This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0376
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE, AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS AND THE COURT OF AUDITORS ON THE COMMISSION ANTI-FRAUD STRATEGY
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE, AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS AND THE COURT OF AUDITORS ON THE COMMISSION ANTI-FRAUD STRATEGY
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE, AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS AND THE COURT OF AUDITORS ON THE COMMISSION ANTI-FRAUD STRATEGY
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-QORTI TAL-AWDITURI DWAR L-ISTRATEĠIJA TAL-KUMMISSJONI KONTRA L-FRODI WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Strateġija komprensiva tal-Kummissjoni kontra l-frodi 5 2.1. Prinċipji bażiċi u prijoritajiet 8 2.2. Prevenzjoni u sejba tal-frodi 9 2.2.1. L-istrateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni 10 2.2.2. Ir-rwol tal-OLAF fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji 11 2.2.3. Kontrolli sistematiċi u analiżi tar-riskju 12 2.2.4. Trawwim ta' għarfien u taħriġ 13 2.3. Investigazzjonijiet 14 2.3.1. Investigazzjonijiet tal-OLAF 14 2.3.2. Informaturi u whistleblowers 15 2.4. Sanzjonijiet 15 2.5. L-Irkupru 16 2.6. Strumenti oħra orizzontali għall-prevenzjoni tal-frodi 16 2.6.1. Standards leġiżlattivi internazzjonali 16 2.6.2. Etika u integrità 17 2.6.3. Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni 17 2.6.4. Appalti u għotjiet 17 3. Monitoraġġ ta' implimentazzjoni u rappurtar dwarha 18 INTRODUZZJONI B'din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni qed ittejjeb u timmodernizza l-Istrateġija tagħha Kontra l-Frodi. L- għan ġenerali ta' din l-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi huwa li ttejjeb il- prevenzjoni, is-sejba u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet tal-frodi u li tikseb reparazzjoni adegwata u deterrent, b'sanzjonijiet proporzjonati u dissważivi, u li tirrispetta l-proċess dovut , speċjalment bl-introduzzjoni ta' strateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizz tal-Kummissjoni li jirrispetta u jiċċara r-responsabbiltajiet differenti tal-partijiet interessati varji. L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jobbliga lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi hija għalhekk obbligu ġenerali tas-Servizzi kollha tal-Kummissjoni fil-qafas tal-attivitajiet ta' kuljum tagħhom li jinvolvu l-użu tar-riżorsi. Il-Kummissjoni Ewropea timplimenta l-baġit tal-UE skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda (l-Artikolu 317 tat-TFUE). Hija tinsab impenjata biex tiżgura li l-qafas, il-politiki, ir-regoli u l-proċeduri fis-seħħ jippermettu l-prevenzjoni effettiva u s-sejba tal-frodi[1]. Il-ġestjoni u r-responsabbiltà finanzjarja ġew imsaħħa. Is-Servizzi tal-Kummissjoni[2] huma responsabbli mill-ġestjoni tar-riżorsi operazzjonali u amministrattivi allokati lilhom biex jimplimentaw il-politiki tal-UE jew biex jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet tal-UE b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-ispejjeż u billi jitnaqqas il-piż amministrattiv kemm jista' jkun. F'dan ir-rigward is-Servizzi tal-Kummissjoni[3] huma responsabbli biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jipprovdu sikurezza raġonevoli biex jinkisbu l-prevenzjoni u sejba tal-frodi u l-irregolaritajiet[4]. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi. Huwa juża l-esperjenza u l-għarfien tiegħu biex jappoġġja Servizzi tal-Kummissjoni oħra fil-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi[5] u l-irregolaritajiet[6]. Il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi huma fil-qalba tal-politiki tal-Kummissjoni kontra l-frodi. Madanakollu, fatturi oħra huma daqstant importanti, l-aktar l-investigazzjoni effettiva u effiċjenti, irkupru fil-pront ta' flus li ma kellhomx jitħallsu mill-baġit tal-UE, u sanzjonijiet li jservu bħala deterrent. L-Istati Membri jamministraw kważi d-dħul kollu mill-baġit tal-UE. Huma jaqsmu wkoll il-ġestjoni ta' madwar madwar 80 % tan-nefqa tal-baġit mal-Kummissjoni. L-20% li jifdal huma ġestiti direttament mis-Servizzi tal-Kummissjoni, parzjalment flimkien mal-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Parlament Ewropew (il-PE)[7], il-Kunsill[8] u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri[9] għamlu sejħa, fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet tal-proċeduri ta' rilaxx u riżoluzzjonijiet u rapporti varji oħra, għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Madanakollu, il-Kunsill[10] u l-Parlament[11] ukoll talbu għas-simplifika u l-evitar tal-piżijiet amministrattivi fil-programmi Ewropej. Il-Kummissjoni għalhekk għandha bżonn li ssib bilanċ bejn kontroll ta' spiża effettiva u simplifikazzjoni. Fl-2010 l-Kunsill adotta l-Programm multiannwali ta' Stokkolma[12] għall-politiki fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertajiet ċivili u s-sigurtà. Huwa jsejjaħ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u forom oħra ta' kriminalità finanzjarja. Dan jinkludi l-bini tal-kapaċità għall-investigazzjonijiet finanzjarji u biex jiġi ċċarat min huma 's-sidien benefiċjarji' tal-assi. Fl-2011, se jittieħdu għadd ta' inizjattivi biex titħarrax il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni li taffettwa l-flus pubbliċi tal-UE: Il-proposta tal-Kummissjoni għall- emendar tal-qafas legali tal-OLAF[13] għandha l-għan li żżid l-effiċjenza u l-ħeffa tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, li ssaħħaħ il-garanziji proċedurali, kif ukoll li tirrinforza l-kooperazzjoni tal-OLAF mal-Istati Membri u li ittejjeb il-governanza tiegħu. Il- Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi[14] tistabbilixxi kif il-Kummissjoni biħsiebha tissalvagwardja l-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa fil-livell tal-UE kontra attivitajiet illegali, inkluż theddid impost mill-korruzzjoni minn ġewwa u minn barra l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Komunikazzjoni tindika opportunitajiet għat-titjib tal-qafas legali kriminali, ta' għodod proċedurali għall-investigaturi u l-prosekuturi, kif ukoll żviluppi istituzzjonali possibbli bħat-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku. Il- Komunikazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE[15] , li tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, tistabbilixxi mekkaniżmu għar-rappurtar tal-korruzzjoni għal valutazzjoni perjodika tal-Istati Membri ('Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni'). Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 jinkludi wkoll Proposta għal qafas legali ġdid dwar il-konfiska u l-irkupru ta' assi kriminali taħt l-intestatura "Inizjattivi għall-Ħarsien tal-Ekonomija Leċita".