Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0662

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' strumenti finanzjarji innovattivi - il-pjattaforma tal-UE tal-ekwità u tad-dejn

/* KUMM/2011/0662 finali */

52011DC0662

/* KUMM/2011/0662 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' strumenti finanzjarji innovattivi - il-pjattaforma tal-UE tal-ekwità u tad-dejn


WERREJ

1. Introduzzjoni 4

2. Strumenti finanzjarji innovattivi fl-infiq baġitarju tal-UE 5

2.1. Kamp ta' applikazzjoni u setturi 5

2.2. Ġestjoni tar-riskji għall-baġit tal-UE 6

2.3. Ir-raġunijiet għall-istrumenti finanzjarji innovattivi 7

2.3.1. Il-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-UE 7

2.3.2. Żieda fl-effiċjenza u l-effikaċja tar-riżorsi pubbliċi 8

2.3.3. Il-promozzjoni ta' prestazzjoni u dixxiplina finanzjarja mtejba 8

2.3.4. L-effett multiplikatur tal-baġit tal-UE 9

3. Valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji innovattivi fil-qafas finanzjarju 2007-2013 9

3.1. Tagħlimiet miksuba minn strumenti eżistenti 9

3.1.1. L-esperjenza bħala pedament 9

3.1.2. L-istrumenti finanzjarji innovattivi jipprovdu l-aċċess meħtieġ għall-finanzi, jippromwovu l-iżvilupp tal-prodotti u l-aħjar prattiki 10

3.1.3. Żieda fil-koerenza u l-konsistenza bejn l-istrumenti 10

3.1.4. Kwistjonijiet ta’ governanza u ta’ kontroll għall-istrumenti fuq livell tal-UE 11

3.1.5. X’jista’ jsir aktar għaż-żieda fil-viżibilità u t-trasparenza tal-istrumenti 11

3.1.6. Arranġamenti ġodda għall-kondiviżjoni tar-riskju jistgħu jiksbu volumi ogħla ta’ finanzjamenti 12

4. Strumenti finanzjarji innovattivi għall-Qafas Finanzjarju tal-2014-2020 13

5. Qafas ġdid għall-Istrumenti Finanzjarji Innovattivi 14

5.1. Regoli komuni għas-simplifikazzjoni u r-razjonalizzazzjoni tal-istrumenti 14

5.1.1. Strumenti tal-UE 14

5.1.2. Strumenti ta’ fondi strutturali 15

5.1.3. Id-dimensjoni esterna tal-istrumenti tal-politika interna 15

5.1.4. Strumenti ta' politika esterna 16

5.2. Il-kontenut tal-pjattaformi ta’ ekwità u ta’ dejn tal-UE 16

5.2.1. Kamp ta' applikazzjoni tal-pjattaformi 16

5.2.2. Rekwiżiti operattivi speċifiċi 16

5.2.3. Għoti ta’ strumenti finanzjarji 17

6. Konklużjoni u l-passi li jmiss 17

Anness:Deskrizzjoni tal-istrumenti finanzjarji innovattivi fil-qafas finanzjarju tal-2007-2013

INTRODUZZJONI

L-istrumenti finanzjarji innovattivi għandu jkollhom rwol dejjem aktar importanti fl-infiq tal-baġit tal-UE tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF- Multiannual Financial Framework) tal-2014-2020 . Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-opinjoni tal-Kummissjoni fuq id-disinn u l-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji innovattivi. L-għan tal-Kummissjoni huwa li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi li jindirizzaw l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv b’mod effiċjenti u effettiv ħafna, abbażi tal-esperjenza solida miksuba diġà permezz tal-ġestjoni ta’ strumenti li huma operattivi fl-MFF attwali.

Aktarx li wħud mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja se jaffettwaw l-ewwel snin tal-MFF li jmiss u jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fis-snin li ġejjin. Il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali se jkomplu jnaqqsu l-kapaċità għall-investimenti pubbliċi nazzjonali, filwaqt li bidliet strutturali fir-regolazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji jwasslu għal bidliet fl-interess, min-naħa ta’ tali istituzzjonijiet, fir-rigward ta' ċertu klassijiet ta’ assi u tipi ta’ riskju. L-iżviluppi tas-suq makroekonomiku se jkomplu jkollhom impatti fuq id-disponibilità tal-kapital ta’ riskju għal tkabbir għoli u attività innovattiva li tappoġġja l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Se jkun hemm bżonn li tiġi mitigata l-istmerrija prevalenti tar-riskju sabiex jiġi żgurat aċċess għal kapital għall-attivitajiet li jiġġeneraw it-tkabbir bħall-infrastruttura, l-SMEs u l-innovazzjoni matul il-perjodu tal-MFF, u l-istrumenti finanzjarji innovattivi jista’ jkollhom rwol importanti f’dan ir-rigward.

L-istrumenti finanzjarji innovattivi flimkien ma’ miżuri regolatorji xierqa jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tas-swieq finanzjarji (kapitali u tal-ekwità) kif ukoll għal integrazzjoni ogħla tas-swieq finanzjarji tal-UE, fejn jinfetħu sorsi alternattivi ta’ ffinanzjar għas-setturi li jiġġeneraw it-tkabbir. L-Att dwar is-Suq Uniku[1] jenfasizza r-rwol prinċipali li l-iżvilupp tas-swieq finanzjarji se jkollu sabiex titwitta t-triq għal forom ġodda ta’ tkabbir. Ir-riformi mwettqa fil-qasam tas-servizzi finanzjarji se jipprovdu kontribuzzjoni kruċjali għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv ibbażat fuq kunfidenza msaħħa fis-swieq u l-atturi finanzjarji tal-UE.

Minbarra dan, billi jiġi kkatalizzat l-investiment relatat mat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, is-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u infrastruttura relatata, tali strumenti jkunu jistgħu jikkontribwixxu lejn il-promozzjoni tat-tranżizzjoni favur ekonomija u soċjetà b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għall-klima.

L-istrumenti finanzjarji innovattivi huma miżrugħa sew fid-dokumenti strateġiċi li għandhom l-għan li jiffurmaw il-finanzjament tal-UE tal-ġejjieni. Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-MFF li jmiss[2] u r-Reviżjoni tal-Baġit[3] ġie osservat li l-istrumenti finanzjarji innovattivi jistgħu jipprovdu fluss ta’ finanzjament ġdid importanti għall-investimenti strateġiċi, li jappoġġja l-investiment sostenibbli fit-tul fi żmien ta’ restrizzjonijiet fiskali. Sabiex jintwera l-valur miżjud tal-UE, l-istrumenti għandhom ikunu ffukati fuq l-indirizzar ta’ fallimenti/imperfezzjonijiet tas-suq identifikabbli li jistgħu jiġu indirizzati f’mod xieraq fil-livell tal-UE, billi jitqies l-istat tas-swieq finanzjarji nazzjonali, l-ambjent legali u regolatorju u l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji finanzjarji.

L-Istrateġija Ewropa 2020[4] tipprevedi żieda fil-mobilizzazzjoni ta’ strumenti finanzjarji innovattivi bħala parti minn strateġija ta’ finanzjament konsistenti li tgħaqqad flimkien il-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali pubbliku u privat sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din għandha l-għan li tisfrutta l-opportunità tar-reviżjoni attwali tar-Regolament Finanzjarju (RF) sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji innovattivi, filwaqt li tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba. Fil-proposta tagħha għal emenda tar-RF, fil-kuntest tar-reviżjoni triannwali, il-Kummissjoni inkludiet Titolu ġdid iddedikat lill-ġestjoni baġitarja tal-istrumenti finanzjarji[5].

Barra minn hekk, l-Istrateġija Ewropa 2020 kellha wkoll l-għan li tindirizza l-frammentazzjoni attwali tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE. F’dan ir-rigward, raggruppament interpolitiku ta' strumenti (pereżempju. strumenti li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u/jew li huma komplimentarji) minflok approċċ ta’ "strument wieħed għal kull politika" għandu jippromwovi l-kisba tal-għanijiet taħt l-inizjattivi prominenti tal-Ewropa 2020, anki għax id-diversifikazzjoni ġeografika u settorjali li tirriżulta minn approċċ multipolitiku għandha tgħin tattira lill-investituri lejn l-oqsma prioritarji ta’ Ewropa 2020 billi tnaqqas ir-riskju ġenerali. Fl-aħħar nett, l-Istrateġija Ewropa 2020 enfasizzat ir-rwol tas-sħubijiet pubbliċi privati (PPPs – “Public-Private Partnerships”) fil-finanzjament innovattiv. Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni PPP[6], il-PPPs jistgħu jipprovdu modi aktar effikaċi biex jiġu pprovduti infrastruttura sostenibbli u beni u servizzi pubbliċi strateġiċi.

Din il-Komunikazzjoni tikkunsidra l-ħidma ta’ analiżi fuq qafas ġdid għal strumenti finanzjarji innovattivi li twettqet mis-servizzi tal-Kummissjoni – f’kollaborazzjoni mas-sħab finanzjarji tagħha u partijiet oħra interessati u msejsa fuq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet formali – matul il-fażi ta’ tħejjija tal-MFF li jmiss. Din tħares lejn id-disinn u l-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji innovattivi mas-setturi politiċi kollha u tistabbilixxi l-passi li jmiss sabiex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-Kummissjoni ta’ sett aktar simplifikat, komprensiv u effiċjenti u effettiv ħafna ta’ strumenti finanzjarji innovattivi sabiex tappoġġja l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Strumenti finanzjarji innovattivi fl-infiq baġitarju tal-UE

Kamp ta' applikazzjoni u setturi

L-infiq tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji innovattivi mhuwiex karatteristika ġdida, għaliex l-ewwel użu tal-baġit tal-UE f’tali strumenti sar aktar minn għaxar snin ilu. It-terminu “strument finanzjarju innovattiv” jintuża f’din il-Komunikazzjoni għall-interventi għajr dawk ta' għotjiet finanzjarji puri. F’dan is-sens, l-istrumenti finanzjarji innovattivi jkopru firxa wiesgħa ta’ każijiet fejn l-appoġġ finanzjarju mill-baġit jingħata f’forom oħra minbarra għotjiet puri, inklużi każijiet fejn l-għotjiet tal-UE jiġu mħallta mas-self minn istituzzjonijiet finanzjarji. Madanakollu, l-intenzjoni wara ż-żieda fl-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi mhijiex li jiġi sostitwit il-finanzjament ta’ għotjiet bl-istrumenti finanzjarji, peress li l-għotjiet jibqgħu neċessarji f’firxa ta’ oqsma, iżda li jiġu kumplimentati l-għotjiet finanzjarji billi jiġu appoġġjati proġetti li jippruvaw jilħqu l-għanijiet politiċi tal-UE permezz ta’ forom oħra ta’ intervent.

