Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0527

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI L-Iżvilupp ta' Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mar-Repubblika tal-Azerbajġan

/* KUMM/2011/0527 finali */

52011DC0527

/* KUMM/2011/0527 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI L-Iżvilupp ta' Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mar-Repubblika tal-Azerbajġan


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-Iżvilupp ta' Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mar-Repubblika tal-Azerbajġan

DAħLA

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2005 "L-iżvilupp tal-aġenda għall-politika barranija tal-Komunità dwar l-avjazzjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali][1], il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li jinħoloq Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-ġirien tal-Ewropa fil-Lvant u n-Nofsinhar. L-għan aħħari ta' Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bħal dan huwa li jinħoloq suq tal-avjazzjoni kbir u miftuħ li jkun ibbażat fuq regoli komuni. F'Ġunju 2005, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appoġġa dan l-għan u laqa’ l-progress li sar permezz tal-inklużjoni tal-pajjiżi ġirien tal-UE f'qafas bħal dan[2].

Il-Kummissjoni analizzat l-implimentazzjoni ta' dan il-proċess fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2008 "Żona tal-Avjazzjoni Komuni mal-Pajjiżi Ġirien sal-2010: rapport ta' progress".[3] Din ikkonkludiet li dan il-proċess wera riżultati pożittivi u għandu jiġi aċċelerat. Barra minn hekk, f'Lulju 2011 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni "L-UE u r-reġjuni ġirien tagħha: Approċċ imġedded għall-kooperazzjoni tat-trasport"[4] Din il-Komunikazzjoni ttenni li l-politika dwar l-Ispazju Komuni Ewropew tal-Avjazzjoni (ECAA) ġiet imfassla b'mod sabiex tippermetti li jkun hemm ftuħ gradwali tas-suq bejn l-UE u l-ġirien tagħha, li jkun marbut mal-konverġenza regolatorja permezz tal-implimentazzjoni gradwali tar-regoli tal-UE. Il-proċess tal-ftuħ tas-suq u l-konverġenza regolatorja jseħħu b'mod parallel sabiex jiġu promossi l-kompetizzjoni ġusta u l-istandards tal-UE fir-rigward tas-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u standards oħrajn. L-ECAA hija implimentata permezz tal-ftehimiet komprensivi dwar is-servizzi tal-ajru li jippromwovu r-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u dawk marbuta mat-turiżmu b'mod ġenerali u joffru opportunitajiet ġodda għall-operaturi u wkoll għażla akbar għall-konsumaturi. Integrazzjoni akbar bejn is-swieq tat-trasport tal-UE u dawk tal-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, tista' tgħaġġel il-konnessjonijiet tat-trasport, traħħashom u tagħmilhom iktar effiċjenti, b'vantaġġ għaċ-ċittadini u n-negozji.

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea tal-2004 u l-2007 saħħaħ aktar l-interdipendenza bejn l-UE u l-ġirien tagħha. F'Ġunju 2006, l-UE u l-Istati Membri tagħha ffirmaw Ftehim dwar l-Ispazju Komuni Ewropew tal-Avjazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Dan ġie segwit bl-iffirmar tal-ewwel Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni mal-Marokk, f'Diċembru 2006. F'Diċembru 2010, Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni kien iffirmat mal-Ġordan u Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni kien iffirmat mal-Ġeorġja. Għadhom għaddejjin in-negozjati mal-Ukraina, il-Libanu, l-Iżrael u l-Moldova u huma mistennija li fil-futur qarib isiru mat-Tuneżija.

Il-ħolqien ta' Spazju Komuni tal-Avjazzjoni joħloq benefiċċji f’diversi aspetti. Dan jappoġġa:

- L-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat billi jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq integrat tal-avjazzjoni u l-ħolqien ta' konnessjonijiet aħjar tat-trasport bejn il-pajjiżi kollha involuti;

- L-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżi li l-viżjoni tagħhom hija dik li jsiru membri tal-Unjoni Ewopea;

- Il-promozzjoni tal-istandards Ewropej tal-avjazzjoni ta' livell għoli hekk kif dawn jgħinu biex tkun żgurata l-firxa tal-livelli għoljin tas-sikurezza tal-avjazzjoni u tas-sigurtà tal-avjazzjoni fir-reġjun kollu;

- Il-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-awtoritajiet responsabbli bħal dik dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni;

- L-iżvilupp futur tal-industrija kumplessiva tal-avjazzjoni Ewropea billi jkun ipprovdut qafas regolatorju koerenti għal suq imkabbar.

