Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0382

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturalil-1 ta' Jannar 2000 – l-31 ta' Diċembru 2010

/* KUMM/2011/0382 finali */

52011DC0382

/* KUMM/2011/0382 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturalil-1 ta' Jannar 2000 – l-31 ta' Diċembru 2010


WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Żviluppi bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2010. 4

2.1. Emendi fil-leġiżlazzjoni 4

2.2. Pubblikazzjoni ta' informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali 5

2.3. Laqgħat tal-kumitat 5

2.4. Kuntest internazzjonali 5

2.4.1. Ratifikazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-UNESCO u tal-UNIDROIT 5

2.4.2. Mudell WCO/UNESCO taċ-Ċertifikat tal-Esportazzjoni 5

2.5. Kuntest Ewropew 5

3. L-implimentazzjoni tar-Regolament bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2010 6

3.1. Dejta statistika dwar l-implimentazzjoni mill-IstatiMembri 6

3.1.1. Użu tal-liċenzja standard tal-esportazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 6

3.1.2. Użu tal-liċenzja speċifika miftuħa kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 7

3.1.3. Użu tal-liċenzja ġenerali miftuħa kif stipulat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 7

3.1.4. Rifjut ta’ liċenzji standard 7

3.1.5. Kunsinni misjuba mhux konformi mar-regoli 8

3.2. Strateġija ta’ kontroll tal-awtoritajiet doganali 8

3.3. Limitazzjoni tal-uffiċċji doganali kompetenti 8

3.4. Kooperazzjoni amministrattiva 8

3.5. Użu ta' sistemi elettroniċi 9

3.6. Suġġerimenti mill-Istati Membri 9

3.6.1. Emendi għal-limiti ta’ ċerti kategoriji ta' oġġetti kulturali 9

3.6.2. Għodda sabiex jiġi żgurat skambju malajr ta’ informazzjoni 9

4. Konklużjonijiet 9

5. ANNESSI 11

5.1. Anness 1: Liċenzji standard tal-esportazzjoni 12

5.2. Anness 2: Liċenzji Standard tal-Esportazzjon 2003–2010 – evoluzzjoni 14

5.3. Anness 3: Liċenzji Speċifiċi Miftuħa 15

5.4. Anness 4: Persuni/Organizzazzjonijiet li Għandhom Liċenzji Speċifiċi Miftuħa 17

5.5. Anness 5: Liċenzji Ġenerali Miftuħa 18

5.6. Anness 6: Liċenzji Rifjutati tal-Esportazzjoni 20

5.7. Anness 7: Kunsinni Mhux Konformi 22

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009[1] tat-18 ta’ Diċembru 2008 (Verżjoni kodifikata), minn hawn 'il quddiem 'ir-Regolament Bażiku', jistipula d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti kulturali jkunu suġġetti għal kontrolli uniformi fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Il-kategoriji ta’ oġġetti kulturali koperti mir-Regolament huma elenkati fl-Anness I.

L-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali barra mit-territorju doganali tal-Unjoni hija suġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni. Tali liċenzja tinħareġ minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-oġġetti kulturali jkunu miżmuma b'mod legali. Għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti kulturali, liċenzja tal-esportazzjoni hija bżonnjuża biss jekk il-valur tal-oġġett jilħaq il-limitu finanzjarju korrispondenti stabbilit fl-Anness I mar-Regolament. Fejn huwa neċessarju, l-awtorità li hija kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzja tal-esportazzjoni tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-oġġett ikkonċernat. Il-kontrolli doganali jiżguraw li dawk l-oġġetti kulturali li jkollhom liċenzja valida tal-esportazzjoni biss jistgħu joħorġu mit-territorju doganali tal-Unjoni.

Id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tar-Regolament Bażiku huma stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 752/93[2] tat-30 ta’ Marzu 1993. Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi tliet tipi ta’ liċenzja tal-esportazzjoni: il-liċenzja standard, il-liċenzja speċifika miftuħa u l-liċenzja ġenerali miftuħa.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tressaq b’mod regolari rapport dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni tressaq fl-2000[3]. Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2010, fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Unjoni fl-intier tagħha qabel u wara ż-żewġ sessjonijiet konsekuttivi ta’ tkabbir tal-1 ta’ Mejju 2004 u tal-1 ta’ Jannar 2007.