L-istrumenti finanzjarji innovattivi indirizzati f’din il-Komunikazzjoni jinkludu strumenti li jipprovdu ekwità/kapital ta’ riskju , jew strumenti tad-dejn (bħal self jew garanziji lill-intermedjarji li jipprovdu self lil għadd kbir ta’ riċevituri finali li għandhom diffikultajiet jaċċedu għall-finanzjament, jew kondiviżjoni ta’ riskju ma’ istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiżdied il-volum ta’ finanzi u b’hekk anki l-impatt li jirriżulta mill-intervent tal-baġit tal-UE). Fejn dan ikun xieraq, appoġġ bħal dan mill-UE jista’ jingħata b’mod indirett permezz ta’ strumenti ta’ investiment iddedikati, b’mod partikolari jekk tiġi mfittxa il-parteċipazzjoni ta’ investituri privati flimkien ma’ investituri pubbliċi. Fl-Anness hija pprovduta deskrizzjoni fil-qosor tal-istrumenti attwali ewlenin.

L-istrumenti finanzjarji huma partikolarment adatti sabiex jindirizzaw sitwazzjoni ta’ investiment subottimali f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika, pereżempju għal attivitajiet tan-negozju jew infrastrutturi li huma kapaċi jkunu vijabbli finanzjarjament (f’termini, pereżempju, ta’ kapaċità li jiġġeneraw id-dħul), iżda (għadhom) ma jattirawx biżżejjed finanzjament mis-sorsi tas-suq. Dawn huma partikolarment rilevanti:

- biex irawmu l-kapaċità tas-settur privat li jipprovdi tkabbir, ħolqien ta’ impjiegi, inklużjoni soċjali u/jew innovazzjoni, l-aktar permezz ta’ appoġġ lil negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, SMEs, mikrointrapriżi, intrapriżi soċjali, investiment f’kapital uman, istituzzjonijiet ta’ riċerka, parks tan-negozju/tax-xjenxa, trasferiment ta’ għarfien/teknoloġija, jew investiment fi drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

- biex jibnu infrastrutturi bi fluss ta’ dħul iddedikat, li jagħmlu użu minn strutturi ta’ finanzjament xierqa bħal PPPs, sabiex jissaħħu l-kompetittività u s-sostenibilità tal-UE fl-oqsma bħat-trasport, l-ambjent, l-enerġija u l-infrastrutturi diġitali.

- biex jiġu appoġġjati mekkaniżmi li jimmobilizzaw investimenti privati sabiex jiġu pprovduti beni pubbliċi bħall-ħarsien tal-klima u l-ambjent.

Dawn l-għanijiet għandhom jinkisbu mingħajr il-ħolqien ta’ distorsjonijiet tas-suq, strutturi tas-suq ineffikaċi jew iż-żamma ta’ intrapriżi ineffiċjenti, b’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif iċċarati mill-prattika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward l-istrumenti finanzjarji innovattivi attwalment li huma operazzjonali.

Ġestjoni tar-riskji għall-baġit tal-UE

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-infiq tal-baġit permezz ta’ strumenti finanzjarji ma jimplikax riskju finanzjarju akbar minn dak tal-għotjiet, għaliex huwa żgurat permezz tad-disinn u t-tfassil kuntrattwali tal-istrument finanzjarju li fil-każijiet kollha r-riskju għall-baġit tal-UE jkun limitat għall-kontribuzzjoni baġitarja. Għall-kuntrarju tal-għotjiet, fejn l-istrumenti finanzjarji jinvolvu investiment tal-fondi tal-UE impenjati, il-kontribuzzjoni tal-baġit tista’ toħloq ukoll rikavat bħall-imgħax jew redditu fuq il-kapital.

Studju riċenti mwettaq għall-Parlament Ewropew[7] rigward l-istrumenti kofinanzjati mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ikkonferma li “fil-fatt ftit hemm tħassib, jekk hemm, f’sens formali f’termini ta’ obblgazzjoni baġitarja. L-istrumenti kollha kofinanzjati jinvolvu allokazzjoniet għall-programmi li għandhom limiti fid-daqs u għalhekk l-ebda minn dawn l-istrumenti ma huma ta’ riskju għall-baġit lil hinn minn dak li jiġi impenjat fil-bidu. Anke f’dawk il-każijiet fejn l-istrument finanzjarju jinvolvi għamla ta’ garanzija ma tifdal l-ebda obbligazzjoni li tmur lil hinn minn dik impenjata oriġinarjament matul it-tfassil tal-istrumenti”.

Kif stabbilit fir-Reviżjoni tal-Baġit, in-norma għal proġetti b’potenzjal kummerċjali fit-tul għandha tkun li l-fondi tal-UE jintużaw fi sħubija mas-settur finanzjarju u bankarju, b’mod partikolari l-Grupp tal-BEI jew l-istituzzjonijiet finanzjarji b’missjoni pubblika tal-Istati Membri, iżda wkoll ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) oħra u s-settur finanzjarju privat. Dan jiżgura taħlita unika ta’ kompetenzi u għarfien ta’ dawn l-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-Kummissjoni fid-disinn u l-implimentazzjoni ta’ skemi li jindirizzaw l-għanijiet tal-UE. Barra minn hekk, disinn maħsub sew tal-istrumenti finanzjarji, li b’mod partikolari jiżgura qafas xieraq ta’ allinjament ta’ inċentivi u mgħax (permezz tal-iskema ta’ remunerazzjoni u arranġamenti xierqa għall-kondiviżjoni tar-riskju) bl-istituzzjonijiet finanzjarji fi sħubija mal-Kummissjoni, jnaqqas ir-riskji ta’ implimentazzjoni u jippromwovi l-kisba tal-għanijiet politiċi li jimmiraw lejhom dawn l-istrumenti.

Ir-raġunijiet għall-istrumenti finanzjarji innovattivi

Il-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-UE

L-istrumenti finanzjarji innovattivi jippruvaw jilħqu għanijiet politiċi tal-UE speċifiċi billi jiżguraw il-finanzjament meħtieġ għall-oqsma ta’ interess għall-UE, kemm jekk għall-innovazzjoni, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, etc. Dawn għandhom l-għan li jikkorreġu l-fallimenti/imperfezzjonijiet tas-suq li jwasslu għal finanzjament insuffiċjenti ta’ tali oqsma mis-sorsi tas-suq, pereżempju għax is-settur privat iħares lejn il-qasam bħala wieħed riskjuż wisq. Għalhekk, l-istrumenti finanzjarji innovattivi jistgħu jikkumplimentaw u jmorru lil hinn mill-interventi regolatorji li għandhom l-għan li jipprovdu l-kundizzjonijiet li taħthom dik l-attività mixtieqa tista’ tirnexxi, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju konkret b’mod proattiv anki qabel ma l-potenzjal jiġi rikonoxxut mill-komunità tan-negozju.

Minbarra l-impatt finanzjarju, l-istrumenti finanzjarji implimentati fil-livell tal-UE jista’ jkollhom effetti importanti mhux finanzjarji bħal effetti ta’ dimostrazzjoni fis-swieq ta’ mira, u b'hekk tiskatta applikazzjoni usa’ għas-setturi l-oħra. L-applikazzjoni u l-promozzjoni konsistenti tal-aħjar prattiki permezz tal-istrumenti tal-UE jistgħu jrawmu żvilupp kwalitattiv ta’ ċerti swieq, bħal pereżempju s-swieq tal-kapital ta’ riskju, u jżidu s-sofistikazzjoni tal-intermedjarji maż-żmien, filwaqt li jikkontribwixxu għal suq tal-UE inqas frammentat.

L-għarfien espert tal-UE u tal-istituzzjonijiet finanzjarji responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji innovattivi fuq livell tal-UE tista’ tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. It-trasferiment transkonfinali tal-ħiliet u l-għarfien jista’ jkollu rwol sinifikanti fl-allinjament tal-politiki nazzjonali ma’ miżuri orjentati lejn it-tkabbir u l-innovazzjoni, u b’hekk inaqqas id-distakk bejn l-ekonomiji Ewropej u jtejjeb il-kompetittività. L-impatt sħiħ ta’ effetti mhux finanzjarji bħal dawn jista’ jinkiseb biss jekk l-istrumenti jiġu mfassla u ġestiti f’mod konsistenti.

Żieda fl-effiċjenza u l-effikaċja tar-riżorsi pubbliċi

Bir-raggruppament ta’ riżorsi minn sorsi differenti, l-istrumenti finanzjarji jistgħu jikkatalizzaw l-investimenti għad-diskrepanzi identifikati fis-swieq, jiksbu l-ekonomiji tal-kobor u/jew jimminimizzaw ir-riskju ta’ falliment fl-oqsma fejn ikun diffiċli għal Stati Membri individwali biex jiksbu l-massa kritika meħtieġa.

L-intervent tal-UE jrid isegwi l-prinċipju ta’ sussidjarjetà; kif osservat il-Qorti tal-Awdituri, l-infiq mill-baġit tal-UE jrid joffri benefiċċji ċari u viżibbli għall-UE u għaċ-ċittadini tagħha li ma jkunux jistgħu jinkisbu jekk l-infiq isir biss fuq livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali[8]. Il-valur miżjud tal-UE ta’ strument fuq livell tal-UE jintwera jekk ir-riżultati tiegħu (f’termini ta’ effiċjenza jew skala) imorru lil hinn minn dak li seta’ jinkiseb minn finanzjament taħt skemi nazzjonali.