[16] Din l-Istrateġija Kontra l-Frodi, li tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, tittratta prinċipalment l-aspetti ta' amministrazzjoni tajba. Dawn il-komunikazzjonijiet kollha, flimkien jiżviluppaw il-politiki futuri tal-UE kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni b'qafas koerenti u komprensiv. L-Istrateġija ta' Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni hija primarjament indirizzata lis-Servizzi tal-Kummissjoni u se tirrinforza l-politiki tal-UE u se tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE. Hija tikkumplimenta l-orjentazzjonijiet tal-politika fundamentali tal-Kummissjoni li ġew preżentati fil-Komunikazzjonijiet riċenti tagħha dwar Ewropa 2020[17] u fir-Reviżjoni tal-Baġit,[18] u li kienu ssottolineaw għanijiet importanti għas-simplifikazzjoni u l-koerenza tar-regoli tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin iżżomm standards għoljin ta' responsabbiltà u tkun konxja mir-riskji finanzjarji. STRATEġIJA KOMPRENSIVA TAL-KUMMISSJONI KONTRA L-FRODI Il-frodi jaffettwaw il-baġit tal-UE — fejn ninsabu u x'inhuma l-isfidi li qed naffaċċjaw? L-aħħar strateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi ġiet adottata fis-sena 2000[19] u l-Pjanijiet ta' Azzjoni li segwewha għall-2001-2003 u l-2004-2005 ħolqu bażi għal politika komprensiva tal-UE kontra l-frodi.[20] Il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni u dwar il-progress fl-iżvilupp tal-politiki kontra l-frodi fir-rapporti annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi mill-2001 sal-2005.[21] Fl-2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi[22] flimkien ma' Komunikazzjoni dwar id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-OLAF u s-Servizzi tal-Kummissjoni għan-nefqa taħt ġestjoni maqsuma, fejn is-Servizzi assumew ir-responsabbiltà għall-insegwiment finanzjarju tal-irregolaritajiet u l-frodi.[23] L-implimentazzjoni ta' dawn il-Komunikazzjonijiet turi li l-esperjenza tal-OLAF, miksuba mill-esperjenza investigattiva, tista' tipprovdi kontribut prezzjuż lill-Kummissjoni. Il-kuntest kurrenti tat-tħejjija ta' qafas finanzjarju multiannwali ġdid (MFF) jagħti lill-Kummissjoni l-opportunità li tirrinforza l-istrateġiji kontra l-frodi fil-politiki differenti kollha tal-UE. L-MFF għall-perjodu wara l-2013 se jiġi appoġġjat mill-proposti leġiżlattivi speċifiċi ġodda għall-programmi tal-UE. Filwaqt li jikkumplimentaw l-għan ġenerali ta' simplifikazzjoni, dawn għandhom jinkludu miżuri adatti kontra l-frodi. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li ttejjeb aktar id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kontra l-frodi b'mod proporzjonat u kost effettiv. Dan il-proċess se jagħti kas tal-azzjonijiet li diġà qegħdin jittieħdu mis-Servizzi tal-Kummissjoni. Dawk li jwettqu l-frodi, b'mod partikolari l-kriminalità organizzata, jadattaw malajr għal ċirkostanzi ġodda. Il-Kummissjoni trid tkun f'pożizzjoni li taffaċċja tali sfidi ġodda. Il-kuntest li qed jinbidel tal-frodi jirrikjedi aġġustament kontinwu għall-politiki tal-UE kontra l-frodi. Il-prevenzjoni u s-sejbien tal-frodi huma kwistjoni ewlenija tal-governanza li l-Kummissjoni tinsab impenjata li tindirizza fil-livelli kollha u matul iċ-ċiklu sħiħ ta' nefqa/dħul. Il-baġit tal-UE jiġi mill-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi u jrid jintuża biss għall-implimentazzjoni tal-politiki li tkun approvat il-leġiżlatura tal-UE. Minkejja dan, fl-2009, l-Istati Membri rrappurtaw valur ta' EUR 279.8 miljun ta' każijiet ta' frodi suspettati li jinvolvu fondi tal-UE maniġġjati fil-pajjiżi rispettivi tagħhom[24]. Dan huwa biss indikatur tal-impatt finanzjarju tal-kwistjoni, u ma jfissirx li se jkun hemm biżżejjed provi, jew li l-flus ma jistgħux jiġu irkuprati. Imma juri li jridu jsiru sforzi ta' prevenzjoni u li l-miżuri fis-seħħ iridu jiġu adottati regolarment biex jipprevedu skemi ġodda ta' frodi. Min-naħa l-oħra, il-kontrolli addizzjonali li l-Kummissjoni qed tissuġġerixxi li ddaħħal fis-seħħ għandhom ikunu proporzjonali, effiċjenti u kost effettivi. Minħabba li l-frodi spiss jinvolvi skemi organizzati bir-reqqa u sofistikati biex jinżammu mistura, ir-riskju li jibqgħu mistura huwa ogħla milli għal irregolaritajiet oħra u għalhekk is-sistemi ta' kontra l-frodi, biex ikunu effiċjenti, iridu jkunu aktar intelliġenti u aktar sofistikati u għalhekk x'aktarx li jiswew aktar. Il-valur marġinali tal-frodi li x'aktarx jinstab u jiġi korrett mill-Istati Membri u l-Kummissjoni b'riżultat tal-kontrolli addizzjonali kontra l-frodi jridu jaqbżu l-ispiża marġinali tal-kontrolli u l-ispejjeż addizzjonali, filwaqt li jingħata kas ukoll tar-riskju għar-reputazzjoni. Barra minn hekk, il-miżuri kontra l-frodi jridu jinkisbu f'konformità mal-għan dikjarat tal-Kummissjoni li ma jkunx hemm żieda fir-riżorsi u li jitnaqqsu l-appoġġ amministrattiv u l-funzjonijiet tal-koordinazzjoni.[25] Fil-każ ta' investimenti addizzjonali, dawn iridu jinkisbu permezz ta' riallokazzjoni tal-persunal fi ħdan is-Servizzi f'konformità ma' dawn il-prinċipji. Il-Kummissjoni diġà żviluppat u qed tiżviluppa miżuri kontra l-frodi. L-eżempji segwenti tal-aħjar prattiki juru l-potenzjal ta' miżuri mfassla tajjeb kontra l-frodi: Għal azzjonijiet strutturali,[26] il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ Strateġija Konġunta għall-Prevenzjoni tal-Frodi li l-għanijiet tagħha huma li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tindirizza l-frodi, li tqajjem kuxjenza fl-Istati Membri u fis-Servizzi tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-prevenzjoni tal-frodi u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-OLAF. Din l-Istrateġija Konġunta għall-Prevenzjoni tal-Frodi ssaħħaħ il-miżuri eżistenti għall-Fondi konċernati, u se tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Kontra l-Frodi f'dan il-qasam tal-baġit. Servizzi oħra tal-Kummissjoni, bħal dawk responsabbli mill-politiki ta' riċerka, ukoll adottaw strateġiji speċifiċi kontra l-frodi li jisfruttaw id-dejta disponibbli għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi. Madanakollu, mhux is-Servizzi kollha tal-Kummissjoni li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE jsegwu strateġija sistematika bħal din, sa issa. L-iżvilupp tal-istrateġija 'Pluto' għas-sejba u l-prevenzjoni tal-frodi : Il-proġett Pluto twaqqaf biex jgħin lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Soċjetà tal-Informazzjoni biex itejjeb il-kapaċitajiet ta' verifika u l-funzjonijiet ta' kontroll tiegħu permezz tal-provvediment ta' għodod analitiċi qawwija u informazzjoni dwar indikaturi tal-frodi bażati fuq l-esperjenza operazzjonali tal-OLAF. B'din l-istrateġija kien possibbli li jinstabu ħafna aktar każijiet ta' frodi suspettati.