Din il-Komunikazzjoni tindirizza l-kwistjoni speċifika tar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Azerbajġan (minn hawn 'il quddiem l-Azerbajġan). Fid-dawl tal-pożizzjoni ġeografika tal-pajjiż, il-konnessjonijiet tajbin tat-trasport bl-ajru bejn l-Azerbajġan u l-UE huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Il-pożizzjoni strateġika tal-Azerbajġan bħala salib it-toroq bejn l-Ewropa u l-Asja, tagħmel lil dan il-pajjiż kandidat ovvju għal Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-UE.

F'Jannar 2011, l-awtoritajiet Azeri esprimew l-interess tagħhom li jinnegozjaw Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-UE. Wara dan, twettqet analiżi ekonomika tal-impatt possibbli jekk jiġi konkluż ftehim bħal dan [5]

Abbażi tal-ħidma miġbura fil-qosor f'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim komprensiv dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni Ewropew mal-Azerbajġan. Jekk tiġi segwita l-loġika tal-ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien l-oħra, dan għandu jkun ibbażat fuq taħlita ta' ftuħ gradwali tas-suq ma' proċess parallel ta' kooperazzjoni regolatorja u armonizzazzjoni gradwali. L-oqsma ta' prijorità għandhom ikunu l-ftuħ tas-suq, il-libertà tal-istabbiliment, il-kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni u r-regoli komuni fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-kundizzjonijiet soċjali u l-protezzjoni ambjentali. Fir-reġjun tal-Kawkasu, diġà kien iffirmat ftehim bħal dan mal-Ġeorġja.

UE-AZERBAJġAN: IR-RELAZZJONIJIET POLITIċI

F'dawn l-aħħar għaxar snin, l-UE u l-Azerbajġan stabbilixxew relazzjonijiet mill-qrib bejniethom:

- Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Azerbajġan kien iffirmat fl-1996 u daħal fis-seħħ fl-1999.[6] Hu jkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet fosthom il-kummerċ, il-kooperazzjoni ekonomika u l-approssimazzjoni tal-liġi. Skont id-dispożizzjonijiet dwar l-approssimazzjoni tal-liġi (l-Artikolu 43 tal-FSK), l-Azerbajġan għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu (inkluż is-settur tat-trasport) b'mod gradwali ssir kompatibbli ma' dik tal-UE. Il-qasam tat-trasport u l-ħtieġa li l-Azerbajġan jirristruttura u jimmodernizza s-sistemi u n-netwerks tat-trasport tiegħu sabiex b'hekk tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan, huma enfasizzati b'mod partikolari fl-Artikolu 57 tal-FSK. Il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni fir-rigward tal-immodernizzar tal-ajruporti u l-infrastruttura tan-navigazzjoni tal-ajru u li jiġu promossi r-rabtiet trans-Ewropej hija enfasizzata b'mod partikolari. L-UE u l-Azerbajġan bħalissa qed jinnegozjaw Ftehim ta' Assoċjazzjoni li jissostitwixxi l-FSK. Dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni se jintensifika b'mod sinifikanti l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Azerbajġan mal-UE, inkluż fil-qasam tat-trasport.