Jekk jiġi preżunt li l-valur miżjud tal-UE ta’ strumenti fuq livell tal-UE ikun jista’ jintwera, il-proporzjon ta’ kostbenefiċċju ta’ tali strumenti aktarx li jkun aktar vantaġġjuż milli għal sensiela ta’ strumenti finanzjarji fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minħabba l-volum ogħla taħt ġestjoni, kosteffiċjenzi permezz ta’ standards u termini ta’ implimentazzjoni armonizzati u spejjeż ta’ implimentazzjoni aktar baxxi, per eżempju t-tariffi ta’ ġestjoni mitluba mill-intermedjarji finanzjarji.

Il-promozzjoni ta' prestazzjoni u dixxiplina finanzjarja mtejba

Strumenti finanzjarji ddisinjati sew jistgħu jippromwovu titjib fil-prestazzjoni billi jistabbilixxu indikaturi ta’ suċċess xierqa adatti għall-kisba tal-għanijiet tal-ordni pubbliku. Id-dixxiplina finanzjarja hija promossa bl-armonizzazzjoni, safejn possibbli, tal-oqsfa ta’ implimentazzjoni u l-prinċipji ta’ ġestjoni skont l-aħjar prattiki.

L-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien tal-istituzzjonijiet tal-UE fid-disinn tal-prodotti finanzjarji li kieku ma kienx ikun disponibbli għalihom. Eżempju ta’ dan huma l-iskemi ta’ garanzija Ewropej implimentati taħt il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP – “Competitiveness and Innovation Framework Programme”): F’ħafna Stati Membri, soċjetajiet ta’ garanzija ma jeżistux u skema ta’ kontrogaranzija Ewropea hija importanti wkoll għal istituzzjonijiet ta’ garanzija aktar ġodda li għadhom qed jibnu l-portafolli tagħhom. Il-preżenza ta’ garanzija u/jew kontrogaranzija Ewropea jew tipprovdi l-possibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ garanzija ġodda biex ikabbru l-volumi tagħhom fl-istadju bikri, jew inkella tiffaċilita l-ħolqien ta’ tali skemi, u b’hekk tagħmel kontribut konsiderevoli għall-“bini tal-istituzzjonijiet”.

L-effett multiplikatur tal-baġit tal-UE

L-istrumenti finanzjarji innovattivi joħolqu effett multiplikatur għall-baġit tal-UE billi jiffaċilitaw u jattiraw finanzjament ieħor pubbliku u privat għall-proġetti ta’ interess għall-UE fost il-livelli differenti tal-katina ta’ implimentazzjoni (intermedjarji u benefiċjarji aħħara). Permezz tal-kopertura tar-riskji jew tal-parteċipazzjonijiet tar-riskju, l-intervent tal-UE jista’ jistimola lill-investituri sabiex jinvestu jew jinvestu aktar fil-każijiet fejn kieku ma kinux jinvestu jew inkella kienu jinvestu inqas mingħajr l-appoġġ mill-baġit tal-UE. Tali "ingranaġġ" finanzjarju jew effett multiplikatur jista’ jinkiseb permezz tal-kofinanzjament mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew permezz tal-volumi ta’ debitu addizzjonali li l-banek u l-istituzzjonijiet ta’ garanzija huma mitluba jipprovdu lill-benefiċjarji finali. Bħala eżempju, taħt il-proġetti tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF – “Risk-Sharing Finance Facility”) aktar minn EUR 6 bn ġew appoġġjati sa tmiem l-2010, fejn l-impenji tal-baġit tal-UE totali ammontaw għal madwar EUR 0,5 bn.

Barra minn hekk, effett multiplikatur addizzjonali jinkiseb matul il-ħajja tal-istrument finanzjarju innovattiv, jekk il-ħlas lura tal-kapital jew tal-imgħax u r-rikavat ta’ investiment jistgħu jerġgħu jintużaw għall-istrument. Karattru “ċirkolari” bħal dan jista’ jżid b’mod konsiderevoli l-effetti tal-istrumenti. Wara dan il-perjodu, il-ħlas lura tal-investiment inizjali flimkien ma’ parteċipazzjoni eventwali pożittiva jerġgħu lura lejn il-baġit ġenerali, li jkollu impatti pożittiv ukoll fuq il-kosteffiċjenza ġenerali tal-intervent.

VALUTAZZJONI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ STRUMENTI FINANZJARJI INNOVATTIVI FIL-QAFAS FINANZJARJU 2007-2013

Tagħlimiet miksuba minn strumenti eżistenti

L-esperjenza bħala pedament

Għal uħud mill-istrumenti finanzjarji innovattivi eżistenti fil-preżent (l-aktar dawk taħt is- CIP), twettqu valutazzjonijiet fl-għamla ta’ verifiki, evalwazzjonijiet interim u ex post u studji[9]. Strumenti oħra għadhom fi stadju bikri wisq tal-implimentazzjoni tagħhom sabiex jiġu evalwati. Barra minn hekk, inkisbet esperjenza prattika sinifikanti mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-ġestjoni ta’ tali strumenti, inkluża l-ġestjoni tal-baġit. Konklużjoni prinċipali f’dan il-waqt hija li minħabba l-mod individwali li bih l-istrumenti finanzjarji innovattivi ġew żviluppati, ċerti strumenti jissovrapponu lil xulxin f’termini ta’ oqsma u benefiċjarji fil-mira u l-mudelli ta’ disinn u ġestjoni tagħhom ivarjaw, u dan jista’ joħloq konfużjoni fost il-partijiet interessati u l-benefiċjarji.

Fid-disinn tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ strumenti finanzjarji għall-MFF tal-2014-2020, jekk l-istrumenti se jiġu użati fuq skala ikbar, l-attenzjoni għandha tkun fuq l-isfruttament tal-esperjenza bl-istrumenti finanzjarji eżistenti sabiex jiġu stabbiliti regoli, gwida u standardizzazzjoni xierqa għad-disinn u l-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji innovattivi skont ir-rekwiżiti tas-suq u l-aħjar prattiki, biex b’hekk jiġu evitati s-sovrappożizzjonijiet u jiġu simplifikati l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni. Dan – flimkien ma’ ragruppament interpolitiku xieraq tal-istrumenti finanzjarji innovattivi proposti fuq livell tal-UE u t-titjib fil-konsistenza ma’ tali strumenti implimentati fuq livell nazzjonali, reġjonali, transnazzjonali jew transkonfinali taħt il-programmi ta’ fondi strutturali – għandu jiżgura ottimizzazzjoni tal-impatt tagħhom u valur miżjud tal-UE fl-MFF li jmiss.

L-istrumenti finanzjarji innovattivi jipprovdu l-aċċess meħtieġ għall-finanzi, jippromwovu l-iżvilupp tal-prodotti u l-aħjar prattiki

Il-verifiki u l-evalwazzjonijiet imwettqa tal-istrumenti finanzjarji innovattivi eżistenti huma b’mod partikolari pożittivi fir-rigward tar-riżultati tagħhom. L-istrumenti eżistenti pprovdew finanzjament fil-każijiet fejn il-benefiċjarji ma kellhomx għażla oħra biex jiksbu l-fondi meħtieġa, jew setgħu jiksbuh biss f’ammont iżgħar minn dak meħtieġ. Barra minn hekk, l-istrumenti għinu jinkoraġġixxu lill-intermedjarji finanzjarji jiżviluppaw u joffru prodotti finanzjarji ġodda fuq livell lokali. L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li lilhom ġiet delegata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE ippermettew lill-UE toffri strumenti f’firxa wiesgħa ta’ pajjiżi billi pprovdew kompetenzi dwar kif għandhom jitmexxu tali strumenti u kif għandhom jiġu promossi l-aħjar prattiki b’mod dirett.

Is-sejbiet, madankollu, huma mħallta fir-rigward tal-valur miżjud tal-UE tal-istrumenti. L-evalwazzjoni tal-RSFF sabet li dan l-istrument jibqa’ wieħed mill-ftit strumenti finanzjarji disponibbli lill-intrapriżi u lill-organizzazzjonijiet innovattivi fi żmien meta l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjari oħra kienu qed inaqqsu l-aċċess għall-finanzjamenti għal investimenti b’riskju għoli fir-R&Ż u l-oqsma ta’ innovazzjoni. Fir-rigward tal-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs taħt is-CIP, il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-valur miżjud tal-UE ta’ SMEG (“SME Guarantee Facility”) ma ntwerix għax ir-riżultati minn SMEG " setgħu nkisbu wkoll bil-finanzjament taħt skemi nazzjonali ". Għall-kuntrarju ta’ dan, l-evalwazzjoni finali tal-EIP (”Entrepreneurship and Innovation Programme”) sabet li " Il-faċilitajiet ta’ self u mikrokreditu ta’ SMEG […]jissodisfaw domanda għall-finanzi li kieku ma kienux jintlaħqu". Il-Kummissjoni, filwaqt li tenfasizza li kien hemm suppożizzjoni qawwija ta' valur tal-UE, kif osservat mill-evalwazzjoni indipendenti, aċċettat ir-rakkomandazzjoni biex tikkunsidra kif il-valur miżjud tal-UE jista’ jiġi massimizzat fi kwalunkwe suċċessur tal-istrument. Dan qed jiġi kkunsidrat b’enfasi akbar fuq l-iżgurar tal-valur miżjud tal-UE fl-ippjanar għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji fl-MFF tal-2014-2020.