[27] Minħabba s-suċċess tal-proġett, notevolment f'termini ta' sejbien fil-ħin ta' każijiet ta' frodi, kien hemm interess kbir minn Servizzi tal-Kummissjoni operazzjonali oħra fl-implimentazzjoni ta' tali strateġija. Dan se jiġi faċilitat. Pjattaforma unika teknika għall-iskambju sigur tad-dejta bejn l-awtoritajiet doganali u oħrajn nazzjonali relevanti, inkluż l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE[28] (awtoritajiet ta' kontra l-ħasil tal-flus), aċċessibbli bl-użu ta' browser tal-internet ġie żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem " Mutual Assistance Broker (MAB)". Hija tippermetti skambju sigur tal-informazzjoni rigward movimenti illeċiti stabbiliti jew suspettati ta' oġġetti jew flus kontanti li jidħlu jew iħallu l-UE u hekk ma jibqax il-bżonn ta' kontribut ta' dejta dupplika u li tinvolvi ħafna xogħol, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta. Regoli ġodda tal-IT jistgħu jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-piż amministrattiv biex jinstabu l-frodi u l-irregolaritajiet anke għall-ġestjoni tad-dħul tal-baġit. Il-Kummissjoni żviluppat kors ta' taħriġ biex tqajjem kuxjenza dwar il-frodi bażat fuq każijiet reali li ltaqgħu magħhom is-servizzi tal-Kummissjoni. Dan it-tip ta' taħriġ imfassal apposta se jiġi żviluppat bl-użu ta' każijiet reali li ltaqgħu magħhom ukoll servizzi oħrajn tal-Kummissjoni, u se jiġi offrut fuq bażi regolari kif indikat fit-Taqsima 2.2.4. Prinċipji bażiċi u prijoritajiet X'inhuma l-prinċipji bażiċi tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi? L-Istrateija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi tapplika kemm għan-nefqa kif ukoll għad-dħul tal-baġit. Il- prinċipji ta' gwida ewlenin u l-istandards fil-mira f'dan il-qasam ta' politika tal-Kummissjoni huma dawn segwenti: Etika. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet l-oħra responsabbli mill-ġestjoni tal-fondi tal-UE jridu josservaw l-ogħla standards ta' komportament etiku u integrità. Il-persunal tagħhom irid jikkonforma ma' dawn l-istandards u jrid jiġi mħarreġ b'mod adegwat kemm dwar ir-riskji tal-frodi kif ukoll dwar il-bżonn tal-ġlieda kontra l-frodi. Żieda fit-trasparenza. Din hija għodda importanti fil-ġlieda kontra l-frodi. L-informazzjoni relevanti dwar l-użu tal-fondi tal-UE għandha kemm jista' jkun tkun disponibbli fil-format li jista' jiġi verifikat, imqabbel u analizzat għall-finijiet ta' kontra l-frodi, soġġett għar-regoli relevanti tal-protezzjoni tad-dejta.[29] Prevenzjoni tal-frodi. It-tfassil tal-programmi tal-infiq huwa l-ewwel stadju għal prevenzjoni effettiva tal-frodi. Għalhekk, l-analiżi tal-potenzjal tal-vulnerabbiltà għall-frodi se tkun inkluża fi studji tal-fattibbiltà u valutazzjonijiet tal-impatt, fejn ikun relevanti. Fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-programmi, monitoraġġ kost effettiv u bażat fuq ir-riskju u mekkaniżmi ta' kontroll għandhom jiżguraw mitigazzjoni tajba tar-riskju tal-frodi. Kapaċità ta' investigazzjoni effettiva. Għodod u inċentivi adegwati huma importanti għas-sejba u l-investigazzjoni effettiva tal-frodi. Meta jkun hemm suspett ta' frodi, il-korpi ta' kontra l-frodi jeħtieġu aċċess diskret għall-informazzjoni neċessarja, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-korpi konċernati b'rekord tal-verifika u f'konformità mar-regolamenti fis-seħħ. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi konċernati jeħtieġu informazzjoni adegwata u fil-ħin mill-korp investigattiv sabiex jieħdu miżuri ta' prekawzjoni u jipprevjenu l-kontinwazzjoni ta' irregolaritajiet jew frodi li jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE. Whistleblowers, xhieda u informaturi għandhom bżonn ta' proċeduri faċli, siguri u mgħaġġla biex jirrapportaw il-frodi. Sanzjonijiet . Il-ġustizzja trid tinkiseb permezz ta' smigħ xieraq u fi żmien raġonevoli. Il-proċeduri jridu jipprovdu għal standards imtejba ta' smigħ xieraq u jużaw mekkaniżmi li jippermettu azzjoni mgħaġġla u indipendenti. Barra s-sanzjonijiet adegwati, persuni misjuba ħatja u sanzjonati amministrattivament jeħtieġ li jitteħdilhom b'mod effettiv id-dħul mir-reat li jkunu wettqu u r-riżorsi miksuba bi frodi jridu jinkisbu lura. Kooperazzjoni tajba bejn atturi interni u esterni. B'mod partikulari, kooperazzjoni tajba bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, u bejn is-Servizzi tal-istituzzjonijiet kollha konċernati, hija prerekwiżit sabiex issir ġlieda effiċjenti kontra l-frodi. Il-Kummissjoni tagħti kas tar-rwol importanti tas-sħab tal-implimentazzjoni tagħha, notevolment fi ħdan is-sistemi ta' ġestjoni maqsuma. Fejn jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-Kummissjoni? L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi se tipprovdi l-miżuri kontra l-frodi fl-oqsma tal-prevenzjoni u s-sejba (2.2.), tal-investigazzjonijiet (2.3.), sanzjonijiet (2.4.), irkupru (2.5.) u politiki oħra orizzontali ta' prevenzjoni tal-frodi bħall-etika u l-integrità; it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni; u l-appalti u l-għotjiet (2.6.). Il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati bħala materja ta' prijorità huma relatati mal-prevenzjoni tal-frodi: 1. Dispożizzjonijiet adegwati kontra l-frodi fil-proposti tal-Kummissjoni dwar programmi ta' nfiq taħt il-qafas finanzjarju multiannwali ġdid, fid-dawl tal-analiżi tal-impatt, kif imsemmi fit-taqsima 2.2.1; 2. L-iżvilupp ta' strateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizz tal-Kummissjoni bl-għajnuna tal-OLAF (taqsima 2.2.2.) u tas-Servizzi ċentrali, u l-implimentazzjoni tagħhom (taqsimiet 2.2.1 sa 2.2.3 u 2.2.4); kif ukoll 3. Ir-reviżjoni tad-direttivi tal-akkwisti pubbliċi bil-għan li jiġi indirizzat il-bżonn għas-simplifikazzjoni filwaqt li jiġu limitati r-riskji tal-frodi fl-appalti fl-Istati Membri (taqsima 2.6.4). Dawn il-prijoritajiet se jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-aħħar tal-2013. Il-miżuri l-oħra stabbiliti f'din l-Istrateġija Kontra l-Frodi se jiġu implimentat mhux aktar tard minn tmiem l-2014. Prevenzjoni u sejba tal-frodi Il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi u l-irregolaritajiet[30] huma għanijiet li jridu jinkisbu permezz tal-proċess tal-kontroll intern fi ħdan il-Kummissjoni li huwa applikabbli fil-livelli kollha tal-ġestjoni.[31] L-entitajiet kollha li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE huma marbuta legalment li jipprevjenu l-irregolaritajiet u l-frodi li jaffettwaw il-baġit tal-UE. F'termini prattiċi, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u sħab implimentattivi oħrajn għandhom l-obbligu li jdaħħlu fis-seħħ proċeduri tal-kontroll intern imfassla biex jipprevjenu u jsibu l-irregolaritajiet, l-iżbalji u l-frodi.