EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0432

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji matul 2004-2009 mgħotija lil-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija biex isostnu d-dekummissjonar tal-għeluq bikri tal-impjanti tal-enerġija nukleari skont l-Atti ta' Adeżjoni

/* KUMM/2011/0432 finali */

52011DC0432

/* KUMM/2011/0432 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji matul 2004-2009 mgħotija lil-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija biex isostnu d-dekummissjonar tal-għeluq bikri tal-impjanti tal-enerġija nukleari skont l-Atti ta' Adeżjoni


WERREJ

1. Introduzzjoni 2

1.1. Għan u bażi legali 2

1.2. Ambitu u Skeda 3

1.3. Ammonti 3

2. Amministrazzjoni tal-programm 4

2.1. Metodu tal-implementazzjoni 4

2.2. Qafas Proċedurali u l-Evalwazzjoni tal-Programm 4

3. Rapporti tal-pajjiżi 5

3.1. Il-Litwanja – L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Ignalina 6

3.2. Is-Slovakkja– l-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 8

3.3. Il-Bulgarija – L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Kozloduy 9

4. Konklużjoni 11

4.1. Prestazzjoni 12

4.2. Prospetti 13

INTRODUZZJONI

Ir-rapport jivvaluta l-istat tal-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea għad-dekummissjonar għall-għeluq bikri tal-impjanti tal-enerġija nukleari fil-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija Ikopri, b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-programm ta' dekummissjonar matul il-perjodu 2004-2009, għalkemm iqis ukoll l-għajnuna finanzjarja mill-perjodu preċedenti u l-progress riċenti li sar fl-2010 sabiex tingħata stampa konsistenti u komprensiva. Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata b'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011)914 li jipprovdi aktar informazzjoni dettaljata.

Għan u bażi legali

Id-dekummissjonar tal-istallazzjoni nukleari jista' jestendi fuq perjodu ta' sa 30 sena. Ikopri l-attivitajiet mill-għeluq u t-tneħħija tal-materjal fissili sar-restorazzjoni ambjentali tas-sit. Sabiex jiġu żgurati dekummissjonar tal-istallazzjonijiet nukleari u mmaniġġjar tal-iskart sikuri, huwa importanti li fiż-żmien id-dekummissjonar ikunu disponibbli r-riżorsi finanzjarji meħtieġa.

Fiż-żmien in-negozjati tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea (UE), it-tliet pajjiżi kanditati tal-UE, il-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija, kienu jħaddmu reatturi nukleari b'disinn Sovjetiku.

Il-komunità internazzjonali, f'konformità mal-programm ta' azzjoni multilaterali tal-G7 adottat fis-summit tal-G7 ta' Munich fl-1992[1], ikkonkludiet li dawn ir-reatturi ma setgħux jiġu ekonomikament ammeljorati għall-istandards tas-sigurtà meħtieġa tal-Punent, u li dawn l-impjanti kellhom jingħalqu qabel it-tmiem previst tagħhom. Din ir-rakkomandazzjoni stabbilixxiet dati tal-għeluq bikrija li kienu inklużi fit-trattati tal-adeżjoni tat-tliet pajjiżi. Kien rikonoxxut li l-għeluq bikri u d-dekummissjar sussegwenti ta' dawn l-impjanti tal-enerġija nukleari (NPP) kien ta' piż finanzjarju u ekonomiku sinifikanti għall-Istati Membri, u ma kienx iħalli lill-operaturi biżżejjed żmien biex jakkumulaw il-fondi meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż kollha tad-dekummissjonar. Għal din ir-raġuni, l-Atti ta' Adeżjoni individwali[2],[3],[4] kif ukoll ir-Regolamenti tal-Kunsill sussegwenti[5],[6],[7] prevedew għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri ġodda rispettivi.

Il-programm ta' għajnuna tal-UE huwa ddedikat għall-NPPs li ġejjin:

NPP ta' Ignalina (NPPI) unitajiet 1 u 2 fil-Litwanja,

NPP V1 ta' Bohunice (NPP V1) unitajiet 1 u 2 fis-Slovakkja u

NPP ta' Kozloduy (NPPK) unitajiet 1 sa 4 fil-Bulgarija

Ambitu u Skeda

L-għajnuna finanzjarja mill-UE hija mfassla biex tgħin l-isforz tal-Istati Membri fid-dekummissjonar tal-NPPs tagħhom tat-tip Sovjetu u fil-konsegwenzi soċjali relatati kif ukoll miżuri fis-settur tal-enerġija biex jimmitigaw it-telf fil-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku.

L-għajnuna tal-UE kienet implimentata fi tliet perjodi speċifiċi. Fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni (sal-2004) il-Litwanja u s-Slovakkja rċevew għajnuna permezz tal-programm PHARE[8], filwaqt li bejn l-2004-2006 l-għajnuna ngħatat skont il-Protokolli għall-Att tal-Adeżjoni u mill-2007, ir-Regolamenti tal-Kunsill għal-Litwanja u s-Slovakkja żguraw il-kontinwazzjoni tal-għajnuna għall-perjodu 2007-2013.

Fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni (sal-2007) il-Bulgarija rċeviet għajnuna mill-Programm PHARE. Aktar għajnuna għall-perjodu 2007-2009 ingħatat taħt il-Protokoll għat-Trattat tal-Adeżjoni abbażi tal-istrateġija tad-dekummissjonar li dak iż-żmien kienet "diferita". Fl-2009 waslet talba formali għall-prolongazzjoni tal-għajnuna finanzjarja sabiex tinbeda strateġija riveduta ta' dekummissjonar "immedjat" u fl-2010 kien adottat Regolament tal-Kunsill ġdid biex tiġi żgurta l-kontinwazzjoni tal-għajnuna sal-2013.

Ammonti

L-għajnuna li ngħatat tirrikonoxxi l-piż straordinarju li tpoġġa fuq l-Istati Membri l-ġodda minħabba l-impenn tagħhom li jagħlqu l-impjanti nukleari qabel iż-żmien. L-għajnuna la timmira li tkopri l-ispejjeż kollha tad-dekummissjonar u lanqas li tikkumpensa għall-konsegwenzi ekonomiċi kollha, iżda minflok tirrapreżenta espressjoni ta' solidarjetà bejn l-UE u l-Istati Membri. L-ammonti impenjati għall-Istati Membri individwali jirrapreżentaw ir-riżultat ta' negozjati politiċi, filwaqt li jqisu aspetti soċjali u ekonomiċi differenti kif ukoll it-tipi differenti u l-għadd ta' unitajiet nukleari li jridu jiżżarmaw.

Tabella ta' ħarsa ġenerali lejn l-għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri mill-1999 sal-2013 (EUR miljuni) kif stipulat fl-atti legali bażiċi* :

1999-2003 | 2004-2006 | 2007-2013 | Total |

Litwanja | 210 | 285 | 837 | 1332 |

Slovakkja | 90 | 90 | 423 | 603 |

Bulgarija | 155 | 185 | 510 | 850 |

Subtotal | 455 | 560 | 1770 | 2785 |

*L-impenji annwali reali jiġu aġġustati għall-inflazzjoni.

Sal-aħħar tal-2009 l-ammonti reali impenjati fit-tliet pajjiżi kienu: EUR 875.5 miljuni għal-Litwanja, EUR 363.7 miljuni għas-Slovakkja u EUR 567.8 miljuni għall-Bulgarija.

AMMINISTRAZZJONI TAL-PROGRAMM

Id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (dak li qabel kien id-DĠ għat-Trasport u l-Enerġija) implimenta l-programm ta' għajnuna finanzjarja mill-EU għal-Litwanja u s-Slovakkja mill-2004 u għall-Bulgarija mill-2007.

Metodu tal-implementazzjoni

Il-bażijiet legali għal-Litwanja u s-Slovakkja joffru l-possibbiltà ta' żewġ alternattivi ta' metodi ta' implimentazzjoni għall-għajnuna mill-UE: L-ewwel permezz tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), b'kontribuzzjonijiet fil- Fondi tal-Għajnuna Internazzjonali għad-Dekummissjonar (IDSF) rispettivi u t-tieni permezz ta' kanal nazzjonali għall-għajnuna diretta permezz ta' Aġenzija Nazzjonali – f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[9].

Għall-Bulgarija l-bażi legali tipprevedi biss l-implimentazzjoni tal-għajnuna mill-UE permezz tal-BERŻ, mogħtija fin-nuqqas ta' struttura nazzjonali ta' implimentazzjoni adattata.

Fondi tal-Għajnuna Internazzjonali għad-Dekummissjonar

L-IDSFs kienu stabbiliti fl-2000 u jiġu mmaniġġjati mill-BERŻ. Dawn il-fondi jiġu mingħand diversi donaturi, li minnhom il-KE hija l-akbar donatur u mill-2004 l-uniku kontributur.

Ġie stabbilit fond dedikat għal kull wieħed mit-tliet Stati Membri: għal-Litwanja l-IDSF Ignalina (IDSFI), għas-Slovakkja l-IDSF Bohunice (IDSFB) u għall-Bulgarija l-IDSF Kozloduy (IDSFK).

Aġenzija Nazzjonali

Il-Litwanja biss għażlet li timplimenta miżuri permezz ta' aġenzija nazzjonali skont l-Artikoli 53(a) u 54(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju.

Matur il-perjodu 2004-2006, l-għajnuna diretta lil-Litwanja kienet ipprovduta permezz tal-mekkaniżmu tal-Istrument Programmat taħt is-sistema tal-implimentazzjoni diċentralizzata estiża.

Il-Litwanja ilha sa mill-2007 timplimenta din l-għajnuna diretta nazzjonali permezz tal- Aġenzija Ċentrali tal-Immaniġjar tal-Proġett (CPMA) [10] bħala l-Aġenzija Nazzjonali maħtura taħt "maniġment indirett ċentralizzat".

Qafas Proċedurali u l-Evalwazzjoni tal-Programm

Sal-aħħar tal-2006, kien hemm biss involviment u tmexxija limitati mill-Istati Membri individwali fid-definizzjonijiet tal-ħtiġijiet u l-użu tal-għajnuna mill-UE. Barra minn dan, fir-rigward tal-Litwanja kien hemm biss koordinazzjoni limitata bejn iż-żewġ kanali tal-implimentazzjoni tal-BERŻ u s-CPMA.