Il-kummenti f’dan ir-rapport huma abbażi ta' informazzjoni mogħtija mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri bi tweġiba għal kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni li inkluda ġbir ta’ dejta dwar l-użu ta’ liċenzji għat-tliet snin bejn l-2000 u l-2010.

ŻVILUPPI BEJN L-1 TA’ JANNAR 2000 U L-31 TA’ DIċEMBRU 2010.

Emendi fil-leġiżlazzjoni

Ir-Regolament Bażiku oriġinali (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3911/92) ġie emendat darbtejn fil-perjodu taħt analiżi, kif ġej:

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/2001[4] stabbilixxa l-adattamenti neċessarji sabiex titqies l-introduzzjoni tal-ewro fl-1 ta’ Jannar 2002 u kkjarifika t-tifsira tal-limitu finanzjarju 'zero' li ġie applikat preċedentament, li kien ġie sostitwit bl-espressjoni ‘hu x'inhu l-valur’.

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003[5] adatta l-kliem innifsu tal-Artikolu 8 għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE[6] dwar il-‘komitoloġija’.

Ir-Regolament Bażiku oriġinali ġie rrevokat u sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 bħala riżultat ta’ eżerċizzju ta’ kodifikazzjoni. Il-kodifikazzjoni ġġib flimkien f’att legali ġdid wieħed id-dispożizzjonijiet kollha tal-att bażiku u l-emendi sussegwenti tiegħu, tħassar dispożizzjonijiet li ma għadhomx jintużaw u tarmonizza t-terminoloġija użata, b’hekk tagħmel il-leġiżlazzjoni aktar aċċessibbli u aktar trasparenti.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 752/93) ġie emendat darba fil-perjodu taħt analiżi. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 656/2004[7] issostitwixxa l-mudell standard tal-formula tal-liċenzja tal-esportazzjoni fl-Anness I sabiex jagħmlu konsistenti mal-Gwida għall-Preżentazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Dokumenti Kummerċjali[8], billi jżid noti ta’ spjega li jippermettulu jiġi mfassal b’mod uniformi u b’mod korrett. Introduċa wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jipproduċu l-formula b’mezzi elettroniċi.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu ugwalment ikun suġġett għal Kodifikazzjoni. Bħalissa għaddejja l-proċedura rilevanti.

Pubblikazzjoni ta' informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

Il-lista l-aktar riċenti tal-awtoritajiet bis-setgħa li joħorġu liċenzji tal-esportazzjoni għal oġġetti kulturali ġiet ippubblikata f’Lulju 2009[9] skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku.

Il-lista l-aktar riċenti tal-uffiċċji doganali bis-setgħa li jittrattaw il-formalitajiet għall-esportazzjoni tal-oġġetti kulturali ġiet ippubblikata f'Ġunju 2009[10] skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Bażiku.

Laqgħat tal-kumitat

Il-Kumitat konsultattiv dwar l-esportazzjoni u r-ritorn tal-oġġetti kulturali ltaqa’ tmien darbiet fil-perjodu taħt analiżi. Dan il-Kumitat jeżamina wkoll mistoqsijiet li jitqajmu mill-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru [11].

Kuntest internazzjonali

Ratifikazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-UNESCO u tal-UNIDROIT

Għalkemm li n-numru tar-ratifikazzjonijiet żdied fil-perjodu taħt analiżi, s’issa 22 Stat Membru biss irratifikaw il-Konvenzjoni tal-1970 tal-UNESCO[12] u 12 rratifikaw il-Konvenzjoni tal-1995 tal-UNIDROIT[13].

Mudell WCO/UNESCO taċ-Ċertifikat tal-Esportazzjoni

Fl-2005, id-WCO flimkien mal-UNESCO żviluppaw il-Mudell WCO/UNESCO taċ-Ċertifikat tal-Esportazzjoni għall-Oġġetti Kulturali sabiex tiġi armonizzata d-diversità taċ-ċertifikati tal-esportazzjoni madwar id-dinja sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli doganali u jkun possibbli li jiġu skoperti dokumenti foloz. Iċ-ċertifikat propost huwa bbażat fuq il-mudell standard tal-formula tal-liċenzja tal-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Kuntest Ewropew

Is-sistema introdotta fuq il-livell tal-UE fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rapport, hija kumplimentari għal strumenti u inizjattivi oħrajn li jimmiraw għall-protezzjoni tal-proprjetà kulturali.