[32] Il-kontrolli mmirati biex jipprevjenu u jsibu l-frodi huma parti minn dawk intenzjonati biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Din l-Istrateġija Kontra l-Frodi m'għandhiex għalhekk tirriżulta f'livell addizzjonali ta' kontrolli. Minkejja dan, huwa neċessarju li jiġi żgurat li s-sistemi ta' kontrolli interni fis-seħħ ikopru r-riskju tal-frodi b'mod adegwat. Filwaqt li l-qafas legali jipprovdi sett sħiħ ta' kundizzjonijiet biex jiżguraw ir-regolarità u l-legalità tal-proċeduri, humwa meħtieġ li jsir aktar titjib sabiex tiġi indirizzata b'mod sodisfaċenti l-vulnerabbiltà speċifika għall-frodi. Is-Servizzi ċentrali, u ċerti servizzi tal-ġestjoni, tal-Kummissjoni żviluppaw għodod ta' analiżi tar-riskju li huma adatti wkoll għar-riskji tal-ġestjoni tal-frodi, imma dawn iridu jiġu riveduti regolarment sabiex jindirizzaw aħjar dawn is-suġġetti.[33] Il-Kummissjoni se tippromwovi b'mod attiv il-ġestjoni tar-riskju tal-frodi u se tissorvelja r-riżultati prattiċi tal-miżuri tal-prevenzjoni tal-frodi li huma diġà fis-seħħ. L-istrateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni Ir-responsabbiltajiet tal-atturi jvarjaw u dan jiddependi fuq il-mod ta' ġestjoni u l-qasam ta' politika. Dan jirrikjedi strateġija mfassla apposta: strateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni jridu jitfasslu fuq bażi individwali b'xi fatturi komuni, u dan jiddependi fuq il-qasam ta' politika u s-Servizz tal-Kummissjoni konċernat. Soluzzjoni waħda u uniformi għal kulħadd ma tkunx l-aktar waħda effiċjenti. Fejn applikabbli, l-implimentazzjoni trid tkun bażata fuq strateġiji settorjali speċifiċi kontra l-frodi , li jridu jiġu adottati mis-Servizzi kollha li jimmaniġġjaw jew jissorveljaw il-fondi tal-UE. F'dak li għandu x'jaqsam mal- ġestjoni diretta , is-Servizzi tal-Kummissjoni responsabbli mill-politiki differenti huma primarjament responsabbli għall-prevenzjoni tal-frodi, għall-insegwiment finanzjarju ta' każijiet ta' frodi fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom u, fejn adatt u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-OLAF, għall-adozzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex tiġi evitata t-tkomplija tal-frodi jew tal-irregolaritajiet.[34] Fil-qasam tal- ġ estjoni maqsuma , l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għal implimentazzjoni ta' parti sinifikanti tal-baġit tal-UE (xi 80%).[35] Dan iġib sfidi speċifiċi għas-Servizzi tal-Kummissjoni konċernati f'relazzjoni mal-prevenzjoni u sejbien tal-frodi. F'relazzjoni mal-ġestjoni maqsuma, l-Istati Membri huma responsabbli fl-ewwel istanza għat-twaqqif ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll għal programmi operazzjonali li huma konformi mal-qafas regolatorju. L-Istati Membri huma obbligati li joperaw dawn is-sistemi b'mod effettiv biex jipprevjenu, jsibu u jikkoreġu l-irregolaritajiet, inkluż il-frodi. Il-Kummissjoni trid imbagħad tapplika l-proċeduri tal-approvazzjoni tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta' korrezzjoni finanzjarja li jippermettulha tassumi responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni maqsuma. Rigward ġestjoni indiretta, konġunta u deċentralizzata[36] u maqsuma, is-Servizzi tal-Kummissjoni jiddependu fuq sħab esterni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Strateġija kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni jkollha tirrispetta l-proporzjonalità u l-benefiċċju tal-ispiża tal-miżuri li jridu jiġu implimentati, fejn possibbli billi wieħed ikompli jibni fuq l-istrateġija eżistenti. Il-partikolaritajiet tal-ġestjoni mis-sħab esterni jvarjaw, u għalhekk is-Servizzi tal-Kummissjoni jridu jiddeterminaw kif ikun l-aħjar biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE f'kull qasam, filwaqt li wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-benefiċċju tal-ispiża. L-OLAF se jappoġġja s-Servizzi tal-Kummissjoni kif stabbilit fit-Taqsima 2.2.2. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se tipproponi jew tirrinforza l-leġiżlazzjoni, timmodifika ftehimiet jew tinnegozja bidliet meħtieġa mal-Istati Membri jew ma' sħab oħra esterni. Tali proposti se jagħtu kas ukoll tal-valutazzjonijiet relevanti ta' riskju ta' frodi u analiżijiet oħra. Liema elementi huma meħtieġa fl-istrateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni? Is-Servizzi tal-Kummissjoni se jaġġustaw is-sistemi u l-proċeduri tal-kontroll intern tagħhom b'mod koerenti, b'attenzjoni xierqa lill-prinċipju tal-proporzjonalità. L-istrateġiji settorjali għandhom jindirizzaw iċ-ċiklu sħiħ ta' kontra l-frodi, jiġifieri l-prevenzjoni u s-sejba, il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u s-Servizzi tal-Kummissjoni, l-irkupru u l-penalitajiet. Għandhom jaġġustaw dawn l-elementi għall-bżonnijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-settur tal-politika individwali, inkluż ir-riskju ta' frodi f'dak is-settur. L-istrateġiji settorjali eżistenti jistgħu jintużaw bħala bażi, awmentati jew supplimentati kif xieraq. Il-Kummissjoni tista' ddaħħal ukoll fis-seħħ strateġiji reġjonali li jkopru tipi speċifiċi ta' frodi. Eżempju ġdid tal-istrateġija orizzontali huwa l-Pjan ta' Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-alkoħol tul il-fruntieri tal-Lvant tal-UE, li jakkumpanja din l-Istrateġija bħala dokument ta' ħidma.[37] Il-Kummissjoni se tiżviluppa kooperazzjoni u sinerġiji mill-qrib u se tippromwovi wkoll l-istandards relevanti stabbiliti f'din l-Istrateġija Kontra l-Frodi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi s-SEAE, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi, inklużi l- impriżi konġunti . Ir-rwol tal-OLAF fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji Skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 l-OLAF 'għandu jikkontribwixxi lejn it-tfassil u l-iżvilupp ta' metodi tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.'