Sabiex jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet perċeviti, mill-2007 kien stabbilit qafas proċedurali .

Il-mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja skont il-perspettivi finanzjarji 2007-2013 jinsab stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Proċeduri[11]. F'konformità mal-bażi legali sottostanti, il-Kummissjoni Ewropea (KE) stabbiliet Kumitat tal-Immaniġjar: il-Kumitat tal-Programm tal-Għajnuna għad-Dekummissjonar Nukleari, li rwol tiegħu huwa li jgħin lill-KE timplimenta l-għajnuna tal-UE. Mill-2007 l-qafas proċedurali ġie mtejjeb gradwalment b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni riveduta dwar il-Proċeduri stabbilita fl-2010.

Il-KE timpenja fondi għat-tliet programmi permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament annwali. Annessi għal din id-deċiżjoni finanzjarja hemm tliet Dokumenti ta' Programmar Ikkombinat annwali rispettivi mħejjija mill-Istati Membri konċernati. Dan id-dokument jiddefinixxi l-miri għall-użu tal-għajnuna tal-UE. Il-KE tqassam fondi lill-BERŻ u s-CPMA fuq talba abbażi tal-progress bil-provi fl-implimentazzjoni tal-proġett.

L-implimentazzjoni tal-miżuri u l-għajnuna finanzjarja jiġu segwiti minn kumitat ta' monitoraġġ stabbilit għal kull pajjiż u kanal ta' implimentazzjoni. Għalkemm il-proġetti jistgħu jiġu ffinanzjati sa 100 %, ġew stabbiliti xi limiti massimi speċifiċi ta' kofinanzjament għall-proġetti ewlenin (eż. il-proġett CCGT fil-Litwanja fejn l-IDSF Ignalina jiffinanzja sa 70 % sa massimu ta' EUR 165 miljun – b'hekk l-ispejjeż li jaqbżu dan l-ammont jinġarru mil-Litwanja).

Il-programm ta' għajnuna kien soġġett għal awditi u evalwazzjonijiet regolari li ġeneralment kienu pożittivi u rrikonoxxew il-progress miksub. Tqiesu l-miżuri tat-titjib meta ġie definit mill-ġdid il-qafas proċedurali fl-2007 u għal darba oħra fl-2010.

RAPPORTI TAL-PAJJIżI

Id-dekummissjonar nukleari jista' jitqies f'żewġ fażijiet. L-ewwel fażi ta' qabel id-dekummissjonar fejn isiru xogħlijiet ta' tħejjija, li tiġi segwita bit-tieni fażi ta' dekummissjar u żarmar.

Matul l-ewwel fazi tiġi elaborata d-dokumentazzjoni tad-dekummissjonar, fejn tingħata informazzjoni teknika u finanzjarja dwar alternattivi raġonevoli għad-dekummissjonar. Tivvaluta jekk il-proċess futur ta' dekummissjonar futur huwiex teknikament fattibbli u l-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom u l-liġi nazzjonali fl-oqsma tas-sikurezza nukleari u l-protezzjoni tas-saħħa, fiżika u ambjentali.

L-għeluq bikri tal-NPPs rispettivi kellu impatt negattiv ċar fuq is-sikurezza tal-forniment tal-elettriku fit-tliet Stati Membri. Sabiex jiġi indirizzat dan, l-Atti tal-Adeżjoni individwali koprew miżuri ta' mitigazzjoni tal-impatti fis-settur tal-enerġija f'konformità mal-politika tal-enerġija tal-UE.

L-ambitu u n-natura tal-proġetti realizzati biex jindirizzaw din il-kwistjoni kienu definiti b'konsiderazzjoni tal-politiki nazzjonali, l-istat tal-faċilitajiet eżistenti u l-ħtiġijiet tas-settur tal-enerġija.

Huma l-Istati Membri li jipproponu kif għandhom jitqassmu l-fondi disponibbli bejn it-tliet dominji eliġibbli tad- Dekummissjonar, l-Enerġija u l-Konsegwenzi Soċjali , bħala funzjoni tal-ħtiġijiet u l-istrateġija kumplessivi tagħhom.

L-għajnuna qatt ma kellha l-għan li tkopri l-ispejjeż kollha tad-dekummissjonar jew li tikkumpensa għall-konsegwenzi ekonomiċi kollha. Għal dawn ir-raġunijiet, il-bażi legali tippermetti ċertu flessibbiltà fl-użu tal-fondi.

Il-kostruzzjoni ta' faċilitajiet tal-ħżin interim tal-fjuwil użat, repożitorji nazzjonali tal-iskart u xi proġetti tal-immaniġjar tal-iskart radjuattiv (RAW) mhumiex parti mid-dekummissjonar. Madankollu, f'xi każijiet iġġustifikati dawn il-proġetti ġew megħjuna għax inkella l-proċess tad-dekummissjonar u ż-żarmar kien jiġi kompromess serjament.

F'dawn il-każjiet din l-għajnuna tista' titqies bħala għajnuna 'bil-quddiem' lill-Istati Membri li għandha titqies fid-diskussjonijiet dwar l-estensjonijiet potenzjali tal-għanjuna mill-UE.