Il-Kummissjoni ħarġet tliet rapporti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE[14], fl-2000, fl-2005 u fl-2009[15]. L-aħħar rapport ikkonkluda li għandha titqies reviżjoni tad-Direttiva. Skont dan, il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ ħidma ad hoc , fi ħdan il-Kumitat dwar l-esportazzjoni u ritorn ta’ oġġetti kulturali mmirat sabiex jidentifika problemi fl-applikazzjoni tad-Direttiva u jissuġġerixxi soluzzjonijiet. Il-grupp ta’ ħidma diġà lesta l-mandat tiegħu u l-konklużjonijiet tiegħu se jittressqu lill-Kumitat fl-2011. Minħabba li l-Anness ma’ din id-Direttiva huwa identiku għall-Anness I mar-Regolament Bażiku, deċiżjoni li tiġi emendata d-Direttiva jista’ jkollha impatt dirett fuq ir-Regolament.

Grupp ta’ Ħidma dwar il-Mobbiltà tal-Ġbir ġie stabbilit mill-Kunsill fil-Pjan ta’ Ħidma tiegħu għall-Kultura (2008-2010) fi ħdan il-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura[16]. Il-Grupp ressaq ir-rapport finali tiegħu f’Ġunju 2010[17]. Filwaqt li jitkompla l-bini fuq din il-ħidma u bħala parti mill-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2011-2014[18], Grupp ta’ Ħidma ġdid se jeżamina l-metodi u l-mezzi sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess tal-għoti u t-teħid b'self b’iffokar fuq l-iskemi tal-indemnità tal-Istat.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2008 enfasizzaw il-bżonn sabiex jiġi prevenut u jiġi miġġieled it-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tat kuntratt għal Studju dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali, li għandu jiġi konkluż sal-aħħar tal-2011.

L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT BEJN L-1 TA’ JANNAR 2000 U L-31 TA’ DIċEMBRU 2010

Dejta statistika dwar l-implimentazzjoni mill-IstatiMembri

Użu tal-liċenzja standard tal-esportazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni

Liċenzja standard tal-esportazzjoni normalment tintuża għal kull suġġett ta’ esportazzjoni mar-Regolament Bażiku. Fl- Anness 1 hemm inkluża ħarsa ġenerali tan-numru tal-liċenzji standard tal-esportazzjoni maħruġa mill-Istati Membri.

L-Anness 2 juri kif is-sitwazzjoni evolviet fil-perjodu taħt analiżi fir-rigward tan-numru tal-liċenzji li nħarġu, mill-EU 15 (2003) sal-EU 27 (2010). Juri wkoll liema sehem tat-total tal-liċenzji maħruġa jirrigwarda lill-Istati Membri differenti. Iċ-ċifri juru li l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali mill-Unjoni Ewropea hija kkonċentrata fi tliet Stati Membri, l-ewwel huwa r-Renju Unit b’medja ta’ 45% għall-perjodu ta’ bejn l-2000 u l-2010, warajh hemm l-Italja (madwar 26%) u Franza (madwar 15%).

Mit-tkabbir tal-1 ta’ Mejju 2004 'l hawn, 1% biss tal-għadd totali tal-liċenzji tal-esportazzjoni nħareġ mill-Istati Membri l-ġodda. Minn dawn, 46% kien jappartjeni għar--Repubblika Ċeka, l-uniku pajjiż li rrapporta numru sinifikanti tal-liċenzji maħruġa.

In-numru totali tal-liċenzji standard tal-esportazzjoni maħruġa żdied minn 16 117 fl-2000 għal massimu ta’ 21 557 fl-2007 (+ 34%), bi tnaqqis għal 18 176 fl-2010. Minħabba li n-numru tal-liċenzji standard tal-esportazzjoni maħruġa mill-Istati Membri l-ġodda huwa baxx ħafna, iż-żieda rreġistrata ma tistax tiġi attribwita lit-tkabbir

Użu tal-liċenzja speċifika miftuħa kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni

Liċenzja speċifika miftuħa tkopri l-esportazzjoni temporanja repetuta ta' oġġett kulturali speċifiku minn persuna jew organizzazzjoni partikolari. Taqsira tan-numru tal-liċenzji speċifiċi miftuħa li kienu fiċ-ċirkulazzjoni fl-Istati Membri hija inkluża fl- Anness 3 .