- B'mod parallel ma' dan il-proċess, ġiet żviluppata l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u l-Azerbajġan sar parti minn din il-politika fl-2004. Il-PEV timmira li ssaħħaħ il-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiżi ġirien tal-UE u li tevita l-iżvilupp ta' kwistjonijiet ta' firda ġodda mal-UE estiża. Din il-politika hija implimentata permezz tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENPAPs), miftiehma bejn l-UE u kull pajjiż imsieħeb b'mod individwali. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn l-UE u l-Azerbajġan ġie adottat fl-2006. Id-dispożizzjonijiet tal-ENPAP fir-rigward tat-trasport jinkludu (għall-Azerbajġan), l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika għat-trasport nazzjonali sostenibbli b'enfasi, fejn xieraq, fuq approssimazzjoni ulterjuri tal-oqsfa leġiżlattivi u regolatorji għall-istandards Ewropej u internazzjonali, b'mod partikolari għas-sikurezza u s-sigurtà (il-modi kollha tat-trasport) u, fis-settur tal-avjazzjoni, l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi regolatorji ġodda, inkluż il-kwistjonijiet dwar is-sikurezza u s-sigurtà.

- L-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant kienet varata fl-2009 biex tintensifika r-relazzjonijiet tal-UE mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina. Il-kunċett ta' sħubija aktar ambizzjuża bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba huwa rifless fid-Dikjarazzjoni konġunta tas-Samit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant, iffirmata fis-7 ta' Mejju 2009, fi Praga.

- L-għanijiet ta' kooperazzjoni, it-tweġibiet politiċi u l-oqsma prijoritarji prinċipali tal-UE fir-rigward tal-Azerbajġan huma stabbiliti fid-Dokument ta' Strateġija tal-Pajjiż tal-Azerbajġan 2007-2013. L-Azerbajġan ippreżenta wkoll strateġija nazzjonali ta' żvilupp, li tinkludi pjan sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni varja tal-UE, inkluż dik marbuta mar-regoli komuni għall-operat tas-servizzi tal-ajru (ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità), ir-regoli dwar il-limitazzjoni tal-emissjoni ta' ħsejjes minn ajruplani ċivili jet subsoniċi u r-regoli dwar l-investigazzjoni ta' aċċidenti u inċidenti tal-avjazzjoni ċivili.

- B'mod aktar speċifiku fir-rigward tal-avjazzjoni, l-Azerbajġan qed jipparteċipa b'mod attiv f'bosta strutturi tal-avjazzjoni pan-Ewropej. L-Azerbajġan ilu membru tal-ECAC (Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili) mill-2002. L-Azerbajġan applika għas-sħubija fil-Eurocontrol. Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, fl-2006 u fl-2009 kienu ffirmati żewġ arranġamenti ta' ħidma mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA)[7]. "Ftehim Orizzontali" bejn l-UE u l-Azerbajġan, li jagħmel il-ftehimiet bilaterali bejn l-Azerbajġan u l-Istati Membri tal-UE konformi mal-liġi tal-UE, kien iffirmat f'Lulju 2009 (kien hemm 19-il ftehim bilaterali meta ġie ffirmat l-ftehim orizzontali) [8].

IS-SUQ TAL-AVJAZZJONI TAL-UE U L-AZERBAJġAN U R-RELAZZJONIJIET EKONOMIċI

Meta titqies id-distanza li hemm bejn l-UE u l-Azerbajġan u l-infrastruttura tat-trasport tal-art li hi relattivament fqira, l-avjazzjoni hija l-aktar mezz ta' trasport importanti li jgħaqqad lill-Azerbajġan mal-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE.

L-Azerbajġan għandu popolazzjoni ta' 8.4 miljun abitant, jiġifieri aktar mill-popolazzjonijiet kollha flimkien tal-pajjiżi ġirien, il-Ġeorġja u l-Armenja. Il-PDG tal-Azerbajġan per capita żdied tul dawn l-aħħar snin u l-pajjiż għandu PDG relattivament għoli per capita bħala riżultat tal-industrija tiegħu taż-żejt u l-gass, u li huwa simili għal-livell tat-Turkija[9].