Il-Litwanja – L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Ignalina

Impenn tal-għeluq u evoluzzjoni tal-iffinanzjar

Qabel l-adeżjoni l-Litwanja kienet topera żewġ reatturi RBMK 1500. Dawn l-unitajiet attwalment huma proprjetà tal-NNPI, intrapriża tal-Istat li mill-2009 saret ir-responsabbiltà tal-Ministeru Litwan tal-Enerġija. L-NNPI illum hija responsabbli għall-manutenzjoni u d-dekummissjonar sikuri taż-żewġ unitajiet tar-reattur.

L-Unità nru 1 ingħalqet għal dejjem fil-31 ta' Diċembru 2004, l-unità nru 2 fil-31 ta' Diċembru 2009.

L-għajnuna totali mill-UE lil-Litwanja bejn l-1999 u l-2013 hija prevista li tkun EUR 1367[12] miljun.

Dekummissjonar u Soluzzjoni għall-Iskart

Il-manutenzjoni sikura taż-żewġ unitajiet NNPI, il-preparazzjoni għad-dekummissjonar (fosthom dokumentazzjoni starteġika) u l-kostruzzjoni ta' faċilitajiet tat-trattament tal-iskart u l-ħżin ġew identifikati li huma fil-mira tal-għajnuna tal-UE. Fl-2009 l-gvern il-ġdid żied b'mod sinifikanti l-livell tal-involviment fil-proċess tad-dekummissjonar kif ukoll fis-sjieda tiegħu.

Xi proġetti ewlenin li ġew iffinanzjati mill-UE:

(Qabel) id-Dekummissjonar

Manutenzjoni sikura tal-unità nru 1 u nru 2;

Għajnuna lill-awtorità regolatorja nukleari;

Tħeħħija ta' dejtabejż tad-dekummissjonar u għodda tal-ippjanar;

Pjanijiet dettaljati tad-dekummissjonar għall-bini speċifiku;

Forniment ta' għajnuna ta' konsulenza lill-NNPI;

Karatterizzazzjoni radjoloġika;

Dekontaminazzjoni taċ-ċirkwit primarju;

Immaniġġjar tal-iskart

Ħżin interim tal-fjuwil użat (B1)

Immaniġġjar tal-iskart solidu u faċilità tal-ħżin (B234)

Faċilità tal-kejl tar-rilaxx liberu

Soluzzjoni għall-enerġija

Il-programm Ignalina sostna proġetti ewlenin fis-settur tal-enerġija identifikati fl-Istrateġija Nazzjonali Litwana tal-Enerġja:

Ammeljorament ambjentali tal-impjant tal-enerġija termali tal-Litwanja;

Kostruzzjoni ta' turbina taċ-ċiklu kkombinat tal-gass, reattur parallel kumpensatorju u stazzjon bil-bojler għat-tisħin biss;

Il-bidla tal-bojlers li jaħdmu bil-gass u l-ammeljorament tas-sistemi distrettwali tat-tisħin ta' Visaginas;

Ammeljorament tal-effiċjenza enerġetika ta' bini residenzjali b'ħafna appartamenti u bini pubbliku;

Sostenn għall-istudju tal-fattibbiltà ta' interkonnessjoni elettrika bejn il-Polonja u l-Litwanja.

Prestazzjoni

Mill-ammont totali (EUR 954.7 miljuni) tal-fondi disponibbli għall-IDSF Ignalina (EUR 723.1 miljuni) u CPMA (EUR 231.60 miljuni), l-ammont allokat għal proġetti definiti huwa ta' EUR 881.60 miljuni. L-ammont imħallas mill-UE huwa ta' EUR 763.3 miljuni (lill-IDSF Ignalina EUR 592.6 miljuni; lis-CPMA EUR 170.70 miljuni). [13]

Il-programm evolva fi klima politika diffiċli. Sal-2009 l-Litwanja ħadmet bla heda biex tipposponi l-għeluq tal-unità nru 2 sal-2012. In-nuqqas ta' impenn biex tingħalaq kellu impatt negattiv fuq il-progress lejn id-dekummissjonar. Minkejja dawn id-diffikultajiet, iż-żewġ unitajiet ġew finalment magħluqa skont l-iskeda kif preskritt fit-trattat tal-adeżjoni. Illum jinsabu miżmuma b'mod sikur u jinsabu fil-fażi tad-dekummissjonar. Mil-lum il-qalba tar-reattur tal-unità nru 1 tneħħielha l-fjuwil kollu. Ma kien hemm l-ebda nuqqas jew qtugħ tal-elettriku wara l-għeluq. Meta jitqies dan l-isfond diffiċli, il-prestazzjoni lejn id-dekummissjonar tista' titqies sodisfaċenti.

Il-bidla minn produttur tal-elettriku għal organizzazzjoni tad-dekummissjonar ħtieġet tibdil sinifikanti fl-istruttura organizzazzjonali u tibdil fir-riżorsi umani fl-NNPI. Din il-bidla, li tinvolvi bidla fil-mentalità, ma sseħħx mil-lum għal għada u teħtieġ sforzi konsiderevoli.

Dan il-proċess neċessarju ta' "immaniġġjar tal-bidla", li kien rakkomandat bil-qawwa mill-KE, illum għandu l-appoġġ tal-gvern il-ġdid Litwan (wara l-elezzjonijiet fl-2008), bil-Litwanja u l-NNPI jaċċettaw is-sjieda sħiħa tal-proċess tad-dekummissjonar.