Iċ-ċifri juru li seba’ Stati Membri biss (il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja u r-Renju Unit) użaw din it-tip ta’ liċenzja, fejn jidher ċar li l-Polonja l-iktar li jużaha.

L- Anness 4 juri n-numru ta’ persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom liċenzja speċifika miftuħa.

Użu tal-liċenzja ġenerali miftuħa kif stipulat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni

Liċenzja ġenerali miftuħa tkopri kwalunkwe esportazzjoni temporanja ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk l-oġġetti kulturali li huma parti mill-kollezzjoni permanenti ta’ mużew jew ta’ istituzzjoni oħra. Taqsira tan-numru tal-liċenzji ġenerali miftuħa li kienu fiċ-ċirkulazzjoni fl-Istati Membri hija inkluża fl- Anness 5 .

Iċ-ċifri juru li tmien Stati Membri biss (il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja) użaw din it-tip ta’ liċenzja.

Għalkemm il-liċenzji speċifiċi u ġenerali miftuħa jintużaw f’numru limitat ta’ Stati Membri, dawn l-Istati Membri jirrapportaw li dawn huma strument importanti għall-ġestjoni u l-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali.

Rifjut ta’ liċenzji standard

Taqsira tan-numru tal-applikazzjonijiet għal-liċenzja li ġew rifjutati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri hija inkluża fl- Anness 6 .

Ir-raġunijiet ewlenin għaliex ġew rifjutati l-liċenzji kienu: i) il-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet mhux kompluti; ii) l-oġġett li għandu jiġi esportat instab li huwa teżor nazzjonali fl-Istat Membru kkonċernat.

Il-perċentwal tal-liċenzji rifjutati fl-Unjoni kollha huwa baxx ħafna u jikkorrispondi għal 0.3% tal-liċenzji kollha maħruġa.

Kunsinni misjuba mhux konformi mar-regoli

L- Anness 7 juri n-numru ta’ kunsinni misjuba li mhumiex konformi mar-regoli applikabbli. L-Istati Membri rrapportaw total ta’ 473 każ f’perjodu ta’ 10 snin, ċifra baxxa ħafna meta mqabbla man-numru totali tal-liċenzji maħruġa.

Uħud mill-Istati Membri indikaw li kunsinni mhux konformi ġeneralment instabu mill-awtoritajiet doganali tagħhom. Skont il-każ u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, sar segwitu mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-prosekuturi pubbliċi. F’ċerti każi s-sitwazzjoni tista’ tiġi stabbilita billi l-liċenzji tal-esportazzjoni jinħarġu b’mod retroattiv.

Strateġija ta’ kontroll tal-awtoritajiet doganali

Bosta mill-Istati Membri jindikaw li l-protezzjoni tal-oġġetti kulturali hija aspett importanti tal-politika tagħhom u għal din r-raġuni l-awtoritajiet doganali huma mħarrġa sabiex isibu l-esportazzjoni illegali ta’ oġġetti kulturali.

L-Istati Membri rrapportaw li s-servizzi doganali tagħhom jużaw ġestjoni tar-riskju għas-selezzjoni tal-kunsinni għall-kontrolli fuq l-esportazzjoni. Huma jindikaw li huma japplikaw rati miżjuda ta’ kontroll għal kunsinni ta’ ‘riskju għoli’.

Ċerti Stati Membri indikaw li huma jiffukaw b’mod partikolari fuq il-vjaġġaturi.

Limitazzjoni tal-uffiċċji doganali kompetenti

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Bażiku jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jillimitaw in-numru ta’ uffiċċji doganali bis-setgħa li jittrattaw formalitajiet għall-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali.

Disa’ Stati Membri (il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Portugall u r-Renju Unit) użaw din il-possibbiltà. Ġeneralment jitqies li jiġu permessi kontrolli aktar effiċjenti, kif ukoll kooperazzjoni aħjar mal-mużewijiet u mal-istituzzjonijiet xjentifiċi oħrajn li huma qrib l-uffiċċji doganali maħturin.