Żieda fil-koerenza u l-konsistenza bejn l-istrumenti

L-evalwazzjoni tal-RSFF issemmi li l-firxa wiesgħa ħafna ta’ attivitajiet appoġġjati mill-fondi tal-UE - “mir-riċerka fil-fruntieri taħt l-FP7, sal-bini tal-kapaċità tar-riċerka reġjonali taħt il-Fondi Strutturali u aċċess għal mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi taħt il-CIP” – kollha jikkontribwixxu għall-iżvilupp ġenerali tal-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE. L-RSFF instabet li hija “kumplimentari aktar milli f’kompetizzjoni” ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament. Madankollu, minħabba l-mod ad hoc kif ċertu strumenti ġew stabbiliti fil-qafas finanzjarju attwali, hemm każijiet ta’ inkoerenza u inkonsistenza u anki duplikazzjoni mhux mixtieqa ta’ strumenti appoġġjati mill-baġit tal-UE. Fil-preżent hemm ukoll frammentazzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ finanzjarju u firxa ta’ mekkaniżmi ta’ provvista li qed jintużaw. Pereżempju, l-evalwazzjoni finali tal-EIP osservat li jeżistu sovrappożizzjonijiet bejn l-istrumenti finanzjarji taħt is-CIP u l-fondi strutturali, jew bejn is-CIP u l-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress (ara d-deskrizzjoni fl-Anness)[10]. Huwa għan importanti tal-qafas ġdid li tiġi evitata l-inkoerenza u li tiġi ottimizzata l-effiċjenza ġenerali tal-istrumenti finanzjarji innovattivi.

Kwistjonijiet ta’ governanza u ta’ kontroll għall-istrumenti fuq livell tal-UE

Filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji innovattivi tħalliet f’idejn l-istituzzjonijiet finanzjarji li joffru l-assigurazzjonijiet neċessarji f’termini ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u proċeduri xierqa, il-Kummissjoni żammet il-kontroll u l-influwenza fuq l-għanijiet politiċi u d-direzzjonijiet strateġiċi tal-istrumenti fil-livell tal-UE ġestiti ċentralment billi tipparteċipa fl-istrutturi ta’ governanza xierqa, pereżempju fil-kumitati ta’ tmexxija jew fil-korpi ta’ sorveljanza. Dan ma jimplikax l-involviment fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-istrumenti finanzjarji innovattivi, għaliex dan jaqa’ taħt il-kompetenza u r-responsabbiltà ta’ maniġers/kumitati ta’ ġestjoni debitament maħturin.

Ħafna jista’ jinkiseb jekk jiġi żgurat disinn intelliġenti u adattat sew tal-istrumenti finanzjarji innovattivi mill-bidu, li jibni fuq il-kompetenza miksuba mill-istrumenti eżistenti fl-istima u l-ġestjoni tar-riskji. Barra minn hekk, il-verifiki u l-bilanċi huma inkorporati fis-sistema fil-każ tal-istrumenti ta’ livell tal-UE, li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-baġit kompetenti jeżerċitaw il-kontroll adegwat tal-baġit b’konformità mar-regoli applikabbli, inkluż fl-għamla ta’ monitoraġġ u rappurtar orjentati lejn ir-riżultati mill-intermedjarji finanzjarji, imfassla għall-għanijiet u r-riskji prinċipali identifikati tal-istrumenti individwali.

Huwa neċessarju li l-intervent tal-UE jkun kundizzjonat wara l-aċċetazzjoni, mill-intermedjarji finanzjarji u r-riċevituri finali tad-dritt tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF – “European Anti-Fraud Office”) li jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post sabiex iħares l-interessi finanzjarji tal-UE. L-intermedjarji għandhom ikunu obbligati jikkooperaw mal-OLAF u jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe suspett li jikkonċerna frodi jew irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.

X’jista’ jsir aktar għaż-żieda fil-viżibilità u t-trasparenza tal-istrumenti

Is-sejbiet jippuntaw lejn għarfien baxx tal-partijiet interessati u r-riċevituri finali dwar il-kontribuzzjoni tal-UE lill-istrumenti finanzjarji. Kif ġie osservat, dan mhuwiex sorprendenti, għaliex l-istrumenti finanzjarji tipikament jingħataw permezz ta’ katina ta’ intermedjarji, li huma finalment responsabbli għall-ħlas tal-pagamenti lir-riċevituri finali, li jrendi r-rwol tal-UE mhux ċar. Dan jenfasizza l-importanza ta’, pereżempju, klawsoli ta’ viżibilità fl-arranġamenti kuntrattwali mal-intermedjarji, sabiex jiġi żgurat l-apprezzament tal-valur miżjud tal-UE pereżempju fl-għamla ta’ ħolqien ta’ impjiegi jew ta’ bini tal-kapaċità u indikaturi oħra. Madankollu, l-għarfien jibqa’ baxx minkejja l-fatt li klawsoli bħal dawn huma applikati f’diversi każi fl-arranġamenti kuntrattwali eżistenti, u għandu jibqa’ jsir sforz għat-titjib fil-viżibilità.

Aspett imporanti huwa li s-sejbiet juru wkoll li l-multiplikazzjoni tal-iskemi li jkopru l-istess ħtiġijiet ta’ finanzjament tista’ attwalment isservi biex tnaqqas il-viżibilità politika u tas-suq. Dan huwa punt fejn il-qafas ġdid propost jaspira li jippromwovi r-razzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji innovattivi, li jista’ jservi biex itejjeb il-viżibilità tagħhom. L-evalwazzjonijiet u l-istudji ta’ strumenti eżistenti jirreferu wkoll għal kwistjonijiet aktar ġenerali bħall-bżonn li jiġu żgurati informazzjoni aktar trasparenti u komunikazzjoni aħjar lill-intermedjarji. Dan huwa neċessarju sabiex jitjieb il-fehim tas-suq tal-adattezza u d-disponibbiltà tal-istrumenti finanzjarji tal-UE li jiffinanzjaw id-dejn u l-ekwità.

Arranġamenti ġodda għall-kondiviżjoni tar-riskju jistgħu jiksbu volumi ogħla ta’ finanzjamenti

B’konformità mal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità tal-appoġġ pubbliku, il-(ko)investiment privat għandu l-għan li juri impenn mis-settur privat, jippromwovi l-kondiviżjoni tar-riskju tal-investiment u jevita riskji ta’ esklużjoni tal-istess settur (crowding out). Abbażi tal-istruttura tas-swieq u l-preżenza ta' investituri privati, l-investimenti privati u pubbliċi konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq jistgħu jiġu ttratati bl-istess mod jew jistgħu jkunu meħtieġa inċentivi sabiex jiġi stimulat l-investiment privat f’oqsma ta' politika importanti, pereżempju, permezz ta’ strutturi ta’ riskju/dħul asimmetriċi kif spjegati hawn taħt, iżda ma għandhomx imorru lil hinn mill-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata vijabbiltà kummerċjali tal-proġetti tal-investimenti bbażati fuq pjanijiet realistiċi ta’ direzzjoni tan-negozju.

L-istrumenti attwali għall-kondiviżjoni tar-riskju huma bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju ta’ kull proġett jew fuq kondiviżjoni tar-riskju finanzjarju “ pari passu ” bejn il-baġit tal-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji, bħall-Grupp tal-BEI jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra inklużi l-banek pubbliċi nazzjonali li huma lesti li jaqsmu r-riskju mal-Kummissjoni. Kif uriet l-Evalwazzjoni ta’ Nofs il-Perjodu tal-RSFF imwettqa minn grupp ta’ esperti indipendenti, l-approċċ attwali jillimita l-kapaċità li jitiqesu lill-ħtiġijiet tas-suq għal volum ogħla ta’ finanzjament ibbażat fuq ir-riskju. L-esperti rrakkomandaw li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra approċċ differenti għall-kondiviżjoni tar-riskju fir-rigward tal-użu tal-kontribuzzjoni kapitali proprja biex tkopri t-telf mistenni u mhux mistenni fuq is-self. B’mod partikolari, hemm il-bżonn li jiġi żviluppat approċċ ta’ portafoll għall-kondiviżjoni tar-riskju, jiġifieri li t-telf jiġi kopert għal portafoll ta’ self ipprovdut lil gruppi ta’ mira speċifiċi li jippermetti distribuzzjoni tar-riskju u b’hekk iżid il-volum ta’ finanzi li jistgħu jiġu ġġenerati b’ċertu ammont ta’ fondi tal-baġit riżervati biex ikopru l-provvedimenti u l-allokazzjonijiet tal-kapital.

Varjant minnhom jew żvilupp ulterjuri ta’ dan l-approċċ fil-qasam ta’ finanzjament tad-dejn jista’ jkun li l-kontribuzzjoni tal-UE tintuża biex tkopri l-ewwel telf potenzjali sa perċentwali stipulata (protezzjoni “għall-ewwel telf” ) bħala mod sabiex jiġi attirat involviment privat suffiċjenti fil-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ riskju ogħla (u ta’ valur miżjud tal-UE għoli). Approċċ tal-ewwel telf fejn l-UE tieħu pożizzjoni subordinata jżid aktar l-effett multiplikatur tal-fondi tal-UE, mingħajr ma jmur lil hinn mil-limitu ta’ kontribuzzjoni fissa tal-baġit tal-UE. Jista’ jitqies sabiex l-istrumenti ta’ kondiviżjoni tar-riskju tal-ġejjieni jiġu stabbiliti bil-fondi tal-baġit tal-UE, iżda jeħtieġ li fi kwalunkwe każ ikun akkumpanjat minn regoli u gwida xierqa, bħal limiti għall-parti tal-ewwel telf u rekwiżiti dwar il-parti tar-riskju ta’ telf mhux mistenni u/jew mistenni li għandha tinżamm mis-sħab tal-finanzjament tal-Kummissjoni.

Fil-qasam tal-finanzjament tal-ekwità, il-kontribuzzjoni tal-UE tista’ tintuża sabiex tipprovdi inċentivi adegwati għall-investituri privati, l-aktar fl-għamla ta’ dħul preferenzjali jew dħul prijoritarju li ma jaqbiżx ir-rata ġusta ta’ dħul li tiżgura l-vijabbiltà kummerċjali tal-investimenti tagħhom. Lil hinn minn dik ir-rata ġusta ta' dħul, il-qligħ għandu jinqasam b'mod proporzjonali bejn l-investituri pubbliċi u pruvati sabiex jiġi evitat kumpens żejjed.

Tali rekwiżiti speċifiċi u standards minimi fuq ir-riskju u d-dħul jiġu żviluppati fil-kuntest tal-pjattaformi tal-ekwità u d-dejn kif spjegat fit-Taqsima 5.2.2 Fiċ-ċirkostanzi kollha, jeħtieġ li jiġi żgurat l-allinjament tal-interess bejn il-Kummissjoni u s-sħab finanzjarji tagħna.

