żona ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA).

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hija sieħeb attiv fir-reġjun u kompliet tiżviluppa relazzjonijiet ma' pajjiżi ġirien u ma' pajjiżi oħrajn tat-tkabbir. Ir-relazzjonijiet mal-Greċja komplew jiġu milquta ħażin minħabba l-kwistjoni mhux riżolta dwar l-isem. Il-pajjiż għadu involut f'taħdidiet taħt l-awspiċju tan-NU anke permezz ta' laqgħat diretti tal-prim ministri, sabiex jirriżolviha. Azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajbin tal-viċinat għandhom ikunu evitati. Huwa essenzjali li jinżammu relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluża soluzzjoni negozjata u aċettata miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċju tan-NU.

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tejbet il-kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi tas-sħubija. Għamlet xi progress fit-twettiq tal-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni. Madankollu, il-pajjiż għadu jiffaċċja nuqqasijiet importanti fl-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni. Riżorsi umani u finanzjarji xierqa għall-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis huma neqsin.

    L-ekonomija ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bdiet tirkupra fit-tieni nofs tal-2010, billi bbenefikat minn domanda esterna u minn żieda fl-investiment, b'mod partikolari fil-kostruzzjoni. Tard fl-2010, il-gvern qabel mal-FMI fuq linja ta' kreditu ta' prekawzjoni. Din għandha ssaħħaħ il-fiduċja fis-swieq internazzjonali. Ir-riformi strutturali komplew. Madankollu, il-qgħad strutturali għoli, partikolarment fost iż-żgħażagħ u fost il-persuni bi ftit edukazzjoni għadu jikkawża tħassib. Il-kapaċitajiet istituzzjonali tal-amministrazzjoni pubblika u tal-aġenziji regolatorji u ta' sorveljanza għadhom inadegwati.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed tkompli tkun avanzata sew. F'xi oqsma, hija għamlet aktar progress lejn li ssir ekonomija tas-suq funzjonanti, l-aktar billi ffaċilitat ir-reġistrazzjoni tal-kumpaniji, aċċellerat il-proċeduri tal-ġudikatura, tejbet il-funzjonament tas-swieq finanzjarji, u kompliet tissimplifika l-qafas regolatorju u ttejjeb il-komunikazzjoni mal-komunità tan-negozju. Il-pajjiż għandu jkun kapaċi jlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fil-perijodu medju, diment li jkompli jimplimenta b'mod vigoruż il-programm tiegħu ta' riforma sabiex inaqqas id-dgħufijiet strutturali.

    Il-pajjiż żamm kunsens wiesa' dwar l-elementi essenzjali tal-politiki ekonomiċi. Id-djalogu ekonomiku mal-komunità tan-negozju tjieb. Il-pożizzjoni dwar il-politika monetarja, ibbażata fuq id-de facto rabta mal-ewro, sostniet it-tkabbir u kkontribwiet għall-istabbiltà makroekonomika. Il-politika fiskali żammet l-orjentazzjoni tagħha ta' stabbilità. Inkiseb aktar progress fl-iffaċilitar tad-dħul fis-suq u fis-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju. It-tul tal-proċeduri tal-falliment ġie mnaqqas iżjed u r-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli huwa prattikament lest. Is-settur finanzjarju beda jirkupra mill-kriżi finanzjarja dinjija. Il-kompetizzjoni f'dan is-settur tjiebet ftit, kif ukoll il-livell tal-intermedjazzjoni finanzjarja.

    Nuqqasijiet fl-istat tad-dritt għadhom ifixklu l-iffunzjonar tajjeb tal-ekonomija tas-suq. L-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika għadha baxxa, li jirrifletti proċeduri kkumplikati, dgħufijiet fil-persunal u ċaqliq qawwi tal-uffiċjali. Xi aġenziji regolatorji u superviżorji għad jonqoshom l-indipendenza u l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv. L-infurzar tal-kuntratti għadu diffiċli, u dan ifixkel l-ambjent tan-negozju, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju. L-kwalità tal-edukazzjoni u l-kapital uman hija baxxa. Il-kapital fiżiku jeħtieġ aktar modernizzazzjoni u tisħiħ. Il-kwalità tal-governanza fiskali baqgħet baxxa, parzjalment minħabba li fl-infiq pubbliku kien orjentat ħafna lejn perijodu qasir. Bħala riżultat, il-progress fit-tnaqqis tal-qgħad strutturali li huwa għoli ħafna għadu limitat ħafna. Id-dejn tas-settur pubbliku żdied, li jirrifletti żbilanċi fiskali kontinwati u self estern akbar. Is-settur informali għadu sfida kbira.

    Sar xi progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija. Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-istrateġija komprensiva dwar istituzzjonijiet orizzontali żdied madankollu l-leġiżlazzjoni qafas għadha mhix allineata għall-kollox mal-acquis orizzontali. Kien hemm ftit progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-allinjament mal-acquis għadha fi stadju bikri. Fil-qasam tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi il-pajjiż jinsab miexi tajjeb, partikolarment fil-qasam tas-servizzi postali. Il-livell ta' koordinazzjoni bejn id-diversi entitajiet responsabbli għall-awtorizzazzjoni ta' servizzi transkonfinali tjieb ukoll. Dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, il-pajjiż għadu fi stadju bikri. Il-progress fil-moviment liberu tal-kapital kien iffukat fuq l-infurzar fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Hemm restrizzjonijiet fuq investimenti tal-portafoll ta' perijodu qasir u fuq ħlas transkonfinali, sakemm isir progress għat-tieni fażi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Sar progress fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Proċeduri ta' akkwisti huma aktar trasparenti u infurzar ġie intensifikat. Il-leġiżlazzjoni dwar il-konċessjonijiet u l-Partenarjati Pubbliċi-Privati għadha ma ġietx allinjata mal-acquis. Il-kapaċità amministrattiva fil-qasam tar-rimedji u l-konċessjonijiet, kif ukoll fil-livell tal-awtoritajiet kontraenti, għadha dgħajfa.

    Sar progress tajjeb fil-qasam tal-liġi tal-Kumpaniji, speċjalment fuq allinjament leġiżlattiv ulterjuri mal-acquis. Il-qafas legali fil-qasam tal-verifika għadu allinjat biss parzjalment. Sar xi progress fit-titjib tal-qafas legali tal-proprjetà intellettwali. Ir-rekord tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-trattament ġudizzjarju tal-piraterija u l-iffalsifikar mhijiex sodisfaċenti u l-livell ta' għarfien fost il-pubbliku rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għadu baxx.

    Sar xi progress fil-qasam tal-kompetizzjoni. Ir-rekord tal-infurzar tjieb fuq livell kwantitattiv fil-qasam tal-amalgamazzjonijiet u tal-għajnuna mill-Istat, iżda għadha dgħajfa fil-qasam tal-kartelli. Il-kwalità tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għad trid tkompli titjieb. Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Kompetizzjoni ma għandhiex biżżejjed riżorsi baġitarji u persunal fil-qasam tal-antitrust u l-amalgamazzjonijiet.

    Generalment sar progress tajjeb fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Superviżjoni bbażata fuq ir-riskju qed tiġi applikata ftit ftit. Ġiet introdotta leġiżlazzjoni ġdida li tirregola s-servizzi finanzjarji bħall-kiri u kumpaniji finanzjarji mhux bankarji.

    Sar progress fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja. L-allinjament mal-acquis tal-UE qed tavvanza tajjeb u ġew introdotti l-biċċa l-kbira tas-salvagwardji kompetittivi ewlenin. Il-kapaċità tal-Kunsill tax-Xandir biex jissorvelja s-suq b'mod effettiv għadha mhix adegwata.

    Inkiseb aktar progress fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Politiki ewlenin ta' appoġġ għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ftit ftit qed jiġu allinjati mar-rekwiżiti tal-UE. L-allinjament mal-acquis jeħtieġ sforzi kostanti kontinwi. Il-kapaċità amministrattiva għadha tqajjem tħassib fis-settur kollu. Kien hemm progress tajjeb fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, partikolarment rigward l-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv ġdid. Il-kapaċità amministrattiva tal-Aġenzija Alimentari u Veterinarja madankollu għadha insuffiċjenti biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis.

    Fil-qasam tal-politika tat-trasport, ġie nnotat progress partikolarment rigward l-użu tat-takografi. Sfidi pendenti huma relatati b'mod partikolari man-nuqqas fil-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet regolatorji u tas-sikurezza fit-trasport. Jeħtieġ li jiġu introdotti l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni tas-sikurezza.

    Sar progress tajjeb fis-settur tal-enerġija, b'mod partikolari d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni qafas il-ġdida u r-riżoluzzjoni tat-tilwima fit-tul mal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni, li huwa investitur ewlieni tal-UE. Għad irid jiġi stabbilit suq tal-elettriku li jiffunzjona sew, u jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni. L-indipendenza finanzjarja tar-regolatur tal-protezzjoni mir-radjazzjoni għad mhijiex assigurata.

    Jista' jiġi rrapportat progress limitat fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-tassazzjoni mal-acquis. Il-kapaċità operazzjonali għall-amministrazzjoni tat-taxxi kompliet titjieb. Mezzi effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali għad iridu jiġu introdotti u kodiċi ta' kondotta għat-tassazzjoni kummerċjali għadha mhix fis-seħħ.

    Kien hemm progress sinifikanti fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, speċjalment fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti rigward il-bank ċentrali. Il-kwalità tal-programm ekonomiku qabel l-adeżjoni tjiebet. Sar progress tajjeb f'diversi oqsma tal-istatistika, u għad iridu jsiru sforzi sostanzjali biex titjieb, b'mod partikolari, l-istatistika ekonomika.

    Ġie nnotat progress limitat fl-allinjament mal-acquis dwar il-politika soċjali u l-impjiegi. L-implimentazzjoni tal-liġi qafas dwar l-anti-diskriminazzjoni bdiet. Għad irid jinkiseb allinjament sħiħ mal-acquis. Ir-rata għolja ta' qgħad u l-parteċipazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol għadhom preokkupanti. L-inklużjoni tar-Rom, tal-persuni b'diżabilità u persuni oħrajn esklużi soċjalment hija bil-mod. Politiki effettivi rigward l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali għandhom jiġu implimentati aktar, u d-djalogu soċjali għandu jissaħħaħ aktar. Il-kapaċità amministrattiva ġenerali mhix adegwata.

    Il-progress kien tajjeb iżda ma kienx kostanti fil-qasam tal-politika industrijali u tal-impriżi. Kien hemm xi kisbiet fis-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-proċeduri amministrattivi tal-operazzjoni tan-negozju u t-tnaqqis tal-ispejjeż kummerċjali. Miżuri ta'appoġġ għall-impriżi għadhom imferrxin f'diversi programmi.

    Fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej kompla jsir progress. Il-pajjiż qed ikompli jiżviluppa n-netweks tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni u jipparteċipa attivament fl-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa u tal-Komunità tal-Enerġija. L-implimentazzjoni tal-kuridur X għadha lura minħabba li kien meħtieġ żmien addizzjonali biex jiġi stabbilit qafas finanzjarju.

    Ġie nnutat xi progress fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali u l-koordinazzjoni tal-fondi strutturali. Kien hemm xi progress fl-implimentazzjoni tal-komponenti tal-IPA rigward programm operattiv għall-iżvilupp reġjonali u għall-iżvilupp tar-riżorsi umani. Kompetenzi inadegwati u koordinazzjoni istituzzjonali insuffiċjenti wasslu għal dewmien konsiderevoli. Huwa meħtieġ li tissaħħaħ ir-respnsabbiltà tal-awtoritajiet għall-implimentazzjoni tal-programm.

    Xi progress limitat jista' jiġi rrapurtat dwar l-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, inkluż l-emenda tal-Ministru tal-Ġustizzja dwar ir-rwol tal-Kunsill Ġudizzjarju u t-twaqqif ta' Qorti Amministrattiva. Huma meħtieġa aktar sforzi rigward l-evalwazzjoni u s-sigurtà tal-kariga tal-imħallfin. Sar progress limitat fil-politika kontra l-korruzzjoni. Tkompla l-allinjament leġiżlattiv u ġiet introdotta verifika sistematika d-dikjarazzjonijiet tal-assi. Għad irid jiġi stabbilit rekord rigward l-ipproċessar ta' każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli. Rigward id-drittijiet fundamentali, filwaqt li l-qafas legali u istituzzjonali huwa ġeneralment f'postu, hemm bżonn ta' implimentazzjoni aħjar. Ingħata bidu għal djalogu biex jindirizza tħassib serju rigward il-libertà tal-espressjoni fil-midja. Sar xi progress rigward id-drittijiet kulturali u l-minoranzi. Il-Qafas tal-Ftehim Ohrid għadu element essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż.

    Fil-qasam tal-ġustizzja, libertà u sigurtà, jista' jiġi rrapurtat progress tajjeb rigward il-fruntieri esterni u Schengen, il-koperazzjoni ġudizzjarja u l-koperazzjoni doganali. Il-pulizija tal-fruntieri għadhom neqsin minn tagħmir tekniku adegwat u mezzi baġitarji. Inkiseb xi progress fil-migrazzjoni, il-politika dwar il-viża, il-koperazzjoni tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. L-implimentazzjoni tar-riforma tal-pulizija kompliet, iżda l-problemi strutturali, in-nuqqas ta' persunal u n-nuqqas ta' fondi baġitarji għadhom jippersistu. L-implimentazzjoni fil-qasam tal-ażil għadha insuffiċjenti, inkluż il-forniment ta' għajnuna legali, l-interpretazzjoni u l-aċċess għad-drittijiet soċjali.

    Rigward l-istandards Ewropej dwar ix-xjenza u r-riċerka ġie nnotat progress. L-istrateġija nazzjonali għall-2011 – 2020 ġiet adottata. Ir-rata ta' parteċipazzjoni fis-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka tal-UE żiedet aktar. Il-kapaċità amministrattiva bħala appoġġ għall-parteċipazzjoni fil-programmi qafas hija dgħajfa. Jista' jiġi rrapportat xi progress dwar l-istandards Ewropej fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-kultura. Il-pajjiż tejjeb il-prestazzjoni tiegħu rigward il-punti komuni ta' referenza fl-Edukazzjoni u Taħriġ 2020. Il-programmi Tagħlim tul il-Ħajja u ż-Żgħażagħ fl-Azzjoni baqgħu sospiżi. Li tinkiseb żieda fl-interazzjoni bejn il-komunitajiet etniċi fl-edukazzjoni għadha sfida.

    Xi progress jista' jiġi rrappurtat fil-qasam tal-ambjent, speċjalment rigward it-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u r-ratifika tal-ftehimiet ambjentali multilaterali. Sforzi sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huma meħtieġa speċjalment fl-oqsma tal-ġestjoni tal-ilma u l-kontroll tat-tniġġis industrijali. Rigward it-tibdil fil-klima, ftit sar progress fl-allinjament mal-acquis tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-implimenzzjoni tiegħu. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u l-koperazzjoni interistituzzjonali. Sar xi progress fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa. L-isforzi għadhom imfixklin minn riżorsi finanzjarji limitati u strutturi operazzjonali dgħajfa.

    Sar progress tajjeb il-qasam tal-unjoni doganali, kemm rigward il-leġiżlazzjoni doganali kif ukoll rigward il-kapaċità amministrattiva u operazzjonali.

    Sar progress fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, l-aktar fl-allinjament lejn il-politika kummerċjali komuni.

    Kien hemm ukoll progress fil-qasam tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża. Il-pajjiż ħa miżuri biex jiżgura koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi internazzjonali. Huwa allinja mad-dikjarazzjonijiet tal-UE u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill kollha u wera impenn kostanti għall-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet militari u ċivili u fil-ġestjoni tal-kriżijiet.

    Il-progress fil-qasam tal-kontroll finanzjarju kien prinċipalment relatat mal-allinjament leġiżlattiv, u huma meħtieġa sforzi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu, speċjalment rigward it-twaqqif ta' sistemi ta' Ġestjoni u Kontroll Finanzjarju. Il-kapaċità amministrattiva tal-Uffiċċju tal-Verifika tal-Istat kompliet tiġi msaħħa; madanakollu l-indipendenza tagħha għad trid tiġi integrata fil-Kostituzzjoni. Ma sar ebda progress partikolari rigward id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. Kollox ma' kollox m'hemm l-ebda diverġenzi sinifikanti bejn is-sistemi fil-pajjiż u l-UE f'termini ta' prinċipji bażiċi u istituzzjonijiet għal oqsma ta' politika sottostanti li jista' jkollhom impatt fuq l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar ir-riżorsi proprji. Il-qafas amministrattiv għall-applikazzjoni tal-qafas tar-riżorsi proprji għadu mhux fis-seħħ.

    Il-Montenegro

    Il-Montenegro għamel progress tajjeb fl-issodisfar tal-kriterji politiċi għas-sħubija mal-UE, kiseb riżultati sodisfaċenti kumplessivament, b'mod partikolari billi indirizza l-prijoritajiet ewlenin identifikati fl-Opinjoni tal-Kummissjoni ppubblikata fl-2010[18]. Il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali ġie mtejjeb bil-għan li jissaħħu x-xogħol tal-parlament, il-qafas elettorali, il-professjonaliżmu u d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura, il-politika kontra l-korruzzjoni, il-libertà tal-midja u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili. L-Montenegro żiedet l-isforzi biex tiżviluppa rekord tajjeb fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Saru passi 'l quddiem biex titjieb l-implimentazzjoni tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni u biex ikun iggarantit l-istatus legali ta' persuni spustati u jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tagħhom. Madankollu, fil-prattika gruppi vulnerabbli għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni. Il-Montenegro kompla jkollu rwol kostruttiv fir-reġjun u jimplimenta mingħajr skossi l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Rigward id-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-minoranzi u dwar l-elezzjonijiet ġiet armonizzata mal-Kostituzzjoni.

    Il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għall-elezzjonijiet, li huwa prijorità ewlenija tal-Opinjoni, ġie msaħħaħ konsiderevolment, skont ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali magħmula mill-OSKE/ODIHR u Kummissjoni ta' Venezja. Il-liġi l-ġdida dwar l-elezzjoni timplimenta l-impenn kostituzzjonali għal rappreżentanza awtentika tal-minoranzi billi introduċiet azzjoni affermattiva għal rappreżentazzjoni fl-elezzjonijiet parlamentari għall-minoranzi kollha. Il-liġi ttejjeb ukoll l-amministrazzjoni u ssaħħaħ it-trasparenza tal-proċess elettorali. Sar progress fit-tisħiħ tar-rwol leġiżlattiv u ta' sorveljanza tal-parlament, li huwa wkoll prijorità ewlenija tal-Opinjoni, permezz ta' appoġġ imsaħħaħ lill-kumitati parlamentari, ippjanar aħjar tal-ħidma parlamentari u sorveljanza aktar mill-qrib, partikolarment fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà. Il-kapaċità ġenerali tal-Parlament u l-mezzi ta' skrutinju ta' abbozzi tal-leġiżlazzjoni li jmorru kontra l-acquis tal-UE għad iridu jitjiebu. Jinħtieġ isiru aktar sforzi biex jiġi kkonsolidat ir-rwol ta' sorveljanza mill-parlament u biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tiegħu.

    Il-proċess tal-integrazzjoni tal-UE qed jingħata prijorità għolja mill-gvern il-ġdid. Il-koordinazzjoni tal-ħidma u t-tfassil tal-politika tal-Gvern komplew jitjiebu, partikolarment il-kwalità tal-konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili. Il-ħidma tal-Gvern dwar il-pjan ta' azzjoni fl-indirizzar tal-prijoritajiet ewlenin stabbiliti fl-Opinjoni tal-Kummissjoni kienet sistematika u effiċjenti. Il-kapaċità tal-ministeri biex jiżguraw il-konsistenza u jissorveljaw l-implimentazzjoni effettiva tal-liġijiet tjiebet sa ċertu punt, iżda għad trid tiġi żviluppata aktar. Il-kapaċità amministrattiva involuta fil-koordinazzjoni tal-integrazzjoni Ewropea, inkluż dwar l-assistenza finanzjarja, jeħtieġ li tissaħħaħ sostanzjalment. Emendi leġiżlattivi bil-ħsieb li titwaqqaf amministrazzjoni trasparenti, effiċjenti u responsabbli fil-livell lokali għadhom pendenti.

    Il-Montenegro ħa passi importanti biex jindirizza l-isfidi ewlenin fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, li hija prijorità ewlenija identifikata fl-Opinjoni. Il-gvern adotta u beda jimplimenta strateġija għal riforma tal-amministrazzjoni pubblika mmirata li tintroduċi standards Ewropej fir-reklutaġġ u l-promozzjoni filwaqt li ssaħħaħ l-effiċjenza. Ġie adottat qafas legali mtejjeb fil-qasam tas-servizz ċivili u l-amministrazzjoni statali indirizzat lejn l-effiċjenza, id-depolitiċizzazzjoni u reklutaġġ meritokratiku. Ġiet emendata l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċeduri amministrattivi u ġiet ukoll varata riforma komprensiva. L-Awtorità tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani ġiet imsaħħa. It-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata għandhom iżidu l-pass u jiffukaw fuq l-iżgurar fil-prattika tad-depolitiċizzazzjoni, il-professjonalità, l-effettività u l-imparzjalità tal-amministrazzjoni, inkluż permezz ta' reklutaġġ u promozzjoni ibbażati fuq il-mertu. L-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija għandha tikkunsidra l-ħtieġa li l-istrutturi amministrattivi jiġu rrazzjonalizzati u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, l-aktar fl-oqsma relatati mal-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika. Il-kapaċità fl-uffiċċju tal-Ombudsman u l-Istituzzjoni Statali tal-Verifika se jiġu msaħħa aktar.

    Fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja, il-Montenegro għamel progress biex jinforza l-indipendenza, l-awtonomija, l-effiċjenza u r-responsabbilizzazzjoni tal-imħallfin u l-prosekuturi, li hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin stipulati fl-Opinjoni. Il-qafas legali ġie mtejjeb fuq il-livell sotto-kostituzzjonali rigward l-indipendenza tal-ġudikatura u l-awtonomija tal-prosekuzzjoni pubblika, filwaqt li l-proċess tar-riforma kostituzzjonali għamel progress. Dispożizzjonijiet dwar ir-responsabilizzazzjoni tal-imħallfin u l-prosekuturi ġew imsaħħa. Se jkunu meħtieġa sforzi sinifikanti fil-perjodu li ġej sabiex tkun żgurata t-tlestija tar-riforma legali u l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata, inkluż permezz ta' riżultati konvinċenti dwar il-każi ta' korruzzjoni u kriminalità organizzata fil-livelli kollha. Għad trid tiġi stabbilita sistema unika ta' reklutaġġ għall-pajjiż kollu bbażata fuq testijiet anonimi għall-ħatriet ġudizzjarji tal-ewwel darba. Taħriġ sistematiku għall-imħallfin u l-prosekuturi kollha, partikolarment dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida u l-liġi tal-UE, għad irid jiġi stabbilit. L-isforzi biex jitnaqqsu l-każi pendenti quddiem qrati ġew intensifikati, iżda l-metodoloġija użata teħtieġ issir aktar konsistenti. In-nuqqas ta' infrastruttura u tagħmir adegwati għadu jfixkel l-effiċjenza ġudizzjarja. Jeħtieġ li tiġi żgurata pubbliċità sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-qrati.

    Fil-qasam tal-politika kontra l-korruzzjoni, sar progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-gvern kontra l-korruzzjoni, li hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin stipulati fl-Opinjoni. Il-qafas strateġiku u leġiżlattiv kontra l-korruzzjoni ġie msaħħaħ fl-oqsma ewlenin tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi, il-kunflitt ta' interess, l-inkriminazzjonijiet, il-protezzjoni tal-informaturi u l-akkwist pubbliku. L-analiżi tar-riskju f'oqsma vulnerabbli tlestiet bil-ħsieb li l-politiki ta' prevenzjoni jiġu mirquma iktar. Il-kapaċità teknika u amministrattiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġiet imsaħħa, u twettqu bosta investigazzjonijiet ta' każijiet ta' korruzzjoni. Ittieħdu passi biex tiġi stabbilita reputazzjoni soda ta' investigazzjonijiet proattivi, prosekuzzjonijiet u kundanni f'każi ta' korruzzjoni fl-isforzi kollha, li hija parti prijoritarja ewlenija kontra l-korruzzjoni tal-Opinjoni. Madankollu, jinħtieġ li l-isforzi jiżdiedu biex tiġi żviluppata aktar. L-għadd ta' kundanni finali, b'mod partikolari għal każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli, għadu baxx. L-użu ta' miżuri investigattivi speċjali qed ikompli jiġi mfixkel min-nuqqas ta' tagħmir adegwat u riżorsi umani speċjalizzati. Il-koordinazzjoni bejn l-aġenziji u, b'mod partikolari, il-koperazzjoni bejn il-prosekuturi u l-pulizija jeħtieġ li jiġu mtejba aktar. L-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv hija irregolari. Dispożizzjonijiet ippromulgati ġodda fl-oqsma ta' kunflitt ta' interess u l-iffinanzjar tal-partiti politiċi jeħtieġ ikunu implimentati b'determinazzjoni. Għad hemm ħtieġa ta' monitoraġġ aktar qawwi tal-korruzzjoni u tal-kunflitti ta' interess fost il-ġudikatura. Il-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u għadha problema serja.

    Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi fil-Montenegro hija ġeneralment żgurata. Saru sforzi biex il-qafas legali u istituzzjonali rilevanti jkompli jitjieb.. L-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni attwali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi jeħtieġ li jkunu żgurati.

    Fir-rigward tal-promozzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-bniedem, sar progress limitat. L-awtorità u l-influwenza tal-Uffiċċju tal-Protettur tad-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem (l-Ombudsman) żdiedu konsiderevolment: Il-Liġi l-ġdida dwar l-Ombusman, li tistabbilixxi 'l dan tal-aħħar bħala mekkaniżmu nazzjonali għall-protezzjoni kontra t-tortura u diskriminazzjoni, ġiet adottata f'Lulju. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Ombudsman qed ikompli jiffaċċja nuqqasijiet rigward il-kapaċità finanzjarja u amministrattiva tiegħu biex iwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effiċjenti. Sar xi progress limitat rigward it-trattament ħażin u l-ġlieda kontra l-impunità. Il-persunal rilevanti għadda minn aktar taħriġ. Każi sporadiċi ta' vjolenza jkomplu jiġu rrappurtati, partikolarment fl-għases tal-pulizija. L-ipproċessar ta' każijiet irrappurtati għadu miexi bil-mod. Fir-rigward tas-sistema tal-ħabs, ġie żviluppat il-qafas ġuridiku u regolatorju għat-twaqqif ta' sistema ta' sanzjonijiet alternattivi u l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet kriminali. L-kundizzjonijiet tal-ħabs jeħtieġ jiġu allinjati iżjed mal-istandards internazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-forniment ta' trattament mediku u kmamar tal-familja. Il-kwistjoni ta' implimentazzjoni effettiva ta' sanzjonijiet jeħtieġ li tiġi indirizzata wkoll.

    Sar progress fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni, waħda mill-prijoritajiet ewlenin stipulati fl-Opinjoni. Il-malafama u l-libell ġew kompletament dekriminalizzati. Il-Qorti Suprema adottat linji gwida mibgħuta quddiem il-Qrati nazzjonali li jirregolaw il-livell ta' kumpens fi flus f'każijiet ta' malafama kontra l-midja, konformi mal-istandards Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Madankollu, każijiet preċedenti ta' vjolenza u theddid attwali kontra ġurnalisti għadhom ma ġewx investigati u ma saritx prosekuzzjoni dwarhom kif suppost.

    Il-libertà tal-assemblea u l-assoċjazzjoni huma ġeneralment rispettati. Sar progress tajjeb ħafna fil-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Istat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, waħda mill-prijoritajiet ewlenin stipulati fl-Opinjoni. Il-Liġi dwar l-NGOs ġiet adottata f'Lulju. L-ogħla awtoritajiet tal-Istat żammew kuntatti regolari mal-NGOs u kollox ma' kollox żammew koperazzjoni miftuħa u kostruttiva mal-partijiet interessati rilevanti. Saru sforzi biex titjieb il-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-livell lokali.

    Il-Montenegro għamel progress rigward il-politiki kontra d-diskriminazzjoni, li hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin stipulati fl-Opinjoni. Il-Liġi dwar l-Ombudsman għaddiet f'Lulju; l-Ombudsman issa għandu r-responsabbiltà tal-kawżi kontra d-diskriminazzjoni. Konsulent dwar l-anti-diskriminazzjoni nħatar f'Settembru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ir-Rom, l-Ashkali u l-Eġizzjani, persuni b'diżabbiltà kif ukoll persuni li huma lesbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru (LGBT) għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni, inkluż minn entitajiet pubbliċi. L-implimentazzjoni effettiva tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni jeħtieġ li tintwera billi titjieb il-kapaċità tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u tal-korpi tal-infurzar tal-liġi fl-ipproċessar xieraq ta' każijiet ta' diskriminazzjoni. Sar progress rigward l-infurzar tad-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà. Il-Liġi dwar id-diskriminazzjoni kontra persuni b'diżabbiltajiet u l-Liġi dwar ir-riabilitazzjoni Professjonali u l-impjieg ta' persuni b'diżabbiltajiet ġew adottati. Ġew varati attivitajiet ta' edukazzjoni inklużiva u saru xi sforzi biex jippromwovu r-reklutaġġ tagħhom. Madankollu, il-qafas legali jippreżenta nuqqasijiet, l-aktar rigward azzjoni pożittiva u mekkaniżmi ta' sanzjoni, u dawn il-persuni qed ikomplu jaffaċċjaw diskriminazzjoni l-aktar rigward tal-impjieg u l-aċċess għall-postijiet pubbliċi. Il-kundizzjonijiet f'Komanski Most għadhom kawża ta' tħassib. Sar xi progress fir-rigward tal-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tan-nisa, iżda l-infurzar ta' dawn id-drittijiet, b'mod partikolari rigward il-protezzjoni ta' vittmi tal-vjolenza domestika, għadu limitat. L-aċċess tan-nisa għal pożizzjonijiet fil-livell ta' teħid tad-deċiżjonijiet jeħtieġ li jiġi mtejjeb.

    Sar progress limitat rigward id-drittijiet tal-proprjetà. Il-proċess ta' restituzzjoni qed ikompli jkun bil-mod ħafna u jeħtieġ li jżid il-pass. Minħabba bosta każijiet ta' ffalsifikar ta' dokumenti marbutin ma' proprjetà, ittieħdu miżuri biex jissaħħaħ il-kontroll fuq uffiċċji tal-katast. F'Lulju il-Parlament adotta emendi għal-liġi dwar servej mill-istat u l-katast dwar il-proprjetà immobbiljari; madanakollu, it-tħaddim tas-sistema tal-katast għad trid titjieb, l-aktar rigward il-kompletezza u l-akkuratezza tad-dejta, u l-kopertura nazzjonali.

    Ir-relazzjonijiet interetniċi fil-Montenegro baqgħu stabbli. Saru sforzi biex tittejjeb ir-rappreżentazzjoni politika tal-minoranzi, billi ġiet emendata l-Liġi dwar id-drittijiet tal-minoranzi biex b'hekk ġiet armonizzata mal-Kostituzzjoni. Il-progress ekonomiku, soċjali u l-inklużjoni politika tal-persuni Rom, Ashkali u Eġizzjani għadu pjuttost limitat, minkejja l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet fil-livelli nazzjonali u lokali. Inkiseb progress limitat f'termini ta' titjib rigward is-sitwazzjoni tal-persuni spostati, li hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin stipulati fl-Opinjoni. Minkejja sforzi mill-awtoritajiet sabiex jipprovdu status legali lil dawn il-persuni, il-proċeduri kkomplikati jfissru li numru żgħir biss ta' persuni s'issa kisbu status legali ta' residenti.

    Rigward kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali, il-Montenegro jkompli jissodisfa l-kundizzjonalità tal-Proċess ta Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar il-koperazzjoni mal-ICTY u l-koperazzjoni reġjonali. Il-Montenegro kompla jsegwi sehem attiv tiegħu f'inizjattivi ta' koperazzjoni reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC), u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Fl-2010-2011, huwa organizza l-presidenza tal-Inizjattiva Ewropea Ċentrali (CEI), il-proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP) u l-Inizjattiva Adrijatika Jonika (AII). Il-pajjiż qed ikompli b'impenji qawwija favur il-koperazzjoni reġjonali u biex ikollu rwol kostruttiv reġjonali. Kwistjonijiet bilaterali pendenti għad iridu jiġu solvuti.

    Sar progress sinifikanti rigward il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo. Wara l-laqgħat ta' Ġunju u Settembru 2011, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja, qablu fuq numru ta' kwistjonijiet, inkluż it-test ta' dikjarazzjoni konġunta li għandha tiġi ffirmata waqt konferenza ministerjali f'Novembru 2011 f'Belgrad.

    Rigward il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali tal-2003 mal-Istati Uniti dwar l-immunità ma huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u mal-prinċipji gwida. Il-Montenegro jeħtieġ li jallinja l-pożizzjoni tiegħu ma' dik tal-UE.

    L-ekonomija tal-Montenegro bdiet tirkupra mill-effetti tal-kriżi fl-2010 li kienu ta' sfida għall-qafas tal-politika ekonomika tal-pajjiż. In-nuqqas ta' għodod għal politika monetarja standard[19] ħalla l-politika fiskali bil-missjoni diffiċli li jinstab bilanċ bejn li jiġi restawrat it-tkabbir u li l-konsolidazzjoni tkompli tipproċedi. Madanakollu, il-pajjiż irnexxielu jtejjeb l-istabbiltà makroekonomika ġenerali u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi, u żamm ir-ritmu tar-riformi. Il-proċess ta' rkupru tal-ekonomija tal-Montenegro għadu fraġli. Il-kompetittività tal-ekonomija għadha limitata b'diversifikazzjoni baxxa matul is-setturi. Għad baqa' xi nuqqasijiet rigward l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika, ir-riżorsi umani u l-infrastruttura.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Montenegro kompla jagħmel progress lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona bħala riżultat ta' progress fl-istabilizzar tas-settur bankarju u fiż-żamma ta' pożizzjoni fiskali relattivament prudenti, u b'hekk saħħaħ l-istabbiltà makroekonomika. Il-Montenegro għandu jkun kapaċi jlaħħaq mal-pressjonijiet u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fit-terminu medju, diment li jindirizza d-dgħufijiet strutturali eżistenti permezz tal-implimentazzjoni tal-programm tiegħu ta' riformi.

    L-irkupru tal-industriji orjentati għall-esportazzjoni stimula t-tkabbir ekonomiku u, flimkien ma' domanda interna mrażżna u żviluppi pożittivi fit-turiżmu, ikkontribwixxa lejn it-tnaqqis tal-iżbilanċi esterni li għadhom għoljin. Il-politika ekonomika baqgħet konsistenti u xi riformi strutturali għamlu progress. Ir-riforma tal-pensjonijiet pubbliċi hija pass lejn kwalità ogħla u sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Mekkaniżmi tad-dħul u tal-ħruġ mis-suq, l-infurzar tal-kuntratti kif ukoll il-proċeduri tar-reġistrazzjoni tan-negozju u tal-proprjetà komplew jiġu mtejba. Ġiet żviluppata leġiżlazzjoni finanzjarja bil-għan li tittejjeb ir-reżiljenza tas-settur.

    Madankollu, ir-rwol ta' intermedjazzjoni finanzjarja tal-banek baqa' mrażżan billi l-banek segwew il-konsolidazzjoni tal-karta tal-bilanċ tagħhom. Is-sehem għoli ħafna ta'self inadempjenti għadu ta' tħassib serju għall-istabbiltà finanzjarja. In-negozji qed ikomplu jiġu ffaċċjati b'kundizzjonijiet tal-kreditu stretti u għaljin. Ir-rata tal-qgħad hija għolja. Il-ħtiġijiet għall-finanzjament tal-baġit wasslu għall-espansjoni tad-dejn pubbliku filwaqt li obbligazzjonijiet kontinġenti ta' garanziji mill-Istat u arretrati tal-baġit żdiedu konsiderevolment. Il-proċess tal-privatizzazzjoni sofra minn ambjent globali negattiv. Minbarra t-turiżmu u l-esportazzjonijiet ta' komoditajiet, l-attività ekonomika għadha kkonċentrata fuq setturi mhux kummerċjabbli. Is-settur informali għadu sfida kbira. Nuqqasijiet persistenti fl-istat tad-dritt għandhom effett negattiv fuq l-investiment u l-ambjent tan-negozju.

    Il-Montenegro għamel progress tajjeb fit-titjib tal-kapaċità tiegħu li jassumi l-obbligi tas-sħubija, l-aktar fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, il-liġi tal-kumpaniji, l-istatistika, is-servizzi finanzjarji, il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, ix-xjenza u r-riċerka, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura. Il-progress kien limitat f'oqsma oħra bħall-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà li tipprovdi servizzi, l-agrikoltura, l-ambjent, il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-fondi strutturali. Kollox ma' kollox, il-Montenegro kompla jimplimenta bla xkiel l-obbligi taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA). Madankollu, għad fadal xi lakuni fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat u t-traffiku ta' tranżitu, fejn aktar sforzi lejn l-allinjament huma meħtieġa.

    Fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, sar xi progress fl-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni, il-metroloġija u s-sorveljanza tas-suq. L-allinjament tal-qafas legali orizzontali mal-acquis mhuwiex avanzat ħafna, u t-traspożizzjoni tal-acquis speċifiku fuq il-prodotti għadu ma bediex kompletament. Kien hemm ftit progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-aktar fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-allinjament tal-qafas leġiżlattiv mal-acquis għadu fi stadju bikri. Ftit sar progress fil-qasam tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, partikolarment fir-rigward tal-ħruġ tal-permessi tal-bini. L-indipendenza sħiħa tal-Aġenzija għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u s-Servizzi Postali mhix żgurata. L-isforzi għall-allinjament mad-Direttiva tas-Servizzi tal-UE jeħtieġ li jiġu msaħħa. Sar xi progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, l-aktar dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet finanzjarji ta' sorveljanza u l-aġenziji tal-infurzar. Il-kapaċitajiet amministrattivi u ta' sorveljanza għadhom dgħajfa. Jista' jiġi rrappurtat progress tajjeb fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Il-kapaċità amministrattiva ssaħħet u t-trasparenza tal-proċeduri tjiebet. L-istruttura istituzzjonali globali għall-akkwist pubbliku tqajjem xi tħassib. Il-Montenegro għamel progress tajjeb fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Kien hemm avvanzi fl-allinjament mal-acquis tal-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-kummerċ, il-kontabilità u l-verifika u offerti ta' xiri.

    Sar xi progress fil-qasam tal-liġi tal-proprjetà intellettwali, partikolarment rigward l-allinjament tal-leġiżlazzjoni mal-acquis fl-oqsma tad-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, trademarks u għall-protezzjoni tad-disinji industrijali. Tisħiħ addizzjonali tal-kapaċità amministrattiva huwa vitali biex isir aktar progress f'dan il-qasam.

    Fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, sar ċertu progress fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-acquis. Madankollu, għad baqa' sfidi dwar il-kapaċità amministrattiva tal-Amministrazzjoni tal-Ħarsien tal-Kompetizzjoni u l-korpi tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-allinjament mar-regoli tal-UE tal-qafas legali dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma ġiex kompletat. In-nuqqas ta' rispett sħiħ lejn l-impenji tal-għajnuna mill-Istat taħt ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għadu joħloq tħassib. L-indipendenza operattiva tal-awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat trid tkompli tiġi ggarantita. Rigward l-industrija tal-metall, l-awtoritajiet iridu jiżguraw trasparenza sħiħa dwar l-ammont ta' għajnuna tal-Istat li ngħatat lill-kumpaniji tal-aluminju u tal-azzar. Hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet dwar is-sjieda tal-kumpanija tal-azzar li ġiet iddikjarata falluta mingħajr dewmien.

    Il-Montenegro għamel progress irregolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, partikolarment fis-servizzi bankarji. Il-koperazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet regolatorji ssaħħet. L-allinjament leġiżlattiv fl-oqsma tal-assigurazzjoni, l-infrastruttura finanzjarja, is-swieq tat-titoli ta' sigurtà u s-servizzi ta' investiment għadu fi stadju bikri, u s-sitwazzjoni tal-fondi tal-pensjonijiet tax-xogħol jeħtieġ li tiġi indirizzata.

    Rigward is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja, sar aktar progress fl-allinjament leġiżlattiv. Fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-soċjetà tal-informazzjoni, l-indipendenza tal-awtorità regolatorja tjiebet iżda tibqa' fil-periklu. Għad iridu jsiru sforzi biex tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni u sabiex jiġu introdotti salvagwardji kompetittivi li jiżguraw kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi kollha. Fil-qasam tal-politika awdjoviżiva, l-Aġenzija għall-mezzi Elettroniċi tax-xandir issaħħet, iżda l-kapaċità tagħha biex tissorvelja s-suq effettivament għadha mhix adegwata.

    Sar ċertu progress fil-qasam tal-agrikultura u l-iżvilupp rurali. Qed tiġi stabbilita bażi għal statistika agrikola preċiża. Progress fuq l-iżvilupp tal-politika u dwar l-użu tal-għajnuna finanzjarja disponibbli fil-qasam tal-iżvilupp rurali kien pjuttost limitat.

    Sar xi progress fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, fuq it-tisħiħ tal-kapaċità fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u l-allinjament mal-acquis fil-qasam tal-politika veterinarja u fitosanitarja. Sar xi progress fil-qasam tas-sajd, l-aktar fir-rigward tal-aġġornament tal-kapaċità amministrattiva, it-tisħiħ tal-ispezzjoni u l-monitoraġġ tar-riżorsi tas-sajd u l-ġbir ta' dejta b'mod aktar sistematiku. Il-kapaċitjiet ta' ġestjoni u ta' spezzjoni tal-amministrazzjoni tas-sajd għadhom dgħajfa.

    Sar xi progress fil-qasam tal-politika tat-trasport f'dak li hu allinjament mal-acquis, partikolarment fl-oqsma tat-trasport bit-triq u bl-ajru. Għandhom isiru sforzi ulterjuri sabiex l-acquis tat-trasport jiġi allinjat kompletament, b'mod partikolari mat-tielet pakkett ferrovjarju. Ġew adottati deċiżjonijiet għall-abolizzjoni tal-imposti diskriminatorji tat-triq fuq vetturi tal-UE. Madankollu, jeħtiġilhom ikunu implimentati għal kollox. Il-Montenegro għamel xi progress fil-qasam tal-enerġija, partikolarment fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Strateġija ġdida dwar il-politika għall-enerġija sal-2030 ġiet adottata. Għandhom isiru aktar sforzi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħażniet taż-żejt u jiġi stabbilit ambjent regolatorju li għandu jrawwem użu akbar ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha. Il-kapaċità amministrattiva għadha limitata.

    Il-Montenegro għamel xi progress fil-qasam tat-tassazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' sistema kompjuterizzata ta' reġistrazzjoni u ġbir. Il-kapaċitajiet amministrattivi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika (IT) u l-effettività ta' sistemi tad-dejta fl-oqsma tal-koperazzjoni amministrattiva u kontroll intern għadhom dgħajfa.

    Sar iktar progress fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, li jikkonsisti prinċipalment fit-titjib tal-qafas legali, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rekwiżiti ta' riserva, dwar ir-reġistru tal-kreditu u dwar l-irtirar, is-sostituzzjoni u l-qerda tal-flus u l-muniti li jkunu ddeterjoraw ħafna.

    Sar xi progress fil-qasam tal-istatistika. Il-Montenegro wettaq b'suċċess ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar f'April 2011 u ppubblika l-ewwel riżultati kompleti f'Lulju. Madankollu, jinħtieġu sforzi iktar konsiderevoli sabiex id-dgħufijiet identifikati jiġu indirizzati u biex tittejjeb l-infrastruttura tal-istatistika bil-ħsieb li jintlaħaq livell sodisfaċenti ta' allinjament mal-acquis fl-istatistika.

    Ftit li xejn sar progress rigward l-allinjament mal-acquis fil-qasam tal-politika soċjali u l-impjiegi, partikolarment fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien soċjali. Sar xi progress dwar id-djalogu soċjali. Saru sforzi fil-qasam ta' kontra d-diskriminazzjoni, partikolarment permezz tal-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Ombudsman u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni. Kemm il-kapaċità tas-Servizz Pubbliku għall-Impjiegi kif ukoll miżuri attivi tas-suq tax-xogħol għadhom dgħajfa biex jindirizzaw ir-rati baxxi ta' attività u tal-impjieg, u d-diskrepanza bejn il-ħtiġijiet u l-ħiliet disponibbli. Kollox ma' kollox, il-qagħda tal-finanzi pubbliċi għandha effett negattiv fuq ir-riformi fil-qasam soċjali.

    Sar xi progress fil-qasam tal-politika tal-impriżi u l-politika industrijali, partikolarment rigward l-iżvilupp tal-politika favur l-SMEs. Madankollu, l-isforzi għall-iżvilupp ta' politika industrijali u politika dwar is-setturi tal-manifattura strateġikament importanti jridu jiġu intensifikati.

    Ftit sar progress fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej. Rigward infrastrutturi TEN-T, hemm aktar xogħol xi jsir dwar it-titjib tat-toroq u tal-binarji ferrovijarji. Il-progress dwar in-netwerk TEN-E ġie prinċipalment marbut mat-titjib tal-linji tal-interkonnessjoni tal-elettriku.

    Ftit sar progress fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali, prinċipalment lejn l-istabbiliment ta' strutturi relevanti ta' implimentazzjoni għall-komponenti III u IV tal-IPA. Dawn l-istrutturi għandhom jimtlew b'urġenza. Jeħtieġ li tiġi żviluppata kapaċità amministrattiva xierqa, l-aktar fl-oqsma bħal l-ippjanar strateġiku, l-iżvilupp tal-proġetti, il-ġestjoni tal-proġetti u l-amministrazzjoni finanzjarja u l-kontroll finanzjarju.

    Fil-qasam tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-Montenegro għamel xi progress, b'mod partikolari fl-indirizzar tal-prijoritajiet ewlenin rilevanti stabbiliti fl-Opinjoni tal-Kummissjoni. Ser jinħtieġu sforzi sostnuti ulterjuri għall-allinjament mal-acquis f'dan il-kapitolu, partikolarment għall-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tiegħu fil-perijodu medju. Ir-rekord fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja, b'mod partikolari l-korruzzjoni f'livell għoli, trid tiġi żviluppata aktar. Rigward id-drittijiet fundamentali, għalkemm sar xi progress fit-tisħiħ tal-qafas legali u istituzzjonali, il-garanziji legali eżistenti jeħtieġ ikunu infurzati b'mod sħiħ u l-kapaċitajiet amministrattivi jiġu msaħħa.

    Fir-rigward tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, sar progress tajjeb dwar it-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja, partikolarment f'materji kriminali. Sar xi progress fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Sar ukoll progress fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri. Strateġija ġdida ġiet adottata għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Sar progress fl-indirizzar tal-isfidi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari fil-forma ta' koperazzjoni internazzjonali u reġjonali eqreb. In-numru ta' investigazzjonijiet u arresti relatati, l-aktar fil-qasam tat-traffikar tad-droga, żdied kemmxejn. Investigazzjonijiet finanzjarji f'żewġ każijiet kbar wasslu għas-sekwestru temporanju ta' assi f'ammont sinifikanti. Madankollu, in-numru globali ta' investigazzjonijiet finanzjarji u konfiski ta' assi kriminali għadu baxx. L-attività tal-pulizija bbażata fuq l-Intelligence u l-koperazzjoni bejn l-aġenziji jeħtieġ li jitjiebu. Il-mekkaniżmi ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni għandhom jiġu msaħħa, partikolarment fl-oqsma tat-traffikar tal-bnedmin u l-ħasil tal-flus. Emendi għal-liġijiet dwar l-affarijiet interni u dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus għadhom pendenti. Il-politika tal-viża teħtieġ allinjament ulterjuri. Jinħtieġu aktar sforzi li jiżguraw kondizzjonijiet ta' akkoljenza xierqa għal dawk li jfittxu l-ażil u għall-immigranti irregolari.

    Sar progress tajjeb fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-qafas istituzzjonali u leġiżlattiv għall-attivitajiet xjentifiċi tar-riċerka ssaħħaħ u ttieħdu diversi miżuri biex tittejjeb il-mobblità tar-riċerkaturi. Jeħtieġ jiġu kkunsidrati tħejjijiet għal Unjoni ta' Innovazzjoni.

    Jista' jiġi rrappurtat xi progress fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura partikolarment fl-allinjament mal-acquis. Aktar sforzi għadhom meħtieġa sabiex jiżguraw l-edukazzjoni inklużiva għall-gruppi vulnerabbli u t-tfal bi bżonnijiet speċjali.

    Il-Montenegro ftit għamel progress fl-allinjament u l-implimentazzjoni tal-acquis fil-qasam tal-ambjent u t-tibdil fil-klima. Il-progress huwa prinċipalment riżultat tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni fl-immaniġġjar tal-iskart u taż-żoni naturali u r-ratifika ta' ftehimiet ambjentali internazzjonali. Il-kapaċità amministrattiva tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent (EPA) tjiebet, iżda teħtieġ tisħiħ konsiderevoli partikolarment fil-qasam tal-ispezzjonijiet. Il-Montenegro jeħtieġ iżid il-pass fl-ippjanar strateġiku tiegħu fis-setturi kollha, u jintegra aktar sistematikament l-ambjent f'setturi oħrajn biex isib finanzjament sostenibbli għall-implimentazzjoni. Il-kapaċità tal-amministrazzjoni tal-ambjent u t-tibdil fil-klima fil-livell lokali u nazzjonali teħtieġ tisħiħ.

    Fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa, il-Montenegro qiegħed jagħmel progress fl-allinjament mal-politika tal-konsumatur tal-UE u l-istrateġija tas-saħħa tal-UE. Madanakollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi allinjata mal-acquis u tinbena l-kapaċità amministrattiva. Appoġġ għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur u attivitajiet li jżidu l-għarfien għadu baxx.