Kooperazzjoni amministrattiva

Bosta Stati Membri rrapportaw kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet differenti involuti (l-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzja, id-dwana, il-pulizija) fuq livell nazzjonali. Din il-kooperazzjoni tiddependi fuq laqgħat regolari kif ukoll attivitajiet konġunti ta’ taħriġ . F’ċerti Stati Membri l-kooperazzjoni hija organizzata fuq il-bażi ta’ memoranda ta’ ftehim jew arranġamenti simili stabbiliti bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

L-Italja rrapportat li l-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzja huma marbuta b’mod dirett mal-Comando Carabinieri Tutela Patrimonio Culturale, unità speċjali tal-puliżija għall-oġġetti kulturali.

Ċerti Stati Membri rrapportaw livelli insuffiċjenti ta’ kooperazzjoni fuq il-livell tal-UE. Fl-2003 sar ftehim dwar il-linji gwida għall-kooperazzjoni amministrattiva bħala riżultat ta' ħidma li saret fi ħdan il-Kumitat dwar l-esportazzjoni u ritorn ta’ oġġetti kulturali. Minkejja dan instab li huwa diffiċli biex dan l-istrument ta’ ħidma jinżamm aġġornat.

Fuq livell internazzjonali hemm kooperazzjoni li tinvolvi korpi bħal EUROPOL u INTERPOL.

Użu ta' sistemi elettroniċi

L-applikkar għal liċenzja tal-esportazzjoni permezz ta’ formuli elettroniċi xorta mhijiex possibbli fil-parti kbira tal-Istati Membri. Anke f’dawk il-każi fejn il-formuli elettroniċi huma disponibbli, l-applikazzjoni effettiva trid tingħata fuq karta.

Ċerti Stati Membri indikaw li huma qegħdin jiżviluppaw sistemi elettroniċi sabiex jippermettulhom li jkun hemm preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji tal-esportazzjoni għal oġġetti kulturali.

Suġġerimenti mill-Istati Membri

Emendi għal-limiti ta’ ċerti kategoriji ta' oġġetti kulturali

L-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku jipprovdi għall-possibbiltà li jkun hemm aġġornament tal-limiti finanzjarji indikati fl-Anness I, fuq il-bażi tal-indikaturi ekonomiċi u monetarji.

Diskussjonijiet fil-Kumitat dwar l-esportazzjoni u ritorn ta’ oġġetti kulturali urew li parti kbira mill-Stati Membri mhumiex favur bidla tal-limiti eżistenti u għalhekk mhux previst li l-Kummissjoni tressaq proposta għal aġġornament.

Għodda sabiex jiġi żgurat skambju malajr ta’ informazzjoni

Numru ta’ Stati Membri esprimew l-opinjoni li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni tista’ tissaħħaħ u li s'issa d-dettalji tal-kuntatt għandhom ikunu aċċessibbli permezz ta' għodda bbażata fuq l-internet.

Bi tweġiba għal dawn is-suġġerimenti l-Kummissjoni ddeċidiet li toħloq Grupp ta’ Interess speċjali dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali fi ħdan is-CIRCA. Dan huwa għodda estranet immirat lejn il-bżonnijiet tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, li jipprovdi spazju privat fuq l-Internet għall-iskambju ta’ informazzjoni u dokumenti, kif ukoll fonzjunalitajiet oħrajn.

Ġo dan l-ispazju nħoloqot taqsima li jkollha l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali. Minkejja dan instab li huwa diffiċli biex din l-informazzjoni tinżamm aġġornata.

KONKLUżJONIJIET

L-Istati Membri ma rrappurtaw ebda problemi kbar fl-implimentazzjoni ta’ kuljum tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu. Jidher li s-sistema introdotta fl-1993 għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni fil-fatt intużat minn nurmu kbir tal-Istati Membri, anke jekk fuq livelli differenti ħafna.

It-tħaddim tas-sistema jista’ jitjieb billi jiġu żviluppati mekkaniżmi għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ser issegwi l-iżviluppi fil-kuntest ta’ inizjattivi oħra fuq il-livell tal-UE u dak internazzjonali li jistgħu jkunu ta' rilevanza għas-suġġett ta’ dan ir-rapport. Se tagħti attenzjoni partikolari għall-konklużjonijiet tal-Istudju dwar it-traffikar illegali msemmi skont il-paragrafu 2.5. Fejn ikun hemm il-bżonn għal aktar titjib fis-sistema huwa identifikat bħala riżultat ta’ dawn l-inizzjattivi, il-Kummissjoni se tkun lesta sabiex tindirizza l-kwistjoini.