Kien hemm dewmien gravi u nfiq żejjed fir-rigward tal-ippjanar u l-istimi tal-ispejjeż f'żewġ proġetti ewlenin ta' investiment infrastrutturali; Il-Proġett B1, il-proġett tal-ħżin u l-immaniġġjar tal-fjuwil użat, u l-Proġett B234, il-proġett tat-trattament u l-ħżin tal-iskart. Iż-żewġ proġetti jinsabu attwalment fil-fażijiet tal-kostruzzjoni tagħhom.

Madwar 30 % tal-għajnuna tal-UE ġiet allokata għal proġetti fis-settur tal-enerġija.

Għalkemm kien hemm dewmien f'xi proġetti tad-dekummissjonar li wassal għal spejjeż addizzjonali, dan id-dewmien għad ma kellux impatt dirett fuq il-perkors fundamentali tad-dekummissjonar. Madankollu, il-"marġni" tal-proġett intuża' kollu u ser ikunu meħtieġa sforzi sinifikanti sabiex jiġi evitat dewmien kbir u żidiet addizzjonali fl-ispejjeż.

Is-Slovakkja– l-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1

Impenn tal-għeluq u l-evoluzzjoni tal-iffinanzjar

L-NPP V1 fih żewġ reatturi VVER 440/230. L-organizzazzjoni responsabbli għas-superviżjoni ta' wara l-għeluq u għad-dekummissjonar tal-NNP V1 hija kumpanija proprjetà tal-istat (permezz tal-Ministeru tal-Ekonomija), il-"Jadrová a vyraďovacia spoločnosť a.s." (JAVYS).

L-Unità nru 1 ingħalqet għal dejjem fil-31 ta' Diċembru 2006 u l-unità nru 2 fil-31 ta' Diċembru 2008.

L-għajnuna totali mill-UE lis-Slovakkja bejn l-1999 u l-2013 hija prevista li tkun EUR 613[14] miljun.

Dekummissjonar u Soluzzjoni għall-Iskart

Saru xogħlijiet ta' tħejjija għad-dekummissjonar u ġiet elaborata d-dokumentazzjoni strateġika tad-dekummissjonar.

Xi proġetti ewlenin li ġew iffinanzjati mill-UE:

(Qabel) id-Dekummissjonar

It-tħejjija tal-pjan u d-dokumentazzjoni tal-ewwel fażi tad-Dekummissjonar tal-NNP V1;

Rikostruzzjoni ta' stazzjon awżiljarju bil-bojler u sistema tad-distribuzzjoni tas-sħana u l-fwar;

Rikostruzzjoni tas-sistema tal-protezzjoni taż-żona u modifikazzjonijiet tal-iskema JAVYS tal-forniment tal-enerġija wara l-għeluq definittiv tal-NNP V1;

L-implimentazzjoni tal-programm tad-dekummissjonar bl-użu tar-riżorsi umani disponibbli f'Bohunice NNP V1;

Sostenn ta' konsulenza lill-JAVYS;

Immaniġġjar tal-iskart

Żvilupp ta' ħżin interim RAW f'Bohunice

L-akkwist ta' kontenituri għall-ħżin tal-fjuwil użat

Trattament tal-iskart storiku - ħama u sorbenti

Soluzzjoni għall-enerġija

Il-programm Bohunice sostna miżuri biex jiġu mmitigati xi wħud mill-impatti negattivi fuq is-settur Slovakk tal-enerġija f'konformità mal-" Istrateġija għas-Sigurtà tal-Enerġija tar-Repubblika Slovakka sal-2030 ".

Xi proġetti ewlenin li ġew iffinanzjati mill-UE:

Ir-rikostruzzjoni tas-substazzjon ta' Križovany b'400kV;

Modifikazzjoni fis-settur tat-transmissjoni minħabba l-għeluq definittiv tal-NNP V1;

Effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku u faċilità finanzjarja għall-enerġija sostenibbli;

Skont id-dejta ppreżentata mill-BERŻ, l-azzjonijiet implimentati fis-soluzzjoni tal-enerġija wasslu għall-kumpens ekwivalenti ta' kważi 20 MWe tal-kapaċità mitlufa ta' ġenerazzjoni tal-elettriku wara l-għeluq tal-NNP V1.

Prestazzjoni

Mill-fondi totali disponibbli fil-BIDSF ( EUR 385.807 miljuni ), l-ammont allokat għall-proġetti definiti huwa ta' EUR 364.07 miljuni . L-ammont imħallas mill-UE lill-BIDSF huwa ta' EUR 157.80 miljuni .

Mill-bidu tal-programm diversi kwistjonijiet bħal: ir-riorganizzazzjoni tal-JAYS, diffikultajiet ta' komunikazzjoni bejn il-partijiet involuti; il-kriżi tal-gass fil-bidu tal-2009 kkontribwixxew għall-kumplessità tal-implimentazzjoni tal-programm u dewmien f'xi proġetti.

Minkejja dawn id-diffikultajiet, iż-żewġ unitajiet ġew finalment magħluqa skont l-iskeda u ġew miżmuma b'mod sikur. Issa jinsabu fil-fażi tad-dekummissjonar. Ma kien hemm l-ebda nuqqas jew qtugħ tal-elettriku wara l-għeluq. Bħala tali, il-prestazzjoni kumplessiva tista' titqies li kienet sodisfaċenti.