STRUMENTI FINANZJARJI INNOVATTIVI GħALL-QAFAS FINANZJARJU TAL-2014-2020

Il-Parti II tal-Komunikazzjoni MFF tiddeskrivi għadd ta' proposti speċifiċi għas-settur tal-Kummissjoni għal strumenti finanzjarji innovattivi fil-MFF li jmiss.

Bħala appoġġ għall-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni (RDI – “Research, Development and Innovation”) taħt Horizon 2020, huma ppjanati żewġ strumenti finanzjarji: 1) strument tad-dejn li jipprovdi self lil benefiċjarji uniċi għal investiment fl-RDI, garanziji lill-intermedjarji finanzjarji li jagħtu self lill-benefiċjarji, kombinazzjonijiet ta’ self u garanziji u garanziji u/jew kontrogaranziji għal skemi ta’ finanzjament tad-dejn nazzjonali u reġjonali, u 2) strument ta’ ekwità li għandu (i) jinvesti fit-trasferiment tat-teknoloġija u strumenti tal-proprjetà intellettwali u f’fondi ta’ kapital ta’ riskju li jipprovdu finanzi ta’ ekwità lil SMEs b’RDI intensiv fi stadju bikri, u (ii) jappoġġja investimenti fis-setturi tar-RDI billi jimmira għal fondi ta’ fondi ta’ ħafna pajjiżi ffukati fuq temi b’bażi ta’ investituri usa’, inklużi investituri privati istituzzjonali u strateġiċi.

Bl-istess mod, bħala appoġġ għall-kompetittività u l-SMEs, ġew proposti żewġ strumenti finanzjarji:

1. Faċilità ta’ ekwità għal investiment fil-fażi tat-tkabbir, li se tipprovdi finanzjament ta’ ekwità rimborżabbli orjentata lejn il-kummerċ primarjament fl-għamla ta’ Kapital ta’ Riskju (KR) permezz ta’ intermedjarji finanzjarji lill-SMEs. Huma previsti żewġ miżuri:

2. Investimenti diretti f’fondi ta’ KR li joperaw fuq livell transkonfinali fi ħdan l-UE u li huma ffokati fuq l-investiment f’intrapriżi orjentati lejn it-tkabbir li mhumiex neċessarjament ibbażati fuq l-innovazzjoni jew ir-riċerka.

3. “Fondi ta’ fondi” (jew “fond Ewropew”) li jinvestu fuq livell transkonfinali fil-fondi tal-KR li sussegwentement jinvestu f’intrapriżi, b’mod partikolari fil-fażi ta’ espansjoni internazzjonali tagħhom.

4. Faċilità tas-self, li tipprovdi arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ riskju diretti jew oħra ma’ intermedjarji finanzjarji sabiex tkopri self għall-SMEs u tipprovdi self transkonfinali jew self li jikkonċerna diversi pajjiżi b’effett ta’ ingranaġġ għoli.

Minbarra dan, sabiex jiġu promossi l-impjieg indipendenti, il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi soċjali, il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni propost mill-Kummissjoni[11] jinkludi assi ta' Mikronfinanzjament u Intraprenditorija Soċjali li jkun imsejjes u jkompli fuq il-Faċilità ta' Mikrofinanzjament Progress[12]. Dan jestendi l-kopertura tiegħu permezz tal-appoġġ għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali tal-fornituri ta' mikrokreditu, u jikkomplimentah permezz ta' strument finanzjarju b'kontribuzzjoni tal-UE li tipprovdi strumenti ta' ekwità, dejn, kondiviżjoni tar-riskju lill-fondi ta' investiment soċjali u intermedjarji oħra għall-finanżjament ta' intrapriżi soċjali.

L-istrumenti finanzjarji li jaqgħu taħt il-Faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" għall-infrastruttura probabbli jinkludu 1) strument ta’ kondiviżjoni tar-riskju li jkopri s-self u l-bonds (inkluża l- Inizjattiva tal- Bonds Ewropa 2020 għall- Proġetti ) biex iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ mudelli ta’ finanzjament multipli applikati madwar l-UE, id-daqs u s-settur tal-proġetti u l-istadju ta’ żvilupp tal-finanzi tal-proġetti u s-swieq kapitali b’mod ġenerali, u 2) strument ta’ ekwità li jikkumplimenta s-sett ta’ strumenti tal-infrastruttura bil-għan ta’ żvilupp ulterjuri tas-swieq tal-kapital ta’ riskju mal-UE.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura, ġew żviluppati faċilitajiet ta’ garanzija biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-UE2020: faċilità ta’ garanzija għas-self lill-istudenti li tippermetti lill-istudenti tal-livell tal-masters iwettqu studji f’pajjiż ieħor, li jikkontribwixxi għall-mira li 20 % tal-istudenti f’edukazzjoni għolja jipparteċipaw f’mobilità transkonfinali ta’ tagħlim, u faċilità ta’ garanzija (li possibilment għandha tiġi kombinata ma’ strument finanzjarju ieħor tas-SEM – “Single European Markets”) li tinċentivizza lill-intermedjarji finanzjarji jestendu s-self lill-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi (CCS – “cultural and creative sectors”), li jinkludu prodotturi, kumpaniji tal-mużika, żviluppaturi ta’ logħob tal-kompjuter, pubblikaturi u distributuri li l-assi tagħhom huma primarjament intanġibbli (bħad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali), li spiss, f’għajnejn l-intermedjarji finanzjarji, dawn l-CCS jidhru riskjużi wisq biex jiffinanzjawhom.

Sehem dejjem akbar tal-appoġġ taħt il-fondi strutturali għandha tingħata permezz ta’ strumenti finanzjarji, b’mod partikolari appoġġ lill-intrapriżi u proġetti jew attivitajiet ta’ investiment oħra li jiġġeneraw id-dħul, notevolment fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-innovazzjoni, l-ICT u l-infrastruttura. L-Istati Membri u r-reġjuni wkoll se jiġu inkoraġġiti sabiex jappoġġjaw lill-istrumenti finanzjarji taħt il-Fond Soċjali Ewropew (eż. għall-istudenti, il-ħolqien tal-impjiegi, il-mobilità tal-ħaddiema, l-inklużjoni soċjali u l-imprenditorija soċjali.

QAFAS ġDID GħALL-ISTRUMENTI FINANZJARJI INNOVATTIVI

Regoli komuni għas-simplifikazzjoni u r-razjonalizzazzjoni tal-istrumenti

Strumenti tal-UE

Il-qafas ġdid previst għas-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tad-disinn u l-ġestjoni tal-ġenerazzjoni ġdida ta’ strumenti finanzjarji huwa bbażat fuq dawk li ġew imsejħa l-pjattaformi ta’ ekwità u ta’ dejn tal-UE. Il-pjattaformi huma sett ta’ regoli komuni u gwida għall-istrumenti ta’ ekwità u ta’ dejn (li jinkludu l-garanziji u l-kondiviżjoni tar-riskju) għall-politiki interni, li jiżguraw approċċ konsistenti lejn tali strumenti meta dawn huma appoġġjat mill-baġit tal-UE. Ir-regoli komuni u l-gwida għandhom l-għan ukoll li jissimplifikaw ir-relazzjonijiet mas-sħab tal-finanzjament, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u li jipprovdu trasparenza fir-rigward tas-swieq dwar kif l-UE tintervjeni permezz tal-istrumenti ta’ ekwità u ta’ dejn u b'hekk tiġi żgurata viżibilità għolja tal-intervent tal-UE.

Il-pjattormi ta’ ekwità u ta’ dejn tal-UE jkunu jifformaw parti minn korp koerenti ta’ prinċipji, regoli u gwida applikabbli orizzontalment; ir-Regolament Finanzjarju (RF) u l-att delegat li jissostitwixxi r-Regoli ta’ Implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-istrumenti finanzjarji innovattivi f’termini ta’ ġestjoni tal-baġit/finanzjarja soda, filwaqt li jiġu żviluppati rekwiżiti operazzjonali speċifiċi aktar dettaljati b’konformità sħiħa ma’ dawk il-prinċipji ġenerali, u jkun fihom il-parametri finanzjarji speċifiċi li jirriflettu l-aħjar prattika fit-tfassil tal-istrumenti finanzjarji ġodda fis-suq intern (ara 5.2.2 aktar ’l isfel).

Fir-RF, l-intervent permess ta’ strumenti finanzjarji għandu jkun soġġett għall-eżistenza ta’ falliment/imperfezzjoni tas-suq, il-wiri tal-valur miżjud tal-intervent tal-UE, il-mobilizzazzjoni ta’ finanzi pubbliċi u privati addizzjonali permezz tal-kontribuzzjoni tal-UE (“effett multiplikatur”), in-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-implimentazzjoni tal-miżuri li jiżguraw l-allinjament tal-interess bejn il-Kummissjoni u l-istituzzjoni inkarigata mill-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju. L-att iddelegat li jieħu post ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni u r-rekwiżiti operazzjonali speċifiċi li jridu jiġu stabbiliti fil-gwida tal-Kummissjoni jkunu jirreflettu dawn il-prinċipji.

Strumenti ta’ fondi strutturali

Għalkemm il-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża jfisser li l-istrument fil-livell tal-UE u l-istrumenti implimentati mill-Istati Membri taħt il-programmi ta’ fondi strutturali huma mmexxija minn settijiet differenti ta’ regoli, l-ogħla konsistenza possibbli għandha tinkiseb bejn l-istrumenti fil-ġestjoni kondiviża u diretta u s-sovrapożizzjonijiet għandhom jiġu evitati, sabiex jiġi evitat li ħafna strumenti jimmiraw għall-istess gruppi benefiċjarji fil-livell tal-UE u dak nazzjonali/reġjonali filwaqt li joffru termini differenti. Għandu jkun attraenti għall-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-istrumenti fuq livell tal-UE bil-fondi strutturali tagħhom, jew li jużaw “soluzzjonijiet lesti” li jirriflettu l-istrumenti tal-UE, flimkien ma’ inċentivi b’saħħithom.