Il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Azerbajġan kien qed jikber b'rata mgħaġġla mill-bidu ta' dawn l-aħħar għaxar snin sal-bidu tas-sena 2009 meta dan intlaqat b'mod ħażin mill-kriżi ekonomika dinjija, b'rabta wkoll mat-tnaqqis fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt. Fl-2009, id-dħul totali tal-kummerċ bilaterali kien ta' EUR 8.9 biljun (EUR 12.7 biljun fl-2008), l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Azerbajġan ammontaw għal EUR 1.6 biljun (EUR 2.1 biljun fl-2008) u l-esportazzjonijiet tal-Azerbajġan lejn l-UE ammontaw għal EUR 7.3 biljun (EUR 10.6 biljun fl-2008). Minkejja l-kriżi ekonomika, l-UE baqgħet l-imsieħba kummerċjali prinċipali tal-Azerbajġan b'sehem ta' 42.8 % fil-kummerċ estern kumplessiv tal-Azerbajġan (qabel it-Turkija u l-Indja b'sehem ta' 8.1 % kull wieħed, l-Istati Uniti b'sehem ta' 7.5 % u r-Russja b'sehem ta' 5.9 %). L-Azerbajġan huwa bla dubju l-akbar imsieħeb kummerċjali tal-UE minn fost it-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu. L-UE tesporta l-aktar lejn l-Azerbajġan makkinarju u tagħmir tat-trasport (45.1 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE lejn l-Azerbajġan fl-2009) u wkoll sustanzi kimiċi (9.8 %), ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż (9.0 %), ikel (8.0 %) u metalli bażiċi u prodotti magħmula minnhom (6.0 %). L-istruttura tal-esportazzjoni tal-Azerbajġan hija magħmula kważi esklussivament minn fjuwils minerali.

It-trasport bl-ajru internazzjonali lejn u mill-Azerbajġan huwa kkonċentrat fl-Ajruport Internazzjonali ta' Heydar Aliyev f'Baku[10]. Iċ-ċifri tat-traffiku tal-ajruport żdiedu b'rata mgħaġġla tul dawn l-aħħar għaxar snin. Kien hemm madwar miljun passiġġier fl-2002 u madwar 1 900 000 passiġġier fl-2010[11]. It-terminals tal-passiġġieri ġew immodernizzati fl-aħħar tas-snin disgħin u bħalissa qed jinbena t-terminal internazzjonali l-ġdid. Huwa skedat li jitlesta fl-2012 u se jkollu kapaċità ta' 3 miljun passiġġier fis-sena.

Il-livell tat-traffiku tal-passiġġieri bejn l-UE u l-Azerbajġan għadu relattivament baxx; it-traffiku lejn u mill-Istati Membri tal-UE jirrappreżenta madwar 10 % tat-traffiku totali tal-passiġġieri lejn u mill-Azerbajġan. Għall-2009, madwar 194 200 passiġġier kienu fuq titjiriet bejn l-ajruporti tal-UE27 u l-Azerbajġan[12]. Fl-2009, is-swieq fl-aktar sitt livelli għoljin (ir-Renju Unit – 35 %, il-Ġermanja – 23 %, l-Awstrija – 17 %, Franza – 8 %, l-Isvezja – 6 % u l-Latvja – 6 %) ammontaw għal 95 % tat-traffiku totali tal-passiġġieri mill-UE għall-Azerbajġan. Il-bliet pari bl-akbar volum ta' passiġġieri fl-2009 kienu Londra-Baku, segwiti minn Frankfurt-Baku u Vjenna-Baku. Is-suq tal-Azerbajġan jista' jkun attraenti għall-kumpaniji tal-ajru tal-UE f'termini ta' renditi u dħul, minħabba s-sehem għoli ta' vjaġġi ta' negozju marbuta mal-industrija taż-żejt u l-gass.

L-Azerbajġan innegozja ftehim dwar is-servizzi tal-ajru (ASA) ma' 21 Stat Membru tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Għalkemm xi ftehimiet bdew isiru aktar miftuħa, il-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru mal-Istati Membri tal-UE huma pjuttost restrittivi b'mod partikolari fir-rigward tal-arranġamenti dwar il-kapaċità (eż. l-għadd ta' frekwenzi) u f'ċerti każi b'rabta mal-possibbiltajiet ta' rotot. Is-sistema attwali tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-Azerbajġan aktarx li hija ta' xkiel kbir għal għadd ta' trasportaturi bl-ajru tal-UE kif ukoll għall-konsumaturi f'ċerti Stati Membri. L-istudju ekonomiku li ġie kkummisjonat mill-Kummissjoni kkonkluda li d-domanda għal vjaġġi bl-ajru bejn l-UE u l-Azerbajġan taqbeż il-provvista.