Id-dewmien li kien hemm f'xi proġetti jista' jkollu impatt negattiv fuq il-ħruġ tal-liċenzji tad-dekummissjonar (skedati għal nofs l-2011). Il-KE tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress biex jintlaħaq dan it-tir importanti.

Sa mill-31 ta' Diċembru 2009, id-distribuzzjoni tal-fondi allokati għas-soluzzjonijiet tad-"Dekummissjonar u l-Iskart" u l-"Enerġija" hija aċċettabbli, bil-prijorità tingħata lill-proġetti tad-"Dekummissjonar u l-Iskart" fil-perjodu sal-2013.

Il-Bulgarija – L-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Kozloduy

Impenn tal-għeluq u evoluzzjoni tal-iffinanzjar

L-unitajiet ta' NPPK nri 1-4 huma reatturi tat-tip VVER 440/230. Is-sid u l-organizzazzjoni responsabbli għad-dekummissjonar tal-unitajiet NPPK nri 1-2 hija l-Intrapriża Statali tal-Iskart Radjuattiv (SERAW) peress li dawn iż-żewġ unitajiet tneħħielhom il-fjuwil kollu. Għall-unitajiet nri 3-4 s-sid u l-organizzazzjoni responsabbli mid-dekummissjonar hija l-kumpanija tal-istat Natsionalna Elektricheska Kompania EAD.

L-Unitajiet nru 1 u 2 ingħalqu fil-31 ta' Diċembru 2002 u l-unitajiet nru 3 u 4 ngħalqu fil-31 ta' Diċembru 2006.

L-għajnuna totali mill-UE lill-Bulgarija bejn l-1999 u l-2013 hija prevista li tkun EUR 867.78[15] miljun.

Dekummissjonar u soluzzjoni għall-Iskart

Saru xogħlijiet ta' tħejjija għad-dekummissjonar u ġiet elaborata dokumentazzjoni strateġika tad-dekummissjonar. L-unitajiet nru 1 u 2 tneħħielhom il-fjuwil kollu. Il-qlub tar-reatturi tal-unitajiet 3 u 4 tneħħielhom il-fjuwil; madankollu għad baqa' xi fjuwil fil-pixxini tal-fjuwil tar-reattur.

Fl-2008, l-Unitajiet nru 1 u 2 ġew isseparati mill-unitajiet nru 3 u 4 u s-sjieda tal-unitajiet nru 1 u 2 għaddiet għand l-iSERAW. Din l-azzjoni saret bil-għan li jitħaffef id-dekummissjonar tal-unitajiet nru 1 u 2.

Xi proġetti ewlenin iffinanzjati mill-UE:

(Qabel) id-Dekummissjonar

Strateġija tad-Dekummissjonar aġġornata;

Sostenn għall-Implimentazzjoni tad-Dekummissjonar bl-użu tar-Riżorsi Umani disponibbli fl-unitajiet nru 1-4 tal-NPPK;

Il-bidu taż-żarmar ta' sistemi u faċilitajiet mhux rilevanti għas-sikurezza;

Kostruzzjoni ta' impjant tal-ġenerazzjoni tas-sħana;

Immaniġġjar tal-iskart

Tfassil ta' Faċilità Nazzjonali tar-Rimi;

Tfassil ta' repożitorju ta' livell baxx ħafna għall-iskart;

Sit ta' ħżin għad-dekompożizzjoni tar-RAW u skart konvezjonali;

Żvilupp ta' faċilitajiet tat-trattament tal-iskart fuq is-sit;

Kostruzzjoni ta' faċilità għall-ħżin tal-fjuwil użat xott fosthom kontenituri għal elementi ta' fjuwil użat tat-tip VVER 440.

Soluzzjoni għall-enerġija

Il-programm Kozloduy sostna miżuri biex jimmitiga l-konsegwenzi fis-settur tal-enerġija skont l- Istrateġija tal-Enerġija tal-Bulgarija.

Dawn li ġejjin huma xi proġetti ewlenin li ġew iffinanzjati mill-UE:

L-implimentazzjoni u l-Immaniġjar tar-Riabilitazzjoni tan-Netwerk tat-Tisħin tad-Distrett ta' Sofia;

Faċilità ta' Qafas ta' Kreditu għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli;

MARITSA EAST-2 – Installazzjoni ta' Sistema tat-Tneħħija tal-Ilma bil-Ġipsum u r-Riabilitazzjoni tal-Istazzjon tal-Pompa tat-Tkessiħ;

Ir-Restawr u l-Estensjoni tas-Sistema Nazzjonali ta' Distribuzzjoni tal-Elettriku;

Kostruzzjoni ta' pipelines tal-gass bi pressjoni għolja u stazzjonijiet tar-regolamentazzjoni tal-gass;

Skont id-dejta mill-BERŻ, l-azzjonijiet implimentati fis-soluzzjoni tal-enerġija wasslu għall-kumpens ekwivalenti ta' kważi 500 MWe tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku wara l-għeluq tal-unitajiet nri 1-4.