Approċċ ta’ 3 alternattivi ġie propost fi ħdan il-qafas tar-Regolamenti dwar il-Fondi Strutturali:

5. L-Istati Membri jkomplu joħolqu strumenti mfassla apposta taħt il-prinċipji ta’ ġestjoni kondiviża, allinjati ma' ċertu regoli komuni ispirati mill-pjattaformi ta’ ekwità u ta’ dejn tal-UE li qed jiġu żviluppati għall-istrumenti tal-UE;

6. Il-ħolqien ta’ "strumenti lesti" taħt il-prinċipji ta’ ġestjoni kondiviża li jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-istrumenti għall-Istati Membri kif ukoll jiżguraw il-kompatibilità mal-istrumenti fil-livell tal-UE;

7. L-Istati Membri jkunu mħeġġa li jinvestu parti mill-fondi strutturali tagħhom f’kompartamenti tal-istrumenti f' livell tal-UE “delimitati” għal investimenti fir-reġjuni u fl-oqsma ta' polita koperti mill-programmi operattivi li minnhom jiġu kontribwiti r-riżorsi tal-fondi strutturali (“strumenti konġunti”).

Id-dimensjoni esterna tal-istrumenti tal-politika interna

Sabiex tiġi promossa l-koerenza matul l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrumenti, l-integrazzjoni eqreb tas-swieq kif ukoll l-użu ottimali tal-istrumenti malli dawn ikunu operattivi, għandu jiġi kkunsidrat – meta jiġu stabbiliti strumenti finanzjarji ġodda – safejn l-istrumenti politiċi interni li jinkludu dimensjoni esterna jistgħu jiġu estiżi biex jippermettu fil-pajjiżi ġirien, li jipparteċipaw filwaqt li tiġi evitata l-multiplikazzjoni tal-iskemi li jkopru l-istess ħtiġijiet ta’ finanzjament.

Strumenti ta' politika esterna

Il-Komunikazzjoni tal-MFF tipproponi l-użu ulterjuri ta’ finanzjament innovattiv fl-istrumenti ta' politika esterna kollha (fejn xieraq, permezz ta’ faċilitajiet ta’ investiment reġjonali) sabiex jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali – inkluż mis-settur privat – bħala appoġġ għall-prijoritajiet tal-UE u sabiex ikopri l-ħtiġijiet ta’ investiment tal-pajjiżi sħab. Dan se jiġi ffaċilitat mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet proposti l-ġodda fir-RF dwar l-istrumenti finanzjarji, u bl-istabbiliment ta’ prinċipji komuni għal tali strumenti, safejn ikun xieraq, għall-ambjent tal-azzjonijiet esterni.

L-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi f’politiki esterni għandu jiġi appoġġjat taħt il-pjattaforma tal-UE għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp esterni billi jingħaqdu l-ħiliet tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji bilaterali u multilaterali Ewropej (l-aktar il-BEI) li huma attivi fil-qasam tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni esterni. Il-pjattaforma se tikkontribwixxi għat-trawwim ta’ koerenza, effettività, effiċjenza u viżibbiltà tal-UE fil-finanzjamenti esterni, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tas-sħab esterni tal-UE.

Il-kontenut tal-pjattaformi ta’ ekwità u ta’ dejn tal-UE

Kamp ta' applikazzjoni tal-pjattaformi

Il-pjattaformi se jkopru parametri finanzjarji u tekniċi distinti (bħal livelli massimi għall-arranġament tal-kondiviżjoni tar-riskju jew livelli minimi ta’ parteċipazzjonijiet ta’ ekwità u parametri oħra prinċipali) għad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, bil-għan li dawn jiġu simplifikati u razzjonalizzati. Tali parametri ġew iddefiniti abbażi tal-esperjenza miksuba bid-disinn u l-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji kurrenti, b’kunsiderazzjoni dovuta tal-prattiki tal-industrija rilevanti. Dawn se jkopru kwistjonijiet standard li mhumiex speċifiċi għall-politiki, filwaqt li kwistjonijiet bħall-għanijiet politiċi, il-popolazzjoni ta’ mira u l-kriterji tal-eliġibbiltà speċifiċi jistgħu jiġu indirizzati fil-proposti speċifiċi għas-settur.

Rekwiżiti operattivi speċifiċi

Is-sett komuni ta’ rekwiżiti u gwida operattivi speċifiċi li jikkumplimenta l-prinċipji tar-RF u l-att delegat li jissostitwixxi r-Regoli ta’ Implimentazzjoni se jittratta kwistjonijiet bħal:

- Fejn xieraq u fejn mhux kopert mir-regoli ġenerali, rekwiżiti speċifiċi għall-evalwazzjoni ex-ante /valutazzjoni tal-impatt tal-istrumenti finanzjarji. Dawn jistgħu jiġu mqabbla ma’ rekwiżiti simili għall-evalwazzjonijiet interim u ex-post ;

- Standards jew meded minimi fir-rigward tar-riskju ta’ effett multiplikatur, il-profil tar-riskju/dħul u d-diversifikazzjoni tar-riskju, bil-għan li jiġu protetti r-riżorsi tal-baġit tal-UE matul il-ħajja tal-istrumenti u jiġi żgurat bilanċ ġust ta’ teħid ta’ riskju mal-intermedjarji finanzjarji differenti involuti fil-proċess, filwaqt li jippermettu lit-termini ta' strumenti individwali li jiġu mmodulati, fi ħdan il-meded speċifiċi u raġonevoli, billi jitqiesu n-natura u l-iskala tal-imperfezzjonijiet jew fallimenti tas-suq li jwasslu għal finanzjament insuffiċjenti mis-sorsi tas-suq;

- Rekwiżiti relatati mal-maniġers tal-istrumenti ta’ investiment bħal pereżempju fondi ta’ ekwità, li jkopru fost affarijiet oħra l-qafas ta’ inċentivi sabiex jiġi żgurat l-allinjament tal-interess, l-iskemi ta’ remunerazzjoni u l-kriterji għat-tneħħija;

- Sistema integrata ta’ monitoraġġ u governanza li tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli li l-fondi tal-UE jintużaw għall-finijiet maħsuba, bl-użu ta’ indikaturi (minimi) orjentati lejn ir-riżultati/il-prestazzjoni, mekkaniżmi ta' kontroll (pereżempju għal infiq relatat mal-klima[13]), u formats ta’ rapportar standardizzati li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-analiżi komparattiva tas-suċċess tal-istrumenti.

- It-twaqqif, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri mfassla għar-riskji għall-prevenzjoni ta’ frodi li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tal-UE.

Ċertu parametri se jkunu komuni għall-istrumenti ta’ ekwità u ta’ dejn, filwaqt li oħrajn se jkunu speċifiċi għal kull wieħed minnhom. Fil-każ ta’ strumenti li jikkombinaw l-ekwità u d-dejn, ir-regoli u l-gwida se japplikaw għall-partijiet distinti tal-istrument “ibridu”.

Għoti ta’ strumenti finanzjarji

L-istrumenti finanzjarji tipikamenti jingħataw permezz ta’ sensiela ta’ atturi, li tibda mill-Kummissjoni u tinvolvi l-Grupp tal-BEI jew istituzzjonijiet finanzjarji u parteċipanti tas-suq finanzjarji oħra (bħal fondi ta’ ekwità jew banek).

L-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni jew indirettament permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bil-kapaċità teknika u finanzjarja neċessarja sabiex jimplimentaw tali strumenti finanzjarji. Bażikament hemm żewġ forom ewlenin ta’ għoti ta’ strumenti finanzjarji: dak permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji (pereżempju l-Grupp tal-BEI, il-BERŻ, IFI oħra, istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi nazzjonali) jew dak permezz ta’ strumenti ta’ investiment iddedikati (DIVs – “Dedicated Investment Vehicles”). Ir-regoli minimi għall-parteċipazzjoni tal-UE fid-DIVs se jiġu inklużi fil-pjattaformi.

Ftehimiet mal-korpi ta’ implimentazzjoni li jinkorporaw ir-regoli u l-prinċipji tal-pjattaformi għandhom jiġu standardizzati safejn ikun possibbli u, fil-kuntest tal-istituzzjonijiet finanzjarji, preferibbilment jiġu preċeduti minn ftehimiet ta’ qafas li jkopru kwistjonijiet bħall-implimentazzjoni, il-ġestjoni, il-kontijiet fiduċjarji, il-kontabilità, ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, klawżoli xierqa ta’ kontra l-frodi, etc. Dan jiffaċilita u jħaffef il-bidu ta’ strumenti finanzjarji ġodda, filwaqt li jippermetti l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kooperazzjoni.

KONKLUżJONI U L-PASSI LI JMISS

Ix-xogħol ta’ bażi importanti dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi twettaq mill-Kummissjoni u s-sħab ta’ finanzjament tagħha mit-tnedija tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-preparazzjonijiet għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, anki fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-futur ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi (bħas-CIP jew l-RSFF). Bdiet ukoll diskussjoni mal-Kunsill u l-Parlament fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju. Attenzjoni sew tpoġġiet fuq l-importanza u r-rilevanza tal-istrumenti finanzjarji għall-kisba tal-għanjiet politiċi tal-UE.

Barra minn hekk, hemm ftehim wiesa’ dwar il-ħtieġa għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-istrumenti eżistenti u li jkun hemm inqas strumenti fuq livell tal-UE u li dawn ikunu aktar iffukati, kif ukoll koerenza akbar mal-istrumenti ta’ fondi strutturali. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-proposta biex jiġu stabbiliti strumenti konġunti hija meqjusa triq partikolarment promettenti.