F'Lulju 2010, erba' trasportaturi tal-UE qdew is-suq tal-Azerbajġan: airBaltic minn Riga, Austrian Airlines minn Vjenna, British Midland Airways minn Londra u Lufthansa minn Frankfurt. Is-sehem tas-suq ta' dawn it-trasportaturi tal-UE fis-suq tal-UE u l-Azerbajġan huwa ta' 72 % tal-passiġġieri kollha li kienu ttrasportati. Barra minn hekk, għat-traffiku tal-passiġġieri tal-ajru bejn l-Azerbajġan u l-Amerika ta' Fuq, it-trasportaturi u l-ajruporti tal-UE għandhom sehem għoli mis-suq[13]. Min-naħa l-oħra, tul il-perjodu ta' żmien mill-2008 sal-2010, it-Turkish Airlines żiedet l-operazzjonijiet tagħha lejn Baku b'mod sinifikanti u Istanbul sar kompetitur dejjem akbar għat-traffiku bejn l-Azerbajġan u l-UE u bejn l-Azerbajġan u l-Amerika ta' Fuq[14]. Matul l-2008-2010, it-tkabbir fit-traffiku bejn l-UE27 u l-Azerbajġan kien ta' +10.9 %.

L-Azerbaijan Airlines hija l-unika kumpanija tal-ajru tal-Azeri li topera servizzi skedati bejn l-Azerbajġan u l-UE. L-aktar rotta internazzjonali importanti tal-Azerbaijan Airlines hija dik lejn Moska, segwita minn Istanbul bħala t-tieni l-aktar rotta użata. Fl-2010, l-Azerbaijan Airlines ittrasportat 800 000 passiġġier (l-għadd tal-passiġġieri laħaq madwar 1 450 000 fl-2007). Mill-għadd totali ta' titjiriet f'Lulju 2010, 8 % kienu lejn u mill-Istati Membri tal-UE. Fl-2010, l-Azerbaijan Airlines qdiet Pariġi, Londra, Milan, Praga u Riga, li minnhom it-titjiriet ta' Praga, Pariġi u Milan kienu moqdija esklussivament mill-Azerbaijan Airlines (l-ebda trasportatur tal-UE ma kien qed jopera dawn ir-rotot). L-Azerbaijan Airlines bdew joperaw lejn Aberdeen f'Ġunju 2011. L-Azerbaijan Airlines topera bi flotta relattivament moderna u tuża inġenji tal-ajru A319 lejn l-UE, issupplimentati minn Boeing 757.

It-tariffi tal-ajru minn Baku għal destinazzjonijiet tal-UE (u viċi versa) huma relattivament għoljin. Fis-suq bejn l-UE u l-Azerbajġan, taħlita ta' kompetizzjoni limitata tan-netwerk u domanda kbira mill-qasam tan-negozju (industrija taż-żejt/gass) irriżultat f'tariffi tal-ajru li baqgħu relattivament għoljin. L-analiżi tat-tariffi fi swieq komparabbli tissuġġerixxi li d-domanda għall-ivvjaġġar bejn l-UE u l-Azerbajġan taqbeż il-provvista. Ir-riżultat huwa suq li fih it-tariffi jinżammu artifiċjalment għoljin u li fih jitneħħa l-ivvjaġġar turistiku. Żieda fil-kompetizzjoni wara l-liberalizzazzjoni (speċjalment tar-restrizzjonijiet fl-arranġamenti dwar il-kapaċità) tista' twassal għal tnaqqis fit-tariffi għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

BENEFIċċJI TA' FTEHIM DWAR L-ISPAZJU KOMUNI TAL-AVJAZZJONI BEJN L-UE U L-AZERBAJġAN

Il-ħolqien tas-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE mill-bidu tas-snin disgħin ikkontribwixxa b'mod sinifikanti biex is-settur ikun aktar dinamiku u effiċjenti, u ħoloq benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti.