Prestazzjoni

Mill-fondi totali disponibbli fil-KIDSF ( EUR 606.744 miljuni ) l-ammont allokat għall-proġetti definiti huwa ta' EUR 540.875 miljuni . L-ammont imħallas mill-UE lill-KIDSF huwa ta' EUR 363.149 miljuni .

Il-programm ta' dekummissjonar twettaq f'kuntest politiku partikolarment sfavorevoli. Fl-2006 saru tentattivi biex l-għeluq jiġi pospost u għal darba oħra wara l-2006 biex ir-reatturi magħluqa jerġgħu jinfetħu. Minkejja dawn id-diffikultajiet il-prestazzjoni kumplessiva tal-programm tista' titqies sodisfaċenti ladarba l-unitajiet kollha ngħalqu kif preskritt fit-trattat tal-Adeżjoni.

L-unitajiet 1 u 2 tneħħielhom il-fjuwil kollu, il-ħżin tal-fjuwil użat xott kważi lest u bdew l-ewwel xogħlijiet ta' żarmar. It-trattament tal-iskart u l-faċilitajiet tal-ħżin qegħdin jiġu implimentati. Ma kien hemm l-ebda qtugħ tal-elettriku wara l-għeluq tal-unitajiet tar-reattur. L-impenn tal-gvern attwali tal-Bulgarija flimkien mas-separazzjoni tal-unitajiet nru 1 u 2 minn nru 3 u 4 ser isostni u jkollu impatt pożittiv fuq il-progress f'waqtu tal-programm ta' dekummissjonar.

Benefiċċju kbir li ġie minħabba l-assistenza mill-UE huwa l-bidla fl-istrateġija ta' dekummissjonar minn waħda ta' "żarmar deferit" għal "żarmar kontinwu - immedjat". Dan inaqqas il-ħin kumplessiv għad-dekummissjonar u jagħmel l-aħjar użu mill-persunal disponibbli biex isir ix-xogħol ta' żarmar. Dan ser ikollu impatt pożittiv fuq l-ispejjeż totali tad-dekummissjonar.

Proporzjon sustanzjali tal-fondi ġie allokat għal proġetti tal-enerġija biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-għeluq bikri.

KONKLUżJONI

L-unitajiet kollha deżenjati fil-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija ngħalqu b'mod sikur f'konformità mal-ftehimiet ta' adeżjoni tagħhom. Attwalment għaddejjin ix-xogħlijiet ta' dekummissjonar. Din is-sitwazzjoni ntlaħqet b'konsegwenza diretta tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm ta' assistenza mill-UE.

L-assitenza mill-UE ilha għaddejja sa minn qabel l-adeżjoni u l-għeluq tal-NPPs involuti. Matul dan iż-żmien il-Programmi ta' assistenza mill-UE ħabbtu wiċċhom ma' diversi diffikultajiet, kemm politiċi kif ukoll fuq livell tekniku. L-Istati Membri għamlu sforzi konsiderevoli biex jirrinegozjaw l-impenji politiċi tagħhom, mandankollu bis-saħħa tal-espressjoni tal-UE ta' solidarjetà u l-għoti ta' assistenza finanzjarja xierqa, il-pajjiżi kollha rrispettaw l-impenji tat-Trattat tal-Adeżjoni tagħhom li jagħlqu l-unitajiet tar-reatturi tagħhom.

Il-kundizzjonijiet parametriċi ta' kull pajjiż huma uniċi u jħallu impatt fuq l-għażla tat-teknoloġija, l-istrateġija u r-raġunament assoċjat mal-għażla tal-proġetti. Għalhekk, huwa diffiċli li jiġi preżentat paragun dirett tal-effikaċja tal-assistenza mill-UE pprovduta li kull Stat Membru. Qabel il-bidu tal-proġetti f'kull NPP saret valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet. L-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti bbenefikaw ukoll minn rievalwazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u l-pjanijiet ta' dekummissjonar.

Prestazzjoni

Il-daqs tal-problema li kellu kull pajjiż kienet funzjoni tat-tipi differenti ta' reatturi li kellhom jiġi dekummissjonati, l-istat tal-infrastruttura eżistenti meħtieġa biex issostni d-dekummissjar u l-isfidi tal-immanniġjar tal-iskart, il-possibbiltajiet li tiġi sostitwita l-kapaċità mitlufa ta' ġenerazzjoni tal-elettriku, l-ambjent regolatorju u politiku u l-għażla tal-istrateġija tad-dekummissjonar.

Minkejja d-diffikultajiet inizjali, ir-reatturi ngħalqu skont l-iskeda u l-biċċa l-kbira tneħħielhom il-fjuwil bħala l-ewwel pass importanti irrivesibbli tal-għeluq u d-dekummissjonar tal-NNPs.

F'kull Stat Membru l-finanzi disponibbli għall-proġetti qabżu l-ħlasijiet. Il-fondi ilhom jitqegħdu għad-dispożizzjoni fuq bażi annwali sa mill-1999 fi żmien meta l-Istati Membri kienu għadhom mhux kapaċi jużawhom kollha. B'konsegwenza akkumulaw xi fondi. Aktar reċentament dawn il-fondi ntużaw b'mod aktar effettiv u effiċjenti u ser jiġu assorbiti kollha fis-sentejn li ġejjin.