    Inkiseb xi progress fil-qasam tal-Unjoni Doganali, speċjalment fl-allinjament tan-nomenklatura magħquda u fl-abolizzjoni tat-tariffi doganali li mhumiex konformi mal-acquis u l-obbligi tal-FSA. Għadhom meħtieġa sforzi ulterjuri f'oqsma bħall-ġestjoni tal-kwoti, tad-dispożizzjonijiet relatati mas-sigurtà u l-allinjament mal-Kodiċi Doganali tal-UE.

    Sar xi progress fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Huwa meħtieġ tisħiħ tal-ħila istituzzjonali u amministrattiva rigward il-politiki kummerċjali, tal-iżvilupp u dawk umanitarji. Il-Montenegro kompla jagħmel progress rigward il-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża. B'mod partikolari, huwa kompla jagħti kontribut siewi għall-istabbiltà reġjonali.

    Il-Montenegro għamel progress fil-qasam tal-kontroll finanzjarju, partikolarment fl-oqsma tal-verifika interna u esterna. Madankollu, il-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni tal-pajjiż f'oqsma relatati mal-ġestjoni u l-kontroll finanzjarja għad għandhom bżonn jissaħħu sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni għalkollox u b'mod effettiv. Fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji, ma hemm l-ebda differenzi kbar bejn is-sistemi fil-Montenegro u l-UE f'termini tal-prinċipji u l-istituzzjonijiet bażiċi fl-oqsma tal-politiki sottostanti l-applikazzjoni tar-regoli tar-riżorsi proprji, madankollu, il-qafas amministrattiv għall-applikazzjoni tar-regoli tar-riżorsi proprji għadu mhux fis-seħħ.

    L-Albanija

    Ix-xena politika domestika tal-Albanija kienet iddominata mill-kontinwazzjoni ta' staġnar politiku u l-bojkott parzjali tal-Parlament mill-oppożizzjoni. Dan l-imblokk politiku jmur lura sal-elezzjonijiet ġenerali ta' Ġunju 2009. Ir-riżultat ta' dawn l-elezzjonijiet, li kienu kkunsidrati mill-OSKE/ODIHR li jissodisfaw il-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali għalkemm ikkaratterizzati minn nuqqasijiet, kien ikkontestat mill-Partit Soċjalista. L-inċidenti vjolenti tal-21 ta' Jannar 2011, li wasslu għall-mewt ta' erba' dimostranti, aggravaw il-klima ta' nuqqas ta' fiduċja bejn iż-żewġ partiti politiċi l-kbar kif ukoll lejn ċerti istituzzjonijiet tal-Istat. L-elezzjonijiet lokali tat-8 ta' Mejju, bħala riżultat ta' għadd kontroversjali tal-voti li ma nstabux u riżultati kkontestati f'Tirana, komplew ikabbru l-polarizzazzjoni bejn il-maġġoranza fil-gvern u l-oppożizzjoni. Dawn il-ġrajjiet kollha ddevjaw l-attenzjoni politika 'lil hemm mir-riformi tant meħtieġa lejn il-politiki tal-UE.

    Fuq dan l-isfond, il-gvern għamel xi sforzi biex jimxi 'l quddiem bl-aġenda ta' integrazzjoni tal-UE u partikolarment sabiex jipprepara pjan ta' azzjoni li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Opinjoni tal-2010. Dawn l-isforzi ġew riflessi minn koperazzjoni tajba bejn il-maġġoranza fil-gvern u l-oppożizzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni fil-kumitat parlamentari għall-integrazzjoni Ewropea u ħidma konġunta biex jintlaħaq ftehim dwar ir-riformi neċessarji. L-isforzi, biex jiġu varati wkoll gruppi ta' ħidma fuq ir-riforma elettorali, eventwalment waqfu. Fil-5 ta' Settembru, l-oppożizzjoni temmet il-bojkott u rritornat għall-ħidma parlamentari.

    Kollox ma' kollox, l-Albanija għamlet progress limitat biex tissodisfa l-kriterji politiċi għas-sħubija fl-UE. Riformi importanti relatati mal-UE ġew imxekkla minn staġnar politiku. Progress fl-indirizzar tal-prijoritajiet[20] ewlenin u sfidi oħra identifikati fl-Opinjoni kien irregolari. Sar xi progress dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri kontra l-kriminalità organizzata, dwar it-titjib tat-trattament ta' persuni f'detenzjoni fil-ħabsijiet, u l-jeddijiet tat-tfal. Madankollu, kien hemm biss progress limitat rigward il-ħidma tal-parlament, l-elezzjonijiet, il-ġudikatura, il-politika kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-komunità Rom. L-Albanija se jkollha bżonn tagħmel sforzi konsiderevoli u sostnuti fl-oqsma kollha identifikati fl-Opinjoni tas-sena li għaddiet.

    Fir-rigward tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-kontinwazzjoni tal-istaġnar politiku, aktar żviluppi ta' konfrontazzjoni, nuqqas ta' fiduċja dejjem jikber bejn il-maġġoranza u l-oppożizzjoni kellhom impatt negattiv fuq l-aġenda ta' riforma tal-Albanija. Oqsma ewlenin ta' riforma għadhom xogħol fl-idejn u biċċiet ta' leġiżlazzjoni importanti qed jistennew l-adozzjoni jew finalizzazzjoni.

    Minkejja xi titjib fir-regoli u l-prattika parlamentari u żieda fil-kapaċitajiet amministrattivi tal-parlament, il-prestazzjoni fil-funzjonijiet leġiżlattivi u ta' sorveljanza tal-Parlament, li hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni, għadha insuffiċjenti. L-istaġnar politiku xekkel serjament il-ħidma parlamentari, kif ukoll il-ħtieġa għal djalogu politiku sostnut u kostruttiv. Dan l-istaġnar ukoll ma ppermettiex li jiġi stabbilit konsensus li jippermetti l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti tal-UE. Il-bojkot parzjali tal-oppożizzjoni ostakola l-ħidma parlamentari, inkluża l-adozzjoni ta' liġijiet li jirrikjedu maġġoranza ta' tlieta minn ħamsa. It-tmiem tal-bojkott tal-oppożizzjoni u r-ritorn tagħhom għall-ħidma parlamentari fil-5 ta' Settembru huwa pass pożittiv lejn in-normalizzazzjoni tad-djalogu politiku u l-koperazzjoni. Fil-Parlament irid jiġi mrawwem ambjent politiku inklużiv li jwassal għal kunsens bejn il-partiti. Il-klima ta' polarizzazzjoni u nuqqas ta' fiduċja bejn il-gvern u l-oppożizzjoni affettwat l-elezzjonijiet lokali tat-8 ta' Mejju. Hemm oqsma fejn l-istandards internazzjonali ġew issodisfati, fit-twettiq ta' dawn l-elezzjonijiet, li hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni, u oqsma oħra fejn dan ma kienx il-każ. Ir-riforma elettorali, li hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni, waqfet. Il-Parlament għadu ma żgurax proċedura ordinata ta' smigħ u votazzjoni għall-ħatriet kostituzzjonali u tal-qorti għolja, li hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni.

    Saru sforzi mill-gvern u mill-kumitat parlamentari għall-integrazzjoni Ewropea biex ir-riformi rigward l-integrazzjoni mal-UE javvanzaw u jiġu kkoordinati inkluż li jiġu żviluppati u mmexxija konsultazzjonijiet dwar pjan ta' azzjoni biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet fl-Opinjoni tal-Kummissjoni, u partikolarment it-12-il prijorità ewlenin. Il-kwalità tat-tfassil leġiżlattiv u l-konsultazzjoni ma' partijiet terzi jinħtiġilhom titjib sinifikanti. Id-deċentralizzazzjoni tal-proċess ta' riforma kienet milquta ħażin mir-relazzjoni diffiċli bejn il- gvern ċentrali u dak lokali.

    Passi essenzjali fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, li hija prijorità ewlenija fl-Opinjoni, inklużi l-emendi fil-liġi tas-servizz ċivili, ma ġewx kompluti. Minkejja xi miżuri ta' riforma bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri ta' Ġunju 2011 dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-korpi pubbliċi, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni essenzjali għadha pendenti u kontinġenti fuq li jingħeleb għal kollox u b'mod sostenibbli l-istaġnar politiku minħabba li din teħtieġ l-adozzjoni b'maġġoranza fil-Parlament ta' tlieta minn ħamsa. L-implimentazzjoni tal-liġijiet attwali u tal-atti amministrattivi għadha dgħajfa. Fid-Dipartiment tal-Amministrazzjoni Pubblika (dopa) għad m'hemmx awtorità suffiċjenti fil-kuntest istituzzjonali biex jassumi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu. Għadu ma nkisibx it-twaqqif ta' servizz ċivili ħieles mill-indħil politiku u indipendenti, ibbażat fuq il-mertu u professjonali. Il-ħatra ta' Ombudsman għadha pendenti.

    Rigward il-ġudikatura, sar progress limitat lejn it-tlestija tar-riforma ġudizzjarja, li hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni. L-istrateġija għar-riforma ġudizzjarja u tal-pjan ta' azzjoni tagħha ġew adottati f'Lulju. Dawn jiffurmaw bażi tajba għall-isforzi tar-riforma. L-implimentazzjoni se tirrikjedi l-allokazzjoni ta' riżorsi umani u finanzjarji adegwati kif ukoll koperazzjoni interistituzzjonali soda. L-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni importanti li, bħal-Liġi dwar l-Qrati Amministrattivi, teħtieġ vot ta' maġġoranza ta' tlieta minn ħamsa fil-Parlament għall-adozzjoni tagħha, għadha pendenti. L-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja tinsab imdgħajfa minn proċeduri fit-tul li jwasslu għal xogħol pendenti. L-approprjazzjonijiet baġitarji għall-ġudikatura jibqgħu ġeneralment insuffiċjenti. Ir-rata tal-infurzar tad-deċiżjonijiet għadha dgħajfa. Għadhom ma ttieħdu ebda passi konkreti biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, inkluża l-limitazzjoni jew l-abolizzjoni tal-immunità tal-imħallfin.

    Sar progress limitat fil-qasam tal-politika kontra l-korruzzjoni, li hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni. Il-qafas legali u l-istrutturi interaġenzjali huma ġeneralment fis-seħħ, iżda l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi għadha kollox ma' kollox ineffettiva u r-riżultati huma insuffiċjenti. Il-kampanji pubbliċi ta' sensibilizzazzjoni għadhom fil-bidu. L-immunità ta' ċerti uffiċjali pubbliċi, in-nuqqas ta' approċċ proattiv u nuqqas ta' riżorsi u tagħmir qed ikomplu jostakolaw b'mod serju milli ssir investigazzjoni effettiva. Ir-rekord ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni huwa nieqes fil-livelli kollha. Il-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u qed tkompli tkun problema partikolarment serja.

    L-Albanija kompliet ittejjeb il-qafas legali u istituzzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi. Sar progress f'ċerti oqsma ta' prijorità ewlenin, bħat-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal permezz tal-adozzjoni ta' liġi komprensiva u titjib fil-kondizzjonijiet ta' persuni detenuti fil-ħabsijiet u l-iżvilupp ta' alternattivi għad-detenzjoni. Il-progress fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem xorta waħda kien irregolari u qed jerġa' jfiġġ tħassib ġdid f'ċerti oqsma, bħalma huma l-libertà tal-midja, fejn l-indipendenza editorjali għadha ostakolata minn interessi politiċi u kummerċjali. L-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar ta' għodod leġiżlattivi u tal-politiki li jirregolaw id-drittijiet umani u l-ħarsien tal-minoranzi jeħtieġ li jiġu msaħħa sostanzjalment.

    Id-drittijiet tal-proprjetà għadhom kwistjoni ta' tħassib kbir. Sar ftit progress lejn l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija u pjan ta' azzjoni koerenti għar-riforma tal-proprjetà. Din hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni. Il-frammentazzjoni tar-responsabbiltajiet u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-diversi istituzzjonijiet involuti jxekklu l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki u joħolqu insigurtà legali u riskju ta' korruzzjoni intrinsiku fis-sistema.

    Sar progress parzjali dwar l-indirizzar tal-prijorità ewlenija li titlob għar-rinfurzar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-aktar għan-nisa, it-tfal u r-Rom, u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki antidiskriminatorji. Saru żviluppi f'dan il-qasam, inkluż l-adozzjoni ta' strateġija Nazzjonali ġdida dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; il-bidu tal-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni. Għad fadal xi lakuni leġiżlattivi importanti, b'mod partikulari fir-rigward ta' persuni b'diżabbiltajiet, u l-Albanija teħtieġ tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-għodda leġislattivi u ta' politika eżistenti Għarfien ġenerali tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-mekkaniżmu dwar l-ilmenti jeħtieġ li jiżdied. Għad hemm tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontinwata kontra ċerti gruppi vulnerabbli, bħall-persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali u r-Rom. Il-komunità Rom għadha marġinalizzata u nieqsa mill-aċċess għall-protezzjoni soċjali u s-servizzi.

    Sar xi progress biex tiġi indirizzata l-prijorità ewlenija dwar titjib fit-trattament tad-detenuti u l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman f'dan il-qasam. Ittieħdu miżuri għat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u biex jiġi ssistematizzat is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman. Madankollu, każijiet ta' maltrattament għadhom qed jiġu rrappurtati, l-aktar waqt l-arrest u l-kustodja tal-pulizija. It-trattament ta' trasgressuri li huma mentalment morda għad irid jitjieb. In-nuqqas ta' soluzzjoni xierqa permanenti għall-allokazzjoni ta' dawk li huma taħt trattament obbligatorju għadu jippreżenta tħassib serju.

    Rigward kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali, l-Albanija kompliet tikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali billi trawwem relazzjonijiet pożittivi mal-ġirien u mal-imsieħba reġjonali. Issa għandha fis-seħħ reġim ħieles mill-viżi mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Il-pajjiż kompla jieħu sehem attiv f'inizjattivi reġjonali ta' koperazzjoni, inkluż fil-Proċess ta' Koperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), il-Kunsill tal-Koperazzjoni Reġjonali (RCC), u l-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA).

    Rigward il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali mal-Istati Uniti dwar l-immunità ma huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u mal-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jikkonverġi l-pożizzjoni tiegħu ma' dik tal-UE.

    L-ekonomija tal-Albanija żammet stabbiltà makroekonomika u tkabbir pożittiv matul u wara l-kriżi globali. Madankollu, l-istaġnar politiku fixkel il-kapaċità tal-gvern li jimplimenta r-riformi strutturali neċessarji. L-ekonomija kibret bi 3.8% fl-2010, grazzi għall-esportazzjonijiet, filwaqt li d-domanda domestika naqset. Il-politika monetarja għenet biex l-inflazzjoni tibqa' stabbli, ukoll fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-prodotti bażiċi. Nuqqasijiet rigward l-applikabbiltà ta' kuntratti u tal-istat tad-dritt, flimkien ma' infrastruttura u l-kapital uman dgħajfa u l-ekonomija informali għadhom ifixklu l-iżvilupp ekonomiku.

    Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, l-Albanija għamlet xi progress lejn li ssir ekonomija tas-suq funzjonanti billi naqqset l-iżbilanċi fiskali u esterni u żammet l-aspettattivi tal-inflazzjoni ankrati u b'hekk saħħet l-istabbiltà makroekonomika. L-Albanija għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fit-terminu medju, diment li żżid il-pass tar-riformi strutturali, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-sistema legali u t-tisħiħ tal-kapital fiżiku u uman.

    Minkejja xenarju politiku iktar polarizzat, inżamm ftehim wiesa' dwar l-elementi essenzjali ta' ekonomija tas-suq. L-ekonomija tal-Albanija kompliet tikber, iżda b'ritmu aktar bil-mod u minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi dgħajfa tal-imsieħba kummerċjali importanti. Il-politika monetarja baqgħet waħda stabbli, li żammet l-istabbiltà tal-prezzijiet filwaqt li l-inflazzjoni baqgħet fil-limitu tal-firxa prevista. Id-defiċit fil-kont kurrenti u l-iżbilanċ fiskali naqsu matul l-2010. L-involviment tal-Istat fl-ekonomija huwa baxx u s-sussidji baqgħu limitati. Is-settur bankarju għadu kapitalizzat tajjeb u likwidu. Sar xi progress biex ikompli jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq. L-UE tibqa l-imsieħeb ewlieni tal-Albanija fil-kummerċ u l-investimenti.

    Madankollu, għadu ma ntlaħaqx tnaqqis dejjiemi tad-dejn pubbliku li hu relattivament għoli. Aktar tnaqqis tal-iżbilanċi esterni jista' jkun ta' sfida speċjalment jekk it-tnaqqis fil-pagi tal-ħaddiema jibqa' jippersisti. Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol marret għall-agħar matul fl-2010, filwaqt li l-qgħad għadu għoli. L-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-falliment għadha mhix kompluta, filwaqt li stat tad-dritt dgħajjef ixekkel l-applikazzjoni ta' kuntratti u l-ambjent tan-negozju inġenerali. Il-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà għadha mhix indirizzata. Livell għoli ta' self inadempjenti fis-sistema bankarja għadu kwistjoni ta' tħassib. L-investiment fil-kapital uman u l-infrastruttura għadu inadegwat. Is-settur informali għadu sfida. Il-konċentrazzjoni tal-produzzjoni f'termini ta' setturi u swieq tal-esportazzjoni tħalli l-ekonomija vulnerabbli għal xokkijiet esterni.

    L-Albanija għamlet xi progress fit-titjib tal-kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi tas-sħubija, partikolarment fl-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, l-intrapriża u l-politika industrijali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, ir-relazzjonijiet esterni u l-kontroll finanzjarju. Il-progress kien limitat f'oqsma oħra bħall-moviment liberu tal-ħaddiema, l-akkwist pubbliku, il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja kif ukoll l-enerġija, l-ambjent u t-trasport bl-ajru. Globalment, huma meħtieġa sforzi kostanti biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Sforzi addizzjonali huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha tal-impenji taħt Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija sar progress fl-istandardizzazzjoni. Jeħtieġ li tiġi stabbilita struttura ta' sorveljanza adegwata tas-suq. Fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ftit kien hemm progress u t-tħejjijiet huma fi stadju bikri. Kien hemm xi progress fil-qasam tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà tal-forniment ta' servizzi, l-aktar fil-qasam tas-servizzi postali. Sar xi progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital rigward il-qafas leġiżlattiv dwar is-sistemi tal-ħlas u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jimplimentaw b'mod effettiv l-istrateġija nazzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja.

    Ftit sar progress fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Il-kapaċità istituzzjonali għadha dgħajfa u hemm nuqqas ta' definizzjoni ċara u tqassim ta' kompetenzi fl-istituzzjonijiet kollha tal-akkwist pubbliku. It-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fi stadju moderatament avanzat. Sar xi progress fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Madankollu, il-kapaċità tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà u l-indipendenza operattiva tal-Bord tal-Iskrutinju Pubbliku għadhom dgħajfa. Kien hemm progress limitat fil-qasam tal-liġi tal-proprjetà intellettwali, u l-preparazzjonijiet m 'humiex avanzati ħafna. L-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali għadu dgħajjef. L-Albanija ma rnexxilhiex tissodisfa fil-ħin l-obbligu tagħha fl-FSA li tiggarantixxi livell ta' protezzjoni simili għal dik tal-UE, inkluż rigward l-infurzar. Kien hemm progress moderat fil-qasam tal-kompetizzjoni, fl-oqsma kemm tal-antitrust u tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, l-awtoritajiet responsabbli għandhom nuqqas ta' kapaċità amministrattiva xierqa. L-indipendenza operattiva tal-Kummissjoni għall-Għajnuna mill-Istat għandha tkun imħarsa. It-tħejjijiet f'dan il-qasam jinsabu fit-triq it-tajba.

    Sar xi progress fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Il-qafas regolatorju dwar il-ġestjoni tar-riskju u l-adegwatezza kapitali ġie mtejjeb. Il-kapaċità superviżorja tas-settur mhux bankarju għadha dgħajfa.

    Sar progress irregolari fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja. L-allinjament mal-acquis u l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi qed jitjiebu. Madankollu, il-leġiżlazzjoni dwar il-midja għadha mhix allinjata mad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi u l-kapaċità tal-awtorità regolatorja televiżiva u tar-radju għadha dgħajfa. It-tħejjijiet f'dan il-qasam mhumiex avanzati ħafna.

    Sar xi progress fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Sar progress fit-twaqqif tal-istrutturi għall-implimentazzjoni tal-iżvilupp rurali. Madankollu, il-kapaċitajiet biex jitwettqu analiżijiet, kif ukoll id-disinn u l-implimentazzjoni tal-politiki għall-iżvilupp rurali għadhom dgħajfa. Kien hemm xi progress, għalkemm irregolari, fil-qasam tal-politika dwar is-sikurezza tal-ikel, u l-politika veterinarja u fitosanitarja. Il-kapaċità operattiva tal-Awtorità Nazzjonali għall-Ikel kienet imsaħħa sew u kien hemm titjib fil-qafas leġiżlattiv dwar is-sikurezza tal-ikel u materji veterinarji. Il-kapaċità kumplessiva u l-koperazzjoni bejn is-servizzi u d-definizzjoni tal-kompetenzi għadhom dgħajfa. Kien hemm xi progress fil-qasam tas-sajd, partikolarment rigward l-ispezzjoni u l-kontroll. L-infurzar tal-qafas regolatorju għadu dgħajjef minħabba nuqqas ta' riżorsi fiżiċi u finanzjarji u nuqqas ta' koperazzjoni interistituzzjonali.

    Kien hemm xi progress, għalkemm irregolari, fil-qasam tal-politika tat-trasport. Għalkemm l-allinjament fl-oqsma tat-trasport bit-triq u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mexa 'l quddiem, is-sikurezza fl-ajru għadha ta' tħassib. Is-setturi tat-trasport ferrovjarju u marittimu jeħtieġu aktar sforzi. Kien hemm progress limitat rigward l-enerġija. Is-sigurtà tal-provvista tjiebet xi ftit, iżda r-riforma tas-suq fis-settur tal-elettriku effettivament għadha ma nkisbitx u l-garanzija tal-vjabbiltà ekonomika tagħha se tirrikjedi aktar sforzi. Il-kapaċitajiet u l-indipendenza istituzzjonali tal-awtoritajiet regolatorji tal-elettriku, gass u radjazzjoni jeħtieġ jissaħħu. It-tħejjijiet f'dan il-qasam qed jimxu bil-mod.

    Għalkemm sar ċertu progress fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni tat-tassazzjoni mal-acquis, u l-preparattivi qegħdin javvanzaw, jinħtieġu sforzi ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva u teknika, inkluż fil-qasam tal-frodi u l-evażjoni fiskali. M'hemmx progress x'jiġi rrappurtat fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja. Sar progress fil-qasam tal-istatistika, partikolarment rigward il-klassifikazzjonijiet u l-infrastruttura tal-istatistika. Progress fir-rigward tas-settur tal-istatistika kien irregolari.

    Progress fil-qasam tal-politika soċjali u l-impjiegi kien irregolari. Għalkemm kien hemm xi żviluppi pożittivi fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-djalogu soċjali, u l-protezzjoni soċjali, għad hemm livelli għolja ta' informalità u inattività fis-suq tax-xogħol. L-implimentazzjoni ġenerali tal-politiki wkoll għadha insuffiċjenti, partikolarment fejn tidħol l-inklużjoni soċjali. It-tħejjijiet f'dan il-qasam mhumiex avanzati ħafna.

    Sar progress fil-qasam tal-politika tal-impriżi u l-politika industrijali, partikolarment rigward it-titjib tal-qafas regolatorju għan-negozju u dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Ġew stabbiliti istituzzjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku. It-tħejjijiet f'dan il-qasam qed jimxu 'l quddiem.

    Sar xi progress fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej. It-tlestija tal-kuriduri tat-toroq kompliet tagħmel progress u l-interkonnessjoni ġdida tal-elettriku saret operazzjonali.

    Sar progress limitat fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-fondi strutturali. Jinħtieġu sforzi konsiderevoli sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva neċessarja u biex tiġi żviluppata sensiela ta' proġetti maturi fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali. It-tħejjijiet f'dan il-qasam għadhom fi stadju bikri.

    Fir-rigward tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, għad hemm xi lakuni importanti minkejja xi sforzi biex tiġi żviluppata leġiżlazzjoni konformi mal-istandards Ewropej. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-għodod politiċi u leġiżlattivi għadha ġeneralment insuffiċjenti u tippreżenta sfida ewlenija. L-allinjament tal-Albanija mal-istandards Ewropej u mal-acquis fil-qasam tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali hija fi stadju bikri.

    L-Albanija għamlet progress fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. L-ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen daħal fis-seħħ f'Diċembru 2010 għal ċittadini li jkollhom passaporti bijometriċi. Sar progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-aktar permezz ta' koperazzjoni internazzjonali tajba u l-implimentazzjoni tal-liġi 'kontra l-mafja' inkluża l-konfiska ta' assi kriminali. Madankollu, il-kriminalità organizzata għadha sfida. Jeħtieġ li jibqgħu jsiru sforzi għall-implimentazzjoni effettiva tal-qafas leġiżlattiv u għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li hija prijorità ewlenija tal-Opinjoni tal-Kummissjoni. Dan jinkludi t-twaqqif ta' rekord kredibbli ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u, fejn xieraq, kundanni proattivi. Għandu jsir segwitu attiv tal-miżuri biex jiżdiedu l-ħila esperta u l-għoti tas-setgħa tal-investigaturi u l-koperazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu għandhom ikunu intensifikati u mwettqa sistematikament, u l-qafas legali għall-konfiska ta' assi kriminali sistematikament infurzat.