Huwa b’dan l-ispirtu li l-qafas għall-istrumenti finanzjarji għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss se jiġi żviluppat. U huwa b’dan l-spirtu li l-Kummissjoni qed tfittex li tkompli tiddiskuti mal-Kunsill u l-Parlament fix-xhur li ġejjin, kemm dwar il-qafas ġenerali li jrid jinħoloq mir-Regolament Finanzjarju u l-Att Delegat li jissostitwixxi r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll fuq il-proposti leġislattivi speċifiċi għall-MFF li jmiss li għandu jiġi adottat b’suċċess mill-Kummissjoni fir-Raba’ (4) Trimestru tal-2011. Il-pjattaformi ta’ ewkità u ta’ dejn għandhom jgħinu sabiex jiġi żgurat li dan l-ispirtu ta’ simplifikazzjoni u kooperazzjoni jiġi tradott fi strumenti effettivi u effiċjenti ddisinjati u ġestiti skont ir-regoli applikabbli.

ANNESS

DESKRIZZJONI TAL-ISTRUMENTI FINANZJARJI INNOVATTIVI FIL-QAFAS FINANZJARJU TAL-2007-2013

8. Strumenti tal-ekwità/tal-kapital tar-riskju fuq livell tal-UE: CIP/GIF, Marguerite

9. CIP – Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir (GIF – “High Growth and Innovative SME Facility”)

L-istrumenti finanzjarji innovattivi jiffurmaw parti mill-Programm għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni (EIP), wieħed mit-tliet programmi speċifiċi taħt il-CIP. L-għan ġenerali tagħhom huwa li jitjieb l-aċċess għall-finanzi għall-ftuħ u t-tkabbir tal-SMEs sabiex jiġu appoġġjati l-investimenti ta’ tali kumpaniji fl-attivitajiet ta’ innovazzjoni, inkluża l-ekoinnovazzjoni.

Il-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir (GIF), b’baġit ta’ aktar minn EUR 600 miljun, li parti minnu hija riżervata b’mod speċifiku għall-ekoinnovazzjoni, għandha l-għan li żżid il-provvista ta’ kapital ta’ riskju/ekwità għall-SMEs innovattivi fl-istadji bikrin tagħhom (GIF1) u fl-istadju ta’ espansjoni (GIF2). Din hija operata mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) f’isem il-Kummissjoni (li tirrapreżenta l-UE). L-FIE jidħol fi ftehimiet ta’ investiment ma’ fondi ta’ kapital ta’ riskju (KR) li jappoġġjaw tali SMEs. GIF hija faċilità fit-tul li taħtha jistgħu jsiru investimenti f’fondi KR li jaslu sa 12-il sena. Il-maġġoranza tal-kapital investit fi kwalunkwe fond KR għandu jiġi pprovdut minn investituri orjentati lejn is-suq u l-investimenti kollha jsiru pari passu (Riskju Simili, Għotja Simili) ma’ investituri privati.

10. Il-Fond Marguerite

Il-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (il-Fond Marguerite) huwa fond ta’ ekwità pan-Ewropew għall-investimenti infrastrutturali fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tas-sorsi rinnovabbli. L-UE investiet EUR 80 miljun mill-baġit tat-TEN-T fil-Marguerite minn daqs ta’ fond totalment impenjat ta’ EUR 710 miljun (daqs fil-mira: EUR 1,5 biljun). L-investituri l-oħra huma banek pubbliċi, iżda l-fond huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-investituri privati. L-investimenti jsiru pari passu . Il-fond fittex li jinvesti somma totali ekwivalenti għal 3,5 darbiet il-kontribuzzjoni tal-UE fil-proġetti tat-TEN-T.

Il-Fond ġie stabbilit bħala strument ta’ investiment speċjalizzat u rregolat skont il-liġi tal-Lussemburgu. Il-Kummissjoni, li tirrapreżenta lill-UE, għandha pożizzjoni fil-Bord Superviżorju responsabbli mill-istabbiliment tal-istrateġija ġenerali tal-Fond, iżda mhijiex involuta fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-Fond jew f’deċiżjonijiet ta’ investiment individwali, għaliex dawn huma r-responsabbiltà tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitat ta’ Investiment tal-Fond. Id-deċiżjonijiet kollha jridu jittieħdu b’konformità mal-politika ta’ investiment tal-Fond, li ġiet stabbilita flimkien mal-Kummissjoni.

11. Strumenti tad-dejn fuq livell tal-UE (garanziji/kondiviżjoni tar-riskju): CIP-SMEG, RSFF, LGTT

12. Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF)

Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji għandha l-għan li tappoġġja l-finanzjament ta’ proġetti riskjużi fil-qasam tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RDI) permezz ta’ promoturi tas-settur privat u pubbliku li ma għandhomx aċċess faċli għas-swieq kapitali. L-istrument ġie żviluppat b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-BEI sabiex jaqsmu r-riskju fuq is-self dirett mill-Bank jew il-garanziji għas-self li jappoġġja investiment RDI fl-oqsma prijoritarji tematiċi tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7).

Il-kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 1 biljun mill-baġit tal-FP7 flimkien mal-kontribuzzjoni tal-BEI ta’ EUR 1 biljun mir-riżorsi proprji jipprovdi protezzjoni kapitali sabiex jiġi kopert it-telf potenzjali għall-finanzjament ta’ madwar EUR 10 biljun ta’ self matul il-perjodu 2007-2013. Abbażi tal-evalwazzjoni finanzjarja proprja u skont il-linji gwida dwar il-politika tar-riskju tal-kreditu tiegħu, l-BEI jivvaluta – fuq bażi ta’ proġetti individwali – il-livell ta’ riskji finanzjarji li għalihom huwa meħtieġ iżomm provvedimenti u allokazzjoni ta’ kapital (għal telf mistenni u mhux mistenni), skont ir-regoli bankarji normali, u jesiġi kontribuzzjoni mill-UE biex ikopri l-provvediment u l-allokazzjoni tal-kapital. Il-Kummissjoni hija rappreżentata fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-RSFF u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrument skont l-għanijiet politiċi tal-istrument.

13. CIP – Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (SMEG)

Il-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (SMEG), b’baġit ta’ EUR 500 miljun, tipprovdi kontrogaranziji għall-iskemi ta’ garanzija nazzjonali kif ukoll għall-garanziji diretti lill-intermedjarji finanzjarji sabiex iżżid u ttejjeb il-provvista ta’ finanzjament tad-dejn lill-SMEs. Is-SMEG hija operata mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) f’isem il-Kummissjoni (li tirrapreżenta l-UE).

Min-naħa tagħhom, l-intermedjarji finanzjarji appoġġjati mill-garanzija tal-UE jipprovdu finanzjament tad-dejn lill-SMEs filwaqt li jgħaddu l-vantaġġ tal-garanzija lill-benefiċjarji aħħara, pereżempju billi jaċċettaw profil ta’ riskju ogħla jew inqas kollateral, jew billi jitolbu rati tal-imgħax aktar baxxi jew jipprovdu vantaġġi simili meta mqabbla mal-attivitajiet ta’ finanzjament ordinarji tagħhom. Taħt is-SMEG, proporzjon ta’ kull tranżazzjoni individwali hija garantita, ġeneralment 50 % (rata ta’ garanzija). Madankollu, l-iskopertura totali għall-baġit tal-UE hija limitata minn limitu massimu miftiehem kuntrattwalment fuq it-telf tal-portafoll (rata tal-limitu massimu).

14. Strument ta’ Garanzija għas-Self għall-proġetti tat-TEN-T (LGTT – “Loan Guarantee Instrument for TEN-T projects”)

L-Istrument ta’ Garanzija għas-Self għall-proġetti TEN-T (LGTT) għandu l-għan li jiffaċilita parteċipazzjoni akbar tas-settur privat fil-finanzjament tal-infrastruttura tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T – “Trans-European Transport Network”). Li jiġi attirat finanzjament tas-settur privat għall-proġetti tat-trasport Ewropej ewlenin jista’ jkun ta’ sfida minħabba l-livelli relattivament għolja ta’ volatilità tad-dħul fl-istadji operattivi bikrin tal-proġetti. L-LGTT parzjalment ikopri dan ir-riskju tad-dħul u bħala konsegwenza jtejjeb il-vijabilità finanzjarja ta’ tali proġetti tat-TEN-T.

L-LGTT huwa ffinanzjat b’kontribuzzjoni kapitali li tasal sa EUR 500 miljun mill-baġit tal-UE. Teknikament, il-Garanzija LGTT tinħareġ favur banek kummerċjali li jipprovdu faċilità ta' likwidità disponibbli (SBF – “Stand-by Liquidity Facility”) lill-proġett. SBF bħal din tista’ tintuża mill-kumpanija tal-proġett fil-każ ta’ tnaqqis mhux mistenni tat-traffiku/tal-użu relatat mad-dħul tal-proġett matul il-perjodu operattiv inizjali sabiex tassigura s-servizz tal-faċilitajiet tad-dejn superjuri.

F’termini ta’ governanza, il-Kummissjoni hija rappreżentata fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-istrument. Ir-rwol tal-Kumitat ta’ Tmexxija huwa li jirrevedi l-progress u l-kisba tal-għanijiet strateġiċi tal-LGTT u jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex dawn jinkisbu.

15. Strumenti li jikkombinaw appoġġ ta’ ekwità u ta’ dejn

16. Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress (EPMF – “European Progress Microfinance Facility”)

Fl-istrumenti finanzjarji innovattivi fil-livell tal-UE l-aktar riċenti, ġew stabbiliti strutturi biex jikkombinaw l-appoġġ ta’ ekwità u ta’ dejn. Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress (EPMF), stabbilita fl-2010, tikkonsisti f’żewġ partijiet: 1) strument ta’ garanzija lill-fornituri tal-mikrokreditu (jiġifieri self sa EUR 25,000, b’mod partikolari lil gruppi vulnerabbli fir-riskju ta’ esklużjoni soċjali, għall-finijiet li jistabbilixxu operazzjonijiet kummerċjali żgħar) u 2) strument ta’ investiment strutturat stabbilit taħt il-liġi tal-Lussemburgu, il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress, li toffri self ewlieni, self subordinat (finanzjament subordinat lill-kredituri superjuri), self b’kondiviżjoni tar-riskju (self ewlieni kombinat mal-parteċipazzjoni tar-riskju fil-portafoll tal-mikrokreditu) u parteċipazzjoni ta’ ekwità lill-fornituri tal-mikrokreditu. L-UE investiet EUR 100 miljun fil-Faċilità.