Intwera progress sinifikanti fit-tliet programmi matul l-aħħar snin u sal-aħħar tal-perjodu ta' rappurtar bil-maġġoranza tal-proġetti relatati mad-dekummissjonar u s-settur tal-enerġija jkunu identifikati jew imħejjija u b'porzjon sinifikanti minnhom li qiegħed diġà jiġi implimentat.

Fil-pajjiżi kollha l-biċċa l-kbira tal-fondi kienu indirizzati lejn id-dekummissjonar u proġetti relatati mal-immaniġġjar tar-RAW. Il-Litwanja u l-Bulgarija użaw porzjon sinifikanti għall-ħżin tal-fjuwil użat u l-immaniġġjar tal-iskart. Attwalment, il-faċilitajiet meħtieġa għad-dekummissjonar, it-trattament u l-ħżin tar-RAW u għall-fjuwil nukleari użat qegħdin jinbnew, id-dokumentazzjoni tal-liċenzjar qed titħejja u bdew l-ewwel xogħlijiet ta' tħejjija għad-dekummissjonar.

Is-settur tal-enerġija bbenefika meta l-proġetti kienu konformi mal-politiki tal-UE u nazzjonali dwar l-enerġija. L-assistenza tal-UE ngħatat minn stadju bikri lis-settur tal-enerġija sabiex jiġi indirizzat it-telf tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan l-approċċ wera li huwa partikolarment ta' benefiċċju u effettiv fil-każ tal-Bulgarija, fil-mitigazzjoni tal-effetti tal-kriżi riċenti fl-enerġija u din finanzjarja. Għalkemm kien hemm xi dewmien f'xi proġetti ta' dekummissjonar, dawn kienu indirizzati attivament ħalli jiġi mminimizzat l-impatt tagħhom fuq il-perkors fundamentali tad-dekummissjonar.

Il-qafas legali ta' pajjiż u l-istrutturi tal-immaniġġjar għadhom jiġi adattati filwaqt li jitqiesu l-bidliet mill-kumpaniji li jipproduċu l-elettriku għal organizzazzjonijiet ta' dekummissjonar.

Prospetti

Il-miżuri fid-dekummissjonar u s-soluzzjonijiet tal-enerġija ser jibqgħu sal-aħħar tal-perspettiva finanzjarja kif iggwidat mill-istrateġiji identifikati. Meta l-fondi jkunu limitati, il-proġetti relatati mad-dekummissjonar ser jiġu pprijoritizzati fuq il-proġetti marbuta mal-enerġija.

L-użu tal-għajnuna mill-UE fis-soluzzjoni tad-dekummissjonar ser jiffoka fuq it-tlestija tal-infrastruttura meħtieġa, it-trattament tar-RAW, ir-realizzazzjoni tal-liċenzji meħtieġa għad-dekummissjonar u fuq iż-żarmar. Ser jitwaqqfu organizzazzjoni tad-dekummissjonar u strutturi tal-immaniġġjar ġodda u ser jiġu rinforzati ħalli jindirizzaw l-attivitajiet ta' żarmar, filwaqt li tkompli l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta' żarmar mill-persunal tal-impjanti.

Il-proġetti fis-settur tal-enerġija jinsabu avvanzati sew. Attwalment l-azzjonijiet f'dan il-qasam qed jitqiesu li huma biżżejjed. Għalkemm l-impenn finanzjarju finali ser isir fl-2013, l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet relatati ma' dawn l-impenji ser testendi lil hinn minn din id-data.

L-għan tal-għajnuna tal-UE minn dejjem kien u jibqa' li tingħata għajnuna lill-Istati Membri aktar milli l-finanzjament sħiħ tad-dekummissjonar jew il-kumpens sħiħ tal-konsegwenzi tal-għeluq. L-għajnuna mogħtija għandha tiġi kkomplimentata b'riżorsi nazzjonali adegwati.

[1] Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea.

[2] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33 u p. 944

[3] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33 u p. 954

[4] ĠU L 157, 21.6.2005, p. 11 u p. 38

[5] ĠU L 411, 30.12.2006, p. 10

[6] ĠU L 131, 23.5.2007, p. 1

[7] ĠU L 189, 22.7.2010, p. 9

[8] Il-programm ta' għajnuna lill-pajjiż fiċ-ċentru u l-Lvant tal-Ewropa

[9] ĠU L 248, 16.09.2002, p. 1

[10] L-ittra ddatata l-4 ta' Ġunju 2007 mill-KE lil-Litwanja: Il-ħatra tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Programm Ignalina

[11] Il-Deċiżjoni tal-Kumissjoni dwar il-proċeduri relatati mal-programmar u l-monitoraġġ tal-miżuri u l-għajnuna finanzjarja skont il-programmi Bohunice u Ignalina għall-perjodu mill-2007 sal-2013 u skont il-programm Kozloduy għall-perjodu mill-2007 sal-2009 – C(2007)5538

[12] Impenji reali sal-aħħar tal-2009 + il-previżjoni għall-2010-2013

[13] Ħlas – kapitolu 3.3.1. u 3.3.2

[14] Impenji reali sal-aħħar tal-2009 u l-previżjoni għall-2010-2013

[15] Impenji reali sal-aħħar tal-2009 u l-previżjoni għall-2010-2013

Top