    Hemm progress x'jiġi rrappurtat rigward il-kapaċità li jiġi implimentat l-acquis fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka. Il-kapaċità amministrattiva relatata mal-parteċipazzjoni fis-Seba' (7) Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka tjiebet, għalkemm il-kapaċità nazzjonali tar-riċerka għadha baxxa. Sar xi progress fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura, b'mod partikolari rigward it-Taħriġ Vokazzjonali u Edukattiv.

    Kien hemm ftit progress ġenerali rigward l-allinjament leġiżlattiv fil-qasam tal-ambjent. L-implimentazzjoni u l-infurzar globali tal-leġiżlazzjoni għadhom dgħajfa. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-koperazzjoni interistituzzjonali jeħtieġu aktar sforzi. Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-Albanija ma għamlet l-ebda progress globali u l-kapaċitajiet istituzzjonali għadhom dgħajfa ħafna.

    Sar xi progress fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa. Kien hemm ukoll progress fir-regolamentazzjoni u l-infurzar tal-ħarsien tal-konsumatur. Il-qafas leġiżlattiv tjieb globalment. Fir-rigward tas-saħħa pubblika, sar progress fil-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa u kien hemm żviluppi pożittivi fl-oqsma tal-mard li jittieħed u s-saħħa mentali. Madankollu, l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa primarja għadhom hemm.

    Fil-qasam tal-unjoni doganali kien hemm xi progress dwar l-allinjament leġiżlattiv u t-tħejjijiet f’dan il-qasam mexjin 'il quddiem. Madankollu, l-użu tal-prezzijiet ta' referenza fil-valutazzjoni doganali għadu għoli meta kkomparat ma' standards tal-UE u huma meħtieġa aktar sforzi rigward proċeduri simplifikati u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ. Il-kapaċità tal-infurzar u ġestjoni tar-riżorsi umani għadhom dgħajfa.

    Sar xi progress fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, partikolarment fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni. Hemm ħtieġa ta' tisħiħ fil-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva. Kien hemm ukoll progress fil-qasam tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża. Il-pajjiż allinja ma' bosta mid-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet komuni tal-UE, u kompla jipparteċipa f'operazzjonijiet tal-PSDK.

    Kien hemm progress fir-rigward tal-kontroll finanzjarju. Il-qafas legali primarju għall-Kontroll Finanzjarju Intern Pubbliku u l-ispezzjoni ċentralizzata tal-baġit tjiebu. Il-kapaċità amministrattiva fil-qasam tal-kontroll intern teħtieġ tisħiħ. It-tħejjijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE huma fi stadju bikri.

    Fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji, il-prinċipji u l-istituzzjonijiet bażiċi għal oqsma politiċi sottostanti li jaffettwaw is-sistema tar-riżorsi proprji huma fis-seħħ. Il-qafas amministrattiv għall-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riżorsi proprji għadu mhux fis-seħħ.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina

    Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat biex tindirizza l-kriterji politiċi.

    Fl-oqsma tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, sena wara l-elezzjonijiet ġenerali li saru fit-3 ta' Ottubru 2010, il-proċess tat-twaqqif l-awtoritajiet eżekuttivi u leġiżlattivi għad irid jitlesta bl-istabbiliment ta' Gvern fil-livell statali. Dan id-dewmien fit-tul xekkel il-progress tal-Bosnja-Ħerzegovina fir-riformi li tant huma meħtieġa.

    In-nuqqas ta' proċess kredibbli għall-armonizzazzjoni tal-Kostituzzjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għadu kwistjoni ta' tħassib serju. L-ewwel Grupp ta’ Ħidma interistituzzjonali li twaqqaf sabiex jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-każ Sejdić-Finci[21] ma rnexxilux jilħaq ftehim. It-twaqqif ta' Grupp ta' Ħidma ġdid, kif rakkomandat mill-Kunsill tal-Ministri, għadu pendenti.

    L-Assemblea Nazzjonali RS (RSNA) adottat Konklużjonijiet u deċiżjoni dwar li jsir referendum li jisfida l-istituzzjonijiet ġudizzjarji fil-livell tal-Istat. Wara l-faċilitazzjoni tal-UE, l-RSNA irrevokat id-deċiżjoni dwar ir-referendum u fl-1 ta' Ġunju emendat il-Konklużjonijiet. Skont il-qafas stabbilit tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Bosnia-Ħerzegovina ingaġġat ruħha mal-UE fi Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja.

    Il-kapaċità amministrattiva tal-Parlament tjiebet iżda n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il- parlamenti tal-Istat u tal-Entitajiet u nuqqas ta' ftehim politiku bejn l-Entitajiet komplew ifixklu l-ħidma tal-Assemblea Parlamentari. Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-gvern, fil-livelli differenti, baqgħu jintlaqtu minn formulazzjoni ta' politika li hija frammentata u mhux koordinata. It-tliet membri tal-Presidenza tejbu l-isforzi għat-tfassil u l-implimentazzjoni konġunta tal-politika iżda l-koordinazzjoni dwar il-politika barranija baqgħet suġġett għal nuqqas ta' qbil fuq xi kwistjonijiet. Għad irid jiġi stabbilit mekkaniżmu effettiv ta’ koordinazzjoni bejn l-Istat u l-Entitajiet dwar kwistjonijiet tal-UE inkluż fuq programmazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja taħt l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA).

    Sar progress limitat fil-qasam tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. L-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riforma tal-amministrazzjoni pubblika qed tkompli. Madankollu, il-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet varji għadha dgħajfa u l-proċess ta' riforma tal-amministrazzjoni pubblika jonqsu l-appoġġ politiku neċessarju. Hemm bżonn ta’ sforzi kostanti biex jilqgħu għall-indħil politiku. L-Ombudsman fuq il-livell Statali jinsab fis-seħħ iżda l-persunal u l-limitazzjonijiet finanzjarji jfixklu l-effettività tiegħu. L-istabbiliment ta' servizz ċivili professjonali, responsabbli, trasparenti u effiċjenti bbażat fuq il-mertu u l-ħila għadu kwistjoni li trid tiġi indirizzata.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat fit-titjib tas-sistema ġudizzjarja. Ġie varat Djalogu Strutturat bejn l-UE u l-Bosnja-Ħerzegovina dwar il-Ġustizzja, bl-għan li jiżgura sistema ġudizzjarja indipendenti, effettiva, imparzjali u responsabbli. L-implimentazzjoni ta' Strateġija għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja u l-Istrateġija dwar id-Delitti tal-Gwerra teħtieġ li tkun intensifikata. Ittieħdu miżuri biex jitnaqqas ix-xogħol pendenti tal-kawżi, partikolarment dwar il-kontijiet għas-servizzi, iżda għad hemm ħafna kawżi pendenti. Qafas legali frammentat matul il-ġuriżdizzjonijiet kollha jqiegħed piż leġiżlattiv u finanzjarju sinifikanti fuq il-ġudikatura. In-nuqqas ta’ responsabilitajiet baġitarji ssimplifikati jkompli jaffettwa l-indipendenza u l-effettività tal-ġudikatura. L-attakki politiċi frekwenti fuq il-ġudikatura u l-każi pendenti jibqgħu kawża ta' tħassib serju.

    Il-Bosnja-Ħerżegovina għamlet progress limitat ħafna fl-indirizzar tal-korruzzjoni, li għadha problema serja u hija prevalenti f'ħafna oqsma matul is-settur pubbliku u privat. L-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’azzjoni kontra l-korruzzjoni għadha dgħajfa. L-Awtorità kontra l-Korruzzjoni għadha mhix kompletament funzjonabbli. Is-segwitu ġudizzjarju ta' kawżi ta' korruzzjoni għadu jimxi bil-mod u biss numru limitat ta’ kawżi ta’ livell għoli wasslu għall-prosekuzzjoni. L-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni u problemi ta' koordinazzjoni bejn l-entitajiet għadhom kwistjonijiet ta’ tħassib. Il-Bosnja-Ħerżegovina teħtieġ impenn politiku aktar b’saħħtu u azzjoni determinata kontra l-korruzzjoni.

    Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi huma ġeneralment żgurati. Il-Bosnja-Ħerzegovina rratifikat il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ewlenin, iżda l-implimentazzjoni għadha lura.

    Id-drittijiet ċivili u politiċi huma ġeneralment irrispettati. Ftit li xejn sar progress lejn l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet kriminali mal-pajjiż kollu. L-adozzjoni ta' liġi Qafas dwar għajnuna legali b'xejn, meħtieġa għall-konformità mal-KEDB, għadha pendenti. Jeħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja fi proċessi kriminali. Kien hemm xi titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħabs, partikolarment fil-faċilitajiet psikjatriċi, iżda l-iffullar u l-maltrattament tad-detenuti għadhom kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.

    Il-Kostituzzjonijiet tal-Istat u tal-Entitajiet jipprovdu għal-libertà tal-espressjoni u tal-midja, il-libertà tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni u l-libertà tat-twemmin reliġjuż. Madankollu, hija meħtieġa implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni attwali. L-attivitajiet awtoregolatorji tal-Kunsill tal-Istampa tjiebu. L-ilmenti taċ-ċittadini lill-Kunsill tal-Ġurnalisti dwar vjolazzjonijiet ta' Kodiċi tal-Istampa qed jiżdiedu. Il-kapaċità tal-Kunsill tal-Ġurnalisti biex jinforza standards professjonali hija mxekkla minn nuqqas ta' riżorsi. Baqgħet issir pressjoni politika fuq il-midja, hekk kif kompla l-preġudizzju etniku tagħha. Każi ta' intimidazzjoni kontra ġurnalisti komplew ukoll. L-implimentazzjoni tar-riforma fix-xandir pubbliku għadha pendenti. L-indipendenza tal-Aġenzija Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet kompliet tiġi mminata u l-ħatriet għall-Bord għadhom pendenti. L-iżvilupp tas-soċjetà ċivili jeħtieġ aktar appoġġ u trasparenza ulterjuri fl-allokazzjonijiet tal-fondi.

    Id-drittijiet ekonomiċi u soċjali huma ggarantiti mill-qafas legali attwali, iżda l-implimentazzjoni baqgħet dgħajfa minħabba livelli ta' kompetenza frammentati. Liġi komprensiva kontra d-diskriminazzjoni fil-livell tal-Istat tinsab fis-seħħ iżda l-kamp ta' kompetenza tagħha għadu limitat u l-implimentazzjoni għadha dgħajfa. Il-protezzjoni tan-nisa kontra l-vjolenza teħtieġ li titjieb, kif ukoll il-protezzjoni soċjali tat-tfal. F’termini tar-relazzjonijiet interetniċi, minkejja li ġie stabbilit korp ta' koordinazzjoni fil-Federazzjoni, in-numru ta' skejjel diviżi ('żewġ skejjel taħt saqaf wieħed') u skejjel monoetniċi għadu joħloq tħassib. Is-sistema tal-benefiċċji soċjali hija bbażata fuq id-drittijiet minflok il-ħtiġijiet, li għandha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-gruppi vulnerabbli, inklużi dawk b'diżabbiltà mentali. Id-djalogu soċjali u t-tħaddim tad-drittijiet tax-xogħol komplew ikunu imxekkla min-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-imsieħba soċjali u minn qafas leġiżlattiv frammentat.

    Ir-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi[22] u tad-drittijiet kulturali huma ġeneralment żgurati. Sar progress fl-implimentazzjoni tal-pjani ta' azzjoni rigward l-akkomodazzjoni u l-impjiegi għar-Rom. Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-pjani ta’ azzjoni rigward is-saħħa u l-edukazzjoni u jitjiebu r-riżorsi u s-sostenibbiltà fir-rigward tal-pjani ta' azzjoni. Il-minoranza Rom għadha tiffaċċja kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna u diskriminazzjoni. In-nuqqas tar-reġistrazzjoni tat-twelid u tal-aċċess għall-għajnuna legali b'xejn għar-reġistrazzjoni ċivili qed ikompli jxekkel l-aċċess tagħhom għal drittijiet soċjali u ekonomiċi bażiċi. Iktar passi huma meħtieġa biex titjieb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-minoranzi nazzjonali u biex jiġi ggarantiti d-drittijiet tal-minoranzi.

    Inkiseb xi progress fir-rigward tar-refuġjati u persuni spostati internament. L-istrateġija riveduta li tappoġġja l-proċess tar-ritorn u li tiżgura l-implimentazzjoni adegwata tal-Anness 7 għall-Ftehim ta’ Paċi Dayton/ta' Parġi (DPA) hija fis-seħħ. Ittieħdu xi passi biex tiġi implimentata l-istrateġija, l-aktar rigward il-fondi li jirrigwardaw gruppi vulnerabbli li jgħixu f'ċentri kollettivi. Madankollu, il-proċeduri għall-allokazzjoni tal-assistenza għar-ritorn għadhom mhumiex kompletament fis-seħħ. Nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjieg u ta' aċċess għall-protezzjoni soċjali qed ikompli jfixkel is-sostenibbiltà tar-ritorn u tal-integrazzjoni lokali.

    Fir-rigward tal-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali, l-implimentazzjoni tad-DPA issuktat iżda rappreżentanti politiċi fir-Republika Srpska spiss ikkontestaw l-integrità territorjali tal-pajjiż. Il-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja baqgħet sodisfaċenti.

    Il-mandat tal-RSUE kien trasferit mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli għal rappreżentant waħdieni għall-UE li jaġixxi taħt mandat doppju bħala RSUE u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE.

    Kooperazzjoni bejn il-qrati u l-prosekuturi mill-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja u s-Serbja kompliet. L-implimentazzjoni ta' ftehimiet bilaterali dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tas-sentenzi tal-qorti fi kwistjonijiet kriminali tinsab għaddejja. Madankollu, l-isforzi għall-prosekuzzjoni tal-każi tal-kriminalità tal-gwerra baqgħu mfixkla minn ostakli legali għall-estradizzjoni fil-Kodiċi Proċedurali Kriminali.

    Rigward il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali mal-Istati Uniti dwar l-immunità ma huwiex kompatibbli mal-pożizzjonijiet komuni tal-UE u mal-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jikkonverġi l-pożizzjoni tiegħu ma' dik tal-UE.

    Sar progress sinifikanti rigward il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo. Wara l-laqgħat ta' Ġunju u Settembru 2011, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja, qablu fuq numru ta' kwistjonijiet, inkluż it-test ta' dikjarazzjoni konġunta li għandha tiġi ffirmata f'konferenza ministerjali f’Belgrad.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina kompliet tieħu sehem attiv f'inizjattivi reġjonali ta' koperazzjoni, inkluż fil-Proċess ta' Koperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), il-Kunsill tal-Koperazzjoni Reġjonali (RCC), u l-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Ir-relazzjonijiet tal-Bosnja-Ħerzegovina mal-ġirien tagħha komplew jiżviluppaw. F'Settembru, il-Bosnja-Ħerzegovina adottat deċiżjoni biex tirrikonoxxi t-timbri doganali tal-Kosovo. Madankollu, xi kwistjonijiet relatati mal-fruntieri mal-pajjiżi ġirien għadhom miftuħa.

    L-ekonomija tal-Bosnja-Ħerzegovina żiedet ir-ritmu fl-2011 wara tkabbir moderat fl-2010. L-irkupru madankollu għadu baxx u xprunat l-aktar mid-domanda esterna. Il-qgħad baqa' f'livelli għoljin ħafna. Il-qagħda fiskali battiet xi ftit bħala riżultat tal-miżuri ta' aġġustament fiskali implimentati taħt il-programm tal-Fond Monetarju Internazzjonali u żidiet fid-dħul. Madankollu, is-sostenibbiltà fiskali kienet imxekkla sew billi ma' adottatx il-Qafas Globali għall-Politiki fiskali 2011-2013. L-impenn għar-riformi strutturali u għal finanzi pubbliċi sodi baqa' dgħajjef u irregolari mal-pajjiż kollu, u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi baqgħet inferjuri.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Bosnja-Ħerzegovina ftit għamlet progress lejn ekonomija tas-suq funzjonanti. Jeħtieġ li jiġu segwiti sforzi ulterjuri konsiderevoli għar-riforma biex il-pajjiż ikun kapaċi jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fil-perijodu twil.

    L-irkupru huwa prinċipalment immexxi mid-domanda esterna, iżda d-domanda domestika żdiedet ukoll, appoġġjata minn attivitajiet ta' kreditu li reġgħu bdew. Il-produzzjoni industrijali qed tikber. L-attivitajiet kummerċjali żdiedu b'mod sinifikanti u l-livell ta' integrazzjoni tal-kummerċ mal-UE baqa' għoli. Inżammet l-istabbiltà finanzjarja u monetarja. L-arranġament tal-bord tal-valuta kompla jgawdi grad għoli ta' kredibbiltà. Jista' jiġi rrapurtat xi titjib fl-ambjent tan-negozju rigward ir-reġistrazzjoni tan-negozji u t-tħaffif tal-proċeduri amministrattivi inġenerali.

    Madankollu, il-fatt li naqset milli tadotta l-Qafas Globali għall-Politiki Fiskali 2011-2013 fixkel is-sostenibbiltà u l-kredibbiltà tal-politika fiskali fil-Bosnja-Ħerzegovina u ħalla lill-awtoritajiet fiskali mingħajr ftehim fuq linja fiskali ġenerali. L-istaġnar politiku fil-pajjiż rriżulta f'dewmien sinifikanti tal-adozzjoni tal-baġit Statali tal-2011 u fil-posponiment ta' diskussjonijiet dwar il-programmi mal-Fond Monetarju Internazzjonali fuq l-implimentazzjoni tal-Arranġament Stand-by. Il-kwalità tal-finanzi pubbliċi baqgħet baxxa bi proporzjon għoli ta' infiq kurrenti kontra l-PGD. L-iżbilanċi esterni, partikolarment id-defiċit tal-kont kurrenti, ilhom jiżdiedu u l-inflazzjoni żdiedet. L-ambjent tan-negozju kompliet tiġi milqut minn ineffiċjenzi amministrattivi u stat tad-dritt dgħajjef. Il-privatizzazzjoni ppjanata, ir-ristrutturar tal-impriżi pubbliċi u l-liberalizzazzjoni tal-industriji li jużaw netwerk ma għamlux progress. L-kapaċità produttiva u l-kompetittività tal-ekonomija baqgħu dgħajfa minħabba li sorsi domestiċi tat-tkabbir ma ġewx sfruttati biżżejjed. Riġiditajiet strutturali bħal rati għolja ta’ kontribuzzjonijiet soċjali, trasferimenti soċjali mhux immirati tajjeb u mobbiltà baxxa tal-ħaddiema għadhom qed ifixklu l-ħolqien tax-xogħol. L-qgħad kompla jkun għoli ferm u s-settur informali għadu joffri sfida importanti.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħha ma' standards Ewropej. Ġie nnutat xi progress fl-oqsma tal-proprjetà intellettwali, l-għajnuna mill-Istat, ir-riċerka, il-kultura, it-trasport u għadd ta' kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Għadhom meħtieġa sforzi partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, persuni u servizzi, id-dwana u t-tassazzjoni, il-kompetizzjoni, l-akkwisti pubbliċi, l-impjiegi u l-politiki soċjali, l-edukazzjoni, l-industrija u l-SMEs, l-agrikoltura u s-sajd, is-sikurezza tal-ikel, is-settur veterinarju u dak fitosanitarju, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-enerġija, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja u l-istatistika.

    Kollox ma' kollox, l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim (FI) baqgħet irregolari. Il-pajjiż qed jikser il-FI minħabba nuqqas ta' konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fuq livell statali, meħtieġa għall-konformità mal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ministri f'Awwissu iżda l-adozzjoni mill-Parlament għadha pendenti. L-liġi dwar iċ-ċensiment fil-livell tal-Istat, meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż, għad trid tiġi adottata bħala kwistjoni ta' prijorità.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet xi progress fl-oqsma tas-suq intern. Rigward il-moviment liberu tal-merkanzija, sar xi progress fis-sorveljanza tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur. Għadhom meħtieġa sforzi sostanzjali biex il-qafas legali joqrob lejn il-leġiżlazzjoni tal-UE, titjieb il-kapaċità amministrattiva u jinkiseb l-ispazju ekonomiku waħdieni.

    Fil-qasam tal-moviment tal-persuni, servizzi u d-dritt ta' stabbiliment sar progress limitat. Iż-żewġ Entitajiet adottataw il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji u l-koordinazzjoni tas-superviżjoni bankarja ġiet imtejba. Aktar simplifikazzjoni fir-reġistrazzjoni tal-kumpaniji u l-allinjament tal-qafas leġiżlattiv għas-servizzi postali se jkunu essenzjali.

    Ma kien hemm l-ebda progress fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital. Huma meħtieġa aktar allinjament mal-acquis kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni mal-pajjiż kollu. Jista’ jiġi rrappurtat progress tajjeb, għalkemm irregolari, fl-oqsma tad-dwana u t-tassazzjoni. Aktar allinjament tal-leġiżlazzjoni u bini tal-kapaċità biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jibqgħu essenzjali.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet xi progress bl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni. Ma kien hemm l-ebda progress fil-qasam tal-akkwist pubbliku, partikolarment rigward l-allinjament sħiħ tal-Liġi dwar l-Akkwisti Pubbliċi. Issokta l-progress fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    Kien hemm ftit progress fil-qasam tal-politiki soċjali u tal-impjiegi u l-politika tas-saħħa pubblika. Dokumenti ta' strateġija għall-pajjiż kollu jeżistu jew qed jitħejjew, iżda l-politiki u l-leġiżlazzjoni għadhom frammentati. Liġijiet qafas u strateġiji jinsabu fis-seħħ fil-qasam tal-edukazzjoni iżda l-implimentazzjoni għadha pendenti. Sar xi progress fil-kultura. Issokta l-progress fil-qasam tar-riċerka u bdew it-tħejjijiet għal Unjoni tal-Innovazzjoni. In-negozjati biex il-pajjiż jissieħeb fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ komplew javvanzaw.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet ftit progress biex tilħaq l-istandards Ewropej dwar għadd ta' politiki settorjali. Rigward l-industrija u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għad trid tiġi adottata strateġija ta' żvilupp għall-pajjiż inklużi elementi tal-politika industrijali u għad trid tiġi implimentata l-istrateġija tal-SMEs. Sar xi progress fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja u s-sajd. Il-progress fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali baqa' limitat. Koordinazzjoni eqreb bejn l-Istat u l-Entitajiet fl-allinjament mal-acquis f’dawn l-oqsma għadha essenzjali. In-nuqqas ta' progress kellu impatt negattiv fuq il-kummerċ tal-prodotti agrikoli.

    It-tħejjijiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-qasam tal-ambjent għadhom fi stadju bikri. Qafas legali armonizzat għal ħarsien ambjentali u l-Aġenzija Ambjentali Statali għad iridu jiġu stabbiliti. Il-kapaċità amministrattiva hija dgħajfa u l-komunikazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-awtoritajiet differenti teħtieġ tisaħħaħ. Rigward it-tibdil fil-klima, huma meħtieġa sforzi ulterjuri lejn l-adozzjoni ta' strateġija fil-livell tal-Istat għat-tibdil fil-klima, l-allinjament mal-acquis u sensibilizzazzjoni.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress fis-settur tat-trasport. Kien hemm xi żviluppi pożittivi rigward is-setturi tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej, it-trasport bit-triq u bl-ajru, bil-ferrovija u l-kanali interni. Il-liġi dwar it-Trasport ta' Merkanzija Perikoluża għad trid tiġi adottata. It-titjib fl-infrastruttura tat-trasport għadu kwistjoni li trid tiġi indirizzata. It-tħejjijiet fil-qasam tal-enerġija mhumiex avanzati ħafna. Bħala firmatarju tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, il-Bosnja-Ħerzegovina teħtieġ timplimenta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-enerġija. Inkiseb xi progress rigward il-provvista tal-elettriku għad-Distrett Brčko u t-tnedija ta' reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-elettriku fil-livelli kollha ta' Gvern. Biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, hemm bżonn li titwaqqaf kumpanija nazzjonali ta' trażmissjoni li tiffunzjona mal-pajjiż kollu u tiġi adottata strateġija komprensiva dwar l-enerġija.

    Il-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja kien limitat. L-armonizzazzjoni tal-qafas legali għax-xandir pubbliku għadha ma saritx. L-isfidi kontinwi għall-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet, il-pressjoni politika u r-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riforma fix-xandir pubbliku baqgħu jikkawżaw tħassib serju.