Il-konklużjoni tal-Ftehimiet dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-Unjoni fil-Lvant u fin-Nofsinhar tat prova li effetti pożittivi simili f'termini ta' volumi u effiċjenza tat-trasport jistgħu wkoll jinkisbu għal dawn is-swieq. F'dan ir-rigward, mil-liberalizzazzjoni ta' dan is-suq fl-2006 u l-2010 bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inkisbu rati ta' tkabbir annwali ta' madwar 12 % fl-għadd ta' sits disponibbli.

L-istudju ekonomiku msemmi aktar 'il fuq eżamina l-effetti possibbli li jista' jkollu Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan. L-istudju jbassar li mill-2010 sal-2020, jistgħu jinkisbu rati ogħla ta' tkabbir permezz tal-liberalizzazzjoni. F'xenarju li fih ma jsir l-ebda tibdil, l-għadd ta' passiġġieri għandu jiżdied b'77 % mil-livelli tal-2010, ekwivalenti għall-medja annwali ta' 5.9 %. Madankollu f'xenarju li fih isseħħ liberalizzazzjoni sħiħa (immedjata jew f'approċċ maqsum f'fażijiet), l-għadd ta' passiġġieri għandu jikber b'total ta' 98 % mill-2010 sal-2020, jew medja annwali ta' 7 %[15].

Il-benefiċċju ekonomiku ta' Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bħal dan huwa stmat li jkun ta' madwar EUR 44.2 miljun matul l-ewwel ħames snin wara l-liberalizzazzjoni (l-aktar minħabba żieda fil-konnettività, tariffi tal-ajru aktar baxxi, żieda fl-ivvjaġġar bl-ajru u attività ekonomika relatata) L-analiżi turi wkoll li t-tariffi tal-ajru fuq ir-rotot fejn hemm jew se jkun hemm kompetizzjoni x'aktarx jonqsu. Ftehim bejn l-UE u l-Azerbajġan għandu joħloq suq ġdid ta' opportunitajiet għat-trasportaturi tal-ajru fl-UE, li wħud minnhom urew interess biex joperaw servizzi oħrajn jew jibdew servizzi ġodda lejn Baku, jekk ir-restrizzjonijiet li hemm bħalissa fuq il-kapaċità jitneħħew. Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni jista' jiffaċilita wkoll l-integrazzjoni tat-trasportaturi tal-Azeri f'alleanzi eżistenti bejn trasportaturi tal-ajru tal-UE, u b'hekk jippermetti l-iżvilupp ta' prodotti integrati u servizzi aħjar għall-passiġġieri, kif ukoll aktar effiċjenza permezz tal-ekonomiji tal-kobor. Barra minn hekk, l-esperjenza turi li l-mekkaniżmu ta' implimentazzjoni tal-Ftehimiet dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni jgħin sabiex ikunu solvuti kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu meta jsir in-negozju (l-aktar permezz tal-Kumitat Konġunt).

Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet politiċi kumplessivi huma, tal-inqas, importanti daqs dawn il-benefiċċji ekonomiċi, hekk kif ftehim bħal dan jappoġġa b'mod sinifikanti l-għanijiet tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat, is-Sħubija mal-Lvant kif ukoll il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li se jkun hemm fil-futur mal-Azerbajġan u jippromwovi s-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni u standards oħra tal-UE ta' livell għoli.

Għandu jkun mistenni li jkun hemm xi spejjeż għall-Azerbajġan li joriġinaw mill-ħtieġa li jiġi adottat u implimentat Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni. Madankollu, dawn l-ispejjeż għandhom ikunu ferm inqas mill-benefiċċji mistennija minn ftehim bħal dan. Skont kif stmat mill-istudju ekonomiku msemmi aktar 'il fuq se jkun hemm spiża totali mraħħsa tal-persunal ta' bejn EUR 1.8 miljun u EUR 2.2 miljun matul perjodu ta' ħames snin. Madankollu, wieħed għandu jinnota li l-ħtieġa li jittejbu l-istandards tista' wkoll tkun ġejja minn impenji internazzjonali oħra tal-Azerbajġan (l-ICAO, ftehimiet mal-pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti tal-Amerika).

Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan jistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs għat-trasportaturi bl-ajru tal-UE kollha u jippermetti li l-passiġġieri fl-Istati Membri kollha jibbenefikaw minn kundizzjonijiet simili u minn żieda fit-traffiku bejn l-UE u l-Azerbajġan u viċi versa. Barra minn hekk, ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan jipprovdi l-bażi legali għall-istabbiliment ta' servizzi tal-ajru minn dawk l-Istati Membri li attwalment ma għandhomx ASAs bilaterali mal-Azerbajġan.

KONKLUżJONIJIET

Bħala riżultat tal-ftuħ tas-suq, l-opportunitajiet ta' vjaġġar għall-passiġġieri tal-UE u l-Azeri għandhom jitjiebu u għandu jkun hemm benefiċċji ekonomiċi għal-linji tal-ajru u l-ajruporti tal-UE u l-Azeri. Huwa probabbli li konnettività mtejba u aċċess għal għażla akbar ta' destinazzjonijiet jaġixxu ta' katalist għall-iżvilupp tan-negozju u l-investiment barrani fl-Azerbajġan.

Se jkun importanti li jkun hemm garanzija li l-ftuħ u l-integrazzjoni tas-swieq isiru b'mod ibbilanċjat, filwaqt li jitqiesu għanijiet tal-politika importanti oħrajn u sseħħ mitigazzjoni tal-impatti negattivi potenzjali. F'dan il-kuntest se jkun essenzjali li jiġi żgurat li l-proċess tal-ftuħ tas-suq ikun akkumpanjat minn proċess parallel ta' kooperazzjoni regolatorja u konverġenza li ssir f'fażijiet. Dan huwa partikolament importanti f'oqsma kruċjali bħas-sikurezza, is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni.

Swieq miftuħa jeħtieġu qafas li jiżgura kompetizzjoni ġusta u standards għoljin għas-sikurezza u s-sigurtà. Fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, il-ftehim għandu jkun konsistenti mal-impenn tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli. Huwa partikolament importanti li l-ftehim ma jillimitax il-kapaċità tal-UE li tapplika strumenti regolatorji jew ekonomiċi sabiex jitnaqqsu l-effetti sekondarji mhux mixtieqa taż-żieda fit-traffiku tal-ajru, partikolarment fir-rigward tal-livelli tal-kwalità tal-arja u tal-istorbju fl-inħawi madwar l-ajruporti, u permezz tal-kontribuzzjoni għat-tibdil fil-klima globali. Fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-possibbiltà li l-Ajru Uniku Ewropew jiġi estiż għall-Azerbajġan għandha tgħin biex ittejjeb l-istandards attwali ta' sikurezza, biex jintlaħqu l-aqwa livelli ta' effiċjenza u kapaċità, jitnaqqsu l-emissjonijiet għal kull titjira kif ukoll jitnaqqas id-dewmien.

Mandat komprensiv għan-negozjati mal-Azerbajġan għandu jkun ibbażat fuq żewġ partijiet li huma daqstant importanti: minn naħa waħda l-ftuħ u l-liberalizzazzjoni tas-suq u min-naħa l-oħra l-armonizzazzjoni regolatorja tas-sikurezza tal-avjazzjoni, tas-sigurtà tal-avjazzjoni u standards oħra lil hinn mill-fruntieri tal-UE. F'dan ir-rigward il-konkluzjoni tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan għandha tkun kontribut ewlieni fil-ksib tal-għanijiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant, il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan kif ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li għandu jkun hemm fil-futur.

Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kummissjoni tipproponi n-negozjar u l-konklużjoni ta' Ftehim komprensiv dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-Azerbajġan, u tistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tidħol f'negozjati fir-rigward ta' ftehim bħal dan. In-negozjati se jitwettqu mis-servizzi tal-Kummissjoni, u se jinvolvu b'mod sħiħ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), filwaqt li jikkunsidraw kif xieraq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE.

Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati kollha rilevanti biex tiżviluppa aktar u tilħaq il-miri stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta.

[1] COM(2005) 79 finali, il-11 ta' Marzu 2005.

[2] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-27 ta’ Ġunju 2005: "Konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tal-aġenda għall-politika barranija tal-Komunità dwar l-avjazzjoni".