[38] L-OLAF għandu jkun involut f'dan l-eżerċizzju fi stadju bikri. Filwaqt li l-prevenzjoni u s-sejba huma primarjament responsabbiltà ta' kull Kap ta' Servizz tal-Kummissjoni (kif adatt f'kull rwol maniġerjali), l-OLAF għandu rwol importanti matul il-proċess. OLAF se jkollu rwol proattiv u rinfurzat, li jassisti lis-Servizzi billi jipprovdi, inter alia, metodoloġija u gwida dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji settorjali kontra l-frodi. Bħalissa hemm biss skambju tal-aħjar prattiki bejn ċerti Servizzi tal-Kummissjoni li jimmaniġġjaw fondi tal-UE, imma dan ma jinvolvix is-Servizzi tal-Kummissjoni kollha. Il-grupp Bejn is-Servizzi ta' Korrispondenti Kontra l-Frodi se jiġi żviluppat f'Netwerk organizzat mill-OLAF għall-Prevenzjoni u s-Sejba tal-Frodi. Dan in-netwerk se jintuża bħala ċentru ta' tagħrif espert li jipprovdi appoġġ u pariri. Huwa se jxerred l-aħjar prattiki (pereżempju l-proġett tal-ġbir tad-dejta 'Pluto' msemmi hawn fuq) u valutazzjonijiet tar-riskju tal-frodi bażati fuq l-esperjenza operazzjonali tal-OLAF kif ukoll fuq l-informazzjoni relevanti mill-Istati Membri, pajjiżi li mhumiex tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali li jkollu l-OLAF. Dan in-netwerk għandu jgħin ukoll biex jiġu żviluppati u aġġornati regolarment l-istrateġiji settorjali adottati mis-Servizzi tal-Kummissjoni. L-OLAF jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri kontra l-frodi f'konformità mal-Artikolu 325(3) tat-TFUE u l-qafas regolatorju applikabbli[39]. L-azzjoni tal-Istati Membri hija appoġġjata b'konsultazzjoni regolari, notevolment fi ħdan il-Kumitat dwar il-koordinazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi (COCOLAF).[40] Dan il-Kumitat jista' jkollu aktar sottogruppi settorjali, biex tiġi żgurata l-preżenza tal-esperti għas-setturi ta' politika differenti. Dawn is-sottogruppi għandhom jistimulaw il-kooperazzjoni fost is-servizzi ta' kontra l-frodi tal-Istati Membri, u jinkoraġġuhom jaqsmu l-esperjenzi operazzjonali tagħhom u jqajmu kuxjenza dwar il-prattiki frodulenti misjuba fl-Istati Membri differenti. Dan jirrifletti r-rwol tal-OLAF, li huwa li jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' frodi u li jassisti b'mod attiv lis-Servizzi tal-Kummissjoni kollha biex jiżviluppaw politiki għall-prevenzjoni tal-frodi. Kontrolli sistematiċi u analiżi tar-riskju Skont kif ikun adatt f'kull rwol maniġerjali, is-Servizzi tal-Kummissjoni, bl-assistenza tal-OLAF, se jdaħħlu fis-seħħ sistemi li jagħtuhom ċertezza raġonevoli li jippermettulhom isibu irregolaritajiet ewlenin u frodi. B'mod partikolari, għandhom jinħolqu kundizzjonijiet għall-identifikazzjoni ta' operazzjonijiet jew operaturi suspettużi permezz tal-preżenza ta' indikaturi speċifiċi ('bnadar ħomor'). Is-Servizzi se jevalwaw il-bżonn li tittejjeb il- valutazzjoni tar-riskji billi jiġi żviluppat proċess aktar sistematiku u formali għall-identifikar tal-oqsma li fihom hemm riskju ta' frodi. B'mod parallel, billi jagħmlu użu mill-aktar effiċjeni tar-riżorsi eżistenti, għandhom jintroduċu kontrolli intelliġenti bl-użu tal-għodod tal-IT, adottati kif dovut għall-bżonnijiet tagħhom, li ġew żviluppati minn xi Servizzi b'kollaborazzjoni mal-OLAF[41]. Tali għodod jippermettu, pereżempju, il-ġbir ta' dejta eżistenti marbuta ma' proġetti finanzjati mill-UE li ngħalqu jew li għadhom għaddejjin. Dan huwa utli għal skopijiet ta' prevenzjoni tal-frodi, imma jista' jgħin biex jinstab ukoll plaġjariżmu u finanzjament doppju frodulenti. Dawn l-għodod se jkunu effettivi kompletament biss jekk is-sistemi ta' informazzjoni relevanti jkun fihom dejta kompleta, konsistenti u affidabbli dwar il-fondi tal-UE. Il-possibbiltà ta' analiżi tad-dejta għal skopijiet ta' prevenzjoni tal-frodi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu definiti l-kundizzjonijiet tan-negozju għal sistemi ġodda tal-IT. Il-Komunikazzjoni bejn is-Servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-riskji ta' frodi tista' tittejjeb. L-użu li jsir mis-Sistema ta' Twissija Bikrija (Early Warning System - EWS)[42] interna tal-Kummissjoni se jiġi rivedut sabiex din issir għodda tal-prevenzjoni tal-frodi aktar effettiva għall-ġestjoni diretta. Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ kundizzjonijiet għal skambju aktar estensiv tal-informazzjoni mal-partijiet interessati esterni via l-Bażi tad-Dejta Ċentrali għall-Esklużjoni ,[43] bażat fuq leġiżlazzjoni relevanti u r-rispett tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta. Il-monitoraġġ effettiv jista' jiġi mfixkel minn aċċess inadegwat għad-dokumenti u l-informazzjoni f'xi oqsma tal- ġestjoni konġunta li tinvolvi organizzazzjonijiet internazzjonali.[44] Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex ittejjeb l-istrumenti legali għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u biex tiżgura li dawn jiġu implimentati u applikati kif suppost. Dan jista' jinkludi li fil-ftehimiet u memoranda ta' ftehim internazzjonali, f'konformità mar-regolament eżistenti dwar l-investigazzjonijiet, jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni u dwar il-kooperazzjoni fuq livell operazzjonali, inklużi investigazzjonijiet konġunti. Trawwim ta' għarfien u taħriġ Il-Kummissjoni regolarment se żżid l-għarfien dwar frodi potenzjali fost il-persunal tagħha, b'mod partikolari l-maniġers tal-proġetti, il-persunal finanzjarju u l-awdituri, u l-persunal ippustjat fid-delegazzjonijiet tal-UE. Hija se taħdem mill-qrib mas-SEAE u ma' korpi oħra tal-UE biex tippromwovi din il-politika. Hija se xxerred informazzjoni dwar is-Sistema ta' Twissija Bikrija, dwar il- proċeduri għar-rappurtar tal-frodi u dwar miżuri biex jikkumbattu l-frodi. Dawn jinkludu l-limitar tal-impatt tal-frodi u l-irregolaritajiet billi tittieħed azzjoni adatta u fil-ħin biex ma jkomplux, u billi inizjalment ikun hemm iffokar fuq il-korpi u l-entitajiet l-aktar konċernati. L-informazzjoni mqassma għandha tinkludi informazzjoni dwar miżuri ta' kontra l-frodi u dwar l-OLAF. Il- persunal kollu li jaħdem fuq il-ġestjoni tal-proġetti u f'operazzjonijiet finanzjarji għandu responsabbiltà fil-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi u għandu jkun imħarreġ biżżejjed, inkluż f'materji ta' kontra l-frodi. L-OLAF se jipprovdi websajt interna dedikata tal-Kummissjoni kontra l-frodi bi gwida metodoloġika biex tgħin lis-servizzi u lill-aġenziji jiżviluppaw strateġiji kontra l-frodi, inkluż l-aqwa prattiki u tendenzi tal-frodi, u se tipprovdi l-għarfien tagħha għall-iżvilupp ta' programmi tat-taħriġ. In- Netwerk tal-Prevenzjoni u s-Sejba tal-Frodi tal-OLAF u, possibbilment, gruppi oħra eżistenti ta' esperti, se jikkontribwixxu biex iżidu l-kuxjenza u t-taħriġ. Il-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-OLAF, se tkompli wkoll tiskambja l-aqwa prattiki, tassisti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi esperti oħra fl-iżvilupp ta' politiki kontra l-korruzzjoni u kontra l-frodi, u tikkoopera magħhom. L-attivitajiet relatati ma' dan tal-aħħar se jiġu koordinati mal-mekkaniżmu ta' rappurtar kontra l-korruzzjoni tal-UE. Investigazzjonijiet Investigazzjonijiet tal-OLAF Il-Kummissjoni preżentat il-proposta emendata tagħha biex tirriforma lill-OLAF.[45] Din il-proposta tirrinforza l-effiċjenza tal-OLAF fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tagħha.