    Xi progress jista' jiġi rrappurtat fil-qasam tal-kontroll finanzjarju. Jeżistu Unitajiet Ċentrali ta' Armonizzazzjoni fil-livell ta' Stat u Entità u ngħata bidu għall-introduzzjoni tal-verifika interna. Is-sistemi tal-ġestjoni u kontroll finanzjarju jeħtieġu jiġu żviluppati aktar. L-indipendenza tal-Uffiċċju Statali tal-verifika baqgħet kwistjoni ta' tħassib. Sar xi progress fil-qasam tal-istatistika rigward il-klassifikazzjonijiet u r-reġistri. Is-Settur tal-Istatistika bħall-kontijiet nazzjonali jew l-istatistika tan-negozju u tal-agrikoltura jeћtieġ li jiġu mtejba. Il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-istatistika tal-pajjiżi fil-livell ta' Stat u Entità u aġenziji relevanti oħra fil-livell ta' Stat baqgħu insuffiċjenti.

    Fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, sar ċertu progress fl-oqsma differenti. Fil-qasam tal-politika tal-viżi, il-prijoritajiet komplew jiġu indirizzati. Il-ftehim dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi bejn l-UE u l-Bosnja-Ħerzegovina u l-tehim dwar ir-riammissjoni komplew jiġu implimentati bla problemi. L-ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen daħal fis-seħħ f’Diċembru 2010 għal ċittadini tal-Bosnja-Ħerzegovina li jkollhom passaporti bijometriċi.

    Il-preparazzjonijiet tal-pajjiż fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni avvanzaw. Is-sistema tal-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, il-monitoraġġ tal-flussi migratorji u l-koperazzjoni bejn l-aġenziji komplew jitjiebu. Madankollu, l-infrastruttura f'xi punti ta’qsim tal-fruntieri teħtieġ tiġi msaħħa. Ftit sar progress fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus għadha limitata. Sar progress sostanzjali fil-ġlieda kontra d-drogi. In-nuqqas ta' segwitu ġudizzjarju effettiv ifixkel il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, li għadha problema serja.

    It-tħejjijiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-qasam tal-pulizija qed javvanzaw. Il-frammentazzjoni tal-forzi tal-pulizija tal-Bosnja-Ħerzegovina għadha tfixkel l-effiċjenza, ir-riżultati, il-koperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għadha insuffiċjenti minħabba n-nuqqas ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Il-kriminalità organizzata għadha tqajjem tħassib serju li jolqot l-istat tad-dritt u l-ambjent tan-negozju. L-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin jeħtieġ li jiġu intensifikati u jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar. Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet xi progress fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. It-Task Force konġunta biex tiġġieled it-terroriżmu ġiet stabbilita mill-ġdid. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li titjieb.

    It-tħejjijiet rigward il-protezzjoni tad-dejta personali komplew, iżda hemm bżonn isiru iktar sforzi fuq l-infurzar tal-liġi u biex tkun żgurata l-indipendenza tal-aġenzija superviżorja. Protezzjoni tad-dejta personali li tiffunzjona tajjeb hija kruċjali sabiex il-Bosnja-Ħerzegovina tikkonkludi ftehimiet mal-Europol u l-Eurojust.

    Il-Kosovo

    Fil-perijodu minn Ottubru 2010 sa April 2011 il-qagħda politika fil-Kosovo kienet ikkaratterizzata minn elezzjonijiet kemm parlamentari kif ukoll presidenzjali. L-andament tal-elezzjonijiet ġenerali kien imħassar minn nuqqasijiet serji u diffikultajiet tekniċi. Ġie ffurmat gvern ta' koalizzjoni ġdid fi Frar u ġie elett President ġdid f'April.

    L-President u l-gvern urew impenn għall-aġenda Ewropea. Il-koordinazzjoni tar-riformi relatati mal-UE ġiet imsaħħa. L-elezzjonijiet ittardjaw l-implimentazzjoni ta’ ħafna riformi ewlenin. Issa hemm bżonn ta' sforzi kostanti biex iħaffu l-pass tar-riformi u tal-implimentazzjoni effettiva tagħhom. L-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura huma t-tnejn dgħajfa. Għad irid isir ħafna aktar biex tiġi ttrattata l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, inkluż fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Is-sitwazzjoni ekonomika hija wkoll imwegħra u jeħtieġ li l-gvern jieħu passi urġenti biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-budget f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali. Fuq perspettiva aktar pożittiva, il-Kosovo kompla jagħmel sforzi sostnuti biex jagħti riżultati fuq oqsma ewlenin tal-aġenda Ewropea tiegħu bħall-viżi u l-kummerċ.

    Fuq il-bażi tar-reżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU adottata fid-9 ta' Settembru 2010, li kienet ippreżentata b'mod konġunt mis-Serbja u s-27 Stat Membru tal-UE, f'Marzu ingħata bidu għal proċess ta' djalogu bejn Belgrad u Pristina. Dan tmexxa fi spirtu ġeneralment kostruttiv sa Settembru u wassal għal ftehim dwar diversi kwistjonijiet: il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni, ir-reġistru ċivili u l-katast. Il-ftehimiet li ntlaħqu sa issa jridu jiġu implimentati b'rieda tajba. Aktar riżultati għad iridu jinkisbu sabiex, qabel kollox, jiġu implimentati l-prinċipji ta' koperazzjoni reġjonali inklussiva u li tiffunzjona u jiġu provduti soluzzjonijiet sostenibbli dwar kwistjonijiet relatati mal-acquis tal-UE f'setturi bħall-enerġija u t-telekomunikazzjoni.

    Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, l-integrazzjoni tal-komunità Serba fin-Nofsinhar tax-xmara Ibër/Ibar tjiebet. Is-Serbi bbenefikaw minn qafas legali li jipproteġi d-drittijiet tagħhom. L-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet ġenerali żdiedet u huma pparteċipaw ukoll fiċ-ċensiment. L-għalliema tal-iskejjel appoġġati mis-Serbja bdew jiffirmaw kuntratti mad-direttorati muniċipali tal-edukazzjoni fil-Kosovo.

    Fit-Tramuntana tal-Kosovo, strutturi appoġġati mis-Serbja baqgħu stabbiliti u l-integrazzjoni ma avanzatx. Il-muniċipalitajiet appoġġati mis-Serbja opponew l-andament taċ-ċensiment fit-Tramuntana u l-konkorrenza tas-Serbi mill-Kosovo tat-Tramuntana fl-elezzjonijiet ġenerali kien negliġibbli. Is-Serbi fit-Tramuntana kkontestaw ukoll il-mandat tal-EULEX. Is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Kosovo u l-kwistjoni tal-kontroll tal-fruntieri/konfini wasslu għal konfronti vjolenti, li f'Lulju u Settembru rriżultaw f’korrimenti u fil-mewt ta' persuna. Is-sitwazzjoni wasslet ukoll għal retorika xewwiexa iktar frekwenti mit-tmexxija Kosovara. Il-partijiet kollha jridu jagħtu s-sehem tagħhom biex tonqos it-tensjoni fit-Tramuntana tal-Kosovo u jippermettu l-moviment liberu tal-persuni u l-merkanzija, għall-benefiċċju tan-nies tar-reġjun.

    L-awtoritajiet qed jikkooperaw mal-EULEX fl-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet li qajmet ir-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar trattament inuman tan-nies u t-traffikar illeċitu f'organi umani fil-Kosovo. L-awtoritajiet tal-Kosovo jeħtieġ ukoll jiżguraw koperazzjoni konsistenti u effikaċi mal-EULEX fl-oqsma kollha tal-mandat tiegħu.

    Rigward id-demokrazija u l-istat tad-dritt, b'mod partikolari l-istat tad-dritt għadu kwistjoni ta' tħassib serju u jeħtieġ attenzjoni urġenti mill-gvern, l-assemblea u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Kosovo.

    Ir-raba' mandat tal-assemblea kien inawgurat fil-21 ta’ Frar wara l-elezzjonijiet ġenerali. Kien hemm nuqqasijiet serji fil-proċess elettorali. Hemm bżonn li l-Kosovo jieħu passi urġenti biex jindirizza dawn billi jissimplifika s-sistema, jsegwi standards internazzjonali, u jinvestiga u jagħmel il-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' frodi elettorali. L-assemblea adottat baġit u firxa ta' liġijiet ewlenin ta' riforma rilevanti għall-aġenda Ewropea. Il-kapaċità tal-assemblea li tifli l-abbozzi ta' leġiżlazzjoni u l-ħidma tal-gvern għadha dgħajfa. Hemm tħassib li r-regoli ta' proċedura tal-assemblea mhumiex dejjem segwiti.

    Gvern ta' koalizzjoni ġdid ħa l-kariga fit-22 ta' Frar. F'Marzu, il-gvern adotta regolament li jistabbilixxi u jsaħħaħ ir-rwol tad-dipartimenti tal-integrazzjoni Ewropea fi ħdan il-ministeri. Il-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea saħħaħ ir-rwol tiegħu bħala koordinatur tal-aġenda Ewropea u d-donaturi, u għamel pressjoni biex ir-riformi jħaffu l-pass. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu identifikati miri speċifiċi u riżultati miżurabbli, li jiggwidaw aħjar lill-gvern fl-attivitajiet tiegħu ta' riforma. L-isforzi dwar id-deċentralizzazzjoni komplew. L-gvern jeħtieġ li jsib soluzzjonijiet għas-sostenibbiltà fit-tul tal-muniċipalitajiet ta' maġġoranza Serba li twaqqfu dan l-aħħar. Fl-istess ħin, l-istrutturi appoġġati mis-Serbja komplew joperaw fil-Kosovo u jostakolaw l-implimentazzjoni sħiħa ta’ deċentralizzazzjoni.

    Kien hemm progress limitat rigward ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Il-qafas regolatorju ġie msaħħaħ, iżda għad irid jitlesta. L-istrateġija riveduta għall-amministrazzjoni pubblika 2010-2013 għadha ma ġietx implimentata. Ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika għadha sfida kbira u l-amministrazzjoni pubblika hi dgħajfa ħafna. L-uffiċċju tal-Ombudsperson jonqsu riżorsi adegwati, uffiċċji u appoġġ politiku.

    Kien hemm progress fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja, l-aktar fil-forma ta' sentenzi importanti mill-Qorti Kostituzzjonali. L-assemblea adottat leġiżlazzjoni importanti bħal-liġijiet dwar il-protezzjoni tax-xhieda, dwar ir-responsabbiltà kriminali għal offiżi kriminali ta’ persuni ġuridiċi u l-liġi dwar koperazzjoni legali internazzjonali. L-proċess tar-riforma jeħtieġ li jitkompla. L-implimentazzjoni tal-erba' liġijiet ta' riforma adottati fil-perjodu preċedenti tar-rappurtaġġ kompliet b’mod sodisfaċenti. Id-Diviżjoni għal Koperazzjoni Legali Internazzjonali fil-Ministeru tal-Ġustizzja żiedet il-kapaċità tagħha u ttrattat il-kawżi b'mod professjonali. Il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo beda jindirizza prijoritajiet ewlenin. Id-disa' membri tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Kosovo nħatru kollha u l-Kunsill beda jiffunzjona. Is-salarji tal-imħallfin u l-prosekuturi żdiedu. Fl-istess ħin, is-sistema ġudizzjarja fil-Kosovo għadha dgħajfa. Ammont sinifikanti ta' kawżi pendenti għadu jippersisti. Għad hemm rapporti ta' theddid u intimidazzjoni lill-imħallfin u l-indħil politiku fil-ħidma tal-ġudikatura għadu kwistjoni ta' tħassib. Hemm bżonn ta' approċċ iktar proattiv mill-prosekuturi u l-imħallfin biex jinvestigaw u jaġġudikaw il-kawżi ta' kriminalità organizzata u korruzzjoni. Hemm ukoll tħassib serju dwar it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-klemenza.

    Il-Kosovo għamel xi progress biex jindirizza l-korruzzjoni, l-aktar billi beda jittratta xi kawżi ta’ korruzzjoni. Il-korruzzjoni għadha mifruxa f'ħafna oqsma u għadha problema serja ħafna li għandha impatt ukoll fuq l-aċċess taċ-ċittadini għas-servizzi. It-Task Force kontra l-korruzzjoni ssaħħet. Il-qafas legiżlattiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġie mtejjeb bl-adozzjoni ta' diversi liġijiet importanti, anki jekk għadu mhux komplet u jeħtieġ li jiġi msaħħaħ aktar. L-liġi dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi għandha nuqqasijiet kbar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha jeħtieġ jitjieb ukoll. Ksur tar-regoli tal-akkwist qed ikompli jkun kwistjoni ta’ tħassib fil-kuntest tal-korruzzjoni. Id-dikjarazzjonijiet tal-assi jkomplu juru diskrepanzi bejn l-assi ddikjarati u d-dħul reali.

    Il-Kostituzzjoni tal-Kosovo għandha dispożizzjonijiet qawwija biex tiżgura l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi. L-istituzzjonijiet differenti li jittrattaw il-promozzjoni, l-infurzar u s-sorveljanza tad-drittijiet fundamentali ma jikkoordinawx l-attivitajiet tagħhom b'mod adegwat. Korpi fil-fergħa eżekuttiva tal-gvern isofru minn nuqqas ta’ kapaċità, u responsabbiltajiet u awtorità mhux definiti sew, li spiss jikkoinċidu ma' korpi oħra. L-impatt politiku u prattiku tagħhom huwa limitat. Jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu infurzati rimedji legali u amministrattivi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. L-integrazzjoni tal-membri tal-komunità Serba tjiebet, speċjalment fin-Nofsinhar tax-xmara Ibër/Ibar. Aktar sforzi huma meħtieġa biex jindirzzaw il-ħtiġijiet tas-Serbi madwar il-Kosovo, iżda partikolarment fit-tramuntana.

    Sar progress limitat fil-qasam tad-drittijiet ċivili u politiċi. Il-gvern jeħtieġ ikompli bl-isfozi tiegħu rigward il-prevenzjoni tat-tortura u l-maltrattament. Huma meħtieġa iktar passi biex tiġi eliminata l-impunità. F'xi ħabsijiet hemm bżonn li tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta' spazju u l-iffullar. L-aċċess għall-ġustizzja mhux garantit għal kollox, l-aktar fit-Tramuntana ta' Mitrovicë/Mitrovica fejn il-Qorti Distrettwali qed taħdem b’kapaċità limitata taħt il-EULEX. Dan idgħajjef l-istat tad-dritt f’din il-parti tal-Kosovo.

    Rigward il-libertà tal-espressjoni, jista' jiġi rrappurtat progress limitat. It-trasparenza tas-sjieda tal-midja hija ggarantita minn liġi u l-liġi hija infurzata kif suppost. Il-ġurnalisti jkomplu jaffaċċjaw pressjoni politika u t-theddid. L-indipendenza u l-imparzjalità tax-xandâr pubbliku (RTK) mhix garantita. Il-libertà tal-assemblea u l-assoċjazzjoni huma ġeneralment rispettati. Id-dritt tal-assoċjazzjoni hu garantit bl-adozzjoni tal-emendi għal-liġi dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni fl-NGOs. L-ambjent li fih topera s-soċjetà ċivili jeħtieġ li jiġi mtejjeb b’mod sinifikanti. Jeħtieġ li l-gvern juża aħjar il-kompetenzi tas-soċjetà ċivili.

    Fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-pulizija kompliet tamministra tajjeb it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-għassa tas-siti storiċi u reliġjużi, inklużi dawk Serbi Ortodossi, minn KFOR. Il-Kosovo għamel progress fl-attivitajiet tagħha tar-rinnovazzjoni tas-siti Serbi Ortodossi b'koperazzjoni ma' parteċipanti rilevanti mil-Knisja u mill-awtoritajiet Serbi.

    Jinħtieġ isiru aktar sforzi sabiex ikun hemm garanzija sħiħa tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali. Sar xi progress fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, l-aktar biż-żieda tar-rappreżentazzjoni tagħhom fil-politika u titjib fil-qafas leġiżlattiv biex jiggarantixxi d-drittijiet tagħhom. L-istituzzjonijiet relevanti jeħtieġ li jiġu msaħħa u l-baġit jiżdied sabiex il-leġiżlazzjoni tiġi implimentata. Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal tjiebet bl-implimentazzjoni tal-kodiċi tal-ġustizzja għall-minorenni. Twaqqaf il-Kunsill għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Ġustizzja għat-Tfal. Il-protezzjoni tat-tfal għadha dgħajfa u l-faqar tat-tfal għoli. Sar progress limitat rigward gruppi soċjalment vulnerabbli u persuni b'diżabbiltajiet. Ġie ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-persuni b’diżabilità. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u l-liġijiet rilevanti f'dan is-settur jeħtieġ li jissaħħu, partikolarment fil-livell muniċipali, l-aktar billi jiġi żgurat l-aċċess ta' studenti b'diżabbiltà għall-iskejjel.

    Il-gvern għamel kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-liġi kontra d-diskriminazzjoni. Id-diskriminazzjoni għadha toħloq tħassib. Rigward ix-xogħol u d-drittijiet industrijali, jista' jiġi rrappurtat xi progress. Il-liġi tax-xogħol ġiet adottata kif ukoll il-liġi dwar it-trejdunjins u l-liġi dwar il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali. Kien hemm progress imħallat fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà. Il-qafas leġiżlattiv ġie mtejjeb u ġie maħtur koordinatur tad-drittijiet tal-proprjetà. l-ammont sinifikanti ta' każi pendenti f'dan il-qasam jipprevjeni lin-nies milli jħaddmu d-drittijiet tagħhom rigward il-proprjetà. Hemm bżonn isiru aktar sforzi huma meħtieġa sabiex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni attwali.

    Il-Kosovo kiseb xi progress rigward ir-rispett u l-ħarsien tal-minoranzi u tad-drittijiet kulturali. Il-muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba li twaqqfu dan l-aħħar qed jiffaċċjaw numru ta’ sfidi bħalma hija l-ġestjoni tal-art. Sar progress limitat dwar l-aċċess tal komunitajiet minoritarji għall-edukazzjoni. Il-komunità Serba kemm fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Ibër/Ibar għadha tiddependi minn kotba tal-iskola u sistema edukattiva pprovduti mis-Serbja. L-awtoritajiet tal-Kosovo jeħtieġ li joffru alternattiva u jiżviluppaw kurrikulu Serb. Il-lingwa Serba mhix disponibbli bħala t-tieni lingwa uffiċjali fl-iskejjel li jinsabu barra miż-żoni fejn hemm predominanza ta' popolazzjoni Serba. Sar ftit progress rigward l-użu tal-lingwi. L-implimentazzjoni tal-qafas legali hija inadegwata. M'hemm fis-seħħ servizzi pubbliċi multilingwi. Il-pożizzjoni tax-xandir tal-minoranzi Serbi tjiebet, l-aktar bit-tnedija ta' "TV Mreža".

    Rigward ir-riallokazzjoni tal-familji Rom, Ashkali u Eġizzjani miż-żoni kkontaminati miċ-ċomb, il-kamp Çesmin Lug/Česmin Lug ingħalaq f'Ottubru 2010. Il-kamp Osterode għadu miftuħ għaliex fit-Tramuntana ta' Mitrovicë/Mitrovica ma ġietx allokata art pubblika alternattiva. Il-gvern ħeġġeġ ir-reġistrazzjoni ċivili ta' dawn il-komunitajiet, inkluż billi organizza reġistrazzjoni mingħajr ħlas. Ġie ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Integrazzjoni tal-Komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani. Fl-istess ħin, l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ dawn il-komunitajiet u l-aċċess tagħhom għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-ħarsien soċjali għadhom ta' tħassib serju ħafna.

    Ir-ritorn ta' refuġjati u persuni spustati internament għadu ta' sfida għall-istituzzjonijiet tal-Kosovo. Il-baġit pubbliku allokat għar-ritorn tnaqqas b’40% u huwa baxx ħafna. Kwistjonijiet bħal dewmien fil-proċedimenti ta' restituzzjoni tal-proprjetà, u l-iskarsezza ta’ opportunitajiet ekonomiċi għadhom ostakli maġġuri għal ritorn volontarji u sostenibbli. Ħafna persuni spustati għadhom qed jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli. Rigward l-infurzar tad-drittijiet kulturali, jista' jiġi rrappurtat progress limitat. Il-koperazzjoni bejn il-ministeri rilevanti u bejn il-livelli ċentrali u muniċipali tjiebet. Il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali u l-implimentazzjoni tal-liġijiet għadha dgħajfa.

    Rigward il-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali, il-Kosovo qed ikompli jikkopera mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja. Il-EULEX għamel numru ta’ operazzjonijiet, inklużi arresti u kundanni f'kawżi ta' delitti tal-gwerra, li xi wħud minnhom jinvolvu persuni politiċi anzjani, inkluż ex-ministru. Il-liġi dwar persuni nieqsa, adottata f’Awwissu, hija żvilupp importanti. Il-liġi tiggarantixxi r-rikonoxximent tad-dritt li jiġu infurmati u d-dritt għar-riparazzjoni li għandhom il-familji u tipprovdi għall-istatus legali tal-persuni neqsin. L-gvern jeħtieġ iżid il-pass fl-isforzi tiegħu biex jipprovdi informazzjoni u riżorsi li jiċċaraw x'ikun sar minn persuni neqsin. Ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Jannar qajmet allegazzjonijiet serji relatati mal-kunflitt tal-1999. Il-EULEX stabbilixxiet task force ibbażata fi Brussell f'uffiċċju ta' komunikazzjoni fi Pristina biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet. L-awtoritajiet qed jikkoperaw mal-EULEX f'din l-investigazzjoni.

    Il-Kosovo pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill ta' Koperazzjoni Reġjonali fil-Montenegro f'Ġunju għall-ewwel darba mis-sajf tal-2010. Il-Kosovo ppresjieda b'mod sodisfaċenti l-laqgħat tas-CEFTA fl-2011. fi ħdan id-djalogu Belgrad/Pristina, intlaħaq ftehim dwar it-timbri doganali. Għad irid jinstab ftehim fuq soluzzjoni sostenibbli għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'fora reġjonali. Il-prinċipji ta' koperazzjoni reġjonali inklużiva u li tiffunzjona jeħtieġ li jiġu implimentati fit-totalità tagħhom minn dawk kollha kkonċernati.

    L-ekonomija tal-Kosovo kompliet tkun ikkaratterizzata minn tkabbir fraġli u żbilanċi domestiċi u esterni sinifikanti, aggravati minn pożizzjoni imprevedibbli tal-politika fiskali. L-inflazzjoni għolja u suq tax-xogħol li jiffunzjona ħażin jirrappreżentaw sfidi kbar għall-koeżjoni ekonomika u soċjali. Sensiela ta’ miżuri ad hoc u nuqqas ta’ impenn mill-awtoritajiet sfratta l-Arranġament ta' Riżerva tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Il-ftehim ġdida mal-FMI li ma jagħmilx ħlasijiet, li jiddekorri sa tmiem l-2011, huwa test importanti għall-Kosovo biex jikseb mill-ġdid il-kredibbiltà fil-politika ekonomika u fiskali Inċertezza għolja baqgħet ostakolu għall-iżvilupp tas-settur privat. Id-ditti huma kkonfrontati minn amministrazzjoni dgħajfa, nuqqas ta' provvista affidabbli tal-elettriku, defiċjenza fil-ħiliet tal-ħaddiema, infrastruttura fqira u stat tad-dritt defiċjenti.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Kosovo ma għamel l-ebda progress lejn it-twaqqif ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Hemm ħtieġa ta' riformi u investimenti konsiderevoli biex jippermettulha tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fil-perijodu twil.

    Il-qafas monetarju kompla jiffunzjona relattivament tajjeb, minkejja li hemm lok għal titjib, partikolarment fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju. L-intermedjazzjoni finanzjarja kompliet tapprofondixxi u s-settur bankarju baqa' stabbli u profittabbli, minkejja ż-żieda ta' self inadempjenti. Kien hemm xi progress fil-proċess tal-privatizzazzjoni.

    Il-funzjonament tajjeb tal-politika makroekonomika mħallta kien dejjem aktar mhedded minn politika fiskali imprevedibbli, tkabbir insostenibbli fl-infiq tal-gvern u opzjonijiet limitati ta' finanzjament. Governanza dgħajfa u miżuri ad hoc għandhom impatt negattiv fuq is-settur privat u problemi strutturali kbar qed ikomplu jfixklu l-ekonomija. L-inflazzjoni kienet għolja u volatili. Ir-rata tal-qgħad baqgħet għolja ħafna u ma nħolqux biżżejjed impjiegi biex jitnaqqsu l-pressjonjiet fuq is-suq tax-xogħol u jingħataw opportunitajiet tax-xogħol, speċjalment li dawk deħlin ġodda. L-iżbilanċi esterni kwoll baqgħu għoljin, speċjalment fil-kummerċ tal-merkanzija, u l-influssi ta' investiment barrani li jsaħħaħ il-produzzjoni baqgħu limitati. Il-kumpanija pubblika tal-elettriku kompliet tirċievi sussidji sostanzjali mill-baġit tal-Istat u self għall-finanzjament tal-programm tagħha ta' investiment. Id-dgħufija tal-istat tad-dritt u l-isfidi relatati mad-drittijiet tal-proprjetà komplew ikollhom impatt negattiv fuq l-ambjent tan-negozju. Is-settur informali għadu sfida kbira.