[3] COM(2008) 596 finali, l-1 ta’ Ottubru 2008.

[4] COM(2011) 415 finali, is-7 ta' Lulju 2011.

[5] L-istudju ekonomiku twettaq minn Steer Davis Gleave, "Study on the economic benefit of a Common Aviation Area Agreement between the EU and the Republic of Azerbaijan" (Studju dwar il-benefiċċju ekonomiku ta' Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika ta' Azerbajġan), Londra, Lulju 2011

[6] ĠU L 246/1999, p. 3, is-17 ta' Settembru 1999.

[7] Arranġament ta' Ħidma bejn l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Interess Speċjali tal-Istat fir-rigward tal-Avjazzjoni Ċivili "Azerbaijan Hava Yollari" dwar il-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sikurezza tal-inġenji tal-ajru li jużaw l-ajruporti Komunitarji u l-ajruporti tar-Repubblika tal-Azerbajġan, l-Arranġament ta' Ħidma bejn l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Amministrazzjoni Statali tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Repubblika tal-Azerbajġan.

[8] ĠU L 265/2009, p. 25, id-9 ta' Ottubru 2009.

[9] Skont il-World Economic Outlook Database, April 2011, il-PDG tal-Azerbajġan per capita kien6 008 dollaru Amerikan (madwar EUR 4 230) fl-2010. Il-PDG tal-Azerbajġan, ibbażat fuq il-kapaċità tal-akkwist b'parità per capita , kien ta' 10 033 dollaru internazzjonali kurrenti fl-2010.

[10] Il-Pubblikazzjoni tat-Tagħrif Ajrunawtiku telenka erba' ajruporti internazzjonali oħra fl-Azerbajġan, iżda mhemmx servizzi skedati lejn Stati Membri tal-UE minn dawn l-ajruporti. Id-destinazzjonijiet internazzjonali li għalihom jitilqu titjiriet minn dawn l-ajruporti huma limitati għal Moska, Kiev, St Petersburg u Istanbul.

[11] Iċ-ċifri jirreferu għal dawk il-passiġġieri li huma diretti lejn jew ġejjin mill-Ajruport Internazzjonali ta' Heydar Aliyev. Steer Davies Gleave: Study on the economic benefit of a common aviation area agreement between the EU and the Republic of Azerbaijan [Studju dwar il-benefiċċji ekonomiċi ta' ftehim dwar spazju komuni għall-avjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Azerbajġan].

[12] Iċ-ċifri kollha tat-trasport ġejjin minn studju kkummissjonat mill-Kummissjoni (Steer Davies Gleave: Study on the economic benefit of a Common Aviation Area Agreement between the EU and the Republic of Azerbaijan) [Studju dwar il-benefiċċji ekonomiċi ta' ftehim dwar spazju komuni għall-avjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Azerbajġan]. Iċ-ċifri tat-traffiku huma bbażati fuq informazzjoni tal-EUROSTAT u jinkludu l-passiġġieri kollha li qed jivvjaġġaw parti mill-vjaġġ tagħhom, inkluż il-passiġġieri ta' tranżitu kif ukoll il-passiġġieri ta' trasferiment minn Stat Membru tal-UE / l-Azerbajġan.

[13] Fl-2010, aktar minn 7 000 passiġġier ivvjaġġaw bejn l-oriġini, l-Azerbajġan u d-destinazzjoni, l-Amerika ta' Fuq. Kważi tnejn minn kull tliet passiġġieri użaw Frankfurt jew Londra-Heathrow bħala punti ta' trasferiment.

[14] Aktar minn 2 300 passiġġier ivvjaġġaw minn Istanbul sal-Amerika ta' Fuq fl-2010. Dan il-livell ta' passiġġieri ttrasferiti huwa simili għal dak f'Londra-Heathrow.

[15] Ix-xenarju li fih isseħħ liberalizzazzjoni sħiħa jinkludi s-suppożizzjoni li t-tielet, ir-raba' u l-ħames dritt ta' traffiku jingħataw (immedjatament jew f'approċċ maqsum f'fażijiet).

Top