[46] Il-proposta tipprovdi wkoll għal kooperazzjoni aħjar ma' awtoritajiet oħra. Hija tipprovdi drittijiet proċedurali speċifiċi u tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet individwali f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-fluss tal-informazzjoni bejn is-Servizzi tal-Kummissjoni u l-OLAF qabel, matul u wara l-investigazzjonijiet għandhom jippermettu lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri prekawzjonarji adatti, bħas-sospensjoni tal-għotjiet, kuntratti jew ħlasijiet u twaqqif ta' prattiki irregolari li jkunu qed isiru. Dan se jgħin ukoll lill-OLAF biex ikollu aċċess għall-informazzjoni relevanti kollha għall-fini tal-investigazzjonijiet tiegħu. Fejn l-investigazzjonijiet ikunu jinvolvu membri tal-persunal tal-Istituzzjonijiet tal-UE ('investigazzjonijiet interni'), kooperazzjoni intensiva bejn l-OLAF u servizzi oħra ta' investigazzjoni hija kundizzjoni essenzjali għas-suċċess. Tali kooperazzjoni għandha tkun rinfurzata kull meta jkun meħtieġ, b'mod partikolari bejn l-OLAF u s-servizzi l-oħra ta' investigazzjoni u spezzjoni tal-Istituzzjonijiet tal-UE. [47] Għall-modi kollha ta' ġestjoni, għandhom jiġu identifikati fi ħdan l-Istati Membri,[48] pajjiżi li mhumiex fl-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali, l-awtoritajiet tal-punt ta' kuntatt ċentrali. L-OLAF jista' mbagħad juża dawn il-punti ta' kuntatt bħala rabta diretta għal skopijiet ta' investigazzjoni, kif propost fil-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF. Fejn adatt, u għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, il- kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-awdituri esterni tas-Servizzi tal-Kummissjoni għandha tittejjeb aktar biex tapprofitta mill-għarfien espert rispettiv tagħhom. Għal dan il-għan, l-awdituri tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu parti fil-missjonijiet tal-OLAF u fl-ispezzjonijiet li jsiru fil-post. L-OLAF jippromwovi u jaqsam mal-Istati Membri l-esperjenza operazzjonali u l-aqwa prattiki tiegħu fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Huwa għandu jappoġġja miżuri konġunti kontra l-frodi li jieħdu l-Istati Membri.[49] Is-sħab għandhom jinfurmaw lill-OLAF dwar każijiet ta' frodi li jinstabu fi stadju bikri u jaġġornaw din l-informazzjoni hekk kif jiġi segwit il-każ, filwaqt li jiġi rispettat il-qafas legali applikabbli. Filwaqt li jżommu f'moħħhom il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, il-programmi tal-infiq u d-deċiżjonijiet, kuntratti u ftehimiet ta' għotjiet kollha relatati li huma finanzjati mill-UE jridu jiddikjaraw li l- OLAF għandu l- kompetenza li jinvestiga każijiet suspettati ta' frodi fi programmi u proġetti ffinanzjati mill-UE.[50] Il-klawsoli konċernati għandhom jagħtu r-responsabbiltà lill-kuntratturi u lill-benefiċjarji kollha tal-għotjiet u lill-persunal tagħhom li jagħtu lill-OLAF, fuq talba tiegħu, l-aċċess kollu għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti. Il-kuntratturi u l-benefiċjarji kollha tal-għotjiet għandhom ikunu obbligati jinkludu fil-kuntratti ffirmati mas-sottokuntratturi tagħhom il-klawsoli meħtieġa li jagħtu lill-OLAF l-istess drittijiet ta' aċċess f'relazzjoni mas-sottokuntratturi kollha. Informaturi u whistleblowers Il-qafas għar-rappurtar ta' suspett ta' frodi u korruzzjoni u għall- protezzjoni tal-informaturi kollha li jaġġixu bona fide huwa importanti għas-sejba tal-frodi. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli tal-whistleblowing għall-persunal tal-UE.[51] Il-partijiet l-oħra kollha (l-informaturi) għandu jkollhom aċċess faċli għall-awtoritajiet tal-investigazzjoni, bħall-OLAF.[52] Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif il-whistleblowers jistgħu jirċievu gwida u protezzjoni aħjar mill-awtoritajiet konċernati, u kif jistgħu jinkoraġġixxu lill-informaturi aktar biex jikkomunikaw l-irregolaritajiet, il-frodi u l-korruzzjoni (pereżempju miżuri biex jimmotivaw lill-informaturi u biex jinkoraġġixxu l-kxif volontarju). Sanzjonijiet Il-Kummissjoni se tirranġa u tirrinforza l-użu tal- penalitajiet finanzjarji u/jew amministrattivi , inkluża esklużjoni mill-finanzjament tal-UE fil-każ ta' irregolaritajiet, frodi u korruzzjoni serji. Meta tiddeċiedi liema penalitajiet għandhom jiġu imposti fuq entitajiet legali, għandu jingħata kas tal-miżuri li dawn l-entitajiet ikunu ħadu kontra persuni responsabbli mill-frodi u l-korruzzjoni. Dawn il-penalitajiet għandhom jirċievu l-pubbliċità xierqa, f'konformità mal-qafas legali eżistenti. L-Istati Membri huma obbligati li jirrappurtaw ċerti każijiet ta' frodi kontra l-baġit tal-UE li jistgħu jipprovdu bażi għall-esklużjoni tal-benefiċjarji minn aktar finanzjament tal-UE.[53] Madanakollu, m'għandhom ebda obbligu milli jżommu din l-informazzjoni f'sistema ċentralizzata li tgħaddi l-informazzjoni lil awtorità responsabbli unika, u b'hekk is-sistema ssir aktar effettiva. Il-Kummissjoni għalhekk se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw linjigwida għall-awtoritajiet fuq livell nazzjonali biex jiżguraw li n-notifiki jiġu komunikati sewwa lill-Bażi tad-Dejta Ċentrali għall-Esklużjoni (CED) tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi azzjoni fi ħdan l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-korpi tal-UE biex tqajjem kuxjenza dwar is-CED. Biex jiġi żgurat livell ugwali madwar l-UE,[54] il-Kummissjoni se tevalwa jekk il-penalitajiet finanzjarji u/jew amministrattivi applikati mill-Istati Membri taħt ir-regoli nazzjonali humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi biżżejjed. Hija se tħejji wkoll inizjattivi leġiżlattivi relevanti, b'mod partikolari fil-qasam doganali kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma.[55] Biex iżżid l-effett ta' deterrent ta' sanzjonijiet dixxiplinarji , ir-riżultat tal-proċedimenti dixxiplinarji għandhom jiġu komunikati b'mod aktar effettiv, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-persuni konċernati u l-protezzjoni tad-dejta. L-informazzjoni dwar persunal sanzjonat għandha tinżamm u tinqasam ma' awtoritajiet oħra skont il-bżonn għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-frodi, f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta u soġġetti għal salvagwardji speċifiċi adatti.[56] L-Irkupru Fil-każ ta' ġestjoni maqsuma, l-Istati Membri huma fil-prim' istanza responsabbli mill-investigazzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi u għall-irkupru ta' fondi mħallsa b'mod żbaljat, inkluż bħala insegwiment tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.[57] Fil-każ ta' ġestjoni diretta, is-Servizzi tal-Kummissjoni għandhom mingħajr dewmien joħorġu ordnijiet ta' irkupru bħala insegwiment tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Huwa importanti li l-informazzjoni dwar dawn l-irkupri tiġi mgħoddija lura b'mod sistematiku lill-attivitajiet operazzjonali tal-OLAF. Il-Kummissjoni se ttejjeb aktar il-kompletezza, il-kwalità u l-preżentazzjoni tad-dejta dwar l-irkupri fir-rapport tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.