    Il-kampanja elettorali ta' qabel l-elezzjonijiet ġenerali bikrija, segwita mill-proċess biex jiġi ffurmat gvern ġdid u biex jiġi elett president, ħallew biss perjodu qasir biex l-assemblea u l-gvern jadottaw leġiżlazzjoni u politiki f'konformità mal-istandards Ewropej. Il-progress kien imħallat. Is-sistema għal movimenti ta' kapital avanzat sew. Il-Kosovo għamel progress fil-qasam tal-ażil u l-migrazzjoni, l-aktar dwar ir-riammissjoni u ir-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati.

    Sar xi progress leġiżlattiv fil-politika tal-kompetizzjoni, fis-settur tal-enerġija u fis-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja. Ġie nnutat xi progress fl-oqsma li ġejjin: it-tassazzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-impjieg, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika, il-kontroll finanzjarju, l-istatistika, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin. L-infrastruttura tat-trasport teħtieġ żvilupp ulterjuri. Inkisbu riżultati limitati rigward l-ambjent, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel, it-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ftit li xejn sar sabiex il-leġiżlazzjoni tiġi allinjata mal-acquis dwar il-moviment tal-persuni, servizzi u d-dritt ta' stabbiliment, il-ħasil tal-flus, u l-protezzjoni tad-dejta personali.

    Rigward is-suq intern tal-UE, sar ċertu progress fir-rigward tal-leġiżlazzjoni relatata mal-moviment liberu tal-merkanzija. Ġie nnutat xi progress dwar l-evalwazzjoni tal-konformità, l-akkreditazzjoni, il-metroloġija u s-sorveljanza tas-suq. Sar progress limitat fl-istandardizzazzjoni. Ma sar l-ebda progress leġiżlattiv rigward il-protezzjoni tal-konsumatur. L-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija hija limitata. Hemm bżonn ta' koordinazzjoni aħjar u strateġija rigward il-proċess ta' allinjament mal-acquis kollu f'dan il-qasam. Il-kapaċità amministrattiva, l-implimentazzjoni meħtieġa u l-miżuri ta' infurzar huma inadegwati. L-allinjament mal-acquis fl-oqsma tal-moviment tal-persuni, servizzi u d-dritt ta' stabbiliment kif ukoll il-liġi tal-kumpaniji jinsab fi stadju bikri. Is-sistema għall-movimenti tal-kapital hija liberali ħafna u avanzata sew. Riforma ulterjuri hija mixtieqa sabiex jiġu introdotti r-rekwiżiti tar-riskju Basel II u biex jiġi stabbilit qafas legali konformi għal kollox mal-istandards tal-UE.

    Il-liġi doganali tal-Kosovo hija ġeneralment konformi mal-Kodiċi Doganali tal-UE. Jeħtieġ li jiġu segwiti aktar sforzi għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar. Il-Bord ta' Reviżjoni Indipendenti jeħtieġ jiffunzjona b'mod aktar effettiv u jnaqqas ix-xogħol pendenti tal-kawżi. Sar xi progress fil-qasam tat-tassazzjoni, l-aktar relatat mal-implimentazzjoni tar-riformi biex jappoġġaw l-istrateġija għall-konformità mat-taxxa. Il-kapaċità amministrattiva għall-infurzar tal-ħlas tat-taxxa u joqos is-settur informali mdaqqas għadha baxxa.

    Sar xi progress leġiżlattiv rigward il-politika tal-kompetizzjoni, partikolarment il-politika tal-antitrust kif ukoll tal-għajnuna mill-Istat billi ġiet adottata liġi dwar l-għajnuna mill-Istat. L-implimentazzjoni ta' politika tal-antitrust qed titjieb. Jista' jiġi rrappurtat progress fil-qasam tal-akkwsit pubbliku, bl-addozzjoni tal-liġi emendata tal-akkwist pubbliku li tikkostitwixxi pass lejn l-allinjament mal-istandards tal-UE. Il-qafas legali għad irid jitlesta u l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet responsabbli jeħtieġ titjieb.

    Sar xi progress fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikulari dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali. Il-qafas leġiżlattiv għadu mhux komplut u l-infurzar tar-regoli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa insuffiċjenti. Jista' jiġi rrapportat xi progress fl-allinjament leġiżlattiv tal-politiki soċjali, tal-impjiegi, u tas-saħħa pubblika mal-istandards tal-UE. L-implimentazzjoni ta' dan il-qafas leġiżlattiv hija kruċjali biex in-nies qiegħda u gruppi vulnerabbli oħra jsibu l-għajnuna biex itejbu l-istandards tal-għajxien tagħhom. Il-kapaċità amministrattiva f'dawn l-oqsma wkoll hija limitata, l-aktar fil-livell muniċipali. Sar xi progress dwar l-allinjament mal-istandards Ewropej dwar l-edukazzjoni u r-riċerka. Il-kapaċità fuq livell ċentrali u muniċipali teħtieġ li tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali u strateġiku. Fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, sar progress limitat. Sforzi serji huma meħtieġa biex tinħoloq il-kapaċità meħtieġa ta’ riċerka u innovazzjoni. L-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv teħtieġ tissaħħaħ permezz inter alia ta' titjib fil-koordinazzjoni bejn il-livelli ċentrali u dak lokali. Sabiex tibbenefika bis-sħiħ mis-sostenn tad-donaturi, għandhom ikunu allokati riżorsi umani adegwati għall-proġetti ta' edukazzjoni u riċerka.

    Rigward il-politiki settorjali, jeħtieġ jiġi adottat il-pjan ta' implimentazzjoni għal strateġiji Industrijali u tal-SMEs, baġit adegwat jeħtieġ li jiġi allokat u l-awtoritajiet responsabbli jeħtieġ li jissaħħu. Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-partijiet interessati jibqgħu sfida. Il-Kosovo għamel progress limitat fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel. Saru sforzi biex tiġi żviluppata l-kapaċità amminstrattiva, l-aktar fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel. Prinċipalment minħabba allokazzjonijiet baġitarji insuffiċjenti, sar progress limitat fit-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv u amministrattiv fil-qasam tal-ambjent u t-tibdil fil-klima.

    L-infrastruttura tat-trasport teħtieġ żvilupp ulterjuri. Il-proġett ewlieni ta' infrastruttura tat-toroq tal-Kosovo, il-kostruzzjoni tal-awtostrada mill-Kosovo sal-fruntiera Albaniża, għadu joħloq tħassib minħabba l-spejjeż sproporzjonalment għolja u l-livell ta’ investiment meħtieġ fit-tul. Sar xi progress fil-qasam tal-avjazzjoni.

    Fis-settur tal-enerġija, sar xi progress fl-allinjament legali u fl-implimentazzjoni tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija. Sabiex jiġi attirat l-investiment, hemm bżonn ta' sforzi kontinwati għat-titjib fil-prestazzjoni tal-komputazzjoni u ġbir tal-kontijiet tal-elettriku u biex tidħol fis-seħħ tariffa mhux sussidjata u li tirrifletti l-kostijiet. L-impjant ippjanat tal-enerġija l-ġdid tal-Kosovo sofra dewmien. Dan kellu impatt fuq l-iskeda ta' żmien biex jingħalaq l-impjant A tal-Kosovo li qed jikkaġuna tniġġiż qawwi. Minħabba d-differenzi dwar l-istatus, il-Kosovo għadu ma jistax jipparteċipa f’mekkaniżmi ta' tranżitu ta’ enerġija reġjonali. Dan iwiegħer l-istabbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Kosovo u jfisser li l-Kosovo jitlef mid-dħul fuq it-tranżitu.

    Fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja, il-Kosovo adotta xi regolamenti dwar telekomunikazzjonijiet biex japplika l-istandards tal-UE. Liġijiet importanti dwar finanzjament sostenibbli tax-xandâr tas-servizz pubbliku u fuq il-Kummissjoni Indipendenti tal-Midja nħarġu mill-aġenda tal-Assemblea minħabba li dawn la jissodisfaw l-istandards tal-UE u lanqas jipproteġu l-indipendenza tal-Kummissjoni u x-xandâr tas-servizz pubbliku. Iż-żewġ kwistjonijiet iridu jiġu solvuti b'urġenza.

    Inkiseb xi progress dwar il-kontroll finanzjarju. Il-prattika ta’ kontroll finanzjarju intern pubbliku għadu fi stadju bikri. Jeħtieġ li titqajjem kuxjenza fost il-maniġers f'organizzazzjonijiet baġitarji rigward ir-rilevanza tal-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju. Fil-qasam tal-istatistika, il-Kosovo kiseb xi progress, notevolment billi wettaq ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar b'mod sodisfaċenti.

    Il-Kosovo għamel progress imħallat fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Ittieħdu passi mill-Ministeru tal-Affarijiet Interni sabiex iħejji lill-Kosovo għall-ħruġ ta' passaporti bijometriċi. Sar progress tajjeb billi ġiet adottata leġiżlazzjoni adegwata u sar titjib fl-affidabbiltà tar-reġistri ċivili. Aktar sforzi għadhom meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tad-dokumenti.

    Inkiseb xi progress fil-ġestjoni tal-fruntieri. Twaqqfet task force konġunta li tinvolvi uffiċjali tad-dwana u l-pulizija għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali. L-aġenziji organizzaw għassa konġunta tul il-fruntiera u operazzjonijiet konġunti fil-punti tal-qsim tal-fruntieri. Tmexxew għasses tal-pulizija konġunti u sinkronizzati mal-kontropartijiet tagħhom mill-Albanija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. L-pulizija ħadet aktar responsabbiltajiet mill-KFOR għall-protezzjoni fil-fruntiera l-ħadra ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mal-Montenegro. Il-kwalità u l-konsistenza tal-kontrolli fil-fruntieri jeħtieġ jittejjbu.

    Fil-qasam tal-ażil, inkiseb progress. Il-Kosovo ffaċċja numru akbar ta' dawk li jfittxu l-ażil. Ittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet dwar it-talbiet għall-ażil. Jibqgħu xi nuqqasijiet il-proċedura tal-ażil, l-aktar in-nuqqas ta’ interpretazzjoni, id-determinazzjoni tal-oriġini tal-persuni u l-proċeduri tal-appell. Il-Kosovo kiseb progress fil-qasam tal-migrazzjoni. Kompla jiffirma ftehimiet ġodda ta’ riammissjoni mal-pajjiżi Ewropej. Id-Dipartiment għaċ-Ċittadinanza, l-Ażil u l-Migrazzjoni kompla jittratta b'mopd effiċjenti talbiet għal riammissjoni minn pajjiżi Ewropej. Il-Kosovo għamel progress konsiderevoli fir-rigward tal-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni, rimpatrijati, inkluż fuq il-livell muniċipali. Hemm bżonn ta' sforzi kostanti biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva.

    Il-Kosovo għamel progress limitat fl-indirizzar tal-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja/ekonomika. Beda t-trasferiment gradwali tar-responsabbiltajiet taċ-ċentru tal-intelligence finanzjarja mill-EULEX lejn l-awtoritajiet tal-Kosovo. Il-kapaċità tal-Kosovo biex jinvestiga u jipproċedi kontra delitti ekonomiċi għadha limitata. Il-kriminalità ekonomika/finanzjarja u l-ħasil tal-flus għadhom tħassib serju.

    Il-pulizija żiedet l-għadd ta’ konfiski u arresti għar-reati narkotiċi, inkluż it-traffikar, iżda l-ammonti kkonfiskati għadhom limitati. Sforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi jeħtieġ li jiġu intensifikati b'mod sinifikanti biex jipparagunaw mal-iskala tal-isfida li qed jiffaċċja l-Kosovo. Intlaħaq xi progress fl-attivitajiet tal-pulizija. Il-pulizija assumiet aktar responsabbiltajiet mingħand il-KFOR. Issa, jeħtieġ li tindirizza l-isfidi strutturali u organizzattivi u ttejjeb l-kapaċità tagħha biex tiġġieled tipi kumplessi ta' kriminalità organizzata.

    Sar progress limitat fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Twettqu għadd ta' tfittxijiet, arresti, akkużi u kundanni ġew miksuba fil-każijiet tal-kriminalità organizzata. Hemm ħtieġa ta' strateġija aktar proattiva permezz tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tal-awtoritajiet ġudizzjarji biex tittratta l-kriminalità organizzata. Il-kapaċità umana u teknika teħtieġ tiġi msaħħa u l-kwalità tal-investigazzjonijiet imtejba konsiderevolment. Il-kapaċità tal-Kosovo rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għadha fi stadju bikri. Sforzi serji huma meħtieġa biex jindirizzaw din l-isfida. Il-Kosovo għamel xi progress biex jittratta t-traffikar tal-bnedmin. In-numru tal-vittmi identifikati żdied bi ftit matul il-perjodu ta' rappurtar. Ġiet adottata l-strateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin għall-2011-2014. L-effiċjenza tad-Direttorat tal-pulizija għall-Investigazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin tjiebet. Fl-istess ħin, il-kapaċità tal-prosekuturi u tal-qrati tal-Kosovo biex jinvestigaw, jipproċedu kontra u jagħtu sentenzi f'każijiet ta' traffikar għadha dgħajfa.

    Il-Kosovo għamel progress limitat fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-kapaċità tal-Kosovo biex jinforza il-leġiżlazzjoni relevanti u d-dokumenti ta' strateġija bħal-liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, l-istrateġija tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, eċċ. għadha dgħajfa. Sar ftit progress dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u dan huwa kawża ta’ tħassib serju.

    It-Turkija

    It-Turkija qed tkompli tissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Fit-12 ta' Ġunju 2011saru elezzjonijiet parlamentari liberi u ġusti. Il-gvern vara l-ħidma għall-implimentazzjoni tal-pakkett ta' riforma Kostituzzjonali tal-2010. Il-klima politika prevalenti nieqsa minn djalogu u spirtu ta' kompromess adegwati bejn il-partiti politiċi, u r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ewlenin mhumiex tajba; din l-atmosfera xekklet il-kontinwazzjoni tal-proċess ta' riforma. Wara l-elezzjonijiet ingħata bidu għal proċess ġdid ta' riforma fil-kostituzzjoni. Iktar sforzi sinifikanti huma meħtieġa biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali f’bosta oqsma. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-libertà tal-espressjoni, fejn l-għadd ta' kawżi l-qorti kontra kittieba u ġurnalisti, u l-projbizzjonijiet sproporzjonati tas-siti elettroniċi li għadhom frekwenti, qajmu tħassib serju.

    Fir-rigward tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-investigazzjoni Ergenekon u l-investigazzjonijiet dwar pjani allegati oħrajn ta' kolp ta' Stat għadhom qed jipprovdu opportunità għat-Turkija biex titfa' dawl fuq l-attivitajiet kriminali allegati kontra d-demokrazija u, għalhekk, biex issaħħaħ il-fiduċja fil-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha u tal-istat tad-dritt. Kien hemm, madankollu, tħassib serju fuq t-tmexxija tal-investigazzjonijiet, il-proċedimenti ġudizzjarji u l-applikazzjoni ta’ proċeduri kriminali, li qiegħdu fir-riskju d-drittijiet tad-difiża u affettwaw il-leġittimità tal-kawżi.

    Fir-rigward tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kien hemm xi progress fir-riforma leġiżlattiva. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni biex titwaqqaf l-istituzzjoni tal-ombudsman. Hemm bżonn ta' aktar appoġġ politiku għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u d-deċentralizzazzjoni.

    Sar progress tajjeb biex jiġi kkonsolidat il-prinċipju tas-superviżjoni ċivili tal-forzi tas-sigurtà. Partikolarment, ġiet imsaħħa s-superviżjoni ċivili tal-infiq militari. Deċiżjonijiet tal-Kunsill Militari Suprem infetħu għal stħarriġ ġudizzjarju ċivili. Aktar riformi għadhom meħtieġa biex tiġi kkonsolidata s-superviżjoni ċivili fis-settur tas-sigurtà domestika, b'mod partikolari l-ġendarmerija, u tkompli l-progress fil-qasam tas-sistema ġudizzjarja militari.

    Sar progress fil-qasam tal-ġudikatura. L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi u dwar il-Qorti Kostituzzjonali tipprovdi l-qafas għal indipendenza u imparzjalità iktar b'saħħithom tal-ġudikatura. Ittieħdu wkoll miżuri biex titjieb l-effiċjenza tal-ġudikatura u biex jiġi indirizzat l-akkumulu tal-kawżi pendenti. Aktar passi għadhom meħtieġa fl-oqsma kollha, inkluż fis-sistema tal-ġustizzja kriminali. It-Turkija għandha volum kbir ta' kawżi kriminali serji pendenti filwaqt li proporzjon kbir tal-popolazzjoni tal-ħabs fl-aħħar ma tiġix issentenzjata. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni jeħtieġ li tkun sorveljata, minħabba li miżuri li ttieħdu sal-lum firdu lill-komunità legali tal-pajjiż u lis-soċjetà ċivili. Il-proċedimenti ġudizzjarji mhumiex trasparenti biżżejjed. Il-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni ma jinfurmawx lill-partijiet interessati jew lill-pubbliku inġenerali dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. L-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja jeħtieġ li tiġi riveduta bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, il-komunità legali Torka u s-soċjetà ċivili.

    L-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni tinsab fi stadju inizjali. Il-korruzzjoni għadha mifruxa f'bosta oqsma. In-nuqqas ta' trasparenza dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi u l-kamp ta' applikazzjoni tal-immunitajiet għadhom sfidi kbar. Hemm bżonn ta' iktar appoġġ politiku sabiex jissaħħaħ u jiġi implimentat il-qafas leġiżlattiv kontra l-korruzzjoni. Rigward l-investigazzjoni tal-assoċjazzjoni tal-karità Deniz Feneri, dwar każ ta' frodi fil-Ġermanja, eks kap tal-Kunsill Suprem għar-Radju u t-Televiżjoni (RTUK) u erba' eżekuttivi anzjani tan-netwerk tele Kanaviżivl 7 ġew detenuti. It-Turkija teħtieġ tiżviluppa rekord ta' investigazzjonijiet, ħruġ ta' akkużi u kundanni fil-qasam tal-korruzzjoni.

    Rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, sar progress limitat. Huma meħtieġa sforzi sinifikanti fil-maġġoranza tal-oqsma, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tat-twemmin reliġjuż.

    Fir-rigward tal-osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sar xi progress, l-aktar permezz tar-ratifika tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura (OPCAT). Numru ta' riformi ilhom pendenti għal bosta snin. Il-leġiżlazzjoni dwar l-istituzzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ li tiġi konformi għal kollox mal-prinċipji tan-NU.

    Ix-xejra pożittiva dwar il-prevenzjoni tat-tortura u l-maltrattament, rigward kemm l-inċidenza u s-severità tal-maltrattament minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, kompliet. Xorta għadha tintuża forza sproporzjonata minn dawn l-uffiċjali, l-aktar barra mill-postijiet uffiċjali ta' detenzjoni. Saru allegazzjonijiet kredibbli ta' trattament fiżiku ħażin, li kienu jikkonċernaw l-aktar użu eċċessiv tal-forza waqt l-arrest. Ma sar l-ebda progress fl-indirizzar tal-impunità, inkluż l-ipproċessar ta' każijiet ta' allegat maltrattament miġjuba quddiem il-ġudikatura.

    Rigward il-ħabsijiet, iż-żieda tal-popolazzjoni tal-ħabs qed twassal għal iffullar gravi, li jfixkel it-tentattivi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni. Ir-reviżjoni tas-sistema tal-ilmenti fil-ħabsijiet qiegħda tard. L-implimentazzjoni tal-OPCAT mistennija li tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati wħud minn dawn il-materji. Is-servizzi mediċi għall-priġunieri, kif ukoll il-kundizzjonijiet għad-detenzjoni tal-minorenni, huma kwistjonijiet li jeħtieġu sforzi speċjali.

    Rigward il-libertà tal-espressjoni, kompla d-dibattitu miftuħ fuq it-temi meqjusa bħala sensittivi, bħall-kwistjonijiet tal-Armeni u l-Kurdi, id-drittijiet tal-minoranzi u tad-drittijiet kulturali u r-rwol tal-militar. Madankollu, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni hija mxekkla minn numru kbir ta' każijiet legali u investigazzjonijiet kontra ġurnalisti, kittieba, akkademiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Dan iwassal għal awtoċensura u, flimkien ma’ pressjonijiet eċċessivi fuq il-midja, iqajjem tħassib serju. Il-leġiżlazzjoni preżenti ma tiggarantix b'mod suffiċjenti l-libertà tal-espressjoni skont il-QEDB u l-każistika tal-QEtDB, u tippermetti interpretazzjoni ristretta mill-ġudikatura. Projbizzjonijiet frekwenti tas-siti tal-internet huma wkoll kawża ta’ tħassib serju. Kollox ma' kollox, il-leġiżlazzjoni tat-Turkija u l-prattika ġudizzjarja huma ostakli għall-iskambju liberu ta' informazzjoni u ideat.

    Rigward il-libertà tal-assemblea, kien hemm progress fuq il-post: diversi dimostrazzjonijiet, inkluż Newroz (is-Sena l-Ġdida Kurda) u l-1 ta' Mejju, saru b'mod paċifiku. Dimostrazzjonijiet fix-Xlokk tal-pajjiż u fi provinċji oħra relatati mal-kwistjoni Kurda, id-drittijiet tal-istudenti, l-attivitajiet tal-bord superviżorju YÖK dwar l-edukazzjoni ogħla, u d-drittijiet tat-trejdjunjins kienu kkaratterizzati minn użu sproporzjonat ta' forza.

    Il-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni hija ġeneralment konformi mal-istandards tal-UE. Għad hemm kontrolli eċċessivi u interpretazzjoni restrittiva tal-liġi. Ma kienx hemm żviluppi fir-rigward tal-emenda tad-dispożizzjonijiet legali dwar ix-xoljiment tal-partiti politiċi.

    Kien hemm progress limitat fuq il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Il-libertà tar-reliġjon hija ġeneralment rispettata. Id-djalogu mal-Alevis u mal-komunitajiet reliġjużi mhux Musulmani kompla. Membri ta' reliġjonijiet minoritarji komplew ikunu suġġetti għal theddid minn estremisti. Għad irid jiġi stabbilit qafas legali konformi mal-QEDB, sabiex il-komunitajiet kollha li mhumiex Musulmani u l-komunità Alevi jkunu jistgħu jiffunzjonaw mingħajr limitazzjonijiet bla bżonn.

    Il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa għadhom sfidi kbar. L-qafas legali li jiggarantixxi d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi jinsab ġeneralment fis-seħħ. Huma meħtieġa aktar sforzi sostanzjali sabiex dan il-qafas legali jinbidel f'realtà politika, soċjali u ekonomika. Il-leġiżlazzjoni għadha ma ġietx implimentata b'mod konsistenti mal-pajjiż kollu. Il-qtil għall-unur, iż-żwiġijiet bikrija u sfurzati u l-vjolenza domestika kontra n-nisa għadhom problemi serji. Aktar taħriġ u sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma meħtieġa, partikolarment għall-pulizija.

    Fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal, numru adegwat ta' qrati tal-minorenni konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ għad iridu jiġu stabbiliti. It-tfal mhumiex detenuti għall-minimu meħtieġ ta' żmien jew f'kundizzjonijiet xierqa. L-isforzi, inkluż dwar miżuri preventivi u rijabilitattivi, jeħtieġ li jiġu msaħħa fl-oqsma kollha, bħall-edukazzjoni, il-ġlieda kontra t-tħddim tat-tfal, is-saħħa, il-kapaċità u l-koordinazzjoni amministrattiva.

    Komplew l-iforzi biex tittejjeb il-qagħda ta’ persuni soċjalment vulnerabbli u/jew ta' persuni b'diżabbiltajiet. Miżuri ulterjuri għadhom meħtieġa sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' dawn il-persuni fil-ħajja soċjali u ekonomika.

    Huma meħtieġa aktar sforzi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Hemm nuqqas ta' leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni.

    Għad baqa’ ħafna sfidi fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins. Il-qafas ġuridiku attwali mhuwiex konformi mal-istandards tal-UE u l-konvenzjonijiet tal-ILO. Nuqqas ta' qbil persistenti bejn l-imsieħba soċjali u nuqqas ta’ rieda politika adegwata, fixklu l-progress f’dan il-qasam.

    Fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà, biċċa leġiżlazzjoni ġdida li temenda l-Liġi tal-2008 dwar il-fundazzjonijiet tiffaċilita r-ritorn ta' proprjetajiet immobbli lil komunitajiet reliġjużi li mhumiex Musulmani.

    L-approċċ tat-Turkija rigward il-minoranzi għadu restrittiv. Ir-rispett u l-ħarsien sħiħ tal-lingwa, il-kultura u d-drittijiet fundamentali, skont standards Ewropej, għad irid jintlaħaq. It-Turkija teħtieġ li jagħmel aktar sforzi biex ittejjeb it-tolleranza u tippromwovi l-inklussività fil-konfront tal-minoranzi. Ir-reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni attwali u t-twaqqif tal-mekkaniżmi tal-ħarsien jew ta' entitajiet speċifiċi biex jikkumbattu r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu u l-intolleranza għadhom pendenti.