* * *

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonimiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport:

ANNESSI

Anness 1: Liċenzji standard tal-esportazzjoni[19]

Sena |

| 2000 |2001 |2002 |2003 |2004 |2005 |2006 |2007 |2008 |2009 |2010 | |BE | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |n/a |n/a | | BG | | | | | | | |21 |5 |0 |0 | | CZ | | | | |0 |0 |0 |0 |61 |2 |53 | | DK | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |1 |1 |n/a |n/a | | DE | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | EE | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | IE | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | EL | 0 |0 |0 |1 |2 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | ES | 0 |0 |0 |1 |1 |0 |0 |0 |0 |n/a |n/a | | FR | 17 |18 |17 |18 |6 |12 |12 |7 |22 |28 |18 | | IT | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | CY | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | LV | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | LT | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | LU | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |n/a |n/a | | HU | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |n/a |n/a | | MT | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | NL | 0 |0 |0 |0 |0 |1 |0 |0 |0 |0 |3 | | AT | 0 |0 |0 |0 |0 |1 |1 |0 |0 |1 |1 | | PL | | | | |79 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | PT | 0 |1 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | RO | | | | | | | |0 |0 |0 |0 | | SI | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |n/a |n/a | | SK | | | | |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 | | FI | 0 |0 |0 |0 |7 |6 |2 |0 |1 |0 |1 | | SE | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |2 |1 |0 |3 | | UK | 9 |9 |3 |1 |2 |3 |0 |6 |0 |2 |3 | | | | | | | | | | | | | | | Total |26 |28 |20 |21 |97 |23 |15 |37 |91 |33 |82 | |

[pic]

[1] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat- 18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1). Dan ir-Regolament issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3911/92 tad-9 ta' Diċembru 1992 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali (ĠU L 395, 31.12.1992, p. 1), li ilu jiġi applikat mit-30 ta’ Marzu 1993.

[2] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 752/93 tat-30 ta' Marzu 1993, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ghall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3911/92 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kultural (ĠU L 77, 31.3.1993, p. 24).

[3] Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3911/92 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali u tad-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE dwar ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, (COM (2000)325 tal-25 ta' Mejju 2000).

[4] Ir-Regoalment tal-Kunsill (KE) Nru 974/2001 tal-14 ta' Mejju 2001 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3911/92 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali (ĠU L 137, 19.5.2001, p. 10)

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003 tal-14 ta' April 2003 li jaddatta għad-Deċiżjoni 1999/468/KE id-disposizzjonijiet rigward il-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni (maġġoranza kkwalifikata) (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

[6] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

[7] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 656/2004 tas-7 ta' April 2004 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 752/93 li jistabbilixxi disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3911/92 fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 50)

[8] Gwida għall-Preżentazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Dokumenti Kummerċjali, New York u Ġinervra, 2002 (ECE/TRADE/270).

[9] ĠU C 164, 16.7.2009, p. 6.

[10] ĠU C 134, 13.6.2009, p. 9.

[11] Id-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 1993 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 74, 27.3.1993, p. 74).

[12] Il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u l-Prevenzjoni tal-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Trasferiment ta' Titolu Illeċiti ta' Proprjetà Kulturali. Pariġi tal-14 ta’ Novembru 1970. ratifikata mill-Istati Membri li ġejjin: il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit

[13] Il-Konvenzjoni ta’ UNIDROIT dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment, Ruma. L-24 ta’ Ġunju 1995; ratifikata mill-Istati Membri li ġejjin: id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja.

[14] Ara n-nota 11 ta’ hawn fuq.

[15] COM(2000)325 tal-25.5.2000 (ara n-nota 3 ta’ hawn fuq), COM(2005)675 tal-21.12.2005 u COM(2009)408 tat-30.7.2009.

[16] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1).

[17] Ir-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kulturali dwar it-titjib tal-mezzi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-kollezzjonijiet, OMC Grupp ta’ Ħidma Espert dwar il-Mobbiltà tal-Kollezzjonijiet, Ġunju 2010.

[18] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 (ĠU C 325, 2.12.2010, p. 1).

[19] Jista' jkun hemm differnzi żgħar f’dawn iċ-ċifri għall-istati Membri li rrappurtaw l-istatistiċi tagħhom bil-kategorija, minħabba li liċenzja waħda tista’ tinkludi aktar minn kategorija waħda.

Top