[58] Strumenti oħra orizzontali għall-prevenzjoni tal-frodi Standards leġiżlattivi internazzjonali Il-Kummissjoni se tiżgura li jiġu implimentati kif dovut il- konvenzjonijiet internazzjonali u l-istandards relatati mal-politiki kontra l-frodi, b'iffokar partikolari fuq il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (il-UNCAC), l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa (il-GRECO) u r-rakkomandazzjonijiet u l-istandards tal-OECD u l-G20.[59] Etika u integrità Il-Kummissjoni hija mgħammra b'sistema komprensiva ta' regoli dwar l-etika u l-integrità għall-persunal[60] kif ukoll għall-Membri tal-Kummissjoni.[61] Dawn ir-regoli ġew riveduti reċentement. Il-Kummissjoni tipprovdi taħriġ lil dawk kollha li jibdew jaħdmu magħha, u huma disponibbli wkoll korsijiet ta' aġġornament. Il-Kummissjoni se tiżgura li r-regoli u l-valuri etiċi tas-servizz pubbliku tal-UE jiġu komunikati sewwa u regolarment mill-ogħla livelli lill-persunal kollu tagħha u li jiġi provdut taħriġ adatt. Il-Kummissjoni trid tiżgura li, fil-politiki tagħha dwar il-persunal u r-reklutaġġ, ikun hemm fis-seħħ biżżejjed miżuri effiċjenti għall-prevenzjoni tal-frodi. Dawn għandhom jinkludu verifiki effettivi dwar il-passat ta' kandidat. Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni It-trasparenza tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għas-sejbien tal-frodi. Biex jiġi żgurat li l-finanzi tal-UE jiġu ġestiti b'mod trasparenti, u soġġett għall-kundizzjonijiet legali applikabbli, iċ-ċittadini għandhom igawdu aċċess għall-informazzjoni relevanti. Wara l-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza,[62] , il-Kummissjoni introduċiet ukoll reġim volontarju għal aktar trasparenza fir-rappreżentanza tal-interessi fil-livell tal-UE. Twaqqaf reġistru u ġie żviluppat kodiċi tal-kondotta. Fit-23 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni ffirmat ftehim interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew dwar reġistru komuni.[63] Appalti u għotjiet Bħalissa l-Kummissjoni qed tirrevedi d-direttivi tal-appalti tal-UE.[64] Din għandha tissimplifika u żżid it-trasparenza tal-proċeduri tal-appalti fil-livelli kollha, tal-UE u l-Istati Membri. Fil-kuntest tar-riforma, il-Kummissjoni se teżamina mezzi ta' prevenzjoni addizzjonali possibbli ta' komportament frodulenti u kunflitti tal-interess fid-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll li tipproponi regoli fir-rigward tal-għoti ta' konċessjonijiet ta' servizz, li jistgħu jinvolvu l-użu tal-fondi tal-UE fi sħubiji pubbliċi privati, u li llum mhumiex koperti b'rekwiżit ċar dwar it-trasparenza. Entitajiet li jirċievu fondi tal-UE għandhom ikunu kapaċi juru, fuq talba, sjieda trasparenti . L-entitajiet kollha fl-istruttura tas-sjieda għandhom ikunu verifikabbli mill-awtoritajiet fuq bażi ta' bżonn ta' tagħrif. Dan japplika wkoll għas-sħab f'konsorzju u għal partijiet terzi li jirċievu appoġġ finanzjarju meta tiġi implimentata għotja. MONITORAġġ TA' IMPLIMENTAZZJONI U RAPPURTAR DWARHA Ir-referenza għall-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Kontra l-Frodi għandha tkun integrata fiċ-ċiklu ta' Programm u Pjanar Strateġiku eżistenti tal-Kummissjoni, li jipprovdi sett sħiħ ta' mekkaniżmi għall-ippjanar, monitoraġġ u rappurtar. L-istrateġiji kontra l-frodi ma jeħtiġux livelli addizzjonali ta' piżijiet amministrattivi u ta' kontroll, imma jridu jiġu integrati tajjeb fil-mekkaniżmi eżistenti ta' pjanar, kontroll u rappurtar. Fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni, il-Pjanijiet ta' Ġestjoni Annwali huma użati għall-attivitajiet ta' pjanar u monitoraġġ; għandhom jinkludu wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom kontra l-frodi. Ir-Rapport Annwali tal-Attività huwa l-għodda ta' rappurtar li tispjega dak li kull servizz ikun kiseb matul dik is-sena, inkluż dwar kif tejjeb is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tiegħu u l-ġestjoni finanzjarja, inklużi kwistjonijiet kontra l-frodi. Ir-Rapporti Annwali tal-Attività [65] għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi bħala parti mill-valutazzjoni tas-sistemi interni ta' kontroll tagħhom , li tirrifletti l-implimentazzjoni tal-istrateġija settorjali u miżuri li jiddeskrivu tnaqqis tar-riskji tal-frodi.[66] Għandhom jinkludu wkoll aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji settorjali kontra l-frodi. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Kontra l-Frodi u se tibda mir-rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Dawn l-arranġamenti se jiżguraw li l-miżuri kontra l-frodi jibqgħu fuq nett tal-aġenda tal-Kummissjoni u se jenfasizzaw ir-relevanza tagħhom għall-proċedura ta' rilaxx. [1] Id-definizzjoni ta' frodi tinsab fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316 , 27/11/1995, p. 49). [2] Referenzi għas-Servizzi tal-Kummissjoni jkopru d-Direttorati Ġenerali u s-Servizzi tal-Kummissjoni kollha kif ukoll l-aġenziji eżekuttivi. [3] Uffiċjali Awtorizzanti permezz ta' Delegazzjoni skont it-tifsira tat-TFUE (l-Artikolu 322) u r-Regolament Finanzjarju (Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).). [4] Ara l-Artikoli 28 u l-Artikolu 28a tar-Regolament Finanzjarju. [5] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Prevenzjoni tal-frodi bil-bini ta' riżultati operazzjonali: strateġija dinamika biex ma jkunx hemm frodi (COM(2007)806 finali). [6] Irregolarità hija kull ksur ta' dispożizzjoni tal-UE minn operatur ekonomiku li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-UE, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995). [7] Eżempju: ir-Rapporti dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi - Rapporti Annwali 2008 (2009/2167(INI)) and 2009 (2010/2247(INI)). [8] Ara, pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill rigward politika komprensiva tal-UE kontra l-korruzzjoni – 14 ta' April 2005; il-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku organizzat mill-Presidenza Spanjola (l-ewwel nofs tal-2010), u d-dikjarazzjoni tal-Presidenza Belġjana (it-tieni nofs tal-2010) dwar il-Programm ta' Stokkolma. [9] L-Opinjoni Nru 1/2010 tal-Qorti tal-Awdituri –It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE: Riskji u sfidi, ĠU C35, 12.2.2010, p. 4; Rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sena finanzjarja 2009, ĠU C 303, 9.11.2010, p. 10, 11, 26. [10] Ara pereżempju EUCO 2/1/11 REV1, 8 ta' Marzu 2011 "huwa kruċjali għall-istrumenti tal-UE mmirati biex irawmu r-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni li jiġu simplifikati biex ikun aktar faċli li jintużaw mill-aqwa xjentisti u mill-kumpaniji l-aktar innovattivi, b'mod partikolari billi jsir qbil