    It-Turkija għamlet progress fir-rigward tad-drittijiet kulturali, speċjalment rigward l-użu ta' lingwi oħra minbarra t-Tork mill-istazzjonijiet nazzjonali kollha tar-radju u tat-televiżjoni, kif ukoll l-użu ta' diversi lingwi mill-muniċipalitajiet. Ingħatat l-awtorizzazzjoni biex jitwaqqaf dipartiment tal-Lingwa u l-Letteratura Kurda fl-Universita ta' Muş Alparslan. Għad hemm restrizzjonijiet dwar l-użu ta’ lingwi oħra barra t-Tork fil-ħajja politika, fil-kuntatti mas-servizzi pubbliċi u fil-ħabsijiet. Il-qafas legali dwar l-użu tal-lingwi għajr il-lingwa Torka hija miftuħa għal interpretazzjoni restrittiva, u l-implimentazzjoni tibqa’ inkonsistenti matul il-pajjiż.

    Kien hemm xi progress fir-rigward tar-Rom, b'mod partikolari dwar l-emenda ta' leġiżlazzjoni diskriminatorja. Hemm l-ebda politika komprensiva biex tindirizza is-sitwazzjoni tar-Rom.

    Fir-rigward tal-Lvant u x-Xlokk, l-iżvilupp demokratiku tal-2009 ma ġiex segwit. Id-detenzjoni ta’ politiċi eletti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qajmet tħassib. L-verità dwar il-qtil u t-tortura extra-ġudizzjarji mwettqa fix-Xlokk fis-snin tmenin u disgħin għad trid tiġi stabbilita permezz ta' proċess xieraq tal-liġi. Il-mini tal-art u sistema tal-gwardja fl-irħula għadhom kawża ta' tħassib.

    l-attakki terroristiċi intensifikaw. Il-PKK qiegħed fuq il-lista tal-UE ta’organizzazzjonijiet terroristiċi.

    Kompla l-kumpens tal-persuni spustati internament (IDPs). L-effikaċja ġlobali tal-iskema għad trid tiġi evalwata. Strateġija nazzjonali, sabiex jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet tal-IDPs għadha ma ġietx żviluppata Minkejja xi titjib, in-nuqqas ta’ qafas legali komprensiv għar-rifuġjati u għal dawk li jfittxu l-ażil huwa impediment għall-provvediment ta' kura xierqa. Il-kundizzjonijiet ġenerali fiċ-ċentri tad-detenzjoni għall-barranin jeħtieġ li jiġu mtejba aktar.

    Fir-rigward tal-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali, it-Turkija tenniet l-appoġġ tagħha għan-negozjati bejn il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet taħt il-bon offiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex tinstab soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru. Madankollu, minkejja appelli ripetuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, it-Turkija għadha ma kkonformatx mal-obbligu tagħha ta' implimentazzjoni sħiħa mingħajr diskriminazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u ma neħħietx l-ostakoli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, kif spjegat fid-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, inklużi dawk ta' Diċembru 2006 u Diċembru 2010. Ma hemm l-ebda progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru.

    Rigward ir-relazzjonijiet mal-Greċja, hemm sforzi kontinwati sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali jitjiebu. Komplew it-taħdidiet esploratorji bilaterali. Il-Greċja għamlet numru sostanzjali ta' lmenti formali rigward vjolazzjonijiet tal-ibħra territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħha mit-Turkija, inkluż rigward titjiriet fuq il-gżejjer Griegi.

    It-Turkija intensifikat b’mod sinifikanti l-kuntatti fil-Balkani tal-Punent, u esprimiet impenn sod għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun.

    L-ekonomija tat-Turkija bħalissa qed tesperjenza rkupru ekonomiku robust. Il-finanzi pubbliċi qegħdin jitjiebu u l-fiduċja fi trasformazzjoni dejjiema tal-prospetti ekonomiċi u tal-istabbiltà tal-pajjiż qiegħda tiżdied. Madankollu, l-espansjoni rapida ta’ attività ekonomika, immexxija minn domanda domestika qawwija, wasslet għal żbilanċi esterni sinjifikanti u li qed jiżdiedu li jippreżentaw theddida għall-istabbiltà makroekonomika.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, it-Turkija hija ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fil-perijodu medju, diment li żżid il-pass tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ riforma strutturali komprensiv tagħha.

    Matul l-2010 u fl-ewwel nofs tal-2011 l-ekonomija espandiet b'pass mgħaġġel. Flimkien mat-tkabbir tal-PDG, tkabbir qawwi fl-impjiegi għamel tajjeb għal żieda fil-qgħad. Bħala riżultat ta' dħul ċikliku primarjament ogħla u piż inqas ta’ interessi, il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi baqgħet fit-triq it-tajba. Is-settur finanzjarju wera saħħa konsiderevoli grazzi għal riformi preċedenti filwaqt li s-sistema legali ikompli qed tkompli tiffunzjona relattivament tajjeb. Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-liġi l-ġdida dwar l-għajnuna mill-Istat u l-operat tal-awtorità regolatorja jistgħu jżidu t-trasparenza u jwasslu għal tnaqqis fl-għajnuna mill-Istat. L-interazzjoni libera tal-forzi tas-suq ġiet konfermata. Il-privatizzazzjoni żiedet ir-ritmu. L-UE tibqa' l-aktar imsieħeb kummerċjali u investitur importanti tat-Turkija.

    Madankollu, l-iżbilanċi tal-kummerċ u tal-kont kurrenti qed jiżdiedu u l-iżbilanċi esterni issa huma sinifikanti. Il-politika monetarja kellha suċċess limitat ħafna fit-trażżin tat-tkabbir tal-kreditu, li flimkien ma' prezzijiet għoljin tal-komoditajiet, qed iżid id-defiċit tal-kont kurrenti dejjem jiżdied tat-Turkija. Aktar appoġġ mil-lat fiskali, u xi miżuri mikroprudenzjali speċifiċi u mmirati qed jitħejjew fid-dettal, inkluż mir-regolatur bankarju, sabiex jgħinu lill-ekonomija tirritorna għan-normal mingħajr skossi u jittaffa l-piż fuq il-politika monetarja. Il-kompetittività tat-Turkija fil-prezzijiet u l-kostijiet tal-esportazzjoni ddeterjorat ftit. L-inflazzjoni bdiet togħla, fil-parti l-kbira minħabba pressjonijiet li kienu ġejjin minn inputs tal-enerġija u tal-ikel, attività ekonomika enerġetika u prezzijiet ta' amministrazzjoni li għolew f'daqqa. Hija mistennija implimentazzjoni aktar deċiża tar-riformi strutturali. Il-miżuri biex tiżdied it-trasparenza fiskali u jankraw aħjar il-politika fiskali kienu moderati, filwaqt li setgħu jgħinu lit-Turkija takkwista kredibbiltà fis-swieq. Il-ħruġ mis-suq għadu diffiċli u l-proċedimenti ta' falliment għadhom relattivament ikkumplikati.

    It-Turkija kompliet ittejjeb il-ħila tagħha li tassumi l-obbligi tas-sħubija. Sar progress fil-parti l-kbira tal-oqsma. L-allinjament f’ċerti oqsma jinsab avanzat, bħall-movment liberu tal-merkanzija, il-politika tal-anti-trust u l-għajnuna mill-Istat, l-enerġija, il-politika ekonomika u monetarja, il-politika għall-intrapriża u l-politika industrijali, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-istatistika, in-Netweks Trans-Ewropej, u x-xjenza u r-riċerka. Jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi lejn l-allinjament f'oqsma bħall-ambjent, l-akkwist pubbliku, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-politika soċjali u l-impjiegi u t-tassazzjoni. L-infurzar jeħtieġ li jiġi msaħħaħ f'oqsma bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kontra l-ħasil tal-flus. Rigward l-Unjoni Doganali u r-relazzjonijiet esterni, l-allinjament jeħtieġ li jiġi kkompletat, partikolarment f'oqsma bħas-sistema ġenerali ta’ preferenzi. Għadd ta’ostakoli kummerċjali antiki għadhom ma ssolvewx. Huwa essenzjali li t-Turkija tirrispetta bis-sħiħ l-impenji tagħha taħt l-Unjoni Doganali. Għal bosta mill-oqsma huwa kruċjali li t-Turkija ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha biex tkun tista' tlaħħaq mal-acquis.

    Rigward il-moviment liberu tal-merkanzija, l-allinjament leġiżlattiv jinsab avanzat, iżda sar progress limitat fil-perijodu ta' rappurtar. Ostakoli tekniċi għall-kummerċ qed ikomplu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija bi ksur tal-obbligi li għandha t-Turkija taħt l-Unjoni Doganali. Ftit li xejn progress jista' jiġi rrappurtat fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema fejn it-tħejjijiet għall-applikazzjoni tal-acquis għadhom fi stadju bikri. L-allinjament fl-oqsma tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għadu wkoll fi stadju bikri. Ma ġie rreġistrat ebda progress fil-qasam tad-dritt ta' stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali, is-servizzi postali u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali. Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, it-Turkija għamlet xi progress, b'mod partikolari fil-movimenti kapitali u l-ħlasijiet. Ma kien hemm ebda progress rigward il-liberalizzazzjoni gradwali tal-akkwist ta’ beni immobbli minn barranin, fejn għad hemm diversi ostakoli. Restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kapital għadhom fis-seħħ f’għadd ta’setturi, inkluż fuq investimenti diretti li jorġinaw mill-UE. Il-qafas legali kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu għadu mhux komplut u t-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja poġġiet lit-Turkija fuq il-blacklist minħabba n-nuqqasijiet strateġiċi tagħha f’dan il-qasam.

    Jista' jiġi rrappurtat progress limitat fil-qasam tal-akkwist pubbliku. L-istruttura istituzzjonali tinsab fis-seħħ, iżda jeħtieġ isir titjib fil-kapaċità amministrattiva. L-abbozz tal-istrateġija għall-allinjament flimkien ma' pjan ta’azzjoni marbut biż-żmien huwa lest iżda għad irid jiġi adottat. It-Turkija għadha żżomm derogi li jikkontradixxu l-acquis. Hija teħtieġ li tallinja aktar il-leġiżlazzjoni tagħha, partikolarment rigward l-utilitajiet, il-konċessjonijiet u s-sħubijiet pubbliċi-privati. Rigward il-liġi tal-kumpaniji, wieħed jinnota progress sinifikanti wara l-adozzjoni tal-Kodiċi Kummerċjali Tork ġdid, li huwa mistennij jmexxi 'l quddiem il-ftuħ, it-trasparenza u l-aderenza mal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u l-verifika. Il-qafas legali u istituzzjonali għall-verifika għadu mhux fis-seħħ, lanqas il-kapaċità msaħħa li hi meħtieġa għall-ġudikatura kummerċjali. L-allinjament dwar il-liġi tal-proprjetà intellettwali jinsab relattivament avanzat iżda l-infurzar għadu dgħajjef. Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IPR (dritt ta' proprjetà intellettwali) mal-Kummissjoni li ġie mniedi reċentement jindirizza element ewlieni tan-negozjati għall-adeżjoni. L-adozzjoni ta' abbozzi aġġornati ta' liġijiet li jirregolaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u industrijali, inklużi sanzjonijiet kriminali deterrenti, għadha pendenti. Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti tal-DPI u korpi pubbliċi hija essenzjali, kif inhuma kampanji ta' sensibilizzazzjoni ġenerali dwar ir-riskji tal-ksur tad-DPI.

    Dwar il-politika tal-kompetizzjoni, ir-rekord tal-allinjament tat-Turkija fil-qasam tal-antitrust u l-kontroll tal-merġers huwa għoli. L-Awtorità tal-Kompetizzjoni qed tinforza b’mod effettiv ir-regoli tal-antitrust, b’livell sodisfaċenti ta' indipendenza. Sar progress tajjeb fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. B'mod partikolari, l-Awtorità għall-Monitoraġġ tal-Għajnuna mill-Istat issa tinsab stabbilita. Madankollu, numru importanti ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat għad iridu jiġu allineati mar-regoli tal-Unjoni Doganali.

    Sar iktar progress fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; b'mod partikolari, ir-regolatur bankarju ħa passi biex isaħħaħ l-istabbilità finanzjarja. Madankollu, l-allinjament ġenerali mal-acquis, partikolarment fis-settur tal-assigurazzjoni, għadu mhux komplut. Fir-rigward tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja, jista' jiġi rrapportat progress fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll progress tajjeb dwar il-politika awdjoviżiva.

    Hemm xi progress x'jiġi rrappurtat fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm dwar l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali (IPARD), li wassal għad-Deċizjoni tal-Kummissjoni li tagħti l-ġestjoni tal-fondi tal-UE, kif ukoll fi tħejjijiet miksuba għat-tieni fażi tal-programm IPARD. Il-politika ta' appoġġ agrikolu tvarja sostanzjalment mill-PAK u għad m'hemm l-ebda strateġija għall-allinjament tagħha. In-nuqqas li jitneħħew għal kollox l-ostakoli għall-importazzjoni taċ-ċanga wkoll jikkostitwixxi nuqqas importanti. Rigward is-sikurezza alimentari u l-politika veterinarja u fitosanitarja, inkiseb progress lejn it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis. Ir-ristrutturar tal-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Affarijiet Rurali huwa pass pożittiv lejn it-tisħiħ tas-sistema ta' kontroll uffiċjali. Tas-sistema ġenerali ta' kontroll għadha mhix kompletament skont l-acquis tal-UE. Jinħtieġ isir sforz konsiderevoli fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u biex stabbilimenti agroalimentari jiġi konformi mar-rekwiżiti tal-UE dwar l-iġjene u l-isturtturi. Fis-sajd, jista’jiġi rrappurtat xi progress ġenerali. B'mod partikolari sar xi progress fit-twaqqif ta' strutturi amministrattivi kif ukoll dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u tal-flotta. It-Turkija mistennija tagħmel aktar progress f’oqsma oħra bħal spezzjonijiet u kontrolli.

    Inkiseb xi progress fl-allinjament tas-settur tat-trasport, ħlief għas-settur ferrovjarju. L-allinjament fil-qasam tat-trasport marittimu u fuq l-art għadu f'livell avanzat u t-trasport bl-ajru qed isegwi f'ritmu iktar kajman. In-nuqqas ta' komunikazzjonijiet bejn iċ-ċentri ta' kontroll tat-traffiku fit-Turkija u r-Repubblika ta' Ċipru għadha tikkomprometti serjament is-sikurezza fl-ajru. Fis-settur marittimu, l-Iskema ta' Verifika Volontarja tal-Istat Membru tal-IMO mistennija li toħloq riżultati pożittivi lejn ir-ratifika ta' konvenzjonijiet internazzjonali. Il-kapaċità implimentattiva hija limitata, partikolarment għal merkanzija perikoluża fit-trasport bl-art u dak marittimu.

    Fis-settur tal-enerġija, il-progress kien irregolari. Sar progress tajjeb rigward is-suq intern tal-elettriku u l-enerġija rinnovabbli. Huma partikolarment meħtieġa miżuri sabiex jiżguraw l-ogħla standards possibbli għas-sikurezza, is-sigurtà, is-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni nukleari. L-iżviluppi rigward is-sigurtà tal-provvista, is-settur tal-gass u l-effiċjenza fl-enerġija wkoll jeħtieġu aktar sforzi.

    Rigward it-tassazzjoni, sar progress limitat fl-allinjament leġiżlattiv, l-aktar biex jiġu eliminati xi prattiki diskriminatorji fit-tassazzjoni tat-tabakk. Iż-żieda fit-taxxa tas-sisa fuq l-ispirti tikkontradixxi l-pjan ta' Azzjoni miftiehem mal-Kummissjoni dwar dik il-kwistjoni. L-abolizzjoni ta’ prattiki diskriminatorji fit-tassazzjoni hija kruċjali biex isir iktar progress f’dan il-kapitolu. Ma jista’ jiġi rrappurtat l-ebda progress dwar it-tassazzjoni diretta.

    It-Turkija għamlet xi progress rigward l-politika ekonomika u monetarja. Il-Bank Ċentrali adotta taħlita ġdida ta' politiki sabiex jiżgura l-istabbiltà finanzjarja, billi naqqas ir-rati tal- imgħax filwaqt li żied ir-rekwiżiti tar-riservi għas-settur bankarju. L-allinjament tat-Turkija mal-acquis dwar il-politika ekonomika u monetarja mhuwiex komplut, partikolarment rigward l-indipendenza sħiħa tal-Bank Ċentrali u l-projbizzjoni ta' aċċess privileġġjat tas-settur pubbliku għal istituzzjonijiet finanzjarji. Il-livell ġenerali ta’ tħejjija huwa avanzat.

    Sar progress tajjeb fil-qasam tal-istatistika, fejn l-allinjament ġenerali mal-acquis huwa avanzat. Jeħtieġ isir aktar progress, partikolarment f'kontijiet nazzjonali u statistika fuq l-agrikoltura.

    It-Turkija għamlet progress limitat fil-qasam tal-politika soċjali u x-xogħol. Il-kapaċità amministrattiva wriet xi titjib. L-emendi kostituzzjonali dwar id-drittijiet tat-trejdunjins ma rriżultawx f'aktar tibdil tal-leġiżlazzjoni immirat lejn l-għoti ta' drittijiet sħaħ lit-trejdjunjin skont l-istandards tal-UE u l-konvenzjonijiet tal-ILO. It-tnaqqis tax-xogħol mhux iddikjarat fuq skala kbira u ż-żieda fir-rati tal-impjieg tan-nisa għadhom kwistjonijiet ta’ tħassib. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol għadu limitat. L-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jeħtieġ li jkun intensifikat. Ir-riskju tal-faqar għadu għoli ħafna, speċjalment għall-popolazzjoni rurali u għat-tfal. Leġiżlazzjoni li tistabbilixxi entità ta' ugwaljanza għadha ma ġietx adottata.

    It-Turkija kompliet tagħmel progress fil-qasam tal-politika tal-impriżi u l-politika industrijali, fejn it-Turkija għandha livell suffiċjenti ta' allinjament mal-acquis. Il-progress jirrigwarda l-adozzjoni ta’ Strateġija Industrijali u Pjan ta' Azzjoni li jkopri l-perijodu 2011-2014, disponibbiltà usa' fl-istrumenti tal-politika tal-impriżi u tal-politika industrijali, l-adozzjoni ta' strateġiji settorjali u l-allinjament tal-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali.

    It-Turkija għamlet progress fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej, partikolarment fiż-żona tat-trasport TEN. Hemm bżonn ta' aktar sforzi fir-rigward tad-dejta tat-trasport affidabbli. Sar ukoll xi progress fil-qasam tal-enerġija TEN.

    Sar progress fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali. Hemm dewmien fit-twaqqif ta' korpi biex jassumu r-responsabbiltajiet ta' ġestjoni u kontroll finanzjarju tal-fondi tal-preadeżjoni f’dan il-qasam ta’ politika. Għalkemm il-qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni ġie ffinalizzat u l-kapaċità amministrattiva ttejbet, għad hemm il-ħtieġa għal tisħiħ ulterjuri ta’ din il-kapaċità u għal koordinazzjoni mtejba bejn l-istituzzjonijiet kollha relevanti sabiex l-implimentazzjoni żżid fil-pass.

    Kollox ma' kollox sar progress fil-qasam tal-ġudikatura.

    Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sar progress limitat fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni. In-nuqqas ta' trasparenza dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi u l-kamp ta' applikazzjoni tal-immunitajiet għadhom nuqqasijiet kbar. Jeħtieġ li t-Turkija tiżviluppa rekord tajjeb ta' investigazzjoni, ħruġ ta' akkużi u kundanni.

    Il-progress miksub fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà baqa' irregolari. L-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali tibqa’ prijorità biex tiġi żgurata bażi legali soda għal sistema effiċjenti ta' ġestjoni dwar l-ażil u l-migrazzjoni, kif ukoll salvagwardji tad-drittijiet tal-migranti u r-refuġjati. Hemm biss progress limitat x'jiġi rrappurtat fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u ċivili. Xi progress jista’ jiġi rrappurtat fil-qasam tad-drogi u l-kriminalità organizzata. Jista' jiġi rrappurtat progress limitat fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u t-terroriżmu. Sar progress limitat rigward il-politika dwar il-viża u l-koperazzjoni doganali. Jista' jiġi rrapportat progress limitat ħafna fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri fejn il-kwistjonijiet ewlenin huma l-adozzjoni ta’ liġi dwar it-twaqqif tal-Aġenzija għas-Sigurtà tal-Fruntieri ġdida u l-koperazzjoni bejn l-agenziji T-Turkija tibqa' pajjiż importanti ta’ transitu u destinazzjoni għall-migranti irregolari. Jinħtieġu sforzi biex jimpedixxu l-migrazzjoni irregolari u għar-riammissjoni tal-migranti irregolari.

    It-Turkija hija mħejjija tajjeb għall-adeżjoni fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka. Sar progress tajjeb lejn integrazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u preparamenti għal Unjoni ta' Innovazzjoni. Kollox ma' kollox, il-parteċipazzjoni u rata ta’ suċċess tat-Turkija fis-Seba' Programm Kwadru tal-UE qed jikbru, iżda hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri sabiex jilħqu r-rekwiżit ta' eċċellenza u l-parteċipazzjoni kompetittiva fil-programmi tar-riċerka tal-UE.

    Fl-edukazzjoni u l-kultura sar progress, partikolarment fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Interess fil-Programmi tal-Komunità kompla jikber. Sar xi progress fil-qasam tal-kultura, iżda l-ebda progress dwar l-allinjament leġiżlattiv.

    Fil-qasam tal-ambjent, it-Turkija għamlet progress tajjeb dwar il-ġestjoni tal-iskart, filwaqt li jista’ jiġi rraportat biss progress limitat rigward il-leġiżlazzjoni orizzontali, il-kwalità tal-arja u l-kontroll tat-tniġġis industrijali u l-ġestjoni tar-riskju. It-Turkija għamlet progress limitat ħafna fuq il-kwalità tal-ilma, il-kimiċi u fuq il-kapaċità amministrattiva. Ma jista’ jiġi rrapurtat ebda progress dwar il-ħarsien tan-natura. Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, it-Turkija għamlet progress limitat rigward is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-UE fuq il-klima, iżda għad trid tiġi stabbilita politika tal-klima aktar robusta u ambizzjuża, kemm internament kif ukoll internazzjonalment. Hemm ħtieġa biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva.

    Jista' jiġi rrapportat xi progress dwar il-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa. Fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur, il-liġijiet qafas riveduti għall-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza ġenerali tal-prodotti għad iridu jiġu adottati. It-titjib tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq jeħtieġ l-allokazzjoni ta’ aktar riżorsi finanzjari u umani, filwaqt li l-koperazzjoni mal-NGOs tal-konsumaturi jeħtieġ tissaħħaħ. Fil-qasam tas-saħħa pubblika, it-Turkija għadha ma lestietx il-proċess tal-allinjament leġiżlattiv u lanqas bniet l-kapaċità amministrattiva biex ittejjeb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni sabiex issaħħaħ l-istatus tas-saħħa u s-sikurezza tal-popolazzjoni.

    It-Turkija kisbet livell għoli ta' allinjament fil-qasam tal-leġiżlazzjoni doganali, grazzi għall-Unjoni Doganali tagħha mal-UE. L-istatus duty free tal-ħwienet stabbiliti fuq il-punti tad-dħul u r-rekwiżiti għall-importaturi ta' prodotti f'ċirkolazzjoni libera fl-UE biex jissottomettu informazzjoni dwar l-oriġini fi kwalunkwe format qabel l-approvazzjoni doganali mhumiex konformi mal-Unjoni Doganali. L-leġiżlazzjoni dwar iż-żoni ħielsa, is-sorveljanza u kwoti tariffarji għadhom iridu jiġu allinjati. Kontrolli bbażati fuq ir-riskju mtejba proċeduri ssimplifikati għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu, billi jnaqqsu n-numru tal-kontrolli fiżiċi. Għad m'hemm ebda infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fid-dwana u għad m'hemmx miżuri li jittrattaw oġġetti ffalsifikat.

    It-Turkija kisbet livell għoli ta’ allinjament fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, minħabba l-Unjoni Doganali. Għad hemm xi diskrepanzi f'oqsma bħas-sistema ġenerali ta' preferenzi f'dik li hi l-kopertura ġeografika tagħha.

    L-allinjament tat-Turkija mal-politika estera u ta' sigurtà komuni kompla; kollox ma' kollox l-allinjament tat-Turkija mad-dikjarazzjonijiet tal-PESK ma kompliex matul il-perijodu ta' rappurtar u t-Turkija ma allinjatx ruħha mal-miżuri restrittivi tal-UE rigward l-Iran, il-Libja u s-Sirja. It-Turkija fittxet djalogu u konsultazzjoni mal-UE dwar diversi kwistjonijiet ta' politika barranija. It-Turkija għamlet sforzi biex tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien tagħha, bħall-Iraq, inkluż il-gvern reġjonali Kurd. Ma sar l-ebda progress fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Armenja. Ir-relazzjonijiet mal-Iżrael komplew jiddeterjoraw mill-inċident tal-Flotilla ta' Gaża fl-2010 'l hawn. Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport indipendenti tan-NU, it-Turkija naqqset ir-relazzjonijiet mal-Iżrael u ssospendiet il-ftehimiet militari mal-Iżrael.

    It-Turkija qed tkompli tikkontribwixxi għall-PESK u qiegħda tfittex involviment akbar f'attivitajiet tal-PESK. Il-kwistjoni ta' koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, li tkun tinvolvi lill-Istati Membri kollha tal-UE lil hinn mill-"arranġamenti tal-Berlin plus" għadha ma ġietx riżolta. It-Turkija għadha ma allinjatx ruħha mal-pożizzjoni tal-UE dwar is-sħubija fl-Arranġament ta' Wassenaar.