Baġit ta’ EUR 25 miljun huwa allokat għall-istrument ta’ garanzija. Ir-rata massima ta’ garanzija hija ta’ 75 % tal-portafoll ta’ mikrokreditu jew garanzija sottostanti, filwaqt li jiġi miftiehem livell massimu għal kull portafoll garantit, abbażi tat-telf kumulattiv mistenni tal-portafoll. L-obbligazzjoni massima għall-EPMF hija stabbilita għal 20 % ta’ kull portafoll garantit.

Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress għandha l-UE (rappreżentata mill-Kummissjoni) u l-BEI bħala investituri filwaqt li l-FEI jaġixxi bħala Kumpanija Maniġerjali. L-UE għandha l-ishma subordinati, li jfisser li hija responsabbli għall-ewwel telf nett li jaffettwa l-assi tal-fond, fil-limitu massimu miftiehem, filwaqt li l-BEI huwa protett bħala detentur tal-ishma ewlenin kontra t-telf imġarrab mill-ishma subordinati.

17. Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF)

Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF - European Energy Efficiency Fund ) ġie stabbilit din is-sena bl-użu ta’ fondi mhux użati mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru. Il-fond huwa strument ta’ finanzi strutturat stabbilit taħt il-liġi tal-Lussemburgu biex jinvesti jew direttament fi proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli ta’ skala żgħira tal-awtoritajiet lokali jew jinvesti indirettament f’tali proġetti permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Fond se jappoġġja primarjament l-iżvilupp tal-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs – “Energy Service Companies”)

L-UE, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, qed tinvesti EUR 125 miljun fis-segment subordinat tal-fond, filwaqt li l-BEI u l-Cassa Depositi e Prestiti (CDP) Taljana qed jinvestu EUR 75 miljun u 60 miljun, rispettivament, fis-segment tan-nofs u għoli. Deutsche Bank se jaġixxi bħala Maniġer tal-Investiment tal-fond u investa EUR 5 miljun fis-segment tan-nofs. Id-daqs ta’ mira tal-fond huwa ta’ EUR 500-600 miljun.

18. Fondi Strutturali

L-Istati Membri u l-Awtoritajiet ta’ Ġesjoni għandhom l-għażla li jużaw parti mir-riżorsi disponibbli għalihom permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jappoġġjaw strumenti tal-inġinerija finanzjarji. Ir-riżorsi tal-FEŻR jintużaw primarjament biex jappoġġjaw l-intrapriżi (l-aktar lill-SMEs), l-iżvilupp u r-riġenerazzjoni urbana, l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fil-bini, filwaqt li l-FSE jintuża biex jappoġġja l-impjieg indipendenti, in-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu u l-mikrointrapriżi. Kważi l-Istati Membri kollha jimplimentaw firxa ta’ strumenti ta’ ekwità u/jew ta’ dejn (self u garanzija) f’tal-inqas wieħed minn dawn l-oqsma, jew direttament billi jikkontribwixxu riżorsi minn programm operattiv lil fond ta’ kapital ta’ riskju, fond tas-self jew ta’ garanzija, jew permezz ta’ fondi tal-ishma stabbiliti biex isir investiment f’diversi fondi. L-istrumenti huma implimentati permezz ta’ varjetà ta’ mudelli ta’ governanza u strutturi legali speċifiċi għal kull Stat Membru jew reġjun.

F'bosta każijiet, l-istrumenti huma implimentati permezz ta' fondi tal-ishma. Taħt l-inizjattiva JESSICA (Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni tal-Ibliet), il-fondi tal-ishma huma implimentati permezz tal-BEI. Taħt l-iniżjattiva JEREMIE (Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Intrapriżi Żgħar u Medji), il-fondi tal-ishma huma ġeneralment implimentati permezz tal-FEI jew sensiela ta’ istituzzjonijiet nazzjonali jew reġjonali. B’mod ġenerali, skont l-oqsma ta’ intervent, il-BEI jew l-FEI jistgħu jirċievu mandat biex iwettqu kompiti relatati mal-fondi tal-ishma permezz ta’ għoti dirett ta’ kuntratt mill-Istati Membri jew mill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni. Istituzzjonijiet finanzjarji oħra jistgħu jintgħażlu wkoll sabiex jimplimentaw operazzjonijiet organizzati permezz ta’ fond tal-ishma, jew permezz ta’ akkwist pubbliku jew inkella permezz ta’ għotja.

19. Strumenti ta' politika esterna fil-qasam ta’ qabel l-adeżjoni

Il-Qafas tal-Investimenti tal-Balkani tal-Punent (WBIF – “Western Balkans Investment Framework”) ġie varat fl-2009 bħala inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea flimkien mas-CEB, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-BEI, billi jgħaqqad riżorsi finanzjarji sabiex ikompli jiġi ġġenerat self għall-finanzjament ta’ infrastrutura prijoritarja fil-Balkani tal-Punent. kif ukoll finanzjament tal-SMEs u l-effiċjenza enerġetika. Id-WBIF jipprovdi riżorsi finanzjarji għal proġetti li aktarx jiġu appoġġjati minn self mill-banek imsieħba, għat-tħejjija tal-proġett, l-aċċelerazzjoni tas-self eżistenti jew sabiex il-proġetti jkunu jistgħu jsiru billi titneħħa diskrepanza fil-finanzjament.

Eżempju tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi fil-qasam ta’ qabel l-adeżjoni huwa l-Fond Ewropew għall-Ewropa tax-Xlokk (EFSE – “European Fund for Southeast Europe”) li joffri finanzjament fit-tul lill-istituzzjonijiet finanzjarji lokali kkwalifikati fil-pajjiżi tal-Ewropa tax-Xlokk u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar. Il-fondi jintużaw biex jipprovdu sigurtà u ingranaġġ għall-kapital tal-investituri privati fuq skala kbira għal skopijiet ta’ żvilupp (self kummerċjali lil mikrointrapriżi u dawk żgħar, self lil negozji rurali u self għall-akkomodazzjoni lil familji privati bi dħul baxx b’aċċess limitat għal servizzi finanzjarji permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji lokali). L-EFSE huwa bbażat fuq mudell ta’ sħubija pubblika-privata mibdija mill-German KfW Entwicklungsbank. L-investituri tal-fond huma l-Kummissjoni (li tirrappreżenta lill-UE) li investiet EUR 120 miljun, donaturi oħra pubbliċi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inkluż il-BEI u l BERŻ.

[1] COM(2011) 206

[2] COM(2011) 500 "Baġit għall-Ewropa 2020"

[3] COM(2010) 700 "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE"

[4] COM(2010) 2020 "EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv"

[5] COM(2010) 260. Il-proposta tibni fuq il-premessa li r-RF għandu jkun fih il-prinċipji fundamentali u r-regoli bażiċi tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u tħalli d-dettalji jiġu speċifikati fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni (jew inkella, wara t-Trattat il-ġdid, l-att delegat li jissostitwixxi r-Regoli ta’ Implimentazzjoni attwali, li għalih ghadha ma saritx proposta) u liġi nonvinkolanti bħal linji gwida interni.

[6] COM(2009) 615 "Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati".

[7] Studju kkummissjonat mill-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew: “The implications of EIB and EBRD co-financing for the EU budget” (“L-implikazzjonijiet tal-kofinanzjament tal-BEI u l-BERŻ għall-baġit tal-UE”), Mejju 2011

[8] Response by the European Court of Auditors to the Commission's communication "Reforming the budget, Changing Europe (“ Tweġiba tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri lill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Nirriformaw il-baġit, Nibdlu l-Ewropa ”), Opinjoni 1/2010 : “Improving the financial management of the European Union budget: Risks and challenges” (“It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-Unjoni Ewropea: Riskji u sfidi”), u “ Audit of the SME Guarantee Facility” (“Il- verifika tal-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs”) .

[9] Il- verifika tal-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs , Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru. 4/2011, L-evalwazzjoni finali tal-Programm għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni (April 2011), Ċentru għal Servizzi ta’ Strateġija u Evalwazzjoni u l-EIM Business & Policy Research; Evalwazzjoni ex-ante kombinata u valutazzjoni tal-impatt tas-suċċessur għall-Programm għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni taħt il-Programm ta'Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni 2007-2013 (Mejju 2011), Economisti Associati b’kollaborazzjoni mal-EIM Business & Policy Research, The Evaluation Partnership, iċ-Ċentru għal Servizzi ta’ Strateġija u Evalwazzjoni, u ċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej; Konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-appoġġ tal-UE għall-kompetittività u l-innovazzjoni (2011); Evalwazzjoni ta’ Nofs it-Terminu tal- Faċilità Finanzjarja (RSFF), Rapport tal-Grupp ta’ Esperti Indipendenti (Lulju 2010); kif ukoll L-istudju COBU msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

[10] Fil-qasam tal-mikrofinanzjament, saru l-ewwel passi fl-istabbiliment ta’ approċċ aktar koerenti billi ntlaħaq ftehim dwar il-linji gwida ta’ allokazzjoni għall-kummerċ iffirmat bejn il-FEI u l-fornituri ta’ mikrofinanzjament. Fl-MFF li jmiss, l-appoġġ ta’ mikrofinanzjament fuq livell tal-UE għall-mikrointrapriżi bbażati fl-UE jkun konċentrat u jinkludi istituzzjoni u bini tal-kapaċitajiet fi strument wieħed.

[11] COM(2011) 609

[12] Ara t-taqsima 3.1 tal-Anness għad-dettalji.

[13] Il-Kummissjoni beħsiebha żżid il-proporzjon għal mill-inqas 20 % b'kontribuzzjoni minn politiki differenti, suġġetta għall-evidenza minn valutazzjoni tal-impatt. Il-qafas għall-istrumenti finanzjarji innovattivi għandu jikkontribwixxi lejn Ewropa b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għall-klima u għall-kontroll tar-rilevanza għall-klima tal-infiq baġitarju tal-UE permezz ta' dawn l-istrumenti kif speċifikat f'COM(2011)500.

Top