bejn l-istituzzjonijiet relevanti ta' bilanċ ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll u bejn it-teħid tar-riskji u l-evitar tar-riskji") [11] Reżoluzzjoni tal-PE tal-11 ta' Novembru 2010 P7 TA(2010)0401 - (li tissottolinea r-regoli kumplessi u li jieħdu ħafna ħin dwar il-parteċipazzjoni tal-gvern, spejjeż għolja tal-persunal u burokrazija) [12] ĠU 4.5.2010, C 115, p.1 [13] COM(2011) 135 finali [14] Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea mil-liġi kriminali u investigazzjonijiet amministrattivi: Politika integrata biex tissalvagwardja l-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa, COM(2011)293 finali. [15] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE (COM(2011 308 finali). [16] http://ec.europa.eu/atwork/programmes/index_en.htm. [17] COM(2010) 2020. [18] COM(2010) 700. [19] COM(2000) 358 finali [20] COM(2001)254 finali; COM(2004) 544 finali [21] Ara COM(2006)378, p.5-12 għal aktar dettalji (valutazzjoni tal-istrateġija għas-snin 2000-2005). [22] COM(2007) 806 finali [23] C(2007)5709. [24] COM(2010)382, p.6. Din iċ-ċifra tirreferi għal stadju bikri, wara l-ftuħ ta' investigazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet, fejn ikun hemm suspett inizjali ta' reat kriminali. [25] SEC(2007) 530. [26] B'mod partikolari, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (l-ERDF), il-Fond Soċjali Ewropew (l-FSE) u l-Istrument Finanzjarju ta' Gwida dwar is-Sajd (l-FIFG). [27] Rapport Annwali tal-OLAF 2010, p.30. [28] Dan l-iżvilupp huwa partikolarment immirat biex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni għall-iskambju tal-informazzjoni ffissata mit-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja (FATF) fir-Rakkomandazzjoni IX dwar dawk li jġorru l-flus, li hija implimentata mill-UE bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar kontrolli ta' flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9-12). [29] Ara l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament Finanzjarju (il-prinċipju tat-trasparenza). [30] Il-frodi huwa kwalifikazzjoni tal-liġi penali mogħtija minn imħallef. Fil-kuntest ta' din il-komunikazzjoni, is-sejba tal-frodi u l-irregolaritajiet tirreferi għas-sejba ta' fatti jew ċirkostanzi suspettużi ferm li jindikaw irregolaritajiet u għalhekk potenzjal ta' frodi (pereżempju minn persunal tal-finanzi jew minn awdituri) li jeħtieġ li jiġu trażmessi lill-OLAF bil-għan li jinvestigahom . [31] L-Artikolu 28a tar-Regolament Finanzjarju. [32] L-Artikolu 60(4) flimkien mal-Artikolu 48 tar-Regoli Implimentattivi tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1-71). [33] Ara l-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni 'Lejn ġestjoni tar-riskji effikaċi u koerenti fis-servizzi tal-Kummissjoni' SEC(2005)1327). [34] F'ġestjoni diretta, taħt l-Artikolu 53a tar-Regolament Finanzjarju, il-ħidmiet ta' implimentazzjoni jridu jitwettqu direttament mis-Servizzi tal-Kummissjoni jew mid-Delegazzjonijiet tal-UE. [35] Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju. [36] L-Artikoli 54, 53, 56 u 163 tar-Regolament Finanzjarju. [37] SEC (2011)791 [38] L-Artikolu 1; fil-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135 din il-parti ġiet adattata ftit u issa l-OLAF irid jikkontribwixxi lejn it-tfassil u l-iżvilupp ta' metodi ta' prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. [39] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri ( ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, l-Artikolu 1 ( ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1). [40] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE, ĠU L 61, 4.3.1994, p. 27. [41] Bħall-proġett għall-estrazzjoni tad-dejta 'Pluto' msemmi taħt it-Taqsima 1, żviluppat mis-Servizzi involuti fl-iffinanzjar tal-riċerka u fl-OLAF. [42] Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3872 tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi ĠU L 344, 20.12.2008, p.125. [43] L-Artikolu 95 tar-Regolament Finanzjarju. [44] L-Opinjoni tal-ECA Nru 1/2010 - It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE: riskji u sfidi, ĠU C35, 12.2.2010, punt 14. [45] COM(2011) 135. [46] Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tissottolinea wkoll il-bżonn li tittejjeb l-effiċjenza. Ara r-Rapport Speċjali Nru 2/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 'Segwitu tar-Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi'. [47] Il-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135) tipprevedi għalhekk li l-OLAF jagħti prijorità lix-xogħol investigattiv tiegħu, ara l-Artikolu 5(1) u l-Memorandum ta' Spjegazzjoni, p.4. [48] L-Artikolu 3 tal-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135 jipprovdi għal dan. Ara wkoll il-Memorandum ta' Spjegazzjoni, p.4. [49] Skont l-Artikolu 1 tal-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135), l-OLAF għandu 'jagħti fuq bażi volontarja l-appoġġ tiegħu għal azzjonijiet konġunti kontra l-frodi minn Stati Membri'. [50] F'dan il-kuntest ara SEC(2007)1676 dwar attivitajiet ta' prekawzjoni kontra l-frodi fir-rigward ta' programmi ta' infiq taħt il-Perspettivi Finanzjarji 2001-2006. [51] Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 22a u 22b (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385). [52] Pereżempju, Is-Sistema għan-Notifika tal-Frodi (FNS) tista' tintuża għal rappurtar kunfidenzjali: https://fns.olaf.europa.eu/. [53] L-Artikolu 95(2) tar-Regolament Finanzjarju. [54] Ara l-inizjattivi relevanti, li huma kkunsidrati fil-Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE mil-liġi kriminali u mill-investigazzjonijiet amministrattivi, COM(2011)293. [55] COM(2010)171, p.22. [56] Ara l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. [57] L-Artikolu 53b(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju [58] http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/anti-fraud_en.html. [59] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE' (COM(2011)308), p. 9-10. [60] Regolamenti tal-Persunal (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385), Kodiċi ta' Imġieba Amministrattiva Tajba (ĠU L 267, 20.10.2000), il-Gwida Prattika għall-Etika u l-Kondotta tal-Persunal u regoli speċifiċi oħra. [61] Kodiċi tal-Kondotta għall-Kummissarji (C(2011)2904): http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/pdf/code_conduct_en.pdf). [62] SEC(2005)1300 u SEC(2005)1301. [63] http://ec.europa.eu/transparency/index_en.htm. [64] Green Paper dwar il-modernizzazzjoni tal-politika tal-appalti pubbliċi tal-UE (COM(2011)15). [65] Dawn ir-rapporti huma pubblikati fil-websajt tal-UE: http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/index_en.htm. [66] Għal rappurtar ġenerali dwar din l-Istrateġija Kontra l-Frodi ara t-Taqsima 3.