    Jista' jiġi rrappurtat xi progress fil-qasam tal-kontroll finanzjarju, li diġà għandu allinjament pjuttost avanzat. Il-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Liġi dwar il-Ġestjoni u l-Kontroll tal-Finanzi Pubbliċi hija kompletament fis-seħħ. Id-Dokument ta' Politika għall-Kontroll Finanzjarju Intern fis-Settur Pubbliku u l-pjan ta’ azzjoni hemm bżonn jiġu riveduti. L-adozzjoni tal-Qorti Torka tal-Liġi tal-Kontijiet kienet pass sinifikanti biex ikompli l-allinjament tal-verifika esterna mal-istandards internazzjonali rilevanti. L-Istruttura Torka ta' Koperazzjoni Kontra l-Frodi teħtieġ tkompli ssaħħaħ il-funzjoni tagħha ta' koordinament, l-indipendenza operattiva u netwerk operattiv tagħha.

    Hemm progress limitat x'jiġi rrappurtat fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. Il-preparazzjonijiet amministrattivi għat-twaqqif tas-sistema tar-riżorsi proprji huma fi stadju bikri ħafna.

    L-Islanda

    L-Islanda qed tkompli tissodisfa l-kriterji politiċi. L-Islanda hija demokrazija li tiffunzjona b'istituzzjonijiet b'saħħithom u tradizzjonijiet b'għeruq fondi ta' demokrazija rappreżentattiva. Is-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż tkompli tkun ta' standard għoli, u l-Islanda qed tiżgura t-tisħiħ kontinwu tal-livell diġà għoli ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

    L-għaqda tal-koalizzjoni tal-gvern għaddiet minn diversi provi, iżda baqgħet stabbli. Ix-xena domestiku hija kkaratterizzata minn opinjonijiet diverġenti bejn il-forzi politiċi u l-popolazzjoni dwar il-prospettiva ta' adeżjoni mal-UE. Inbdew attivitajiet ta' komunikazzjoni li jippromwovu dibattitu infurmat rigward il-proċess ta' adeżjoni tal-Islanda.

    Kemm il-gvern kif ukoll il-parlament komplew jiffunzjonaw tajjeb. F’April 2011 twaqqaf l-kunsill kostituzzjonali biex jirrevedi l-Kostituzzjoni u jipproponi bidliet kostituzzjonali. Ġiet abbozzata wkoll leġiżlazzjoni biex issaħħaħ aktar l-effiċjenza tal-parlament u l-amministrazzjoni pubblika.

    Jista’ jiġi rrappurtat progress tajjeb fl-implimentazzjoni ulterjuri tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali ta' Investigazzjoni dwar il-konsegwenzi politiċi u amministrattivi tal-kriżi finanzjarja. B'konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Landsdómur (qorti bil-mandat li tittratta każi fejn membri tal-Kabinett ikunu suspettati b'aġir kriminali) ltaqgħa f'Marzu 2011 biex jiddeċiedi dwar il-każ kontra l-eks Prim Ministru. Dan wassal għall-akkuża f'Mejju 2011 ta' negliġenza gravi. B'mod parallel, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali kompla bil-ħidma tiegħu b'mod effiċjenti. l-uffiċċju investiga bosta każijiet ta' allegati prattiċi frawdolenti fis-settur bankarju, li wassal għal xi arresti.

    Jista’jiġi rrappurtat progress ulterjuri fit-tisħiħ tal-effiċjenza tal-ġudikatura u l-qafas ta' kontra l-korruzzjoni. Ġew appuntati għadd ta' mħallfin skont ir-regoli tal-Att Ġudizzjaru emendat, u l-konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni ġiet ratifikata fi Frar 2011. Rigward il-kunflitt ta' interessi, l-Islanda bdiet tifformula kodiċijiet ta' kondotta għall-ministri u għal numru ta' kategoriji ta' impjegati.

    L-Islanda kompliet tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ekonomiċi u soċjali. Il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali għad trid tiġi ratifikata.

    L-ekonomija tal-Islanda qed tirkupra bil-mod mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja tagħha u r-reċessjoni fonda u twila li segwiet, iżda l-prospetti tat-tkabbir għadhom dgħajfa hekk kif il-familji u l-impriżi qed ikomplu jbatu minn livell għoli ta’ dejn. Il-politiki ekonomiċi baqgħu orjentati lejn l-istabbilizzazzjoni, ankrati sew mis-suċċess li bih intemm programm tal-FMI. Reċentement l-inflazzjoni li qed togħla wasslet lill-bank ċentrali biex iżid ir-rati tal-interessi filwaqt li l-politika fiskali kienet kemmxejn illaxkata. L-aġġustament fiskali immexxi mill-infiq bil-għan li jitnaqqas id-dejn pubbliku għal livelli sostenibbli għadu sfida. Il-qgħad huwa għoli, l-aktar fost iż-żgħażagħ u u dawk mingħajr impjieg fit-tul. Minkejja l-progress fir-ristrutturar tas-settur bankarju, l-ekonomija għadha ssofri minn settur finanzjarju disfunzjonali u t-tneħħija tal-kontrolli kapital tirrappreżenta sfida ewlenija.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, l-Islanda tista' tiġi kkunsidrata ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Madankollu, fis-settur finanzjarju dgħufijiet u restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital għadhom ixekklu l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. L-Islanda għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u mal-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fit-terminu medju, diment li tkompli tindirizza d-dgħufijiet strutturali attwali permezz ta' politiki makroekonomiċi u riformi strutturali xieraq.

    It-taħlita ta' politiki b’enfasi qawwija fuq l-istabbilizzazzjoni tar-rata tal-kambju u l- konsolidazzjoni fiskali kienet ta' appoġġ biex jerġa' jiddaħħal livell ogħla ta’ stabbiltà makroekonomika. Bi tweġiba għall-bilanċi kummerċjali favorevoli u żieda fir-rata tal-kambju l-bank ċentrali kompla jnaqqas ir-rata tal-politika tiegħu fit-tieni nofs tal-2010, iżda irreaġixxa b'issikkar moderat tal-politika monetarja minn Awwissu 2011 b'reazzjoni għal munita aktar dgħajfa u inflazzjoni annwali li qed togħla sinifikantement Sforzi biex jisaħħaħ id-dħul pubbliku u jiġi implimentat it-tnaqqis fl-infiq komplew. Fid-dawl tal-livell għoli ta' dejn pubbliku, ittieħdu miżuri biex jitnaqqsu r-riskji tar-rifinanzjament u biex isaħħu l-finanzi tal-gvern lokali. Ir-riservi barranin komplew jiżdiedu u stimi reċenti tal-bank ċentrali jindikaw sitwazzjoni ta' dejn estern aktar maniġġabbli. Ittieħdu miżuri ġodda biex jitħaffef il-pass tar-ristrutturazzjoni tad-dejn tas-settur privat. Ġiet adottata strateġija riveduta għal-liberalizzazzjoni tal-kont kapitali u l-implimentazzjoni tagħha għadha sfida. Is-suq tax-xogħol baqa’ flessibbli u r-rati ta' parteċipazzjoni baqgħu relattivament għolja. L-pajjiż igawdi minn infrastruttura bażika tajba, riżorsi naturali abbundanti, u globalment popolazzjoni b'edukazzjoni tajba.

    Madankollu, riskji makrofinanzjarji se jibqgħu għolja. Id-domanda domestika qabdet ritmu tajjeb, iżda l-irkupru huwa bbażat fil-biċċa l-kbira fuq miżuri temporanji li appoġġjaw il-konsum privat. Għad hemm riskji u inċertezzi fir-rigward sorsi futuri ta’ tkabbir u s-sostenibbiltà tiegħu. Is-settur finanzjarju xorta għadu jbati minn kwalità dgħajfa tal-assi u intermedjazzjoni finanzjarja effiċjenti għadha mfixkla mill-proċess inkomplet ta' ristrutturar tas-settur privat tad-dejn. Id-dejn pubbliku żdied 'il fuq minn 90% tal-PDG. Il-perkors lejn konsolidazzjoni fiskali kien kemmxejn rilaxxjat u l-finanzi pubbliċi għadhom jiffaċċjaw l-isfida biex jimplimentaw qtugħ qawwi fl-infiq biex tittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul. Ir-riskji fiskali jirriżultaw minn obbligazzjonijiet kontinġenti imdaqqsa u l-kwistjoni Icesave li għadha ma ssolvietx. Is-suq tax-xogħol qed ikompli jiġi affettwat serjament minn reċessjoni qawwija ta' wara l-kriżi b'rata ta' qgħad mingħajr preċedent għall-pajjiż, partikolarment fost iż-żgħażagħ u b’sehem kbir ta’ nies qiegħda għal perijodu twil. It-tkabbir, l-investiment u l-iżvilupp huma mxekkla minn dgħufijiet fl-ambjent tan-negozju, bħal ostakli kbar għal ċert setturi biex jidħlu fis-suq. L-istruttura industrijali baqgħet ftit diversifikata.

    Konformi mal-metodoloġija tal-ewwel rapport dwar il-progress, il-kapaċità tal-Islanda li tassumi l-obbligi tas-sħubija kompliet tiġi vvalutata fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u b'kunsiderazzjoni għall-eżenzjonijiet mogħtija taħt iż-ŻEE, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-UE li taqa' barra mill-ambitu taż-ŻEE. Il-livell ġenerali ta’ tħejjija biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-acquis tal-UE għadu tajjeb, partikolarment minħabba l-parteċipazzjoni tal-Islanda fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

    Għadu ma ntlaħaqx ftehim fit-tilwima Icesave. Minkejja l-isforzi għan-negozjar, il-liġi l-ġdida dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-ħlas lura tas-self lir-Renju Unit u lill-Pajjiżi l-Baxxi ġiet reġettata f'referendum li sar f'April 2011. Il-gvern ikkonferma li r-riżultat tar-referendum ma kienx se jkollu impatt fuq il-bidu tal-ħlasijiet lir-Renju Unit u lill-Pajjiżi l-Baxxi, li għandhom jibdew tard fl-2011. F'Mejju 2011, il-gvern bagħat it-tweġiba tiegħu għall-ittra ta' notifika formali ta' Mejju 2010 mingħand l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (ASE). F'Ġunju 2011, l-ASE kompliet it-tieni fażi tal-proċedura tal-ksur, jiġifieri l-ħruġ ta’ opinjoni motivata. Din l-opinjoni ttenni bis-sħiħ is-sejbiet tal-ittra preċedenti ta' notifika formali, jiġifieri li l-Islanda aġixxiet bi ksur tad-Direttiva dwar l-iskema ta' garanzija tad-depożiti. Il-Kummissjoni Ewropea hija tal-istess fehma bħall-analiżi legali ASE. Il-gvern tal-Islanda bagħat it-tweġiba għall-opinjoni motivata tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA fi tmiem Settembru. L-Awtorità issa qed teżamina tweġiba fid-dettall qabel ma tiddeċiedi dwar azzjoni ulterjuri f'dan il-każ. F’dan l-istadju, t-tilwim Icesave tibqa mhux riżolta.

    Il-preparazzjonijiet biex tassumi l-obbligi tas-sħubija komplew, għalkemm relattivament bil-mod, fl-oqsma parzjalment koperti miż-ŻEE kif ukoll mill-kapitoli mhux koperti miż-ŻEE. L-Islanda għadha pjuttost konformi u tapplika parti sostanzjali tal-acquis fl-oqsma koperti miż-ŻEE, bħall-movment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, id-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-moviment liberu tal-kapital, l-akkwist pubbliku, il-liġi tal-kumpaniji, il-liġi tal-proprjetà intellettwali, il-kompetizzjoni, is-servizzi finanzjarji u s-soċjetà tal-informatika u l-midja.

    Ir-rapport dwar il-progress jikkonferma li ż-żoni segwenti huma dawk li x'aktarx jippreżentaw sfidi fil-proċess ta’ adeżjoni: is-servizzi finanzjarji, l-agrikultura u l-iżvilupp rurali, l-ambjent, is-sajd, il-moviment liberu tal-kapital kif ukoll is-sikurezza alimentari, il-politika veterinarja u fitosanitarja, it-tassazzjoni u d-dwana.

    Mill-punt di vista tal-kapaċità amministrattiva, għandha tingħata attenzjoni biex ikun żgurat li r-riżorsi umani u finanzjarji jkunu disponibbli u jibqgħu disponibbli għat-tħejjijiet meħtieġa assoċjati mal-proċess tal-adeżjoni fl-UE.

    L-Islanda qed tkompli tkun konformi ħafna mal-acquis rigward il-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, m'hemmx żviluppi leġiżlattivi ġodda fl-Islanda x'jiġu rrapurtati f'dawk li huma miżuri orizzontali u leġiżlazzjoni dwar il-prodott taħt 'l-Approċċ il-Qadim'. Għad hemm bżonn li titlesta t-traspożizzjoni f'għadd ta' oqsma fejn ġie adottat l-acquis l-ġdid tal-UE.

    L-Islanda żżomm livell għoli ta’ allinjament mal-acquis fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

    L-leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta' stabbiliment u l-libertà tal-provvista ta' servizzi għadu ġeneralment konformi, bl-eċċezzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi postali. L-implimentazzjoni tad-direttiva tas-servizzi ġiet innotifikata f’Lulju 2011.

    L-Islanda fil-biċċa l-kbira tapplika l-acquis fuq il-moviment liberu tal-kapital, b’xi eċċezzjonijiet. Madankollu, wara l-kriżi finanzjarja, l-Islanda qed tkompli tapplika l-kontrolli tal-kapital li se jkollhom jitneħħew saż-żmien tal-adeżjoni fl-UE. .

    Fil-qasam tal-akkwist pubbliku l-Islanda għadha ġeneralment allinjata mal-acquis. L-allinjament mar-rimedji u l-appalti tad-difiża għadu pendenti.

    L-Islanda diġà laħqet livell għoli ta’ allinjament u tapplika parti sostanzjali tal-acquis fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Madankollu, għad irid jintlaħaq allinjament sħiħ mal-istandards tal-kontabbiltà u mal-istandards internazzjonali tal-verifika.

    L-Islanda żżomm livell għoli ta’ allinjament mal-acquis dwar il-liġi tal-proprjetà intellettwali u għandha l-kapaċità amministrattiva meħtieġa biex timplimentaha. Hemm bżonn li tiġi implimentata politika komprensiva tal-infurzar.

    L-Islanda żżomm livell għoli ta' allinjament fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni. Il-monitoraġġ tal-miżuri dwar l-għajnuna mill-Istat li ttieħdu bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja miexi b'mod sodisfaċenti.

    Jinħtieġu iktar sforzi sabiex jiġi implimentat l-acquis dwar is-servizzi finanzjarji u b'mod partikolari biex ikun żgurat infurzar effettiv u sorveljanza adegwata tas-settur. Għadu ma ntlaħaqx ftehim fit-tilwima Icesave.

    Għad hemm xi lakuni fit-traspożizzjoni fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja.

    Il-politika tal-Islanda dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali huwa kollox ma' kollox mhux konformi mal-acquis, u jeħtieġ jitwaqqaf qafas amministrattiv xieraq għal implimentazzjoni.

    Partijiet mill-qafas leġiżlattiv u amministrattiv tal-Islanda mhumiex konformi mal-acquis dwar is-sikurezza alimentari u l-politika veterinarja u fitosanitarja. Attenzjoni partikolari hija meħtieġa sabiex jingħalqu l-lakuni li għad fadal fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar annimali ħajjin, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ikel ġdid.

    Fil-qasam tas-sajd, l-Islanda għadha ma bdietx l-allinjament mal-acquis tal-UE jew tistabbilixxi l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' miżuri ta’ appoġġ tal-UE Ir-restrizzjonijiet attwali fuq l-investiment barrani fis-settur tas-sajd, li għadhom fis-seħħ, mhumiex konformi mal-acquis.

    Sar xi progress fil-qasam tat-trasport, partikolarment dwar it-trasport bl-art u bil-baħar. Madankollu, għad hemm bosta oqsma fejn l-Islanda għandha bżonn tittrasponi leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

    Il-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija tkompli tkun ġeneralment konformi, ħlief għall-ħażniet taż-żejt, l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u l-effiċjenza fl-enerġija.

    Il-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-Islanda għadha allinjata parzjalment mal-acquis. Jeħtieġ issir definizzjoni tal-istrateġija għall-ksib ta' interkonnettività tal-IT u l-interoperabbiltà ma’ sistemi tal-IT tal-UE għat-tassazzjoni.

    Rigward l-unjoni ekonomika u monetarja, l-allinjament mal-acquis dwar il-politika monetarja għadu mhux komplut u l-istrutturi amministrattivi rilevanti jeħtieġu tisħiħ ulterjuri.

    Id-disponibbiltà tal-istatistika skont metodi tal-UE, partikolarment fin-negozju, fis-suq tax-xogħol u fl-statistika tal-agrikoltura, għadha trid tittejjeb aktar.

    L-Islanda qed tkompli tapplika u timplimenta parti sostanzjali tal-acquis dwar il-politika soċjali u l-impjiegi. Strateġija komprensiva dwar l-impjiegi għad trid tiġi abbozzata.

    L-istat ta' tħejjija tal-Islanda fil-qasam tal-politika tal-impriżi u l-politika industrijali jinsab f’livell għoli. L-aċċess għall-faċilità ta' finanzi tal-SME għadu milqut mill-kriżi finanzjarja.

    L-Islanda għandha livell tajjeb ta’ allinjament mal-istandards tal-UE dwar in-netwerks trans-Ewropej.

    Dwar il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali l-Islanda għandha bżonn tidentifika l-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni.

    It-tħejjijiet fil-qasam tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali qed ikomplu fit-triq it-tajba. Sar progress fit-tisħiħ ulterjuri tal-indipendenza tal-ġudikatura u tal-qafas ta' politika kontra l-korruzzjoni. Huwa meħtieġ aktar monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’dawn il-miżuri. Il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-protezzjoni tad-dejta għadha mhix konformi mal-acquis.

    L-Iżlanda qed tkompli tapplika l-Ftehim Schengen u hija avanzata sew fl-allinjament mal-acquis fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Aktar sforzi għadhom meħtieġa rigward ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali.

    L-Islanda tkompli tkun avanzata sew f’dawk li huma tħejjijiet għall-adeżjoni mal-UE u integrazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    L-Islanda żżomm il-livell diġà għoli tagħha ta' allinjament fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura.

    Sar xi progress fit-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv u amministrattiv dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Għad irid jinkiseb allinjament sħiħ mal-acquis rigward il-ħarsien tan-natura u l-kwalità tal-ilma. L-Islanda teħtieġ li gradwalment tallinja ruħha mal-pożizzjonijiet tal-UE fil-fora internazzjonali ambjentali, kif ukoll tirratifika l-ftehimiet multilaterali pendenti.

    L-Islanda għandha livell tajjeb ta' allinjament mal-acquis rigward is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur. Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur.

    Il-leġiżlazzjoni doganali tkompli tkun parzjalment konformi mal-acquis. Huma meħtieġa sforzi sinifikanti sabiex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tar-regoli doganali, il-proċeduri b'impatt ekonomiku, id-duty free u l-aspetti tas-sigurtà. It-tħejjijiet għal implimentazzjoni effettiva mal-adeżjoni tal-acquis għad iridu jinbdew, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ interkonnettività ma' sistemi IT doganali tal-UE.

    Sar iktar progress fir-relazzjonijiet esterni, partikolarment fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja. L-Islanda għad trid issir membru fil-proċess Kimberly.

    L-Islanda għandha livell għoli ta' allinjament fil-qasam tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża. L-enfasi tal-Islanda dwar il-politika tal-Artiku jaċċenna l-impenn tagħha li jkollha rwol attiv fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-Ewropa tat-Tramuntana.

    Sar progress limitat fil-leġiżlazzjoni rigward il-kontroll finanzjarju. Jinħtieġu sforzi ulterjuri sabiex jitħejja dokument ta' politika dwar il-kontroll finanzjarju intern fis-settur pubbliku u biex tkun żgurata s-separazzjoni bejn il-verifika interna u esterna. It-tħejjijiet għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għad iridu jissaħħu.

    Rigward id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji, l-Islanda laħqet livell tajjeb ta’ allinjament f’oqsma tal-politika sottostanti u li jaffettwaw dan il-kapitolu. Hija kompliet tidentifika l-allinjament meħtieġa mal-acquis. Hemm bżonn ta' preparamenti amministrattivi u l-kunċetti għat-twaqqif tas-sistema tar-riżorsi proprji. Struttura ta' koordinazzjoni għad trid tiġi formalment stabbilita.

    [1]               Artikolu 49

    [2]               Taħt l-UNSCR 1244/1999

    [3]               Is-sommarji u l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-pajjiżi huma inklużi bħala anness ma' din il-Komunikazzjoni.

    [4]               Dan huwa rifless fil-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni COM(2011) 308 finali.

    [5]               L-istrateġija timplika kooperazjoni fost il-bajjiżi fil-baċin tad-Danubju fl-oqsma tal-ambjent, it-trasport, l-enerġija, l-iżvilupp soċjo-ekonomiku, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u s-sigurtà u s-sikurezza. Fost il-pajjiżi tat-tkabbir, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro qed jipparteċipaw f'din l-istrateġija. Ara COM(2010) 715 Fianli u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' April 2011.

    [6]               l-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 huma aġenda diġitali għall-Ewropa, unjoni ta' innovazzjoni, żgħażagħ fl-azzjoni, Ewropa għall-effiċjenza tar-riżorsi, politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni, aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda, pjattaforma Ewropea kontra l-faqar.

    [7]               COM(2008) 394 finali.

    [8]               COM(2011) 415 finali.

    [9]               It-Turkija hija osservatur. Il-pajjiżi tal-viċinat involuti huma l-Ukraina u l-Moldova bħala membri sħaħ, u l-Ġeorġja u l-Armenja bħala osservaturi.

    [10]             Kawża Sejdić-Finci v. Bosnja-Ħerzegovina, Diċembru 2009.

    [11]             Dawn jinkludu 5 għanijiet: 1) Riżoluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-kwistjoni tat-tqassim tal-proprjetà bejn l-Istat u livelli oħra ta' tmexxija; 2) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-proprjetà tad-difiża; 3) It-teħid tad-deċiżjoni finali dwar Brčko; 4) Is-sostenibbiltà fiskali; u 5) L-istabbiliment sod tal-istat tad-dritt (muri permezz tal-adozzjoni ta' Strateġija Nazzjonali dwar id-Delitti tal-Gwerra, Liġi dwar il-Barranin u l-Ażil u Strateġija Nazzjonali għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja), kif ukoll żewġ kundizzjonijiet speċifiċi: 1) l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u 2) qagħda politika stabbli.

    [12]             COM(2009) 534 finali.

    [13]             Eżempji ta' dan huma l-kapitolu 20 - Il-politika dwar l-impriżi u l-industrija, il-kapitolu 21 - netwerks trans-Ewropej.

    [14]             Regolament (KE) Nru 1085/2006.

    [15]             COM(2011) 500

    [16]             COM(2011) 290

    [17]             Taħt ir-Rizoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    [18]             Il-prijoritajiet ewlenin jirrigwardaw l-oqsma li ġejjin: qafas leġiżlattiv għall-elezzjonijiet u r-rwol leġiżlattiv u ta' superviżjoni tal-Parlament; riforma fl-amministrazzjoni pubblika; riforma fil-ġudikatura; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; il-libertà tal-midja u l-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili; l-implimentazzjoni tal-qafas kontra d-diskriminazzjoni u s-sitwazzjoni ta' persuni spustati. Għat-test sħiħ il-prijoritajiet ewlenin, jekk jogħġbok ara COM (2010) 670.

    [19]             Il-Montenegro unilateralment juża' l-ewro bħala l-unika valuta legali.

    [20]             Il-prijoritajiet ewlenin jirrigwardaw l-oqsma li ġejjin: it-tħaddim tajjeb tal-parlament; l-adozzjoni ta' liġijiet li jeħtieġu maġġoranza rinfurzata; il-proċeduri ta' ħatra u ħatriet fl-istituzzjonijiet ewlenin; ir-riforma elettorali; it-twettiq ta' elezzjonijiet; ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar il-proprjetà; jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem u jiġu implimentati politiki kontra d-diskriminazzjoni; jitjieb it-trattament tad-detenuti u jiġi applikati r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman. Għat-test sħiħ tal-prijoritajiet ewlenin, jekk jogħġbok ara COM (2010) 680.

    [21]             Il-kawża Sejdić-Finci v il-Bosnja-Ħerzegovina, Diċembru 2009, rigward id-diskriminazzjoni etnika għar-rappreżentazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż għal persuni li ma jappartjenux għal waħda mit-tliet Popli Kostitwenti.

    [22]             Skont il-Liġi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, hemm 17-il minoranza nazzjonali fil-Bosnja-Ħerzegovina. It-tliet popli kostitwenti – il-Bosnjaċi, il-Kroati u s-Serbi – ma jikkostitwixxux minoranzi nazzjonali.

    Top